2004R0726 — MT — 26.01.2007 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
IR-REGOLAMENT (KE) Nru 726/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-31 ta' Marzu 2004 (ĠU L 136, 30.4.2004, p.1) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
REGOLAMENT (KE) NRU 1901/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-12 ta' Diċembru 2006 |
L 378 |
1 |
27.12.2006 |
|
IR-REGOLAMENT (KE) Nru 726/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-31 ta' Marzu 2004
li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 u l-Artikolu 152(4)(b) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),
Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 2 ),
Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,
Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 3 ) 3,
Billi:|
(1) |
L-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2309/93 tat-22 ta' Lulju 1993 li jistipula proċeduri tal-Komunità għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta' Prodotti Mediċinali ( 4 ) jipprovdi illi, fi żmien sitt snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport ġenerali dwar l-esperjenza miksuba bħala riżultat tat-tħaddim tal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament. |
|
(2) |
Fid-dawl tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-esperjenza miksuba, irriżulta neċessarju li jitjieb it-tħaddim tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-Komunità ta' prodotti mediċinali u li jiġu emendati ċerti aspetti amministrattivi ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni tal-Prodotti Mediċinali. Addizzjonalment, l-isem ta' dik l-Aġenzija għandu jkun issimplifikat u mibdul għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa l-“Aġenzija”). |
|
(3) |
Mill-konklużjonijiet ta' dak ir-rapport joħroġ li l-emendi li għandhom isiru għall-proċedura ċentralizzata stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 2309/93 jikkonsistu f'korrezzjonijiet għal xi ftit mill-proċeduri ta' tħaddim u adattazzjonijiet biex jittieħed kont ta' l-iżvilupp probabbli tax-xjenza u t-tekonoloġija u tat-tkabbir futur ta' l-Unjoni Ewropea. Joħroġ ukoll mir-rapport li l-prinċipji ġenerali stabbiliti qabel li jirregolaw l-proċedura ċentralizzata għandhom jinżammu. |
|
(4) |
Barraminnhekk, billi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2001/83/KE tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li ghandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu ( 5 ) mill-bniedem u d-Direttiva 2001/82/KE tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji ( 6 ), ir-referenzi kollha għad-Direttivi kodifikati fir-Regolament (KEE) Nru 2309/93 għandhom jiġu aġġornati. |
|
(5) |
Biex l-affarijiet ikunu ċari, hemm bżonn li l-imsemmi Regolament jiġi mibdul b'Regolament ġdid. |
|
(6) |
Huwa xieraq li jkun ikkonservat għall-konċertazzjoni l-mekkaniżnu Komunitarju stabbilit mill-leġislazzjoni Komunitarja mħassra qabel ma tittieħed xi deċiżjoni nazzjonali dwar prodott mediċinali ta' teknoloġija għolja. |
|
(7) |
L-esperjenza miksuba mill-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 87/22/KEE tat-22 ta' Diċembru 1986 dwar l-approssimazzjoni ta' miżuri nazzjonali relatati mat-tqegħid fis-suq ta' prodotti mediċinali ta' teknoloġija għolja, b'mod partikolari dawk ġejjin mill-bijoteknoloġija ( 7 ) uriet li hu neċessarju li tkun maħluqa proċedura ċentralizzata ta' awtorizzazzjoni li tkun obbligatorja għall-prodotti mediċinali ta' teknoloġija għolja, b'mod partikolari għal dawk riżultanti minn proċessi bijotekniċi, biex jinżamm il-livell għoli ta' valutazzjoni xjentifika ta' dawk il-prodotti mediċinali fl-Unjoni Ewropea u b'hekk tkun ippreservata l-fiduċja tal-pazjenti u tal-professjonijiet mediċi fil-valutazzjoni. Dan hu importanti b'mod partikolari fil-kuntest ta' l-iżvilupp ta' terapiji ġodda, bħat-terapija tal-ġene u t-terapiji assoċjati taċ-ċelloli, u t-terapija ksenoġenika somatika. Dan l-approċċ għandu jinżamm, b'mod partikolari biex ikun żgurata t-tħaddim effettiv tas-suq intern fil-qasam farmaċewtiku. |
|
(8) |
Bl-għan li jkun armonizzat is-suq intern għall-prodotti mediċinali ġodda, din il-proċedura għandha ukoll issir obbligatorja għall-prodotti mediċinali orfni u kull prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem li fih sustanza attiva interament ġdida, jiġifieri sustanza li għadha ma ġietx awtorizzata fil-Komunità, u li għaliha l-indikazzjoni terapewtika hi l-kura ta' “acquired immune deficiency syndrome”, canċer, mard newrodeġenerattiv jew diabete. Erba' snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-proċedura għandha ukoll issir obbligatorja għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li fihom sustanza attiva ġdida, u li għaliha l-indikazzjoni terapewtika hi l-kura ta' mard awto-immuni u anormalitajiet oħra immuni u mard virali. Għandha tkun possibli r-reviżjoni tad-disposizzjonijiet tal-punt 3 ta' l-Anness permezz ta' proċedura simplifikata ta' teħid ta' deċiżjonijiet mhux qabel erba' snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. |
|
(9) |
Rigward prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, għandu tkun ipprovduta l-għażla li wieħed jista' jinqeda bil-proċedura ċentralizzata f'każi fejn l-użu ta' proċedura waħda tagħti valur miżjud lill-pazjent. Għandha tinżamm l-għażla ta' din il-proċedura ukoll għall-prodotti mediċinali li għalkemm ma jappartienux lill-kategoriji fuq imsemmija, huma minkejja dan innovattivi b'mod terapewtiku. Hu ukoll xieraq li wieħed jitħalla jinqeda b'din il-proċedura għall-prodotti mediċinali li, għalkemm mhux innovattivi, jistgħu jkunu ta' benefiċċju għas-soċjetà jew għall-pazjenti jekk jiġu awtorizzati mill-bidu fuq livell Komunitarju, bħal ċerti prodotti mediċinali li jistgħu jingħataw mingħajr preskrizzjoni medika. Din l-għażla għandu tkun estiża għall-prodotti mediċinali ġeneriċi awtorizzati mill-Komunità, bil-kondizzjoni li dan bl-ebda mod ma jnaqqas l-importanza sew ta' l-armonizzazzjoni miksuba meta l-prodott mediċinali ta' referenza kien evalwat kif ukoll tar-riżultati ta' dik il-valutazzjoni. |
|
(10) |
Fil-qasam tal-prodotti mediċinali veterinarji, miżuri amministrattivi għandhom ikun stabbiliti biex jittieħed kont ta' fatturi speċifiċi f'dan il-qasam, b'mod partikolari dawk dovuti għad-distribuzzjoni reġjonali ta' ċertu mard. Għandu jkun possibli li tintuża l-proċedura ċentralizzata għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti mediċinali veterinarji użati fil-kwadru tad-disposizzjonijiet Komunitarji rigward miżuri profilattiċi għall-mard epiżotiku. Għandha tinżamm l-għażla li wieħed jista' ukoll jinqeda bil-proċedura ċentralizzata għall-prodotti mediċinali veterinarji li fihom sustanza attiva ġdida. |
|
(11) |
Għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, il-perjodu għall-protezzjoni tad-“data” dwar testijiet pre-kliniċi u provi kliniċi għandhom ikun l-istess bħal dak previst fid-Direttiva 2001/83/KE. Għall-prodotti mediċinali veterinarji, il-perjodu għall-protezzjoni tad-“data” dwar testijiet pre-kliniċi u provi kliniċi kif ukoll testijiet ta' sigurtà u residwu għandu jkun l-istess bħal dak previst fid-Direttiva 2001/82/KE. |
|
(12) |
Biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-“marketing” ta' prodotti mediċinali awtorizzati permezz tal-proċedura ċentralizzata għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju, għandhom ikun adottati disposizzjonijiet li jippermettu tnaqqis fil-ħlasijiet, postponiment tal-pagament tal-ħlasijiet, teħid tar-responsabbiltà għat-traduzzjonijiet u offerta ta' għajnuna amministrattiva fir-rigward ta' tali impriżi. |
|
(13) |
Fl-interess tas-saħħa pubblika, deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni taħt il-proċedura ċentralizzata għandhom jittieħdu fuq bażi ta' kriterji xjentifiċi oġġettivi ta' kwalità, sigurtà u effikaċja tal-prodott mediċinali konċernat, bl-esklużjoni ta' konsiderazzjonijiet ekonomiċi u oħrajn. Madankollu, b'mod eċċezzjonali l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprojbixxu l-użu fit-territorju tagħhom ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li b'mod oġġettiv jiksru l-kunċetti definiti ta' politika u moralità pubblika. Barraminnhekk, prodott mediċinali veterinarju ma għandux ikun awtorizzat mill-Komunità jekk l-użu tiegħu jikser ir-regoli stabbiliti fil-kwadru tal-Politika Agrikola Komuni jew jekk hu ppreżentat għall-użu projbit taħt disposizzjonijiet oħra Komunitarji, “inter alia” d-Direttiva 96/22/KE ( 8 ). |
|
(14) |
Għandhom isiru disposizzjonijiet biex kriterji ta' kwalità, sigurtà u effikaċja fid-Direttivi 2001/83/KE u 2001/82/KE japplikaw għall-prodotti mediċinali awtorizzati mill-Komunità u għandu jkun possibli li wieħed jagħmel stima tal-bilanċ tar-riskju-benefiċċju tal-prodotti kollha mediċinali meta jitqiegħdu fis-suq, meta tiġġedded l-awtorizzazzjoni u f'kull ħin ieħor li l-awtorità kompetenti tikkunsidra xieraq. |
|
(15) |
Il-Komunità hi mitluba, skond l-Artikolu 178 tat-Trattat, li tikkunsidra l-aspetti tal-politika ta' żvilupp ta' kull miżura u li tippromwovi l-ħolqien ta' kondizzjonijiet adatti għall-bnedmin tad-dinja kollha. Il-liġi farmaċewtika għandha tkompli tiżgura li jiġu esportati biss prodotti mediċinali li huma effikaċi, li mhumiex ta' periklu u li huma ta' l-ogħla kwalità, u l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li toħloq aktar inċentivi biex titwettaq riċerka fil-prodotti mediċinali kontra mard tropiku mxerred. |
|
(16) |
Hemm ukoll il-bżonn li wieħed jipprovdi għall-ħtiġiet etiċi tad-Direttiva 2001/20/KE ta' l-4 ta' April 2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jirrelataw għall-implimentazzjoni ta' prattika korretta ta' klinika fit-twettieq ta' provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem ( 9 ) biex ikunu applikati prodotti mediċinali awtorizzati mill-Komunità. B'mod partikolari, fir-rigward ta' provi kliniċi mwettqa barra l-Komunità fuq prodotti mediċinali maħsuba għall-awtorizzazzjoni fil-Komunità, waqt il-valutazzjoni ta' l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, għandu jkun ivverifikat jekk dawn il-provi humiex imwettqa skond il-prinċipji ta' prattika klinika tajba u l-ħtiġiet etiċi ekwivalenti għad- disposizzjonijiet ta' l-imsemmija Direttiva. |
|
(17) |
Il-Komunità għandu jkollha l-mezzi biex twettaq stima xjentifika tal-prodotti mediċinali ppreżentati skond il-proċeduri ta' l-awtorizzazzjoni deċentralizzataa Komunitarja Barraminnhekk, bl-għan li tkun żgurata l-armonizzazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet amministrattivi meħuda mill-Istati Membri fir-rigward ta' prodotti mediċinali preżentati skond il-proċeduri ta' l-awtorizzazzjoni deċentralizzata, hu neċessarju li l-Komunità tkun mogħtija l-mezzi biex issolvi disgwid bejn l-Istati Membri dwar il-kwalità, is-sigurtà u l-effikaċja tal-prodotti mediċinali. |
|
(18) |
L-istruttura u t-tħaddim tal-korpi varji li jiffurmaw l-Aġenzija għandhom ikunu ddisinjati b'mod tali li jittieħed kont tal-bżonn kontinwu li tkun imġedda l-kompetenza xjentifika, tal-bżonn ta' koperazzjoni bejn il-Komunità u korpi nazzjonali, tal-bżonn ta' involviment adegwat tas-soċjetà ċivili, u tat-tkabbir futur ta' l-Unjoni Ewropea. Il-korpi varji ta' l-Aġenzija għandhom jistabbilixxu u jiżviluppaw kuntatti xierqa mal-partijiet konċernati, b'mod partikolari ma' rappreżentanti tal-pazjenti u professjonisti tal-kura tas-saħħa. |
|
(19) |
Ix-xogħol ewlieni ta' l-Aġenzija għandu jkun li tipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri l-aħjar opinjonijiet xjentifiċi possibli biex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-poteri dwar l-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza tal-prodotti mediċinali mogħtija lilhom mill-liġi Komunitarja fil-qasam tal-prodotti mediċinali. Għandha tingħata awtorizzazzjoni għall-“marketing” mill-Komunità biss wara li proċedura ta' valutazzjoni xjentifika waħda li tindirizza l-kwalità, is-sigurtà u l-effikaċja ta' prodotti mediċinali ta' teknoloġija għolja titwettaq mill-Aġenzija, wara li tapplika l-ogħla livelli possibli, u din għandha ssir permezz ta' proċedura veloċi li tiżgura koperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. |
|
(20) |
Biex tkun żgurata koperazzjoni mill-qrib bjen l-Aġenza u x-xjentisti li jaħdmu fl-Istati Membri, il-komposizzjoni tal-Bord Amministrattiv għandha tkun tali li tiggarantixxi li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri huma involuti mill-qrib fl-amministrazzjoni totali tas-sistema Komunitarja għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti mediċinali. |
|
(21) |
Il-“budget” ta' l-Aġenzija għandu jkun kompost minn ħlasijiet imħallsa mis-settur privat u kontribuzzjonijiet imħallsa mill-“budget” tal-Komunità biex tkun implimentata l-politika Komunitarja. |
|
(22) |
Il-paragrafu 25 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-“budget” u t-titjib tal-proċedura tal-“budget” ( 10 ) jipprovdi għall-aġġustament tal-Perspettiva Finanzjarja biex tkopri l-bżonnijiet ġodda li jirriżultaw mit-tkabbir. |
|
(23) |
Ir-responsabbiltà esklussiva għall-preparazzjoni ta' l-opinjonijet ta' l-Aġenzija dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem għandha tkun mogħtija lill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem. F'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali veterinarji, tali responsabbiltà għandha tkun mogħtija lill-Kumitat ghall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju. F'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali orfni, ix-xogħol għandu jingħata lill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali Orfni stabbilit taħt ir-Regolament (KE) Nru 141/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1999 dwar il-prodotti mediċinali orfni ( 11 ). Fl-aħħar, f'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali mill-ħxejjex, din ir-responsabbiltà għandha tkun mogħtija lill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali Veġetali stabbilit taħt id-Direttiva 2001/83/KE. |
|
(24) |
Il-ħolqien ta' l-Aġenzija ser jagħmilha possibli li jissaħħu r-rwol xjentifiku u l-indipendenza tal-kumitati, b'mod partikolari permezz tat-twaqqif tas-segretarjat permanenti tekniku u amministrattiv. |
|
(25) |
Il-qasam ta' l-attività tal-Kumitati Xjentifiki għandu jitkabbar u l-metodi ta' operazzjoni u l-komposizzjoni tagħhom għandhom ikunu modernizzati. Għandhom ikunu pprovduti b'mod aktar ġenerali u iktar fil-fond pariri xjentifiċi għall-applikanti futuri li qed ifittxu awtorizzazzjoni għall-“marketing”. B'mod simili, għandhom ikunu stabbiliti strutturi li jippermettu l-iżvilupp ta' pariri għall-kumpanniji, b'mod partikolari impriżi ta' daqs żgħir u medju. Il-kumitati għandhom ikunu jistgħu jiddelegaw xi ftit mid-doveri tagħhom ta' valutazzjoni lill-“standing working parties” li jkunu miftuħa għall-esperti mid-dinja xjentifika maħtura għal dan l-iskop, waqt li jżommu responabbiltà totali għall-opinjonijiet xjentifiċi mogħtija. Il-proċeduri ta' ri-eżaminazzjoni għandhom ikunu emendati biex jipprovdu garazija aħjar għad-drittijiet ta' l-applikanti. |
|
(26) |
Għandu jkun stabbilit in-numru tal-membri tal-Kumitati Xjentifiċi li qed jipparteċipaw fil-proċedura ċentralizzata bl-għan li jkun żgurat li l-kumitati jibqgħu ta' daqs effettiv wara t-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea. |
|
(27) |
Hu ukoll neċessarju li jerġa' jissaħħaħ ir-rwol tal-Kumitati Xjentifiċi b'mod tali li l-Aġenzija tkun tista' tipparteċipa attivament fid-djalogu xjentifiku internazzjonali u tiżviluppa ċerti attivitajiet neċessarji, b'mod partikolari dwar l-armonizzazzjoni internazzjonali xjentifika u l-koperazzjoni teknika ma' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħha. |
|
(28) |
Barraminnhekk, biex tinħoloq iktar ċertezza legali hemm bżonn li jkunu definiti r-responsabbiltajiet dwar ir-regoli ta' trasparenza fix-xogħol ta' l-Aġenzija, biex ikun stabbiliti ċerti kondizzjonijiet għall-“marketing” ta' prodotti mediċinali awtorizzati mill-Komunità, biex l-Aġenzija tingħata poter tissorvelja d-distribuzzjoni ta' prodotti mediċinali awtorizzati mill-Komunità u biex tispeċifika s-sanzjonijiet u l-proċeduri li għandhom ikunu implimentati fil-każ ta' nuqqas ta' osservanza tad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u tal-kondizzjonijiet inklużi fl-awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt il-proċeduri stabbiliti minnha. |
|
(29) |
Huwa ukoll neċessarju li jittieħdu miżuri għas-sorveljanza ta' prodotti mediċinali awtorizzati mill-Komunità, u b'mod partikolari għas-sorveljanza intensiva ta' l-effetti mhux mixtieqa ta' dawk il-prodotti mediċinali fil-kwadru ta' l-attivitajiet ta' farmako-viġilanza, sabiex ikun żgurat l-irtirar fil-pront mis-suq ta' xi prodotti mediċinali li jippreżentaw bilanċ negattiv tar-riskju/benefiċċju taħt ċirkostanzi ta' użu normali. |
|
(30) |
Biex tkun imkabbra l-effikaċja tas-sorveljanza tas-suq, l-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-kordinazzjoni ta' l-attivitajiet ta' farmako-viġilanza ta' l-Istati Membri. Għandhom ikunu ntrodotti numru ta' disposizzjonijiet biex jiġu stabbiliti proċeduri stretti u effiċjenti ta' farmako-viġilanza, biex l-awtorità kompetenti tkun tista' tieħu miżuri provviżorji ta' emerġenza, inkluż l-introduzzjoni ta' emendi għall-awtorizzazzjoni tal-“marketing” u, fl-aħħar, biex tkun tista' ssir f'kull ħin stima mill-ġdid tal-bilanċ tar-riskju/benefiċċju ta' prodott mediċinali. |
|
(31) |
Hu ukoll xieraq li l-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mill-qrib ma' l-Aġenzija u wara konsultazzjonijiet ma' l-Istati Membri, tingħata x-xogħol li tikkordina l-eżekuzzjoni tar-responsabbilitajiet varji ta' sorveljanza ta' l-Istati Membri, u b'mod partikolari x-xogħol li tipprovdi informazzjoni fuq il-prodotti mediċinali u li tivverifika l-osservanza ta' prattiċi tajba fil-manifattura, fil-laboratorji u fil-kliniċi. |
|
(32) |
Huwa neċessarju li wieħed jipprovdi għall-implimentazzjoni kordinata tal-proċeduri tal-Komunità għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti mediċinali, u tal-proċeduri nazzjonali ta' l-Istati Membri li ġew diġà armonizzati b'mod konsiderevoli bid-Direttivi 2001/83/KE u 2001/82/KE. Hu xieraq li t-tħaddim tal-proċeduri stabbiliti b'dan ir-Regolament jerġgħu jkunu eżaminati mill-Kummissjoni kull għaxar snin fuq il-bażi ta' l-esperjenza miskuba. |
|
(33) |
Biex jintlaħqu, b'mod partikolari, l-istennijiet leġittimi tal-pazjenti u biex jittieħed kont tal-progress dejjem iktar veloċi tax-xjenza u t-terapiji, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri mgħaġġla ta' stima, irriżervati għall-prodotti mediċinali ta' interess terapewtiku ta' l-akbar importanza, u proċeduri għall-ksib ta' awtorizzazzjonijet temporanji suġġetti għal ċerti kondizzjonijiet annwali rivedibbli. Fil-qasam tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, għandu jkun segwit approċċ komuni, fejn hu possibli, rigward il-kriterji u l-kondizzjonijiet għall-użu bbażat fuq il-ħniena ta' prodotti mediċinali ġodda taħt il-liġi ta' l-Istati Membri |
|
(34) |
L-Istati Membri żviluppaw valutazzjoni ta' l-effikaċja komparattiva ta' prodotti mediċinali maħsuba biex tagħti poizzjoni lill-prodott mediċinali ġdid fil-konfont ta' dawk li diġà jeżistu fl-istess kategorija terapewtika. B'mod simili, il-Kunsill, fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-prodotti mediċinali u s-saħħa pubblika ( 12 ), adottati fil-29 ta' Ġunju 2000, enfasizza l-importanza li jkunu identifikati prodotti ġodda li jippreżentaw valur terapewtiku miżjud. Madankollu, din il-valutazzjoni ma għandhiex titwettaq fil-kuntest ta' l-awtorizzazzjoni tal-“marketing”, dwar liema hemm qbil li jinżammu l-kriterji fundamentali. F'dan ir-rigward hu ta' ħtieġa li tinżamm il-possibiltà ta' ġbir ta' informazzjoni dwar il-metodi użati mill-Istati Membri biex ikun determinat il-benefiċċju terapewtiku miksub minn kull prodott mediċinali ġdid. |
|
(35) |
F'konformità mad-disposizzjonijiet kurrenti tad-Direttivi 2001/83/KE u 2001/82/KE, it-terminu ta' validità ta' awtorizzazzjon għall-“marketing” tal-Komunità għandu jkun limitat inizjalment għall-perjodu ta' ħames snin, u għandu jkun imġedded ma' l-egħluq tiegħu. Wara, l-awtorizzazzjoni ta' “marketing” għandu normalment ikollha validità mhux limitata. Barraminnhekk, kull awtorizzazzjoni mhux użata għal tliet snin konsekuttivi, jiġifieri, awtorizzazzjoni li ma wasslitx għat-tqegħid fis-suq ta' prodott mediċinali fil-Komunità matul dak il-perjodu, għandha tkun ikkunsidrata invalida, biex, b'mod partikolari, ikun evitat il-piż amministrattiv għaż-żamma ta' tali awtorizzazzjonijiet. Madankollu, din ir-regola għandha tkun suġġetta għall-eżenzjonijet meta dawn huma ġustifikati għal raġunijiet ta' saħħa pubblika. |
|
(36) |
Riskji ambjentali jistgħu jqumu minn prodotti mediċinali li fihom jew li jikkonsistu f'organiżmi ġenetikament modifikati. Hu għalhekk neċessarju li tali prodotti jkunu suġġetti għall-proċedura ta' stima ta' riskju ambejntali taħt id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati ( 13 ), li għandha titwettaq b'mod parallel mal-valutazzjoni, taħt proċedura Komunitarja waħda, tal-kwalità, sigurtà u effikaċja tal-prodott konċernat. |
|
(37) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni ( 14 ). |
|
(38) |
Id-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1647/2003 ( 15 ) li jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 2309/93 dwar il-“budget” u r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija u l-aċċess għad-dokumenti ta' l-Aġenzija għandhom ikunu inkoporati b'mod sħiħ f'dan ir-Regolament. |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
DEFINIZZJONIJIET U KAMP TA' APPLIKAZZJONI
Artikolu 1
L-iskop ta' dan ir-Regolament hu li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni, s-sorveljanza u l- farmako-viġilanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju, u biex jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”).
Id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ma għandhomx jolqtu l-poteri ta' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri dwar l-iffissar tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali jew l-inklużjoni tagħħom fil-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema nazzjonali tas-saħħa jew ta' l-iskemi ta' sigurtà soċjali fuq il-bażi ta' kondizzjonijiet tas-saħħa, ekonomiċi u soċjali. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jagħżlu mid-dettalji murija fl-awtorizzazzjoni għall-“marketing” dawk l-indikazzjonijiet terapewtiċi u daqsijiet ta' pakketti li ser ikunu koperti mill-korpi ta' sigurtà soċjali tagħhom.
Artikolu 2
Id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/83/KE u dawk stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/82/KE għandhom japplikaw għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament.
Id-detentur ta' awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodotti mediċinali koperti b'dan ir-Regolament għandu jkun stabbilit fil-Komunità. Id-detentur għandu jkun responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta' dawk il-prodotti mediċinali, sew jekk jqiegħdhom hu stess sew jekk dan isir permezz ta' persuna jew persuni nominati għal dak l-iskop.
Artikolu 3
1. L-ebda prodott mediċinali li jidher fl-Anness ma jista' jitqiegħed fis-suq madwar il-Komunità sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni għall-“marketing” mill-Komunità skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
2. Kull prodott mediċinali li ma jidhirx fl-Anness jista' jingħata awtorizzazzjoni għall-“marketing” mill-Komunità skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jekk:
(a) il-prodott mediċinali fih sustanza attiva ġdida li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ma kienetx awtorizzata fil-Komunità; jew
(b) l-applikant juri li l-prodott mediċinali jikkostitwixxi innovazzjoni terapewtika, xjentifika jew teknika sinifikanti jew li l-għoti ta' l-awtorizzazzjoni skond dan ir-Regolament hu fl-interessi tas-saħħa tal-pazjenti jew ta' l-annimali fuq livell Komunitarju.
Prodotti mediċinali veterinarji immunoloġiċi għall-kura tal-mard ta' l-annimali li huma suġġetti għall-miżuri profilattiċi Komunitarji jistgħu ukoll jingħataw tali awtorizzazzjoni.
3. Prodott mediċinali ġeneriku ta' prodott mediċinali ta' referenza awtorizzat mill-Komunità jista' jkun awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri skond id-Direttiva 2001/83/KE u d-Direttiva 2001/82/KE taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tkun sottomessa skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2001/83/KE jew l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/82/KE;
(b) is-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodottt fl-aspetti rilevanti kollha hu konsistenti ma' dak tal-prodott mediċinali awtorizzat mill-Komunità ħlief għal dawk il-partijiet tas-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott li jirreferu għall-indikazzjonijiet jew formi ta' dożaġġ li kienu għadhom koperti mil-liġi tal-patenti fiż-żmien meta kien sar il-“marketing” tal-mediċina ġenerika; u
(ċ) il-prodott mediċinali ġeneriku hu awtorizzat taħt l-istess isem fl-Istati Membri kollha fejn saret l-applikazzjoni. Għall-iskopijiet ta' din id-disposizzjoni, il-verżjonijiet linguistiċi kollha ta' l-INN (“international non-proprietary name”) għandhom ikunu ikkunsidrati li huma l-istess isem.
4. Wara li jkun ikkonsultat il-kumitat kompetenti ta' l-Aġenzija, l-Anness jista' jerġa' jkun eżaminat fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku, bl-għan li ssir kull emenda neċessarja mingħajr ma jkun estiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-proċedura ċentralizzata. Tali emendi għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(2).
Artikolu 4
1. Applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet għall-“marketing” imsemmija fl-Artikolu 3 għandhom ikunu sottomessi lill-Aġenzija.
2. Il-Komunità għandha tagħti u tissorvelja l-awtorizzazzjonijiet għall-“marketing” għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem skond it-Titolu II.
3. Il-Komunità għandha tagħti u tissorvelja l-awtorizzazzjonijiet għall-“marketing” għall-prodotti mediċinali veterinarji skond it-Titolu III.
TITOLU II
AWTORIZZAZZJONI U SORVLEJANZA TAL-PRODOTTI MEDIĊINALI GĦALL-UŻU MILL-BNIEDEM
Kapitolu 1
Sottomissjoni u eżaminazzjoni ta' l-applikazzjonijiet - Awtorizzazzjonijiet
Artikolu 5
1. Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Mill-Bniedem huwa b'dan stabbilit. Il-Kumitat għandu jkun parti mill-Aġenzija.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 56 jew għall-xogħol ieħor li l-liġi tal-Komunità tista' tagħtih, il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem għandu jkun responsabbli għat-tfassil ta' l-opinjoni ta' l-Aġenzija fuq kull kwistjoni li tikkonċerna l-ammissibilità tal-“files” sottomessi skond il-proċedura ċentralizzata, l-għoti, il-varjazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka ta' xi awtorizzazzjoni biex jitqiegħed fis-suq prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem skond id-disposizzjonijiet ta' dan it-Titolu, u l- farmako-viġilanza.
3. Fuq it-talba tad-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija jew ir-rappreżentant tal-Kummissjoni, il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem għandu ukoll ifassal opinjoni fuq kull kwistjoni xjentifika li tikkonċerna il-valutazzjoni tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem. Il-Kumitat għandu ukoll jikkunsidra kif dovut kull talba mill-Istati Membri għal xi opinjoni. Il-Kumitat għandu ukoll jifformula opinjoni kull meta ma jkunx hemm qbil fil-valutazzjoni ta' prodotti mediċinali permezz tal-proċedura ta' rikonoxximent reċiproku. L-opinjoni tal-Kumitat għandha tkun magħmula aċċessibbli għall-pubbliku.
Artikolu 6
1. Kull applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem għandha b'mod speċifiku u sħiħ tinkludi l-partikolaritajiet u d-dokumenti kif imsemmija fl-Artikoli 8(3), 10, 10a, 10b jew 11 u fl-Anness I tad-Direttiva 2001/83/KE. Id-dokumenti għandhom jinkludu dikjarazzjoni li l-provi kliniċi mwettqa barra mill-Unjoni Ewropea jissodisfaw il-ħtiġiet etiċi tad-Direttiva 2001/20/KE. Dawn il-partikolarijiet u d-dokumenti għandhom iqisu in-natura unika Komunitarja ta' l-awtorizzazzjoni mitluba u, ħlief f'każi eċċezzjonali relatati ma' l-applikazzjoni tal-liġi dwar il-marki tal-kummerċ, għandhom jinkludu l-użu ta' isem wieħed għall-prodott mediċinali.
L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata bil-ħlas pagabbli lill-Aġenzija għall-eżaminazzjoni ta' l-applikazzjoni.
2. Fil-każ ta' prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem li fih jew li jikkonsisti f'organiżmi ġenetikament modifikati fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18/KE, l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata:
(a) b'kopja tal-kunsens bil-miktub ta' l-awtoritajiet kompetenti għar-rilaxx ippjanat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati għall-iskopijiet ta' riċerka u żvilupp fejn previst fil-Parti B tad-Direttiva 2001/18/KE jew f'Parti B tad-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta' April 1990 fuq ir-rilaxx deliberat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati ( 16 );
(b) id-dossier tekniku sħiħ li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Annessi III u IV tad-Direttiva 2001/18/KE;
(ċ) l-istima tar-riskju ambjentali skond il-prinċipji stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE; u
(d) ir-riżultati ta' xi investigazzjonijiet imwettqa għall-iskopijiet ta' riċerka jew żvilupp.
L-Artikoli 13 sa 24 tad-Direttiva 2001/18/KE ma għandhomx japplikaw għall-prodotti mediċinali għall-użu milll-bniedem li fihom jew li jikkonsistu f'organiżmi ġenetikament modifikati.
3. L-Aġenzija għandha tiżgura li l-opinjoni tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem tingħata fi żmien 210 jum wara li tkun riċevuta applikazzjoni valida.
It-tul ta' l-analiżi tad-“data” xjentifika fil-“file” dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu jkun mill-inqas ta' 80 jum, ħlief fil-każi fejn ir-relatur u l-ko-relatur jiddikjaraw li lestew l-istima tagħhom qabel dak iż-żmien.
Fuq il-bażi ta' talba raġunata kif xieraq, l-imsemmi Kumitiat jista' jitlob li jkun estiż it-tul ta' l-analiżi xjentifika tad-“data” fil-“file” dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-“marketing”.
Fil-każ ta' prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem li fih jew li jikkonsisti f'organiżmi ġenetikament modifikati, l-opinjoni ta' l-imsemmi Kumitat għandha tirrispetta l-ħtiġiet ta' sigurtà ambjentali stabbiliti fid-Direttiva 2001/18/KE. Matul il-proċess tal-valutazzjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-“marketing” ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li fihom jew li jikkonsistu f'organiżmi ġenetikament modifikati, ir-relatur għandu jwettaq il-konsultazzjonijiet neċessarji mal-korpi li l-Komunità jew l-Istati Membri stabbilixxew skond id-Direttiva 2001/18/KE.
4. Il-Kummissjoni, b'konsultazzjoni ma' l-Aġenzija, l-Istati Membri u l-partijiet interessati, għandha tfassal gwida dettaljata dwar il-forma li fiha għandhom ikunu ppreżentati l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni.
Artikolu 7
Biex jipprepara l-opinjoni tiegħu, il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem:
(a) għandu jivverifika li l-partikolaritajiet u d-dokumenti sottomessi skond l-Artikolu 6 iħarsu l-ħtiġiet tad-Direttiva 2001/83/KE, u għandu jeżamina jekk humiex sodisfatti l-kondizzjonijiet speċifikati f'dan ir-Regolament għall-għoti ta' awtorizzazzjoni għall-“marketing”;
(b) jista' jitlob li Laboratorju Uffiċjali għall-Kontroll tal-Mediċini jew laboratorju li Stat Membru nnomina għal dak l-iskop jittestja l-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem, il-materjali tal-bidu tiegħu u, jekk ikun hemm bżonn, il-prodotti intermedjarji tiegħu jew materjali oħra li jikkostitwuh biex ikun żgurat li l-metodi ta' kontroll adottati mill-manifattur u deskritti fid-dokumenti ta' l-applikazzjoni huma sodisfaċenti;
(ċ) jista' jitlob li l-applikant jissuplimenta il-partikolaritajiet li jakkumpanjaw l-applikazzjoni fi perjodu ta' żmien speċifiku. Fejn l-imsemmi Kumitat jagħmel din l-għażla, il-perjodu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, għandu jiġi sospiż sakemm tkun ipprovduta l-informazzjoni addizzjonali mitluba. Bl-istess mod, dan il-perjodu ta' żmien għandu jkun sospiż għat-tul ta' żmien li għandu l-applikant biex jipprepara spegazzjonijiet orali jew bil-miktub.
Artikolu 8
1. Mal-wasla ta' talba bil-miktub mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem, Stat Membru għandu jgħaddi l-informazzjoni li turi li l-manifattur ta' prodott mediċinali jew li importatur minn pajjiż terz jista' jimmanifattura l-prodott mediċinali konċernat u/jew iwettaq it-testijiet ta' kontroll meħtieġa skond il-partikolaritajiet u d-dokumenti pprovduti taħt l-Artikolu 6.
2. Fejn jikkunsidra li dan hu neċessarju biex ilesti l-eżaminazzjoni tiegħu ta' applikazzjoni, l-imsemmi Kumitat jista' jitlob lill-applikant joqgħod għal spezzjoni speċifika tas-sit tal-manifattura tal-prodott mediċinali konċernat. Tali spezzjonijiet jistgħu jsiru għall-għarrieda.
L-ispezzjoni għandha titwettaq fi żmien il-perjodu stipulat l fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6(3) minn spetturi mill-Istat Membru li għandhom l-kwalifiki xierqa; jistgħu jkunu akkumpanjati minn relatur jew minn espert maħtur mill-Kumitat.
Artikolu 9
1. L-Aġenzija għandha tinforma minnufih lill-applikant jekk l-opinjoni tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem hi li:
(a) l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kriterji għall-awtorizzazzjoni stabbilioti f'dan ir-Regolament;
(b) is-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott propost mill-applikant jeħtieġ li jkun emendat;
(ċ) it-tikkettar jew il-fuljett tal-pakkett tal-prodott mhux skond it-Titolu V tat-Direttiva 2001/83/KE;
(d) l-awtorizzazzjoni jeħtieġ li tingħata suġġetta għall-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(7) u (8).
2. Fi żmien 15-il jum minn meta tasal l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-applikant jista' jagħti notifika bil-miktub lill-Aġenzija li jixtieq jitlob ri-eżaminazzjoni ta' l-opinjoni. F'dak il-każ, l-applikant għandu jgħaddi lill-Agenzija ir-raġunijiet dettaljati għat-talba fi żmien 60 jum mill-wasla ta' l-opinjoni.
Fi żmien 60 jum wara li jkun irċieva r-raġunijiet għat-talba, l-imsemmi Kumitat għandu jerġa' jeżamina l-opinjoni tiegħu skond il-kondizzjonijiet imniżżla fir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 62(1). Ir-raġunijiet għall-konklużjoni milħuqa għandhom ikunu annessi ma' l-opinjoni finali.
3. Fi żmien 15-il jum mill-adozzjoni tagħha, l-Aġenzija għandha tibgħat l-opinjoni finali ta' l-imsemmi Kumitat lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-applikant, flimkien ma' rapport li jiddeskrivi l-istima tal-prodott mediċinali mill-Kumitat u li jiddikjara r-raġunijiet tal-konklużjonijiet tiegħu.
4. Jekk l-opinjoni hi favorevoli għall-għoti ta' l-awtorizzazzjoni rilevanti biex jitqiegħed fis-suq il-prodott mediċinali konċernat, id-dokumenti li ġejin għandhom ikunu annessi ma' l-opinjoni:
(a) abbozz ta' sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott, kif imsemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/83/KE;
(b) dettalji ta' xi kondizzjonijiet jew restrizzjonijiet li għandhom ikunu imposti fuq il-provvista jew l-użu tal-prodott mediċinali konċernat, inklużi l-kondizzjonijiet taħt liema l-prodott mediċinali jista' jitqiegħed għad-disposizzjoni tal-pazjenti, skond il-kriterji stabbiliti fit-Titolu VI tad-Direttiva 2001/83/KE;
(ċ) dettalji ta' xi kondizzjonijiet jew restrizzjonijiet rakkomandati fir-rigward ta' l-użu mingħajr periklu u effettiv tal-prodott mediċinali;
(d) l-abbozz tat-test tat-tikketta u tal-fuljett tal-pakkett propost mill-applikant, ippreżentat skond it-Titolu V tad-Direttiva 2001/83/KE;
(e) ir-rapport ta' stima.
Artikolu 10
1. Fi żmien 15-il jum minn meta tirċievi l-opinjoni msemmija fl-Artikolu 5(2), il-Kummissjoni għandha tipprepara abbozz tad-deċiżjoni li ser tittieħed fir-rigward ta' l-applikazzjoni.
Fejn abbozz ta' deċiżjoni jipprevedi l-għoti ta' awtorizzazzjoni għall-“marketing”, għandu jinkludi jew jagħmel referenza għad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 9(4)(a), (b), (ċ) u (d).
Fejn l-abbozz tad-deċiżjoni mhux skond l-opinjoni ta' l-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tannetti spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għad-differenzi.
L-abbozz tad-deċiżjoni għandu jintbgħat lil-Istati Membri u lill-applikant.
2. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni finali skond, u fi żmien 15-il jum mit-tmiem tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(3).
3. Il-Kumitat Permanenti għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem imsemmi fl-Artikolu 87(1) għandu jaġġusta r-regoli ta' proċedura tiegħu biex jittieħed kont tax-xogħol li jmiss lilu taħt dan ir-Regolament.
L-aġġustamenti għandhom jipprovdu illi:
(a) l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għandha tingħata bil-miktub;
(b) l-Istati Membri għandhom 22 jum biex jibagħtu lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub dwar l-abbozz tad-deċiżjoni. Madankollu, jekk deċiżjoni għandha tittieħed b'urġenza, perjodu iqsar ta' żmien jista' jkun iffissat mill-President skond il-grad ta' l-urġenza involuta. Dan il-perjodu ta' żmien, ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali, ma jistax ikun iqsar minn 5 ijiem;
(ċ) L-Istati Membri jistgħu jitolbu bil-miktub li l-abbozz tad-deċiżjoni msemmi fil-paragrafu 1 ikun diskuss waqt laqgħa plenarja tal-Kumitat Permanenti, waqt li jagħtu r-raġunijiet tagħhom fid-dettal.
4. Fejn, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-osservazzjonijiet bil-miktub ta' Stat Membru jqajmu kwistjonijiet importanti ġodda ta' natura xjentifika jew teknika li l-opinjoni mogħtija mill-Aġenzija ma ndirizzatx, il-President għandu jissospendi l-proċedura u jirreferi l-applikazzjoni lura lejn l-Aġenzija għal aktar konsiderazzjoni.
5. Il-Kummissjoni għandha tadotta d-disposizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 4 skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(2).
6. L-Aġenzija għandha tqassam id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 9(4)(a), (b), (ċ) u (d).
Artikolu 11
Jekk applikant jirtira applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-“marketing” sottomessa lill-Aġenzija qabel ma ngħatat opinjoni dwar l-applikazzjoni, l-applikant għandu jikkomunika lill-Aġenzija r-raġunijiet tiegħu għalfejn għamel dan. L-Aġenzija għandha tagħmel din l-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku u għandha tippubblika r-rapport ta' stima, jekk disponibbli, wara li tneħħi l-informazzjoni kollha ta' natura kummerċjali kunfidenzali.
Artikolu 12
1. L-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu tkun rifjutata jekk, wara l-verifikazzjoni tal-partikolaritajiet u d-dokumenti sottomessi skond l-Artikolu 6, jidher li l-applikant ma weriex kif inhu xieraq jew ma weriex biżżejjed il-kwalità, is-sigurtà u l-effikaċja tal-prodott mediċinali.
L-awtorizzazzjoni tkun bl-istess mod rifjutata jekk il-partikolaritajiet jew id-dokumenti ipprovduti mill-applikant skond l-Artikolu 6 mhumiex korretti jew jekk it-tikketta u l-fuljett tal-pakkett proposti mill-applikant mhumiex skond it-Titolu V tad-Direttiva 2001/83/KE.
2. Ir-rifjut ta' awtorizzazzjoni Komuntiarja għall-“marketing” għandha tikkostitwixxi projbizzjoni għat-tqegħid fis-suq madwar il-Komunità tal-prodott mediċinali konċernat.
3. Informazzjoni dwar ir-rifjuti kollha u r-raġunijiet għalihom għandhom ikunu magħmula aċċessibbli għall-pubbliku.
Artikolu 13
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/83/KE, awtorizzazzjoni għall-“marketing” li ngħatat skond dan ir-Regolament għandha tkun valida fil-Komunità kollha. Għandha tagħti l-istess drittijiet u obbligi f'kull Stat Membru bħall-awtorizzazzjoni għall-“marketing” mogħtija minn dak l-Istat Membru skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/83/KE.
Prodotti mediċinali awtorizzati għall-użu mill-bniedem għandhom ikunu rreġistrati fir-Reġistru Komunitarju tal-Prodotti Mediċinali u mogħtija numru, li għandu jidher fuq l-imballaġġ.
2. In-notifika ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea, u tikkwota fiha b'mod partikolari d-data ta' l-awtorizzazzjoni u n-numru ta' reġistrazzjoni fir-Reġistru Komunitarju, kull “International Non-proprietary Name”(INN) tas-sustanza attiva tal-prodott mediċinali, il-forma farmaċewtika tiegħu, u kull Kodiċi Anatomiku Terapewtiku Kimiku (ATC).
3. L-Aġenzija għandha immedjatament tippubblika r-rapport ta' stima dwar il-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem miktub mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem u r-raġunijiet għall-għażla tagħha favur l-ogħti ta' l-awtorizzazzjoni, wara li tħassar kull informazzjoni ta' natura kummerċjali kunfidenzali.
Ir-Rapport ta' Stima Pubblika Ewropea (EPAR) għandu jinkludi sommarju miktub b'mod li hu mifhum mill-pubbliku. Is-sommarju għandu jinkludi b'mod partikolari taqsima relatata mal-kondizzjonijiet ta' l-użu tal-prodott mediċinali.
4. Wara li tingħata awtorizzazzjoni għall-“marketing”, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għandu jinforma lill-Aġenzija bid-dati tal-“marketing” attwali tal-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem, waqt li jittieħed kont tal-preżentazzjonijiet varji awtorizzati.
Id-detentur għandu ukoll jinnotifika lill-Aġenzija jekk il-prodott ma jibqax jitqiegħed fis-suq, sew jekk b'mod temporanju kif ukoll jekk b'mod permanenti. Tali notifika, ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali, għandha ssir mhux inqas minn xahrejn qabel l-interruzzjoni fit-tqegħid fis-suq tal-prodott.
Fuq talba minn l-Aġenzija, b'mod partikolari fil-kuntest tal-farmako-viġilanza, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu jipprovdi lill-Aġenzija bid-“data” kollha relatata mal-volum tal-bejgħ tal-prodott mediċinali, fuq livell Komunitarju, imqassam għal kull Stat Membru, u b'kull “data” fil-pussess tad-dententur li tirrelata mal-volum tal-preskrizzjonijiet.
Artikolu 14
1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4, 5 u 7 awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandha tkun valida għal ħames snin.
2. L-awtorizzazzjoni għall-“marketing” tista' tiġġedded wara ħames snin fuq il-bażi ta' valutazzjoni mill-ġdid mill-Aġenzija tal-bilanċ riskju-benefiċċju.
Għal dan il-għan, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu jipprovdi lill-Aġenzija, b'verżjoni konsolidata tal-“file” fir-rigward tal-kwalità, sigurtà u effikaċja, inklużi l-varjazzjonijiet kollha ntrodotti minn meta ngħatat l-awtorizzazzjoni għall-“marketing”, mill-inqas sitt xhur qabel l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” ma tibqax valida skond il-paragrafu 1.
3. La darba mġedda, l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandha tibqa' valida għal perjodu mhux limitat, sakemm il-Komunità tiddeċidi, fuq raġunijiet relatati mal-farmako-viġilanza li tipproċedi b'tiġdid addizzjonali wieħed ta' ħames snin skond il-paragrafu 2.
4. Kull awtorizzazzjoni li mhix segwita bit-tqegħid attwali fis-suq Komunitarju tal-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem fi żmien tlett snin wara l-awtorizzazzjoni, ma tibqax valida.
5. Fejn prodott mediċinali awtorizzat li kien qabel imqiegħed fis-suq ma għadux attwalment imqiegħed fis-suq għal perjodu ta' tlett snin konsekuttivi, l-awtorizzazzjoni ma għandhiex tibqa' valida.
6. F'ċirkustanzi eċċezzjonali u minħabba raġunijiet ta' saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista' tagħti eżenzjonijiet mill-paragrafi 4 u 5. Tali eżenzjonijiet għandhom ikunu ġustifikati kif suppost.
7. Wara konsultazzjoni ma' l-applikant, awtorizzazzjoni tista' tingħata suġġetta għal ċerti obbligi speċifiċi, li jkunu reveduti ta' kull sena mill-Aġenzija. Il-lista ta' dawn l-obbligi għandha tkun magħmula aċċessibbli għall-pubbliku.
B'deroga mill-paragrafu 1, tali awtorizzazzjoni għandha tkun valida għal sena, fuq bażi li tista' tigġedded.
Id-disposizzjonijiet għall-għoti ta' tali awtorizzazzjoni għandhom ikunu stabbiliti f'Regolament tal-Kummissjoni adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(2).
8. F'ċirkustanzi eċċezzjonali u wara konsultazzjoni ma' l-applikant, l-awtorizzazzjoni tista' tingħata suġġetta għal ħtieġa li l-applikant jintroduċi proċeduri speċifiċi, b'mod partikolari dwar is-sigurtà tal-prodott mediċinali, in-notifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar xi inċident relatat ma' l-użu tiegħu, u l-azzjoni li għandha tittieħed. Din l-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss għal raġunijiet oġġettivi u li jistgħu jkunu vverifikati u għandha tkun ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Anness 1 għad-Direttiva 2001/83/KE. Il-kontinwazzjoni ta' l-awtorizzazzjoni għandha tkun marbuta ma' stima annwali mill-ġdid ta' dawn ir-raġunijiet.
9. Fejn applikazzjoni hi sottomessa għall-awtorizzazzjoni għall-“marketing” ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li huma ta' interess kbir fejn tidħol is-saħħa pubblika u b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' innovazzjonijiet terapewtiċi, l-applikant jista' jitlob li l-proċess ta' stima jkun mgħaġġel. It-talba għandha tkun issostanzjata kif suppost.
Jekk il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem jaċċetta t-talba, il-perjodu ta' żmien imnizżel fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, għandu jitnaqqas għal 150 jum.
10. Meta jadotta l-opinjoni tiegħu, il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem għandu jinkludi proposta dwar il-kriterji għall-preskrizzjoni jew l-użu tal-prodotti mediċinali skond l-Artikolu 70(1) tad-Direttiva 2001/83/KE.
11. Mingħajr preġudizzju għal-liġi dwar il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li kienu awtorizzati skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom jibbenefikaw minn perjodu ta' tmien snin għall-protezzjoni tad-“data” u minn perjodu ta' għaxar snin għall-protezzjoni tal-“marketing”, dan l-aħħar perjodu jista' jkun estiż għal ħdax-il sena jekk, matul l-ewwel tmien snin ta' dawk l-għaxar snin, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” jikseb awtorizzazzjoni għall-indikazzjoni jew indikazzjonijiet terapewtiċi ġodda li, matul il-valutazzjoni xjentifika qabel l-awtorizzazzjoni tagħhom, jiġu meqjusa li ser iġibu benefiċċju kliniku sinifikanti meta mqabbla ma' terapiji eżistenti.
Artikolu 15
L-għoti ta' l-awtorizzazzjoni ma għandhix tolqot ir-responsabbiltà ċivili jew kriminali tal-manifattur jew tad-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” skond il-liġi nazzjonali applikabbli fl-Istati Membri.
Kapitolu 2
Sorveljanza u penali
Artikolu 16
1. Wara li tkun ingħatat awtorizzazzjoni skond dan ir-Regolament, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem, fir-rigward tal-metodi tal-manifattura u kontroll previsti fl-Artikolu 8(3)(d) u (h) tad-Direttiva 2001/83/KE, għandu jqis il-progress tekniku u xjentifiku u għandu jagħmel kull varjazzjoni li hemm bżonn biex il-prodotti mediċinali jkunu jistgħu jkunu manifatturati u kontrollati permezz ta' metodi xjentifiċi ġeneralment aċċettati. Għandu japplika għall-approvazzjoni ta' tali varjazzjonijiet skond dan ir-Regolament.
2. Id- detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu immedjatament jagħti lill-Aġenzija, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kull informazzjoni ġdida li tista' twassal għall-varjazzjoni tal-partikolaritajiet jew tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 8(3), 10, 10a, 10b u 11 tad-Direttiva 2001/83/KE, fl-Anness I tagħha, jew fl-Artikolu 9(4) ta' dan ir-Regolament.
B'mod partikolari, għandu immedjatament jinforma lill-Aġenzija, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b'xi projbizzjoni jew restrizzjoni imposta mill-awtoritajiet kompetenti ta' xi pajjiż fejn isir “marketing” tal-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem u b'kull informazzjoni ġdida oħra li tista' tinfluwenza il-valutazzjoni tal-benefiċċji u r-riskji tal-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem konċernat.
Biex il-bilanċ tar-riskju-benefiċċju jista' jkun kontinwament stimat, l-Aġenzija tista' f'kull ħin titlob lid-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” biex jibgħat id-“data” li turi li l-bilanċ tar-riskju-benefiċcju għadu favorevoli.
3. Jekk id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem jipproponi li jagħmel xi varjazzjoni tal-partikolaritajiet jew tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 2, għandu jissottometti l-applikazzjoni rilevanti lill-Aġenzija.
4. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Aġenzija, għandha tadotta d-disposizzjonijiet xierqa għall-eżaminazzjoni tal-varjazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet għall-“marketing” f'forma ta' regolament skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(2).
Artikolu 17
L-applikant jew id-dententur ta' awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu jkun responsabbli għall-preċiżjoni tad-dokumenti u tad-“data” sottomessi.
Artikolu 18
1. Fil-każ ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem manifatturati fil-Komunità, l-awtoritajiet ta' sorveljanza għandhom ikunu l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat jew Stati Membri li taw l-awtorizzazzjoni għall-manifattura prevista fl-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2001/83/KE fir-rigward tal-prodott mediċinali konċernat.
2. Fil-każ ta' prodotti mediċinali importati minn pajjiżi terzi, l-awtoritajiet ta' sorveljanza għandhom ikunu l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat jew Stati Membri li taw lill-importatur l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2001/83/KE, kemm-il darba ftehim xierqa ġew konklużi bejn il-Komunità u l-pajjiż esportatur biex ikun żgurat li l-manifattur japplika livelli ta' prattika ta' manifattura tajba għall-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti mill-Komunità.
Stati Membru jistgħu jitlob għajnuna minn Stat Membru ieħor jew mill-Aġenzija.
Artikolu 19
1. L-awtoritajiet ta' sorveljanza għandhom ikunu responsabbli biex jivverifikaw f'isem il-Komunità li d-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem jew il-manifattur jew l-importatur stabbilit fil-Komunità jissodisfaw il-ħtiġiet stabbiliti fit-Titoli IV, IX u XI tad-Direttiva 2001/83/KE.
2. Fejn, skond l-Artikolu 122 tad- Direttiva 2001/83/KE, il-Kummissjoni hi infurmata b'diffikultajiet serji ta' opinjoni bejn l-Istati Membri dwar jekk id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem jew il-manifattur jew l-importatur stabbilit fil-Komunità jissodisfawx il-ħtiġiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma' l-Istati Membri konċernati, tista' titlob li spettur mill-awtorità tas-superviżjoni jwettaq spezzjoni ġdida tad-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing”, tal-manifattur jew ta' l-importatur; l-ispettur in kwistjoni għandu jkun akkumpanjat minn żewġ spetturi minn Stati Membri li mhumiex parti fid-disputa jew minn żewġ esperti maħtura mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem.
3. Bla ħsara għal xi ftehim li setgħu ġew konklużi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi skond l-Artikolu 18(2), il-Kummissjoni, wara talba raġunata minn Stat Membru jew mill-imsemmi Kumitat, jew minn rajha, tista' titlob lill-manifattur stabbilit f'pajjiż terz biex joqgħod għall-spezzjoni.
L-ispezzjoni għandha titwettaq minn spetturi mill-Istati Membri li għandhom il-kwalifiki xierqa; jistgħu jkunu akkumpanjati minn relatur jew espert maħtur mill-imsemmi Kumitat. Ir-rapport ta' l-ispetturi għandu jitqiegħed għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-imsemmi Kumitat.
Artikolu 20
1. Fejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza jew l-awtoritajiet kompetenti ta' xi Stat Membru ieħor huma ta' l-opinjoni li l-manifattur jew l-importatur stabbilit fit-territorju tal-Komunità ma għadux jissodisfa l-obbligi stipulati fit-Titolu IV tad-Direttiva 2001/83/KE, għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem u lill-Kummissjoni, waqt li jagħtu r-raġunijiet tagħhom fid-dettal u jindikaw il-pjan ta' azzjoni propost.
L-istess għandu japplika fejn Stat Membru jew il-Kummissjoni tikkonsidra li waħda mill-miżuri previsti fit-Titoli IX u XI tad-Direttiva 2001/83/KE għandha tkun applikata fir-rigward tal-prodotti mediċinali konċernati jew fejn l-imsemmi Kumitat ta opinjoni f'dak is-sens skond l-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament.
2. Il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni ta' l-Aġenzija f'limitu ta' żmien li għandha tistabbilixxi fid-dawl ta' l-urġenza tal-kwistjoni, sabiex teżamina r-raġunijiet sottomessi. Meta prattikabbli, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem għandu jkun mistieden jipprovdi spjegazzjonijiet orali jew bil-mitkub.
3. Wara opinjoni mill-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri provviżorji neċessarji, li għandhom ikunu applikati immedjatament.
Deċiżjoni finali għandha tkun adottata fi żmien sitt xhur, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(3).
4. Fejn azzjoni b'urġenza hi neċessarja biex tipproteġi is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, Stat Membru, minn rajh jew fuq it-talba tal-Kummissjoni, jista' jissospendi l-użu fit-territorju tiegħu ta' prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem li kien awtorizzat skond dan ir-Regolament.
Meta jagħmel dan minn rajh, għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija dwar ir-raġunijiet għall-azzjoni tiegħu mhux aktar tard mill-jum tax-xogħol ta' wara s-sospensjoni. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha immedjatament tibda l-proċedura pprevista fil-paragrafi 2 u 3.
5. F'dan il-każ, l-Istat Membru għandu jiżgura li professjonisti tal-kura tas-saħħa jkunu nfurmati malajr bl-azzjoni tagħha u r-raġunijiet għaliha. 'Networks' stabbiliti minn assoċjazzjonijiet professjonali jistgħu jintużaw għal dan il-għan. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija bl-azzjonijiet meħuda għal dan il-għan.
6. Il-miżuri ta' sospensjoni msemmija fil-paragrafu 4 jistgħu jinżammu fis-seħħ sakemm tintlaħaq deċiżjoni definittiva skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(3).
7. L-Aġenzija, meta tintalab, għandha tinforma lil kull persuna konċernata bid-deċiżjoni finali u tagħmel id-deċiżjoni aċċessibbli għall-pubbliku immedjatament wara li tittieħed.
Kapitolu 3
Farmako-viġilanza
Artikolu 21
Għall-iskopijiet ta' dan il-Kapitolu, għandu japplika l-Artikolu 106(2) tad-Direttiva 2001/83/KE.
Artikolu 22
L-Aġenzija, waqt li taġixxi b'koperazzjoni mill-qrib mas-sistemi nazzjonali ta' farmako-viġilanza stabbiliti skond l-Artikolu 102 tad-Direttiva 2001/83/KE, għandha tirċievi l-informazzjoni rilevanti kollha dwar reazzjonijiet kuntrarji suspettati għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li kienu awtorizzati mill-Komunità skond dan ir-Regolament. Meta xieraq, il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem, skond l-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament, għandu jfassal opinjonijiet dwar il-miżuri neċessarji. Dawn l-opinjonijiet għandhom jiġu magħmula aċċessibbli għall-pubbliku.
Il-miżuri msemmija fl-ewwel paragrafu jistgħu jinkludu emendi għall-awtorizzazzjoni għall-“marketing” mogħtija skond l-Artikolu 10. Għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(3).
Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar reazzjonijiet kuntrarji suspettati għall-prodotti mediċinali awtorizzati taħt dan ir-Regolament jinġiebu għall-attenzjoni ta' l-Aġenzija skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Il-pazjenti għandhom ikunu mħeġġa jikkomunikaw kull reazzjoni kuntrarja lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa.
Artikolu 23
Id-detentur ta' awtorizzazzjoni għall-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem mogħtija skond id- disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandu jkollu b'mod permanenti u kontinwament għad-disposizzjoni tiegħu persuna kwalifikata b'mod xieraq responsabbli għall-farmako-viġilanza.
Dik il-persuna kwalifikata għandu tirrisjedi fil-Komunità u għandha tkun responsabbli għal dawn li ġejjin:
(a) l-istabbiliment u l-amministrazzjoni ta' sistema li tiżgura li informazzjoni dwar kull reazzjoni kuntrarja suspettata li tkun rapportat lill-persunal tal-kumpannija u lir-rappreżentanti mediċi tkun miġbura u eżaminata biex tkun aċċessibbli minn post wieħed fil-Komunità;
(b) preparazzjoni tar-rapporti msemmija fil-Artikolu 24(3) għall-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u ta' l-Aġenzija skond il-ħtiġiet ta' dan ir-Regolament;
(ċ) tiżgura li kull talba mill-awtoritajiet kompetenti biex tkun ipprovduta informazzjoni addizzjonali neċessarja għall-valutazzjoni tar-riskji u benefiċċji ta' prodott mediċinali tkun imwieġba b'mod sħiħ u immedjatament, inkluża talba għall-informazzjoni dwar il-volum tal-bejgħ jew preskrizzjonijiet tal-prodott mediċinali konċernat;
(d) tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b'kull informazzjoni oħra rilevanti għall-valutazzjoni tar-riskji u l-benefiċċji ta' prodott mediċinali, b'mod partikolari informazzjoni li tikkonċerna studji ta' wara l-awtorizzazzjoni dwar is-sigurtà.
Artikolu 24
1. Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem għandu jiżgura li r-reazzjonijiet kuntrarji serji suspettati kollha għall-prodott mediċinali awtorizzat skond dan ir-Regolament li jiġru fil-Komunità li professjonist tal-kura tas-saħħa jġib għall-attenzjoni tiegħu għandhom ikunu rreġistrati u rrapurtati fil-pront lill-Istati Membru li fit-territorju tagħhom ġara l-inċident, u mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jkun irċieva l-informazzjoni.
Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu jirreġistra kull reazzjoni kuntrarjasuspettata oħra li tiġri fil-Komunità skond il-gwida msemmija fl-Artikolu 26, dwar liema hu jista' jkun mistenni raġonevolment li jkun jaf u għandu jinnotifika fil-pront lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ġara l-inċident, u mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jkun irċieva l-informazzjoni.
2. Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem għandu jiżgura li r-reazzjonijiet kuntrarji suspettati mhux mistennija kollha u kull trasmissjoni suspetta permezz ta' prodott mediċinali ta' xi aġent li jinfetta fit-territorju ta' pajjiż terz jiġu rrapurtati fil-pront lill-Istati Membri u lill-Aġenzija, u mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jkun irċieva l-informazzjoni. Id- disposizzjonijiet għar-rappurtar ta' reazzjonijiet kuntrarji suspettati mhux mistennija li mhumiex serji, kemm jekk jiġru fil-Komunità kemm jekk f'pajjiz terz, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(2).
Ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali, dawn ir-reazzjonijiet għandhom ikunu trasmessi b'mod elettroniku f'forma ta' rapport u skond il-gwida msemmija fl-Artikolu 26.
3. Id-detentur ta' awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem għandu jżomm reġistrazzjonijiet dettaljati tar-reazzjonijiet kuntrarji suspettati kollha fil-Komunità jew barra mill-Komunità li jiġu rrapportati lilu minn professjonist tal-kura tas-saħħa.
Kemm-il darba ma ġewx stabbiliti ħtiġiet oħra bħala kondizzjoni għall-għoti ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” mill-Komunità, dawn ir-reġistrazzjonijiet għandhom ikunu sottomessi, f'forma ta' rapport perjodiku ta' aġġornament dwar is-sigurtà, lill-Aġenzija u lill-Istati Membri immedjatament meta jintalbu jew mill-inqas kull sitt xhur wara l-awtorizzazzjoni sakemm isir it-tqegħid fis-suq. Rapporti perjodiċi ta' aġġornament dwar is-sigurtà għandhom ukoll ikunu sottomessi immedjatament meta jintalbu jew mill-inqas kull sitt xhur matul l-ewwel sentejn wara t-tqegħid inizjali fis-suq tal-Komunità u darba fis-sena għas-sentejn ta' wara. Wara, ir-rapporti għandhom ikunu sottomessi f'intervalli ta' tliet snin, jew immedjatament meta jintalbu.
Dawn ir-rapporti għandhom ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni xjentifika, b'mod partikolari tal-bilanċ tar-riskju-benefiċċju tal-prodott mediċinali.
4. Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi disposizzjonijiet biex jemendaw il-paragrafu 3 minħabba l-esperjenza miksuba bit-tħaddim tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tadotta tali disposizzjonijiet skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(2).
5. Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” ma jistax jikkomunika informazzjoni dwar tħassib relatat mal-farmako-viġilanza lill-pubbliku ġenerali fir-rigward tal-prodott mediċinali awtorizzat qabel ma jagħti notifika minn qabel jew fl-istess ħin lill-Aġenzija.
F'kull każ, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu jiżgura li tali informazzjoni tkun ippreżentata b'mod oġġettiv u li mhix qarrieqa.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li detentur ta' awtorizzazzjoni għall-“marketing” li ma jwettaqx dawn l-obbligi jkun suġġett għall-penali effettivi, proporzjonali u dissważivi.
Artikolu 25
Kull Stat Membru għandu jiżgura li r-reazzjonijiet kuntrarji serji suspettati kollha għall-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem awtorizzat skond dan ir-Regolamenta li jiġru fit-territorju tiegħu u li jinġiebu għall-attenzjoni tiegħu għandhom ikunu rreġistrati u rrapportati fil-pront lill-Aġenzija u lid-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing”, u dan mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jkun irċieva l-informazzjoni.
L-Aġenzija għandha tgħaddi l-informazzjoni lis-sistemi nazzjonali ta' farmako-viġilanza stabbiliti skond l-Artikolu 102 tad-Direttiva 2001/83/KE.
Artikolu 26
Il-Kummissjoni, b'konsultazzjoni ma' l-Aġenzija, l-Istati Membri u l-partijiet interessati, għandha tfassal gwida dwar il-kollezzjoni, il-verifika u l-preżentazzjoni ta' rapporti dwar reazzjonijiet kuntrarji. Din il-gwida għandha tinkludi, b'mod partikolari, għall-benefiċċju tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw il-komunikazzjoni ta' informazzjoni dwar reazzjonijiet kuntrarji.
Skond din il-gwida, id-detenturi ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandhom jużaw it-terminoloġija medika aċċettata fuq livell internazzjonali għat-trasmissjoni ta' rapporti dwar reazzjonijiet kuntrarji.
L-Aġenzija, b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri u l-Kummissjoni, għandha tistabbilixxi “network” ta' proċessar ta' “data” għat-trasmissjoni veloċi ta' informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Komunità fil-każ li jkun hemm twissija relatata ma' manifattura difettuża, reazzjonijiet kuntrarji serji jew “data” oħra ta' farmako-viġilanza fir-rigward ta' prodotti mediċinali awtorizzati skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/83/KE. Tali “data” għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku, jekk tkun rilevanti, wara il-valutazzjoni. Għall-perjodu ta' ħames snin wara t-tqegħid inizjali fis-suq tal-Komunità, l-Aġenzija tista' titlob li d-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” jirranġa biex “data” speċifika ta' farmako-viġilanza tkun miġbura minn gruppi ta' pazjenti magħżula. L-Aġenzija għandha tiddikjara r-raġunijiet għat-talba. Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu jiġbor id-“data” u jeżaminha u jissottomettiha lill-Aġenzija għall-valutazzjoni.
Artikolu 27
L-Aġenzija għandha tikkollabora ma' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fi kwistjonijiet ta' farmako-viġilanza internazzjonali u għandha tieħu l-passi neċessarji biex tissottomettilha, fil-pront, informazzjoni xierqa u adegwata dwar il-miżuri meħuda fil-Komunità li jista' jkollhom effett fuq il-protezzjoni tas-saħħa pubblika f'pajjiżi terzi; għandha tibgħat kopja ta' l-informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.
Artikolu 28
L-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jikkoperaw biex jiżviluppaw kontinwament sistemi ta' farmako-viġilanza li kapaċi jilħqu livelli għolja ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika għall-prodotti mediċinali kollha, mingħajr ma jingħata każ ta' minn fejn ġejja l-awtorizzazzjoni, inkluż l-użu ta' approċċi kollaborattivi, biex ikun massimizzat l-użu tar-riżorsi disponibbli fil-Komunità.
Artikolu 29
Kull emenda li tista' tkun neċessarja biex taġġorna d-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu biex jittieħed kont tal-progress xjentifiku u tekniku għandha tkun adottata skond il-proċedura msemmija fil-Artikolu 87(2).
TITOLU III
AWTORIZZAZZJONI U SORVELJANZA TA' PRODOTTI MEDIĊINALI VETERINARJI
Kapitolu 1
Sottomissjoni u eżaminazzjoni ta' applikazzjonijiet - Awtorizzazzjonijiet
Artikolu 30
1. Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju huwa b'dan stabbilit. Il-Kumitat għandu jkun parti mill-Aġenzija.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 56 u għal xogħol ieħor li l-liġi Komunitarja tista' tagħtih, b'mod partikolari taħt ir-Regolament (KEE) Nru 2377/90 ( 17 ), il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju għandu jkun responsabbli għat-tfassil ta' l-opinjoni ta' l-Aġenzija fuq kull kwistjoni li tikkonċerna l-ammissibbiltà ta' “files” sottomessi skond il-proċedura ċentralizzata, l-għoti, il-varjazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka ta' awtorizzazzjoni biex jitqiegħed fis-suq prodott mediċinali veterinarju skond id-disposizzjonijiet ta' dan it-Titolu, u l-farmako-viġilanza.
3. Fuq talba tad-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija jew ir-rappreżentant tal-Kummissjoni, il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju għandu ukoll ifassal opinjonijiet fuq kull materja xjentifika li tikkonċerna il-valutazzjoni ta' prodotti mediċinali veterinarji. Il-Kumitat għandu jikkunsidra kif xieraq kull talba għall-opinjoni mill-Istati Membri. Il-Kumitat għandu ukoll jifformula opinjoni kull meta jkun hemm nuqqas ta' qbil fl-assessjar ta' prodott mediċinali veterinarju permezz tal-proċedura ta' rikonoxximent reċiproku. L-opinjoni tal-Kumitat għandha tkun magħmula aċċessibbli għall-pubbliku.
Artikolu 31
1. Kull applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodott mediċinali għall-użu veterinarju għandha b'mod speċifiku u eżawrjenti tinkludi l-partikolaritajiet u d-dokumenti kif imsemmi fl-Artikoli 12(3), 13, 13a, 13b u 14 u l-Anness I tad-Direttiva 2001/82/KE. Dawn il-partikolaritajiet u d-dokumenti għandhom iqisu n-natura unika Komunitarja ta' l-awtorizzazzjoni mitluba u, ħlief f'każijiet eċċezzjonali relatati ma' l-applikazzjoni tal-liġi dwar il-marki tal-kummerċ, għandhom jinkludu l-użu ta' isem wieħed għall-prodott mediċinali.
L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-ħlas pagabbli lill-Aġenzija għall-eżaminazzjoni ta' l-Applikazzjoni.
2. Fil-każ ta' prodott mediċinali veterinarju li fih jew li jikkonsisti f'organiżmi ġenetikament modifikati fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18/KE, l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata:
(a) b'kopja tal-kunsens bil-miktub ta' l-awtoritajiet kompetenti għar-rilaxx ippjanat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati għal skopijiet ta' riċerka u żvilupp, kif previst f'Parti B tad-Direttiva 2001/81/KE jew f'Parti B tad-Direttiva 90/220/KEE;
(b) il-“file” tekniku sħiħ li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Annessi III u IV tad-Direttiva 2001/18/KE;
(ċ) l-istima ta' riskju ambjentali skond il-prinċipji stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE; u
(d) ir-riżultati ta' stħarriġ imwettaq għall-skopijiet ta' riċerka jew żvilupp.
L-Artikoli 13 sa 24 tad-Direttiva 2001/18/KE ma għandhomx japplikaw għall-prodotti mediċinali veterinarji li fihom jew li jikkonsistu f'organiżmi ġenetikament modifikati.
3. L-Aġenzija għandha tiżgura li l-opinjoni tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju tingħata fi żmien 210 jum wara li tkun riċevuta applikazzjoni valida.
Fil-każ ta' prodott mediċinali veterinarju li fih jew li jikkonsisti f'organiżmi ġenetikament modifikati, l-opinjoni ta' l-imsemmi Kumitiat għandha tirrispetta l-ħtiġiet ta' sigurtà ambjentali stabbiliti bid-Direttiva 2001/18/KE. Matul il-proċess ta' valutazzjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodotti mediċinali li fihom jew li jikkonsistu f'organiżmi ġenetikament modifikati, għandhom jinżammu mir-relatur konsultazzjonijiet neċessarji mal-korpi stabbiliti mill-Komunità jew mill-Istati Membri skond id-Direttiva 2001/18/KE.
4. Il-Kummissjoni, b'konsultazzjoni ma' l-Aġenzija, l-Istati Membri u l-partijiet interessati, għandha tfassal gwida dettaljata dwar il-forma li fiha għandhom jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni.
Artikolu 32
1. Sabiex jipprepara l-opinjoni tiegħu, il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju:
(a) għandu jivverifika li l-partikolaritajiet u d-dokumenti sottomessi skond l-Artikolu 31 jaqblu mal-ħtiġiet tad-Direttiva 2001/82/KE u jeżamina jekk il-kondizzjonijiet speċifikati f'dan ir-Regolament għall-għoti ta' awtorizzazzjoni għall-“marketing” humiex sodisfatti;
(b) jista jitlob li Laboratorju Uffiċċjali għall-Kontroll tal-Mediċini jew laboratorju li Stat Membru jkun ħatar għal dak l-iskop jittestja l-prodott mediċinali veterinarju, il-materjali tal-bidu tiegħu u, fejn xieraq il-prodotti intermedjarji tiegħu jew il-materjali l-oħra li jikkonstitwuh biex jiżgura li l-metodi ta' kontroll użati mill-manifattur u deskritti fl-applikazzjoni huma sodisfatti;
(ċ) jista' jitlob laboratorju ta' referenza tal-Komunità, Laboratorju Uffiċjali għall-Kontroll tal-Mediċinni jew laboratorju li Stat Membru jkun ħatar għal dak l-iskop biex jivverifika, waqt li juża l-kampjuni pprovduti mill-applikant, li l-metodu analitiku ta' sejbien propost mill-applikant għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 12(3)(j), it-tieni inċiż, tad-Direttiva 2001/82/KE hu sodifaċenti u adegwat biex jiżvela l-preżenza ta' livelli ta' residwi, b'mod partikolari dawk 'il fuq mill-livell massimu ta' residwi aċċettati mill-Komunità skond id-disposizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2377/90;
(d) jista' jitlob lill-applikant jissuplimenta l-partikolaritajiet li jakkumpanjaw l-applikazzjoni f' limitu ta' żmien speċifiku. Fejn l-imsemmi Kumitat jinqeda b'din l-għażla, il-perjodu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 31(3), l-ewwel subparagrafu, għandu jkun sospiż sakemm tkun ipprovduta l-informazzjoni addizzjonali. Bl-istess mod, il-perjodu ta' żmien għandu jkun sospiż matul iż-żmien mogħti lill-applikant biex jipprepara spjegazzjonijiet orali jew bil-miktub.
2. F'dawk il-każi fejn il-metodu analitiku ma kienx suġġett għall-verifika minn wieħed mil-laboratorji msemmija hawn fuq taħt il-proċeduri stabbiliti bir-Regolament (KEE) Nru 2377/90, il-verifika għandha titwettaq fil-kwadru ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 33
1. Meta tasal talba bil-mitkub mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju, Stat Membru għandu jibgħat l-informazzjoni li turi li l-manifattur ta' prodott mediċinali għall-użu veterinarju jew l-importatur minn pajjiż terz jista' jimmanifattura l-prodott veterinarju mediċinali konċernat u/jew iwettaq it-testijiet ta' kontroll neċessarji skond il-partikolaritajiet u d-dokumenti pprovduti skond l-Artikolu 31.
2. Fejn jikkunsidrah neċessarju biex ilesti l-eżaminazzjoni tiegħu ta' applikazzjoni, l-imsemmi Kumitat jista' jitlob lill-applikant joqgħod għal spezzjoni speċifika tas-sit tal-manifattura tal-prodott mediċinali veterinarju konċernat. Tali spezzjonijiet jistgħu jsiru għall-għarrieda.
Din l-ispezzjoni, li għandha titlesta fiż-żmien imsemmi fl-Artikolu 13(3), l-ewwel subparagrafu, għandha titwettaq mill-ispetturi ta' l-Istat Membru li għandhom il-kwalifiki xierqa; jistgħu jkunu akkumpanjati minn relatur jew espert maħtur mill-imsemmi Kumitat.
Artikolu 34
1. L-Aġenzija għandha tinforma fil-pront lill-applikant jekk l-opinjoni tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju hi:
(a) li l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kriterji għall-awtorizzazzjoni stabbiliti f'dan ir-Regolament;
(b) is-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott għandu jkun emendat;
(ċ) it-tikketta jew il-fuljett tal-pakkett tal-prodott mhux skond it-Titolu V tad-Direttiva 2001/82/KE;
(d) l-awtorizzazzjoni għandha tingħata suġġetta għall-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 39(7).
2. Fi żmien 15-il jum wara li tasal l-opinjoni memmija fil-paragrafu 1, l-applikant jista' jipprovdi notifika bil-miktub lill-Aġenzija li jixtieq jitlob ri-eżaminazzjoni ta' l-opinjoni. F'dak il-każ l-applikant għandu jibgħat lill-Aġenzija r-raġunijiet dettaljati għat-talba fi żmien 60 jum minn meta jirċievi l-opinjoni.
Fi żmien 60 jum minn meta jirċievi l-imsemmija raġunijiet għat-talba, l-imsemmi Kumitat għandu jerġa' jeżamina l-opinjoni tiegħu skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 62(1), ir-raba' subparagrafu. Ir-raġunijiet għall-konklużjoni milħuqa għandhom ikunu annessi ma' l-opinjoni finali.
3. Fi żmien 15-il jum mill-adozzjoni tagħha, l-Aġenzija għandha tibgħat l-opinjoni finali ta' l-imsemmi Kumitat lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-applikant, flimkien ma' rapport li jiddeskrivi l-istima tal-prodott mediċinali veterinarju mill-Kumitat u li jiddikjara r-raġunijiet għall-konklużjonijiet tiegħu.
4. Jekk l-opinjoni hi favorevoli għall-għoti ta' l-awtorizzazzjoni rilevanti biex jitqiegħed fis-suq il-prodott mediċinali veterinarju konċernat, id-dokumenti li ġejjin għandhom ikunu annessi ma' l-opinjoni:
(a) abbozz tas-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott, kif imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2001/82/KE; meta xieraq, dan l-abbozz għandu jirrifletti d-differenzi fil-kondizzjonijiet veterinarji fl-Istati Membri;
(b) fil-każ ta' prodott mediċinali veterinarju maħsub biex jingħata lill-annimali li jipproduċu l-ikel, dikjarazzjoni tal-livell massimu ta' residwi li jista' jkun aċċettat mill-Komunità skond ir-Regolament (KEE) Nru 2377/90;
(ċ) dettalji ta' xi kondizzjonijiet jew restrizzjonijiet li għandhom ikunu imposti fuq il-provvista jew l-użu tal-prodott mediċinali veterinarju konċernat, inklużi l-kondizzjonijiet taħt liema l-prodott mediċinali veterinarju jista' jiġi magħmul disponibbli għal min jużah, skond il-kriterji stipulati fid-Direttiva 2001/82/KE;
(d) dettalji ta' kondizzjonijiet jew restrizzjonijiet rakkomandati fir-rigward ta' l-użu bla periklu u effettiv tal-prodott mediċinali;
(e) l-abbozz tat-test tat-tikketta u tal-fuljett tal-pakkett propost mill-applikant, ippreżentat skond it-Titolu V tad-Direttiva 2001/82/KE;
(f) ir-rapport ta' stima.
Artikolu 35
1. Fi żmien 15-il jum mill-wasla ta' l-opinjoni msemmija fl-Artikolu 30(2), il-Kummissjoni għandha tipprepara abbozz tad-deċiżjoni li ser tittieħed fir-rigward ta' l-applikazzjoni.
Fejn abbozz tad-deċiżjoni jipprevedi l-għoti ta' awtorizzazzjoni għall-“marketing”, għandu jinkludi jew jagħmel referenza għad-dokumenti msmmija fl-Artikolu 34(4)(a) sa (e).
Fejn l-abbozz tad-deċiżjoni mhux skond l-opinjoni ta' l-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tannetti, spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għad-differenzi.
L-abbozz tad-deċiżjoni għandu jintbagħat lill-Istati Membri u lill-applikant.
2. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni finali skond, u fi żmien 15-il jum wara t-tmiem tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(3).
3. Il-Kumitat Permanenti għall-Prodotti Mediċinali Veterinarji msemmi fl-Artikolu 87(1) għandu jaġġusta r-regoli ta' proċedura tiegħu biex jittieħed kont tax-xogħol mogħti lilu b'dan ir-Regolament.
L-aġġustamenti għandhom jipprovdu li:
(a) l-opinjoni ta' l-imsemmi Kumitat Permanenti tingħata bil-miktub;
(b) L-Istati Membri għandu jkollhom 22 jum biex jibgħatu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub fuq l-abbozz tad-deċiżjoni lill-Kummissjoni; madankollu, jekk deċiżjoni għandha tittieħed b'urġenza, perjodu ta' żmien iqsar jista' jiġi iffissat mill-President skond il-grad ta' l-urġenza involuta. Dan il-perjodu ta' żmien, ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali, ma għandux ikun iqsar minn 5 itjiem;
(ċ) L-Istati Membri jistgħu jitolbu bil-miktub li l-abbozz tad-deċiżjoni msemmi fil-paragrafu 1 ikun diskuss f'laqgħa plenarja ta' l-imsemmi Kumitat Permanenti, waqt li jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom fid-dettal.
4. Fejn, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-osservazzjonijiet bil-miktub ta' Stat Membru jqajmu kwistjonijiet importanti ġodda ta' natura xjentifika jew teknika li ma ġewx indirizzati fl-opinjoni mogħtija mill-Aġenzija, il-President għandu jissospendi l-proċedura u jirreferi l-applikazzjoni lura lill-Aġenzija għall-aktar kunsiderazzjoni.
5. Id-disposizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 4 għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(2).
6. L-Aġenzija għandha tqassam id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 34(4) (a) sa (e).
Artikolu 36
Jekk applikant jirtira applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-“marketing” sottomessa lill-Aġenzija qabel ma tkun ingħatat opinjoni dwar l-applikazzjoni, l-applikant għandu jikkomunika lill-Aġenzija r-raġunijiet tiegħu għal dan. L-Aġenzija għandha tagħmel din l-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku u għandha tippubblika r-rapport ta' stima, jekk disponibbli, wara li tħassar l-informazzjoni kollha ta' natura kummerċjali kunfidenzali.
Artikolu 37
1. L-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandha tkun rifjutata jekk, wara l-verifika tal-partikolaritajiet u dokumenti sottomessi skond l-Artikolu 31, jidher li:
(a) l-applikant ma rnexxilux, kif suppost u b'mod suffiċjenti, juri l-kwalità, is-sigurtà u l-effikaċja tal-prodott mediċinali veterinarju;
(b) fil-każ ta' prodotti mediċinali veterinarji zootekniċi u “performance enhancers”, fejn ma ttieħedx kont biżżejjed tas-sigurtà u l-benesseri ta' l-annimali u/jew is-sigurtà tal-konsumatur;
(ċ) il-perjodu ta' l-irtirar rakkomandat mill-applikant mhux twil biżżejjed biex jiżgura li l-oġġetti ta' l-ikel miksuba minn annimali kurati ma fihomx residwi li jistgħu jikkostitwixxu periklu għas-saħħa tal-konsumatur jew mhum issostanzjat biżżejjed;
(d) il-prodott mediċinali veterinarju hu ppreżentat għall-użu projbit taħt disposizzjonijiet oħra Komunitarji.
L-awtorizzazzjoni għandha tkun irrifjutata bl-istess mod jekk partikolaritajiet jew dokumenti pprovduti mill-applikant skond l-Artikolu 31 mhumiex korretti jew jekk it-tikketta u l-fuljetti tal-pakketti proposti mill-applikant mhumiex skond it-Titolu V tad-Direttiva 2001/82/KE.
2. Ir-rifjut ta' awtorizzazzjoni Komunitarja għall-“marketing” għandha tikkostitwixxi projbizzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali veterinarju konċernat madwar il-Komunità.
3. Informazzjoni dwar ir-rifjuti u r-raġunijiet għalihom għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.
Artikolu 38
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 71 tad-Direttiva 2001/82/KE, awtorizzazzjoni għall-“marketing” li tkun ingħatat skond dan ir-Regolament għandha tkun valida fil-Komunità kollha. Għandha tagħti l-istess drittijiet u obbligi f'kull wieħed mill-Istati Membri bħall-awtorizzazzjoni għall-“marketing” mogħtija minn dak l-Istat Membru skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/82/KE.
Prodotti veterinarji mediċinali awtorizzati għandhom ikunu rreġistrati fir-Reġistru Komunitarju tal-Prodotti Mediċinali u għandhom jingħataw numru li għandu jidher fuq l-imballaġġ.
2. In-notifika ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea, waqt li tikkwota b'mod partikolari id-data ta' l-awtorizzazzjoni u n-numru fir-Reġistru Komunitarju, kull “International Non-proprietary Name” (INN) tas-sustanza attiva tal-prodott mediċinali, il-forma farmaċewtika tiegħu, u kull Kodiċi Anatomiku Terapewtiku Kimiku Veterinarju (ATC Vet Code).
3. L-Aġenzija għandha fil-pront tippubblika r-rapport ta' stima fuq il-prodott mediċinali veterinarju miktub mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju u r-raġunijiet għall-opinjoni tagħha favur l-għoti ta' l-awtorizzazzjoni, wara li tħassar kull informazzjoni ta' natura kummerċjali kunfidenzali.
Ir-Rapport Ewropew ta' Stima Pubblika (EPAR) għandu jinkludi sommarju miktub b'mod li hu mifhum mill-pubbliku. Is-sommarju għandu jinkludi taqsima partikolari li tirrelata mal-kondizzjonijiet ta' l-użu tal-prodott mediċinali.
4. Wara li tingħata awtorizzazzjoni għall-“marketing”, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għandu jinforma lill-Aġenzija bid-data tat-tqegħid attwali fis-suq tal-prodott mediċinali veterinarju fl-Istati Membri, waqt li jittieħed kont tal-preżentazzjonijiet varji awtorizzati.
Id-detentur għandu ukoll jinnotifika lill-Aġenzija jekk il-prodott ma jibqax jitqiegħed fis-suq, sew jekk b'mod temporanju kif ukoll b'mod permanenti. Tali notifika, ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali, għandha issir mhux anqas minn xahrejn qabel l-interruzzjoni tat-tqegħid tal-prodott fis-suq.
Fuq talba ta' l-Aġenzija, b'mod partikolari fil-kuntest tal-farmako-viġilanza, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu jipprovdi lill-Aġenzija bid-“data” kollha relatata mal-volum tal-bejgħ tal-prodott mediċinali fuq livell Komunitarju, imqassma skond l-Istat Membru, u kull “data” fil-pussess tad-detentur li tirrelata mal-volum tal-preskrizzjonijiet.
Artikolu 39
1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 5, awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandha tkun valida għal ħames snin.
2. L-awtorizzazzjoni għall-“marketing” tista' tkun imġedda wara ħames snin fuq il-bażi ta' valutazzjoni mill-ġdid mill-Aġenzija tal-bilanċ riskju-benefiċċju.
Għal dan il-għan, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu jipprovdi lill-Aġenzija, b'lista konsolidata tad-dokumenti kollha sottomessi fir-rigward tal-kwalità, sigurtà u effikaċja, inklużi l-varjazzjonijiet kollha ntrodotti minn meta ngħatat l-awtorizzazzjoni għall-“marketing”, mill-inqas sitt xhur qabel l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” ma tibqax valida skond il-paragrafu 1. L-Aġenzija tista' titlob lill-applikant jissottometti f'kull ħin id-dokumenti mniżżla.
3. La darba mġedda, l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” tibqa' valida għal perjodu mhux limitat, sakemm il-Komunità tiddeċidi, fuq il-bażi ta' raġunijiet relatati mal-farmako-viġilanza li tipproċedi b'tiġdid addizzjonali wieħed ta' ħames snin skond il-paragrafu2.
4. Kull awtorizzazzjoni li mhix segwita mit-tqegħid attwali fis-suq Komunitarju tal-prodott mediċinali għall-użu veterinarju fi żmien tlett snin wara l-awtorizzazzjoni ma tibqax valida.
5. Fejn prodott mediċinali awtorizzat li kien qabel imqiegħed fis-suq mhux attwalment imqiegħed fis-suq għal perjodu ta' tlett snin konsekuttivi, l-awtorizzazzjoni ma tibqax valida.
6. F'ċirkustanzi eċċezzjonali u minħabba raġunijiet ta' saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista' tagħti eżenzjonijiet mill-paragrafi 4 u 5. Tali eżenzjonijiet għandhom ikunu ġustifikati kif suppost.
7. F'każijiet eċċezzjonali u wara konsultazzjoni ma' l-applikant, awtorizzazzjoni tista' tingħata suġġetta għal ħtieġa li l-applikant jintroduċi proċeduri speċifiċi, b'mod partikolari dwar is-sigurtà, jinnotifika lill-awtoritajiet rilevanti dwar xi inċident relatat ma' l-użu tiegħu, u dwar l-azzjoni li għandha tittieħed. Din l-awtorizzazzjoni tista' tingħata biss għal raġunijiet oġġettivi u li jistgħu jkunu verifikati. Il-kontinwazzjoni ta' l-awtorizzazzjoni għandha tkun marbuta ma' l-istima annwali mill-ġdid ta' dawn il-kondizzjonijiet.
8. Fejn tkun sottomessa applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-“marketing” fir-rigward ta' prodotti veterinarji mediċinali ta' interess kbir, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa ta' l-annimali u ma' l-innovazzjoni terapewtika, l-applikant jista' jitlob proċedura ta' stima mgħaġġla. It-talba għandha tkun issostanzjata kif suppost.
Jekk il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju jaċċetta t-talba, il-perjodu ta' żmien imniżżel fl-Artikolu 31(3), l-ewwel subparagrafu, għandu jitnaqqas għal 150 jum.
9. Meta jadotta l-opinjoni tiegħu, l-imsemmi Kumitat għandu jinkludi proposta li tikkonċerna l-kondizzjonijiet għall-preskrizzjoni jew l-użu tal-prodotti veterinarji mediċinali.
10. Prodotti veterinarji mediċinali li kien awtorizzati skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom jibbenefikaw mid-disposizzjonijiet dwar il-protezzjoni fl-Artikoli 13 u 13a tad-Direttiva 2001/82/KE.
Artikolu 40
L-għoti ta' l-awtorizzazzjoni ma għandhiex tolqot ir-responsabbiltà ċivili jew kriminali tal-manifattur jew tad-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” skond il-liġi nazzjonali applikabbli fl-Istati Membri.
Kapitolu 2
Sorveljanza u sanzjonijiet
Artikolu 41
1. Wara li tkun ingħatat awtorizzazzjoni skond dan ir-Regolament, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing”, fir-rigward tal-metodi tal-manifattura u kontroll previsti fl-Artikolu 12(3)(d) u (i) tad-Direttiva 2001/82/KE, għandu jqis il-progress tekniku u xjentifiku u għandu jagħmel kull varjazzjoni li hemm bżonn biex il-prodotti mediċinali jkunu jistgħu jkunu manifatturati u kontrollati permezz ta' metodi xjentifiċi ġeneralment aċċettati. Għandu japplika għall-approvazzjoni ta' tali varjazzjonijiet skond dan ir-Regolament.
2. L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru jew ta' l-Aġenzija tista' titlob id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” jipprovdi sustanzi fi kwantitajiet biżżejjed biex ikunu mwettqa testijiet li bihom tista' tkun osservata l-preżenza ta' residwi tal-prodotti veterinarji mediċinali konċernati f'affarijiet ta' l-ikel li għandhom l-oriġini tagħhom fl-annimali.
3. Fuq it-talba ta' l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru jew ta' l-Aġenzija, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu jipprovdi kompetenza teknika biex jiffaċilita l-implimetazzjoni tal-metodu analitku biex ikunu osservati residwi ta' prodotti mediċinali veterinarji mill-laboratorju ta' referenza tal-Komunità jew, fejn xieraq, laboratorji nazzjonali ta' referenza magħżula skond id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 t'April 1996 dwar miżuri għall-kontroll ta' ċerti sustanzi u r-residwi tagħhom f'annimal ħajjin u fi prodotti ta' l-annimali ( 18 ).
4. Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu immedjatament jipprovdi lill-Aġenzija, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kull informazzjoni ġdida li tista' twassal għall-varjazzjoni tal-partikolaritajiet jew tad-dokumenti msemmija fl-Artikoli 12(3), 13, 13a, 13b u 14 tad-Direttiva 2001/82/KE, fl-Anness I tagħha, u fl-Artikolu 34(4) ta' dan ir-Regolament.
Għandu immedjatament jinforma lill-Aġenzija, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b'xi projbizzjoni jew restrizzjoni imposta mill-awtoritajiet kompetenti ta' xi pajjiż fejn isir “marketing” tal-prodott mediċinali veterinarju u b'kull informazzjoni ġdida oħra li tista' tinfluwenza il-valutazzjoni tal-benefiċċji u r-riskji tal-prodott veterinarju mediċinali konċernat.
Biex il-bilanċ tar-riskju-benefiċċju jista' jkun kontinwament stimat, l-Aġenzija tista' f'kull ħin titlob lid-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” biex jibgħat “data” li tiġġustifika li l-bilanċ tar-riskju-benefiċċju jibqa' favorevoli.
5. Jekk id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodott mediċinali veterinarju jipproponi li jagħmel xi varjazzjoni għall-partikolaritajiet u d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 4, għandu jissottometti l-applikazzjoni rilevanti lill-Aġenzija.
6. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Aġenzija, għandha tadotta disposizzjonijiet xierqa għall-eżaminazzjoni ta' varjazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-“marketing” f'forma ta' regolament skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(2).
Artikolu 42
L-applikant jew id-detentur ta' awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu jkun responsabbli għall-preċiżjoni tad-dokumenti u tad-“data” sottomessa.
Artikolu 43
1. Fil-każ ta' prodott veterinarju mediċinali manifatturat fil-Komunità, l-awtoritajiet ta' sorveljanza għandhom ikunu l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru jew Stati Membri li taw l-awtorizzazzjoni għall-manifattura prevista fl-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2001/82/KE fir-rigward tal-manifattura tal-prodott mediċinali konċernat.
2. Fil-każ ta' prodotti veterinarji mediċinali importati minn pajjiżi terzi, l-awtoritajiet ta' sorveljanza għandhom ikunu l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru jew l-Istati Membri li taw l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2001/82/KE lill-importatur, kemm-il darba ftehim xierqa ġew magħmula bejn il-Komunità u l-pajjiż esportatur biex ikun żgurat li dawn il-kontrolli jiġu mwettqa fil-pajjiż esportatur u li l-manifattur japplika l-livelli ta' prattika tajba tal-manifattura ekwivalenti mill-inqas għal dawk imniżżla mill-Komunità.
Stat Membru jista' jitlob għajnuna minn Stat Membru ieħor jew mill-Aġenzija.
Artikolu 44
1. L-awtoritajiet ta' sorveljanza għandhom ikunu responsabbli li jivverifikaw f'isem il-Komunità li d-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodott mediċinali veterinarju jew il-manifattur jew l-importatur stabbilit fil-Komunità jissodisfaw il-ħtiġiet stabbiliti fit-Titoli IV, VII u VIII tad-Direttiva 2001/82/KE.
2. Fejn, skond l-Artikolu 90 tad- Direttiva 2001/82/KE, il-Kummissjoni hi infurmata b'differenzi serji ta' opinjoni bejn l-Istati Membri dwar jekk id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” jissodisfax il-ħtiġiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma' l-Istati Membri konċernati, tista' titlob li spettur mill-awtorità ta' sorveljanza jwettaq spezzjoni ġdida tad-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing”, tal-manifattur jew ta' l-importaru; l-ispettur in kwistjoni għandu jkun akkumpanjat minn żewġ spetturi mill-Istati Memrbi li mhumiex parti fid-disputa u/jew minn żewġ esperti nominati mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju.
3. Bla ħsara għal xi ftehim li setgħu kienu konklużi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi skond l-Artikolu 43(2), il-Kummissjoni, meta tirċevi talba raġunata minn Stat Membru jew mill-imsemmi Kumitat, jew minn rajha, tista' titlob li manifattur stabbilit f'pajjiż terz joqgħod għall-spezzjoni.
L-ispezzjoni għandha titwettaq minn spetturi mill-Istat Membru li jippossjedu l-kwalifiki xierqa; jistgħu jkunu akkumpanjati minn relatur jew espert maħtur mill-imsemmi Kumitat. Ir-rapport ta' l-ispetturi għandu jkun disponibbli ghall-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-imsemmi Kumitat.
Artikolu 45
1. Fejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza jew l-awtoritajiet kompetenti ta' xi Stat Membru ieħor huma ta' l-opinjoni li l-manifattur jew l-importatur stabbilit fil-Komunità mhumiex qegħdin jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fit-Titolu VII tad-Direttiva 2001/82/KE, għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju u lill-Kummissjoni, waqt li jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħħom fid-dettal u jindikaw il-pjan ta' azzjoni propost.
L-istess għandu japplika fejn Stat Membru u l-Kummissjoni jikkunsidraw li waħda mill-miżuri previsti fit-Titolu VIII tad-Direttiva 2001/82/KE għandha tkun applikata fir-rigward tal-prodott veterinarju mediċinali konċernat jew fejn l-imsemmi Kumitat ta opinjoni f'dak ir-rigward skond l-Artikolu 30 ta' dan ir-Regolament.
2. Il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni ta' l-Aġenzija fi żmien perjodu determinat minnha fid-dawl ta' l-urġenza tal-kwistjoni, biex teżamina r-raġunijiet mogħtija. Kull meta hu prattiku, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodott mediċinali għandu jkun mistieden jipprovdi spjegazzjonijiet orali jew bil-miktub.
3. Wara opinjoni mill-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri provviżorji neċessarji li għandhom ikunu applikati immedjatament.
Deċiżjoni finali għandha tkun adottata fi żmien sitt xhur, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(3).
4. Fejn azzjoni b'urġenza hi neċessarja biex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimal jew l-ambjent, Stat Membru, minn rajh jew fuq talba tal-Kummissjoni, jista' jissospendi l-użu fit-territorju tiegħu ta' prodott mediċinali veterinarju li kien awtorizzat skond dan ir-Regolament.
Meta jagħmel dan minn rajh, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija bir-raġunijiet għall-azzjoni tiegħu mhux aktar tard minn l-aħħar jum tax-xogħol wara s-sospensjoni. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha immedjatament tibda l-proċedura prevista fil-paragrafi 2 u 3.
5. F'dan il-każ, l-Istat Membru għandu jiżgura li professjonisti fil-kura tas-saħħa huma infurmati malajr bl-azzjoni tiegħu u r-raġunijiet għaliha. 'Networks' stabbiliti minn assoċjazzjonijiet professjonali jistgħu jintużaw għal dan il-għan. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija bl-azzjonijiet meħudin għal dan il-għan.
6. Il-miżuri ta' sospensjoni msemmija fil-paragrafu 4 jistgħu jinżammu sakemm tintlaħaq deċiżjoni definittiva skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(3).
7. L-Aġenzija, meta mitluba, għandha tinforma lil kull persuna konċernata bid-deċiżjoni finali u tagħmel id-deċiżjoni aċċessibbli għall-pubbliku, immedjatament wara li tittieħed.
Kapitolu 3
Farmako-viġilanza
Artikolu 46
Għall-iskop ta' dan il-Kapitolu, għandu japplika l-Artikolu 77(2) tad-Direttiva 2001/82/KEE.
Artikolu 47
L-Aġenzija, waqt li tikkopera mill-qrib mas-sistemi nazzjonali ta' farmako-viġilanza stabbiliti skond l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2001/82/KE, għandha tirċievi kull informazzjoni rilevanti dwar xi reazzjonijiet kuntrarji suspettati għall-prodotti mediċinali veterinarji li kienu awtorizzati mill-Komunità skond dan ir-Regolament.. Dawn l-opinjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.
Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu emendi għall-awtorizzazzjoni għall-“marketing” mogħtija skond l-Artikolu 35. Għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(3).
Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull informazzjoni rilevanti dwar reazzjonijiet kuntrarji suspetti għall-prodotti mediċinali veterinarji awtorizzati taħt dan ir-Regolament tinġieb għall-attenzjoni ta' l-Aġenzija skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Proprjetarji ta' annimali u min irabbihom għandhom ikunu mħeġġa jikkomunikaw kull reazzjoni kuntrarja lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa jew lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-farmako-viġilanza.
Artikolu 48
Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodott mediċinali veterinarju mogħtija skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, b'mod permanenti u kontinwament, għandu jkollu għad-disposizzjoni tiegħu persuna kwalifikata b'mod xieraq li tkun responsabbli għall-farmako-viġilanza.
Din il-persuna kwalifikata għandha tirrisjedi fil-Komunità u għandha tkun responsabbli għal dawn li ġejjin:
(a) stabbiliment u amministrazzjoni ta' sistema li tiżgura li l-informazzjoni dwar reazzjonijiet kuntrarji suspettati kollha li jiġu rappurtati lill-persunal tal-kumpannija u lir-rappreżentati mediċi tkun miġbura u eżaminata biex tkun aċċessibbli minn post wieħed fil-Komunità;
(b) preparazzjoni tar-rapporti mesemmija fil-Artikolu 49(3) għall-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u ta' l-Aġenzija skond il-ħtiġiet ta' dan ir-Regolament;
(ċ) tiżgura li kull talba mill-awtoritajiet kompetenti biex tkun ipprovduta informazzjoni addizzjonali neċessarja għall-valutazzjoni tar-riskji u benefiċċji ta' prodott mediċinali veterinarju tkun imwieġba fl-intier tagħħa u immedjatament, inkluża talba għall-informazzjoni dwar il-volum tal-bejgħ jew preskrizzjonijiet tal-prodott mediċinali veterinarju konċernat;
(d) tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b'kull informazzjoni oħra rilevanti għall-valutazzjoni tar-riskji u l-benefiċċji ta' prodott mediċinali veterinarju, b'mod partikolari informazzjoni dwar studji dwar is-sigurtà ta' wara l-awtorizzazzjoni, il-validità tal-perjodu ta' l-irtirar jew in-nuqqas ta' effikaċja mistennija jew problemi ambjentali potenzali.
Artikolu 49
1. Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodott mediċinali veterinarju għandu jiżgura li reazzjonijiet kuntrarji suspettati kollha, u reazzjonijiet kuntrarji mill-bniedem għall-prodott mediċinali veterinarju awtorizzat skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jiġru fil-Komunità, li professjonist tal-kura tas-saħħa jġib għall-attenzjoni tiegħu għandhom ikunu rreġistrati u rrapurtati fil-pront lill-Istati Membri li fit-territorju tagħhom ġara l-inċident mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jkun irċieva l-informazzjoni.
Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu jirreġistra r-reazzjonijiet kuntrarji suspettati u r-reazzjonijiet kuntrarji l-oħra kollha mill-bniedem li jiġru fil-Komunità, skond il-linji ta' gwida msemmija fl-Artikolu 51, dwar liema hu jista' jkun mistenni raġonevolment li jkun jaf u għandu jinnotifika fil-pront lill-Istati Membri li fit-territorju tagħhom ġara l-inċident mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jkun irċieva l-informazzjoni.
2. Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodott mediċinali veterinarju għandu jiżgura li r-reazzjonijiet kuntrarji suspettati mhux mistennija kollha, u reazzjonijiet kuntrarji mill-bniedem, u kull trasmissjoni suspetta permezz ta' prodott mediċinali ta' xi aġent li jinfetta li jiġru fit-territorju ta' pajjiż terz jiġu rrapurtati fil-pront lill-Istati Membri u lill-Aġenzija, mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jkun irċieva l-informazzjoni. Id-disposizzjonijiet għar-rappurtar ta' reazzjonijiet kuntrarji suspettati mhux mistennija li mhumiex serji, kemm jekk jiġru fil-Komunità kemm jekk f'pajjiz terz, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(2).
Ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali, dawn ir-reazzjonijiet għandhom ikunu trasmessi b'mod elettroniku f'forma ta' rapport u skond il-gwida msemmija fl-Artikolu 51.
3. Id-detentur ta' awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodott mediċinali veterinarju għandu jżomm reġistrazzjonijiet dettaljati tas-suspetti tar-reazzjonijiet kuntrarji kollha li jiġru fil-Komunità jew barra mill-Komunità li jiġu rrapportati lilu.
Kemm-il darba ma ġewx stabbiliti ħtiġiet oħra bħala kondizzjoni għall-għoti ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” mill-Komunità, dawġn ir-reġistrazzjonijiet għandhom ikunu sottomessi, f'forma ta' rapport perjodiku ta' aġġornament dwar is-sigurtà, lill-Aġenzija u lill-Istati Membri immedjatament meta jintalbu jew mill-inqas kull sitt xhur wara l-awtorizzazzjoni sakemm isir it-tqegħid fis-suq.
Rapporti perjodiċi ta' aġġornament dwar is-sigurtà għandhom ukoll ikunu sottomessi immedjatament meta jintalbu jew mill-inqas kull sitt xhur matul l-ewwel sentejn wara t-tqegħid inizjali fis-suq tal-Komunità u darba fis-sena għas-sentejn ta' wara. Wara, ir-rapporti għandhom ikunu sottomessi kull tlett snin, jew immedjatament meta jintalbu.
Dawn ir-rapporti għandhom ikun akkumpanjati b'valutazzjoni xjentifika, b'mod partikolari tal-bilanċ tar-riskju-benefiċċju tal-prodott mediċinali.
4. Il-Kummissjoni tista' tistipula disposizzjonijiet li jemendaw il-paragrafu 3 minħabba l-esperjenza miksuba bit-tħaddim tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tadotta tali disposizzjonijiet skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(2).
5. Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” ma jistax jikkomunika informazzjoni dwar tħassib relatat mal-farmako-viġilanza lill-pubbliku ġenerali fir-rigward tal-prodott mediċinali awtorizzat qabel ma jagħti notifika minn qabel jew fl-istess ħin lill-Aġenzija.
F'kull każ, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu jiżgura li tali informazzjoni tkun ippreżentata b'mod oġġettiv u li mhix qarrieqa.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li detentur ta' awtorizzazzjoni għall-“marketing” li ma jwettaqx dawn l-obbligi jkun suġġett għall-penali effettivi, proporzjonali u dissważivi.
Artikolu 50
Kull Stat Membru għandu jiżgura li r-reazzjonijiet kuntrarji serji suspettati kollha u r-reazzjonijiet kuntrarji mill-bniedem għall-prodott mediċinali veterinarju awtorizzat skond dan ir-Regolamenta li jiġru fit-territorju tiegħu u li jinġiebu għall-attenzjoni tiegħu għandhom ikunu rreġistrati u rrapportati fil-pront lill-Aġenzija u lid-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodott mediċinali veterinarju, u dan mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jkun irċieva l-informazzjoni.
L-Aġenzija għandha tgħaddi l-informazzjoni lis-sistemi nazzjonali ta' farmako-viġilanza stabbiliti skond l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2001/82/KE.
Artikolu 51
Il-Kummissjoni, b'konsultazzjoni ma' l-Aġenzija, l-Istati Membri u l-partijiet interessati, għandha tfassal gwida dwar il-kollezzjoni, il-verifika u l-preżentazzjoni ta' rapporti dwar reazzjonijiet kuntrarji. Din il-gwida għandha tinkludi, b'mod partikolari, għall-benefiċċju tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw il-komunikazzjoni ta' informazzjoni dwar reazzjonijiet kuntrarji.
Skond din il-gwida, id-detenturi ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandhom jużaw it-terminoloġija medika aċċettata fuq livell internazzjonali għat-trasmissjoni ta' rapporti dwar reazzjonijiet kuntrarji.
L-Aġenzija, b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri u l-Kummissjoni, għandha tistabbilixxi “network” ta' proċessar ta' “data” għat-trasmissjoni veloċi ta' informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Komunità fil-każ li jkun hemm twissija relatata ma' manifattura difettuża, reazzjonijiet kuntrarji serji jew “data” oħra ta' farmako-viġilanza fir-rigward ta' prodotti mediċinali awtorizzati skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/82/KE.
Għall-perjodu ta' ħames snin wara t-tqegħid inizjali fis-suq tal-Komunità, l-Aġenzija tista' titlob li d-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” jirranġa biex “data” speċifika ta' farmako-viġilanza tkun miġbura minn gruppi ta' annimali magħżula. L-Aġenzija għandha tiddikjara r-raġunijiet għat-talba. Id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għandu jiġbor id-“data”, jeżaminha u jissottomettiha lill-Aġenzija għall-valutazzjoni.
Artikolu 52
L-Aġenzija għandha tikkollabora ma' organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom x'jaqsmu mal- farmako-viġilanza.
Artikolu 53
L-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jikkoperaaw biex jiżviluppaw kontinwament sistemi ta' farmako-viġilanza li kapaċi jilħqu livelli għolja ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika għall-prodotti mediċinali kollha, mingħajr ma jingħata każ ta' minn fejn ġejja l-awtorizzazzjoni, inkluż l-użu ta' approċċi kollaborattivi għat-tkabbir ta' l-użu tar-riżorsi disponibbli fil-Komunità.
Artikolu 54
Kull emenda li tista' tkun neċessarja biex taġġorna d-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu biex jittieħed kont tal-progress xjentifiku u tekniku għandha tkun adottata skond il-proċedura msemmija fil-Artikolu 87(2).
TITOLU IV
AĠENZIJA EWROPEA GĦALL-MEDIĊINI - RESPONSABBILTAJIET U STRUTTURA AMMINISTRATTIVA
Kapitolu 1
Kompiti ta' l-Aġenzija
Artikolu 55
Hi hawnhekk stabbilita Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.
L-Aġenzija għandha tkun responsabbli mill-kordinazzjoni tar-riżorsi xjentifiċi eżistenti mqegħdin għad-disposizzjoni tagħha mill-Istati Membri biex issir valutazzjoni, sorveljanza u farmako-viġilanza tal-prodotti mediċinali.
Artikolu 56
1. L-Aġenzija għandha tinkludi:
(a) il-Kumitat għal Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem, li għandu jkun responsabbli biex jipprepara l-opinjoni ta' l-Aġenzija dwar kwalunkwe kwistjoni dwar il-valutazzjoni ta' prodotti mediċinali għal użu mill-bniedem;
(b) il-Kumitat għal Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju, li għandu jkun responsabbli biex jipprepara l-opinjoni ta' l-Aġenzija dwar kwalunkwe kwistjoni dwar il-valutazzjoni ta' prodotti mediċinali għal użu veterinarju;
(ċ) il-Kumitat dwar il-Prodotti Mediċinali Orfni;
(d) il-Kumitat dwar il-Prodotti Mediċinali mill-Ħxejjex;
(e) Il-Kumitat Pedjatriku;
(f) Segretarjat, li għandu jipprovdi sostenn tekniku, xjentifiku u amministrattiv għall-kumitati u jiżgura koordinazzjoni xierqa bejniethom;
(g) Direttur Eżekuttiv, li għandu jeżerċita r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 64;
(h) Bord ta' Tmexxija, li għandu jeżerċita r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikoli 65, 66 u 67.
2. Kull wieħed mill-kumitati msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (d) jista' jistabbilixxi gruppi ta' ħidma permanenti jew temporanji. Il-kumitati msemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) jistgħu jistabbilixxu gruppi xjentifiċi konsultattivi b'konnessjoni mal-valutazzjoni ta' prodotti jew kuri mediċinali speċifiċi, u l-kumitat konċernat jista' jgħaddilhom ċertu xogħol assoċjat mal-kitba ta' l-opinjonijiet xjentifiċi msemmija fl-Artikoli 5 u 30.
Meta jistabbilixxu gruppi ta' ħidma u gruppi xjentifiċi konsultattivi, il-kumitati, fir-regoli tagħhom ta' proċedura msemmija fl-Artikolu 61(8) għandhom jipprovdu għall-:
(a) ħatra tal-membri ta' dawn il-gruppi ta' ħidma u gruppi xjentifiċi konsultattivi fuq il-bażi tal-listi ta' esperti msemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 62(2); u
(b) konsultazzjoni ta' dawn il-gruppi ta' ħidma u gruppi xjentifiċi konsultattivi.
3. Id-Direttur Eżekuttiv, b'konsultazzjoni mill-qrib mal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem u l-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju, għandu jistabbilixxi strutturi u proċeduri amministrattivi li jippermettu l-iżvilupp ta' pariri għall-impriżi, kif imsemmi fl-Artikolu 57(1)(n), b'mod partikolari dwar l-iżvilupp ta' terapiji ġodda.
Kull kumitat għandu jistabbilixxi grupp ta' ħidma permanenti bl-iskop ewlieni li jipprovdi pariri xjentifiċi lill-impriżi.
4. Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem u l-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju, jekk jikkunsidraw li dan hu xieraq, għandhom ifittxu l-għajnuna fuq kwistjonijiet importanti ta' natura ġenerali xjentifika jew etika.
Artikolu 57
1. L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Komunità bl-aħjar pariri xjentifiċi possibbli dwar kull kwistjoni relatata mal-valutazzjoni tal-kwalità, sigurtà u effikaċja tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jew veterinarju li tkun irreferita lilha skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-prodotti mediċinali.
Għal dan il-għan, l-Aġenzija, waqt li taġixxi b'mod partikolari permezz tal-kumitati tagħħa, għandha twettaq ix-xogħol li ġej:
(a) tikkordina l-valutazzjoni xjentifika tal-kwalità, sigurtà u effikaċja tal-prodotti mediċinali li huma suġgetti għall-proċeduri ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” tal-Komunità;
(b) tittrasmetti meta mitluba u tagħmel disponibbli għall-pubbliku rapporti ta' stima, sommarji tal-karatteristiċi tal-prodott, tikketti u fuljetti għall-pakketti jew inserzjonijiet għal dawn il-prodotti mediċinali;
(ċ) kordinazzjoni tas-sorveljanza, taħt kondizzjonijiet prattiċi ta' użu, ta' prodotti mediċinali li kienu awtorizzati fil-Komunità u tipprovdi pariri dwar il-miżuri neċessarji biex ikun żgurat l-użu bla periklu u effettiv ta' dawn il-prodotti, b'mod partikolari, bil-valutazzjoni, bil-kordinazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' l-obbligi ta' farmako-viġilanza u bil-monitoraġġ ta' tali implimentazzjoni;
(d) tiżgura t-tixrid ta' informazzjoni dwar reazzjonijiet kuntrarji għall-prodotti mediċinali awtorizzati fil-Komunità permzz ta' “database” li hi aċċessibbli b'mod permanenti għall-Istati Membri kollha; professjonisti tal-kura tas-saħħa, detenturi ta' l-awtorizzazzjoni għall-marketing' u l-pubbliku għandu jkollhom il-livelli xierqa ta' aċċess għal dawn id-“databases”, bil-garanzija li d-“data” personali tkun protetta;
(e) tgħin lill-Istati Membri bil-komunikazzjoni veloċi ta' l-informazzjoni li tikkonċerna l-farmako-viġilanza lill-professjonisti fil-kura tas-saħħa.
(f) tqassam informazzjoni xierqa dwar il-farmako-viġilanza lill-pubbliku ġenerali;
(g) tagħti pariri dwar il-limiti massimu għar-residwi ta' prodotti mediċinali veterinarji li jistgħu jkunu aċċettati f'affarijiet ta' l-ikel li għandhom oriġini mill-annimali skond ir-Regolament (KEE) Nru 2377/90;
(h) tipprovdi pariri xjentifiċi dwar l-użu ta' l-antibijotiċi f'annimali li jipproduċu l-ikel biex titnaqqas kemm jista' l-okkorrenza tar-reżistenza tal-batterji fil-Komunità; dan il-parir għandu jkun aġġornat meta jkun hemm bżonn;
(i) tikkordina l-verifika ta' l-osservanza tal-prinċipji ta' prattika tajba tal-manifattura, prattika tajba tal-laboratorju, prattika tajba klinika u l-verifika ta' l-osservanza ta' l-obbligi ta' farmako-viġilanza;
(j) meta mitluba, tipprovdi appoġġ tekniku u xjentifiku biex ittejjeb il-koperazzjoni bejn il-Komunità, l-Istati Membri tagħha, organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet xjentifiċi u tekniċi relatati mail-valutazzjoni ta' prodotti mediċinali, b'mod partikolari fil-kuntest ta' diskussjonijiet organizzati fil-qasam ta' konferenzi internazzjonali dwar l-armonizzazzjoni;
(k) tirreġistra l-istat ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” għall-prodotti mediċinali mogħtija skond il-proċeduri tal-Komunità;
(l) toħloq “database” dwar prodotti mediċinali, li għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, u tiżgura li jkun aġġornat, u amministrat indipendentement mill-kumpanniji farmċewetiċi; id-“database” għandu jiffacilita t-tfittxija għall-informazzjoni diġà awtorizzata għall-fuljetti għall-pakketti; għandu jinkludi taqsima dwar prodotti mediċinali awtorizzati għall-kura tat-tfal; l-informazzjoni pprovduta għall-pubbliku għandha tkun fi kliem xieraq u li jista' jinftiehem;
(m) tgħin lill-Komunità u lill-Istati Membri biex tkun ipprovduta informazzjoni lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa u lill-pubbliku ġenerali dwar prodotti mediċinali eżaminati mill-Aġenzija;
(n) tagħti pariri lill-impriżi dwar it-twettiq ta' testijiet u provi varji neċessarji biex ikunu murija l-kwalità, is-sigurtà u l-effikaċja tal-prodotti mediċinali;
(o) tivverifika li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Komunità dwar prodotti mediċinali u fl-awtorizzazzjonijiet għall-“marketing” huma osservati fil-każ tad-distribuzzjoni parallela tal-prodotti mediċinali awtorizzati skond dan ir-Regolament;
(p) tfassal, fuq talba tal-Kummissjoni, kull opinjoni xjentifika oħra dwar il-valutazzjoni tal-prodotti mediċinali jew il-materjali inizjali użati fil-manifattura tal-prodotti mediċinali;
(q) bil-għan li tkun protetta s-saħħa pubblika, tiġbor informazzjoni xjentifika dwar l-aġenti patoġeniċi li jistgħu jintużaw f'taqbid b'armi bijoloġiċi, inklużi l-eżistenza ta' vaċċini u prodotti mediċinali oħra li huma disponibbli biex jipprevjenu, jew biex jikkuraw, l-effetti ta' tali aġenti;
(r) tikkordina s-sorveljanza tal-kwalità tal-prodotti mediċinali mqiegħda fuq is-suq billi titlob l-ittestjar ta' l-osservanza ta' l-ispeċifikazzjonijiet awtorizzati tagħhom minn Laboratorju Uffiċċjali tal-Kontroll tal-Mediċini jew minn laboratorju nominat minn Stat Membru għal dak il-għan;
(s) tibgħat ta' kull sena lill-awtorità tal-“budget” kull informazzjoni rilevanti għar-riżultat tal-proċeduri ta' valutazzjoni;
(t) li jittieħdu deċiżjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 7 (1) tar-Regolament (KE) Nru 1901/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006, dwar prodotti mediċinali għal użu pedjatriku ( 19 ).
2. Id-“database” previst fil-paragrafu 1(l) għandu jinkludi s-sommarji tal-karatteristiċi tal-prodott, il-fuljett imqiegħed fil-pakkett għall-pazjent jew għal min juża l-prodott u l-informazzjoni murija fuq it-tikketta. Id-“database” għandu jkunu żviluppat fi staid, waqt li tingħata prijorità lill-prodotti mediċinali awtorizzati taħt dan ir-Regolament u dawk awtorizzati taħt il-Kapitolu 4 tat-Titolu III tad-Direttiva 2001/83/KE u d-Direttiva 2001/82/KE rispettivament. Id-“database” għandu sussegwentement ikun estiż biex jinkludi kull prodott mediċinali mqiegħed fis-suq fil-Komunità.
Meta xieraq, id-“database” għandu ukoll jinkludi referenzi għad-“data” dwar provi kliniċi li preżentement qed jitwettqu jew li diġà tlestew, li jinsabu fid-“database” ta' provi kliniċi pprovduti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/20/KE. Il-Kummissjoni, b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, għandhom joħorġu linji ta' gwida dwar oqsma ta' “data” li għandhom ikunu inklużi u li jistgħu jkunu aċċessibbli għall-pubbliku.
Artikolu 58
1. L-Aġenzija tista' tagħti opinjoni xjentifika, fil-kuntest ta' koperazzjoni ma' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, għall-valutazzjoni ta' ċerti prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem maħsuba b'mod esklussiv għal swieq barra mill-Komunità. Għal dan il-għan, għandu tkun sottomessa applikazzjoni għall-Aġenzija skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 6. Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem, wara li jikkonsulta ma' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, jista' jfassal opinjoni xjentifika skond l-Artikoli 6 sa 9. Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 10 ma għandhomx japplikaw.
2. L-imsemmi Kumitat għandu jistabbilixxi regoli speċifiċi ta' proċedura għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1, kif ukoll biex ikunu pprovduti pariri xjentifiċi.
Artikolu 59
1. L-Aġenzija għandha tieħu ħsieb tiżgura l-identifikazzjoni minn kmieni ta' fonti potenzali ta' konflitt bejn l-opinjonijiet xjentifiċi tagħha u dawk ta' korpi oħra stabbiliti taħt il-liġi Komunitarja u li qed iwettqu xogħol simili relatat ma' kwistjonijiet ta' ansjetà komuni.
2. Fejn l-Aġenzija tidentifika fonti potenzali ta' konflitt, għandha tinforma lill-korp konċernat biex tiżgura li kull informazzjoni rilevanti xjentifika tkun imqassma u biex tidentifka l-punti xjentifiċi li potenzalment ma jaqblux.
3. Fejn hemm konflitt fundamentali dwar punti xjentifiċi u l-korp konċernat hu aġenzija tal-Komunità jew kumitat xjentifiku, l-Aġenzija u l-korp konċernat għandhom jaħdmu flimkien jew biex isolvu l-konflitt jew biex jissottomettu dokument konġunt lill-Kummissjoni li jikkjarifika l-punti xjentifiċi ta' konflitt. Dan id-dokument għandu jkun ippubblikat immedjatament wara l-adozzjoni tiegħu.
4. Ħlief kif ipprovdut mod ieħor f'dan ir-Regolament, fid-Direttiva 2001/83/KE jew fid- Direttiva 2001/82/KE, fejn hemm konflitt fundamentali dwar punti xjentifiċi u l-korp konċernat hu korp fi Stat Membru, l-Aġenzija u l-korp nazzjonali konċernat għandhom jaħdmu flimkien jew biex isolvu l-konflitt jew biex jissottomettu dokument konġunt li jikkjarifika l-punti xjentifiċi ta' konflitt. Dan id-dokument għandu jkun ippubblikat immedjatament wara l-adozzjoni tiegħu.
Artikolu 60
Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija, fir-rigward ta' prodotti mediċinali awtorizzati, għandha tiġbor kull informazzjoni disponibbli dwar metodi li l-awtoritaijiet komptetenti ta' l-Istati Membri jużaw biex jiddeterminaw il-valur terapewtiku miżjud li jipprovdi kull prodott mediċinali ġdid.
Artikolu 61
1. Kull Stat Membru, wara konsultazzjoni mal-Bord Amministrattiv, għandu jaħtar għall-perjodu li tlett snin li jista' jiġġedded, membru wieħed u membru sostitut għall-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem u membru wieħed u sostitut għall-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju.
Is-sostituti għandhom jirrapreżentaw u jivvutaw għall-membri fl-assenza tagħhom u jistgħu jaġixxu ta' relaturi skond l-Artikolu 62.
Il-membri u s-sostituti għandhom jintgħażlu għar-rwol u l-esperjenza tagħhom fil-valutazzjoni tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u għandhom jirrapreżentaw l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.
2. Dawn il-kumitati għandhom jikkoptjaw massimu ta' ħames membri addizzjonali magħżula fuq il-bażi tal-kompetenza xjentifika speċifika tagħhom. Dawn il-membri għandhom ikunu maħtura għal perjodu ta' tlett snin li jista' jiġġedded, u ma jkollhomx sostituti.
Bil-għan li ssir il-kopzjoni ta' tali membri, il-kumitati għandhom jidentifikaw il-kompetenza komplimentari xjentifika speċifika tal-membru(i) addizzjonali. Il-membri koptjati għandhom ikunu magħżula minn esperti nominati mill-Istati Membri jew mill-Aġenzija.
3. Il-membri ta' kull Kumitat jistgħu jkunu akkumpanjati minn esperti f'oqsma speċifiċi xjentifiċi jew tekniċi.
4. Id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija jew ir-rappreżentant jew rappreżentanti tal-Kummissjoni għandu jkollhom id-dritt li jattendu l-laqgħat kollha tal-kumitati, tal-gruppi ta' ħidma u gruppi xjentifiċi konsultatttivi u l-laqgħat l-oħra kollha msejħa mill-Aġenzija jew mill-kumitati tagħha.
5. Barra mix-xogħol tagħhom li jipprovdu opinjonijiet xjentifiċi oġġettivi lill-Komunità u lill-Istati Membri dwar kwistjonijiet li jiġu referiti lilhom, il-membri ta' kull kumitat għandhom jiżguraw li hemm kordinazzjoni xierqa bejn ix-xogħol ta' l-Aġenzija u x-xogħol ta' l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, inklużi l-korpi konsultattivi li għandhom x'jaqsmu ma' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing”.
6. Il-membri tal-kumitati u l-esperti responsabbli għall-valutazzjoni tal-prodotti mediċinali għandhom joqogħdu fuq il-valutazzjoni u r-riżorsi xjentifiċi disponibbli għall-korpi nazzjonali ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing”. Kull awtorità kompetenti nazzjonali għandha tikkontrolla l-livell xjentifiku u l-indipendenza tal-valutazzjoni mwettqa u tiffaċilita l-attivitajiet tal-membri nominati tal-kumitat u ta' l-esperti. L-Istati Membri ma għandhomx jagħtu lill-membri tal-kumitati u lill-esperti istruzzjonijiet li mhumiex kompatibbli max-xogħol proprju individwali tagħħom jew max-xogħol u r-responsabbiltajiet ta' l-Aġenzija.
7. Meta jkun qed jipprepara l-opinjoni, kull kumitat għandu jagħmel ħiltu kollha biex jintlaħaq kunsens xjentifiku. Jekk tali kunsens ma jistax jintlaħaq, l-opinjoni għandha tikkonsisti mill-posizzjoni tal-maġġoranza tal-membri u l-posizzjonijiet diverġenti, bir-raġunijiet fuq liema huma bbażati.
8. Kull kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli proprji tiegħu ta' proċedura.
B'mod partikolari, dawn ir-regoli għandhom jistabbilixxu:
(a) proċeduri għall-ħatra u s-sostituzzjoni tal-President;
(b) proċeduri relatati mal-gruppi ta' ħidma u mal-gruppi konsultattivi xjentifiċi; u
(ċ) proċedura għall-adozzjoni ta' opinjonijiet b'urġenza, b'mod partikolari b'relazzjoni mad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar is-sorveljanza u l-farmako-viġilanza tas-suq.
Għandhom jidħlu fis-seħħ wara li jirċievu opinjoni favorevoli mill-Kummissjoni u mill-Bord Amministrattiv.
Artikolu 62
1. Fejn, skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem, il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali mill-Ħxejjex jew il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju hu meħtieġ jeżamina prodott mediċinali, għandu jaħtar wieħed mill-membri tiegħu biex jaġixxi ta' relatur għall-kordinazzjoni tal-valutazzjoni. Il-Kumitat konċernat jista' jaħtar it-tieni membru biex jaġixxi bħala ko-relatur.
Meta jikkonsulta mal-gruppi konsultattivi xjentifiċi msemmija fl-Artikolu 56(2), il-Kumitat għandu jibagħtilhom l-abbozz(i) tar-rapport(i) ta' stima magħmula mir-relatur jew mill-ko-relatur. L-opinjoni maħruġa mill-grupp konsultattiv xjentifiku għandha tintbagħat lill-President tal-Kumitat rilevanti b'mod tali li jkun żgurat li jintlaħqu l-perjodi ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 6(3) u fl-Artikolu 31(3).
Is-sustanza ta' l-opinjoni għandha tkun inkluża fir-rapport ta' stima ppubblikat skond l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 38(3).
Jekk ikun hemm talba għar-ri-eżaminazzjoni ta' waħda mill-opinjonijiet tiegħu, il-Kumitat konċernat għandu jaħtar relatur differenti u, fejn hu neċessarju, ko-relatur differenti minn dawk maħtura għall-opinjoni inizjali. Il-proċedura ta' ri-eżaminazzjoni għandha tirrelata biss ma' punti mill-opinjoni identifikati inizjalment mill-applikant u jistgħu jkunu bbażati biss fuq id-“data” xjentifika disponibbli meta l-Kumitat adotta l-opinjoni inizjali. L-applikant jista' jitlob li l-Kumitat jikkonsulta grupp konsultattiv xjentifiku fir-rigward tar-ri-eżaminazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Aġenzija l-ismijiet ta' l-esperti nazzjonali b'esperjenza ppruvata fil-valutazzjoni ta' prodotti mediċinali li jkunu disponibbli biex iservu fi gruppi ta' ħidma jew gruppi konsultattivi xjentifiċi taI-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem, il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali mill-Ħxejjex jew il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju, flimkien ma' indikazzjoni tal-kwalifiki tagħhom u ta' l-oqsma speċifiċi ta' kompetenza.
L-Aġenzija għandha żżomm lista aġġornata ta' esperti akkreditati. Il-lista għandha tinkludi l-esperti msemmija fl-ewwel subparagrafu u esperti oħra maħtur adirettament mill-Aġenzija. Il-lista għandha tkun aġġornata.
3. Il-provvista ta' servizzi mir-relaturi jew mill-esperti għandha tkun rregolata minn kuntratt bil-miktub bejn l-Aġenzija u l-persuna konċernata, jew fejn xieraq bejn l-Aġenzija u min iħaddmu.
Il-persuna konċernata, jew min iħaddmu, għandu jitħallas skond skala ta' ħlas li tkun inkluża fl-arranġamenti finanzjarji stabbiliti mill-Bord Amministrattiv.
4. It-twettiq ta' servizzi xjentifiċi li jistgħu jkunu pprovduti b'mod potenzali minn diversi persuni jista' jwassal għal sejħa ta' espressjoni ta' interess, jekk dan ikun permess mill-kuntest xjentifiku u tekniku, u jekk dan hu kompatibbli max-xogħol ta' l-Aġenzija, b'mod partikolari biex ikun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika.
Il-Bord Amministrattivgħandu jadotta l-proċeduri xierqa fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv.
5. L-Aġenzija jew wieħed mill-kumitati msemmija fl-Artikolu 56(1) jistgħu jużaw is-servizzi ta' esperti għat-twettiq ta' xogħol ieħor speċifiku li huma responsabbli għalih.
Artikolu 63
1. Is-sħubija tal-kumitati msemmija fl-Artikolu 56(1) għandha tkun magħmula pubblika. Meta kull ħatra tkun ippubblikata, il-kwalifiki professjonali għal kull membru għandhom ikunu speċifikati.
2. Membri tal-Bord Amministrattiv, membri tal-kumitati, relaturi u esperti ma għandux ikollhom interessi finanzjarji jew interessi oħra fl-industrija farmaċewtika li tista' tolqot l-imparzjalità tagħhom. Jobbligaw ruħhom li jaġixxu fl-interess pubbliku u b'mod indipendenti, u għandhom jagħmlu dikjarazzjoni annwali ta' l-interess finanzjarji tagħhom. L-interess indiretti kollha li jistgħu jirrelataw ma' din l-industrija għandhom ikunu rreġistrati f'reġistru miżmum mill-Aġenzija fl-uffiċċji tagħha li meta jintalab, ikun aċċessibbli għall-pubbliku.
Il-kodiċi ta' kondotta ta' l-Aġenzija għandu jipprovdi għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu b'referenza partikolari għall-aċċettazzjoni ta' rigali.
Membri tal-Bord Amministrattiv, membri tal-kumitati, relaturi u esperti li jipparteċipaw f'laqgħat jew fi gruppi ta' ħidma ta' l-Aġenzija, f'kull laqgħa, għandhom jiddikjaraw kull interess speċifiku li jista' jkun ikkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tagħhom fir-rigward tal-punti fuq l-aġenda. Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.
Artikolu 64
1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun maħtur mill-Bord Amministrattiv, fuq proposta mill-Kummissjoni, għal perjodu ta' ħames snin fuq bażi ta' lista ta' kandidati proposta mill-Kummissjoni wara sejħa għall-espressjonijiet ta' interess ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea u x'imkien ieħor. Qabel il-ħatra, il-kandidat nominat mill-Bord Amministrattiv għandu jkun mistieden biex fil-pront jagħmel dikjarazzjoni lill-Parlament Ewropew u biex iwieġeb xi mistoqsijiet tal-Membri tiegħu. Il-mandat tiegħu jista' jkun imġedded darba. Il-Bord Amministrattiv, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jneħħi d-Direttur Eżekuttiv mill-kariga tiegħu.
2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali ta' l-AġenzijaHe shall be responsible:Għandu jkun responsabbli:
(a) għall-amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-Aġenzija;
(b) għall-amministrazzjoni tar-riżorsi kollha ta' l-Aġenzija neċessarji għat-twettiq ta' l-attivitajiet tal-kumitati msemmija fl-Artikolu 56(1), inkluż id-disponibbiltà ta' appoġġ xjentifiku u tekniku xieraq;
(ċ) biex jiżgura li t-termini ta' żmien stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Komunità għall-adozzjoni ta' opinjonijiet mill-Aġenzija jkunu mħarsa;
(d) biex jiżgura kordinazzjoni xierqa bejn il-kumitati msemmija fl-Artikolu 56(1);
(e) għall-preparazzjoni ta' abbozz ta' prospett ta' stima tad-dħul u l-infiq ta' l-Aġenzija, u ta' l-eżekuzzjoni tal-“budget” tagħha;
(f) għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-persunal;
(g) biex jipprovdi s-segretarjat għall-Bord Amministrattiv.
3. Kull sena d-Direttur Eżekuttiv għandu jissottometti abbozz ta' rapport dwar l-attivitajiet ta' l-Aġenzija fis-sena ta' qabel u abbozz ta' programm ta' xogħol għas-sena li tkun ġejja għall-approvazzjoni tal-Bord Amministrattiv, waqt li jagħmel distinzjoni bejn l-attivitajiet ta' l-Aġenzija dwar prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, dawk dwar prodotti mediċinali mill-ħxejjex u dawk dwar prodotti mediċinali għall-użu veterinarju.
L-abbozz tar-rapport dwar l-attivitaijiet ta' l-Aġenzija fis-sena ta' qabel għandu jinkludi informazzjoni dwar in-numru ta' applikazzjonijiet eżaminati fi ħdan l-Aġenzija, iż-żmien meħud biex tlestiet il-valutazzjoni u l-prodotti mediċinali awtorizzati, rifjutati jew irtirati.
Artikolu 65
1. Il-Bord Amministrattiv għandu jikkonsisti minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru, żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni u żewġ rappreżentanti tal-Parlament Ewropew.
B'mod addizzjonali, żewġ rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tal-pazjenti, rappreżentant ta' organizzazzjonijiet tat-tobba u rappreżentant ta' l-organizzazzjonijiet tal-veterinarji għandhom ikunu maħtura mill-Kunsill b'konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew fuq il-bażi tal-lista miktuba mill-Kummissjoni li b'mod sensibbli tinkludi iktar ismijiet minn kemm hemm karigi li għandhom jintlew. Il-lista miktuba mill-Kummissjoni għandha tintbgħat lill-Parlament Ewropew, flimkien mad-dokumenti ta' sfond rilevanti. Malajr kemm jista' jkun, u fi żmien tlett xhur min-notifika, il-Parlament Ewropew jista' jissottometti l-opinjonijiet tiegħu lill-Kunsill, li mbagħad għandu jaħtar il-Bord Amministrattiv.
Il-membri tal-Bord Amministrattiv għandhom ikunu maħtura b'mod tali li jkunu garantiti l-ogħla livelli ta' kwalifiki speċjalizzati, spettru wiesgħa ta' esperjenza rilevanti u l-aktar firxa ġeografika wiesgħa possibbli fl-Unjoni Ewropea.
2. Il-membri tal-Bord Amministrattiv għandhom ikunu maħtura fuq il-bażi tal-kompetenza rilevanti tagħhom fl-amministrazzjoni u, jekk xieraq, esperjenza fil-qasam tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jew veterinarju.
3. Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jaħtru l-membri tagħhom tal-Bord Amministrattiv kif ukoll sostitut li jissostitwixxi lill-membru fl-assenza tiegħu u li jivvota f'ismu.
4. Iż-żmien ta' kariga tar-rappreżentanti għandu jkun tlett snin. Iż-żmien ta' kariga jista' jiġġedded.
5. Il-Bord Amministrattiv għandu jaħtar lill-President tiegħu minn fost il-membri tiegħu.
Iż-żmien ta' kariga tal-President għandu jkun tlett snin u jiskadi meta ma jibqax membru tal-Bord Amministrattiv. Iż-żmien ta' kariga jista' jkun imġedded darba.
6. Id-deċiżjonijiet tal-Bord Amministrattiv għandhom ikunu adottati minn maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu.
7. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.
8. Il-Bord Amministrattiv għandu jistieden lill-presidenti tal-kumitati xjentifiċi biex jattendu l-laqgħat tiegħu, iżda dawn ma jkollhomx dritt jivvutaw.
9. Il-Bord Amministrattiv għandu japprova l-programm ta' xogħol annwali ta' l-Aġenzija u jibagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.
10. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' l-Aġenzija u jibagħtu sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Qorti ta' l-Awdituri u lill-Istati Membri.
Artikolu 66
Il-Bord Amministrattiv għandu:
(a) jadotta opinjoni dwar ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem u l-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (L-Artikolu 61);
(b) jadotta proċeduri għat-twettiq ta' servizzi xjentifiċi (L-Artikolu 62);
(ċ) jaħtar id-Direttur Eżekuttiv (L-Artikolu 64);
(d) jadotta programm ta' xogħol annwali u jibagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri (L-Artikolu 65);
(e) japprova r-rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' l-Aġenzija u jibagħtu sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Qorti ta' l-Awdituri u lill-Istati Membri (L-Artikolu 65);
(f) jadotta l-“budget” ta' l-Aġenzija (L-Artikolu 67);
(g) jadotta d-disposizzjonijiet finanzjarji interni (L-Artikolu 67);
(h) jadotta d-disposizzjonijiet li jimplimentaw ir-Regolamenti tal-Persunal (L-Artikolu 75);
(i) jiżviluppa kuntatti ma' “stakeholders” u jiddetermina l-kondizzjonijiet applikabbli (L-Artikolu 78);
(j) jadotta disposizzjonijiet biex tkun ipprovduta għajnuna lill-kumpanniji farmaċewtiċi (L-Artikolu 79);
(k) jadotta regoli biex jiżgura li l-pubbliku jkollu informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni jew is-sorveljanza tal-prodotti mediċinali (L-Artikolu 80).
Kapitolu 2
Disposizzjonijiet finanzjarji
Artikolu 67
1. Stimi tad-dħul u l-infiq kollu ta' l-Aġenzija għandhom ikunu ppreparati għal kull sena finanzjarja, korrispondenti mas-sena kalendarja, u għandhom jintwerew fil-“budget” ta' l-Aġenzija.
2. Id-dħul u l-infiq muri fil-“budget” għandu jkun f'bilanċ.
3. Id-dħul ta' l-Aġenzija għandu jikkonsisti minn kontribuzzjoni mill-Komunità u ħlasijiet imħallsa mill-impriżi biex jiksbu u jżommu l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” tal-Komunità u għal servizzi oħra pprovduti mill-Aġenzija.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa “l-awtorità tal-‘budget’”), meta jkun neċessarju, għandhom jagħmlu ri-eżaminazzjoni tal-livell tal-kontribuzzjoni tal-Komunità fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-bżonnijiet u waqt li jittieħed kont tal-livell tal-ħlasijiet.
4. Attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-farmako-viġilanza, mat-tħaddim tan-“networks” tal-komunikazzjoni u mas-sorveljanza tas-suq għandhom jirċievu finanzjamenti pubbliċi xierqa b'mod proporzjonali max-xogħol mogħti.
5. L-infiq ta' l-Aġenzija għandu jinkludi pagamenti lill-persunal, spejjeż amministrattivi u infrastrutturali, u spejjeż tat-tħaddim kif ukoll spejjeż li jirriżultaw minn kuntratti konklużi ma' terza persuni.
6. Kull sena l-Bord Amministrattiv, fuq il-bażi ta' l-abbozz miktub mid-Direttur Eżekuttiv, għandu jipproduċi stima tad-dħul u l-infiq għall-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara. Din l-istima, li għandha tinkludi abbozz ta' pjan ta' “establishment”, għandha tintbagħat mill-Bord Amministrattivlill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu.
7. Din l-istima għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-awtorità tal-“budget” flimkien ma' abbozz preliminari ta' “budget” ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.
8. Fuq il-bażi ta' l-istima, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-abbozz preliminari tal-“budget” ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea l-istimi li tikkonsidra li huma neċessarji għall-pjan ta' “establishment” u l-ammont tas-sussidju li għandu jkun iddebitat lill-“budget” ġenerali, liema stimi għandhom jitpoġġew quddiem l-awtorità tal-“budget” skond l-Artikolu 272 tat-Trattat.
9. L-awtorità tal-“budget” għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Aġenzija.
L-awtorità tal-“budget” għandha tadotta l-pjan ta' “establishment” għall-Aġenzija.
10. Il-“budget” għandu jkun adottat mill-Bord Amministrattiv. Għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-“budget” ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Meta xieraq, għandu jkun aġġustat għal dik ir-raġuni.
11. Kull tibdil għall-pjan ta' “establishment” u għall-“budget” għandu jkun is-suġġett ta' “budget” li jemenda, li għandu jintbagħat lill-awtorità tal-“budget” għal skopijiet ta' informazzjoni.
12. Il-Bord Amministrattiv, malajr kemm jista' jkun, għandu jinnotifika lill-awtorità tal-“budget” bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta xi proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti fuq il-finanzjament tal-“budget” tiegħu, b'mod partikolari xi proġetti relatati mal-proprjetà bħal kera jew xiri ta' bini. Għandu jinforma b'dan lill-Kummissjoni.
Fejn fergħa ta' l-awtorità tal-“budget” innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Bord Amministrattiv fi żmien sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett.
Artikolu 68
1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-“budget” ta' l-Aġenzija.
2. Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu ta' kull sena finanzjarja, l-uffiċċjal taż-żamma tal-kotba ta' l-Aġenzija għandu jikkomunika l-kontijiet provviżorji lill-uffiċċjal taż-żamma tal-kontijiet tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport fuq l-amministrazzjoni tal-“budget” u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċċjal taż-żamma tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet provviżorji ta' l-instituzzjonijiet u tal-korpi deċentralizzati skond l-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-“budget” ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 20 ) (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament Finanzjarju Ġenerali”).
3. Sa mhux aktar tard mill-31 Marzu ta' wara kull sena finanzjarja, l-ufffiċċjal taż-żamma tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jissottometti l-kontijiet provviżorji ta' l-Aġenzija lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' rapport fuq l-amministrazzjoni tal-“budget” u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport fuq l-amministrazzjoni tal-“budget” u finanzjarja għas-sena finanzjarja għandu ukoll jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
4. Meta jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji ta' l-Aġenzija, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal il-kontijiet finali ta' l-Aġenzija taħt ir-responsabbiltà proprja tiegħu u jgħaddihom lill-Bord Amministrattiv għall-opinjoni.
5. Il-Bord Amministrattiv ta' l-Aġenzija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali ta' l-Aġenzija.
6. Mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju wara kull sena finanzjarja, id-Direttur Eżekuttiv għandu jgħaddi l-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv.
7. Il-kontijiet finali għandhom ikunu ppubblikati.
8. Id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija għandu jibgħat lill-Qorti ta' l-Awdituri tweġiba dwar l-osservazzjonijiet tagħha sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru. Għandu ukoll jibgħat din it-tweġiba lill-Bord Amministrattiv.
9. Id-Direttur Eżekuttiv, għandu jagħti lill-Parlament Ewropew, fuq talba tiegħu, kull informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni mingħajr diffikultajiet tal-proċedura ta' rilaxx għas-sena finanzjarja in kwistjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali.
10. Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, qabel it-30 ta' April tas-sena N + 2, għandu jagħti rilaxx lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-“budget” għas-sena N.
11. Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija għandhom ikunu adottati mill-Bord Amministrattiv wara li l-Kummissjoni ġiet konsultata. Dawn ir-regoli ma jistgħux imorru kontra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad- 19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) applikabbli għall-“budget” ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 21 ), sakemm dan mhux meħtieġ speċifikament għat-tħaddim ta' l-Aġenzija u bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.
Artikolu 69
1. Biex ikunu miġġielda l-frodi, l-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra id-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 li jirrigwarda l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) ( 22 ) għandhom japplikaw mingħajr restrizzjoni.
2. L-Aġenzija għandha tkun parti mill-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u mingħajr dewmien, għandha toħroġ id- disposizzjonijiet xierqa applikabbli għall-impjegati kollha ta' l-Aġenzija.
Artikolu 70
1. L-istruttura u l-livell tal-ħlasijiet imsemmija fl-Artikolu 67(3) għandhom ikunu stabbiliti mill-Kunsill waqt li jaġixxi taħt il-kondizzjonijiet previsti mit-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni, meta l-Kummissjoni kkonsultat organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ta' l-industrija farmaċewtika fuq livell Komunitarju.
2. Madankollu, disposizzjonijiet għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(2), li tistabbilixxi ċ-ċirkostanzi li fihom intrapriżi ta' daqs żgħir u medju jistgħu jħallsu ħlasijiet imnaqqsa, jiddeferixxu l-pagament tal-ħlas, jew jirċievu għajnuna amministrattiva.
Kapitolu 3
Disposizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-Aġenzija
Artikolu 71
L-Aġenzija għandu jkollha personalità legali. Fl-Istati Membri kollha għandu jkollha l-iktar kapaċità legali estensiva possibli mogħtija lill-persuni legali taħt il-liġijiet tagħhom. B'mod partikolari tista' takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u tista' tkun parti minn proċeduri legali.
Artikolu 72
1. Ir-responsabbiltà kuntrattwali ta' l-Aġenzija għandha tkun regolata mill-liġi applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollu ġurisdizzjoni skond il-klawsola ta' l-arbitraġġ inkluża f'kuntratt konkluż mill-Aġenzija.
2. Fil-każ ta' responsabbiltà li mhix kuntrattwali, l-Aġenzija, skond il-prinċipji ġenerali komuni għall-liġijiet ta' l-Istati Membri, tista' tpatti għal xi danni kkawżati minnha jew mill-aġenti tagħha fil-qadi tad-dmirijiethom.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f'kull disputa li għandha x'taqsam mal-kumpens għal tali danni.
3. Ir-responsabbiltà personali ta' l-aġenti tagħha lejn l-Aġenzija għandha tkun regolata mir-regoli rilevanti applikabbli għall-persunal ta' l-Aġenzija.
Artikolu 73
Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ( 23 ) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.
L-Aġenzija għandha tistabbilixxi reġistru skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 biex ikunu disponibbli d-dokumenti kollha li huma aċċessibbli għall-pubbliku skond dan ir-Regolament.
Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta l-arranġamenti biex ikun implimentat ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jagħtu lok biex jitressqu ilmenti ma' l-Ombudsman jew ikunu s-suġġett ta' azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.
Artikolu 73a
Deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija taħt ir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 jistgħu jiffurmaw is-suġġett ta' azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 230 tat-Trattat.
Artikolu 74
Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Aġenzija.
Artikolu 75
Il-persunal ta' l-Aġenzija għandhom ikunu suġġetti għar-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-uffiċċjali u persunl ieħor tal-Komunitajiet Ewropej. Fir-rigward tal-persunal tagħha, l-Aġenzija għandha teżerċita l-poteri li ngħataw lill-awtorità li taħtar.
Il-Bord Amministrattiv bi qbil mal-Kummissjoni għandu jadotta d-disposizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni.
Artikolu 76
Membri tal-Bord Amministrattiv, membri tal-kumitati msemmija fl-Artikolu 56(1), u esperti u uffiċċjali u aġenti oħra ta' l-Aġenzija, anke wara li jintemmu d-doveri tagħhom, għandhom ikun mitluba ma jikxfux informazzjoni tat-tip li hi protetta mill-obbligu tas-segretezza professjonali.
Artikolu 77
Il-Kummissjoni, bi qbil mal-Bord Amministrattiv u l-kumitat rilevanti, tista' tistieden rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali b'interess fl-armonizzazzjoni ta' regolamenti applikabbli għall-prodotti mediċinali biex jipparteċipaw bħala osservaturi fix-xogħol ta' l-Agenzija. Il-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni għandhom ikunu determinati minn qabel mill-Kummissjoni.
Artikolu 78
1. Il-Bord Amministrattiv, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jiżviluppa kuntatti xierqa bejn l-Aġenzija u r-rappreżentanti ta' l-industrija, konsumaturi u pazjenti u professjonisti tas-saħħa. Dawn il-kuntatti jistgħu jinkludu l-parteċipazzjoni ta' osservaturi f'ċerti aspetti tax-xogħol ta' l-Aġenzija, taħt kondizzjonijiet determinati minn qabel mill-Bord Amministrattiv, bi qbil mal-Kummissjoni.
2. Il-Kumitati msemmija fl-Artikolu 56(1) u xi gruppi ta' ħidma u gruppi konsultattivi xjentifiċi stabbiliti skond dak l-Artikolu, fi kwistjonijiet ġenerali, għandhom jistabbilixxu kuntatti, fuq bażi konsultattiva, ma' partijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-użu ta' prodotti mediċinali, b'mod partikolari organizzazzjonijiet tal-pazjenti u assoċjazzjonijiet tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa. Relaturi maħtura minn dawn il-kumitati, fuq bażi konsultattiva, jistgħu jistabbilixxu kuntatti ma' organizzazzjonijiet tal-pazjenti u assoċjazzjonijiet tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa rilevanti għall-indikazzjoni tal-prodott mediċinali konċernat.
Artikolu 79
Il-Bord Amministrattiv, fil-każ ta' prodotti mediċinali veterinarji li għandhom swieq limitati, jew fil-każ ta' prodotti mediċinali veterinarji maħsuba għall-mard li għandu distribuzzjoni reġjonali, jista' jadotta l-miżuri neċessarji biex jipprovdi għajnuna lill-kumpanniji meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom.
Artikolu 80
Biex ikun żgurat livell xieraq ta' trasparenza, il-Bord Amministrattiv, fuq il-bażi ta' proposta mid-Direttur Eżekuttiv u bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta regoli biex tkun żgurata d-disponibbilità għall-pubbliku ta' informazzjoni regolatorja, xjentifika jew teknika dwar l-awtorizzazzjoni jew is-sorveljanza ta' prodotti mediċinali, li mhix ta' natura kunfidenzali.
Ir-regoli interni u l-proċeduri ta' l-Aġenzija, il-kumitati u l-gruppi ta' ħidma tagħha għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fl-Aġenzija u fuq l-Internet.
TITOLU V
DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 81
1. Id-deċiżjonijiet kollha biex tingħata, tkun rifjutata, varjata, sospiża, irtirata jew revokata awtorizzazzjoni għall-“marketing” li jittieħdu skond dan ir-Regolament għandhom jiddikjaraw fid-dettal ir-raġunijiet fuq liema huma bbażati. Tali deċiżjonijiet għandhom ikunu notifikati lill-parti konċernata.
2. Awtorizzazzjoni biex jitqiegħed fis-suq prodott mediċinali regolat minn dan ir-Regolament ma għandhiex tingħata, tkun rifjutata, varjata, sospiża, irtirata jew revokata ħlief permezz tal-proċeduri u r-raġunijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.
Artikolu 82
1. Tista' tingħata biss awtorizzazzjoni waħda lill-applikant għall-prodott mediċinali speċifiku.
Madankollu, il-Kummissjoni għandha tawtorizza lill-istess applikant jissottometti iktar minn applikazzjoni waħda lill-Aġenzija għal dak il-prodott mediċinali fejn hemm raġunijiet oġġettivi u li jistgħu jkunu vertifikati relatati mas-saħħa pubblika dwar id-disponibbiltà ta' prodotti mediċinali għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa u/jew għall-pazjenti, jew għal raġunijiet ta' “co-marketing”.
2. Fir-rigward ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, l-Artikolu 98(3) tad-Direttiva 2001/83/KE għandu japplika għall-prodotti mediċinali awtorizzati taħt dan ir-Regolament.
3. Mingħajr preġudizzju għan-natura Komunitarja unika tal-kontenut tad-dokumenti mesemmija fl-Artikolu 9(4)(a), (b), (ċ) u (d) u fl-Artikolu 34(4)(a) sa (e), dan ir-Regolament ma għandux jipprojbixxi l-użu ta' żewġ disinni kummerċjali jew aktar għal prodott mediċinali partikolari li jaqa' taħt awtorizzazzjoni waħda.
Artikolu 83
1. B'eżenzjoni mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/83/KE l-Istati Membri jistgħu jagħmlu prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem li jappartieni lill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) ta' dan ir-Regolament disponibbli għall-użu bbażat fuq il-ħniena.
2. Għall-iskopjiet ta' dan l-Artikolu, “użu bbażat fuq il-ħniena” ifisser tagħmel prodott mediċinali li jappartieni lill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) disponibbli għal raġunijiet ta' ħniena lill-grupp ta' pazjenti li għandhom mard kroniku jew mard li jdgħajjef b'mod serju jew mard li hu kkunsidrat ta' theddida għall-ħajja u li ma jistgħux ikunu kkurati b'mod sodisfaċenti minn prodott mediċinali awtorizzat. Il-prodott mediċinali konċernat għandu jkun jew is-suġġett ta' applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-“marketing” skond l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament jew għandu jkun għaddej minn provi kliniċi.
3. Fejn Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà prevista fil-paragrafu 1 għandu jinnotifika lill-Aġenzija.
4. Fejn hemm maħsub l-użu bbażat fuq il-ħniena, il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem, wara li jikkonsulta l-manifattur jew l-applikant, jista' jadotta opinjonijiet dwar il-kondizzjonijiet ta' l-użu, il-kondizzjonijiet għat-tqassim u l-pazjenti li għalihom hu mmirat il-prodott. L-opinjonijiet għandhom ikunu aġġornati fuq bażi regolari.
5. Għandu jittieħed kont mill-Istati Membri ta' kull opinjoni disponibbli.
6. L-Aġenzija għandha żżomm lista aġġornata ta' l-opinjonijiet adottati skond il-paragrafu 4, liema lista għandha tkun ippubblikata fuq il-“website” tagħha. L-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 25 għandhom japplikaw “mutatis mutandis”.
7. L-opinjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 ma għandhomx jolqtu r-responsabbiltà ċivili jew kriminali tal-manifattur jew ta' l-applikant għall-awtorizzazzjoni għall-“marketing”.
8. Fejn ġie stabbilit program ta' użu bbażat fuq il-ħniena, l-applikant għandu jiżgura li l-pazjenti li qed jieħdu sehem għandhom ukoll aċċess għall-prodott mediċinali ġdid matul il-perjodu bejn l-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq.
9. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2001/20/KE u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/83/KE.
Artikolu 84
1. Mingħajr preġudizzju għall-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-penali li għandhom ikunu applikati għall-ksur tad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew ir-regolamenti adottati permezz tiegħu u għandu jittieħed kont tal-miżuri neċessarji kollha għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dawn id-disposizzjonijiet mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2004. Għandhom jinnotifikaw kull emenda sussegwenti mill-aktar fis possibli.
2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni immedjatament b'xi litigazzjoni istitwita għall-ksur ta' dan ir-Regolament.
3. Fuq talba ta' l-Aġenzija, il-Kummissjoni tista' timponi penali finanzjarji fuq id-detenturi ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” mogħtija taħt dan ir-Regolament, jekk jonqsu milli jħarsu ċerti obbligi stabbiliti fir-rigward ta' l-awtorizzazzjonijiet. L-ammonti massimi kif ukoll il-kondizzjonijiet u l-metodi ta' ġbir ta' dan il-penali għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 87(2).
Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ismijiet tad-detenturi ta' l-awtorizzazzjoni għall-“marketing” involuti, l-ammonti tal-penali finanzjarji imposti u r-raġunijiet għalihom.
Artikolu 85
Dan ir-Regolament ma għandux jolqot il-kompetenzi mogħtija lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel maħluqa bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 ( 24 ).
Artikolu 86
Mill-inqas kull għaxar snin, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport ġenerali dwar l-esperjenza miksuba bħala riżultat tat-tħaddim tal-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament, f'Kapitolu 4 tat-Titolu III tad-Direttiva 2001/83/KE u f'Kapitolu 4 tat-Titolu III tad-Direttiva 2001/82/KE.
Artikolu 87
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem stabbilit bl-Artikolu 121 tad-Direttiva 2001/83/KE u mill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Veterinarji stabbilit bl-Artikolu 89 tad-Direttiva 2001/82/KE.
2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tiegħua.
Il-perjodu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.
3. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tiegħua.
Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat għal xahar.
4. Il-kumitati għandhom jadottaw ir-Regoli ta' Proċedura tagħhom.
Artikolu 88
Ir-Regolament (KEE) Nru 2309/93/KE hu hawnhekk imħassar.
Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala li huma referenzi għal dan ir-Regolament.
Artikolu 89
Il-perjodi ta'protezzjoni previsti fl-Artikoli 14(11) u 39(10) ma għandhomx japplikaw għall-prodotti mediċinali ta' referenza li għalihom ġiet sottomessa applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni qabel id-data msemmija fl-Artikolu 90, it-tieni paragrafu.
Artikolu 90
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
B'deroga mill-ewwel paragrafu, it-Titoli I, II, III u V għandhom japplikaw mill-20 ta' Novembru 2005 u l-punt 3, il-ħames u s-sitt inċiż ta' l-Anness għandhom japplikaw mill-20 ta' Mejju 2008.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
PRODOTTI MEDIĊINALI LI GĦANDHOM JIĠU AWTORIZZATI MILL-KOMUNITÀ
|
1. |
Prodotti mediċinali żviluppati permezz ta' wieħed mill-proċessi bijoteknoloġiċi li ġejjin: — teknoloġija DNA rikombinanti, — espressjoni kontrollata ta' “coding” tal-ġene għall-proteini li huma attivi b'mod bijoloġiku fil-“prokaryotes” u l-“eukaryotes” inklużi ċelloli tal-mammieferi trasformati, — metodi ta' anti-korp “hybridoma” u “monoclonal”. |
|
2. |
Prodotti mediċinali għall-użu veterinarju maħsuba primarjament biex jintużaw bħala “performance enhancers” biex jippromwovu t-tkabbir ta' annimali kkurati jew biex jiżdiedu l-prodotti li jiġu minn annimali kkurati. |
|
3. |
Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li fihom sustanza attiva ġdida li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ma kienetx awtorizzatta fil-Komunità, u li l-indikazzjoni terapewtika għaliha hi l-kura tal-mard li ġej: — “acquired immune deficiency syndrome”, — “cancer”, — mard newrodeġenerattiv, — diabete, u b'effett mill-20 ta' Mejju 2008 — mard awto-immuni u anormalitajiet immuni oħra, — mard virali. Wara l-20 ta' Mejju 2008, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat ma' l-Aġenzija, tista' tippreżenta xi proposta xierqa li timmodifika dan il-punt u l-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq dik il-proposta b'maġġoranza kwalifikata. |
|
4. |
Prodotti mediċinali li huma msemmija bħala prodotti mediċinali orfni skond ir-Regolament (KE) Nru 141/2000. |
( 1 ) ĠU C 75 E, tas-26.3.2002, p. 189 and GU C… (ghadha mhix ippubblikata fil-Gurnal Ufficcjali).
( 2 ) ĠU C 61, 14.03.03, p. 1.
( 3 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2002 (ĠU C 300 E, tal-11.12.2003, p. 308), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-29 ta' Settembru 2003 (ĠU C 297 E, tad-9.12.2003, p. 1), Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Dicembru 2003 (ghadha mhux ippubblikata fil-Gurnal Ufficcjali) u Deciżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2004.
( 4 ) ĠU L 214, 24.08.93, p. 1. Ir-Regolament kif l-ahhar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1647/2003 (ĠU L 245, 29.09.03, p. 19).
( 5 ) OJ L 311, 28.11.2001, p. 67. Directive as last amended by Council Directive 2004/27/EC (see p. 34 of this Official Journal).
( 6 ) ĠU L 311, tat-28.11.2001, p. 1. Id-Direttiva kif l-ahhar emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/28/KE (ara p. 58 ta' dan il-Gurnal Ufficcjali).
( 7 ) ĠU L 15, tas-17.1.1987, p. 38. Id-Direttiva mhassra mid-Direttiva 93/41/KEE (ĠU L 214, ta' l-24.8.1993, p. 40).
( 8 ) Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE tad-29 ta' April 1996 dwar il-projbizzjoni ta' l-użu fit-trobbija tal-bhejjem ta' certi sustanzi li ghandhom azzjoni ormonali jew tirostatika u ta' β' agonists' (ĠU L 125, tat-23.5.1996, p. 3).
( 9 ) ĠU L 121, 01.05.01, p. 34.
( 10 ) ĠU C 172, 18.06.99, p. 1.
( 11 ) ĠU L 18, 22.01.00, p. 1.
( 12 ) ĠU C 218, 31.07.00, p. 10.
( 13 ) ĠU L 106, tas-17.4.2001, p. 1. Id-Direttiva kif l-ahhar emendata mir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, tat-18.10.2003, p. 24).
( 14 ) ĠU L 184, 17.07.99, p. 23.
( 15 ) ĠU L 245, 29.09.03, p. 19.
( 16 ) ĠU L 117, tat-8.5.1990, p. 15. Id-Direttiva mhassra mid-Direttiva 2001/18/KE, imma jibqa' jkollha certi effetti legali.
( 17 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 tas-26 ta' Gunju 1990 li jistabbilixxi procedura Komunitarja ghat-twaqqif tal-limiti massimi ta' residwi ta' prodotti medicinali veterinarji fl-oggetti ta' l-ikel li joriginaw mill-annimali (ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 1). Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1029/2003 (ĠU L 149, tas-17.6.2003, p. 15).
( 18 ) ĠU L 125, tat-23.5.1996, p. 10. Id-Direttiva kif l-ahhar emendata mir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 1).
( 19 ) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 1.
( 20 ) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Gunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli ghall-“budget” generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, tas-16.9.2002, p. 1).
( 21 ) ĠU L 357, 31.12.02, p. 72.
( 22 ) ĠU L 136, 31.05.99, p. 1.
( 23 ) ĠU L 145, 31.05.01, p. 43.
( 24 ) Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilxxi principji generali u kondizzjonijiet tal-ligi ta' l-ikel, u li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea ghas-Sigurtà ta' l-Ikel u li jistabbilixxi proceduri fi kwistjonijiet tas-sigurtà ta' l-ikel (ĠU L 31, ta' l-1.2.2002, p. 1).