SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

22 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Uffiċjali bi prova – Perijodu ta’ prova – Estensjoni tat-tul tal-perijodu ta’ prova – Tkeċċija ma’ tmiem il-perijodu ta’ prova – Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal – Użu ħażin ta’ poter – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 25(2) tar-Regolamenti tal-Persunal – Dritt għal smigħ – Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal – Responsabbiltà – Rekwiżiti formali – Regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors u l-ilment – Ammissibbiltà – Dannu materjali – Dannu morali – Rabta kawżali”

Fil-Kawża T‑603/16,

Zoher Brahma, residenti f’Thionville (Franza), irrappreżentat minn A. Tymen, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn J. Inghelram u L. Tonini Alabiso, sussegwentement minn J. Inghelram u Á. Almendros Manzano, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2015 li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li lir-rikorrent ma taħtrux bħala uffiċjal permanenti u tipproċedi bit-tkeċċija tiegħu b’effett mill-31 ta’ Lulju 2015 kif ukoll tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2016 tal-Kumitat Responsabbli tal-Ilmenti, li tiċħad l-ilment tar-rikorrent kontra d-deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2015 u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu materjali u morali li r-rikorrent allegatament sostna b’riżultat ta’ dawn id-deċiżjonijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, V. Kreuschitz (Relatur) u N. Półtorak, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-13 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

[omissis]

III. Id-dritt

A.   Fuq it-talba għal annullament

[omissis]

8. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-tul massimu ta’ perijodu ta’ prova awtorizzat skont l-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal

182

Ir-rikorrent jallega li t-tul tal-perijodu ta’ prova tiegħu qabeż it-tul massimu ta’ 15‑il xahar awtorizzat mill-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal u li dan il-qbiż iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni li ma jinħatarx uffiċjal permanenti, u għall-ħatra tiegħu bħala uffiċjal permanenti. Skont ir-rikorrent, is-7 xhur li matulhom huwa kien fuq leave tal-mard ma jaffettwawx il-kalkolu tat-tul tal-perijodu ta’ prova tiegħu, b’mod li l-perijodu ta’ prova tiegħu dam 16-il xahar u nofs minflok il-15-il xahar massimu awtorizzati mill-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal.

183

Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkunsidra li kemm id-deċiżjoni li ma jinħatarx uffiċjal permanenti kif ukoll l-ewwel rapport dwar il-perijodu ta’ prova ġew adottati wara tmiem il-perijodu ta’ prova, u dan jikser l-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma urietx l-intenzjoni tagħha li tkeċċi lir-rikorrent qabel tmiem il-perijodu ta’ prova tiegħu, huwa jqis li jista’ jistenna li jinħatar bħala uffiċjal permanenti. Barra minn hekk, ir-rikorrent iqis li, fir-realtà, il-perijodu ta’ prova tiegħu ġie estiż sal-5 ta’ Mejju 2015, li hija d-data tar-redazzjoni tat-tieni rapport dwar il-perijodu ta’ prova, u b’hekk il-perijodu ta’ prova tiegħu dam iktar minn 17-il xahar. Għalhekk, għal dawn ir-raġunijiet kien hemm ukoll ksur tal-Artikolu 34(4) tar-Regolamenti tal-Persunal li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni li ma jinħatarx uffiċjal permanenti.

184

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkontesta li kisret l-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija tqis li l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi interpretata b’teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tagħmel parti minnha. Madankollu, mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-perijodu ta’ prova għandu jkun ta’ minimu ta’ disa’ xhur. Barra minn hekk, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tippermetti l-evalwazzjoni tal-kapaċità u tal-imġiba tal-uffiċjal bi prova bil-għan li r-reklutaġġ jkun jista’ jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità.

185

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-każ ineżami huwa każ speċifiku mhux previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta adotta l-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-perijodu twil ħafna ta’ mard ta’ seba’ xhur tar-rikorrent matul il-perijodu inizjali tal-prova kien jipprekludih milli jibbenefika mill-perijodu ta’ prova minimu ta’ disa’ xhur li kieku l-perijodu ta’ prova kien ġie estiż b’sitt xhur biss sabiex jintlaħaq total ta’ ħmistax-il xahar. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li kieku l-perijodu ta’ prova ġie estiż sat-28 ta’ Frar 2015, jiġifieri ħmistax-il xahar wara d-data tal-bidu tal-perijodu ta’ prova tar-rikorrent, dan tal-aħħar kien jiġi evalwat biss fuq perijodu ta’ tmien xhur. Li kieku kellu jintlaqa’, l-argument sostnut mir-rikorrent jissagrifika l-għan intiż mill-istabbiliment ta’ tul minimu tal-perijodu ta’ prova, jiġifieri li jiġi żgurat, fid-dawl tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, li biss uffiċjal bi prova li jkun wera li kellu l-ogħla kwalitajiet ikun jista’ jinħatar uffiċjal permanenti. Barra minn hekk, din it-teżi tista’ twassal, f’każ bħal dak ineżami, sabiex l-Awtorità tal-Ħatra tkun obbligata tkeċċi uffiċjal bi prova minħabba li huwa ma jkunx seta’ juri li għandu dawn il-kwalitajiet, filwaqt li dan kien ikun jista’, jekk ikun il-każ, jagħmel dan li kieku huwa effettivament kellu perijodu ta’ prova ta’ disa’ xhur. Tali konsegwenza tkun tmur, b’mod ċar, kontra l-interessi tal-uffiċjali bi prova li jsostnu xi interruzzjoni involontarja waqt il-perijodu ta’ prova tagħhom għar-raġunijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u tkun tiddiskriminahom meta mqabbla mal-uffiċjali bi prova li jkunu setgħu jibbenefikaw minn perijodu ta’ prova ta’ disa’ xhur jew saħansitra perijodu ta’ prova sa ħmistax-il xahar. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tenfasizza li, fl-osservazzjonijiet fuq l-ewwel rapport dwar il-perijodu ta’ prova, ir-rikorrent ammetta li kellu interess li l-perijodu ta’ prova tiegħu jiġi estiż lil hinn mit-tul massimu ta’ ħmistax-il xahar u li huwa ma kkontestax id-deċiżjoni ta’ estensjoni meħuda fl-1 ta’ Ottubru 2014.

186

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tqis li, anki jekk jiġi preżunt li t-tul tal-perijodu ta’ prova tar-rikorrent ma kienx konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, din l-irregolarità ma tistax, bħala tali, twassal sabiex ir-rikorrent jinħatar bħala uffiċjal permanenti jew sabiex tinvalida d-deċiżjoni li ma jinħatarx uffiċjal permanenti mingħajr ebda kunsiderazzjoni tal-kwalitajiet professjonali tiegħu.

187

Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrent li l-perijodu attwali ta’ prova ġie estiż saħansitra sal-5 ta’ Mejju 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tqis li t-tieni rapport dwar il-perijodu ta’ prova jevalwa l-imġiba tar-rikorrent sal-15 ta’ April 2015, f’konformità mad-deċiżjoni li l-perijodu ta’ prova jiġi estiż sa dik id-data. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li dewmien fir-redazzjoni tar-rapport tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova ma jistax jimmina l-validità tar-rapport jew, jekk ikun il-każ, tad-deċiżjoni li l-uffiċjal ikkonċernat ma jinħatarx bħala uffiċjal permanenti.

188

Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, għandu jitfakkar li r-rikorrent beda l-perijodu ta’ prova tiegħu fl-1 ta’ Diċembru 2013, li dan kien bil-leave tal-mard mit-13 ta’ Jannar 2014 sas-17 ta’ Awwissu 2014 u li, permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2014, il-perijodu ta’ prova tiegħu ġie estiż sal-15 ta’ April 2015 minħabba l-leave tal-mard tiegħu. Minn dawn il-fatti r-rikorrent jiddeduċi li l-perijodu ta’ prova tiegħu dam mill-1 ta’ Diċembru 2013 sal-15 ta’ April 2015 u, għalhekk, li l-perijodu ta’ prova tiegħu dam 16-il xahar u nofs.

189

Skont il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tul totali tal-perijodu ta’ prova fl-ebda ċirkustanza ma għandu jaqbeż il-ħmistax-il xahar. Skont interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni, l-ebda impediment tal-uffiċjal bi prova sabiex jaqdi l-funzjonijiet tiegħu matul il-perijodu ta’ prova tiegħu ma jiġġustifika estensjoni tat-tul tal-perijodu ta’ prova tiegħu li jmur lil hinn minn ħmistax-il xahar mid-data tal-bidu tal-perijodu ta’ prova.

190

La l-kuntest u lanqas l-għanijiet imfittxija mir-Regolamenti tal-Persunal, li għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999, Pharos vs Il-Kummissjoni, C‑151/98 P, EU:C:1999:563, punt 19, u tal-14 ta’ Lulju 2016, Il-Latvja vs Il-Kummissjoni, T‑661/14, EU:T:2016:412, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma jinvalidaw din l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

191

Fir-rigward tal-għan imfittex mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ġie deċiż li l-istabbiliment ta’ tul massimu tal-perijodu ta’ prova għandu l-għan, minn naħa, li jillimita, fl-interess tal-amministrazzjoni kif ukoll tal-uffiċjal bi prova, il-perijodu li matulu r-relazzjoni ta’ xogħol tintlaqat minn ċerta prekarjetà u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat il-perijodu li fuqu l-Awtorità tal-Ħatra għandha tevalwa l-mod ta’ kif l-uffiċjal jaqdi dmirijietu (sentenza tat-14 ta’ Frar 2007, Fernández Ortiz vs Il-Kummissjoni, F‑1/06, EU:F:2007:25, punt 53).

192

Dan l-għan jikkonferma l-interpretazzjoni msemmija iktar ’il fuq tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, billi jistabbilixxu, indipendentement mill-impedimenti tal-uffiċjal bi prova, it-tul massimu tal-perijodu ta’ prova tiegħu għal ħmistax-il xahar – mill-bidu tiegħu –, ir-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu limitazzjoni ratione temporis, b’mod assolut, fl-interess taċ-ċertezza legali, għar-relazzjoni ta’ xogħol prekarju bejn il-membru tal-persunal bi prova u l-amministrazzjoni u jiddeterminaw il-perijodu massimu li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tevalwa l-mod ta’ kif l-uffiċjal jaqdi dmirijietu.

193

L-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, riprodotta iktar ’il fuq, ma hijiex imminata mill-għan doppju tal-perijodu ta’ prova, jiġifieri li matul il-perjodu ta’ prova, minn naħa, l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jivverifikaw jekk humiex jirreklutaw uffiċjali li jkollhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, DH vs Il-Parlament, F‑4/14, EU:F:2014:241, punt 52) u, min-naħa l-oħra, l-uffiċjali bi prova jkunu jistgħu juru l-abbiltajiet tagħhom sabiex iwettqu l-kompiti li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjedu kif ukoll l-effiċjenza tagħhom u l-imġiba tagħhom fis-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1997, Rozand-Lambiotte vs Il-Kummissjoni, T‑96/95, EU:T:1997:25, punt 95, u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Krcova vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑112/06, EU:F:2007:178, punt 48). Fil-fatt, dawn l-għanijiet ta’ verifika u ta’ dimostrazzjoni tal-abbiltajiet tal-uffiċjal bi prova ma jeskludux li l-perijodu għat-twettiq tagħhom għandu jkun limitat fiż-żmien. Anki jekk matul il-perijodu ta’ prova l-uffiċjal bi prova ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu, minħabba mard, leave tal-maternità jew inċident, l-għanijiet ta’ dimostrazzjoni u ta’ verifika tal-abbiltajiet tal-uffiċjal bi prova ma jistgħux jiġġustifikaw nuqqas ta’ tul massimu għall-perijodu ta’ prova peress li dawn l-objettivi għandhom jiġu rrikonċiljati mal-interess leġittimu taċ-ċertezza legali. Dan l-interess huwa l-bażi tal-impożizzjoni espressa mil-leġiżlatur ta’ tul massimu tal-perijodu ta’ prova.

194

Fir-rigward tal-kuntest, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprekludix l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni, mogħtija fil-punt 189 iktar ’il fuq.

195

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjali għandhom iwettqu perijodu ta’ prova ta’ disa’ xhur qabel ma jkunu jistgħu jinħatru bħala uffiċjali permanenti.

196

Għalkemm huwa minnu li din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-perijodu ta’ prova, fil-prinċipju, huwa perijodu ta’ disa’ xhur, minn dan ma jistax jiġi dedott, bħalma madankollu għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li l-perijodu li matulu l-uffiċjal bi prova għandu jkun jista’ juri l-abbiltajiet tiegħu u l-amministrazzjoni għandha tkun tista’ tevalwahom huwa ta’ minimu ta’ disa’ xhur.

197

Fil-fatt, skont l-Artikolu 34(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rapport dwar il-kapaċità tal-uffiċjal bi prova għandu jitfassal sa mhux aktar tard minn xahar qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova. Dan ir-rapport, li jservi ta’ bażi għad-deċiżjoni ta’ ħatra bħala uffiċjal permanent jew għat-tkeċċija tal-uffiċjal bi prova, għaldaqstant jikkonċerna l-kapaċità tal-imsemmi uffiċjal bi prova matul perijodu ta’ inqas minn disa’ xhur. In-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-abbiltajiet tal-uffiċjal bi prova matul dan il-perijodu ta’ prova wara l-istabbiliment tar-rapport dwar il-perijodu ta’ prova tiegħu fil-prinċipju mhuwiex biżżejjed sabiex jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni dwar il-ħatra bħala uffiċjal permanenti ta’ uffiċjal bi prova jew le.

198

Bl-istess mod, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-fakultà (tista’) testendi l-perijodu ta’ prova ta’ disa’ xhur imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni meta, matul dan il-perijodu, l-uffiċjal bi prova ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu għal perijodu kontinwu ta’ xahar jew iktar minħabba mard, leave tal-maternità jew inċident. Minn dan isegwi li meta l-Awtorità tal-Ħatra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha u għal raġunijiet validi li jirrigwardaw il-kapaċità, l-effiċjenza jew l-imġiba tal-uffiċjal bi prova fis-servizz, tirrifjuta tali estensjoni minkejja l-fatt li l-uffiċjal bi prova kien impedit milli jwettaq il-funzjonijiet tiegħu matul il-perijodu ta’ prova tiegħu għal perijodu kontinwu ta’ xahar jew iktar, l-abbiltajiet tal-imsemmi uffiċjal bi prova għandhom jintwerew u jiġu evalwati matul perijodu ta’ inqas minn disa’ xhur.

199

Barra minn hekk, dejjem skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, meta uffiċjal bi prova ma jkunx jista’ jwettaq id-dmirijiet tiegħu għal perijodu ta’ inqas minn xahar jew meta dak l-impediment ma jkunx jikkostitwixxi perijodu kontinwu ta’ mill-inqas xahar, l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx tista’ ttawwal il-perijodu ta’ prova ta’ disa’ xhur, minkejja l-imsemmi impediment. F’dan il-każ, l-abbiltajiet tal-imsemmi uffiċjal bi prova għandhom ukoll jintwerew u jiġu evalwati f’perijodu ta’ inqas minn disa’ xhur.

200

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 34(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra tħejji rapport ta’ perijodu ta’ prova fi kwalunkwe ħin qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ prova fil-każ ta’ inkompetenza manifesta tal-uffiċjal bi prova, b’tali mod li, f’tali każ, il-kapaċità tal-uffiċjal bi prova tkun ġiet evalwata matul perijodu ta’ prova ta’ inqas minn disa’ xhur.

201

Għalhekk, għalkemm uffiċjal bi prova għandu jwettaq perijodu ta’ prova ta’ disa’ xhur sabiex ikun jista’ jinħatar bħala uffiċjal permanenti, ma huwiex meħtieġ li huwa jwettaq il-funzjonijiet tiegħu effettivament matul il-perijodu ta’ disa’ xhur u li d-dimostrazzjoni u l-evalwazzjoni tal-abbiltajiet tiegħu jkunu bbażati fuq l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet tiegħu matul perijodu ta’ mill-inqas disa’ xhur. Uffiċjal bi prova ma għandux dritt għal disa’ xhur sħaħ li matulhom ikun jista’ juri l-ħiliet tiegħu (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Warner fil-kawża van de Roy vs Il-Kummissjoni, 92/75, EU:C:1976:19, p. 357). Dan jista’ biss jirrikjedi li tingħatalu l-possibbiltà li juri l-abbiltajiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 1992, Kupka-Floridi vs ECOSOC, T‑26/91, EU:T:1992:53, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprekludix l-interpretazzjoni, mogħtija fil-punt 189 iktar ’il fuq, tat-tieni subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni.

202

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-perijodu ta’ prova tar-rikorrent beda fl-1 ta’ Diċembru 2013, b’tali mod li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, dan kellu jintemm mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar 2015. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea la allegat li hija ma setgħetx tevalwa l-abbiltajiet tar-rikorrent waqt dan il-perijodu, u lanqas ma kkontestat il-legalità tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, billi estendiet it-tul tal-perijodu ta’ prova tar-rikorrent sal-15 ta’ April 2015 minħabba l-assenza tiegħu minħabba mard għal seba’ xhur matul il-perijodu ta’ prova, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

203

Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt, iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li r-rikorrent ma kkontestax id-deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2014 li testendi t-tul tal-perijodu ta’ prova tiegħu sal-15 ta’ April 2015 minħabba l-assenza tiegħu minħabba mard matul il-perijodu ta’ prova oriġinali tiegħu. Fil-fatt, att intermedju ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors jekk jiġi stabbilit li l-illegalità li biha huwa vvizzjat dan l-att tista’ tiġi invokata insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li jikkostitwixxi att ta’ tfassil għaliha (ara d-digriet tal-14 ta’ Mejju 2012, Sepracor Pharmaceuticals (Ireland) vs Il‑Kummissjoni, C‑477/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:292, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, id-deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2014 tikkostitwixxi att ta’ tfassil tad-deċiżjoni li l-uffiċjal bi prova ma jinħatarx bħala uffiċjal permanenti u l-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jiġi invokat insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni finali li tikkawża preġudizzju lir-rikorrent u li hija kkontestata f’dan il-każ.

204

Barra minn hekk, mill-adozzjoni tat-tieni rapport dwar il-perijodu ta’ prova u tad-deċiżjoni sabiex ma jinħatarx bħala uffiċjal permanenti wara l-perijodu ta’ prova massimu ta’ ħmistax-il xahar, b’mod żbaljat ir-rikorrent jiddeduċi estensjoni awtomatika tal-perijodu ta’ prova tiegħu sad-data tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tmur kontra t-tul massimu ta’ perijodu ta’ prova awtorizzat bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalkemm, fil-prinċipju, ir-rapport dwar il-perijodu ta’ prova għandu jiġi adottat xahar qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ prova sabiex id-deċiżjoni ta’ ħatra bħala uffiċjal permanenti jew ta’ tkeċċija tal-uffiċjal bi prova tikkoinċidi, sa fejn possibbli, mad-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova jew tal-estensjoni tiegħu, l-adozzjoni ta’ dawn l-atti wara t-tul tal-perijodu ta’ prova ma taffettwax il-validità tagħhom u ma twassalx għal estensjoni impliċita tat-tul tal-perijodu ta’ prova sal-jum tal-adozzjoni tagħhom. Għalhekk, ġie deċiż li dewmien fir-redazzjoni tar-rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova, għalkemm jikkostitwixxi irregolarità fir-rigward tar-rekwiżiti tar-Regolamenti tal-Persunal, minkejja li huwa xi ħaġa mhix mixtieqa ma jistax jimmina l-validità tar-rapport jew, jekk ikun il-każ, tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-istituzzjoni tkeċċi lill-membru tal-persunal bi prova jew testendi l-perijodu ta’ prova (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1973, di Pillo vs Il‑Kummissjoni, 10/72 u 47/72, EU:C:1973:84, punt 5; tat-8 ta’ Ottubru 1981, Tither vs Il-Kummissjoni, 175/80, EU:C:1981:221, punt 13, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, CZ vs ESMA, F‑80/13, EU:F:2014:266, punt 35). Il-perijodu ta’ xahar inkwistjoni ma jikkostitwixxix terminu ta’ preavviż, iżda huwa intiż li jiggarantixxi li l-membru tal-persunal bi prova jkun jista’ jsostni l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma l-istituzzjoni tieħu deċiżjoni dwar iż-żamma fil-kariga jew le tiegħu f’data li tikkoinċidi, sa fejn huwa possibbli, ma’ dik tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, CZ vs ESMA, F‑80/13, EU:F:2014:266, punt 35).

205

Għar-raġunijiet preċedenti, hemm lok li l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jintlaqa’.

206

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni li r-rikorrent ma jinħatarx bħala uffiċjal permanenti għandha tiġi annullata. Fil-fatt, din id-deċiżjoni hija bbażata fuq elementi sussegwenti għat-28 ta’ Frar 2015, data li fiha l-perijodu ta’ prova tar-rikorrent kellu jintemm skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi kundizzjoni sostantiva ta’ ħatra bħala uffiċjal permanenti, peress li din tiddetermina l-perijodu li fuqu l-amministrazzjoni għandha tevalwa l-mod li bih l-uffiċjal bi prova jaqdi dmirijietu, u dan bil-għan li tieħu deċiżjoni dwar jekk taħtrux bħala uffiċjal permanenti jew le. L-elementi sussegwenti għat-28 ta’ Frar 2015 ikkunsidrati mill-Awtorità tal-Ħatra jikkostitwixxu għalhekk, neċessarjament, il-bażi fattwali li fuqha din eżerċitat il-marġni diskrezzjonali wiesa’ tagħha biex tiddeċiedi li ma taħtarx lir-rikorrent bħala uffiċjal permanenti.

207

Għalhekk, mit-tieni rapport dwar il-perijodu ta’ prova li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni li ma jinħatarx bħala uffiċjal permanenti jirriżulta li l-imġiba tar-rikorrent, matul l-organizzazzjoni tas-seduta tat-18 ta’ Marzu 2015, ittieħdet inkunsiderazzjoni sabiex tintwera l-assenza ta’ fakultà ta’ ġudizzju u ta’ sens komun tieħu u d-diffikultajiet tiegħu li jadatta ruħu għal sitwazzjonijiet li mhumiex ta’ rutina. Dan l-istess aġir serva fit-tieni rapport dwar il-perijodu ta’ prova bħala illustrazzjoni tal-impatt negattiv tal-parteċipazzjoni tiegħu fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol fi ħdan is-servizz tiegħu. L-assenza mhux spjegata tar-rikorrent għall-kors tal-Ingliż tal-24 ta’ Marzu 2015 u l-għadd ta’ aġġustamenti magħmula fis-sistema ta’ ġestjoni tal-ħin tax-xogħol fir-rigward tar-rikorrent, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u s-17 ta’ April 2015, ġew ikkunsidrati fit-tieni rapport dwar il-perijodu ta’ prova biex juru d-diffikultajiet tar-rikorrent sabiex jorganizza ruħu u l-impatt li dan kellu fuq il-maniġment. Ir-ritmu ta’ twettiq ta’ traskrizzjonijiet ta’ seduta mir-rikorrent bejn is-27 ta’ Marzu u s-27 ta’ April 2015, l-assenza tiegħu mill-uffiċċju fis-17 ta’ April 2015, u s-seduti tal-10 u tas-17 ta’ Marzu 2015 li għalihom kien attenda ttieħdu inkunsiderazzjoni fit-tieni rapport dwar il-perijodu ta’ prova sabiex tiġi evalwata l-kwantità tal-qadi ta’ dmirijietu. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-imġiba tar-rikorrent fis-servizz u, b’mod partikolari, tan-nuqqas ta’ kundizzjonijiet li jħeġġu lis-superjuri tar-rikorrent ikollhom fiduċja fih saret fit-tieni rapport dwar il-perijodu ta’ prova abbażi tan-numru ta’ aġġustamenti fis-sistema ta’ ġestjoni tal-ħin tax-xogħol bejn l-1 ta’ Jannar u s-17 ta’ April 2015, abbażi tal-problemi ta’ ‘badging’ tas-sigħat li ltaqa’ magħhom ir-rikorrent fl-24 ta’ Marzu u fl-14 ta’ April 2015 u abbażi tat-talbiet għal leave għall-ġimgħa tal-20 ta’ April 2015 mingħajr ma kkonsulta minn qabel lis-superjur tiegħu. Fl-aħħar nett, it-tieni rapport dwar il-perijodu ta’ prova kien ibbażat fuq l-aġir tal-applikant fit-tħejjija tas-seduta tat-18 ta’ Marzu 2015 sabiex tintwera d-diffikultà tiegħu sabiex jaħdem f’tim u n-natura mhux xierqa tal-attitudni tiegħu fir-relazzjonijiet umani.

208

Minn dan isegwi wkoll li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment għandha tiġi annullata peress li l-Kumitat Responsabbli tal-Ilmenti qies li ma kienx hemm ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

209

Peress li l-Awtorità tal-Ħatra u l-Kumitat Responsabbli tal-Ilmenti jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwaw l-abbiltajiet u l-prestazzjonijiet ta’ uffiċjal waqt il-perijodu ta’ prova skont l-interess tas-servizz, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni bl-evalwazzjoni tagħha f’dak li jirrigwarda r-riżultat ta’ perijodu ta’ prova u l-abbiltajiet ta’ kandidat għal ħatra definittiva fis-servizz pubbliku tal-Unjoni, peress li l-istħarriġ tagħha huwa limitat għall-verifika ta’ nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 1982, Munk vs Il-Kummissjoni, 98/81, EU:C:1982:111, punt 16; tal-5 ta’ April 1984, Alvarez vs Il-Parlament, 347/82, EU:C:1984:147, punt 16, u tal-5 ta’ Marzu 1997, Rozand-Lambiotte vs Il-Kummissjoni, T‑96/95, EU:T:1997:25, punt 112).

210

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat bil-motivazzjoni tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn huwa l-każ anki fil-kuntest ta’l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 270 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, Stols vs Il-Kunsill, T‑95/12 P, EU:T:2014:3, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tevalwa jekk l-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni li ma jinħatarx bħala uffiċjal permanenti li tikkonċerna l-perijodu ta’ prova mwettaq bejn l-1 ta’ Diċembru 2013 u t-28 ta’ Frar 2015 humiex suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata d-deċiżjoni li r-rikorrent ma jinħatarx bħala uffiċjal permanenti.

211

Konsegwentement, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet li ma jinħatarx bħala uffiċjal permanenti u ta’ ċaħda tal-ilment għandhom jiġu annullati.

212

Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, l-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet madankollu ma jistax iwassal sabiex dan jinħatar bħala uffiċjal permanenti. Fil-fatt, membru tal-persunal jista’ jinħatar bħala uffiċjal permanenti biss skont ir-rekwiziti formali u l-kundizzjonijiet previsti fir-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 1970, Fournier vs Il‑Kummissjoni, 18/69, EU:C:1970:37, punt 8). Issa, ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tissanzjona l-qbiż tal-imsemmi terminu permezz ta’ ħatra ta’ uffiċjal permanenti mingħajr evalwazzjoni. Għaldaqstant, uffiċjal bi prova ma jistax jinħatar bħala uffiċjal permanenti sempliċiment bħala riżultat tal-fatt li l-perijodu ta’ prova tiegħu ikun ġie fi tmiemu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2007, Fernández Ortiz vs Il-Kummissjoni, F‑1/06, EU:F:2007:25, punt 53).

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, tas-17 ta’ Lulju 2015 li tkeċċi lil Zoher Brahma fi tmiem il-perijodu ta’ prova tiegħu, b’effett mill-31 ta’ Lulju 2015, hija annullata.

 

2)

Id-deċiżjoni tal-Kumitat Responsabbli tal-Ilmenti tas-16 ta’ Marzu 2016 li tiċħad l-ilment kontra d-deċiżjoni tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, tas-17 ta’ Lulju 2015, li tkeċċi lil Zoher Brahma fi tmiem il-perijodu ta’ prova tiegħu, b’effett mill-31 ta’ Lulju 2015, hija annullata.

 

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

4)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Półtorak

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Novembru 2018.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.