SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
6 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali – Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Regolament (UE) Nru 1303/2013 – Punt 10 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘benefiċjarju’ – Korrezzjoni finanzjarja għal ksur ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi – Destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja – Determinazzjoni tar-responsabbiltà relatata ma’ din il-korrezzjoni u tqassim kuntrattwali ta’ din ir-responsabbiltà bejn il-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat u l-ġestjonarju tagħha – Parteċipazzjoni fil-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji relatati ma’ din id-deċiżjoni – Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawżi magħquda C‑471/23 u C‑477/23,
li għandha bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑13 ta’ Lulju 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Lulju 2023, fil-proċeduri
Obshtina Veliko Tarnovo (C‑471/23),
Obshtina Belovo (C‑477/23)
vs
Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014‑2020 (C‑471/23),
Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Оkolna sreda” 2014‑2020 (C‑477/23),
fil-preżenza ta’:
Varhovna administrativna prokuratura,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Jääskinen, il-President tad-Disa’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, M. Gavalec (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Obshtina Belovo, minn A. A. Kecheva, |
|
– |
għar-Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Оkolna sreda” 2014‑2020, minn G. Simeonova, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Drambozova, C. Ehrbar u J. Hradil, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-punti 10, 36 u 37 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifika fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6 u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1303/2013”), kif ukoll tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, fl-ewwel waħda, l-Obshtina Veliko Tarnovo (il-Komun ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija) u r-Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014‑2020 (il-Kap tal-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm Operazzjonali “Reġjuni li Qegħdin Jiżviluppaw” 2014‑2020) (C‑471/23) u, fit-tieni waħda, l-Obshtina Belovo (il-Komun ta’ Belovo, il-Bulgarija) u r-Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Okolna sreda” 2014‑2020 (il-Kap tal-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm Operazzjonali “Ambjent” 2014‑2020) (C‑477/23) dwar il-modalitajiet ta’ adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ korrezzjoni finanzjarja wara irregolaritajiet ikkonstatati waqt l-implimentazzjoni ta’ proġetti kofinanzjati mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament (KE) Nru 1370/2007
|
3 |
Skont il-premessi 5, 33 u 36 tar-Regolament Nru 1370/2007 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat‑trasport tal‑passiġġieri bil‑ferrovija u bit‑triq u li jħassar ir‑Regolamenti tal‑Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1):
[…]
[…]
|
Ir‑Regolament Nru 1303/2013
|
4 |
Skont il-premessi 65 u 66 tar-Regolament Nru 1303/2013:
|
|
5 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”, huwa fformulat kif ġej: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli komuni applikabbli għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), li joperaw fl-ambitu ta’ qafas komuni (‘il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej’ – ‘Fondi [SIE]’). […] […]” |
|
6 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi li: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 143 tar-Regolament Nru 1303/2013, intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri”, jgħid li: “1. L-Istati Membri għandhom qabel xejn jerfgħu r-responsabilità biex jinvestigaw l-irregolaritajiet, u biex jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa u jsegwu l-irkupri. F’każ ta’ irregolarità sistematika, l-Istat Membru għandu jestendi l-investigazzjoni tiegħu b’mod li jkopri l-operazzjonijiet kollha li jistgħu jkunu milquta. 2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa b’konnessjoni mal-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operazzjonali. Il-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jikkonsistu fil-kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew ta’ parti minnha f’operazzjoni jew fil-programm operazzjonali. L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju li jġarrbu l-Fondi jew il-FEMS u għandu japplika korrezzjoni proporzjonata. Il-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu rreġistrati fil-kontijiet għas-sena ta’ kontabilità li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar il-kanċellazzjoni. […]” |
Id‑dritt Bulgaru
Iż‑ZUSEFSU
|
8 |
Skont l-Artikolu 70 taż-Zakon za upravlenie na sredstvata ot evropeyskite fondove pri spodeleno upravlenie (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Fondi Ewropej taħt Ġestjoni Kondiviża, DV Nru 101, tat‑22 ta’ Diċembru 2015, li t-titolu tiegħu qabel l-emenda ppubblikata fid-DV Nru 51 tal‑2022, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2022, kien ifformulat kif ġej: Zakon za upravlenie na sredstvata ot evropeyskite strukturni i investitsionni fondove (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej – ZUSESIF)), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZUSEFSU”): “(1) L-appoġġ finanzjarju mir-riżorsi tal-Fondi SIE jista’ jitneħħa kompletament jew parzjalment billi ssir korrezzjoni finanzjarja għar-raġunijiet li ġejjin: […]
[…] (2) Il-każijiet ta’ irregolarità li jagħtu lok għall-korrezzjonijiet finanzjarji msemmija fil-punt 9 tal-paragrafu 1 għandhom jiġu indikati f’att normattiv tal-Kunsill tal-Ministri.” |
|
9 |
L-Artikolu 73(1) taż-ZUSEFSU huwa fformulat kif ġej: “Il-korrezzjoni finanzjarja għandha tiġi ddeterminata, fir-rigward tal-bażi u tal-ammont tagħha, permezz ta’ deċiżjoni motivata tal-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni li jkun approva il-proġett.” |
Il‑Liġi dwar il‑Kuntratti Pubbliċi
|
10 |
Skont l-Artikolu 2(2) taż-Zakon za obshtestvenite porachki (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, DV Nru 13, tas‑16 ta’ Frar 2016), waqt l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, l-awtoritajiet kontraenti ma humiex awtorizzati jirrestrinġu l-kompetizzjoni billi jinkludu kundizzjonijiet jew rekwiżiti li jagħtu vantaġġ mhux iġġustifikat jew jirrestrinġu indebitament il-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi fil-kuntratti pubbliċi u li ma humiex konformi mal-għan, mal-valur, mal-kumplessità, mal-kwantità jew mal-portata tal-kuntratt pubbliku. |
Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari
Il‑Kawża C‑471/23
|
11 |
Wara proċedura ta’ għoti li taqa’ fil-kuntest tal-programm operazzjonali “Reġjuni li qegħdin jiżviluppaw” 2014‑2020, li jagħmel parti mill-Ftehim ta’ Sħubija tar-Repubblika tal-Bulgarija għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2014‑2020, is-sussidju “Implimentazzjoni ta’ pjanijiet integrati ta’ rkupru u ta’ żvilupp urban 2014‑2020” ingħata direttament lill-Komun ta’ Veliko Tarnovo. |
|
12 |
Fl‑24 ta’ Awwissu 2018, dan il-komun ikkonkluda ftehim ta’ sħubija ma’ “Organizatsia na dvizhenieto, parkingi i garazhi” EOOD (l-Organu tat-Traffiku, tal-Parkeġġi u tal-Garaxxijiet, iktar ’il quddiem il-“kumpannija komunali”). Dan il-ftehim ta’ sħubija jipprevedi li l-imsemmi komun u l-kumpannija komunali jissejħu rispettivament “sieħeb ewlieni” u “sieħeb” fil-proġett “Trasport urban integrat tal-belt ta’ Veliko Tarnovo” fil-kuntest ta’ dan il-programm operazzjonali. |
|
13 |
Skont l-imsemmi ftehim ta’ sħubija, is-sieħeb ewlieni u s-sieħeb huma obbligati, f’każ ta’ approvazzjoni ta’ dan il-proġett, li jikkonkludu kuntratt amministrattiv. Is-sieħeb, jiġifieri, f’dan il-każ, il-kumpannija komunali, huwa obbligat iwettaq, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kontraenti, proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, konformement mal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li għandha bħala suġġett il-provvista ta’ vetturi ferrovjarji. L-istess ftehim jistipula, barra minn hekk, li, jekk, matul din il-proċedura, jitwettaq ksur li jiġġustifika li ssir korrezzjoni finanzjarja, ir-riżorsi kkonċernati minn din il-korrezzjoni huma, sal-ammont tagħha, ir-responsabbiltà tal-awtorità kontraenti, li hija parti fil-kuntratt li ta lok għall-imsemmija korrezzjoni. |
|
14 |
Fid‑19 ta’ Lulju 2019, il-komun ta’ Veliko Tarnovo, bħala benefiċjarju tas-sussidju “Implimentazzjoni ta’ pjanijiet integrati ta’ rkupru u ta’ żvilupp urban 2014‑2020”, ikkonkluda kuntratt amministrattiv mal-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operazzjonali “Reġjuni li qegħdin jiżviluppaw” 2014‑2020 għall-implimentazzjoni tal-proposta tal-imsemmi proġett, ta’ valur totali ta’ 11133 732.51 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 5700000), fosthom l-imsemmi sussidju fl-ammont ta’ BGN 10409 573.31 (madwar EUR 5300000) u kontribuzzjoni tal-benefiċjarju stess ta’ BGN 724 159.20 (madwar EUR 370000). |
|
15 |
Dan il-kuntratt amministrattiv jistipula li parti mill-ammont tas-sussidju inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur l-operatur ta’ servizz pubbliku tat-trasport ta’ passiġġieri fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku, skont ir-Regolament Nru 1370/2007. L-amministratur ta’ din l-għajnuna huwa l-Komun ta’ Veliko Tarnovo, li huwa obbligat jiggarantixxi l-eżekuzzjoni tal-iskema applikabbli konformement mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan ir-regolament, inkluż l-istabbiliment u l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi adegwati ta’ kontroll tal-osservanza tagħhom. |
|
16 |
Konformement mal-kundizzjonijiet ġenerali tal-imsemmi kuntratt amministrattiv, il-benefiċjarju huwa responsabbli, fir-rigward tal-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operazzjonali “Reġjuni li qegħdin jiżviluppaw” 2014‑2020, għall-atti tal-imsieħba u tal-kontraenti esterni fl-eżekuzzjoni tal-proġett ikkonċernat u jassumi “f’ismu stess ir-riskji kollha, inkluż l-infiq ineliġibbli u l-korrezzjonijiet finanzjarji imposti fuq is-sussidju tal-baġit tal-proġett”. |
|
17 |
Wara li bdiet proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku fil-kwalità tagħha ta’ operatur ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u ta’ persuna identifikata bħala dik li tirċievi għajnuna mill-Istat mir-riżorsi tal-Fondi SIE, il-kumpannija komunali, fil‑31 ta’ Marzu 2020, ikkonkludiet mal-offerent rebbieħ “Excelor-Alfa” DZZD kuntratt pubbliku li kellu bħala suġġett il-provvista ta’ tliet karozzi tal-linja elettriċi. |
|
18 |
Wara senjalazzjoni ta’ irregolarità, fil‑11 ta’ Mejju 2022, l-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operazzjonali “Reġjuni li qegħdin jiżviluppaw” 2014‑2020 adottat deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fir-rigward tal-Komun ta’ Veliko Tarnovo (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja tal‑11 ta’ Mejju 2022”) minħabba irregolarità, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 70(1) taż-ZUSEFSU, mwettqa mill-kumpannija komunali. Din il-korrezzjoni finanzjarja kienet tammonta għal 25 % tar-riżorsi eliġibbli għal finanzjament mill-Fondi SIE abbażi ta’ dan il-kuntratt pubbliku. |
|
19 |
Il-Komun ta’ Veliko Tarnovo ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija). |
|
20 |
Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Novembru 2022, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors minħabba li dan il-komun kien l-uniku benefiċjarju tas-sussidju inkwistjoni sa fejn huwa kien parti fil-kuntratt amministrattiv imsemmi fil-punt 14 ta’ din is-sentenza u li, fil-kwalità tiegħu ta’ parti f’dan il-kuntratt, l-imsemmi komun seta’ leġittimament jitqies bħala d-destinatarju tal-att amministrattiv li jistabbilixxi l-korrezzjoni finanzjarja kkonċernata. L-imsemmija qorti rrilevat ukoll li l-fatt li l-istess komun, fil-kwalità tiegħu ta’ benefiċjarju ta’ dan is-sussidju, ikkonkluda ftehimiet ta’ sħubija għal ċerti attivitajiet ma jeżentahx mir-responsabbiltà tiegħu bħala parti fl-imsemmi kuntratt li għandha relazzjoni diretta mal-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operazzjonali “Reġjuni li qegħdin jiżviluppaw” 2014‑2020. Fl-aħħar nett, l-istess qorti kkonstatat li l-klawżola dwar ir-responsabbiltà għal ksur u għal riskji, inkluż għal korrezzjonijiet finanzjarji, kienet ta’ natura regressiva fis-sens li kienet intiża li tiddetermina, fir-relazzjonijiet interni bejn l-imsieħba, min kien responsabbli għal tali korrezzjonijiet. |
|
21 |
Il-Komun ta’ Veliko Tarnovo ppreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
22 |
Skont din il-qorti, qabelxejn, sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk il-Komun ta’ Veliko Tarnovo huwiex l-uniku benefiċjarju tas-sussidju inkwistjoni u jekk huwa wettaqx, f’din il-kwalità, ksur tad-dritt Bulgaru li ta lok għal korrezzjoni finanzjarja, hemm lok li jiġi interpretat il-kunċett ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013. |
|
23 |
Sussegwentement, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Komun ta’ Veliko Tarnovo jistax jitqies li huwa d-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja tal‑11 ta’ Mejju 2022 minħabba irregolarità, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, imwettqa mill-kumpannija komunali, u li għalhekk għandu jassumi r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku mibdija minn din il-kumpannija, filwaqt li dan il-komun ma jużax ir-riżorsi li joriġinaw minn Fondi SIE abbażi tal-kuntratt pubbliku konkluż wara din il-proċedura. |
|
24 |
Fl-aħħar nett, jekk jiġi stabbilit li l-kumpannija komunali hija l-benefiċjarja tas-sussidju li kien is-suġġett ta’ din il-korrezzjoni finanzjarja, fil-kwalità tagħha ta’ persuna li rċeviet dan is-sussidju kif ukoll ta’ organu pubbliku responsabbli għat-tnedija u għall-eżekuzzjoni tal-operazzjoni speċifika ta’ akkwist ta’ vetturi ferrovjarji, tqum ukoll il-kwistjoni għaliex id-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ determinazzjoni tal-imsemmija korrezzjoni finanzjarja ma ġiex iggarantit lilha u jekk hija kellhiex tkun tista’ tintervjeni bħala parti fil-proċedura ta’ annullament tagħha quddiem l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo). |
|
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il‑Kawża C‑477/23
|
26 |
Il-Kawża C‑477/23 tikkonċerna l-użu ta’ Fondi SIE għall-perijodu 2014‑2020 fil-kuntest ta’ “proċedura kkombinata għad-disinn u għall-bini ta’ impjanti ta’ kkompostjar u ta’ impjanti ta’ trattament minn qabel tal-iskart domestiku”, li l-għan tagħha huwa li tnaqqas il-kwantità ta’ skart tal-landfill billi tipprovdi kapaċitajiet addizzjonali għat-trattament minn qabel tal-iskart imħallat kif ukoll għall-ġbir separat u għar-riċiklaġġ permezz tal-ikkompostjar ta’ skart veġetali u/jew bijodegradabbli. |
|
27 |
Fil-kuntest tal-proċedura intiża sabiex jinkiseb sussidju dirett, għar-reġjun ta’ Pazardzhik (il-Bulgarija), diversi komuni, inklużi b’mod partikolari dawk ta’ Pazardzhik u ta’ Belovo, ħejjew proposta ta’ proġett komuni għall-għoti ta’ tali sussidju. Il-komuni kkonċernati kellhom jiffirmaw kuntratt amministrattiv dwar l-għoti ta’ sussidju fil-kuntest tal-programm operazzjonali “Ambjent” 2014‑2020. Dan il-kuntratt jistipula li l-komuni li huma partijiet fih għandhom jinnominaw lill-Komun ta’ Pazardzhik bħala l-“komun ewlieni”. Barra minn hekk, l-imsemmi kuntratt jipprevedi li l-komuni kollha koperti minnu huma benefiċjarji, minkejja l-fatt li maġenb l-isem ta’ kull wieħed minn dawn il-komuni hemm ukoll imniżżel il-kwalità tagħhom ta’ “sieħeb”. |
|
28 |
Mill-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-proġett approvat fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li jagħmlu parti integrali mill-kuntratt amministrattiv imsemmi fil-punt preċedenti, jirriżulta li l-Komun ta’ Pazardzhik, bħala “komun ewlieni”, huwa responsabbli għall-ġestjoni ta’ dan il-proġett u għandu s-setgħa li jirċievi fuq il-kont bankarju tiegħu fondi kkonċernati u li jqassamhom lill-komuni msieħba, filwaqt li dawn tal-aħħar jipparteċipaw flimkien mal-komun ewlieni fil-preparazzjoni kif ukoll fl-implimentazzjoni teknika u finanzjarja tal-imsemmi proġett. F’dan il-kuntest, il-Komun ta’ Belovo kien obbligat iwettaq u jagħti l-kuntratt pubbliku dwar id-disinn, is-superviżjoni bħala awtur, il-bini, il-kunsinna u t-twettiq ta’ impjant ta’ kkompostjar ta’ skart veġetali u/jew bijodegradabbli miġbur separatament, b’kapaċità ta’ 2000 tunnellata fis-sena. |
|
29 |
Fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt pubbliku, il-Komun ta’ Belovo, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kontraenti, ikkonkluda kuntratt pubbliku ma’ “Delchev Engineering” EOOD. |
|
30 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Marzu 2022, l-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operazzjonali “Ambjent” 2014‑2020 imponiet fuq il-Komun ta’ Pazardzhik korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 % fuq l-infiq eliġibbli għal finanzjament mill-Fondi SIE abbażi ta’ dan il-kuntratt pubbliku (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja tal‑21 ta’ Marzu 2022”). Din il-korrezzjoni finanzjarja ġiet imposta minħabba irregolarità, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 70(1) taż-ZUSEFSU, imwettqa mill-Komun ta’ Belovo. |
|
31 |
Il-Komun ta’ Belovo, li ma huwiex id-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja tal‑21 ta’ Marzu 2022, ippreżenta rikors kontriha quddiem l-Administrativen sad Pazardzhik (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pazardzhik, il-Bulgarija). Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors billi qieset li, minkejja li din id-deċiżjoni kienet indikat lill-Komun ta’ Pazardzhik biss bħala d-destinatarju tagħha, il-Komun ta’ Belovo, bħala awtorità kontraenti, kien iffirma l-kuntratt pubbliku u kellu interess ġuridiku li jippreżenta l-imsemmi rikors. Madankollu, l-imsemmija qorti kkonkludiet li l-imsemmija deċiżjoni kienet ġiet adottata b’mod konformi mad-dritt Bulgaru. |
|
32 |
Il-Komun ta’ Belovo ppreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
33 |
Skont din il-qorti, teżisti diverġenza fil-ġurisprudenza nazzjonali dwar sitwazzjonijiet fattwali analogi għal dik inkwistjoni f’din il-kawża, li tikkonċerna l-istess proċedura ta’ finanzjament minn Fondi SIE. |
|
34 |
Fil-fatt, minn naħa, minn ċerti deċiżjonijiet nazzjonali jirriżulta li huwa biss il-komun ewlieni tal-proġett ikkonċernat li għandu l-istatus ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, u li huwa d-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, peress li l-komuni msieħba l-oħra ma għandhomx din il-kwalità. Għalhekk, fil-kawżi li taw lok għal dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali, il-komuni msieħba, minbarra l-komun ewlieni, la kienu ġew ammessi bħala partijiet fil-proċedura intiża għad-determinazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni, u lanqas fil-proċedura ġudizzjarja intiża għall-annullament tal-att li wassal għaliha, anki meta dawn il-komuni msieħba kienu dawk li wasslu għall-irregolarità li tat lok għal din il-korrezzjoni finanzjarja. |
|
35 |
Min-naħa l-oħra, ċerti qrati nazzjonali jqisu li, fil-każ ta’ ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mwettaq minn komun li jonfoq somom li joriġinaw mill-Fondi SIE, dan il-komun għandu jitqies li huwa d-destinatarju tal-att ta’ korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni kif ukoll bħala li għandu d-dritt li jipparteċipa fil-proċedura intiża għad-determinazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja kkonċernata u li jiddefendi ruħu quddiem qorti. |
|
36 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-mod kif għandha tiġi ddeterminata r-responsabbiltà marbuta ma’ korrezzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw mit-twettiq ta’ ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-kuntest tal-użu tal-Fondi SIE. |
|
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑471/23 u fuq l‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑477/23
|
38 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑471/23 u tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑477/23, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, organu li jkun responsabbli għat-tnedija jew għat-tnedija u għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ikkonċernati, iżda li ma jkunx irċieva għajnuna mill-Istat imsemmija f’dan il-punt 10(a) tal-Artikolu 2, kif ukoll organu li ma jkunx iffirma kuntratt amministrattiv ta’ sussidju bħala “ewlieni”. |
|
39 |
Il-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi, fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “benefiċjarju” bħala organu pubbliku jew privat jew persuna fiżika, responsabbli għat-tnedija jew għat-tnedija u għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet. Fit-tieni lok, din id-dispożizzjoni tippreċiża, fil-punti (a) u (b), li dan l-organu huwa, rispettivament, fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat, dak li jirċievi l-għajnuna, ħlief meta l-għajnuna mogħtija minn impriża tkun inqas minn EUR 200000, f’liema każ l-Istat Membru kkonċernat jista’ jiddeċiedi li l-benefiċjarju huwa l-organu li jagħti l-għajnuna, bla ħsara għar-Regolamenti Nru 1407/2013, Nru 1408/2013 u Nru 717/2014, u, fil-kuntest ta’ strumenti finanzjarji li jaqgħu taħt it-Titolu IV tat-Tieni Parti tar-Regolament Nru 1303/2013, dak li jimplimenta l-istrument finanzjarju jew il-fond ta’ fondi, skont il-każ. |
|
40 |
Mill-formulazzjoni tal-ewwel parti tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett prevista f’dan il-punt 10 tal-Artikolu 2 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeterminaw jekk il-benefiċjarju, fil-kwalità tiegħu ta’ organu pubbliku jew privat jew ta’ persuna fiżika, huwiex responsabbli biss għat-tnedija tal-operazzjonijiet ikkonċernati jew kemm għat-tnedija kif ukoll għall-implimentazzjoni tagħhom. |
|
41 |
Fir-rigward tat-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni, din tipprevedi regoli dwar id-determinazzjoni tal-benefiċjarju fil-każijiet li jikkonċernaw għajnuna mill-Istat u strumenti finanzjarji li jaqgħu taħt it-Titolu IV tat-Tieni Parti tar-Regolament Nru 1303/2013. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel parti tal-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament u dawk previsti f’dan il-punt 10(a) u (b) tal-Artikolu 2 huma separati bil-konġunzjoni “u”. Madankollu, l-użu tagħha ma jfissirx madankollu li dawn il-kundizzjonijiet huma ta’ natura kumulattiva. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet li jinsabu f’din l-ewwel parti jipprevedu regola ġenerali, filwaqt li dawk stabbiliti fl-imsemmi punt 10(a) u (b) tal-Artikolu 2 jikkostitwixxu regoli addizzjonali dwar sitwazzjonijiet speċifiċi. |
|
43 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 bl-ebda mod ma teskludi l-eżistenza ta’ diversi benefiċjarji għall-istess operazzjoni. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 66 ta’ dan ir-regolament, ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-programmi taqa’ fl-ewwel lok fuq l-Istati Membri li huma għalhekk liberi li jiddeterminaw b’mod partikolari l-organu responsabbli għat-tnedija tal-operazzjonijiet ikkonċernati jew għat-tnedija u għall-implimentazzjoni tagħhom kif ukoll l-organu li jirċievi l-għajnuna inkwistjoni. |
|
45 |
Interpretazzjoni kuntrarja tista’ tagħti lok għal sitwazzjonijiet li fihom ebda organu ma jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala benefiċjarju, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, sa fejn ma jkunx f’pożizzjoni li jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-ewwel parti tal-punt 10 u fil-punt 10(a) jew (b) ta’ dan l-Artikolu 2. |
|
46 |
Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni, essenzjalment, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika prevista fil-punt 10(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, peress li sussidju jista’ jinkludi forom differenti li wħud minnhom jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, tali interpretazzjoni teżiġi, għall-partijiet ta’ operazzjoni kkonċernati minn għajnuna, li l-organu li jirċievi din l-għajnuna jkun il-benefiċjarju, fis-sens ta’ dan il-punt 10(a) tal-Artikolu 2, filwaqt li, għall-partijiet l-oħra tal-istess operazzjoni, l-organu responsabbli għat-tnedija jew għat-tnedija u għall-implimentazzjoni tagħha jkun il-benefiċjarju, fis-sens tal-ewwel parti tal-imsemmi punt 10 tal-Artikolu 2. Issa, din l-interpretazzjoni tista’ tiltaqa’ mad-diffikultajiet prattiċi marbuta man-natura spiss interdipendenti tas-sussidji u mal-identifikazzjoni ta’ dawk fosthom li jistgħu jieħdu l-forma ta’ għajnuna mill-Istat. |
|
47 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-Kawża C‑471/23, skont il-kuntratt amministrattiv konkluż mal-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operazzjonali “Reġjuni li qegħdin jiżviluppaw” 2014‑2020 għall-implimentazzjoni tal-proposta tal-proġett inkwistjoni f’dik il-kawża, il-Komun ta’ Veliko Tarnovo ntgħażel bħala responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, filwaqt li l-kumpannija komunali ġiet identifikata bħala l-persuna li tirċievi għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, parti mis-sussidju għall-imsemmi proġett tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, iżda l-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax jekk l-ammont ta’ din l-għajnuna huwiex inqas minn EUR 200000. Fil-Kawża C‑477/23, il-Komun ta’ Pazardzhik, bħala komun “ewlieni”, li huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-proġett inkwistjoni f’din l-aħħar kawża, jipparteċipa flimkien ma’ komuni oħra, inkluż dak ta’ Belovo, fil-preparazzjoni u fl-implimentazzjoni teknika u finanzjarja ta’ dan l-aħħar proġett. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, li għandha tiddetermina jekk, fil-Kawża C‑471/23, il-Komun ta’ Veliko Tarnovo kif ukoll, fil-Kawża C‑477/23, il-Komuni ta’ Pazardzhik u ta’ Belovo humiex responsabbli għat-tnedija jew għat-tnedija u għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ikkonċernati, fis-sens tal-ewwel parti tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, jekk l-għajnuna rċevuta mill-kumpannija komunali fil-Kawża C‑471/23 taqax taħt il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ dan il-punt 10(a) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament u, jekk ikun il-każ, l-ammont ta’ din l-għajnuna. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li mill-premessi 5, 33 u 36 tar-Regolament Nru 1370/2007 kif ukoll mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kumpens għal servizz pubbliku mogħti fl-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-regolament ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. |
|
50 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, għalkemm, skont il-punt 10(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat, l-organu li jirċievi l-għajnuna għandu jitqies li huwa benefiċjarju, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, xejn ma jeskludi li organu li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel parti tal-istess punt 10 tal-Artikolu 2 jista’ wkoll jitqies li huwa benefiċjarju, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
51 |
Għal dak li jirrigwarda d-domanda tal-qorti tar-rinviju, fil-Kawża C‑477/23, dwar jekk huwiex biss organu pubbliku li jkun iffirma kuntratt amministrattiv ta’ sussidju bħala “ewlieni” li għandu jitqies bħala benefiċjarju tas-sussidju kkonċernat, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 ma jipprevedix kategoriji speċifiċi ta’ benefiċjarji potenzjali. |
|
52 |
Għaldaqstant, sa fejn organu jkun responsabbli għat-tnedija jew għat-tnedija u għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet, dan jista’ jitqies li huwa “benefiċjarju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u dan indipendentement mill-punt dwar jekk tali organu ġiex innominat bħala “ewlieni”. |
|
53 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑471/23 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑477/23 hija li l-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, organu li jkun responsabbli għat-tnedija jew għat-tnedija u għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ikkonċernati, iżda li ma jkunx irċieva għajnuna mill-Istat imsemmija f’dan il-punt 10(a) tal-Artikolu 2, kif ukoll organu li ma jkunx iffirma kuntratt amministrattiv ta’ sussidju bħala “ewlieni”. |
Fuq it‑tieni sal‑ħames domanda fil‑Kawża C‑471/23 kif ukoll fuq it‑tieni u t‑tielet domanda fil‑Kawża C‑477/23
|
54 |
Permezz tat-tieni sal-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑471/23 kif ukoll permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑477/23, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti 36 u 37 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, minn naħa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja għal ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tista’ tiġi indirizzata lil operatur ekonomiku differenti minn dak li jkun wettaq dan il-ksur u, min-naħa l-oħra, li r-responsabbiltà ta’ din il-korrezzjoni finanzjarja tkun in solidum jew li din ir-responsabbiltà tkun tista’ titqassam kuntrattwalment bejn dan l-operatur ekonomiku u dak li jkun wettaq l-imsemmi ksur jew li l-imsemmija responsabbiltà tiġi assunta minn dan tal-aħħar. |
|
55 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, jikkostitwixxi irregolarità, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kull ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali dwar l-applikazzjoni tiegħu li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku involut fl-implimentazzjoni tal-Fondi SIE, li għandu jew li jista’ jkollu l-effett li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni billi dan il-baġit jiġi addebitat b’nefqa mhux iġġustifikata. |
|
56 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 143(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi b’mod partikolari li fl-ewwel lok huma l-Istati Membri li għandhom jinvestigaw l-irregolaritajiet, jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji neċessarji u jibdew proċeduri ta’ rkupru. Għal dan l-għan, kif jistabbilixxi l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa fir-rigward tal-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi misjuba fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operazzjonali. |
|
57 |
Madankollu, ebda dispożizzjoni tal-imsemmi regolament ma tipprevedi regoli dwar id-definizzjoni tad-destinatarji ta’ att ta’ korrezzjoni finanzjarja. |
|
58 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-ħlas lura ta’ vantaġġ miksub indebitament permezz ta’ irregolarità ma jikkostitwixxix sanzjoni, iżda huwa sempliċiment konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-vantaġġ li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma ġewx osservati, u b’hekk irendu indebitu l-vantaġġ irċevut (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Elme Messer Metalurgs, C‑743/18, EU:C:2020:767, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Minn dan isegwi li l-ħlas lura ta’ vantaġġ miksub indebitament permezz ta’ irregolarità, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, ma għandux neċessarjament jintalab mingħand l-organu li jkun wettaq tali irregolarità. |
|
60 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-Kawża C‑471/23, il-Komun ta’ Veliko Tarnovo ffirma l-kuntratt amministrattiv ta’ sussidju kkonċernat mal-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operazzjonali “Reġjuni li qegħdin jiżviluppaw” 2014‑2020 u kien id-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja tal‑11 ta’ Mejju 2022, minkejja l-fatt li l-kumpannija komunali allegatament wettqet l-irregolarità inkwistjoni. Fil-Kawża C‑477/23, il-komuni kkonċernati, inkluż dak ta’ Belovo, li allegatament wettaq l-irregolarità inkwistjoni, u ta’ Pazardzhik, bħala “komun ewlieni”, kollha ffirmaw il-kuntratt amministrattiv ta’ sussidju kkonċernat u dan il-komun tal-aħħar kien id-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja tal‑21 ta’ Marzu 2022. |
|
61 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punt 59 ta’ din is-sentenza, organi rregolati mid-dritt pubbliku bħall-komuni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jistgħu jkunu destinatarji ta’ att ta’ korrezzjoni finanzjarja, u dan minkejja l-fatt li dawn ma jkunux wettqu irregolarità, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013. |
|
62 |
Fir-rigward tal-kwistjoni tar-responsabbiltà għall-korrezzjonijiet finanzjarji li tirriżulta mit-twettiq ta’ ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-kuntest tal-użu tal-Fondi SIE, għandu jitfakkar li t-tilwimiet dwar l-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament skont id-dritt tal-Unjoni għandhom, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni, jiġu deċiżi mill-qrati nazzjonali, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, bla ħsara għal-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms, C‑443/21, EU:C:2022:899, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
Għalhekk, fl-assenza ta’ dispożizzjoni dwar din ir-responsabbiltà fir-Regolament Nru 1303/2013, din hija ddeterminata mid-dritt nazzjonali u mill-impenji kuntrattwali tal-parteċipanti f’operazzjoni partikolari. |
|
64 |
Għaldaqstant, u skont il-kontenut ta’ dawn l-impenji kuntrattwali, minkejja li kull operatur ekonomiku kkonċernat jista’, fir-rigward tal-awtorità nazzjonali kompetenti, jinżamm responsabbli in solidum għall-istess operazzjoni, tali responsabbiltà finanzjarja tista’ wkoll titqassam bejn l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jew assunta mill-uniku operatur ekonomiku li jkun wettaq l-irregolarità inkwistjoni. |
|
65 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għalihom, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. Dan il-prinċipju jirrikjedi b’mod partikolari li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u li jaġixxu konsegwentement (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 158 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
66 |
Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali japplika b’rigorożità partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
67 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, fil-Kawża C‑471/23, il-Komun ta’ Veliko Tarnovo jassumi f’ismu stess ir-riskji kollha, inklużi, b’mod partikolari, il-korrezzjonijiet finanzjarji imposti fuq is-sussidju tal-baġit tal-proġett inkwistjoni, filwaqt li l-kumpannija komunali ma tidhirx li għandha tali responsabbiltà finanzjarja lejn l-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operazzjonali “Reġjuni li qegħdin jiżviluppaw” 2014‑2020. Min-naħa l-oħra, fil-Kawża C‑477/23, il-komuni kkonċernati jipparteċipaw flimkien b’mod partikolari fl-implimentazzjoni finanzjarja tal-proġett inkwistjoni u l-Komun ta’ Pazardzhik, bħala “komun ewlieni”, għandu s-setgħa li jirċievi fuq il-kont bankarju tiegħu fondi kkonċernati u li jqassamhom lill-komuni msieħba. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, minn naħa, liema operaturi ekonomiċi jassumu r-responsabbiltà finanzjarja lejn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni kkonċernati konformement mad-dritt nazzjonali u mal-istipulazzjonijiet tal-kuntratti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, jekk dawn l-operaturi ekonomiċi finanzjarjament responsabbli kinux f’pożizzjoni li jkunu jafu li, fil-każ ta’ irregolarità fl-eżekuzzjoni tal-proġett ikkonċernat, huma jkunu responsabbli, kemm jekk waħedhom, in solidum jew skont modalitajiet oħra, għall-korrezzjoni finanzjarja fil-konfront ta’ dawn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni. |
|
69 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni sal-ħames domanda fil-Kawża C‑471/23 kif ukoll għat-tieni u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑477/23 hija li l-punti 36 u 37 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li la jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja għal ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tista’ tiġi indirizzata lil operatur ekonomiku differenti minn dak li jkun wettaq dan il-ksur, u lanqas ma jipprekludu li r-responsabbiltà ta’ din il-korrezzjoni finanzjarja tkun in solidum, li din ir-responsabbiltà tkun tista’ titqassam kuntrattwalment bejn dan l-operatur ekonomiku u dak li jkun wettaq l-imsemmi ksur jew li l-imsemmija responsabbiltà tiġi assunta minn dan tal-aħħar, bil-kundizzjoni li l-operaturi ekonomiċi finanzjarjament responsabbli jkunu f’pożizzjoni li jkunu jafu li, fil-każ ta’ irregolarità fl-eżekuzzjoni tal-proġett inkwistjoni, huma jkunu għalhekk responsabbli għall-imsemmija korrezzjoni finanzjarja fil-konfront tal-awtorità ta’ ġestjoni kkonċernata. |
Fuq is‑sitt domanda fil‑Kawża C‑471/23 u fuq ir‑raba’ domanda fil‑Kawża C‑477/23
|
70 |
Permezz tas-sitt domanda tagħha fil-Kawża C‑471/23 kif ukoll permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑477/23, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi nazzjonali li tipprovdi li operatur ekonomiku li jkun wettaq irregolarità, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, li tkun tat lok għal korrezzjoni finanzjarja, la jkollu d-dritt jipparteċipa fil-proċedura li tiddetermina din il-korrezzjoni finanzjarja, u lanqas ma jkollu d-dritt jipparteċipa fil-proċedura intiża għall-annullament tagħha, għar-raġuni li dan l-operatur ekonomiku jkollu rimedju ġudizzjarju skont ftehim ta’ sħubija. |
|
71 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 65 ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati sabiex jiggarantixxu l-implimentazzjoni tajba u l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, b’mod li jkunu jistgħu jagħtu l-assigurazzjoni li l-Fondi SIE jintużaw b’mod legali u regolari, u li, konformement mal-Artikolu 143(1) tal-imsemmi regolament, huma fl-ewwel lok l-Istati Membri b’mod partikolari li għandhom jinvestigaw l-irregolaritajiet u jwettqu l-korrezzjonijiet finanzjarji neċessarji. |
|
72 |
Bl-adozzjoni ta’ tali miżuri ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Karta (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Agentsia Patna infrastruktura (Finanzjament Ewropew tal-infrastruttura tat-toroq),C‑471/22, EU:C:2024:99, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
Peress li, f’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 41 tal-Karta, dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandu jiġi enfasizzat li dan l-artikolu huwa indirizzat lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni u mhux lill-korpi jew lill-entitajiet tal-Istati Membri, b’tali mod li individwu ma jistax jinvoka l-imsemmi artikolu fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, meta Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali u f’terminu raġonevoli, japplikaw fil-kuntest tal-proċedura mmexxija mill-awtorità nazzjonali kompetenti (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, AgentsiaPatna infrastruktura (Finanzjament Ewropew tal-infrastruttura tat-toroq), C‑471/22, EU:C:2024:99, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
74 |
Sa fejn din il-qorti tirreferi wkoll għad-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura, għandu jiġi ppreċiżat li tali dritt, sa fejn jippermetti li jiġi eżerċitat id-dritt għal smigħ, jifforma parti integrali tad-drittijiet tad-difiża, li l-osservanza tagħha tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha, inkluż meta tali formalità ma hijiex prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli. L-għan tar-regola li tgħid li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma tittieħed din tal-aħħar huwa li l-awtorità kompetenti tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod effettiv l-elementi rilevanti kollha (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, AgentsiaPatna infrastruktura (Finanzjament Ewropew tal-infrastruttura tat-toroq), C‑471/22, EU:C:2024:99, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
75 |
Din ir-regola hija applikabbli għal proċedura amministrattiva ta’ determinazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali minħabba t-twettiq ta’ irregolarità, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013. |
|
76 |
Barra minn hekk, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta huwa kkostitwit minn diversi elementi, fosthom id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt ta’ aċċess għall-qrati kif ukoll id-dritt li persuna tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, AgentsiaPatna infrastruktura (Finanzjament Ewropew tal-infrastruttura tat-toroq), C‑471/22, EU:C:2024:99, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
77 |
F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, fil-Kawża C‑471/23, il-kumpannija komunali li allegatament wettqet l-irregolarità ma kellhiex relazzjoni kuntrattwali mal-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operazzjonali “Reġjuni li qegħdin jiżviluppaw” 2014‑2020 u ma tidhirx li hija finanzjarjament responsabbli, lejn din l-awtorità, għall-implimentazzjoni tal-proġett inkwistjoni. Fir-rigward tal-Kawża C‑477/23, din il-qorti ma tindikax liema mill-komuni kkonċernati assuma tali responsabbiltà finanzjarja. |
|
78 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn l-imsemmija qorti tasal għall-konklużjoni li l-operatur ekonomiku li wettaq l-irregolarità ma huwiex finanzjarjament responsabbli, lejn l-awtorità ta’ ġestjoni kkonċernata, għall-implimentazzjoni tal-proġett inkwistjoni, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ amministrazzjoni tajba u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta ma jipprekludux li dan l-operatur ekonomiku la jkollu d-dritt jipparteċipa fil-proċedura li tiddetermina din il-korrezzjoni finanzjarja, u lanqas ma jkollu d-dritt jipparteċipa fil-proċedura intiża għall-annullament tagħha. |
|
79 |
F’tali każ, li fih deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja taffettwa direttament l-interessi mhux tal-imsemmi operatur ekonomiku, iżda ta’ dak li huwa finanzjarjament responsabbli, lejn l-awtorità ta’ ġestjoni kkonċernata, għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, huwa dan l-aħħar operatur li għandu jingħata d-dritt li jipparteċipa fil-proċedura ta’ determinazzjoni ta’ din il-korrezzjoni finanzjarja u fil-proċedura ġudizzjarja intiża għall-annullament tagħha. |
|
80 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-operatur ekonomiku li wettaq l-irregolarità huwa finanzjarjament responsabbli, lejn l-awtorità ta’ ġestjoni kkonċernata, għall-implimentazzjoni tal-proġett inkwistjoni u li l-interessi tiegħu huma għalhekk direttament affettwati mid-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja li tirriżulta mill-konstatazzjoni ta’ din l-irregolarità, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludu li dan l-operatur ekonomiku la jkun jista’ jesponi l-perspettiva tiegħu fil-proċedura ta’ determinazzjoni ta’ din il-korrezzjoni finanzjarja u lanqas ma jkun jista’ ikollu aċċess għal qorti sabiex jikkontestaha. |
|
81 |
F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza invokata minn din il-qorti li tgħid li l-imsemmi operatur ekonomiku għandu responsabbiltà regressiva taħt id-dritt ċivili u jista’ jkollu drittijiet fi proċedura ċivili separata fil-konfront tal-benefiċjarju ewlieni skont il-ftehim ta’ sħubija mas-sieħeb ewlieni ma tidhirx rilevanti, sa fejn tali rimedju ta’ natura ċivili ma jippermettix lill-istess operatur ekonomiku jikkontesta l-adozzjoni stess ta’ tali deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja li tikkawżalu preġudizzju. |
|
82 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda fil-Kawża C‑471/23 kif ukoll għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑477/23 hija li l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi nazzjonali li tipprovdi li operatur ekonomiku li jkun wettaq irregolarità, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, li tkun tat lok għal korrezzjoni finanzjarja, la jkollu d-dritt jipparteċipa fil-proċedura li tiddetermina din il-korrezzjoni finanzjarja, u lanqas ma jkollu d-dritt jipparteċipa fil-proċedura ġudizzjarja intiża għall-annullament tagħha, għar-raġuni li dan l-operatur ekonomiku jkollu rimedju ġudizzjarju skont ftehim ta’ sħubija, sa fejn l-imsemmi operatur ekonomiku jkun finanzjarjament responsabbli, lejn l-awtorità ta’ ġestjoni kkonċernata, għall-implimentazzjoni tal-proġett inkwistjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
|
83 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.