|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/2955 |
16.6.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Unjoni Ewropea u l-Każakistan fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija l-Ġdida għall-Asja Ċentrali u tal-Global Gateway
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2025/2955)
Relatur:
Dumitru FORNEA|
Konsulent |
Igor ZUBCU |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
17.1.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
11.2.2025 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
26.3.2025 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
595 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
147/0/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi li hemm potenzjal biex jiġu estiżi r-relazzjonijiet tal-UE mar-Repubblika tal-Każakistan abbażi tal-interdipendenzi ekonomiċi u kummerċjali li diġà nħolqu f’ċerti oqsma bħall-investimenti fl-enerġija u fil-loġistika. Madankollu, huwa essenzjali li jiġi żgurat li dawn ir-relazzjonijiet jagħtu prijorità lis-sostenibbiltà, lid-drittijiet tal-bniedem u ’l-inklużività, u li jallinjaw il-valuri u l-għanijiet strateġiċi tal-UE. Għat-trawwim ta’ kooperazzjoni bbilanċjata u ta’ benefiċċju reċiproku, huwa importanti li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Każakistan jiġu diversifikati kemm jista’ jkun f’diversi oqsma ta’ attività, u jiġi integrat bir-reqqa t-tħassib ambjentali, soċjali u ġeopolitiku. |
|
1.2. |
Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ djalogu ċiviku u soċjali fir-reġjun tal-Asja Ċentrali u jirrakkomanda li dan jiġi formalizzat, peress li s-soċjetà ċivili fir-reġjun qed tfittex li tilħaq dan l-objettiv, skont il-prattiki tajbin implimentati fir-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili organizzata fil-Balkani tal-Punent u, sa ċertu livell, fis-Sħubija tal-Lvant. |
|
1.3. |
Il-Każakistan u l-Użbekistan huma l-pajjiżi li jistgħu jissinkronizzaw l-aktar faċilment u malajr mal-UE fil-programmi ta’ appoġġ għad-djalogu soċjali u ċiviku, inkluża l-esperjenza li diġà kisbu bil-parteċipazzjoni tagħhom fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili annwali bejn l-UE u l-Asja Ċentrali. |
|
1.4. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-implimentazzjoni tal-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u tal-Global Gateway fil-Każakistan u fl-Asja Ċentrali b’mod ġenerali ma tistax titwettaq mingħajr l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mingħajr komponent finanzjarju ċar allokat biex jappoġġja l-miżuri previsti fl-Artikolu 251 tal-Kapitolu 5 tal-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni. |
|
1.5. |
Il-KESE huwa konvint li r-relazzjonijiet bejn is-soċjetà ċivili organizzata fl-UE u l-Każakistan jistgħu jiżviluppaw b’mod strutturat abbażi ta’ Pjan ta’ Azzjoni, b’diversi prijoritajiet u b’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija l-Ġdida tal-UE għall-Asja Ċentrali. Il-finanzjament irid jiġi pprovdut mill-inizjattiva tal-Global Gateway, b’kontribuzzjoni proporzjonata mill-gvern tal-istati f’dan ir-reġjun, kif ukoll minn donaturi internazzjonali oħra. Il-prijoritajiet tal-Pjan ta’ Azzjoni għandhom ikunu:
|
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Din l-Opinjoni tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan, b’mod partikolari f’oqsma ta’ tħassib għas-soċjetà ċivili organizzata, waqt li tqis il-prijoritajiet u l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija l-Ġdida tal-UE għall-Asja Ċentrali u l-inizjattiva Global Gateway. |
|
2.2. |
Is-sħubija mal-UE għadha pedament tal-politika barranija tal-Każakistan, li huwa l-ewwel pajjiż fir-reġjun tal-Asja Ċentrali li ffirma l-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-UE, li rawwem kollaborazzjoni aktar profonda f’setturi ewlenin bħall-kummerċ, l-investiment, l-enerġija, l-agrikoltura u l-konnettività. |
|
2.3. |
L-UE hija l-akbar imsieħba kummerċjali tal-Każakistan. Fl-2023, l-investiment Ewropew fil-Każakistan laħaq total ta’ EUR 170 biljun, u l-kummerċ tal-merkanzija tal-UE mal-Każakistan ammonta għal EUR 42,4 biljun, żieda ta’ 5,6 % meta mqabbel mal-2022. L-esportazzjonijiet tal-UE kellhom valur ta’ EUR 12,1 biljun, żieda ta’ 17,2 % meta mqabbla mal-2022, u l-importazzjonijiet mill-Każakistan laħqu total ta’ EUR 30,3 biljun (żieda ta’ 1,6 % meta mqabbla mal-2022) (1). |
|
2.4. |
Il-kummerċ bejn il-Każakistan u l-UE jinkludi esportazzjonijiet sinifikanti ta’ riżorsi tal-enerġija u importazzjonijiet ta’ makkinarju u tagħmir. Il-Każakistan jinsab fit-tnax-il post fid-dinja fir-rigward ta’ riżervi taż-żejt. Madwar 13 % tad-domanda tal-UE għaż-żejt hija pprovduta minn dan il-pajjiż. |
|
2.5. |
Ir-rwol strateġiku tal-Każakistan jestendi għall-materja prima kritika, peress li l-pajjiż għandu 33 mill-34 element identifikati fl-Att dwar il-Materja Prima Kritika tal-Kummissjoni Ewropea. Bħalissa, 19 minnhom qed jiġu prodotti u 14 oħra huma kkonfermati li se jiġu estratti fil-futur, u dan jippożizzjona lill-Każakistan bħala msieħeb ewlieni għall-UE fl-iżgurar ta’ provvista stabbli ta’ materjali essenzjali għat-tranżizzjoni tal-enerġija u s-setturi tat-teknoloġija avvanzata. |
|
2.6. |
Għal dan l-għan, fis-7 ta’ Novembru 2022 ġie ffirmat MtQ bejn l-UE u l-Każakistan rigward sħubija strateġika fil-qasam tal-materja prima, il-batteriji u l-idroġenu rinnovabbli (2), bl-għan li tiżdied il-kooperazzjoni f’dan il-qasam, kemm biex jiġu mmultiplikati l-investimenti fl-oqsma koperti minn dan il-ftehim kif ukoll biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fil-programmi ta’ innovazzjoni u riċerka. |
|
2.7. |
Il-Każakistan qed “jibni pontijiet” bejn l-Asja u l-Ewropa billi jiżviluppa networks ta’ konnettività u tat-trasport. Total ta’ 13-il kuritur tat-trasport internazzjonali jgħaddu mill-Każakistan, inklużi ħames kurituri ferrovjarji u tmien kurituri tat-toroq. Ir-Rotta tat-Trasport Internazzjonali Trans-Kaspju għandha potenzjal sinifikanti li ssir konnessjoni kummerċjali ewlenija. Il-linja tal-ajru tal-Każakistan u oħrajn barranin joperaw titjiriet lejn 132 destinazzjoni fi 32 pajjiż, u jipprovdu konnettività bejn l-Asja Ċentrali u l-Ewropa. |
|
2.8. |
Abbażi tal-pubblikazzjoni tal-UE u tal-BERŻ bit-titolu Study on Sustainable Transport Connections between Europe and Central Asia (3) (Studju dwar konnessjonijiet tat-trasport sostenibbli bejn l-Ewropa u l-Asja Ċentrali [mhux disponibbli bil-Malti]), iżda wkoll fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva Global Gateway, fit-12 ta’ Ġunju 2024 Astana ospitat it-tnedija ta’ Pjattaforma ta’ Koordinazzjoni għar-Rotta tat-Trasport Internazzjonali Trans-Kaspju. |
|
2.9. |
Il-pjattaforma hija mfassla biex tiffaċilita proġetti tul ir-Rotta tat-Trasport Internazzjonali Trans-Kaspju u tlaqqa’ flimkien donaturi, investituri, partijiet ikkonċernati u benefiċjarji involuti f’din ir-rotta tat-trasport. Dawn jinkludu l-ħames Stati tal-Asja Ċentrali, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Georgia, it-Turkija, il-Kummissjoni Ewropea u l-UE, l-Istati Membri, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank Dinji u l-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp. |
|
2.10. |
Qabel il-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna, il-Kuritur Ewro-Asjatiku tat-Tramuntana serva bħala r-rotta ewlenija li tgħaqqad l-Ewropa mal-Asja bl-art, iżda l-istudju identifika r-Rotta tat-Trasport Internazzjonali Trans-Kaspju bħala alternattiva. F’dan l-istudju, ġew rakkomandati wkoll investimenti ta’ prijorità fil-Każakistan għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja. |
|
2.11. |
Il-Każakistan huwa membru tal-Unjoni Ekonomika Ewroasjatika mmexxija mir-Russja. Rabtiet ekonomiċi b’saħħithom bejn il-Każakistan u l-UE jistgħu jtejbu l-istabbiltà ekonomika tal-Każakistan, u indirettament jibbenefikaw lir-Russja billi jsaħħu l-Unjoni Ekonomika Ewroasjatika u l-ekonomiji tal-istati membri tagħha. Minħabba s-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja wara l-invażjoni tagħha tal-Ukrajna, kien hemm tħassib li r-Russja tinqeda bil-pajjiżi ġirien, inkluż il-Każakistan, bħala rotot alternattivi ta’ esportazzjoni jew bħala intermedjarji għall-aċċess għal oġġetti ristretti. Din iż-żieda fil-volum tal-kummerċ tista’ tiftaħ opportunitajiet li permezz tagħhom ir-Russja tevita s-sanzjonijiet. |
3. Kummenti speċifiċi
3.1. Is-soċjetà ċivili fil-Każakistan – il-qafas legali u istituzzjonali. L-involviment pubbliku u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili
|
3.1.1. |
F’dawn l-aħħar 30 sena, ħarġu inizjattivi ġodda u pjuttost sinifikanti ta’ NGOs fil-pajjiż, li l-biċċa l-kbira tagħhom qed joperaw b’suċċess, u qed jipprovdu firxa wiesgħa ta’ servizzi lis-soċjetà. F’termini prattiċi, uħud mill-inizjattivi tas-soċjetà ċivili għandhom ċerta influwenza fuq il-ħajja politika, soċjali, ekonomika, kulturali u umanitarja fil-Każakistan. |
|
3.1.2. |
Permezz tad-digriet presidenzjali Nru 341 tat-2 ta’ Ġunju 2020, ġie approvat dokument strateġiku li jiddefinixxi d-direzzjonijiet ewlenin tal-iżvilupp fit-tul tas-soċjetà ċivili — Il-kunċett għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fir-Repubblika tal-Każakistan għall-2020-2030 – li jistabbilixxi approċċi ġodda għat-trasformazzjoni tal-attivitajiet tas-settur ċivili. Il-kunċett se jiġi implimentat f’żewġ stadji: l-ewwel stadju mill-2020 sal-2025 u t-tieni stadju mill-2026 sal-2030. |
|
3.1.3. |
Fid-29 ta’ Diċembru 2021, daħlet fis-seħħ il-Liġi tar-Repubblika tal-Każakistan dwar il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika tal-Każakistan. Din il-liġi tirregola aspetti tal-attivitajiet tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u l-ħolqien, il-funzjonament u l-monitoraġġ tal-mekkaniżmu għall-protezzjoni tal-persuni li jwettqu attivitajiet tad-drittijiet tal-bniedem. |
|
3.1.4. |
Fit-3 ta’ Jannar 2021, ġiet adottata l-Liġi tar-Repubblika tal-Każakistan dwar l-introduzzjoni ta’ emendi u żidiet għal xi atti leġiżlattivi tar-Repubblika tal-Każakistan dwar l-attivitajiet tal-kunsilli pubbliċi. Fil-formazzjoni tal-kunsilli pubbliċi, twettqet ħidma biex jiġi żgurat l-involviment ta’ rappreżentanti ta’ NGOs, partiti u attivisti ċivili attivi. |
|
3.1.5. |
F’Diċembru 2021, ġiet adottata l-Liġi tar-Repubblika tal-Każakistan dwar l-introduzzjoni ta’ emendi u żidiet għal ċerti atti leġiżlattivi tar-Repubblika tal-Każakistan dwar it-titjib tal-leġiżlazzjoni proċedurali ċivili u l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet għas-soluzzjoni ekstraġudizzjarja u mhux kontenzjuża tat-tilwim (dwar il-medjazzjoni). |
|
3.1.6. |
Fl-4 ta’ Lulju 2022, il-Kap tal-Istat iffirma l-Liġi tar-Repubblika tal-Każakistan dwar l-attivitajiet ta’ volontarjat u karità, li fiha ġew adottati bidliet fir-rigward tal-ordnijiet soċjali tal-Istat u l-finanzjament tal-għotjiet. Illum, l-għadd ta’ voluntiera attivi huwa ta’ madwar 200 000 persuna. Aktar minn 65 000 voluntier huma rreġistrati fuq is-sit web Qazvolunteer.kz |
|
3.1.7. |
Fl-2022 ukoll, inħoloq il-Kurultai Nazzjonali taħt it-tmexxija tal-President tar-Repubblika tal-Każakistan. Dan huwa korp konsultattiv bl-għan ewlieni ddikjarat li jiżviluppa ideat u passi għall-iżvilupp ulterjuri tal-awtonomizzazzjoni soċjali (4). |
|
3.1.8. |
Fit-2 ta’ Ottubru 2023, ġiet adottata l-Liġi dwar il-Kontroll Pubbliku tar-Repubblika tal-Każakistan. Il-liġi tenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-amministrazzjoni pubblika u l-iżgurar tat-trasparenza tal-gvern. Din tipproponi mekkaniżmi li jippermettu lill-pubbliku jipparteċipa b’mod attiv fil-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-aġenziji tal-gvern. |
|
3.1.9. |
Fl-2019, il-mexxejja attwali tal-pajjiż implimentaw il-kunċett ta’ “stat li jagħti widen”, bħala mezz ta’ rispons fil-pront għal “kritika kostruttiva u suġġerimenti mingħand iċ-ċittadini”. Xi wħud mill-għodod ta’ din l-inizjattiva jinkludu petizzjonijiet u referendums online. Biex tiġi kkunsidrata petizzjoni online, din trid tiġbor 50 000 firma. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili qablu li dan l-istrument ħadem tajjeb. Madankollu, huma previsti xi bidliet, b’mod partikolari fir-rigward tal-għadd ta’ firem li se jkunu meħtieġa biex jivvalidaw kwalunkwe petizzjoni bħal din. S’issa, ma hemm l-ebda ċifra uffiċjali magħrufa, iżda xi rappreżentanti qalu li huma meħtieġa 150 000 firma, li jkun diffiċli immens biex jinkisbu f’pajjiż daqshekk vast b’popolazzjoni ta’ 20 miljun distribwita b’mod mhux uniformi. |
|
3.1.10. |
Barra minn hekk, kwalunkwe ċittadin jista’ jistaqsi lill-awtoritajiet mistoqsija online fuq il-portal web eOtinish (5), u r-rappreżentanti tal-Każakistan li pparteċipaw fil-missjoni qalu li l-għodda taħdem tajjeb ħafna, għalkemm it-tweġibiet mhux dejjem kienu sodisfaċenti. |
|
3.1.11. |
Fis-6 ta’ Ottubru 2024, il-Gvern organizza referendum dwar il-kostruzzjoni ta’ impjant tal-enerġija nukleari. Tqajjem tħassib mill-NGOs u miċ-ċittadini dwar min se jiffinanzja proġett daqshekk kbir u l-fatt li l-Każakistan waħdu ma setax jiffinanzja l-kostruzzjoni mill-baġit tal-Istat tiegħu. Barra minn hekk, il-popolazzjoni dehret li kienet aktar imħassba dwar id-difetti li jista’ jkun hemm (il-korruzzjoni, l-inkompetenza, il-burokrazija) fil-proġett, milli dwar in-natura tiegħu – l-impjant tal-enerġija nukleari. |
|
3.1.12. |
Il-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni jipprevedi kooperazzjoni bejn is-soċjetà ċivili tal-UE u dik tal-Każakistan – l-Artikolu 251 tal-Kapitolu 5 – li jistipula li l-Partijiet għandhom ikomplu u jsaħħu d-djalogu tagħhom, fil-forma ta’ laqgħat u konsultazzjonijiet, u għandhom jikkooperaw dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili. |
|
3.1.13. |
Id-delegazzjoni tal-KESE ltaqgħet ma’ organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili li timmonitorja l-implimentazzjoni tal-MtQ bejn l-UE u l-Każakistan dwar Sħubija Strateġika fil-Materja Prima, il-Batteriji u l-Idroġenu Rinnovabbli. Ir-rappreżentanti ta’ din l-organizzazzjoni ssuġġerew li l-kisba ta’ informazzjoni affidabbli kienet ta’ sfida, peress li l-MtQ kien fih klawżola kemm dwar il-kunfidenzjalità kif ukoll dwar it-trasparenza. |
|
3.1.14. |
Is-soċjetà ċivili b’għarfien espert hija kkonċentrata fi bliet kbar, prinċipalment f’Astana u f’Almaty, u hija assenti f’żoni rurali. B’riżultat ta’ dan, huwa diffiċli li jinkisbu valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali fir-reġjuni. Fl-istess ħin, l-involviment taż-żgħażagħ fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jikber u l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili qed jirċievu appoġġ. |
3.2. Politiki dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema fil-Każakistan
|
3.2.1. |
Il-Każakistan iffirma d-Dikjarazzjoni dwar il-Politika Koordinata dwar il-Migrazzjoni tal-Istati Membri tal-Komunità ta’ Stati Indipendenti. Il-Każakistan irratifika l-Konvenzjoni dwar l-Istatus Legali tal-Ħaddiema Migranti u l-Membri tal-Familji tagħhom tal-Istati Membri tal-Komunità ta’ Stati Indipendenti (6) . Il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan iffirma wkoll ftehimiet dwar l-istatus legali tal-ħaddiema migranti u l-membri tal-familja tagħhom u dwar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali tal-forza tax-xogħol minn pajjiżi terzi. |
|
3.2.2. |
Il-Liġi tar-Repubblika tal-Każakistan dwar il-Migrazzjoni tal-Popolazzjoni hija l-istrument legali ewlieni. F’konformità mal-Liġi tar-Repubblika tal-Każakistan dwar l-Impjieg, il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan kull sena jistabbilixxi kwota biex jattira ħaddiema barranin biex iwettqu attivitajiet ta’ xogħol fit-territorju tar-Repubblika tal-Każakistan. Għall-2024, il-kwota ġiet approvata għal 0,23 % tal-popolazzjoni ekonomikament attiva tar-repubblika. |
|
3.2.3. |
Fl-2023, ir-rata tal-qgħad fir-repubblika naqset minn 4,9 % għal 4,7 % meta mqabbla mal-2022. Il-flussi migratorji ewlenin tal-pajjiż huma mal-pajjiżi tal-Komunità ta’ Stati Indipendenti. Is-sehem ta’ wasliet minn pajjiżi tal-Komunità ta’ Stati Indipendenti u tluq lejn dawn il-pajjiżi kien ta’ 89,7 % u 70,6 %, rispettivament. |
3.3. Il-politika dwar iż-żgħażagħ fil-Każakistan
|
3.3.1. |
Il-progress tal-Każakistan fl-involviment politiku taż-żgħażagħ jippreżenta opportunitajiet sinifikanti għall-kooperazzjoni mal-Unjoni Ewropea. Hekk kif il-Każakistan ikompli jagħti prijorità biex isaħħaħ il-pożizzjoni taż-żgħażagħ permezz tal-Kunċett tal-Politika taż-Żgħażagħ 2023-2029 tiegħu, il-qafas jallinja mal-impenji tal-UE li tippromovi l-involviment ċiviku, l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli fost iż-żgħażagħ. |
|
3.3.2. |
Is-sħubijiet mal-parlamenti taż-żgħażagħ tal-UE jistgħu jiffaċilitaw programmi ta’ skambju, sessjonijiet konġunti u mentoraġġ mill-Membri tal-PE, liema jarrikkixxu l-esperjenza leġiżlattiva taż-żgħażagħ Każakistani u jrawmu fehim dwar il-prattiki tal-UE fid-demokrazija rappreżentattiva. |
3.4. Settur kummerċjali
|
3.4.1. |
Kull entità kummerċjali jeħtiġilha tapplika għal sħubija fl-Atameken (il-Kamra tal-Kummerċ tal-Każakistan) u tħallas miżati ta’ sħubija relattivament għoljin. Atameken u diversi organizzazzjonijiet tan-negozju mill-UE jappoġġjaw it-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn il-Każakistan u l-UE. |
|
3.4.2. |
Ir-rekwiżiti tal-viża għall-kumpaniji u n-negozji tal-Każakistan li jidħlu fl-UE huma piż amministrattiv u spiss huma raġuni għall-assenza tagħhom f’forums u avvenimenti kummerċjali tal-UE. F’dan ir-rigward, in-negozji jqisu li skema li tiffaċilita l-ħruġ tal-viża tkun pass ewlieni mhux biss għall-kuntatti bejn il-persuni, iżda wkoll għall-kuntatti bejn in-negozji. |
3.5. Trade unions
|
3.5.1. |
Skont il-liġi, it-trade unions jistgħu jorganizzaw strajks iżda biss wara t-tmiem tal-proċeduri tas-soltu (arbitraġġ u medjazzjoni). L-awtoritajiet jeħtiġilhom jiġu nnotifikati f’każ li jkun ippjanat strajk jew assemblaġġ, u fl-aħħar mill-aħħar 5 % biss tal-laqgħat jiġu awtorizzati, liema fatt jillimita sostanzjalment id-drittijiet tal-ħaddiema għal għaqda paċifika. It-trade unions huma indipendenti imma għandhom livell baxx ta’ sħubija fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-gvern. It-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ negozjar kollettiv huwa kritiku biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tat-trade unions, tissaħħaħ ir-rappreżentanza tal-ħaddiema u tiġi indirizzata din il-parteċipazzjoni limitata. |
|
3.5.2. |
Fl-2014, tressqet liġi dwar it-trade unions, iżda l-forma tagħha ġiet ikkontestata mill-komunità internazzjonali. Dan it-tħassib tneħħa wara li l-unions setgħu jipproponu bidliet kbar fil-leġiżlazzjoni proposta. Fir-reġjuni, il-korpi eżekuttivi għandhom it-tendenza li jinjoraw il-proposti u s-suġġerimenti tat-trade unions. Għad hemm sfidi fil-qasam tal-libertà ta’ assoċjazzjoni. |
|
3.5.3. |
Ta’ min jinnota li, skont l-Indiċi tad-Drittijiet Globali għall-2024 tal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali, il-Każakistan ġie klassifikat bħala 5: dan ifisser li m’hemmx garanzija tad-drittijiet tal-ħaddiema, u l-pajjiż huwa wieħed mill-agħar fid-dinja għall-ħaddiema (7). F’dan il-kuntest, fejn huwa evidenti li d-drittijiet tax-xogħol u l-attivitajiet normali tat-trade unions huma prekarji, il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-UE u l-Każakistan trid tissaħħaħ b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-ħaddiema u t-trade unions indipendenti; |
3.6. Id-drittijiet tal-bniedem u n-nondiskriminazzjoni
|
3.6.1. |
L-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem enfasizzaw kemm il-progress kif ukoll l-isfidi kontinwi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem tal-Każakistan. Filwaqt li rrikonoxxew titjib f’oqsma bħar-riformi legali u l-isforzi biex jiġi mmodernizzat ix-xenarju politiku, huma esprimew ukoll tħassib dwar l-ostakli f’ċerti oqsma ewlenin, li jinkludu l-protezzjoni tal-libertajiet ċivili u l-libertà tal-espressjoni. Minkejja t-tnedija ta’ riformi biex isaħħu d-demokrazija, il-progress tanġibbli u konsistenti għadu mhux konsistenti. |
|
3.6.2. |
Minkejja l-leġiżlazzjoni eżistenti li tippermetti protesti paċifiċi u tiżgura l-libertà ta’ għaqda, id-diskrepanza bejn it-teorija u l-prattika hija pjuttost sinifikanti. L-entitajiet li jixtiequ jorganizzaw protesta ma għadhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qabel minn Akimat (il-muniċipalità lokali) iżda jridu jinnotifikaw biss lill-awtoritajiet. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-organizzatur potenzjali jirċievi tweġiba li jew l-ispazju jkun diġà riżervat minn organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili (normalment GONGO) jew l-ispazju pubbliku fejn tkun se ssir il-protesta jew l-avveniment ikun qed jinbena. Imbagħad jirriżulta li ma jkun se jsir l-ebda avveniment fil-post mitlub. |
|
3.6.3. |
F’dawn l-aħħar snin, ċerti kawżi b’rabta ma’ vjolenza abbażi tal-ġeneru ntwerew fuq il-media tal-Każakistan permezz ta’ proċessi mxandra b’mod dirett, li wasslu biex il-kwistjoni tkun fiċ-ċentru tad-dibattitu pubbliku. F’dan il-kuntest, f’April 2024, seba’ snin wara li kienet dekriminalizzata, ġiet adottata liġi sussegwenti li ssaħħaħ il-piena għall-vjolenza domestika. |
|
3.6.4. |
In-nisa huma sottorappreżentati fil-karigi pubbliċi: u dan minkejja li l-Liġi dwar l-Elezzjoni fil-Każakistan introduċiet kwoti li jesiġu li 30 % tal-membri parlamenti jkunu nisa, żgħażagħ u persuni b’diżabbiltà. Fil-leġiżlatura attwali, 20 % tal-membri tas-Senat u 18,4 % tal-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti (Mazhilis) huma nisa (8). |
|
3.6.5. |
Wara l-avvenimenti ta’ Jannar 2022, il-possibbiltà li tiġi organizzata protesta naqset b’mod drammatiku u l-awtoritajiet għandhom it-tendenza li joforqu saħansitra ġemgħat żgħar ta’ ftit nies. L-attivisti jinnotaw ukoll li ma saritx ġustizzja fil-konfront tal-vittmi tal-vjolenza kontra d-dimostranti matul l-avvenimenti. L-aħħar dimostrazzjoni kbira saret fi Frar 2022 f’Almaty b’appoġġ għall-Ukrajna wara li ġiet invaduta mir-Russja, u ftit saru protesti minn dak iż-żmien ’l hawn. |
|
3.6.6. |
Biex jgħinu lill-persuni b’diżabbiltà, l-OSĊ nedew inizjattiva msejħa Każakistan Aċċessibbli. Din l-għodda online turi l-valutazzjoni tal-livell ta’ aċċessibbiltà tal-faċilitajiet u s-servizzi urbani għall-persuni b’diżabbiltà (9). |
|
3.6.7. |
L-attiviżmu favur il-persuni LGBTQI+ huwa possibbli aktar milli f’pajjiżi oħra tal-Asja Ċentrali. Tradizzjonalment, il-popolazzjoni nomadika tal-Każakistan kienet nondiskriminatorja, miftuħa għall-aċċettazzjoni tad-differenzi. Is-sitwazzjoni marret għall-agħar b’mod konsiderevoli għall-persuni LGBTQI+ minħabba l-propaganda u l-istigmatizzazzjoni mir-Russja. Il-persuni transġeneru jridu jkunu għamlu operazzjoni kirurġika ta’ tibdil tas-sess jekk iridu li l-ġeneru l-ġdid tagħhom jiġi rikonoxxut fuq il-karta tal-identità tagħhom (10). Il-proposta biex tiġi ppreżentata leġiżlazzjoni kontra l-LGBTQI+, simili għal dik fis-seħħ fir-Russja ma ġietx implimentata. |
3.7. Il-libertà tal-media u tal-istampa
|
3.7.1. |
Skont l-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa, fl-2024, il-Każakistan ikklassifika fil-142 post minn 180 pajjiż, meta mqabbel mal-134 post fl-2023. Il-gvern jeżerċita kontroll konsiderevoli fuq ix-xenarju tal-media: madwar 90 % tal-media huma sponsorjati mill-Istat. L-istampa indipendenti qed titħabat biex tikseb finanzjament sostenibbli. F’xi każijiet, tiġi sponsorjata minn ditti magħrufa sew li jixtiequ jippromovu r-reputazzjoni tagħhom. |
|
3.7.2. |
Il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-media li tħabbret dan l-aħħar tqajjem tħassib fost il-ġurnalisti u l-ħaddiema fil-qasam tal-media peress li titqies bħala pjuttost restrittiva. Barra minn hekk, qed jiġu diskussi xi miżuri dwar l-aċċess tal-ġurnalisti barranin għall-Każakistan. |
|
3.7.3. |
Il-liġijiet tal-Każakistan dwar il-media u l-informazzjoni jimponu ċertu livell ta’ kontrolli fuq il-kontenut tal-media. Il-liġi dwar il-media tirrikjedi li l-mezzi tal-media kollha jiġu rreġistrati, u l-gvern iżomm id-dritt li jissospendi jew jirrevoka ċ-ċertifikati tagħhom f’każ li jippubblikaw informazzjoni sensittiva. |
|
3.7.4. |
Is-soċjetà ċivili tirrapporta li hemm qafas legali limitat dwar l-aċċess għall-informazzjoni ta’ interess pubbliku, minkejja l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali u l-influwenza tagħhom fuq il-governanza u s-servizz pubbliku. Ħafna informazzjoni li tintalab mill-pubbliku, bħall-informazzjoni dwar il-baġit, mhijiex aċċessibbli għall-ġurnalisti u ċ-ċittadini, hekk kif ftit laqgħat tal-awtoritajiet tal-Istat huma miftuħa għall-pubbliku. |
|
3.7.5. |
Hemm ammont kbir ta’ propaganda mir-Russja u l-impatt tagħha huwa straordinarjament kbir, anke peress li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni titkellem bir-Russu. Mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna, kien hemm żieda konsiderevoli fl-aħbarijiet foloz u l-propaganda. Jidher li l-istituzzjonijiet pubbliċi ma jiġġildulhomx bl-azzjoni meħtieġa. |
3.8. Ġustizzja
|
3.8.1. |
Fl-Asja Ċentrali, is-sistema ġudizzjarja tal-Każakistan titqies bħala superjuri għal dik ta’ pajjiżi oħra fir-reġjun. Il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-informazzjoni legali teżisti bir-Russu joħloq lakuna ta’ informazzjoni għall-popolazzjoni li titkellem bil-Każakistani. Kien hemm ukoll ilmenti dwar livell għoli wisq ta’ dipendenza politika fost l-imħallfin, il-prosekuturi u l-pulizija. |
|
3.8.2. |
Il-Qorti Kostituzzjonali tal-Każakistan ġiet stabbilita fl-2023. Il-proċeduri kollha tagħha jitwettqu online. Għas-seduti jiġu mistiedna rappreżentanti minn aġenziji statali u ċ-ċittadini li jkunu ressqu kawża quddiem il-Qorti. Hija taġixxi bħala medjatur u bħala mekkaniżmu ta’ rispons rapidu. Ir-rwol tagħha huwa preventiv, u timmonitorja wkoll l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet. |
|
3.8.3. |
Iż-żieda fl-għadd ta’ kawżi mressqa quddiem il-qrati ċivili hija evidenza ta’ żieda fil-fiduċja tal-popolazzjoni fi proċedimenti ġudizzjarji f’dan il-livell. Is-sitwazzjoni tvarja f’każijiet kriminali, li fihom saru lmenti dwar ċerti sitwazzjonijiet ta’ repressjoni. F’dan ir-rigward, waħda mill-kawżi magħrufa internazzjonalment hija dik tal-attivist Zhanbolat Mamai, figura tal-oppożizzjoni akkużat li organizza rvellijiet tal-massa f’Almaty matul il-protesti ta’ Jannar 2022. |
|
3.8.4. |
L-Opinjoni Nru 11/2023 (il-Każakistan), adottata fit-28 ta’ Marzu 2023, tal-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, tiddikjara li ċ-ċaħda tal-libertà ta’ Zhanbolat Mamai tmur kontra l-Artikoli 3, 9, 19 u 20 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikoli 9(1), 19 u 21 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi. |
4. Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Unjoni Ewropea u l-Każakistan
|
4.1. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-implimentazzjoni tal-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u tal-Global Gateway fil-Każakistan u fl-Asja Ċentrali b’mod ġenerali ma tistax titwettaq skont l-istandards tal-UE mingħajr l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mingħajr komponent finanzjarju ċar allokat min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE biex jappoġġja l-miżuri previsti fl-Artikolu 251 tal-Kapitolu 5 tal-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni. |
|
4.2. |
Il-KESE huwa konvint li r-relazzjonijiet bejn is-soċjetà ċivili organizzata fl-UE u l-Każakistan jistgħu jiżviluppaw b’mod strutturat abbażi ta’ Pjan ta’ Azzjoni, b’diversi prijoritajiet u b’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija l-Ġdida tal-UE għall-Asja Ċentrali. Il-finanzjament irid jiġi pprovdut mill-inizjattiva tal-Global Gateway, b’kontribuzzjoni proporzjonata mill-gvernijiet tal-istati fir-reġjun, kif ukoll minn donaturi internazzjonali oħra. |
|
4.3. |
It-twaqqif ta’ Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Asja Ċentrali abbażi tal-mudell u l-esperjenza miksuba fi ħdan il-Forums tas-Soċjetà Ċivili UE-Asja Ċentrali organizzati perjodikament mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-prattiki tajbin żviluppati mill-KESE jew mill-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant. |
|
4.4. |
Ir-Repubblika tal-Każakistan u r-Repubblika tal-Użbekistan huma stati żviluppati li għandhom il-kapaċità finanzjarja u amministrattiva meħtieġa biex jiżguraw li jiġi stabbilit qafas istituzzjonali għar-relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Asja Ċentrali u l-Unjoni Ewropea. |
|
4.5. |
L-istabbiliment ta’ pjattaformi nazzjonali tas-soċjetà ċivili f’dawn l-istati se jirrappreżenta pass importanti lejn l-istabbiliment ta’ Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Asja Ċentrali, u dan se jippermetti djalogu strutturat kontinwu bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri tal-UE u l-istati tar-reġjun tal-Asja Ċentrali. |
|
4.6. |
Dan il-mod strutturat li jiżgura r-relazzjonijiet bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata minn dawn iż-żewġ reġjuni tad-dinja jista’ jġib benefiċċji sinifikanti fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali, soċjali u kulturali, u jiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba, u b’hekk jiżgura l-kundizzjonijiet għal koordinazzjoni u sinkronizzazzjoni aħjar tal-azzjoni fix-xena internazzjonali. |
|
4.7. |
Il-MtQ bejn l-UE u l-Każakistan dwar sħubija strateġika fil-qasam tal-materja prima, il-batteriji u l-idroġenu rinnovabbli mhuwiex biss għodda importanti biex jiġi attirat l-investiment f’dawn l-oqsma ta’ interess strateġiku għall-firmatarji ta’ dan il-ftehim, iżda wkoll opportunità biex is-soċjetà ċivili organizzata tiġi involuta fil-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-proġetti u l-obbligi ta’ diliġenza dovuta f’konformità mal-SDGs tan-NU, b’mod partikolari l-SDG 7, l-SDG 12 u l-SDG 13, u mal-istandards adottati mill-UE u l-OECD. |
|
4.8. |
L-Unjoni Ewropea tista’ wkoll tgħin fl-appoġġ għal ambjent istituzzjonali abilitanti għal soċjetà ċivili b’saħħitha u indipendenti fil-Każakistan billi toħloq programm ta’ skambju ta’ esperjenzi għall-impjegati taċ-ċivil fl-amministrazzjoni u għall-persunal fis-sistema ġudizzjarja fil-pajjiż, bl-involviment tal-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika f’Maastricht u ċ-Ċentru Ewropew għall-Imħallfin u l-Avukati fil-Lussemburgu. |
|
4.9. |
Wara laqgħat mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-Qorti Kostituzzjonali, id-delegazzjoni tal-KESE li żaret il-Każakistan sabet li ħafna mis-sitwazzjonijiet irrappurtati mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem setgħu jiġu evitati li kieku t-taħriġ professjonali u l-mentalità ta’ ċerti rappreżentanti tal-istat fl-amministrazzjoni pubblika jew fis-sistema ġudizzjarja kienu konformi mal-aħjar prattiki fil-pajjiżi tal-OECD. |
|
4.10. |
Pereżempju, ġew irrappurtati lakuni fit-taħriġ tal-maġistrati, prinċipalment minħabba konfużjoni dwar it-terminoloġija legali, peress li l-proċessi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-maġistrati għadhom ibbażati fuq metodi pedagoġiċi u materjali tat-tagħlim mis-sistema Sovjetika preċedenti jew mis-sistema attwali fir-Russja, mingħajr ma titqies serjament il-ħtieġa li l-maġistrati u l-litiganti jinteraġixxu dejjem aktar bil-lingwa Każakistana. |
|
4.11. |
L-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jappoġġjaw ukoll l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fil-Każakistan billi jżidu l-opportunitajiet edukattivi għaż-żgħażagħ Każakistani permezz tal-programm Erasmus+, li diġà ffaċilita t-taħriġ ta’ rappreżentanti ġodda tas-soċjetà ċivili, u b’hekk jikkontribwixxi għal fehim aħjar tas-sistema tal-prinċipji u l-valuri fl-UE. Iż-żgħażagħ mill-Istati Membri li jmorru jistudjaw fil-Każakistan għandhom ukoll rwol importanti fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali bbażata fuq fehim u rispett reċiproċi. |
|
4.12. |
L-universitajiet fil-Każakistan huma interessati li jżidu l-opportunitajiet biex jinvolvu lill-istudenti tagħhom fi programmi ta’ skambju internazzjonali ma’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja simili fl-UE, u dan l-interess huwa appoġġjat mill-esperjenza u l-kapaċità tal-universitajiet f’dan il-pajjiż li jimmaniġġjaw il-proġetti Erasmus skont il-proċeduri tal-UE. |
Brussell, is-26 ta’ Marzu 2025.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) https://policy.trade.ec.europa.eu/eu-trade-relationships-country-and-region/countries-and-regions/kazakhstan_en.
(2) https://primeminister.kz/en/news/kazakhstan-and-eu-sign-strategic-partnership-document-8103856.
(3) https://transport.ec.europa.eu/transport-themes/international-relations/study-sustainable-transport-connections-central-asia_en.
(6) Il-Komunità ta’ Stati Indipendenti.
(7) https://www.ituc-csi.org/IMG/pdf/2024_ituc_global_rights_index_en.pdf.
(8) https://data.ipu.org/parliament/KZ/KZ-UC01/.
(9) https://www.unicef.org/kazakhstan/en/stories/paving-accessible-path-future.
(10) https://www.rferl.org/a/fighting-for-identity-kazakh-laws-make-life-difficult-for-transgender-community/30774062.html.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2955/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)