SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
29 ta’ Settembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi – Suq uniku tal-assigurazzjoni – Direttiva 2002/92/KE – Kunċett ta’ ‘intermedjarju tal-assigurazzjoni’ – Attività ta’ ‘medjazzjoni fl-assigurazzjoni’ – Direttiva (UE) 2016/97 – Attività ta’ ‘distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni’ – Kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi – Sħubija f’assigurazzjoni ta’ grupp – Trasferiment tad-drittijiet li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni – Servizzi ta’ assigurazzjoni fil-każ ta’ mard jew inċident barra mill-pajjiż – Remunerazzjoni mħallsa mill-membru bħala korrispettiv għall-kopertura tal-assigurazzjoni miksuba – Protezzjoni tal-konsumaturi – Ugwaljanza fit-trattament bejn l-intermedjarji tal-assigurazzjoni”
Fil-Kawża C‑633/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura
Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV
vs
TC Medical Air Ambulance Agency GmbH,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Jannar 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V., minn J. Kummer u P. Wassermann, Rechtsanwälte, |
|
– |
għal TC Medical Air Ambulance Agency GmbH, minn B. Ackermann, Rechtsanwältin, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.-L. Krüger, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn J. Očková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Subrani, avvocatessa dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Marzu 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew tad‑9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 330), kif emendata bid-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349 u rettifiki fil-ĠU 2016, L 188, p. 28, u fil-ĠU 2021, L 410, p. 201) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/92”), kif ukoll tal-punti 1, 3 u 8 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni) (ĠU 2016, L 26, p. 19), kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2016/97 rigward id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri (ĠU 2018, L 76, p. 28) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2016/97”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV (l-Unjoni Federali taċ-Ċentri u tal-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi, il-Ġermanja) u TC Medical Air Ambulance Agency GmbH dwar l-allegata attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni li din tal-aħħar kienet teżerċita mingħajr awtorizzazzjoni. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2002/92
|
3 |
Il-premessi 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2002/92 jistabbilixxu:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva tippreskrivi r-regoli għall-bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni u riassigurazzjoni minn persuni naturali jew ġuridiċi li huma stabbiliti fi Stat Membru jew li jixtiequ li jkunu stabbiliti hemmhekk.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
[…]” |
|
6 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi: “L-intermedjarji ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni għandhom ikunu reġistrati ma’ l-awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 7(2), fil-pajjiż ta’ l-Istat Membru tagħhom.” |
Id‑Direttiva 2016/97
|
7 |
Il-premessi 5 sa 7, 10 u 16 tad-Direttiva 2016/97 jistabbilixxu:
[…]
[…]
|
|
8 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li: “Din id-Direttiva tippreskrivi r-regoli dwar il-bidu u t-twettiq tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni fl-Unjoni.” |
|
9 |
L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
[…]
[…]” |
|
10 |
L-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva jipprovdi li: “L-intermedjarji tal-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni u l-intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari għandhom ikunu rreġistrati ma’ awtorità kompetenti fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom. […]” |
|
11 |
L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2016/97 huwa fformulat kif ġej: “Id-Direttiva [2002/92], kif emendata mid-Direttivi elenkati fil-Parti A tal-Anness II għal din id-Direttiva, titħassar b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2018, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri dwar il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi li jinsabu fil-Parti B tal-Anness II għal din id-Direttiva. Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness III.” |
Id‑dritt Ġermaniż
|
12 |
L-Artikolu 34d(1) tal-Gewerbeordnung (il-Kodiċi dwar l-Eżerċizzju tal-Professjonijiet Industrijali, Kummerċjali u Artiġjanali, iktar ’il quddiem il-“GewO”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprovdi li kull min kellu l-intenzjoni li jservi bħala intermedjarju fuq bażi professjonali, bħala broker tal-assigurazzjoni jew aġent tal-assigurazzjoni, għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni (intermedjarju tal-assigurazzjoni) kellu jikseb l-awtorizzazzjoni tal-kamra tal-kummerċ u tal-industrija kompetenti, li kellha tindika jekk din kinitx ingħatat lil broker jew aġent tal-assigurazzjoni. |
|
13 |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 34d(1) tal-GewO, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mit‑23 ta’ Frar 2018, “kull min ikollu l-intenzjoni li jservi bħala intermedjarju fuq bażi professjonali sabiex jikkonkludi kuntratti ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni (intermedjarju tal-assigurazzjoni) għandu jikseb l-awtorizzazzjoni tal-kamra tal-kummerċ u tal-industrija kompetenti”. |
|
14 |
Il-punti 1 u 2 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 34d(1) tal-GewO, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mit‑23 ta’ Frar 2018, jippreċiżaw li intermedjarju ta’ assigurazzjoni huwa “kull persuna li, bħala aġent ta’ assigurazzjoni ta’ kumpannija ta’ assigurazzjoni waħda jew iktar jew ta’ aġent ta’ assigurazzjoni, tkun responsabbli biex isservi bħala intermedjarju jew li tikkonkludi kuntratti ta’ assigurazzjoni jew li, bħala broker tal-assigurazzjoni, tiżgura l-medjazzjoni jew il-konklużjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni f’isem il-prinċipal mingħajr ma tkun inkarigata minn impriża ta’ assigurazzjoni jew minn aġent ta’ assigurazzjoni”. |
|
15 |
Skont dan l-Artikolu 34d, fil-verżjonijiet tiegħu applikabbli kemm qabel kif ukoll mit‑23 ta’ Frar 2018, il-persuna li kisbet awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 34d(1) tal-GewO għandha tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-intermedjarji. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
16 |
Il-konvenuta fil-kawża prinċipali fdat lil impriżi ta’ reklamar il-kompitu li joffru lill-konsumaturi, permezz tar-reklamar bieb bieb, l-isħubija, bi ħlas, ma’ skema ta’ assigurazzjoni kollettiva. |
|
17 |
Għal dan il-għan, hija ssottoskriviet, ma’ W. Versicherungs-AG, kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ grupp li jinkludi kopertura kontra r-riskji ta’ mard u ta’ inċident waqt vjaġġi barra mill-pajjiż kif ukoll kopertura tal-ispejjeż ta’ ripatrijazzjoni barra mill-pajjiż u fit-territorju nazzjonali. |
|
18 |
Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, li huwa paċifiku li hija taġixxi bħala detentriċi tal-polza tal-assigurazzjoni, tħallas il-primjums dovuti lill-kumpannija tal-assigurazzjonijiet. |
|
19 |
Barra minn hekk, hija kuntrattwalment marbuta ma’ F. r. AG, kumpannija li, bl-għajnuna tal-persunal mediku tagħha kif ukoll ta’ ajruplan, tipprovdi, bi ħlas, servizzi li jikkonsistu fi, minn naħa, l-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni tar-ripatrijazzjoni fil-każ ta’ mard jew inċident li seħħ barra mill-pajjiż u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni ta’ ċentru ta’ allarm. |
|
20 |
Il-klijenti tal-konvenuta fil-kawża prinċipali li jissieħbu mal-assigurazzjoni ta’ grupp sottoskritta minnha jħallsu remunerazzjoni u jiksbu, bħala korrispettiv, id-dritt għal diversi servizzi f’każ ta’ mard jew ta’ inċident barra mill-pajjiż, li jinkludu r-rimbors tal-ispejjeż relatati mal-kura medika u t-trasporti bl-ambulanza, l-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni tat-trasporti relatati magħhom kif ukoll l-amministrazzjoni ta’ ċentru ta’ allarm. |
|
21 |
Is-servizzi ta’ assigurazzjoni ggarantiti lill-klijenti tal-konvenuta fil-kawża prinċipali huma pprovduti, b’mod partikolari, permezz ta’ krediti li hija tittrasferixxi lil dawn il-klijenti. |
|
22 |
Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-attività tal-konvenuta fil-kawża prinċipali ma hijiex intiża għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, iżda hija intiża sabiex tippermetti lill-konsumaturi jissieħbu mal-assigurazzjoni ta’ grupp li hija tkun issottoskriviet kif ukoll li tagħtihom il-possibbiltà li jibbenefikaw mis-servizzi koperti minn din l-assigurazzjoni. |
|
23 |
La l-konvenuta fil-kawża prinċipali u lanqas l-impriżi ta’ reklamar li hija użat ma għandhom l-awtorizzazzjoni prevista fid-dritt nazzjonali għall-eżerċizzju tal-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni. |
|
24 |
Peress li l-attività tal-konvenuta fil-kawża prinċipali tikkorrispondi għal dik ta’ intermedjarju ta’ assigurazzjoni u għandha, għal din ir-raġuni, tkun is-suġġett ta’ tali awtorizzazzjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem il-Landgericht Koblenz (il-Qorti Reġjonali ta’ Koblenz, il-Ġermanja) sabiex twaqqaf din l-attività. |
|
25 |
Din il-qorti laqgħet dan ir-rikors. |
|
26 |
Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Landgericht Koblenz (il-Qorti Reġjonali ta’ Koblenz) quddiem l-Oberlandesgericht Koblenz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Koblenz, il-Ġermanja), li annullat l-imsemmija deċiżjoni, billi qieset li hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala “intermedjarju ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 34d(1) tal-GewO, fil-verżjonijiet tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali. |
|
27 |
Adita bi proċedura ta’ reviżjoni, il-qorti tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), tqis li r-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi fuq jekk il-konvenuta fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi kklassifikata bħala “intermedjarju tal-assigurazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 2002/92 u d-Direttiva 2016/97. |
|
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Impriża li ssottoskriviet għall-klijenti tagħha, fil-kwalità ta’ detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni, assigurazzjoni għall-mard inkors fl-ivvjaġġar barra mill-pajjiż u assigurazzjoni [li tkopri] l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni barra mill-pajjiż u fit-territorju nazzjonali fil-kuntest ta’ assigurazzjoni ta’ grupp ma’ impriża ta’ assigurazzjoni, li tbigħ lill-konsumaturi adeżjonijiet li jagħtuhom dritt għall-benefiċċji tal-assigurazzjoni fil-każ ta’ mard jew ta’ inċident barra mill-pajjiż u li tirċievi remunerazzjoni mħallsa mill-membri affiljati b’korrispettiv għall-kopertura ta’ assigurazzjoni akkwistata, hija intermedjarju ta’ assigurazzjoni, fis-sens tal-[punti 3 u 5 tal-Artikolu 2] tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni u tal-[punti 1, 3 u 8 tal-Artikolu 2(1)] tad-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni)?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
29 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92 u l-punti 1, 3 u 8 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/97 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “intermedjarju tal-assigurazzjoni” u, għaldaqstant, dak ta’ “distributur tal-assigurazzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, persuna ġuridika li l-attività tagħha tikkonsisti fil-proposta lill-klijenti tagħha li jissieħbu fuq bażi volontarja, bħala korrispettiv għal remunerazzjoni li hija tirċievi mingħandhom, ma’ assigurazzjoni ta’ grupp li hija tkun issottoskriviet għaliha minn qabel ma’ kumpannija tal-assigurazzjonijiet, fejn din is-sħubija tagħti lil dawn il-klijenti d-dritt għal servizzi ta’ assigurazzjoni f’każ, b’mod partikolari, ta’ mard jew inċident barra mill-pajjiż. |
|
30 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2016/97, li d-Direttiva 2002/92 tħassret b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2018. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal waqfien tal-attività tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina din l-attività fid-dawl kemm tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali kif ukoll ta’ dawk fis-seħħ fil-mument meta din il-qorti tiddeċiedi dwar din it-talba. Minn dan isegwi li hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ direttivi. |
|
31 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/92 u mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/97, dawn id-direttivi jistabbilixxu regoli dwar l-aċċess, rispettivament, għall-attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni u fir-riassigurazzjoni, u għall-attivitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ assigurazzjonijiet u ta’ riassigurazzjonijiet, kif ukoll għall-eżerċizzju tagħhom fl-Unjoni. |
|
32 |
L-attività ta’ “medjazzjoni fl-assigurazzjoni” hija ddefinita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2002/92 bħala kull attività li tikkonsisti f’li jiġu ppreżentati jew proposti kuntratti ta’ assigurazzjoni jew li jiġu mwettqa xogħlijiet oħra preparatorji għal konklużjoni tagħhom jew sabiex jiġu konklużi, jew sabiex ikun hemm kontribut għall-amministrazzjoni tagħhom jew għall-eżekuzzjoni tagħhom, b’mod partikolari f’każ ta’ ħsara. |
|
33 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-intermedjarju tal-assigurazzjoni bħala kull persuna fiżika jew ġuridika li, għal remunerazzjoni, twassal għall-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni jew għat-twettiq tagħha. |
|
34 |
Skont il-premessa 11 tal-imsemmija direttiva, din ir-remunerazzjoni tista’ tkun pekunjarja jew tieħu kull forma oħra ta’ vantaġġ ekonomiku miftiehem u marbut mal-provvista. |
|
35 |
Id-Direttiva 2016/97 tiddefinixxi, min-naħa tagħha, il-kunċett ta’ “distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni”, fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tagħha, bħala kull attività li tikkonsisti fil-provvista ta’ pariri dwar kuntratti ta’ assigurazzjoni, biex tipproponi kuntratti ta’ assigurazzjoni jew għat-twettiq ta’ xogħlijiet preparatorji oħra għall-konklużjoni tagħhom, biex tikkonkludi tali kuntratti, jew biex tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni u għall-eżekuzzjoni tagħhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ ħsara. |
|
36 |
Il-kunċett ta’ “intermedjarju tal-assigurazzjoni” huwa ddefinit fil-punt 3 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, bħala li huwa intiż għal kull persuna fiżika jew ġuridika għajr impriża ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni, jew il-persunal tagħha, u li ma tkunx intermedjarju tal-assigurazzjoni anċillari, li, għal fini ta’ remunerazzjoni, twassal għall-attività ta’ distribuzzjoni ta’ assigurazzjonijiet jew għat-twettiq tagħha. |
|
37 |
Id-“distributur tal-assigurazzjoni” huwa, min-naħa tiegħu, iddefinit fil-punt 8 tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, bħala “kull intermedjarju [ta’] assigurazzjoni, intermedjarju [ta’] assigurazzjoni anċillari jew impriża tal-assigurazzjoni”. |
|
38 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “rimunerazzjoni”, dan huwa ddefinit fil-punt 9 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/97, bħala li huwa intiż għal kull kummissjoni, kull onorarja, kull tariffa jew kull tip ieħor ta’ ħlas, inkluż kull vantaġġ ekonomiku ta’ kull tip jew kull vantaġġ jew inċentiv finanzjarju u mhux finanzjarju ieħor, li jiġi propost jew offrut fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjonijiet. |
|
39 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna ġuridika bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kunċett ta’ “intermedjarju ta’ assigurazzjoni” u, għaldaqstant, taħt dak ta’ “distributur tal-assigurazzjoni”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92 u tal-punti 3 u 8 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/97, sa fejn teżerċita attivitajiet elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tal-ewwel direttiva u fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tat-tieni direttiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, C‑542/16, EU:C:2018:369, punt 39). |
|
40 |
Fir-rigward, qabelxejn, tal-kliem tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92 u tal-punt 3 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/97, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-intermedjarju tal-assigurazzjoni huwa ddefinit bħala persuna li, “bi ħlas”, twassal għall-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, jew ta’ distribuzzjoni ta’ assigurazzjonijiet, jew għat-twettiq tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-kunċett ta’ “intermedjarju ta’ assigurazzjoni” huwa ddefinit b’riferiment għall-attivitajiet, rispettivament, ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ assigurazzjonijiet, bħal dawk ippreċiżati fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92 u tal-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/97. |
|
41 |
F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ remunerazzjoni għandha titqies bħala ssodisfatta meta kull sħubija ta’ klijent tal-persuna ġuridika li tkun issottoskriviet il-kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ grupp mal-kumpannija tal-assigurazzjonijiet u li tħallas, f’dan ir-rigward, il-primjums tal-assigurazzjoni lil din tal-aħħar, tagħti lok għal ħlas favur din il-persuna ġuridika. F’dan il-każ, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tikkontribwixxi għalhekk, bħala korrispettiv għal tali remunerazzjoni, għall-kisba minn terzi, jiġifieri l-klijenti tagħha, tal-koperturi ta’ assigurazzjoni previsti mill-kuntratt li hija kkonkludiet ma’ kumpannija tal-assigurazzjonijiet. Il-perspettiva ta’ din ir-remunerazzjoni tirrappreżenta, għal persuna ġuridika bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, interess ekonomiku tagħha stess, distint mill-interess tal-membri għall-kisba tal-koperturi ta’ assigurazzjoni li jirriżultaw mill-kuntratt inkwistjoni, li huwa ta’ natura li jinkoraġġiha, fid-dawl tan-natura fakultattiva tal-isħubija għall-imsemmi kuntratt, li jqajjem numru kbir ta’ sħubijiet għalih, kif juri, barra minn hekk, f’dan il-każ, ir-rikors tal-konvenuta fil-kawża prinċipali għal impriżi ta’ reklamar li jipproponu, permezz ta’ reklamar bieb bieb, tali sħubija. |
|
42 |
Fid-dawl tat-tifsira wiesgħa tal-kunċett ta’ “rimunerazzjoni” li jirriżulta kemm mill-premessa 11 tad-Direttiva 2002/92 kif ukoll mill-punt 9 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/97, huwa irrilevanti li l-ħlas, f’kull sħubija fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ grupp, favur il-persuna ġuridika li tkun issottoskriviet dan il-kuntratt mal-kumpannija tal-assigurazzjonijiet, isir mill-membri bħala korrispettiv għad-drittijiet għas-servizzi ta’ assigurazzjoni li jiġu ttrasferiti lilhom minn din il-persuna, u mhux mill-assiguratur fil-forma, pereżempju, ta’ kummissjoni. Barra minn hekk, tali ċirkustanza ma tikkontestax l-interess ekonomiku stess tal-imsemmija persuna għal sħubija l-iktar wiesgħa possibbli tal-klijenti tagħha mal-imsemmi kuntratt sabiex dawn il-ħlasijiet differenti jiffinanzjaw, jew saħansitra jeċċedu, l-ammont tal-primjums li hija stess tħallas lill-assiguratur fil-kuntest tal-istess kuntratt. |
|
43 |
Fir-rigward tal-attivitajiet li għalihom jirreferu d-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ “intermedjarju ta’ assigurazzjoni”, previsti fil-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92 u fil-punt 3 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/97, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-fatt li l-attivitajiet elenkati f’dawn id-dispożizzjonijiet huma ppreżentati b’mod alternattiv jirriżulta li kull waħda tikkostitwixxi, waħedha, attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dawn l-attivitajiet huma fformulati f’termini wiesgħa u li, b’mod partikolari, dawn jikkonsistu mhux biss fil-preżentazzjoni u fil-proposta ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, iżda wkoll fit-twettiq ta’ xogħlijiet preparatorji oħra għall-konklużjoni tagħhom, mingħajr ma n-natura tax-xogħlijiet preparatorji msemmija tkun limitata bi kwalunkwe mod (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, C‑542/16, EU:C:2018:369, punti 37 u 53). |
|
44 |
Minkejja li l-formulazzjoni tal-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92 u dik tal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/97 ma ssemmix espressament attività bħal dik imsemmija fid-domanda magħmula, id-definizzjonijiet li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu għandhom jinqraw bħala li jinkludu tali attività. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti, kif enfasizzaw, b’mod partikolari, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea, li l-persuna ġuridika li tmexxi attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li permezz tagħhom detenturi ta’ polza ta’ assigurazzjoni jixtiequ jiksbu l-kopertura tar-riskji minn assiguratur permezz tal-ħlas ta’ primjums, iżda l-isħubija volontarja tal-klijenti tagħha stess, bħala korrispettiv għal remunerazzjoni li titħallas lilha, għal kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ grupp li hija kkonkludiet minn qabel ma’ assiguratur għall-finijiet tal-provvista ta’ tali kopertura lil dawn il-klijenti. Fil-fatt, tali attività hija paragunabbli mal-attività remunerata ta’ intermedjarju tal-assigurazzjoni jew ta’ distributur ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni li twassal għall-konklużjoni, minn detenturi ta’ polza ta’ assigurazzjoni, ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni ma’ assiguratur li għandhom bħala għan il-kopertura ta’ ċerti riskji bħala korrispettiv għall-ħlas ta’ primjum ta’ assigurazzjoni. |
|
46 |
Bl-istess mod, ma huwiex determinanti l-fatt li l-persuna ġuridika li twettaq attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun hija stess parti, fil-kwalità ta’ detentriċi ta’ polza ta’ assigurazzjoni, għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ grupp li għalih hija għandha l-intenzjoni li tħajjar lill-klijenti tagħha jissieħbu. Fil-fatt, l-istess bħall-kwalità ta’ distributur ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni ma hijiex, skont il-punt 8 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/97, inkompatibbli ma’ dik ta’ assiguratur, il-kwalità ta’ intermedjarju tal-assigurazzjoni u, għaldaqstant, ta’ distributur ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni ma hijiex inkompatibbli ma’ dik ta’ detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni għal poloz marbuta ma’ unitajiet), C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punti 87 u 88). |
|
47 |
Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-kuntest li fih jidħlu d-dispożizzjonijiet suġġetti għal interpretazzjoni, mill-premessa 9 tad-Direttiva 2002/92 u mill-premessa 5 tad-Direttiva 2016/97 jirriżulta li l-prodotti ta’ assigurazzjoni jistgħu jitqassmu minn tipi differenti ta’ persuni jew ta’ organi u li huwa neċessarju, sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-operaturi kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi, li dawn il-persuni jew organi kollha jkunu koperti minn dawn id-direttivi. |
|
48 |
Barra minn hekk, kif huwa rifless fil-premessa 7 tagħha, id-Direttiva 2016/97, fid-dawl tal-impreċiżjonijiet li kienu jivvizzjaw ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/92, estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar direttiva għall-bejgħ kollu ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni. |
|
49 |
Kif inhu stabbilit fil-premessi 6 u 16 tad-Direttiva 2016/97, il-konsumaturi għandhom jibbenefikaw mill-istess livell ta’ protezzjoni, ikunu xi jkunu d-differenzi bejn il-kanali ta’ distribuzzjoni. Kif huwa wkoll rifless fil-premessa 16 ta’ din id-direttiva, il-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw mill-fatt li l-prodotti ta’ assigurazzjoni huma ddistribwiti permezz ta’ diversi kanali u permezz ta’ intermedjarji fil-kuntest ta’ forom differenti ta’ kooperazzjoni mal-impriżi ta’ assigurazzjoni, bil-kundizzjoni li dawn l-entitajiet ikunu obbligati japplikaw regoli simili fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, u dan għal raġunijiet marbuta wkoll mal-ħtieġa li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi bejn l-intermedjarji ta’ assigurazzjoni kollha u d-distributuri ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni. |
|
50 |
Fid-dawl ta’ dan il-kuntest, u fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat fil-punti 41, 42, 45 u 46 ta’ din is-sentenza, il-kunċetti li jinsabu fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92 kif ukoll fil-punti 1, 3 u 8 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/97 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu persuna ġuridika li twettaq attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
51 |
Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet segwiti minn dawn id-direttivi. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, kif huwa rifless, essenzjalment, fil-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2002/92, din għandha bħala għanijiet, b’mod partikolari, li tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kategoriji kollha ta’ intermedjarji ta’ assigurazzjoni kif ukoll li ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-assigurazzjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, EEAE et, C‑555/11, EU:C:2013:668, punti 27 u 29). Dawn l-għanijiet huma segwiti, b’mod rinforzat, mid-Direttiva 2016/97, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 5, 7, 10 u 16 tagħha. |
|
53 |
Issa, l-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi tal-persuni li joperaw fis-suq tal-assigurazzjonijiet abbażi ta’ mudell ekonomiku bħal dak imsemmi fid-domanda magħmula hija ta’ natura li tiffavorixxi t-twettiq ta’ dawn iż-żewġ għanijiet. |
|
54 |
Fil-fatt, minn naħa, l-inklużjoni, f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni, ta’ tali persuni, li l-attività tagħhom hija simili, kif jirriżulta mill-punti 41, 42 u 45 ta’ din is-sentenza, għal attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni jew ta’ distribuzzjoni ta’ assigurazzjonijiet, fis-sens tal-imsemmija direttivi, tevita li jiġi ppreġudikat l-għan li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kategoriji kollha ta’ intermedjarji u ta’ distributuri ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni, kif stabbilit fil-premessi tal-istess direttivi msemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza. |
|
55 |
Għalhekk, sa fejn l-attivitajiet imsemmija fil-punt preċedenti huma ta’ natura paragunabbli, l-obbligi ta’ awtorizzazzjoni u ta’ reġistrazzjoni previsti mid-Direttiva 2002/92 u mid-Direttiva 2016/97, li huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu li l-intermedjarji ta’ assigurazzjoni jkollhom l-affidabbiltà u l-perizja neċessarja fil-qasam tal-medjazzjoni u tal-konsulenza fl-assigurazzjoni, għandhom japplikaw bl-istess mod għall-atturi ekonomiċi li jeżerċitaw dawn l-attivitajiet. |
|
56 |
Min-naħa l-oħra, l-inklużjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/92 u tad-Direttiva 2016/97, tal-persuni ġuridiċi li l-attività tagħhom tikkorrispondi għal dik imsemmija fid-domanda magħmula, billi timponilhom għalhekk l-osservanza tar-regoli previsti minn dawn id-direttivi, tikkontribwixxi għall-għan tat-titjib tal-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-assigurazzjoni. |
|
57 |
Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 83 u 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jiġi żgurat li l-attività tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni tiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, dan l-intermedjarju huwa obbligat, konformement mal-imsemmija direttivi, li josserva, b’mod partikolari, sett ta’ rekwiżiti ta’ natura professjonali, finanzjarja u organizzattiva, tar-regoli ta’ kondotta bħal dawk intiżi sabiex jipprevjenu r-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi li jirriżulta minn eventwali rabtiet bejn l-imsemmi intermedjarju u assiguratur partikolari, kif ukoll mill-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ konsulenza fir-rigward tal-konsumaturi. |
|
58 |
Issa, kif enfasizza r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dan il-bżonn ta’ protezzjoni tal-konsumaturi huwa importanti wkoll fir-rigward ta’ persuna ġuridika li tinċentiva lil dawn tal-aħħar, permezz ta’ mudell ekonomiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jissieħbu ma’ kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ grupp li hija ssottoskriviet għalih ma’ assiguratur, kif ukoll fir-rigward ta’ intermedjarju tal-assigurazzjoni jew ta’ distributur ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni li l-attività remunerata tagħhom hija intiża għall-konklużjoni diretta ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni minn tali konsumaturi. |
|
59 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92 u l-punti 1, 3 u 8 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/97 għandhom jiġu interpretati fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “intermedjarju tal-assigurazzjoni” u, għaldaqstant, dak ta’ “distributur tal-assigurazzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, persuna ġuridika li l-attività tagħha tikkonsisti fil-proposta lill-klijenti tagħha li jissieħbu fuq bażi volontarja, bħala korrispettiv għal remunerazzjoni li hija tirċievi mingħandhom, ma’ assigurazzjoni ta’ grupp li hija tkun issottoskriviet għaliha minn qabel ma’ kumpannija tal-assigurazzjonijiet, fejn din is-sħubija tagħti lil dawn il-klijenti d-dritt għal servizzi ta’ assigurazzjoni f’każ, b’mod partikolari, ta’ mard jew inċident barra mill-pajjiż. |
Fuq l‑ispejjeż
|
60 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Il-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew tad‑9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014, u l-punti 1, 3 u 8 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni), kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2018, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
taqa’ taħt il-kunċett ta’ “intermedjarju tal-assigurazzjoni” u, għaldaqstant, dak ta’ “distributur tal-assigurazzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, persuna ġuridika li l-attività tagħha tikkonsisti fil-proposta lill-klijenti tagħha li jissieħbu fuq bażi volontarja, bħala korrispettiv għal remunerazzjoni li hija tirċievi mingħandhom, ma’ assigurazzjoni ta’ grupp li hija tkun issottoskriviet għaliha minn qabel ma’ kumpannija tal-assigurazzjonijiet, fejn din is-sħubija tagħti lil dawn il-klijenti d-dritt għal servizzi ta’ assigurazzjoni f’każ, b’mod partikolari, ta’ mard jew inċident barra mill-pajjiż. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.