Brussell, 3.9.2025

COM(2025) 356 final

2025/0191(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-awtorizzazzjoni tal-firma u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR”).

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea (“UE”) u l-MERCOSUR 1 bħalissa huma bbażati fuq il-Ftehim Qafas ta’ Kooperazzjoni Interreġjonali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar u l-Istati Partijiet tiegħu, iffirmat f’Madrid, fil-15 ta’ Diċembru 1995.

Fit-13 ta’ Settembru 1999, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tiftaħ negozjati mal-MERCOSUR u adotta direttivi ta’ negozjar. In-negozjati tmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Amerka Latina u l-Karibew. Il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali ġie kkonsultat dwar il-partijiet tal-Ftehim relatati mal-kummerċ.

In-negozjati damu aktar minn 25 sena. In-negozjati tal-partijiet relatati mal-kummerċ inizjalment ġew konklużi f’Ġunju 2019 u tal-parti politika u ta’ kooperazzjoni, f’Ġunju 2020. Matul l-2023 u l-2024, l-UE u l-Mercosur innegozjaw elementi addizzjonali, b’mod partikolari l-Anness tal-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, inklużi impenji msaħħa dwar id-deforestazzjoni kif ukoll dispożizzjonijiet li jagħtu aktar flessibbiltà lill-Mercosur dwar xi impenji relatati mal-politika industrijali (eż. l-akkwist pubbliku). L-UE u MERCOSUR ikkonkludew in-negozjati tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-6 ta’ Diċembru 2024 f’Montevideo, l-Urugwaj.

L-eżitu huwa ftehim ambizzjuż li jmur ferm lil hinn mill-Ftehim Qafas tal-1995, li jwieġeb għall-isfidi globali tal-lum. Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR se jagħti spinta lir-rabtiet politiċi u ekonomiċi strateġiċi bejn sħab tal-istess fehma u affidabbli, abbażi ta’ valuri universali kondiviżi bħad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Huwa ftehim modern li jirrappreżenta kummerċ miftuħ u bbażat fuq ir-regoli, li jiġġieled il-protezzjoniżmu u jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli. Dan se jiftaħ opportunitajiet għal kisbiet reċiproċi kbar permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa. Dan se jkun pass importanti lejn it-tisħiħ tar-rabtiet bejn is-sħab tal-għażla u t-tisħiħ tar-rwol tal-Unjoni Ewropea fl-Amerika t’Isfel.

It-testi nnegozjati tal-partijiet politiċi u ta’ kooperazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR intbagħtu lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Amerika Latina f’April 2025. It-testi nnegozjati tal-partijiet relatati mal-kummerċ tal-abbozz ta’ ftehim ġew ippubblikati mill-Kummissjoni f’Awwissu 2019 u f’Diċembru 2024.

L-eżitu nnegozjat jikkonsisti f’żewġ strumenti legali:

1.il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR, inkluż a) il-pilastru tal-Politika u l-Kooperazzjoni u b) il-pilastru tal-Kummerċ u l-Investiment; kif ukoll

2.il-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ, li jkopri l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u tal-investiment.

Kemm il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR kif ukoll il-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ għandhom jiġu ffirmati fl-istess ħin. Iż-żewġ Ftehimet għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet innotifikaw lil xulxin bil-miktub meta lestew il-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għal dan il-fini. Il-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ se jiskadi u jiġi sostitwit mill-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR mad-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar, wara r-ratifika mill-partijiet kollha.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR jipprovdi qafas legali komprensiv għar-relazzjonijiet UE-MERCOSUR u jissostitwixxi l-Ftehim Qafas ta’ Kooperazzjoni Interreġjonali attwali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar u l-Istati Partijiet tiegħu, iffirmat f’Madrid fil-15 ta’ Diċembru 1995.

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR huwa kompletament konformi mal-viżjoni ġenerali tal-UE għas-sħubija tagħha mal-Amerka Latina u l-Karibew, kif deskritt fil-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar Aġenda Ġdida għar-Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew, adottata fis-7 ta’ Ġunju 2023. Il-preżenza tal-UE fl-Amerka Latina u l-Karibew permezz ta’ erba’ reġjuni ultraperiferiċi (il-Guyana Franċiża, il-Guadeloupe, Martinique u Saint Martin), kif ukoll il-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej, hija ta’ vantaġġ għal din is-sħubija.

Barra minn hekk, il-Parti tal-Kummerċ u l-Investiment tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR hija konformi mar-“Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva”, ta’ Frar 2021, li jankra l-politika tal-kummerċ u tal-investiment mal-istandards u l-valuri Ewropej u universali, flimkien mal-interessi ekonomiċi ewlenin, filwaqt li jagħmel enfasi akbar fuq l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, l-evażjoni tat-taxxa, il-protezzjoni tal-konsumatur, u l-kummerċ responsabbli u ġust.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR huwa konsistenti għalkollox mal-politiki tal-Unjoni, u l-UE mhi se jkollha bżonn temenda l-ebda regola, regolament jew standard tagħha fl-ebda qasam irregolat minħabba fih, pereżempju r-regoli tekniċi u l-istandards tal-prodotti, ir-regoli sanitarji u fitosanitarji, ir-regolamenti dwar l-ikel u dwar is-sikurezza, l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza, ir-regoli dwar organiżmi ġenetikament modifikati, il-ħarsien tal-ambjent jew il-protezzjoni tal-konsumatur.

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR jinkludi wkoll kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, li jorbot il-Ftehim mal-objettivi ġenerali ta’ żvilupp sostenibbli u objettivi speċifiċi fl-oqsma tax-xogħol, l-ambjent u t-tibdil fil-klima.

Barra minn hekk, il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR jissalvagwardja kompletament is-servizzi pubbliċi u jiżgura li d-dritt tal-gvernijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku jiġi ppreservat b’mod sħiħ u jikkostitwixxi prinċipju bażiku sottostanti tiegħu.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR ikopri oqsma li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, tat-trasport, tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma’ pajjiżi terzi. Għalhekk, jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikoli 91, 100(2), l-ewwel subparagrafu ta’ 207(4), 209(2) u 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-Artikolu 218(5) TFUE jipprevedi li l-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni proviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ.

L-Artikolu 218(8) TFUE jipprevedi li l-Kunsill għandu jaġixxi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata ħlief fiċ-ċirkostanzi elenkati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE fejn il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu. Minħabba l-fatt li ż-żewġ komponenti predominanti tal-Ftehim huma l-politika kummerċjali, it-trasport, u l-iżvilupp, il-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma’ pajjiżi terzi, ir-regola tal-votazzjoni għal dan il-każ partikolari hija għalhekk il-maġġoranza kwalifikata.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Fit-13 ta’ Settembru 1999, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex tinnegozja mal-MERCOSUR. Għalhekk, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tqieset aktar effettiva minn azzjoni fil-livell nazzjonali.

Dawk il-partijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE kondiviża mal-Istati Membri, ikopru oqsma ta’ politika u elementi li huma adatti għal azzjoni esterna fil-livell tal-Unjoni. Fl-oqsma ta’ politika fejn tkun ittieħdet azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni, l-eżerċizzju estern mill-Unjoni tal-kompetenza koperta huwa inevitabbli (l-Artikolu 3(2) TFUE). Barra minn hekk, sabiex tinkiseb kooperazzjoni sinifikanti u sabiex tkun f’pożizzjoni ta’ negozjar aktar b’saħħitha fil-konfront tal-MERCOSUR, ġie ġġudikat li azzjoni fil-livell tal-Unjoni kienet aktar mixtieqa minn azzjoni fil-livell tal-Istati Membri individwali. Għalhekk, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tqieset li hija aktar effettiva minn azzjoni fil-livell nazzjonali. Għalhekk, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tqieset aktar effettiva minn azzjoni fil-livell nazzjonali.

Fir-rigward tal-parti tal-Kummerċ u l-Investiment tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR, il-politika kummerċjali komuni, f’konformità mal-Artikolu 3(1) tat-TFUE, hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

•Proporzjonalità

Din l-inizjattiva ssegwi direttament l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u tikkontribwixxi għall-prijorità politika tal-“UE bħala attur globali aktar b’saħħtu”. Hija f’konformità mal-orjentazzjonijiet tal-Istrateġija Globali tal-UE, jiġifieri li timpenja ruħha ma’ pajjiżi oħra u li tagħti spinta lis-sħubijiet esterni tagħha b’mod responsabbli, sabiex jintlaħqu l-objettivi esterni tal-UE. Dan jikkontribwixxi għall-objettivi kummerċjali u ta’ żvilupp tal-UE. Il-proposta hija konformi mal-Patt Ekoloġiku tal-UE.

In-negozjati għall-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR twettqu f’konformità mad-direttivi ta’ negozjar stipulati mill-Kunsill. L-eżitu tan-negozjati ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika stabbiliti fid-direttivi ta’ negozjar.

•Għażla tal-istrument

Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill qed titressaq skont il-paragrafu 5 tal-Artikolu 218 TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim. Ma jeżisti ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f’din il-proposta.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Matul in-negozjati mal-MERCOSUR, ġiet ikkummissjonata Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibbiltà minn kuntrattur estern biex tistudja l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali potenzjali tal-parti kummerċjali tal-ftehim. Dik il-valutazzjoni tal-impatt ikkontribwiet għan-negozjati u infurmat lin-negozjaturi u lis-servizzi tal-Kummissjoni. Ir-rapport finali ġie ppublikat fid-29 ta’ Marzu 2021.

Fit-tħejjija ta’ dik il-valutazzjoni tal-impatt, il-kuntrattur ikkonsulta esperti interni u esterni b’mod wiesa’, organizza konsultazzjonijiet pubbliċi u sessjonijiet ta’ ħidma, wettaq kwestjonarji online u organizza laqgħat bilaterali u intervisti mas-soċjetà ċivili kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-MERCOSUR. Dawk il-konsultazzjonijiet ipprovdew pjattaforma siewja u effettiva għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati ewlenin u tas-soċjetà ċivili, li pparteċipaw f’numri sinifikanti.

In-negozjati twettqu f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Amerka Latina u l-Karibew għall-aspetti politiċi u ta’ kooperazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u f’konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Politika Kummerċjali, għall-aspetti kummerċjali ta’ dan il-Ftehim, bħala l-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 218(4) TFUE. Il-Parlament Ewropew ġie infurmat regolarment ukoll permezz tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET), il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA) u l-Grupp ta’ Monitoraġġ MERCOSUR. It-testi li jirriżultaw min-negozjati ntbagħtu liż-żewġ istituzzjonijiet matul il-proċess tan-negozjati. Il-Kummissjoni organizzat ukoll għadd ta’ laqgħat u kuntatti mas-soċjetà ċivili (Djalogi tas-Soċjetà Ċivili) biex tiddiskuti l-progress u l-pożizzjonijiet ta’ negozjar matul in-negozjati.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-“Valutazzjoni tal-Impatt tas-Sostenibbiltà b’Appoġġ għan-Negozjati tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-MERCOSUR” twettqet mill-kuntrattur estern London School of Economics Enterprise. Dan jipprovdi eżami tal-impatt potenzjali ekonomiku, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali tal-ftehim kummerċjali.

Il-“Valutazzjoni Ekonomika tal-Eżitu Negozjat” twettqet mis-servizzi tal-Kummissjoni wara l-konklużjoni tan-negozjati u wara li rriflettiet l-eżitu tagħhom.

•Valutazzjoni tal-impatt

Il-Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibbiltà tikkonsisti f’żewġ komponenti komplementari. L-ewwel nett, analiżi robusta tal-impatti ekonomiċi, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali, li l-ftehim kummerċjali li qed jiġi nnegozjat jista’ jkollu fl-UE, fil-pajjiżi tal-MERCOSUR u f’pajjiżi rilevanti oħra. It-tieni, proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi tal-MERCOSUR, li jipprovdi opportunitajiet għall-ġbir u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u t-tixrid tar-riżultati. Il-valutazzjoni tal-Impatt tipprovdi kontribut siewi għall-proċess tat-tfassil ta’ miżuri possibbli ta’ akkumpanjament u mitigazzjoni, inkluż permezz ta’ proposti fl-istudju.

Ir-rapport juża l-verżjoni dinamika tal-Mudell tal-GTAP biex jistudja l-impatti ta’ żewġ xenarji, wieħed konservattiv u wieħed aktar ambizzjuż, fir-rigward tal-eżitu tan-negozjati f’termini ta’ tnaqqis tal-miżuri tariffarji u mhux tariffarji miż-żewġ partijiet. Fix-xenarju konservattiv, il-PDG fl-UE jespandi b’EUR 10,9 biljuni (0,1 %) u f’MERCOSUR b’EUR 7,4 biljuni (0,3 %) sal-2032, meta mqabbel mal-linja bażi tal-immudellar mingħajr l-FTA. Fix-xenarju ambizzjuż, il-PDG fl-UE jespandi b’EUR 15-il biljun u f’MERCOSUR b’EUR 11,4 biljuni.

Il-valutazzjoni Ekonomika tal-Eżitu Negozjat tivvaluta l-impatt ekonomiku tal-eżitu reali tan-negozjati. Mhijiex ibbażata fuq suppożizzjonijiet rigward l-eżitu mistenni tal-ftehim, għall-kuntrarju tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Din tal-aħħar ivvalutat l-impatt ta’ żewġ xenarji, wieħed konservattiv u wieħed ambizzjuż, fir-rigward tal-eżitu tan-negozjati f’termini ta’ tnaqqis tal-ostakli għall-kummerċ permezz ta’ miżuri tariffarji u mhux tariffarji.  Tal-ewwel tistma l-impatt ekonomiku bbażat fuq il-konċessjonijiet attwali tal-miżuri tariffarji u mhux tariffarji. Tqis ukoll il-fatt li r-Renju Unit ma għadux fl-UE. Dan jispjega d-differenza fl-impatt stmat tal-ftehim fil-valutazzjoni ekonomika meta mqabbel mal-Valutazzjoni tal-Impatt. Barra minn hekk, l-analiżi tal-valutazzjoni ekonomika hija aġġornata biex tinkludi l-aktar żviluppi reċenti fil-politika kummerċjali tal-UE.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni (REFIT)

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR mhuwiex soġġett għall-proċeduri REFIT. Madankollu, jinkludi qafas għal proċeduri simplifikati ta’ kummerċ u investiment, tnaqqis fl-ispejjeż relatati mal-esportazzjoni u l-investiment u għalhekk se jżid l-opportunitajiet ta’ kummerċ u investiment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fiż-żewġ swieq.

Fost il-benefiċċji mistennija hemm żieda fit-trasparenza, regoli tekniċi inqas onerużi, rekwiżiti ta’ konformità, proċeduri doganali u regoli tal-oriġini, protezzjoni msaħħa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, aċċess aħjar għall-offerti tal-akkwist pubbliku mill-gvern, kif ukoll kapitolu speċjali biex l-SMEs jiġu megħjuna jużaw l-opportunitajiet offruti skont il-Ftehim.

•Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma taffettwax il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fir-rigward tar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u li jsaħħu l-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġġieldu d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-parti kummerċjali tal-Ftehim se jkollha impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-UE min-naħa tad-dħul. Se jwassal għal telf stmat ta’ dazji ta’ EUR 330 miljun mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. Ladarba l-Ftehim Kummerċjali Interim jiġi implimentat bis-sħiħ fl-UE (wara 15-il sena mid-dħul fis-seħħ tiegħu) it-telf annwali tad-dazji huwa stmat li jilħaq EUR 1 biljun. Din l-istima hija bbażata fuq projezzjoni tal-evoluzzjoni tal-kummerċ għall-15-il sena li ġejjin mingħajr l-ebda ftehim. Huwa mistenni li jkun hemm impatti pożittivi indiretti f’termini ta’ żieda f’riżorsi marbuta mat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-introjtu nazzjonali gross.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR jinkludi dispożizzjonijiet istituzzjonali li jistabbilixxu korpi konġunti biex jimmonitorjaw kontinwament l-implimentazzjoni, l-operat u l-impatt tiegħu.

L-istruttura istituzzjonali tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR hija magħmula minn Kunsill Konġunt, Kumitat Konġunt u Sottokumitati u korpi oħra. Il-Kunsill Konġunt ser jissorvelja t-twettiq tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim u jissorvelja l-implimentazzjoni tiegħu. Il-Kumitat Konġunt ser jassisti lill-Kunsill Konġunt fit-twettiq ta’ dmirijietu u jissorvelja l-ħidma tas-Sottokumitati kollha u korpi oħra stabbiliti skont il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR.

Meta jiddiskutu kwistjonijiet ta’ kummerċ u investiment, il-Kunsill Konġunt u l-Kumitat Konġunt jiltaqgħu fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ. Id-dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-Parti dwar il-Kummerċ u l-Investiment tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR jistabbilixxu funzjonijiet u kompiti speċifiċi tal-Kunsill Konġunt u tal-Kumitat Konġunt li jaġixxu fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ.

Il-Ftehim jistabbilixxi Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp u għadd ta’ Sottokumitati relatati mal-kummerċ u l-investiment. Aktar Sottokumitati jew korpi oħra jistgħu jiġu stabbiliti mill-Kunsill Konġunt jew mill-Kumitat Konġunt biex jindirizzaw kompiti jew suġġetti speċifiċi.

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR jinkludi wkoll Forum tas-Soċjetà Ċivili biex is-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat tkun tista’ tinstema’ dwar id-dispożizzjonijiet kollha fil-Ftehim.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR joħloq qafas legalment vinkolanti li huwa koerenti, komprensiv u aġġornat għar-relazzjonijiet tal-UE mal-MERCOSUR. Huwa jistabbilixxi sħubija b’saħħitha, isaħħaħ id-djalogu politiku u japprofondixxi u jsaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku. Fl-istess ħin, il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR se jrawwem il-kummerċ u l-investiment billi jikkontribwixxi għall-espansjoni u d-diversifikazzjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali.

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR huwa maqsum f’erba’ partijiet. Il-Parti I (Prinċipji Ġenerali u Qafas Istituzzjonali) tiddeskrivi l-prinċipji ġenerali u l-objettivi tal-Ftehim u tistabbilixxi l-qafas istituzzjonali tiegħu, kif deskritt hawn fuq.

L-elementi essenzjali tal-Ftehim huma: ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji tal-istat tad-dritt, kif ukoll il-klawżola dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva (weapons of mass destruction, WMDs) u li tibqa’ parti in bona fide tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Ftehim ta’ Pariġi.

Fil-Parti II (Djalogu Politiku u Kooperazzjoni), l-UE u l-MERCOSUR jimpenjaw ruħhom li japprofondixxu d-djalogu u jikkooperaw fl-oqsma li ġejjin:

·Il-Prinċipji Demokratiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt u l-Paċi u s-Sigurtà Internazzjonali

·Il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà

·L-Iżvilupp Sostenibbli

·Is-Sħubija Soċjali, Ekonomika u Kulturali.

Il-Ftehim jemfasizza firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet kruċjali, inkluż il-ħarsien tal-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-enerġija sostenibbli, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u tan-nisa, l-imġiba responsabbli fin-negozju, id-drittijiet tax-xogħol u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri. Id-dispożizzjonijiet fil-Parti II se jippermettu azzjoni aktar koordinata u komuni f’oqsma ġodda bħas-saħħa pubblika, il-modernizzazzjoni tal-istat, il-ġestjoni tal-flussi migratorji, in-nonproliferazzjoni tad-WMDs, il-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u ċ-ċiberkriminalità.

Dan se jissarraf fi sħubija aktar b’saħħitha fil-livell globali, pereż. dwar l-aġenda 2030, l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima u dwar kwistjonijiet ta’ governanza demokratika globali u d-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni internazzjonali, il-paċi u s-sigurtà.

Il-Parti II fiha wkoll dispożizzjonijiet biex jiġi approfondit id-djalogu dwar il-kooperazzjoni u l-iżvilupp internazzjonali u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Il-Ftehim fih Protokoll dwar il-kooperazzjoni fejn il-Partijiet jimpenjaw ruħhom għal sħubija ta’ kooperazzjoni li tikkontribwixxi għall-paċi u l-prosperità, ibbażata fuq ir-rispett, il-fiduċja, u l-valuri u l-interessi kondiviżi, filwaqt li tindirizza b’mod konġunt l-isfidi u taħtaf l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR.

Il-Parti III (Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ u l-Kummerċ) toħloq qafas legalment vinkolanti koerenti, komprensiv u aġġornat għar-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-MERCOSUR. Se jrawwem il-kummerċ u l-investiment billi jikkontribwixxi għall-espansjoni u d-diversifikazzjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali.

Permezz ta’ dan il-ftehim, l-UE għandha l-għan li tipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-operaturi tagħha fis-suq MERCOSUR. Imur lil hinn mill-impenji eżistenti tad-WTO f’ħafna oqsma, bħall-kummerċ ta’ prodotti, is-servizzi, l-akkwist pubbliku mill-gvern, l-ostakli mhux tariffarji u l-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi. F’dawn l-oqsma kollha, il-pajjiżi tal-MERCOSUR qablu ma’ impenji ġodda sinifikanti meta mqabbla mat-termini tad-WTO. Il-Ftehim fih ukoll dispożizzjonijiet avvanzati dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, inklużi impenn b’saħħtu dwar id-deforestazzjoni.

Il-Ftehim jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu XXIV tal-GATT (li jiġu eliminati d-dazji u regolamenti restrittivi l-oħra tal-kummerċ fir-rigward ta’ sostanzjalment il-kummerċ kollu ta’ merkanzija bejn il-partijiet), kif ukoll dawk tal-Artikolu V tal-GATS, li jipprovdi għal test simili fir-rigward tas-servizzi.

F’konformità mal-objettivi stabbiliti mid-direttivi ta’ negozjar, il-Parti III tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR se toffri:

1.It-tneħħija sħiħa, maż-żmien, tad-dazji fuq 91 % tal-merkanzija li l-kumpaniji tal-UE jesportaw lejn il-MERCOSUR. Dan se jiffranka aktar minn EUR 4 biljun fis-sena f’dazji. Pereżempju, il-pajjiżi tal-MERCOSUR se jneħħu d-dazji għoljin fuq il-prodotti industrijali, bħall-karozzi (35 %), il-partijiet tal-karozzi (14 sa 18 %), il-makkinarju (14 sa 20 %), is-sustanzi kimiċi (sa 18 %), il-ħwejjeġ (sa 35 %), il-farmaċewtiċi (sa 14 %), iż-żraben tal-ġilda (sa 35 %) jew it-tessuti (sa 35 %). Il-Ftehim se jelimina progressivament ukoll id-dazji fuq l-esportazzjonijiet tal-ikel u x-xorb tal-UE, bħall-inbid (27 %), iċ-ċikkulata (20 %), l-ispirti (20 sa 35 %), il-gallettini (16 sa 18 %), il-ħawħ fil-laned (55 %) jew soft drinks (20-35 %). Il-Ftehim se jipprovdi wkoll aċċess bla dazju soġġett għall-kwoti għall-prodotti tal-ħalib tal-UE (bħalissa b’tariffa ta’ 28 %), partikolarment il-ġobnijiet.

2.Ftuħ tas-suq ibbilanċjat mill-UE peress li l-ftehim se jelimina d-dazji tal-importazzjoni fuq 92 % tal-prodotti MERCOSUR esportati lejn l-UE. Prodotti agrikoli sensittivi bħaċ-ċanga, iz-zokkor jew il-pollam jingħataw biss trattament preferenzjali fi kwantitajiet limitati permezz ta’ kwoti tariffarji kkalibrati bir-reqqa.

3.Għall-Arġentina, l-Urugwaj u l-Paragwaj, il-ftehim iżarma kompletament, jew jorbot għal żero, it-taxxi tal-esportazzjoni fuq il-materja prima u fuq il-prodotti industrijali. Dan inaqqas ukoll it-taxxi tal-esportazzjoni fuq il-prodotti agrikoli (l-Arġentina), jew jeliminahom (l-Urugwaj, il-Paragwaj u l-Brażil). Għall-prodotti industrijali, il-Brażil illimita għal żero l-materja prima importanti meħtieġa għad-diversifikazzjoni ekonomika tal-UE (in-nikil, ir-ram, l-aluminju, il-materja prima tal-azzar, l-azzar, it-titanju). Il-Brażil żamm spazju politiku biex jimponi dazji fuq l-esportazzjoni fuq ċerta materja prima, f’każijiet bħal dawn, l-UE kisbet preferenzi ta’ mill-inqas 50 % fuq kwalunkwe taxxa fuq l-esportazzjoni introdotta mill-Brażil fil-futur u limitu massimu ta’ 25 %.

4.Mekkaniżmu ta’ salvagwardja bilaterali robust li jippermetti lill-UE u lill-MERCOSUR jimponu miżuri temporanji biex jirregolaw l-importazzjonijiet f’każ ta’ żieda mhux mistennija u sinifikanti fl-importazzjonijiet, li tikkawża, jew thedded li tikkawża, dannu serju lill-industrija domestika tagħhom. Dawn is-salvagwardji japplikaw ukoll għall-prodotti agrikoli taħt ir-reġim tal-kwota tariffarja, jew jistgħu jkunu limitati għat-territorju tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, fejn rilevanti.

5.L-ogħla standards għas-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti jkomplu japplikaw għall-prodotti kollha, irrispettivament minn jekk humiex prodotti domestikament jew importati fl-UE. Japplika l-prinċipju prekawzjonarju. Il-Ftehim jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa mal-awtoritajiet tal-pajjiżi sħab u fluss aktar mgħaġġel ta’ informazzjoni dwar kwalunkwe riskju potenzjali permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni u notifika aktar diretta u effiċjenti.

6.Kapitolu komprensiv dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, li għandu l-għan li jiżgura li l-kummerċ jappoġġa l-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp soċjali. Il-Kapitolu jkopri kwistjonijiet bħall-ġestjoni sostenibbli u l-konservazzjoni tal-foresti, ir-rispett għad-drittijiet tax-xogħol u l-promozzjoni ta’ mġiba responsabbli fin-negozju. Dan jinkludi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi għas-soluzzjoni tat-tilwim u mekkaniżmu ta’ rieżami ddedikat. Il-Kapitolu jinkludi wkoll impenn espliċitu biex jiġi implimentat b’mod effettiv il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, li jikkostitwixxi element essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR, u tal-Ftehim Kummerċjali Interim, u b’hekk jippermetti sospensjoni ta’ dan tal-aħħar jekk Parti titlaq mill-Ftehim ta’ Pariġi jew ma tibqax parti “in bona fide”. Anness għall-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fih impenji dwar id-deforestazzjoni mill-Partijiet biex jieħdu miżuri biex iwaqqfu aktar deforestazzjoni mill-2030. Din hija l-ewwel darba li l-Partijiet għal ftehim kummerċjali soġġett għal soluzzjoni tat-tilwim jieħdu impenn legali individwali biex iwaqqfu d-deforestazzjoni. Il-Ftehim jagħti wkoll l-opportunità lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jkollhom rwol attiv fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-ftehim, inkluż kull tħassib dwar l-ambjent.

7.Opportunitajiet ġodda ta’ offerti għall-offerenti tal-UE mal-pajjiżi tal-MERCOSUR, li mhumiex membri tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi. Din hija l-ewwel darba li l-pajjiżi tal-MERCOSUR se jiftħu s-swieq tal-akkwist pubbliku tagħhom. Il-kumpaniji tal-UE se jkunu jistgħu jagħmlu offerti għal kuntratti ma’ awtoritajiet pubbliċi, bħall-ministeri tal-gvern ċentrali u aġenziji governattivi u federali oħra, fuq l-istess livell ma’ kumpaniji mill-pajjiżi tal-MERCOSUR.

8.It-tneħħija tal-ostakli tekniċi u regolatorji għall-kummerċ ta’ merkanzija, b’mod partikolari billi jiġi promoss l-użu taċ-ċertifikazzjoni u l-konverġenza tal-ewwel parti permezz tal-użu ta’ standards internazzjonali adottati mill-ISO, l-IEC, l-ITU u l-Codex Alimentarius, kif ukoll minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li jistabbilixxu l-istandards f’konformità mad-definizzjoni komuni maqbula mill-UE u l-MERCOSUR. Hemm ftehim biex jitnaqqas l-ittestjar duplikattiv fis-settur tal-elettronika f’oqsma ta’ riskju baxx. Se jkun hemm ukoll Anness dwar il-Vetturi bil-Mutur speċifiku li jippromwovi r-Regolamenti tal-UNECE u jnaqqas l-ittestjar doppju fis-settur.

9.Anness komprensiv b’dispożizzjonijiet dettaljati biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ fl-inbid u l-ispirti li jkopri r-rikonoxximent tal-prattiki tal-produzzjoni tal-inbid, iċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettar, f’konformità mal-aktar ftehimiet ta’ kummerċ ħieles moderni tal-UE.

10.Il-ftuħ tas-setturi tas-servizzi u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi bejn l-UE u l-MERCOSUR, kemm permezz tal-istabbiliment lokali kif ukoll fuq bażi transfruntiera. Il-Ftehim ikopri firxa wiesgħa ta’ setturi tas-servizzi, inklużi s-servizzi tan-negozju, is-servizzi finanzjarji, it-telekomunikazzjoni, it-trasport marittimu (għall-ewwel darba l-MERCOSUR qed jiftaħ it-trasport marittimu fir-reġjun), is-servizzi postali u tal-kurrier. Dan jinkludi wkoll impenji dwar l-istabbiliment ta’ intrapriżi, kemm fis-setturi tas-servizzi kif ukoll f’dawk mhux tas-servizzi. Dan se jiżgura kundizzjonijiet ekwi bejn il-fornituri tas-servizzi tal-UE u l-kompetituri tagħhom fil-MERCOSUR. Id-“dritt għar-regolamentazzjoni” fl-interess pubbliku huwa ppreservat bis-sħiħ, fil-livelli kollha tal-gvern. Il-Ftehim fih ukoll dispożizzjonijiet avvanzati dwar il-moviment ta’ professjonisti għal skopijiet ta’ negozju, bħal maniġers jew speċjalisti li l-kumpaniji tal-UE jistazzjonaw lis-sussidjarji tagħhom fil-pajjiżi tal-MERCOSUR. Hemm ukoll kapitolu sostantiv dwar il-kummerċ elettroniku – novità għas-sħab tal-MERCOSUR.

11.Livell għoli ta’ protezzjoni u infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali inklużi dispożizzjonijiet dettaljati dwar id-drittijiet tal-awtur, is-sigrieti kummerċjali u l-infurzar li jipprevedu protezzjoni mtejba.

12.Livell għoli ta’ protezzjoni u infurzar għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-UE, komparabbli ma’ dak tal-UE, għal 344 isem tal-UE ta’ prodotti tal-ikel, tal-inbid u tal-ispirti ta’ kwalità.

13.Kapitolu ddedikat għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju biex jiġi żgurat li dawn jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR.

14.Mekkaniżmi effiċjenti għas-soluzzjoni tat-tilwim, permezz ta’ arbitraġġ jew bl-għajnuna ta’ medjatur. Il-Kapitolu dwar is-soluzzjoni tat-tilwim jinkludi dispożizzjonijiet ġodda mmudellati fuq l-ilment mhux ta’ ksur tad-WTO - jekk parti tqis li miżura tal-parti l-oħra tannulla jew tfixkel sostanzjalment il-benefiċċji tagħha skont il-ftehim, hija tista’ titlob lil bord biex jiddeċiedi dwar din il-kwistjoni.

Il-Parti IV (Dispożizzjonijiet Finali) tinkludi fost l-oħrajn proċedura biex jiġu indirizzati każijiet ta’ nuqqas minn Parti li tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Ftehim u d-dispożizzjonijiet dwar id-dħul fis-seħħ u l-emendi tal-Ftehim.

Il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit u, mad-dħul fis-seħħ tiegħu, jissostitwixxi l-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ.

Id-dispożizzjonijiet kollha tal-Parti I (Prinċipji Ġenerali u Qafas Istituzzjonali) u IV (Dispożizzjonijiet Finali) għandhom jiġu proposti għall-applikazzjoni proviżorja bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-interazzjoni mal-Ftehim Kummerċjali Interim. Id-dispożizzjonijiet kollha tal-Parti II (Djalogu Politiku u Kooperazzjoni) għandhom jiġu proposti wkoll għall-applikazzjoni proviżorja, ħlief dawk relatati mal-protezzjoni konsulari u kwistjonijiet tat-taxxa.

2025/0191 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91(1), 100(2), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), l-Artikolu 209(2) u l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fit-13 ta’ Settembru 1999, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex tiftaħ negozjati dwar Ftehim mas-Suq Komuni tan-Nofsinhar u l-Istati Partijiet tiegħu li jikkonsisti f’partijiet politiċi, ta’ kooperazzjoni u kummerċjali.

(2)In-negozjati ġew konklużi b'suċċess fil-6 ta' Diċembru 2024.

(3)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(4)Ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim jenħtieġ li jiġu applikati fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(5)F’konformità mal-Artikolu 30.9 tiegħu, il-Ftehim la jagħti drittijiet u lanqas ma jimponi obbligi fuq persuni fl-Unjoni minbarra d-drittijiet u l-obbligi maħluqa mill-Partijiet skont id-dritt internazzjonali pubbliku,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. L-iffirmar f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra, huwa b’dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

2. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1. Sakemm jidħol fis-seħħ, f’konformità mal-Artikolu 30.2 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet li ġejjin tal-Ftehim għandhom jiġu applikati b’mod proviżorju bejn l-Unjoni u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar (“MERCOSUR”) u/jew wieħed jew aktar mill-Istati firmatarji tal-MERCOSUR:

–Kapitolu 1 – bl-eċċezzjoni tas-subparagrafu d) tal-Artikolu 1.4

–Kapitolu 2 – bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 2.2, il-paragrafu 5 tal-Artikolu 2.3 u l-paragrafu 5 tal-Artikolu 2.4

–Kapitolu 3 – bl-eċċezzjoni tal-paragrafi 3 sa 7 tal-Artikolu 3.2

–Kapitolu 4

–Kapitolu 5

–Kapitolu 6 – bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 6.6 (protezzjoni konsulari)

–Kapitolu 7

–Kapitolu 8 – bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 8.4 (kwistjonijiet ta’ taxxa)

–Kapitolu 30 – bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 30.1, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 30.4, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 30.5 u l-paragrafu 5 tal-Artikolu 30.6.

–Il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni, kif mehmuż ma’ dan il-Ftehim

2. Id-data minn meta l-partijiet ta’ hawn fuq tal-Ftehim għandhom jiġu applikati b’mod provviżorju għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Is-Suq Komuni tan-Nofsinhar (MERCOSUR għall-inizjali Spanjoli tiegħu) huwa proċess ta’ integrazzjoni reġjonali, inizjalment stabbilit mill-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj, u sussegwentement ingħaqad miegħu l-Venezwela (attwalment sospiża) u l-Bolivja (fil-proċess ta’ adeżjoni). L-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj biss huma partijiet għall-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR.