IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.9.2025
COM(2025) 356 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragway u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra
FTEHIM TA’ SĦUBIJA BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MINN NAĦA WAĦDA, U S-SUQ KOMUNI TAN-NOFSINHAR, IR-REPUBBLIKA ARĠENTINA, IR-REPUBBLIKA FEDERATTIVA TAL-BRAŻIL, IR-REPUBBLIKA TAL-PARAGWAJ U R-REPUBBLIKA ORJENTALI TAL-URUGWAJ, MIN-NAĦA L-OĦRA
IR-RENJU TAL-BELĠJU,
IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,
IR-REPUBBLIKA ĊEKA,
IR-RENJU TAD-DANIMARKA,
IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,
L-IRLANDA,
IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,
IR-RENJU TA’ SPANJA,
IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,
IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,
IR-REPUBBLIKA TALJANA,
IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,
IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,
IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,
L-UNGERIJA,
IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,
IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,
IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,
IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,
IR-RUMANIJA
IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,
IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,
IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,
IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,
il-Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Istati Membri”,
u
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni” jew l-“UE”,
minn naħa,
U
IR-REPUBBLIKA ARĠENTINA,
IR-REPUBBLIKA FEDERATTIVA TAL-BRAŻIL,
IR-REPUBBLIKA TAL-PARAGWAJ,
IR-REPUBBLIKA ORJENTALI TAL-URUGWAJ,
Stati Partijiet tas-Suq Komuni tan-Nofsinhar firmatarji ta’ dan il-Ftehim, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR”,
u
IS-SUQ KOMUNI TAN-NOFSINHAR, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “MERCOSUR”,
min-naħa l-oħra,
minn hawn ’il quddiem imsejħa b’mod konġunt “il-Partijiet”,
għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim MERCOSUR tirreferi għar-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-rabtiet storiċi, kulturali, politiċi u ekonomiċi profondi li jgħaqqdu l-popli tagħhom u ispirati mill-valuri komuni tagħhom;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-MERCOSUR u l-Unjoni Ewropea jixtiequ jsaħħu dawk ir-rabtiet u jintensifikaw ir-relazzjonijiet tagħhom abbażi ta’ djalogu u kooperazzjoni, bil-ħsieb li tiġi stabbilita sħubija strateġika;
FILWAQT LI JFAKKRU fl-impenn sod tal-Partijiet għall-prinċipji tad-dritt internazzjonali, għall-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (“NU”), għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali rilevanti oħra tad-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali, u l-prinċipji tal-istat tad-dritt jirfed il-politiki interni u internazzjonali tal-Partijiet u jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim;
FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-appoġġ tagħhom għall-istituzzjonijiet u l-valuri demokratiċi, li huma indispensabbli għall-iżvilupp tal-proċessi ta’ integrazzjoni rispettivi tagħhom u r-relazzjoni reċiproka tagħhom;
FILWAQT LI HUMA MOTIVATI biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-multilateraliżmu, għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali u għall-promozzjoni ta’ ordni internazzjonali ġust u demokratiku;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-kontribut importanti għad-diżarm u n-nonproliferazzjoni tal-proklamazzjoni tal-Amerka Latina u l-Karibew bħala żona ta’ paċi, ħielsa mill-armi nukleari, f’konformità mat-Trattat ta’ Tlatelolco u l-protokolli addizzjonali tiegħu, u jaffermaw mill-ġdid l-impenji tagħhom li jippromwovu d-diżarm nukleari;
FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID il-valuri, l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata fis-26 ta’ Ġunju 1945, f’San Francisco, fil-konklużjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Organizzazzjoni Internazzjonali (“il-Karta tan-NU”);
FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-għan komuni tal-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali li fuqu hu bbażat dan il-Ftehim, u filwaqt li jikkunsidraw li l-liberalizzazzjoni tas-suq jenħtieġ li tkun ikkomplementata mill-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi permezz ta’ aċċess adegwat għall-impjiegi, l-edukazzjoni u s-saħħa, u l-eliminazzjoni tal-faqar estrem;
FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom li jsaħħu u jiżviluppaw is-sistema kummerċjali multilaterali permezz tal-applikazzjoni ta’ regoli trasparenti, ekwi u mhux diskriminatorji, bil-ħsieb tal-promozzjoni ta’ kummerċ internazzjonali dejjem aktar dinamiku u miftuħ li jiżgura żieda fil-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kummerċ , fl-investiment u fil-flussi tat-teknoloġija internazzjonali;
FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom li jippromwovu l-kummerċ internazzjonali b’tali mod li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-soċjetà ċivili u s-settur privat, u li jimplimentaw dan il-ftehim b’mod konsistenti mal-liġijiet rispettivi tagħhom u mal-impenji internazzjonali dwar kwistjonijiet tax-xogħol u ambjentali;
FILWAQT LI JIBNU FUQ id-drittijiet u l-obbligi assunti mill-Partijiet membri fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”, World Trade Organisation);
FILWAQT LI JIXTIEQU li jtejbu l-kompetittività tal-intrapriżi tagħhom, billi jipprovdulhom qafas legali prevedibbli għar-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment tagħhom, b’attenzjoni speċjali għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju;
FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID il-ħtieġa li jiġi promoss ir-rispett ta’ linji gwida u prinċipji rikonoxxuti internazzjonalment ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva u mġiba responsabbli fin-negozju, inklużi l-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (“OECD”, Organisation of Economic Cooperation and Development) għall-Intrapriżi Multinazzjonali, fost l-intrapriżi li joperaw fit-territorji tagħhom;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li t-tisħiħ tas-sistema kummerċjali multilaterali jista’ jinkiseb permezz ta’ negozjati kummerċjali multilaterali li jimmiraw għal riżultati ambizzjużi, komprensivi u bbilanċjati, il-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u t-titjib tal-benessri tal-bniedem;
FILWAQT LI JQISU li l-Partijiet jikkunsidraw l-integrazzjoni reġjonali u r-reġjonaliżmu miftuħ bħala strumenti importanti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali li jsaħħu l-integrazzjoni internazzjonali tal-ekonomiji tagħhom, jippromwovu rabtiet aktar mill-qrib bejn il-popli tagħhom u jikkontribwixxu għall-istabbiltà internazzjonali;
FILWAQT LI JILQGĦU l-adozzjoni tad-dokument tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli “Transforming our World: the 2030 Agenda for Sustainable Development” adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta’ Settembru 2015 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Aġenda 2030”) u l-Ftehim ta' Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, magħmul f’Pariġi fit-12 ta’ Diċembru 2015 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Pariġi”) u jsejħu għall-implimentazzjoni fi żmien qasir tagħhom;
FILWAQT LI HUMA KONXJI mill-ħtieġa li jiġu promossi t-tkabbir u l-iżvilupp tal-Partijiet u li jitnaqqsu d-disparitajiet eżistenti, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet u d-diffikultajiet li jiffaċċja l-Paragwaj bħala pajjiż mingħajr kosta;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-istorja twila tal-migrazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-MERCOSUR, u l-kontribut pożittiv tagħha għar-relazzjoni tagħhom kif ukoll għall-iżvilupp soċjali, kulturali u ekonomiku tagħhom;
FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM id-dispożizzjonijiet maqbula internazzjonalment dwar it-trattament speċjali u differenzjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li dan il-Ftehim jippreserva d-dritt tal-Partijiet li jirregolaw fit-territorji tagħhom f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti interni tagħhom kif ukoll il-flessibbiltà tal-Partijiet biex jiksbu objettivi leġittimi ta’ politika, bħal dawk li jirrigwardaw is-saħħa pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, l-edukazzjoni, il-morali pubbliċi, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali;
FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID id-dritt tal-Partijiet li jisfruttaw ir-riżorsi naturali tagħhom f’konformità mal-politiki ambjentali tagħhom stess, u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli;
FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM il-Ftehim Qafas dwar il-Koperazzjoni Interreġjonali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar u l-Istati Parti tiegħu, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Madrid fil-15 ta’ Diċembru 1995, kif ukoll id-Dikjarazzjoni Konġunta annessa tiegħu dwar id-djalogu politiku u l-għan li tiġi stabbilita sħubija bbażata fuq id-djalogu politiku msaħħaħ, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, il-promozzjoni tal-investiment u l-approfondiment tal-kooperazzjoni;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-MERCOSUR hija implimentata permezz ta’ varjetà ta’ strumenti;
FILWAQT LI JFAKKRU fid-deċiżjoni tal-laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern mill-MERCOSUR u l-Unjoni Ewropea f’Ġunju 1999 f’Rio de Janeiro li jagħtu prijorità mġedda lir-relazzjonijiet tagħhom fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, kummerċjali, kulturali u ta’ kooperazzjoni, bl-għan li tinbena sħubija aktar profonda u sħiħa bejn iż-żewġ reġjuni, li jenħtieġ li tkun ibbażata fuq id-demokrazija, l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir ekonomiku mal-ġustizzja soċjali;
FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom li jkomplu jsaħħu, jilliberalizzaw u jiddiversifikaw ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment tagħhom;
FILWAQT LI JISTENNEW B’ĦERQA, f’dan il-kuntest, li jżidu r-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment tagħhom permezz tal-istabbiliment ta’ żona ta’ kummerċ ħieles f’konformità mal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 u r-regoli tad-WTO;
FILWAQT LI LESTI li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet, fuq il-bażi ta’ djalogu miftuħ u permanenti fl-oqsma kollha ta’ interess reċiproku, b’mod partikolari fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, kummerċjali, finanzjarji, legali u ġudizzjarji, tal-libertà u tas-sigurtà, xjentifiċi u teknoloġiċi, soċjali u kulturali;
FILWAQT LI KONXJI mill-importanza tal-involviment tas-soċjetà ċivili fil-kuntest tas-sħubija bejn il-Partijiet;
FILWAQT LI KONXJI, li, sabiex tiġi intensifikata r-relazzjoni tagħhom fl-oqsma kollha ta’ interess komuni, hu essenzjali li d-djalogu politiku eżistenti bejn il-Partijiet jittieħed għal stadju ġdid;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-esperjenzi speċifiċi ta’ integrazzjoni reġjonali tal-Partijiet, li minnhom jistgħu jibbenefikaw reċiprokament skont il-ħtiġijiet tagħhom stess;
FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-importanza tal-prinċipji u l-valuri kondiviżi tagħhom fil-qasam tal-iżvilupp soċjali;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza tad-djalogu kulturali bħala mezz biex jinkiseb fehim reċiproku aħjar bejn il-Partijiet, biex tiġi promossa d-diversità kulturali u biex jitrawmu rabtiet kulturali bejn iċ-ċittadini tagħhom;
FILWAQT LI JINNOTAW li, fil-każ li l-Partijiet jiddeċiedu, fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, li jidħlu fi ftehimiet speċifiċi fl-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja li jistgħu jiġu konklużi mill-Unjoni Ewropea skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehimiet futuri ma jkunux jorbtu lill-Irlanda sakemm l-Unjoni Ewropea, simultanjament mal-Irlanda fir-rigward tar-relazzjonijiet bilaterali preċedenti rispettivi tagħha, ma tinnotifikax lill-MERCOSUR li l-Irlanda ntrabtet b’tali ftehimiet bħala parti mill-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; filwaqt li jinnutaw li kwalunkwe miżura interna sussegwenti tal-Unjoni Ewropea li tista’ tiġi adottata skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex timplimenta dan il-Ftehim ma torbotx lill-Irlanda, sakemm ma tkunx innotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem f’tali miżuri jew taċċettahom f’konformità mal-Protokoll Nru 21; filwaqt li jinnutaw ukoll li tali ftehimiet futuri jew miżuri interni sussegwenti tal-Unjoni Ewropea jaqgħu taħt il-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
Filwaqt LI JIRRIKONOXXU d-differenzi fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali bejn u fi ħdan il-Partijiet;
FTIEHMU KIF ĠEJ:
PARTI I
PRINĊIPJI ĠENERALI U QAFAS ISTITUZZJONALI
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET INIZJALI
ARTIKOLU 1.1
Definizzjonijiet ġenerali
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:
(a)
“Ftehim Qafas ta’ Kooperazzjoni Interreġjonali tal-1995” tfisser il-Ftehim Qafas dwar il-Koperazzjoni Interreġjonali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar u l-Istati Parti tiegħu, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Madrid fil-15 ta’ Diċembru 1995;
(b)
“Ftehim Kummerċjali Interim” tfisser il-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra, li għandu jiġi konkluż;
(c)
“SMEs” tfisser intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jinkludu intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u l-intraprendituri;
(d)
“pajjiż terz” tfisser pajjiż jew territorju barra mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan il-Ftehim;
(e)
“UNCLOS” tfisser il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (United Nations Convention on the Law of the Sea), magħmula f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982; u
(f)
“WTO” tfisser l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
ARTIKOLU 1.2
Prinċipji ġenerali
1.
Ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif stipulati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem li huma parti fihom, kif ukoll għall-prinċipji tal-istat tad-dritt, jirfed il-politiki domestiċi u internazzjonali tal-Partijiet u jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.
2.
Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn qawwi tagħhom għall-prinċipji u l-objettivi kondiviżi kif espressi fil-Karta tan-NU. Il-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, kif ukoll id-distribuzzjoni ekwa tal-benefiċċji ta’ dan il-Ftehim, huma fost il-prinċipji gwida għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
3.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid ir-rabta tagħhom mal-prinċipji ta’ governanza tajba, inklużi prinċipji bħat-trasparenza governattiva u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, gvern etiku u responsabbli, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi.
ARTIKOLU 1.3
Kamp ta’ Applikazzjoni
Dan il-Ftehim jistabbilixxi sħubija bejn il-Partijiet ibbażata fuq valuri kondiviżi, inklużi r-reċiproċità, u l-interess komuni. Hu għandu jsaħħaħ is-sħubija bejn il-Parti tal-UE u l-Parti tal-MERCOSUR u jwassal għal relazzjoni strateġika fl-oqsma politiċi, ta’ kooperazzjoni u kummerċjali, kif ukoll f’oqsma oħra li għandu jkun hemm ftehim dwarhom.
ARTIKOLU 1.4
Objettivi ġenerali
Dan il-Ftehim jipprevedi:
(a)
qafas istituzzjonali li jifforma l-bażi tas-sħubija;
(b)
it-tisħiħ tad-djalogu politiku permezz ta’ mekkaniżmi istituzzjonali ġodda;
(c)
il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet bl-għan li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi ġenerali ta’ dan il-Ftehim billi jieħdu vantaġġ mill-istrumenti ta’ kooperazzjoni innovattivi eżistenti jew futuri li huma kapaċi jipprovdu valur miżjud lir-relazzjoni; u
(d)
l-espansjoni u d-diversifikazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali bireġjonali tal-Partijiet u l-objettivi u d-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Parti III ta’ dan il-Ftehim, li jenħtieġ li jikkontribwixxu għal tkabbir ekonomiku ogħla, it-titjib gradwali tal-kwalità tal-ħajja fiż-żewġ reġjuni u għall-integrazzjoni aħjar taż-żewġ reġjuni fl-ekonomija dinjija.
KAPITOLU 2
QAFAS ISTITUZZJONALI
ARTIKOLU 2.1
Summit
1.
L-ogħla livell ta’ djalogu politiku u ta’ politika bejn il-Parti tal-UE u Parti tal-MERCOSUR għandu jkun fil-livell ta’ Summit. Is-Summits għandhom isiru kif meħtieġ u kif miftiehem b’mod reċiproku.
2.
Is-Summits għandhom jipprovdu l-opportunità biex jiġi evalwat il-progress fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, jistabbilixxu l-objettivi għall-evoluzzjoni futura tiegħu u jiddiskutu suġġetti oħra ta’ interess komuni.
ARTIKOLU 2.2
Kunsill Konġunt
1.
B’dan qed jiġi stabbilit Kunsill Konġunt biex jissorvelja t-twettiq tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim u jissorvelja l-implimentazzjoni tiegħu. Il-Kunsill Konġunt għandu jindirizza l-kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim u għandu jeżamina kwalunkwe kwistjoni ewlenija li tinqala’ fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll kwistjonijiet interreġjonali, multilaterali jew internazzjonali ta’ interess komuni.
2.
Il-Kunsill Konġunt għandu jiltaqa’ fil-livell ministerjali f’intervalli regolari, mill-inqas fuq bażi biennali jew fuq bażi ad hoc kif miftiehem reċiprokament. Jista’ jiltaqa’ wkoll permezz ta’ telekonferenza, vidjokonferenza jew b’mezzi oħra, kif miftiehem b’mod reċiproku mill-Partijiet.
3.
Il-Kunsill Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ kull waħda mill-Partijiet fil-livell ministerjali, f’konformità mal-arranġamenti interni rispettivi tal-Partijiet u filwaqt li jitqiesu l-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati. Il-Kunsill Konġunt għandu jiltaqa’ fil-konfigurazzjonijiet kollha meħtieġa, bi ftehim reċiproku.
4.
Meta l-Kunsill Konġunt jindirizza kwalunkwe kwistjoni relatata mal-Parti III ta’ dan il-Ftehim, għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ kull waħda mill-Partijiet b’responsabbiltà għal kwistjonijiet relatati mal-kummerċ (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ”).
5.
Il-Kunsill Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess u r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt.
6.
Il-Kunsill Konġunt għandu jkun kopresedut minn rappreżentant wieħed tal-Parti tal-UE u rappreżentant wieħed tal-Parti tal-MERCOSUR f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tiegħu filwaqt li jitqiesu l-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati fi kwalunkwe sessjoni partikolari.
7.
Il-Kunsill Konġunt għandu jeżamina l-proposti u r-rakkomandazzjonijiet u jkollu s-setgħa li jieħu d-deċiżjonijiet, inkluż dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet, u jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa kif previst f’dan il-Ftehim. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu adottati bi ftehim bejn il-Partijiet u skont ir-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill Konġunt. Id-deċiżjonijiet għandhom jorbtu lill-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom, sabiex jimplimentawhom. Fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Parti II ta’ dan il-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jkollu wkoll is-setgħa li jieħu d-deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet kif miftiehem b’mod reċiproku mill-Partijiet.
8.
Il-Kunsill Konġunt jista’ jiddelega lill-Kumitat Konġunt kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet tiegħu, inkluża s-setgħa li jieħu d-deċiżjonijiet, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill Konġunt.
ARTIKOLU 2.3
Kumitat Konġunt
1.
B’dan hu stabbilit Kumitat Konġunt.
2.
Il-Kumitat Konġunt għandu jassisti lill-Kunsill Konġunt fil-qadi ta’ dmirijietu.
3.
Il-Kumitat Konġunt għandu jħejji l-laqgħat tal-Kunsill Konġunt u għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni korretta ta’ dan il-Ftehim.
4.
Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ kull waħda mill-Partijiet fil-livell uffiċjali għoli jew kif indikat mod ieħor mill-Partijiet f’konformità mal-arranġamenti interni tagħhom u filwaqt li jitqiesu l-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati fi kwalunkwe sessjoni partikolari.
5.
Meta l-Kumitat Konġunt jindirizza kwalunkwe kwistjoni relatata mal-Parti III ta’ dan il-Ftehim, għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ kull waħda mill-Partijiet b’responsabbiltà għal kwistjonijiet relatati mal-kummerċ (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ”).
6.
Meta l-Kumitat Konġunt jindirizza kwalunkwe kwistjoni relatata mal-Parti II ta’ dan il-Ftehim, għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ kull waħda mill-Partijiet b’responsabbiltà għal dawk il-kwistjonijiet, f’konformità mal-arranġamenti interni rispettivi tal-Partijiet.
7.
Il-Kumitat Konġunt għandu jkollu s-setgħa li jieħu d-deċiżjonijiet kif previst f’dan il-Ftehim jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill Konġunt. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet. Meta jeżerċita setgħat delegati, il-Kumitat Konġunt għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill Konġunt.
8.
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi fil-Kapitolu 29, kwalunkwe Parti tista’ tirreferi kwalunkwe kwistjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-Ftehim lill-Kumitat Konġunt.
9.
Il-Kumitat Konġunt għandu jkun kopresedut minn rappreżentant wieħed tal-Parti tal-MERCOSUR u rappreżentant wieħed tal-Parti tal-UE filwaqt li jitqiesu l-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati fi kwalunkwe sessjoni partikolari.
10.
Il-Kumitat Konġunt ġeneralment għandu jiltaqa’ darba fis-sena biex jirrevedi l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, f’data u b’aġenda miftiehma minn qabel mill-Partijiet, alternattivament fi Brussell u fi Stat firmatarju tal-MERCOSUR. Jistgħu jissejħu wkoll laqgħat addizzjonali bi ftehim reċiproku, fuq talba jew tal-Parti tal-UE jew tal-MERCOSUR. Jista’ jiltaqa’ wkoll permezz ta’ telekonferenza, vidjokonferenza jew b’mezzi oħra, kif miftiehem b’mod reċiproku mill-Partijiet.
ARTIKOLU 2.4
Sottokumitati u korpi oħrajn
1.
Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati jew korpi oħrajn biex jassistuh fl-eżerċitar tal-funzjonijiet tiegħu u biex jindirizzaw kompiti jew suġġetti speċifiċi. Hu jista’ jiddeċiedi li jbiddel il-kompiti assenjati lil, jew ixolji, kwalunkwe sottokumitat jew struttura oħra stabbilita għal dawk il-finijiet.
2.
Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta regoli ta’ proċedura li jiddeterminaw il-kompożizzjoni, id-dmirijiet u l-funzjonament tas-sottokumitati u korpi oħra.
3.
Il-ħolqien jew l-eżistenza ta’ kwalunkwe sottokumitat ma għandhiex tipprevjeni lill-Partijiet milli jressqu kwalunkwe kwistjoni direttament quddiem il-Kumitat Konġunt.
4.
Ħlief fejn previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, is-sottokumitati u korpi oħra stabbiliti b’dan il-Ftehim jew mill-Kumitat Konġunt għandhom jirrapportaw dwar l-attivitajiet tagħhom lill-Kumitat Konġunt regolarment jew meta jintalbu jagħmlu hekk.
5.
Is-Sottokumitati li jindirizzaw il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, li huma stabbiliti skont l-Artikolu 9.9(4) għandhom ikunu rregolati mill-Artikolu 9.9 u għandhom jirrapportaw lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ.
6.
B’dan qed jiġi stabbilit Sottokumitat għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp biex jippromwovi, jikkoordina u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni fl-oqsma msemmija fil-Parti II ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll is-segwitu, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ dawk l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni. Hu għandu jassisti lill-Kumitat Konġunt fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu rigward dawn il-kwistjonijiet.
ARTIKOLU 2.5
Kumitat Parlamentari Konġunt
1.
B’dan qed jiġi stabbilit Kumitat Parlamentari Konġunt biex irawwem relazzjonijiet aktar mill-qrib u jiżgura djalogu regolari bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-MERCOSUR.
2.
Il-Kumitat Parlamentari Konġunt għandu jikkonsisti minn membri tal-Parlament Ewropew, minn naħa waħda, u minn membri tal-Parlament tal-MERCOSUR min-naħa l-oħra. Għandu jiltaqa’ f’intervalli li jiddetermina hu stess.
3.
Il-Kumitat Parlamentari Konġunt għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.
4.
Il-Kumitat Parlamentari Konġunt għandu jkun ippresedut mill-Parlament Ewropew u mill-Parlament tal-MERCOSUR.
5.
Il-Kumitat Parlamentari Konġunt se jinżamm infurmat dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
6.
Il-Kumitat Parlamentari Konġunt jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill Konġunt.
ARTIKOLU 2.6
Relazzjoni mas-soċjetà ċivili
1.
Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jippromwovu konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili permezz tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmu xieraq ta’ konsultazzjoni u l-promozzjoni tal-interazzjoni bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tagħhom.
2.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu djalogu bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għall-Unjoni Ewropea u l-Forum Konsultattiv Soċjali u Ekonomiku, għall-MERCOSUR u jinkoraġġixxu l-kontribut tagħhom għall-mekkaniżmi stabbiliti fl-Artikoli 2.7 u 2.8.
ARTIKOLU 2.7
Gruppi Konsultattivi Domestiċi
1.
Il-Parti tal-UE u l-Parti tal-MERCOSUR għandhom jaħtru Grupp Konsultattiv Domestiku, stabbilit f’konformità mal-arranġamenti interni ta’ kull Parti, biex jagħti pariri lill-Parti kkonċernata dwar kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim. Dan għandu jkun kompost minn rappreżentanza bbilanċjata ta’ organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tan-negozju u tal-impjegaturi u trade unions attivi fi kwistjonijiet ekonomiċi, tal-iżvilupp, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem, ambjentali u oħrajn.
2.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu djalogu regolari mal-Grupp Konsultattiv Domestiku tagħhom u għandhom jikkunsidraw il-fehmiet jew ir-rakkomandazzjonijiet sottomessi mill-Grupp Konsultattiv Domestiku rispettiv tagħhom dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
3.
Sabiex tiġi promossa s-sensibilizzazzjoni pubblika tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi, il-Parti tal-UE u l-Parti tal-MERCOSUR, kull waħda minnhom, għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-lista tal-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fil-konsultazzjonijiet kif ukoll il-punt ta’ kuntatt għal dak il-grupp.
ARTIKOLU 2.8
Forum tas-Soċjetà Ċivili
1.
Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw l-organizzazzjoni ta’ Forum tas-Soċjetà Ċivili, biex imexxi djalogu pubbliku dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandhom jaqblu fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill Konġunt dwar linji gwida operattivi għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili.
2.
Il-Partijiet jistgħu jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili b’mezzi virtwali.
3.
Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili stabbiliti fit-territorji jew tal-Parti tal-UE jew tal-Parti tal-MERCOSUR, inklużi membri tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi msemmija fl-Artikolu 2.7. Il-Partijiet għandhom jippromwovu rappreżentanza bbilanċjata, inklużi, organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tan-negozju u tal-impjegaturi u trade unions attivi fi kwistjonijiet ekonomiċi, tal-iżvilupp, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem, ambjentali u oħrajn.
4.
Ir-rappreżentanti tal-Partijiet li jipparteċipaw fil-Kunsill Konġunt jew fil-Kumitat Konġunt, kif xieraq, għandhom jieħdu sehem f’sessjoni tal-laqgħa tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili sabiex jippreżentaw informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim u jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-Forum tas-Soċjetà Ċivili.
KAPITOLU 3
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
ARTIKOLU 3.1
Klawżola ta’ sigurtà
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala:
(a)
li jirrikjedi li Parti tagħti jew tippermetti l-aċċess għal informazzjoni li hija tqis li d-divulgazzjoni tagħha tmur kontra l-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha; jew
(b)
li jwaqqaf lil Parti milli tieħu azzjoni li tikkunsidra neċessarja biex tipproteġi l-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha:
(i)
li tkun marbuta mal-produzzjoni jew mat-traffikar ta’ armi, munizzjon u strumenti tal-gwerra u ma’ tali traffikar u tranżazzjonijiet mwettqin f’merkanzija u f’materjali oħrajn, servizzi u teknoloġija, u ma’ attivitajiet ekonomiċi mwettqin, direttament jew indirettament għall-fini ta’ provvista lil stabbiliment militari;
(ii)
meħuda fi żmien ta’ gwerra jew emerġenza oħra fir-relazzjonijiet internazzjonali; jew
(iii)
li jkollha x’taqsam ma’ materjali fissjonabbli u fużjonabbli jew materjali meħuda minnhom; jew
(c)
li jżomm lil xi Parti milli tieħu kwalunkwe azzjoni sabiex twettaq l-obbligi internazzjonali tagħha skont il-Karta tan-NU għall-fini taż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali.
ARTIKOLU 3.2
Ftehimiet oħrajn
1.
Il-Ftehim Qafas ta’ Kooperazzjoni Interreġjonali tal-1995 ma għandux jibqa’ jkollu effett u jiġi sostitwit b’dan il-Ftehim mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
2.
Dan il-Ftehim jissostitwixxi l-Ftehim Qafas ta’ Kooperazzjoni Interreġjonali tal-1995. Ir-referenzi għall-Ftehim Qafas ta’ Kooperazzjoni Interreġjonali tal-1995 fil-ftehimiet l-oħra kollha bejn il-Partijiet għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan il-Ftehim.
3.
Il-Ftehim Kummerċjali Interim ma għandux jibqa’ jkollu effett u jiġi ssostitwit b’dan il-Ftehim mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Ir-referenzi għall-Ftehim Kummerċjali Interim fil-ftehimiet l-oħra kollha bejn il-Partijiet għandhom jinftiehmu li qed jirreferu għal dan il-Ftehim.
4.
Mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, kwalunkwe deċiżjoni adottata mill-Kunsill tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali Interim għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill Konġunt stabbilit mill-Artikolu 2.2 ta’ dan il-Ftehim. Kwalunkwe deċiżjoni adottata mill-Kumitat tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali Interim għandha titqies li ġiet adottata mill-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Artikolu 2.3 ta’ dan il-Ftehim.
5.
Minkejja l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu:
(a)
il-miżuri temporanji adottati skont l-Artikoli 11.4 u 11.5 tal-Ftehim Kummerċjali Interim, li huma fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, għandhom jibqgħu applikabbli sal-iskadenza naturali tagħhom;
(b)
il-miżuri ta’ salvagwardja bilaterali adottati skont il-Kapitolu 9, it-Taqsima C tal-Ftehim Kummerċjali Interim, fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, għandhom jibqgħu applikabbli sal-iskadenza naturali tagħhom;
(c)
il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim li jkunu diġà nbdew skont l-Artikoli 21.7 u 18.17 tal-Ftehim Kummerċjali Interim għandhom, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, jitqiesu bħala tilwima skont dan il-Ftehim u għandhom ikomplu sat-tlestija tagħhom; u
(d)
l-eżitu vinkolanti ta’ kwalunkwe proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim li nbdiet skont l-Artikoli 21.7 u 18.17 tal-Ftehim Kummerċjali Interim għandu jibqa’ vinkolanti fuq il-Partijiet wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
6.
Il-Partijiet ma għandhomx ikunu jistgħu jressqu proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim skont dan il-Ftehim dwar kwistjonijiet li kienu s-suġġett ta’ rapport finali tal-bord skont il-Kapitolu 18 u deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 21 tal-Ftehim Kummerċjali Interim.
7.
Il-perjodi ta’ tranżizzjoni li jkunu diġà għaddew kompletament jew parzjalment skont il-Ftehim Kummerċjali Interim għandhom jitqiesu meta jiġu kkalkolati l-perjodi ta’ tranżizzjoni previsti f’dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ dan il-Ftehim. Tali perjodi ta’ tranżizzjoni skont dan il-Ftehim għandhom jiġu kkalkolati mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Kummerċjali Interim.
Il-perjodi proċedurali li jkunu diġà għaddew kompletament jew parzjalment skont il-Ftehim Kummerċjali Interim għandhom jitqiesu meta jiġu kkalkolati l-perjodi proċedurali previsti f’dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ dan il-Ftehim.
8.
Il-Partijiet jistgħu jikkomplementaw dan il-Ftehim billi jikkonkludu ftehimiet speċifiċi fi kwalunkwe qasam ta’ kooperazzjoni li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Tali ftehimiet speċifiċi jistgħu jipprovdu li għandhom jifformaw parti integrali mir-relazzjonijiet interreġjonali ġenerali kif regolati minn dan il-Ftehim u għandhom ikunu soġġetti għal qafas istituzzjonali komuni.
ARTIKOLU 3.3
Applikazzjoni territorjali
1.
Dan il-Ftehim għandu japplika:
(a)
għat-territorji li fihom huma applikabbli t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk it-Trattati; u
(b)
għat-territorji tar-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj.
2.
Ir-referenzi għal “territorju” f’dan il-Ftehim jinkludu l-ispazju tal-ajru u l-baħar territorjali kif previst fl-UNCLOS.
3.
Ir-referenzi għal territorju f’dan il-Ftehim għandhom jinftiehmu f’dan is-sens, ħlief fejn previst espressament mod ieħor.
4.
Fir-rigward ta’ dawk id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-trattament tariffarju tal-merkanzija, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-faċilitazzjoni doganali u kummerċjali, l-assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali u r-regoli tal-oriġini, kif ukoll is-sospensjoni temporanja ta’ dan it-trattament, dan il-Ftehim għandu japplika wkoll għal dawk iż-żoni tat-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, mhux koperti minn il-punt 1(a) ta’ dan l-Artikolu.
PARTI II
DJALOGU POLITIKU U KOOPERAZZJONI
KAPITOLU 4
OBJETTIVI TAD-DJALOGU POLITIKU U L-KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI
ARTIKOLU 4.1
Objettivi tad-djalogu politiku
1.
Il-Partijiet jaqblu li d-dimensjoni politika hija parti essenzjali tas-sħubija stabbilita b’dan il-Ftehim u għandhom isaħħu u japprofondixxu d-djalogu politiku regolari bejn il-Partijiet. Il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu aġenda politika, jikkooperaw f’oqsma ta’ interess komuni u jagħmlu sforzi biex jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom sabiex jieħdu inizjattivi konġunti fil-fora internazzjonali xierqa.
2.
Id-djalogu politiku bejn il-Partijiet għandu jkollu l-għan li:
(a)
isaħħaħ ir-rabtiet tagħhom sabiex jikkontribwixxu għall-paċi, l-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità u jikkonsolidaw is-sħubija strateġika tagħhom;
(b)
jippromwovi l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, id-diplomazija preventiva, il-miżuri għall-bini tal-fiduċja u r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ azzjonijiet konġunti biex tissaħħaħ is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti (minn hawn ’il quddiem imsejħa “NU”) u l-multilateraliżmu;
(c)
isaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
(d)
jippromwovi l-iżvilupp uman u soċjali, filwaqt li jafferma mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli, kif espress permezz tal-adozzjoni tal-Aġenda 2030. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jimplimentaw u jiksbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (minn hawn ’il quddiem imsejħa “SDGs”, Sustainable Development Goals), filwaqt li jirrikonoxxu li n-natura wiesgħa u ambizzjuża tagħhom titlob azzjoni urġenti, segwitu u rieżami;
(e)
jippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u r-rispett għad-drittijiet kollha tan-nisa u tal-bniet, filwaqt li jenfasizza l-perspettiva tal-ġeneru, u jindirizza d-diskriminazzjoni u l-vjolenza bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali, f’konformità mad-dritt intern ta’ kull Parti;
(f)
jikkontribwixxi għad-diżarm u n-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom, f’konformità sħiħa mal-obbligi internazzjonali rispettivi tal-Partijiet u fl-iżgurar tal-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom;
(g)
isaħħaħ il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranzi relatati;
(h)
jiżviluppa azzjonijiet konġunti għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, it-traffiku illegali tal-armi, it-traffikar tad-droga u reati relatati, iċ-ċiberkriminalità u forom oħra ta’ kriminalità organizzata transnazzjonali;
(i)
jippromwovi u jiżviluppa azzjonijiet konġunti biex jinqered l-abbuż sesswali tat-tfal, inklużi l-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ materjal ta’ abbuż tat-tfal u l-ġlieda kontra d-delinkwenti sesswali li jivvjaġġaw;
(j)
isaħħaħ il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u, fil-prevenzjoni tal-użu tas-sistemi finanzjarji tagħhom għall-ħasil tar-rikavat minn attivitajiet kriminali u għall-finanzjament tat-terroriżmu, u fl-identifikazzjoni, l-irkupru u r-ritorn ta’ assi illeċiti;
(k)
jaġixxi kontra l-impunità għall-aktar reati serji skont id-dritt internazzjonali li jikkonċernaw il-komunità internazzjonali;
(l)
isaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u t-trażżin ta’ atti ta’ terroriżmu, f’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR huma parti fihom, ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU u l-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet;
(m)
jiskambja fehmiet u jtejjeb id-djalogu dwar kwistjonijiet tat-taxxa internazzjonali, inklużi l-istandards globali u t-trasparenza;
(n)
jaġixxi favur l-integrazzjoni reġjonali rispettiva tagħhom, meqjusa bħala wieħed mill-mezzi biex jinkiseb żvilupp sostenibbli, kif ukoll strument għall-integrazzjoni kompetittiva fl-ekonomija dinjija;
(o)
jiżviluppa fehim reċiproku u jippromwovi kunsens dwar kwistjonijiet interreġjonali u internazzjonali, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni f’fora multilaterali u l-iżvilupp ta’ inizjattivi konġunti;
(p)
jiżviluppa azzjonijiet konġunti biex isaħħaħ is-sistema tan-NU u l-multilateraliżmu biex l-aktar sfidi importanti attwali u futuri jiġu ffaċċjati b’mod effettiv, effiċjenti u rapidu;
(q)
jibni koordinazzjoni politika wiesgħa fil-livell internazzjonali biex jappoġġa u jsaħħaħ il-proċessi multilaterali, trasparenti u demokratiċi b’diversi partijiet ikkonċernati għall-governanza tal-internet, bl-involviment tal-gvernijiet, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-komunitajiet tekniċi u akkademiċi, u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha, f’konformità mar-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom;
(r)
jiddiskuti kwistjonijiet legali u ġudizzjarji ta’ interess reċiproku; u
(s)
jindirizza suġġetti oħrajn kif miftiehem b’mod konġunt mill-Partijiet.
ARTIKOLU 4.2
Objettivi ta’ kooperazzjoni internazzjonali u żvilupp
1.
Il-Partijiet, filwaqt li jaffermaw mill-ġdid il-ħtieġa li jsaħħu s-sħubija tagħhom, jenfasizzaw l-importanza tal-kooperazzjoni u l-iżvilupp internazzjonali u jaqblu li l-kooperazzjoni interreġjonali u l-modalitajiet tagħha għandu jkollhom bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħhom li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
2.
Il-Partijiet għandhom iwettqu proġetti ta’ kooperazzjoni u attivitajiet konġunti permezz tal-istrumenti u l-metodoloġiji eżistenti u futuri kollha u l-mezzi disponibbli, inkluża l-kooperazzjoni trijangolari. Din il-kooperazzjoni tista’ tinkludi, fost oħrajn:
(a)
il-promozzjoni tal-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji fost l-oħrajn permezz tal-ingranaġġ ta’ għotjiet u self biex jinkisbu riżultati ta’ żvilupp sostenibbli;
(b)
l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità permezz ta’ korsijiet ta’ taħriġ, ta’ workshops u seminars u tal-iskambju ta’ esperti, studji, riċerka konġunta u prattiki tajba;
(c)
il-promozzjoni tal-għarfien istituzzjonali fiż-żewġ reġjuni permezz ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni;
(d)
il-promozzjoni tal-finanzjament għall-iżvilupp permezz tal-istrumenti kollha disponibbli għal kull Parti u forom oħra ta’ mekkaniżmi finanzjarji innovattivi;
(e)
il-promozzjoni tal-aċċess għal teknoloġiji innovattivi, kif ukoll it-titjib tal-kapaċitajiet nazzjonali;
(f)
l-iżvilupp ta’ azzjonijiet speċifiċi għat-tnaqqis tal-faqar, il-ġlieda kontra l-ġuħ u l-promozzjoni tal-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali;
(g)
il-konsolidazzjoni tan-networks u l-pjattaformi ta’ kooperazzjoni reġjonali eżistenti, u
(h)
il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet tal-Partijiet.
3.
Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, fi sħubija mill-qrib mal-Bank Ewropew tal-Investiment, l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u l-istituzzjonijiet mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR, kif ukoll l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u reġjonali.
ARTIKOLU 4.3
Riżorsi
1.
Bl-għan li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ta’ kooperazzjoni stabbilita f’dan il-Ftehim, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jipprovdu, fil-limiti tal-kapaċitajiet tagħhom u permezz tal-kanali tagħhom stess, ir-riżorsi xierqa, inklużi r-riżorsi finanzjarji, u jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati relatati mal-iżvilupp fiż-żewġ reġjuni biex jikkooperaw b’mod attiv għal dak l-għan.
2.
Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lill-Bank Ewropew tal-Investiment u istituzzjonijiet finanzjarji oħra biex ikomplu l-operazzjonijiet tagħhom fl-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR, f’konformità mal-proċeduri u l-kriterji ta’ finanzjament tagħhom, skont il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom.
KAPITOLU 5
KOOPERAZZJONI DWAR IL-PRINĊIPJI DEMOKRATIĊI,
DRITTIJIET TAL-BNIEDEM, STAT TAD-DRITT
U PAĊI U SIGURTÀ INTERNAZZJONALI
ARTIKOLU 5.1
Kooperazzjoni dwar il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt
1.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u dwar it-tisħiħ tal-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt.
2.
Tali kooperazzjoni tista’ tinkludi:
(a)
l-implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li huma Partijiet għalihom, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-Korpi tat-Trattat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Eżami Perjodiku Universali;
(b)
l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki nazzjonali u fil-pjanijiet ta’ żvilupp;
(c)
it-tisħiħ tal-kapaċità li jiġu applikati l-prinċipji u l-prattiki demokratiċi;
(d)
l-iskambju ta’ prattiki tajba dwar pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;
(e)
is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-kultura tal-paċi;
(f)
it-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet demokratiċi u ta’ dawk relatati mad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll tal-oqfsa legali u istituzzjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
(g)
l-iżvilupp ta’ inizjattivi konġunti ta’ interess reċiproku fil-qafas ta’ istituzzjonijiet rilevanti tan-NU relatati mad-drittijiet tal-bniedem u fora multilaterali;
(h)
il-promozzjoni tad-demokrazija, id-dritt internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, inkluż f’fora multilaterali;
(i)
il-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni, inkluż f’pajjiżi terzi, fejn xieraq, fir-rigward tal-avvanz prattiku tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet politiċi u l-libertajiet fundamentali, inkluż it-tisħiħ ta’ proċessi elettorali trasparenti, kredibbli u inklużivi f’konformità mal-istandards internazzjonali;
(j)
it-tisħiħ ta’ governanza tajba fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, inklużi r-responsabbiltà u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet, l-appoġġ għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-involviment tas-soċjetà ċivili, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; u
(k)
il-promozzjoni tal-prevenzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u kwalunkwe delitt ieħor taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.
ARTIKOLU 5.2
Ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nisa, il-paċi u s-sigurtà
1.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet kollha. Huma jirrikonoxxu l-ħtieġa tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet bħala prekundizzjoni biex l-iżvilupp inklużiv, id-demokrazija u s-sigurtà jinkisbu bis-sħiħ. Il-Partijiet għandhom jesploraw aktar skemi ta’ kooperazzjoni u sinerġiji potenzjali bejn il-politiki u l-inizjattivi rispettivi, f’konformità mal-istandards u l-impenji internazzjonali bħall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW, Convention on the Elimination of All Forms of Discrimination against Women), l-Aġenda 2030 u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSCR, UN Security Council Resolution) 1325 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà.
2.
Tali kooperazzjoni tista’ tinkludi:
(a)
it-trawwim tal-integrazzjoni effettiva tal-perspettiva tal-ġeneri;
(b)
il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni politika u t-tmexxija tan-nisa, l-aċċess tan-nisa għal edukazzjoni ta’ kwalità, it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u l-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-forza tax-xogħol;
(c)
it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali biex jindirizzaw u jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-vjolenza kontra n-nisa, inklużi l-prevenzjoni tal-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru u l-protezzjoni minnha, mekkaniżmi ta’ investigazzjoni u responsabbiltà, appoġġ għall-vittmi u l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ sikurezza u sigurtà għan-nisa u l-bniet;
(d)
it-tisħiħ attiv tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, inklużi l-libertà mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u kwalunkwe tip ta’ vjolenza kontra n-nisa, u l-aċċess tan-nisa għall-ġustizzja;
(e)
l-appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-UNSCR 1325; u
(f)
it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-korpi rilevanti tan-NU u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn.
ARTIKOLU 5.3
Armi ta' qerda massiva
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol ċentrali tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, magħmul f’Londra fl-1 ta’ Lulju 1968, u t-tliet pilastri ugwalment importanti u rinforzanti tiegħu: id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari.
2.
Il-Partijiet jikkunsidraw li l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva (minn hawn ’il quddiem imsejħa “AQM”) u l-mezzi biex dawn jiġu kkonsenjati, kemm lil atturi Statali u kemm lil oħrajn li mhumiex Statali, hija waħda mill-aktar theddidiet serji fuq l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali. Għalhekk, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u tal-mezzi tal-konsenja tagħhom permezz ta’ konformità sħiħa mal-obbligi eżistenti tagħhom u skont it-trattati u l-ftehimiet internazzjonali dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni u obbligi internazzjonali oħrajn li huma rilevanti u permezz tal-implimentazzjoni nazzjonali ta’ dawn l-obbligi. Il-Partijiet jaqblu li dan il-paragrafu jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.
3.
Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi ta’ konsenja tagħhom billi:
(a)
jieħdu passi biex jiffirmaw, jirratifikaw, jew jaderixxu, kif meħtieġ, u jimplimentaw b’mod sħiħ l-istrumenti internazzjonali rilevanti l-oħrajn kollha; u
(b)
jistabbilixxu sistema effettiva ta’ kontrolli fuq l-esportazzjonijiet nazzjonali, li tikkontrolla l-esportazzjoni kif ukoll it-tranżitu tal-merkanzija relatata mal-AQM, inkluż il-kontroll tal-użu aħħari tal-AQM fuq it-teknoloġiji b'użu doppju, u li tinkludi sanzjonijiet effettivi għall-ksur tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni.
4.
Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogu politiku regolari sabiex jakkumpanja u jikkonsolida dawn l-elementi.
ARTIKOLU 5.4
Reati serji ta’ tħassib internazzjonali u l-Qorti Kriminali Internazzjonali
1.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li ma għandu jkun hemm l-ebda impunità għad-delitti l-aktar serji li huma ta' tħassib għall-komunità internazzjonali, bħar-reati li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u li dawn ir-reati jrid ikun hemm il-prosekuzzjoni tagħhom b’mezzi nazzjonali u internazzjonali, kif xieraq, f’konformità mal-prinċipju ta’ komplementarjetà.
2.
Il-Partijiet, filwaqt li jikkunsidraw li Qorti Kriminali Internazzjonali effettiva tikkostitwixxi żvilupp sinifikanti għall-paċi u l-ġustizzja internazzjonali, jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni tal-adeżjoni universali mal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, magħmul f’Ruma fis-17 ta’ Lulju 1998 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Istatut ta’ Ruma”), u għal dan l-għan:
(a)
ikomplu jieħdu passi biex jimplimentaw l-Istatut ta’ Ruma u l-emendi tiegħu, u biex jirratifikaw u jimplimentaw l-istrumenti relatati, bħall-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, adottat fi New York fid-9 ta’ Settembru 2002;
(b)
jikkondividu, fejn xieraq, l-esperjenza dwar l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mmirata lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Istatut ta’ Ruma; u
(c)
jieħdu miżuri għas-salvagwardja tal-integrità tal-Istatut ta’ Ruma.
ARTIKOLU 5.5
Armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u armi konvenzjonali oħra
1.
Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw u li jiżguraw il-koordinazzjoni u l-komplementarjetà u li jesploraw sinerġiji possibbli fl-isforzi tagħhom biex jirregolaw jew itejbu r-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali u biex jipprevjenu, jiġġieldu u jeqirdu l-kummerċ illeċitu tal-armi, fil-livell globali, reġjonali u subreġjonali.
2.
Fil-livell globali, il-Partijiet jenfasizzaw il-qafas uniku mogħti mit-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, adottat fi New York fit-2 ta’ April 2013 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ATT”, Arms Trade Treaty), sabiex tinkiseb din il-kooperazzjoni u l-komplementarjetà bejn is-sistemi ta’ kontroll nazzjonali għat-trasferimenti ta’ armi konvenzjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza. Huma jaqblu wkoll dwar l-importanza tal-promozzjoni tal-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tal-ATT mill-istati membri kollha tan-NU.
3.
Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illeċiti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u l-akkumulazzjoni eċċessiva tagħhom u t-tixrid mhux ikkontrollat tagħhom f’ħafna reġjuni tad-dinja għandhom firxa wiesgħa ta’ konsegwenzi umanitarji u soċjoekonomiċi u huma ta’ theddida serja għall-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, is-sikurezza, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli fil-livell individwali, lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.
4.
Il-Partijiet jaqblu li jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi rispettivi tagħhom li jittrattaw il-kummerċ illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, inkluż il-munizzjon tagħhom, skont il-ftehimiet internazzjonali eżistenti li huma parti għalihom u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, kif ukoll l-impenji tagħhom fil-qafas ta’ strumenti internazzjonali oħra applikabbli f’dan il-qasam, bħall-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-prevenzjoni, il-ġlieda kontra u l-qerda tal-kummerċ illeċitu tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fl-aspetti kollha tiegħu.
5.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ sistemi ta’ kontroll domestiku għat-trasferiment ta’ armi konvenzjonali f’konformità ma’ standards internazzjonali eżistenti. Il-Partijiet jaqblu li japplikaw tali kontrolli b’mod responsabbli, bħala kontribut għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali u reġjonali, u għat-tnaqqis tat-tbatija umana, kif ukoll għall-prevenzjoni tad-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali.
ARTIKOLU 5.6
Kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu
1.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu, f’konformità mad-dritt internazzjonali, id-dritt dwar d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU u l-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom.
2.
Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u fejn ikun hemm interess konġunt jipprevjenu, jiġġieldu u jikkriminalizzaw l-atti kollha ta’ terroriżmu f’konformità mal-istrumenti tan-NU li huma partijiet għalihom.
3.
Il-Partijiet jaqblu li ma jipprovdux assistenza jew rifuġju lill-awturi jew l-instigaturi ta’ kwalunkwe tip ta’ attività terroristika, jew lil kwalunkwe parteċipant ieħor fiha, f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet 1373 (2001) u 1624 (2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Huma għandhom jikkooperaw b’mod partikolari:
(a)
fil-qafas tal-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999), 1373 (2001), 1624 (2005), 1904 (2009), 2178 (2014), 2253 (2015), 2322 (2016) u 2331 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u riżoluzzjonijiet u strumenti rilevanti oħra tan-NU u konvenzjonijiet u strumenti internazzjonali u reġjonali;
(b)
billi jippromwovu l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri tan-NU biex jimplimentaw b'mod effettiv l-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu;
(c)
bl-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju u d-dritt internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;
(d)
bl-iskambju ta’ fehmiet dwar il-mezzi u l-metodi użati għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluża l-kooperazzjoni f’oqsma tekniċi, u t-taħriġ, u bl-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba fir-rigward tal-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti li jwassal għat-terroriżmu, speċjalment fil-qafas tal-implimentazzjoni tat-taqsimiet I u IV tal-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu fir-rigward tal-prevenzjoni tat-terroriżmu; u
(e)
billi jindirizzaw il-kawżi strutturali li huma l-bażi tal-fenomenu tat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti.
ARTIKOLU 5.7
Kooperazzjoni dwar il-konsolidazzjoni tal-paċi u ż-żamma tal-paċi
1.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jikkooperaw fil-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali taħt il-patroċinju tan-NU.
2.
Fir-rigward tal-konsolidazzjoni tal-paċi u ż-żamma tal-paċi tan-NU, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogu dwar kwistjonijiet ta’ paċi u sigurtà bil-ħsieb li tinbeda kooperazzjoni fil-qasam tal-bini tal-kapaċità u l-iskambju tal-aħjar prattiki, fost l-oħrajn.
ARTIKOLU 5.8
Assistenza umanitarja u ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri
1.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn il-Qafas tan-NU fil-qasam tat-tnaqqis u r-rispons għar-riskju ta’ diżastri u jaqblu li jirrikonoxxu t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà u r-riskju u l-promozzjoni tar-reżiljenza bħala l-prijoritajiet tagħhom.
2.
Għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, il-Partijiet għandhom jesploraw il-possibbiltajiet li jikkoordinaw l-assistenza umanitarja u l-attivitajiet ta’ rispons għad-diżastri.
ARTIKOLU 5.9
Kooperazzjoni f'fora u organizzazzjonijiet multilaterali, reġjonali u internazzjonali
1.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-prinċipji tal-Karta tan-NU. Il-Partijiet jikkondividu impenn għall-multilateraliżmu u sforzi biex itejbu l-effettività ta’ fora u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, bħan-NU u l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji speċjalizzati tagħha, u fora multilaterali oħra.
2.
Il-Partijiet għandhom iżommu mekkaniżmi ta' konsultazzjoni effettivi dwar il-marġini ta’ fora multilaterali. Fin-NU, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni xierqa fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u fl-Uffiċċji tan-NU kif xieraq u miftiehem mill-Partijiet.
ARTIKOLU 5.10
Ċibersigurtà u teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ fehmiet fil-qasam taċ-ċibersigurtà, fir-rigward tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ICTs”, information and communication technologies), fil-kuntest tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, inkluż dwar in-normi, ir-regoli u l-prinċipji ta’ mġiba responsabbli tal-Istati, l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali għall-użu tal-ICTs, u l-iżvilupp ta’ miżuri għall-bini tal-fiduċja u l-bini tal-kapaċitajiet.
ARTIKOLU 5.11
Ċiberkriminalità
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu li ċ-ċiberkriminalità qed issir problema globali mifruxa li teħtieġ reazzjonijiet multilaterali, reġjonali u nazzjonali. Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni prattika, f’konformità mal-oqfsa legali u l-liġijiet rispettivi tagħhom, u mal-istrumenti internazzjonali applikabbli dwar iċ-ċiberkriminalità. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaħdmu flimkien fejn xieraq fl-iżvilupp ta’ liġijiet, politiki u prattiki effettivi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità kull fejn isseħħ.
2.
Il-Partijiet għandhom, kif xieraq fl-oqfsa legali rispettivi tagħhom, jiskambjaw informazzjoni inkluż fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-investigaturi taċ-ċiberkriminalità, it-twettiq ta’ investigazzjonijiet taċ-ċiberkriminalità u l-forensika diġitali.
KAPITOLU 6
KOOPERAZZJONI DWAR IL-ĠUSTIZZJA, IL-LIBERTÀ U S-SIGURTÀ
ARTIKOLU 6.1
Il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati
1.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza li jagħtu għat-trattament effettiv tal-flussi migratorji u jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni abbażi tal-prinċipju tas-sovranità nazzjonali, ir-responsabbiltà kondiviża u kwistjonijiet relatati bħall-kontribut ekonomiku, soċjali u kulturali potenzjali tal-migranti għall-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni.
2.
Il-Partijiet għandhom jiffokaw b’mod partikolari fuq:
(a)
il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni;
(b)
il-faċilitazzjoni tal-moviment taċ-ċittadini tagħhom bejn it-territorji tagħhom f’konformità mal-liġi applikabbli u l-kompetenzi rispettivi;
(c)
ir-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti kollha u l-familji tagħhom, kif ukoll miżuri kontra r-razziżmu u l-ksenofobija;
(d)
l-integrazzjoni ta’ perspettiva tal-ġeneru dwar il-migrazzjoni;
(e)
ir-riunifikazzjoni tal-familja, f’konformità mal-liġi applikabbli, inkluż id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
(f)
il-kooperazzjoni bireġjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar ta’ persuni, speċjalment it-tfal u l-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi n-nisa f’riskju, u għall-protezzjoni tal-vittmi, f’konformità mal-Konvenzjoni kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, adottata fi New York fil-15 ta’ Novembru 2000, u l-Protokolli Addizzjonali tagħha dwar it-Traffikar ta’ Persuni u l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti;
(g)
skambji regolari ta’ informazzjoni dwar miżuri leġiżlattivi u amministrattivi applikabbli għall-migranti u esperjenzi dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni;
(h)
kwistjonijiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-istrumenti internazzjonali rilevanti dwar il-protezzjoni tar-refuġjati u ta’ dawk li jfittxu l-ażil;
(i)
l-esplorazzjoni ta’ opportunitajiet għall-kooperazzjoni fil-livell reġjonali dwar ir-risistemazzjoni volontarja u forom oħra ta’ ammissjoni umanitarja tar-refuġjati, bħala parti mill-ilħuq ta’ soluzzjonijiet kollettivi għall-fenomenu globali li qed jikber ta’ movimenti kbar ta’ refuġjati; u
(j)
il-kooperazzjoni bireġjonali għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari.
3.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw migrazzjoni sikura, ordnata u regolari, jerġgħu jaċċettaw liċ-ċittadini tagħhom stess li joqogħdu b’mod irregolari fit-territorju tal-Parti l-oħra u jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Huma għandhom jikkooperaw ukoll dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, flimkien mal-kondiviżjoni ta’ data u statistika dwar il-migrazzjoni.
4.
Kull Stat Membru tal-UE u kull Stat Firmatarju tal-MERCOSUR għandu jdaħħal lura ċ-ċittadini tiegħu stess li jkunu qed joqogħdu b’mod irregolari fit-territorju tal-Parti l-oħra fuq talba ta’ din tal-aħħar. Għal dan l-għan għandhom jiġu pprovduti dokumenti tal-ivvjaġġar xierqa li jiżguraw ritorn effettiv. Il-Partijiet għandhom jiżguraw trattament sikur u dinjituż għall-migranti li jkunu qegħdin fil-pajjiż b’mod irregolari. Ir-ritorn ta’ persuni mhux ammessi għandu jiġi żgurat ukoll taħt kundizzjonijiet umani, dinjitużi u ġusti, f’konformità mal-liġi applikabbli, inklużi r-rimedji previsti fiha.
5.
Fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR individwalment u l-UE jew kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri individwalment għandhom jagħmlu ħilithom biex jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet speċifiċi, sabiex jiffaċilitaw aktar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ ċittadini li jkunu qed joqogħdu b’mod irregolari fit-territorju tal-Parti l-oħra li għandhom jiġu riammessi. Ftehimiet bħal dawn jindirizzaw ukoll ir-riammissjoni ta’ persuni li mhumiex ċittadini tagħhom iżda li għandhom awtorizzazzjoni ta’ residenza valida maħruġa minn waħda mill-Partijiet jew li daħlu fit-territorju ta’ Parti waħda li ġejjin direttament mit-territorju tal-Parti l-oħra.
6.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali fir-rigward tal-protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati, bl-għan li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tar-Refuġjati, magħmula f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju 1951, u tal-Protokoll tagħha tal-1967, u strumenti reġjonali u internazzjonali rilevanti oħra biex jiżguraw ir-rispett għall-prinċipju ta’ “non-refoulement”. Il-Partijiet għandhom jiffokaw b’mod partikolari fuq l-esplorazzjoni ta’ opportunitajiet għall-kooperazzjoni fil-livell reġjonali dwar ir-risistemazzjoni volontarja u forom oħra ta’ ammissjoni umanitarja tar-refuġjati, bħala parti mill-ilħuq ta’ soluzzjonijiet kollettivi għall-fenomenu globali li qed jikber ta’ movimenti kbar ta’ refuġjati;
ARTIKOLU 6.2
Kooperazzjoni legali u ġudizzjarja
1.
Il-Partijiet jaqblu li jiżviluppaw kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, b’mod partikolari fir-rigward tan-negozjar, ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet multilaterali dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili u, b’mod partikolari, il-Konvenzjonijiet tal-Konferenza ta’ The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fil-qasam tal-kooperazzjoni legali internazzjonali u l-litigazzjoni kif ukoll il-protezzjoni tat-tfal.
2.
Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali bbażata fuq l-istandards rilevanti tan-NU, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, b’mod partikolari fil-qasam tal-assistenza legali reċiproka, l-estradizzjoni u t-trasferiment ta’ priġunieri.
ARTIKOLU 6.3
Kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-problema dinjija tad-droga
1.
Il-Partijiet, abbażi tal-prinċipju ta’ responsabbiltà komuni u kondiviża, għandhom jikkooperaw biex jiżguraw approċċ bilanċjat u integrat lejn l-indirizzar tal-aspetti kollha tal-problema dinjija tad-droga, inklużi sfidi bħal sustanzi psikoattivi ġodda. F’dan ir-rigward, il-politiki u l-azzjonijiet dwar id-drogi għandhom ikunu mmirati lejn it-tisħiħ tal-istrutturi, it-tnaqqis tal-provvista u tat-traffikar ta’ drogi illeċiti u tad-domanda għalihom, l-indirizzar tal-konsegwenzi soċjali u fuq is-saħħa tal-abbuż tad-droga bil-ħsieb li titnaqqas il-ħsara, u l-prevenzjoni aktar effettiva tad-devjazzjoni tal-prekursuri kimiċi użati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.
2.
Il-Partijiet għandhom jiftiehmu dwar il-metodi neċessarji ta’ kooperazzjoni għall-kisba ta’ dawk l-objettivi msemmijin fil-paragrafu 1. L-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji maqbula b’mod komuni fuq il-linji ta’, b’mod partikolari, it-tliet Konvenzjonijiet tan-NU dwar il-Kontroll tad-Droga tal-1961, l-1971 u l-1988 u d-Dokument ta’ Eżitu tas-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-Problema Dinjija tad-Droga, adottata fi New York fid-19 ta’ April 2016.
3.
Il-Partijiet jaqblu li jappoġġaw u jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ politiki u miżuri biex jindirizzaw il-problema dinjija tad-droga.
ARTIKOLU 6.4
Kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali,
fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu
1.
F’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti interni tagħhom u l-istrumenti bilaterali u internazzjonali applikabbli, bħall-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, adottata fi New York fil-15 ta’ Diċembru 2000, u l-protokolli tagħha, u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-korruzzjoni, adottata fi New York fl-31 ta’ Ottubru 2003, il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali u l-korruzzjoni, inklużi l-attivitajiet ta’ prevenzjoni u investigazzjoni, il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, u l-assistenza legali reċiproka.
2.
Il-Partijiet jaqblu dwar il-ħtieġa li jaħdmu għall-prevenzjoni u l-ġlieda b’mod effettiv tal-użu tal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom u tan-negozji u l-professjonijiet mhux finanzjarji deżinjati għall-fini tal-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tar-rikavat minn attivitajiet kriminali, inklużi t-traffikar tad-droga, it-traffikar ta’ persuni, speċjalment ta’ tfal, in-nisa f’riskju u persuni oħra f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, it-traffikar tal-armi u l-korruzzjoni, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (minn hawn ’il quddiem imsejħa “FATF”, Financial Action Task Force) u b’kont meħud tal-ħidma tal-Grupp ta’ Azzjoni Finanzjarja tal-Amerika Latina (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “GAFILAT”).
3.
Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bl-għan li jiġġieldu u jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u jiżguraw implimentazzjoni effettiva u sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-FATF u jqisu l-ħidma tal-GAFILAT. Din il-kooperazzjoni testendi għat-traċċar, l-identifikazzjoni, il-qbid, il-konfiska, l-irkupru u r-ritorn ta’ assi jew fondi derivati mir-rikavat tal-kriminalità.
4.
Il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha tippermetti skambji ta’ informazzjoni rilevanti fil-qafas tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti u f’konformità mal-istandards internazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-FATF filwaqt li titqies il-ħidma tal-GAFILAT.
5.
Il-Partijiet jaqblu, soġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom u l-istrumenti bilaterali u internazzjonali applikabbli u f’konformità magħhom, li jieħdu miżuri biex jappoġġaw l-identifikazzjoni, it-traċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tar-rikavat minn attivitajiet kriminali.
ARTIKOLU 6.5
Data personali
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, inkluża s-sigurtà tad-data personali, bħala fattur ċentrali tal-fiduċja tal-konsumatur fl-ekonomija diġitali u element essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tal-iskambji kummerċjali u l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi.
2.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1, inkluż fil-kuntest tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u ta’ reati tranżnazzjonali oħra. Il-kooperazzjoni fil-livell bilaterali u multilaterali għandha tqis l-impenji internazzjonali eżistenti u l-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet fejn applikabbli. Dan jista’ jinkludi l-bini tal-kapaċità, l-assistenza teknika u l-iskambju ta’ informazzjoni u għarfien espert.
ARTIKOLU 6.6
Protezzjoni konsulari
1.
Kull Stat Firmatarju tal-MERCOSUR jaqbel li l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-UE rappreżentat għandhom jipprovdu protezzjoni lil kwalunkwe ċittadin ta’ Stat Membru tal-UE li ma jkollux rappreżentanza permanenti fit-territorju tiegħu f’pożizzjoni li jipprovdi protezzjoni konsulari f’każ partikolari, bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru tal-UE.
2.
Kull Stat Membru tal-UE jaqbel li l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kwalunkwe Stat Firmatarju tal-MERCOSUR rappreżentat għandhom jipprovdu protezzjoni lil kwalunkwe ċittadin ta’ Stat Firmatarju tal-MERCOSUR li ma jkollux rappreżentanza permanenti fit-territorju tiegħu f’pożizzjoni li jipprovdi protezzjoni konsulari f’każ partikolari.
KAPITOLU 7
KOOPERAZZJONI DWAR L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI
ARTIKOLU 7.1
Funzjonament u metodi ta’ ħidma
1.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jippromwovu żvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv, filwaqt li jikkontribwixxu għall-prinċipji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp adottata mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp fl-1992 (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992”), appoġġata mid-Dokument ta’ Eżitu tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2012 inkorporata fir-Riżoluzzjoni 66/288 adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-27 ta’ Lulju 2012 intitolat “The Future We Want” (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “id-Dokument ta’ Eżitu tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2012 intitolat “The Future We Want”) u l-Aġenda 2030. F’dak il-qafas, il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jimplimentaw u jiksbu l-SDGs, filwaqt li jirrikonoxxu li n-natura wiesgħa u ambizzjuża tagħhom titlob azzjoni urġenti.
2.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tad-djalogu u l-kooperazzjoni bħala essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi marbuta mal-kisba tal-SDGs u jirrikonoxxu aktar l-importanza tal-involviment ta’ diversi partijiet ikkonċernati, inkluż is-settur privat u s-soċjetà ċivili, fil-kooperazzjoni internazzjonali.
3.
Il-Partijiet se jaħdmu biex jikkonsolidaw it-tkabbir ekonomiku b’mod li jnaqqas l-inugwaljanzi u jirrispetta l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli.
4.
Il-Partijiet jenħtieġ li jippromwovu xejriet ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli u jqajmu kuxjenza dwar l-ispejjeż ekonomiċi u soċjali tal-ħsara ambjentali u l-impatt assoċjat tagħha fuq il-benesseri tal-bniedem.
5.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli permezz tad-djalogu, il-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin, il-governanza tajba u l-ġestjoni finanzjarja tajba.
6.
Il-Partijiet jikkondividu għan komuni li jeqirdu l-faqar u jappoġġaw l-iżvilupp ekonomiku inklużiv u għandhom jaħdmu flimkien kull meta jkun possibbli biex jilħqu dan l-għan.
7.
Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u l-metodoloġiji ta’ segwitu, ir-responsabbiltà lejn iċ-ċittadini tagħhom dwar l-implimentazzjoni tar-riżultati relatati mal-monitoraġġ tal-Aġenda 2030 u l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni, inkluża data kwalitattiva u kwantitattiva filwaqt li jitqies l-impatt fuq il-post.
8.
Filwaqt li jirrikonoxxu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet bħala essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli, il-Partijiet se jesploraw aktar skemi ta’ kooperazzjoni.
9.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu strutturi għall-kooperazzjoni bejn in-Nofsinhar u n-Nofsinhar u l-kooperazzjoni trijangolari. Tali kooperazzjoni tinvolvi l-istabbiliment ta’ inizjattivi konġunti ma’ pajjiżi terzi bl-għan li jaħdmu flimkien biex jappoġġaw it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji f’diversi livelli għall-Aġenda 2030, kif ukoll kwalunkwe ftehim bireġjonali u internazzjonali futur rilevanti ieħor dwar l-iżvilupp sostenibbli.
10.
Il-Partijiet jifhmu n-natura komprensiva tal-SDGs. F’dan il-kuntest, il-Partijiet jenħtieġ li jinkoraġġixxu sħubijiet innovattivi, li jħaddnu approċċ b’diversi partijiet ikkonċernati sabiex jippromwovu u jimplimentaw inizjattivi ta’ żvilupp internazzjonali. Dawn is-sħubijiet jistgħu jinkludu s-settur privat, is-soċjetà ċivili organizzata, l-organizzazzjonijiet filantropiċi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali.
11.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ approċċ komprensiv għall-iżvilupp soċjali, li jrid jimxi id f’id mal-iżvilupp ekonomiku u s-sostenibbiltà ambjentali. Huma għandhom jagħtu prijorità lill-promozzjoni ta’ livell massimu ta’ impjiegi, inklużjoni soċjali u koeżjoni, kif ukoll il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. F’konformità mal-objettivi tal-SDG 8, huma għandhom jippromwovu xogħol deċenti għal kulħadd kif previst mid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“ILO”, Internatonal Labour Organisation) dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta, adottata mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fis-97 Sessjoni tagħha f’Ġinevra fl-10 ta’ Ġunju 2008 (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta”).
ARTIKOLU 7.2
Implimentazzjoni tal-kooperazzjoni UE-MERCOSUR u bilaterali
1.
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw l-implimentazzjoni ta’ programmi, proġetti u attivitajiet taħt il-Ftehim Qafas ta’ Kooperazzjoni Interreġjonali tal-1995, u ma għandhomx jaffettwaw il-kooperazzjoni bilaterali kontinwa jew futura żviluppata abbażi ta’ strumenti ta’ programmazzjoni bilaterali, bħal programmi indikattivi jew kwalunkwe strument rilevanti ieħor.
2.
Il-kooperazzjoni għandha titwettaq f’konformità mal-prinċipji u l-politiki rilevanti maqbula internazzjonalment li ż-żewġ Partijiet ikunu aderew magħhom, u f’konformità mal-qafas leġiżlattiv rilevanti tal-UE minn naħa waħda, u tal-MERCOSUR u l-Istati Firmatarji tiegħu, min-naħa l-oħra.
ARTIKOLU 7.3
Arranġamenti ta’ faċilitazzjoni
Il-Partijiet għandhom jiżguraw, kif xieraq, l-eżenzjonijiet doganali u tat-taxxa u l-faċilitajiet tal-viża meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi ta’ kooperazzjoni miftiehma skont din il-Parti tal-Ftehim u skont il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni.
ARTIKOLU 7.4
Kooperazzjoni fl-amministrazzjoni pubblika
Il-Partijiet se jintroduċu kooperazzjoni u djalogu biex jidentifikaw azzjonijiet immirati lejn l-iżvilupp tal-kapaċitajiet għat-tfassil, l-implimentazzjoni effettiva u l-evalwazzjoni tal-politiki pubbliċi. F’dan ir-rigward, il-Partijiet għandhom jikkooperaw fi kwistjonijiet relatati mal-amministrazzjoni pubblika u l-istituzzjonijiet bl-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali, inkluż billi jippromwovu t-trasferiment tal-għarfien u t-taħriġ tal-persunal tal-gvern, itejbu l-proċessi ta’ ġestjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll jiffaċilitaw il-modernizzazzjoni tal-oqfsa regolatorji għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 7.5
Ambjent
1.
L-għan tal-kooperazzjoni ambjentali jenħtieġ li jkun li tikkontribwixxi għall-protezzjoni, il-konservazzjoni, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli permezz tal-koordinazzjoni, l-integrazzjoni u l-konsiderazzjoni ta’ appoġġ reċiproku tat-tliet dimensjonijiet tiegħu – ekonomiċi, soċjali u ambjentali – f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992, appoġġata mid-Dokument ta’ Eżitu tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2012 intitolat “The Future We Want” u l-Aġenda 2030, filwaqt li jitqiesu r-realtajiet, il-kapaċitajiet u l-livelli ta’ żvilupp nazzjonali differenti u b’rispett għall-politiki u l-prijoritajiet nazzjonali.
2.
Il-kooperazzjoni ambjentali jenħtieġ li tiffoka b’mod partikolari fuq:
(a)
l-iskambju ta’ informazzjoni, għarfien espert tekniku, prattiki ambjentali u esperjenzi dwar programmi, proġetti u regolamenti li jippromwovu l-protezzjoni, il-konservazzjoni, ir-restawr, u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-impenji u l-għanijiet internazzjonali;
(b)
l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali u l-eżiti tal-Assemblea tan-NU għall-Ambjent u l-promozzjoni tal-għanijiet ambjentali;
(c)
l-integrazzjoni tal-konsiderazzjoni ambjentali fis-setturi kollha ta’ kooperazzjoni;
(d)
il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, u l-kondiviżjoni ġusta u ekwa tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi filwaqt li jitqies kwalunkwe format, permezz ta’ aċċess xieraq għal tali riżorsi, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll kooperazzjoni dwar l-ilma, is-sustanzi kimiċi, l-iskart u oqsma prijoritarji oħra miftiehma b’mod reċiproku;
(e)
il-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp u l-inkoraġġiment tiegħu, id-disseminazzjoni u t-tixrid u t-trasferiment ta’ teknoloġiji li jirrispettaw l-ambjent lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’termini favorevoli, inklużi b’termini konċessjonali u preferenzjali, kif miftiehem reċiprokament;
(f)
iż-żieda fid-disponibbiltà f’pajjiżi li qed jiżviluppaw tal-mezzi ta’ implimentazzjoni lejn il-kisba sħiħa tal-istrateġiji nazzjonali ta’ żvilupp sostenibbli, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-urġenza li jeħtieġ it-trattament tan-natura wiesgħa u ambizzjuża tagħhom u jiġi ffaċilitat l-involviment parteċipattiv tal-partijiet ikkonċernati kif xieraq. Skont dan il-Ftehim, il-kooperazzjoni ambjentali jenħtieġ li tippromwovi wkoll l-iżvilupp ta’ infrastruttura ambjentalment soda.
ARTIKOLU 7.6
Żvilupp urban sostenibbli
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-politiki għall-promozzjoni tal-iżvilupp urban sostenibbli u tal-ħtieġa li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tal-Aġenda Urbana Ġdida adottata mill-Konferenza tan-NU dwar l-Akkomodazzjoni u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli (HABITAT III) u tal-aspetti tal-Aġenda 2030 rilevanti għall-iżvilupp urban sostenibbli.
2.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni u s-sħubija li jinvolvu l-atturi ewlenin kollha rilevanti għall-politika u l-prattika fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli, b’mod partikolari, dwar modi kif jiġu indirizzati l-isfidi urbani b’mod integrat u komprensiv.
3.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-iskambju ta’ esperjenzi dwar, fost l-oħrajn, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u l-politiki ta’ ġestjoni mmirati lejn it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-bliet u tal-insedjamenti umani. Il-Partijiet għandhom jagħmlu hekk, fost l-oħrajn, permezz tal-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ kwalità u l-ippjanar spazjali u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ żvilupp urban. Dawn il-pjanijiet jenħtieġ li jikkunsidraw suġġetti ewlenin bħall-użu effettiv ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-inklużjoni urbana, filwaqt li jitqiesu l-livelli differenti ta’ urbanizzazzjoni fin-Nofsinhar globali, u mekkaniżmi ta’ finanzjament għal proġetti ta’ żvilupp urban fil-livell lokali, nazzjonali u reġjonali.
4.
Għal dan l-għan, il-Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jespandu, kull fejn ikun possibbli, opportunitajiet konkreti għal kooperazzjoni deċentralizzata bejn il-bliet fil-livell reġjonali u internazzjonali, bil-ħsieb li jtejbu l-governanza urbana u l-bini tal-kapaċità permezz ta’ skambji ta’ esperjenza u prattika, kif ukoll tagħlim reċiproku, dwar soluzzjonijiet sostenibbli għall-isfidi urbani.
ARTIKOLU 7.7
Tibdil fil-klima
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu li t-theddida globali tat-tibdil fil-klima tappella għall-aktar kooperazzjoni wiesgħa possibbli tal-pajjiżi kollha biex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra u biex jadattaw għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima b’mod li ma jheddidx il-produzzjoni tal-ikel, bil-pajjiżi żviluppati jkomplu jieħdu t-tmexxija. Il-Partijiet itennu l-impenn tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li sar fi New York fid-9 ta’ Mejju 1992, (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-“UNFCCC”, United Nations Framework Convention on Climate Change), li jirrifletti l-ekwità u l-prinċipju ta’ responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati u l-kapaċitajiet rispettivi, fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti.
2.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw, kif xieraq, dwar kwistjonijiet ta’ tibdil fil-klima relatati mal-kummerċ bilateralment, reġjonalment u f’fora internazzjonali rilevanti. F’dan il-kuntest, filwaqt li tirrikonoxxi r-rwol tal-kummerċ fil-kontribut għar-rispons għat-theddida urġenti tat-tibdil fil-klima, kull Parti għandha tibqa’ parti, in bona fide, tal-UNFCCC u tal-Ftehim ta’ Pariġi tagħha.
3.
Il-Partijiet jaqblu li t-tieni sentenza tal-paragrafu 2 tikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.
4.
Xejn f’dan l-Artikolu ma jippreġudika d-drittijiet ta’ Parti li tirrikorri għall-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim disponibbli skont kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor li l-Partijiet huma parti għalih, inkluż il-Ftehim tad-WTO.
5.
Fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, u abbażi tal-UNFCCC, u l-Ftehim ta’ Pariġi, il-Partijiet jenħtieġ li jtejbu l-kooperazzjoni u d-djalogu ta’ politika biex jixprunaw it-trasformazzjoni lejn żvilupp ta’ emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra (minn hawn ’il quddiem imsejħa “GHG”, greenhouse-gas), f’konformità mar-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet tagħhom, u jiskambjaw informazzjoni u esperjenzi dwar, fost l-oħrajn:
(a)
il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iggwidata mill-ekwità u l-evidenza xjentifika, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-kontributi determinati fil-livell nazzjonali rispettivi tagħhom u aktar kollaborazzjoni dwar l-azzjoni ta’ mitigazzjoni u adattament għall-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim ta’ Pariġi;
(b)
it-tisħiħ tas-sħubijiet pubbliċi u privati li jistgħu jappoġġjaw b’mod effettiv l-azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-adattament għall-effetti negattivi tiegħu;
(c)
il-promozzjoni ta’ azzjoni kollaborattiva dwar ir-riċerka, l-iżvilupp, it-tixrid, l-użu u t-trasferiment tat-teknoloġija sabiex tittejjeb ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, inkluż permezz ta’ djalogi orjentati lejn in-negozju;
(d)
il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet GHG u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ mitigazzjoni u adattament;
(e)
it-twettiq tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet biex jitrawwem żvilupp baxx ta’ GHG, tiżdied il-kapaċità ta’ adattament għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u titrawwem ir-reżiljenza għall-klima b’mod li ma jheddidx il-produzzjoni tal-ikel, f’konformità mal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Pariġi;
(f)
l-iżgurar ta’ żvilupp rapidu tal-qafas ta’ trasparenza tal-Ftehim ta’ Pariġi għal dispożizzjonijiet ta’ azzjoni u appoġġ, inkluż djalogu ta’ politika u kooperazzjoni f’oqsma ta’ prijorità maqbula b’mod reċiproku;
(g)
il-promozzjoni ta’ politiki u programmi domestiċi dwar il-klima fil-qafas tal-Ftehim ta’ Pariġi għall-mitigazzjoni u l-adattament, inkluż fid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni u r-restawr tal-foresti, kif ukoll mezzi għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, it-trasport sostenibbli u l-iżvilupp ta’ infrastruttura sostenibbli u reżiljenti għat-tibdil fil-klima; u
(h)
it-tisħiħ ta’ oqsma oħra ta’ djalogu bilaterali dwar il-politika dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih jew kwalunkwe qasam ieħor ta’ interess reċiproku li jista’ jinqala’ inkluż f’fora multilaterali relatati oħra bħall-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u l-Protokoll ta’ Montreal, konkluż f’Montreal fis-16 ta’ Settembru 1987, u l-Emenda ta’ Kigali tiegħu, fejn applikabbli.
6.
Għal dawn il-finijiet, il-Partijiet jaqblu li jtejbu l-kooperazzjoni u jiskambjaw informazzjoni u esperjenzi f’dan il-qasam, u l-kontinwazzjoni tal-obbligi eżistenti tagħhom skont l-UNFCCC u l-Ftehim ta’ Pariġi. Għal dan l-għan, il-pajjiżi żviluppati se jipprovdu riżorsi finanzjarji għall-mitigazzjoni u l-adattament u jimmobilizzaw il-finanzjament għall-klima minn varjetà wiesgħa ta’ sorsi, strumenti u kanali, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-pajjiżi partijiet li qed jiżviluppaw, kif ukoll mezzi oħra ta’ implimentazzjoni għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi.
ARTIKOLU 7.8
Oċeani u ibħra
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, inkluża l-ġestjoni sostenibbli u responsabbli tas-sajd, l-akkwakultura u attivitajiet marittimi oħra u l-kontribut tagħhom biex jipprovdu opportunitajiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, fil-kuntest tal-użu sostenibbli u l-konservazzjoni tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar bl-objettiv fit-tul li jittejjeb l-istat tal-oċeani, inkluż billi jissaħħaħ il-qafas tal-istituzzjonijiet u l-fora internazzjonali, fejn xieraq.
2.
B’mod konsistenti mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari l-UNCLOS, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li:
(a)
jikkooperaw biex jiksbu l-SDG 14 – “Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar” – tal-Aġenda 2030;
(b)
jippromwovu kooperazzjoni u konsultazzjoni aħjar, kif xieraq, fi ħdan u bejn organizzazzjonijiet, strumenti u korpi internazzjonali kompetenti, fejn applikabbli;
(c)
jadottaw miżuri effettivi ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ta’ konservazzjoni tas-sajd;
(d)
jikkooperaw fin-NU lejn l-iżvilupp ta’ strument internazzjonali legalment vinkolanti skont l-UNCLOS dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali; u
(e)
jikkooperaw fejn xieraq f’korpi subreġjonali, reġjonali u multilaterali rilevanti li fihom il-Partijiet ikunu membri, osservaturi jew partijiet mhux kontraenti li jikkooperaw, lejn il-kisba tal-SDG 14 u SDGs relatati oħra.
3.
Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’:
(a)
l-appoġġ għall-produzzjoni tas-sajd sostenibbli, is-setturi tat-trobbija tal-ħut u b’mod partikolari l-preservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, inkluża l-kooperazzjoni interreġjonali possibbli f’diversi oqsma, skont l-interess tal-Istat kostali, bħall-kooperazzjoni xjentifika, teknoloġika, industrijali, ekonomika u kummerċjali, kif ukoll il-bini u t-taħriġ istituzzjonali;
(b)
l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ industrija tal-akkwakultura ambjentalment responsabbli u ekonomikament kompetittiva;
(c)
l-appoġġ għar-riċerka xjentifika tal-baħar u l-iżvilupp tal-kapaċità tar-riċerka u t-teknoloġija, kif ukoll il-promozzjoni ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza;
(d)
l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-iżvilupp sostenibbli ta’ attivitajiet ekonomiċi marittimi ta’ interess għall-Partijiet bħall-enerġija mill-oċeani, it-tbaħħir, it-turiżmu kostali u tal-baħar jew il-bijoteknoloġija tal-baħar;
(e)
il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ IUU, illegal, unreported and unregulated), inkluż, fejn xieraq, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar attivitajiet IUU u l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità teknika u amministrattiva biex jiġi indirizzat is-sajd IUU;
(f)
l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u għodod ta’ ġestjoni bbażati fuq iż-żona, inklużi żoni tal-baħar protetti, konsistenti mad-dritt nazzjonali u internazzjonali u bbażati fuq l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli għall-protezzjoni u r-restawr taż-żoni u r-riżorsi kostali u tal-baħar;
(g)
it-tnaqqis tal-pressjoni fuq l-oċeani permezz, fost l-oħrajn, tal-ġlieda kontra l-iskart u t-tniġġis tal-baħar, inkluż minn sorsi bbażati fuq l-art u attivitajiet marittimi tal-bniedem;
(h)
il-promozzjoni tal-ippjanar spazjali tal-baħar u l-ġestjoni integrata taż-żoni kostali; u
(i)
l-indirizzar ta’ kwistjonijiet relatati mal-klima bħall-adattament u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet GHG, iż-żieda fil-livell tal-baħar, l-aċidifikazzjoni tal-oċeani u kostali u t-tniġġis tal-arja.
ARTIKOLU 7.9
Kooperazzjoni dwar l-enerġija
1.
Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jiffaċilitaw l-iskambju ta’ ideat, esperjenzi u l-aħjar prattiki dwar kif jittejjeb l-aċċess għal enerġija sigura, sostenibbli u affordabbli, inkluż permezz tat-trawwim ta’ investimenti ġodda u t-trasferiment tat-teknoloġija bejn l-operaturi ekonomiċi pubbliċi u privati tal-Partijiet, speċjalment fir-rigward tal-elettriku, l-idrokarburi, l-enerġija rinnovabbli, inklużi l-produzzjoni u l-użu sostenibbli, il-bijofjuwils u l-użu effiċjenti tal-enerġija.
2.
Il-kooperazzjoni skont dan l-Artikolu, ibbażata fuq il-prinċipju tad-dritt sovran tal-Istati li jamministraw ir-riżorsi naturali tagħhom stess, bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd, għandha tieħu l-forma ta’, fost l-oħrajn:
(a)
il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet li jittrattaw kwistjonijiet ta’ politika, ippjanar u mmudellar fis-settur tal-enerġija;
(b)
l-iskambju ta’ riżultati xjentifiċi, tekniċi u ta’ riċerka oħra dwar l-enerġija, esperjenzi, pubblikazzjonijiet, informazzjoni u data, inkluż l-iżvilupp ta’ banek tad-data konġunti kondiviżi mill-operaturi tal-Partijiet, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti;
(c)
il-promozzjoni ta’ konferenzi konġunti u taħriġ tekniku, inkluż fil-livell postgradwatorju;
(d)
it-trasferimenti tat-teknoloġija, speċjalment dawk relatati ma’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;
(e)
il-promozzjoni ta’ studji ta’ fattibbiltà u l-implimentazzjoni ta’ proġetti konġunti fis-settur tal-enerġija bejn operaturi ekonomiċi pubbliċi u privati u istituzzjonijiet ta’ riċerka tal-Partijiet;
(f)
il-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi miż-żewġ reġjuni fi proġetti konġunti ta’ teknoloġija, żvilupp u infrastruttura, inklużi networks ma’ pajjiżi oħra; u
(g)
ir-razzjonalizzazzjoni u t-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili ineffiċjenti li jinkoraġġixxu l-konsum ħali, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ il-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jiġu minimizzati l-impatti negattivi possibbli fuq l-iżvilupp tagħhom b’mod li jipproteġi lill-foqra u lill-komunitajiet affettwati.
ARTIKOLU 7.10
Kooperazzjoni dwar il-materja prima
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-qasam tal-materja prima bl-għan li, fost oħrajn:
(a)
jippromwovu swieq internazzjonali effiċjenti, flessibbli, kompetittivi u trasparenti;
(b)
irawmu skambju ta’ informazzjoni tas-suq fil-qasam tal-materja prima;
(d)
jippromwovu r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam tal-materja prima;
(e)
irawmu skambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki dwar l-iżviluppi tal-politika domestika; u
(f)
jippromwovu standards ta’ sikurezza u protezzjoni ambjentali għal operazzjonijiet ta’ estrazzjoni lil hinn mill-kosta, billi jżidu t-trasparenza, u jikkondividu l-informazzjoni, inkluż dwar is-sikurezza tal-industrija u l-prestazzjoni ambjentali.
KAPITOLU 8
SĦUBIJA SOĊJALI, EKONOMIKA U KULTURALI
ARTIKOLU 8.1
Objettivi
1.
Fil-qafas tal-kooperazzjoni tagħhom, il-Partijiet jirrikonoxxu li l-popli kollha għandhom id-dritt li jsegwu l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom. Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu li l-iżvilupp soċjali jenħtieġ li jimxi ’l quddiem b’mod parallel mal-iżvilupp ekonomiku, jaqblu li jikkooperaw fit-tisħiħ tal-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali permezz tat-tnaqqis tal-faqar, tal-inġustizzja u tal-inugwaljanza.
2.
L-objettivi ewlenin tal-kooperazzjoni ekonomika huma li tikkontribwixxi għall-espansjoni, id-diversifikazzjoni u l-approfondiment tar-rabtiet ekonomiċi u kummerċjali bejn il-Partijiet, it-tisħiħ tas-settur produttiv, b’attenzjoni speċjali għall-SMEs, il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda u żieda fil-kompetittività u l-innovazzjoni internazzjonali, u t-tisħiħ tal-proċess ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali.
3.
Il-kooperazzjoni ekonomika jenħtieġ li tissaħħaħ bħala mod kif tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-implikazzjonijiet ekonomiċi li jistgħu jirriżultaw minn bidliet strutturali li jirriżultaw minn dan il-Ftehim.
4.
Kwalunkwe miżura li tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri tal-integrazzjoni reġjonali jew għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet interreġjonali f’żoni soċjali, ekonomiċi u kulturali bejn il-Partijiet jenħtieġ li tiġi mħeġġa.
ARTIKOLU 8.2
Responsabbiltà soċjali korporattiva
1.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu r-responsabbiltà soċjali korporattiva f’konformità mal-istandards internazzjonali, bħal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Gwida tad-Diliġenza Dovuta rispettiva.
2.
Il-Partijiet jappoġġaw id-disseminazzjoni u l-implimentazzjoni, fuq bażi volontarja, tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li jenfasizzaw l-importanza ta’ diskussjoni komprensiva mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.
3.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-inkorporazzjoni volontarja mill-kumpaniji fil-politiki interni tagħhom tal-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva jew tal-imġiba responsabbli fin-negozju, inkluż billi jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta’ prattiki rilevanti, konsistenti mal-istrumenti internazzjonali msemmija f’dan l-Artikolu.
ARTIKOLU 8.3
Kooperazzjoni industrijali, opportunitajiet ta’ negozju
u intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u intraprendituri
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-promozzjoni tal-SMEs u tat-tisħiħ tal-industrija biex irawmu t-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli fir-reġjuni kollha, jippromwovu livelli ogħla ta’ koeżjoni soċjali, u jagħlqu l-lakuni territorjali, u b’hekk itejbu l-ekwità f’żoni li għadhom lura. Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-promozzjoni tal-kompetittività tal-SMEs tikkontribwixxi b’mod pożittiv għal nisġa soċjali msaħħa, permezz tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll it-tnaqqis ta’ implikazzjonijiet ekonomiċi oħra li jistgħu jirriżultaw minn bidliet strutturali li jirriżultaw minn dan il-Ftehim.
2.
Il-Partijiet għandhom jappoġġaw it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa permezz tal-intraprenditorija u l-ħolqien tan-negozju.
3.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni industrijali u jsaħħu l-kooperazzjoni dwar l-SMEs, bl-għan li jsaħħu l-produttività u jtejbu l-kompetittività sabiex jagħtu spinta lill-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet, filwaqt li jibbilanċjaw l-opportunitajiet ipprovduti minn dan il-Ftehim liż-żewġ Partijiet.
4.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu klima attraenti u stabbli għal opportunitajiet kummerċjali akbar ta’ benefiċċju reċiproku, inkluż għall-SMEs u jimpenjaw ruħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni bl-għan li jikkontribwixxu għall-espansjoni, id-diversifikazzjoni u l-approfondiment tar-rabtiet ekonomiċi u kummerċjali bejn il-Partijiet.
5.
Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-iżvilupp tal-SMEs, filwaqt li jħaddnu kemm ditti rurali kif ukoll dawk urbani, u jinkoraġġixxu l-introduzzjoni tagħhom fis-swieq internazzjonali.
6.
L-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu tista’ tinkludi l-azzjonijiet li ġejjin, li jkopru t-tipi kollha ta’ negozji, inklużi l-SMEs:
(a)
l-appoġġ ta’ kuntatti regolari bejn is-setturi tan-negozju tal-Partijiet permezz ta’ avvenimenti jew missjonijiet minn negozju għal negozju u minn raggruppament għal raggruppament, fieri kummerċjali, seminars u diskussjonijiet madwar mejda bil-ħsieb li jiġu promossi l-identifikazzjoni u d-disseminazzjoni a’ informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ negozju għall-investiment, kooperazzjoni industrijali u teknoloġika f’oqsma ta’ interess reċiproku kif ukoll il-promozzjoni ta’ networks ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi, speċjalment l-SMEs u r-raggruppamenti;
(b)
l-iskambju tal-aħjar prattiki li jappoġġaw l-iżvilupp industrijali, il-proċessi ta’ innovazzjoni u l-politiki industrijali inkluż it-tisħiħ tal-politiki industrijali reġjonali biex tissaħħaħ il-kompetittività fis-setturi industrijali ta’ interess reċiproku;
(c)
il-promozzjoni ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni industrijali, inkluż l-iżvilupp u l-innovazzjoni tat-teknoloġija, f’setturi ta’ interess reċiproku;
(d)
il-promozzjoni ta’ investimenti reċiproċi u konġunti u l-inkoraġġiment ta’ impriżi konġunti u raggruppamenti u l-istabbiliment ta’ proċessi assoċjattivi f’setturi strateġiċi;
(e)
l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi li jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur privat, l-iffaċilitar tal-aċċess għal finanzjament innovattiv f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti u l-kooperazzjoni industrijali biex tingħata spinta lill-produttività, l-innovazzjoni u l-kompetittività, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni aġġornata dwar l-istrumenti ta’ finanzjament disponibbli għall-SMEs;
(f)
l-appoġġ lill-intrapriżi biex jadattaw għax-xejra attwali tal-awtomatizzazzjoni u l-iskambju tad-data fit-teknoloġiji tal-manifattura;
(g)
il-promozzjoni ta’ proġetti konġunti fost ċentri ta’ riċerka orjentati lejn it-teknoloġija, l-industrija u l-applikazzjoni mill-UE u l-MERCOSUR; u
(h)
it-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur u tal-provvista bireġjonali u globali, inkluż l-iżvilupp tal-fornituri għall-industrija.
7.
Minbarra l-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni fir-rigward tal-SMEs tista’ tinvolvi, fost l-oħrajn:
(a)
l-iffaċilitar tal-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-politiki u l-programmi pubbliċi, l-oqfsa regolatorji, l-esperjenzi, l-informazzjoni rilevanti u l-għarfien espert għall-promozzjoni u l-appoġġ tal-intraprenditorija u l-ħolqien, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tal-SMEs;
(b)
il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-SMEs f’fieri, missjonijiet kummerċjali u mekkaniżmi oħra fil-livell lokali u internazzjonali;
(c)
l-iskambju tal-aħjar prattiki li jappoġġaw l-aċċess tal-SMEs għas-swieq tal-akkwist pubbliku;
(d)
il-bini fuq sħubijiet eżistenti ta’ suċċess u l-iżvilupp ta’ sħubijiet u kuntatti strateġiċi ġodda bejn l-operaturi ekonomiċi u n-networks tan-negozju permezz ta’ programmi orizzontali eżistenti jew ġodda tal-UE jew tal-MERCOSUR iddedikati għall-SMEs;
(e)
l-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, inkluża l-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ websites speċjalizzati;
(f)
il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-SMEs fi programmi konġunti u proġetti pilota, b’mod partikolari f’setturi bħall-ekonomija diġitali; u
(g)
l-għoti ta’ appoġġ u għarfien espert dwar servizzi ta’ żvilupp tan-negozju, inklużi sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità, u l-promozzjoni tal-kummerċ elettroniku biex jissaħħu l-SMEs.
ARTIKOLU 8.4
Kwistjonijiet ta’ taxxa
Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw b’mod bireġjonali fi kwistjonijiet ta’ taxxa u jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw l-istandards globali dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni, kif ukoll l-istandards minimi kontra l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt (BEPS, base erosion and profit sharing).
ARTIKOLU 8.5
Djalogu makroekonomiku
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ix-xejriet u l-politiki makroekonomiċi rispettivi tagħhom kif ukoll il-kondiviżjoni tal-esperjenzi tagħhom, b’koordinazzjoni tal-politiki makroekonomiċi. Għal dan l-għan, il-Partijiet se jimmiraw li japprofondixxu d-djalogu fost l-awtoritajiet tagħhom dwar kwistjonijiet makroekonomiċi. Il-kooperazzjoni f’dan il-qasam tista’ tinkludi l-organizzazzjoni ta’ seminars u konferenzi.
ARTIKOLU 8.6
Kooperazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u, għal dak l-għan, għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkooperaw fil-qasam tal-politika tal-konsumatur. Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni f’dan il-qasam tista’ tinvolvi, sa fejn ikun possibbli:
(a)
l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-oqfsa rispettivi tagħhom għall-protezzjoni tal-konsumatur, inkluż dwar il-liġijiet tal-konsumatur, is-sikurezza tal-prodotti għall-konsumatur, ir-rimedju għall-konsumatur u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar il-konsumatur;
(b)
it-tħeġġiġ tal-iżvilupp ta’ assoċjazzjonijiet tal-konsumatur indipendenti u ta’ kuntatti bejn rappreżentanti tal-konsumatur. u
(c)
l-iskambju ta’ informazzjoni u l-promozzjoni ta’ attivitajiet konġunti bejn il-korpi tal-konsumatur taż-żewġ Partijiet bi ftehim reċiproku.
ARTIKOLU 8.7
Kooperazzjoni fl-istatistika
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-qasam tal-istatistika bl-għan li jiżguraw il-komparabbiltà tad-data statistika fost l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR u bejn il-MERCOSUR u l-Unjoni Ewropea. L-attivitajiet jistgħu jiġu żviluppati fil-forma ta’, fost l-oħrajn:
(a)
appoġġ għat-tisħiħ ta’ sistema statistika, stabbilita abbażi ta’ strutturi amministrattivi u bażijiet legali li jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa ta’ informazzjoni statistika;
(b)
appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ prattiki fil-qasam tal-istatistika tajbin ibbażati fuq standards rikonoxxuti internazzjonalment;
(c)
l-iżvilupp ta’ informazzjoni statistika komparabbli, prinċipalment iffukata fuq l-oqsma tal-kummerċ ta’ merkanzija u servizzi u l-investiment dirett barrani, kif ukoll l-iżvilupp ta’ indikaturi makroekonomiċi komparabbli; u
(d)
l-iskambju ta’ prattiki tajbin u esperjenzi permezz ta’, fost l-oħrajn, taħriġ, sessjonijiet ta’ ħidma u żjarat ta’ studju.
ARTIKOLU 8.8
Riċerka u innovazzjoni
1.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-oqsma tar-riċerka xjentifika, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni fuq il-bażi ta’ interess komuni u benefiċċju reċiproku u skont il-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom. Tali kooperazzjoni għandu jkollha l-għan li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, tindirizza l-isfidi globali, tikseb l-eċċellenza xjentifika, ittejjeb il-kompetittività reġjonali u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet, filwaqt li tqis il-kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom u l-prijoritajiet speċifiċi. Il-Partijiet għandhom irawmu djalogu politiku fil-livell reġjonali u jużaw l-istrumenti differenti tagħhom, inklużi ftehimiet għall-kooperazzjoni fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejħa “STI” - science, technology and innovation), b’modi komplementari.
2.
Sabiex itejbu l-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni, il-Partijiet għandhom ifittxu wkoll li:
(a)
iżidu l-mobbiltà tar-riċerkaturi, ix-xjenzati, l-esperti, l-istudenti u l-intraprendituri kif ukoll il-moviment ta’ tagħmir xjentifiku bejn il-fruntieri;
(b)
jiffaċilitaw l-aċċess reċiproku għall-programmi STI, l-infrastrutturi u l-faċilitajiet tar-riċerka ta’ xulxin, il-pubblikazzjoni u d-data xjentifika;
(c)
iżidu l-kooperazzjoni fir-riċerka u fl-istandardizzazzjoni prenormattivi; u
(d)
jippromwovu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni.
3.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu, fost l-oħrajn, l-attivitajiet li ġejjin li għandhom jitwettqu minn organizzazzjonijiet governattivi, ċentri ta’ riċerka pubbliċi u privati, istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, aġenziji u networks ta’ innovazzjoni, kif ukoll partijiet ikkonċernati oħra, inklużi l-SMEs:
(a)
inizjattivi konġunti biex iqajmu kuxjenza dwar l-STI u l-programmi ta’ bini tal-kapaċità u l-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni fil-programmi ta’ xulxin;
(b)
laqgħat u workshops konġunti mmirati lejn l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki u l-identifikazzjoni ta’ oqsma għar-riċerka konġunta;
(c)
azzjonijiet konġunti ta’ riċerka f’oqsma ta’ interess komuni; u
(d)
valutazzjoni u evalwazzjoni rikonoxxuti reċiprokament tal-kooperazzjoni xjentifika u d-disseminazzjoni tar-riżultati korrispondenti.
ARTIKOLU 8.9
Kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni
1.
Il-Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, soġġett għad-disponibbiltà ta’ finanzjament għal tali attivitajiet taħt l-istrumenti u l-programmi ta’ kooperazzjoni tal-Partijiet.
2.
L-assistenza teknika għandha tiffoka fuq il-bini tal-kapaċità istituzzjonali u t-taħriġ tar-riżorsi umani tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, biex tappoġġahom fl-istabbiliment tar-reġimi tal-kompetizzjoni rispettivi tagħhom u l-infurzar effettiv. L-għan għandu jkun li jissaħħaħ u jiġi infurzat b’mod effettiv id-dritt tal-kompetizzjoni fl-oqsma tal-prattiki antikompetittivi u l-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, inkluża l-promozzjoni tal-kompetizzjoni.
ARTIKOLU 8.10
Kooperazzjoni dwar l-ekonomija diġitali
1.
L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni f’dan il-qasam għandhom jimmiraw b’mod partikolari li jippromwovu:
(a)
l-iskambji ta’ ideat, esperjenzi u prattiki dwar il-politiki tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ICT” - information and communication technology) bil-ħsieb li tinbena soċjetà tal-informazzjoni inklużiva, sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali permezz tal-iskambju ta’ prinċipji ta’ politika, informazzjoni, esperjenzi u prattiki tajbin biex insaħħu l-kooperazzjoni tagħna kemm fit-tfassil tal-politiki diġitali kif ukoll fl-oqfsa regolatorji, il-ftuħ tas-swieq u d-diskussjoni tal-kooperazzjoni fir-riċerka;
(b)
l-użu tal-ICTs bħala għodod għall-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali, kulturali u ekonomiku, l-inklużjoni soċjali u d-diversità kulturali, b’enfasi fuq l-ispirtu intraprenditorjali u l-ħidma kollaborattiva parteċipattiva;
(c)
il-kooperazzjoni dwar l-aspetti regolatorji tal-politiki tat-telekomunikazzjoni u awdjoviżivi, inklużi l-kummerċ elettroniku u l-iskambji ta’ informazzjoni dwar l-istandards, il-valutazzjoni tal-konformità u l-approvazzjoni tat-tip, bl-involviment tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat fil-proċess fejn xieraq;
(d)
l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku bħala mezz biex jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku;
(e)
il-ġestjoni effiċjenti tal-ispettru, sabiex tiġi massimizzata d-disponibbiltà tiegħu u jiġu ottimizzati l-allokazzjoni u l-użu tiegħu;
(f)
politiki u azzjonijiet konġunti għad-disseminazzjoni, l-użu u t-trasferiment ta’ ICTs ġodda, inkluż, fejn xieraq, bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat fil-proċess;
(g)
il-kollaborazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-ICTs fil-qafas applikabbli tar-riċerka u l-innovazzjoni;
(h)
l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali f’kull età f’ambjenti ta’ tagħlim formali u informali u l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ għall-ekonomija diġitali, inklużi l-professjonisti tal-ICT;
(i)
il-formulazzjoni konġunta ta’ azzjonijiet għall-promozzjoni tal-impjiegi u l-investiment fl-SMEs u għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif ukoll biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet partikolari ta’ gruppi soċjali vulnerabbli, bl-użu tal-opportunitajiet offruti mill-ICTs;
(j)
il-kooperazzjoni fil-qasam tal-gvern elettroniku u s-servizzi fiduċjarji bħall-firma elettronika u l-eID, b’enfasi fuq l-iskambju ta’ prinċipji ta’ politika, informazzjoni u prattiki tajbin dwar l-użu tal-ICT għall-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika, il-promozzjoni ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja u t-titjib tal-effiċjenza organizzattiva u l-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi pubbliċi; u
(k)
il-koordinazzjoni politika wiesgħa fil-livell internazzjonali biex jiġi żgurat li l-governanza globali tal-internet tkompli tappoġġa l-kontinwazzjoni u l-iżvilupp ta’ reġim tal-Internet robust ħafna, dinamiku u ġeografikament varjat, li jibni fuq id-dokument ta’ eżitu tad-WSIS+10 “Implementing World Summit on the Information Society outcomes: a 10-year review".
2.
Il-Partijiet iqisu li l-ġestjoni globali tal-internet jenħtieġ li tkun ibbażata fuq mudell trasparenti u demokratiku ta’ diversi partijiet ikkonċernati, bl-involviment sħiħ ta’, fost l-oħrajn, il-gvernijiet, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, id-dinja akkademika, il-komunità xjentifika u teknoloġika u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, skont ir-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom. Jenħtieġ li tiżgura l-ġestjoni ekwa tar-riżorsi u l-fluss liberu tal-informazzjoni, tiffaċilita l-aċċess għal kulħadd u tiżgura l-funzjonament reżiljenti, stabbli u sigur tal-internet, filwaqt li tqis il-multilingwiżmu.
3.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jaħdmu flimkien lejn soċjetà tal-informazzjoni ffukata fuq in-nies, inklużiva u orjentata lejn l-iżvilupp u l-qbil tagħhom li jkomplu jikkoordinaw il-pożizzjonijiet għas-Summit Dinji dwar il-mekkaniżmi ta’ segwitu tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS, World Summit on the Information Society), kif ukoll f’fora jew organizzazzjonijiet oħra relatati mal-governanza tal-internet.
4.
Il-Partijiet jenfasizzaw li jenħtieġ li jsir kull sforz fil-fora tal-governanza tal-internet biex tiġi mobilizzata u żgurata l-parteċipazzjoni sinifikanti u effettiva tal-pajjiżi kollha, b’mod partikolari l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi l-partijiet ikkonċernati kollha, fir-rwoli tagħhom stess, bħall-gvernijiet, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, id-dinja akkademika, il-komunità xjentifika u teknoloġika u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.
ARTIKOLU 8.11
Attivitajiet spazjali ċivili
Meta jitqies l-impatt pożittiv li l-attivitajiet spazjali jista’ jkollhom fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-kompetittività industrijali, il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni fil-qasam tal-attivitajiet spazjali ċivili skont l-osservanza u t-twettiq tal-konvenzjonijiet internazzjonali u l-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom u b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:
(a)
l-osservazzjoni tad-Dinja u x-xjenza tad-Dinja, inkluża l-kooperazzjoni f’fora multilaterali u b’mod partikolari, il-Grupp intergovernattiv dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja u l-Kumitat għas-Satelliti tal-Osservazzjoni tad-Dinja; bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà u li jiġu ffaċilitati s-sħubijiet tan-negozju u tal-innovazzjoni dwar l-osservazzjoni tad-Dinja fil-qafas ta’ Copernicus billi jiġu identifikati oqsma ta’ interess komuni;
(b)
il-komunikazzjonijiet bis-satellita; u
(c)
użi paċifiċi oħra tal-ispazju ekstratmosferiku, inklużi x-xjenza spazjali, l-esplorazzjoni tal-ispazju u s-sostenibbiltà spazjali.
ARTIKOLU 8.12
Trasport
1.
Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fl-oqsma rilevanti tal-politika tat-trasport, inkluża l-politika integrata tat-trasport, bl-għan li tiġi żviluppata u appoġġata sistema tat-trasport effiċjenti, sostenibbli, sikura u sigura u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija.
2.
Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandu jkollha l-għan li tippromwovi, fost l-oħrajn:
(a)
djalogu u skambju ta’ informazzjoni dwar il-politiki, l-istandards u l-prattiki tajba tat-trasport rispettivi tagħhom u suġġetti oħra ta’ interess reċiproku;
(b)
djalogu u kooperazzjoni bejn l-esperti fi ħdan fora internazzjonali tat-trasport;
(c)
interkonnessjoni u interoperabbiltà tan-networks;
(d)
approċċ ta’ sistema tat-trasport multimodali;
(e)
sistemi tat-trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, sikuri u siguri;
(f)
soluzzjonijiet tat-trasport b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u mingħajr karbonju, riċerka u innovazzjoni, u soluzzjonijiet intelliġenti u diġitali;
(g)
soluzzjonijiet ta’ trasport sostenibbli, inkluż fir-rigward tal-mobbiltà urbana; u
(h)
il-faċilitazzjoni u żieda fl-effiċjenza tal-movimenti tal-merkanzija fil-modi kollha tat-trasport permezz tad-diġitalizzazzjoni, is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar u l-ottimizzazzjoni tal-operazzjonijiet tat-trasport.
ARTIKOLU 8.13
Kooperazzjoni dwar it-turiżmu
1.
Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha primarjament timmira li ttejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni u tistabbilixxi l-aħjar prattiki sabiex tiżgura l-iżvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-turiżmu u tappoġġa l-ħolqien tal-impjiegi, l-iżvilupp ekonomiku u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja.
2.
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Partijiet għandhom jiffukaw fuq, fost l-oħrajn:
(a)
l-appoġġ għall-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta’ prodotti u servizzi tat-turiżmu, kif ukoll kanali ta’ promozzjoni tat-turiżmu;
(b)
is-salvagwardja u l-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-wirt naturali u kulturali;
(c)
ir-rispett għall-integrità u l-interessi tal-komunitajiet lokali;
(d)
it-titjib tat-taħriġ u l-edukazzjoni fis-servizzi tat-turiżmu, inkluż fl-industrija tal-lukandi; u
(e)
il-promozzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u tal-kooperazzjoni għall-industriji kreattivi u tal-innovazzjoni fis-settur tat-turiżmu.
ARTIKOLU 8.14
Kooperazzjoni fl-iżvilupp soċjali
1.
Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu li l-iżvilupp soċjali jimxi id f’id mal-iżvilupp ekonomiku, jaqblu li jagħtu prijorità lit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali permezz tal-qerda tal-faqar, it-tnaqqis tal-inugwaljanza u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, b’mod partikolari bil-ħsieb li jintlaħqu l-Aġenda 2030 u l-SDGs tagħha.
2.
Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-affarijiet soċjali bl-għan li jikkontribwixxu għal tkabbir u żvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv u li jippromwovu l-kooperazzjoni u l-iskambji ta’ informazzjoni fir-rigward ta’, fost l-oħrajn:
(a)
il-promozzjoni tad-drittijiet soċjali;
(b)
l-iżvilupp ta’ proġetti innovattivi u sostenibbli li jinvolvu gruppi soċjali vulnerabbli, bħal familji b’introjtu baxx, persuni ta’ dixxendenza Afrikana u indiġena u minoranzi oħra kif ukoll persuni b’diżabbiltà, inkluż permezz tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol;
(c)
il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni sħiħa tan-nisa fl-isferi kollha;
(d)
il-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ommijiet u t-tfal kif ukoll faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal aċċessibbli u inklużivi;
(e)
il-promozzjoni ta’ programmi speċifiċi għaż-żgħażagħ, speċjalment għal dawk f’setturi soċjali vulnerabbli; u
(f)
it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien f’żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni f’reġjuni żvantaġġati.
ARTIKOLU 8.15
Kooperazzjoni dwar ix-xogħol u l-impjiegi
1.
F’konformità mal-objettiv miftiehem internazzjonalment li tiġi promossa globalizzazzjoni ġusta u meta jitqiesu l-għanijiet tal-SDG 8, il-Partijiet għandhom jippromwovu livell massimu ta’ impjiegi, xogħol deċenti għal kulħadd, u r-rispett għall-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol identifikati mill-Konvenzjonijiet tal-ILO (l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni, l-abolizzjoni tal-forom kollha ta’ xogħol furzat, il-qerda sostnuta tat-tħaddim tat-tfal, u l-libertà ta’ assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv) f’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-ILO tal-2008 dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta u impenji internazzjonali oħra.
2.
Il-Partijiet jaqblu li jtejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u li jippromwovu l-kooperazzjoni u l-iskambji ta’ informazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’:
(a)
il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti għal kulħadd, il-protezzjoni soċjali u s-sigurtà tal-impjiegi u r-rispett għall-prinċipji li jikkonċernaw id-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol, skont id-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol tal-1998, u ta’ standards tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment u ta’ standards rilevanti oħra tal-ILO kif ukoll sforzi sostnuti u kontinwi lejn ir-ratifika ta’ strumenti oħra tal-ILO li għadhom ma ġewx ratifikati;
(b)
l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tar-relazzjonijiet tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u l-promozzjoni ta’ programmi fil-qasam tal-ispezzjoni tax-xogħol, l-edukazzjoni professjonali, it-taħriġ u l-promozzjoni tal-impjiegi;
(c)
l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tar-relazzjonijiet u l-proċessi ta’ ħidma, b’enfasi fuq il-promozzjoni tad-djalogu soċjali;
(d)
il-promozzjoni tat-tlaqqigħ bejn l-iżvilupp tal-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;
(e)
l-għoti ta’ prijorità lill-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ immirati lejn gruppi soċjali vulnerabbli, fir-rigward tal-impjiegi u t-taħriġ mill-ġdid tax-xogħol;
(f)
il-ħolqien tal-impjiegi fl-SMEs;
(g)
l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni ta’ sistemi u programmi ta’ protezzjoni soċjali;
(h)
il-promozzjoni tan-nondiskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel, u l-integrazzjoni ta’ perspettiva tal-ġeneru fl-iżvilupp tal-politika tax-xogħol; u
(i)
il-koordinazzjoni, fil-fora internazzjonali rilevanti, biex jinkisbu impenji internazzjonali.
ARTIKOLU 8.16
Kooperazzjoni fl-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport
1.
Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw dwar l-edukazzjoni formali u mhux formali, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali b’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja. F’dawn l-oqsma, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-promozzjoni ta’ edukazzjoni u taħriġ inklużivi u ta’ kwalità għan-nisa u l-gruppi soċjali vulnerabbli.
2.
Sabiex jibnu l-kapaċitajiet u l-għarfien espert, il-Partijiet għandhom jippromwovu l-mobbiltà u l-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti tagħhom fl-edukazzjoni għolja u r-riċerka, u jrawmu rabtiet bejn l-universitajiet, ir-riċerka u n-negozji.
3.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kuntatt bejn il-persuni u l-fehim reċiproku permezz ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport, inkluż appoġġ finanzjarju għall-mobbiltà tal-istudenti, il-kandidati tal-PhD, il-persunal akkademiku u amministrattiv minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u riċerkaturi, u azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċitajiet.
ARTIKOLU 8.17
Kooperazzjoni kulturali, awdjoviżiva u tal-midja
1.
Il-Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jippromwovu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-kultura, inkluż il-patrimonju kulturali, b’rispett dovut għad-diversità tagħhom. F’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet, tali kooperazzjoni għandu jkollha l-għan li ttejjeb il-fehim reċiproku u d-djalogu interkulturali u trawwem skambji kulturali bbilanċjati u kuntatt mal-atturi rilevanti.
2.
Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw f’fora internazzjonali rilevanti, bħall-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tan-NU (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-UNESCO, UN Educational, Scientific and Cultural Organisation), sabiex isegwu objettivi komuni u jrawmu d-diversità kulturali, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali.
3.
Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu skambji ta’ informazzjoni u esperjenzi u għandhom jappoġġaw u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u l-operaturi rilevanti tagħhom fl-oqsma tal-kultura, l-awdjoviżiv u l-midja.
ARTIKOLU 8.18
Integrazzjoni reġjonali
1.
Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-iskambju tal-esperjenza bejn iż-żewġ reġjuni, bl-għan li jsaħħu l-proċessi ta’ integrazzjoni rispettivi tagħhom.
2.
Il-Partijiet jaqblu b’mod partikolari li jippromwovu kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar kwistjonijiet ta’ integrazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Partijiet, kif ukoll il-kondiviżjoni tal-għarfien espert permezz ta’ laqgħat bejn il-persunal tal-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tal-MERCOSUR, skambji regolari ta’ informazzjoni, studji, proġetti konġunti u taħriġ.
3.
Sabiex titħeġġeġ il-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp reġjonali u lokali, għandha tingħata prijorità lil:
(a)
l-iskambju ta’ informazzjoni, u l-kondiviżjoni ta’ għarfien u esperjenzi dwar, fost l-oħrajn, metodoloġiji għall-formulazzjoni ta’ politiki ta’ żvilupp reġjonali u lokali, dwar il-governanza f’diversi livelli u dwar il-governanza parteċipattiva;
(b)
l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ żvilupp reġjonali u lokali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ reġjuni u żoni żvantaġġati, speċjalment żoni tal-fruntiera;
(c)
l-inkoraġġiment tal-iżvilupp tal-infrastruttura reġjonali u l-interkonnettività.
4.
Il-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp reġjonali u lokali tista’ tinkludi:
(a)
l-organizzazzjoni ta’ seminars u konferenzi;
(b)
taħriġ u assistenza teknika fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ żvilupp reġjonali;
(c)
it-tħejjija ta’ studji dwar suġġetti ta’ interess komuni relatati mal-integrazzjoni; u
(d)
azzjoni konġunta bejn l-istituti u ċ-ċentri għall-edukazzjoni u t-taħriġ fil-qasam tal-integrazzjoni.
ARTIKOLU 8.19
Żieda fil-parteċipazzjoni tal-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR
fl-esportazzjonijiet ta’ servizzi lejn l-Unjoni Ewropea
Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 4, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw, inkluż billi jipprovdu appoġġ għall-assistenza teknika, it-taħriġ u l-bini tal-kapaċità, fir-rigward ta’, fost l-oħrajn:
(a)
it-titjib tal-kapaċità tal-fornituri tas-servizzi tal-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR biex jiġbru informazzjoni dwar ir-regolamenti u l-istandards tal-Parti tal-UE fil-livell tal-UE, nazzjonali u sottonazzjonali, u biex jilħquhom;
(b)
it-titjib tal-kapaċità tal-esportazzjoni tal-fornituri tas-servizzi tal-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR, b’attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-SMEs; u
(c)
l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi għall-promozzjoni tal-investiment u l-impriżi konġunti bejn il-fornituri tas-servizzi tal-Parti tal-UE u l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR.
PARTI III
IL-KUMMERĊ U KWISTJONIJIET RELATATI MAL-KUMMERĊ
KAPITOLU 9
DISPOŻIZZJONIJIET INIZJALI U ISTITUZZJONALI SPEĊIFIĊI GĦALL-KUMMERĊ
TAQSIMA A
DISPOŻIZZJONIJIET INIZJALI SPEĊIFIĊI GĦALL-KUMMERĊ
ARTIKOLU 9.1
L-istabbiliment ta’ żona ta’ kummerċ ħieles u r-relazzjoni mal-Ftehim tad-WTO (World Trade Organisation)
1.
Il-Partijiet għal dan il-Ftehim b’dan jistabbilixxu żona ta’ kummerċ ħieles, f’konformità mal-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT, General Agreement on Tariffs and Trade) u l-Artikolu V tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS, General Agreement on Trade in Services).
2.
Il-Partijiet jaffermaw id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward ta’ xulxin skont il-Ftehim tad-WTO.
3.
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil Parti taġixxi b’mod inkonsistenti mal-obbligi tagħha skont il-Ftehim tad-WTO.
ARTIKOLU 9.2
Objettivi
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom l-għan li jwasslu għal:
(a)
ftehim kummerċjali modern u ta’ vantaġġ reċiproku li joħloq qafas prevedibbli biex tingħata spinta lill-kummerċ u lill-attività ekonomika, filwaqt li jippromwovi u jipproteġi l-valuri u l-perspettivi kondiviżi tagħna dwar ir-rwol tal-gvern fis-soċjetà, u jżomm id-dritt tal-Partijiet li jirregolaw fil-livelli kollha tal-gvern għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika pubblika;
(b)
l-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali u tal-kummerċ bejn il-Partijiet b’mod li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu, konsistenti mal-obbligi internazzjonali rispettivi tagħhom u ta’ appoġġ għalihom, f’dawn l-oqsma;
(c)
il-promozzjoni ta’ ekonomija aktar sostenibbli, ekwa u inklużiva sabiex jogħlew l-istandards tal-għajxien, jitnaqqas il-faqar u jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ impjieg;
(d)
il-konsolidazzjoni, iż-żieda u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ f’merkanzija agrikola u mhux agrikola bejn il-Partijiet, permezz tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta’ ostakli tariffarji u mhux tariffarji għall-kummerċ u l-integrazzjoni ulterjuri fil-ktajjen tal-valur globali;
(e)
il-faċilitazzjoni tal-kummerċ ta’ merkanzija permezz, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet miftiehma rigward il-faċilitazzjoni doganali u tal-kummerċ, l-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità kif ukoll miżuri sanitarji u fitosanitarji;
(f)
il-liberalizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi, u l-iżvilupp ta’ ambjent li jwassal għal żieda fil-flussi tal-investiment, fil-kompetittività, u fit-tkabbir ekonomiku u, b’mod partikolari, għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-istabbiliment ta’ negozji bejn il-Partijiet;
(g)
il-moviment liberu tal-kapital relatat mal-investiment dirett u mal-pagamenti kurrenti f’konformità mal-Kapitolu 18;
(h)
il-ftuħ effettiv, trasparenti u kompetittiv tas-swieq tal-akkwist pubbliku tal-Partijiet;
(i)
il-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-kreattività billi jiġi żgurat livell adegwat u effettiv ta’ protezzjoni u ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, f’konformità mar-regoli internazzjonali fis-seħħ bejn il-Partijiet, sabiex jiġi żgurat il-bilanċ bejn id-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet u l-interess pubbliku;
(j)
it-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet, f’konformità mal-prinċipju ta’ kompetizzjoni ħielsa u mingħajr distorsjoni;
(k)
l-istabbiliment ta’ qafas għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, inklużi l-impjegaturi, l-unions, l-organizzazzjonijiet tax-xogħol u tan-negozju u l-gruppi ambjentali biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni effettiva ta’ din il-Parti ta’ dan il-Ftehim;
(l)
l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu rapidu u effettiv għas-soluzzjoni tat-tilwim; u
(m)
ambjent regolatorju trasparenti u prevedibbli u proċeduri effiċjenti għall-operaturi ekonomiċi, speċjalment l-SMEs, filwaqt li tiġi ppreservata l-kapaċità tal-Partijiet li jadottaw u japplikaw il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom stess li jirregolaw l-attività ekonomika fl-interess pubbliku, u li jiksbu objettivi leġittimi ta’ politika pubblika bħall-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, il-morali pubbliċi, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali.
ARTIKOLU 9.3
Definizzjonijiet ġenerali
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għall-finijiet ta’ din il-Parti ta’ dan il-Ftehim:
(a)
“merkanzija agrikola” tfisser prodott elenkat fl-Anness 1 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura;
(b)
“dazju doganali” tfisser kwalunkwe dazju jew imposta ta’ kwalunkwe tip imposta fuq jew b’rabta mal-importazzjoni ta’ merkanzija, inkluża kwalunkwe forma ta’ soprataxxa jew ħlas addizzjonali impost fuq tali importazzjoni jew b’rabta magħha, iżda ma jinkludi l-ebda:
(i)
taxxi interni jew imposti interni oħra imposti b’mod konsistenti mal-Artikolu III tal-GATT tal-1994;
(ii)
dazji anti-dumping jew kompensatorji applikati f’konformità mal-Artikoli VI u XVI tal-GATT tal-1994 u l-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT tal-1994 u l-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta' Kumpens (SCM, Subsidies and Countervailing Measures) f’konformità mal-Kapitolu 16;
(iii)
miżuri applikati f’konformità mal-Artikolu XIX tal-GATT tal-1994 u mal-Ftehim dwar is-Salvagwardji tad-WTO, jew miżuri oħra ta’ salvagwardja applikati skont il-Kapitolu 16;
(iv)
miżuri awtorizzati mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO jew skont il-Kapitolu 29;
(v)
tariffa jew ħlas ieħor, impost b’mod konsistenti mal-Artikolu VIII tal-GATT tal-1994; jew
(vi)
miżuri adottati biex jissalvagwardjaw il-pożizzjoni finanzjarja esterna ta’ Parti u l-bilanċ tal-pagamenti tagħha, f’konformità mal-Artikolu XII tal-GATT tal-1994 u l-Ftehim dwar id-Dispożizzjonijiet tal-Bilanċ tal-Pagamenti tal-GATT tal-1994.
(c)
“CPC” tfisser il-Klassifikazzjoni Proviżorja Ċentrali tal-Prodotti (Statistical Papers Series M No. 77, Department of International Economic and Social Affairs, Statistical Office of the United Nations, New York, 1991);
(d)
“jiem” tfisser jiem kalendarji, inklużi tmiem il-ġimgħa u festi;
(e)
“eżistenti” tfisser b’effett fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim;
(f)
“merkanzija ta’ Parti” tfisser merkanzija domestika kif mifhuma fil-GATT tal-1994, u jinkludi merkanzija oriġinarja ta’ dik il-Parti;
(g)
“Sistema Armonizzata” jew “SA” tfisser is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, inklużi r-Regoli Ġenerali ta’ Interpretazzjoni tagħha, in-Noti tat-Taqsima, u n-Noti tal-Kapitolu, magħmula fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983;
(h)
“intestatura” tfisser l-ewwel erba’ figuri fin-numru tal-klassifikazzjoni tariffarja skont is-Sistema Armonizzata;
(i)
“persuna ġuridika” tfisser kull entità legali debitament kostitwita jew organizzata b’xi mod ieħor skont il-liġi applikabbli, kemm jekk tkun għal skopijiet ta’ profitt kif ukoll għal skopijiet oħra, u kemm jekk tkun proprjetà privata kif ukoll jekk tal-gvern, inkluż kull korporazzjoni, fiduċjarja, sħubija, impriża konġunta, sjieda esklussiva jew assoċjazzjoni;
(j)
“miżura” tinkludi kwalunkwe miżura minn Parti, kemm jekk fil-forma ta’ liġi, regolament, regola, proċedura, deċiżjoni, azzjoni amministrattiva, rekwiżit jew prattika;
(k)
“persuna fiżika ta’ Parti” tfisser, għall-Unjoni Ewropea, ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, u għall-MERCOSUR, ċittadin ta’ Stat Firmatarju tal-MERCOSUR, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli rispettiva tagħhom;
(l)
“persuna” tfisser persuna fiżika jew ġuridika; u
(m)
“miżura sanitarja jew fitosanitarja” tfisser kwalunkwe miżura kif definita fl-Anness A tal-Ftehim SPS (Sanitary and Phytosanitary Measures);
ARTIKOLU 9.4
Ftehimiet tad-WTO
(a)
“ADA” tfisser il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT tal-1994 (Anti-Dumping Agreement);
(b)
“Ftehim dwar l-Agrikoltura” tfisser il-Ftehim dwar l-Agrikoltura, li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim tad-WTO;
(c)
“DSU” tfisser il-Qbil dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni tat-Tilwim, li jinsab fl-Anness 2 tal-Ftehim tad-WTO (Dispute Settlement Understanding);
(d)
“GATS” tfisser il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, li jinsab fl-Anness 1B tal-Ftehim tad-WTO;
(e)
“GATT tal-1994” tfisser il-Ftehim Ġenerali tal-1994 dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim tad-WTO;
(f)
“Ftehim dwar is-Salvagwardji” tfisser il-Ftehim dwar is-Salvagwardji, li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim tad-WTO;
(g)
“Ftehim SCM” tfisser il-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens, li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim tad-WTO;
(h)
“Ftehim SPS” tfisser il-Ftehim dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim tad-WTO;
(i)
“Ftehim dwar l-OTK” tfisser il-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ, li jinsab fl-Anness 1 tal-Ftehim tad-WTO;
(j)
“Ftehim TRIPS” tfisser il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS, Trade-Related Aspects of Intellectual Property Rights), li jinsab fl-Anness 1C tal-Ftehim tad-WTO; u
(k)
“Ftehim tad-WTO” tfisser il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ magħmul fil-15 ta’ April 1994.
ARTIKOLU 9.5
Partijiet
1.
L-Unjoni Ewropea għandha tkun responsabbli għat-twettiq tal-impenji f’din il-Parti ta’ dan il-Ftehim.
2.
Ħlief fejn previst mod ieħor, kull wieħed mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR ta’ dan il-Ftehim għandu jkun responsabbli għat-twettiq tal-impenji f’din il-Parti ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 9.6
Integrazzjoni reġjonali
1.
Filwaqt li jirrikonoxxu d-differenzi fil-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali rispettivi tagħhom, u mingħajr preġudizzju għall-impenji meħuda skont din il-Parti ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom irawmu kundizzjonijiet li jiffaċilitaw il-moviment ta’ merkanzija u servizzi bejn u fi ħdan iż-żewġ reġjuni.
2.
Fir-rigward tal-moviment ta’ merkanzija, skont il-paragrafu 1:
(a)
merkanzija li toriġina fi Stat Firmatarju tal-MERCOSUR li tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea għandha tibbenefika mill-moviment liberu ta’ merkanzija fit-territorju tal-Unjoni Ewropea skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
(b)
l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR għandhom japplikaw għal merkanzija li toriġina fl-Unjoni Ewropea li hija importata fit-territorju tagħhom minn Stat Firmatarju tal-MERCOSUR ieħor, proċeduri doganali li mhumiex inqas favorevoli minn dawk applikabbli għal merkanzija li toriġina f’dak l-Istat Firmatarju tal-MERCOSUR.
It-trattament imsemmi taħt dan il-paragrafu, il-punti (a) u (b) ma jinkludix trattament tariffarju għall-merkanzija, li hu rregolat mill-Kapitolu 10;
(c)
l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR għandhom jirrieżaminaw perjodikament il-proċeduri doganali tagħhom bil-ħsieb li jiffaċilitaw il-moviment ta’ merkanzija tal-Unjoni Ewropea bejn it-territorji tagħhom u li jevitaw id-duplikazzjoni tal-proċeduri u l-kontrolli meta jkun prattikabbli u f’konformità mal-evoluzzjoni tal-proċess ta’ integrazzjoni tagħhom; u
(d)
il-benefiċċji tal-armonizzazzjoni tal-MERCOSUR tar-regolamenti tekniċi u tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, ir-rekwiżiti SPS u l-proċeduri ta’ approvazzjoni, inklużi ċ-ċertifikati u l-kontrolli tal-importazzjoni, għandhom jiġu estiżi taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji għal merkanzija li toriġina fl-Unjoni Ewropea jekk tkun ġiet importata f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Firmatarju tal-MERCOSUR importatur.
3.
Fir-rigward tal-moviment tas-servizzi, skont il-paragrafu 1:
(a)
L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jagħmlu ħilithom biex jiffaċilitaw, kif xieraq, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju tal-Unjoni Ewropea lil intrapriżi li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stat Firmatarju tal-MERCOSUR u stabbiliti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea; u
(b)
l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR għandhom jagħmlu ħilithom biex jiffaċilitaw, kif xieraq, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn it-territorji tagħhom lil intrapriżi li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u stabbiliti fi Stat Firmatarju tal-MERCOSUR.
TAQSIMA B
DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI SPEĊIFIĊI GĦALL-KUMMERĊ
ARTIKOLU 9.7
Funzjonijiet speċifiċi tal-Kunsill Konġunt li jaġixxi fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ
1.
Meta l-Kunsill Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 2.2 jindirizza kwistjonijiet relatati ma’ din
il-Parti tal-Ftehim, hu għandu jkollu s-setgħa li:
(a)
jissorvelja t-twettiq tal-objettivi ta’ din il-Parti tal-Ftehim u jissorvelja l-implimentazzjoni tiegħu;
(b)
jiddiskuti kwalunkwe kwistjoni koperta minn din il-Parti tal-Ftehim u, mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu 29, jindirizza kwalunkwe kwistjoni ewlenija li tirriżulta mill-implimentazzjoni tiegħu;
(c)
jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Partijiet kif previst f’din il-Parti ta-Ftehim;
(d)
jadotta, permezz ta’ deċiżjonijiet, interpretazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Parti tal-Ftehim li għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet u s-sottokumitati u l-korpi l-oħra kollha stabbiliti skont dan il-Ftehim, inkluż bordijiet stabbiliti skont il-Kapitolu 29;
(e)
jieħu azzjoni oħra bħal din fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu skont kif jiftiehmu l-Partijiet; u
(f)
jadotta deċiżjonijiet biex jemenda, fl-ilħuq tal-objettivi ta’ din il-Parti tal-Ftehim:
(i)
l-Anness 10-A f’konformità mal-Artikolu 10.4(9);
(ii)
l-Appendiċi 10-D-1 f’konformità mal-Artikolu 10(6) tal-Anness 10-D;
(iii)
l-Appendiċi 10-D-2 f’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-Anness 10-D;
(iv)
l-Appendiċi 10-D-3 f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Anness 10-D;
(v)
il-Kapitolu 11 f’konformità mal-Artikolu 11.34;
(vi)
it-Taqsima A tal-Anness 13-A f’konformità mal-Artikolu 13.8(9);
(vii)
l-Anness 14-A f’konformità mal-Artikolu 14.18;
(viii)
l-Annessi 20-A sa 20-E f’konformità mal-Artikolu 20.26;
(ix)
l-Annessi 20-F sa 20-J f’konformità mal-Artikolu 20.12;
(x)
l-Anness 21-A f’konformità mal-Artikolu 21.39;
(xi)
l-Anness 21-B f’konformità mal-Artikolu 21.39;
(xii)
l-Anness 21-C f’konformità mal-Artikolu 21.39;
(xiii)
l-Anness 21-E, f’konformità mal-Artikolu 21.39;
(xiv)
l-Anness 25-A, f’konformità mal-Artikolu 25.7;
(xv)
l-Annessi 29-A u 29-B f’konformità mal-Artikolu 29.22; u
(xvi)
kwalunkwe dispożizzjoni oħra, Anness, Appendiċi jew Protokoll, li għalihom il-possibbiltà ta’ tali deċiżjoni hija prevista b’mod espliċitu f’din il-Parti tal-Ftehim.
2.
Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(f), għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 30.5(2).
3.
Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, 3 (tliet) snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, u kull 5 (ħames) snin wara dan, il-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jibda proċess ta’ rieżami tal-Parti III ta’ dan il-Ftehim. Abbażi tal-eżitu ta’ kull rieżami, il-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jiddelibera dwar il-ħtieġa li tiġi emendata l-Parti III ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 9.8
Funzjonijiet speċifiċi tal-Kumitat Konġunt li jaġixxi fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ
1.
Meta l-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 2.3 jindirizza kwistjonijiet relatati ma’ din il-Parti tal-Ftehim, hu għandu jkollu s-setgħa li:
(a)
jissorvelja x-xogħol tas-sottokumitati kollha stabbiliti f’konformità ma’ din il-Parti tal-Ftehim;
(b)
jesplora l-aktar mod xieraq biex jipprevjeni jew isolvi kwalunkwe diffikultà li tista’ tinqala’ fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-Parti tal-Ftehim mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu 29;
(c)
jistabbilixxi sottokumitati addizzjonali, biex jalloka responsabbiltajiet fi ħdan il-kompetenza tiegħu lis-sottokumitati, biex jiddeċiedi li jimmodifika l-funzjonijiet tas-sottokumitati li jistabbilixxi, inkluż billi jassenja oħrajn ġodda, jew ixolji s-sottokumitati;
(d)
iħejji deċiżjonijiet għall-adozzjoni mill-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, f’konformità mal-objettivi speċifiċi ta’ din il-Parti tal-Ftehim, inklużi l-modifiki msemmija fl-Artikolu 9.7(1)(f), jew jadotta tali deċiżjonijiet fl-intervalli bejn il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, jew meta l-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ ma jkunx jista’ jiltaqa’; u
(e)
jieħu kwalunkwe azzjoni oħra fl-eżerċitar tal-funzjonijiet tiegħu skont kif jaqblu bejniethom il-Partijiet jew skont l-istruzzjonijiet tal-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ.
(f)
jirrieżamina l-implimentazzjoni tal-Parti III ta’ dan il-Ftehim inkluż bil-ħsieb li jivvaluta l-impatti tiegħu fuq l-impjiegi, l-investiment u l-kummerċ bejn il-Partijiet; ir-rieżami għandu jqis il-fehmiet jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-organizzazzjonijiet tan-negozju u tal-impjegaturi, il-movimenti soċjali u t-trade unions, filwaqt li jqis b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2.6 sa 2.8, b’mod konsistenti mal-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti;
2.
Id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2.3(7) u il-paragrafu 1(d) ta’ dan l-Artikolu li jintroduċu emendi għal dan il-Ftehim għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 30.5(2).
ARTIKOLU 9.9
Sottokumitati
1.
Is-Sottokumitati stabbiliti skont il-paragrafu 4 għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u minn kull wieħed mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR, min-naħa l-oħra.
2.
Is-sottokumitati għandhom jiltaqgħu f’livell xieraq fuq talba ta’ Parti, u, fi kwalunkwe każ, mill-inqas darba fis-sena. Jekk personalment, il-laqgħat għandhom isiru b’mod alternat fi Brussell u f’wieħed mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR. Is-sottokumitati jistgħu jiltaqgħu wkoll permezz ta’ telekonferenza, vidjokonferenza jew b’mezzi oħra, kif miftiehem b’mod reċiproku mill-Partijiet. Is-sottokumitati għandhom ikunu kopreseduti minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-MERCOSUR.
3.
Kull sottokumitat għandu jaqbel dwar l-iskeda tal-laqgħat tiegħu u jistabbilixxi l-aġenda tiegħu b’kunsens reċiproku.
4.
Is-sottokumitati li ġejjin huma b’dan stabbiliti taħt l-awspiċi tal-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ:
(a)
is-Sottokumitat għall-kummerċ ta’ merkanzija;
(b)
is-Sottokumitat għall-kummerċ fil-prodotti tal-inbid u l-ispirti;
(c)
is-Sottokumitat għad-dwana, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u r-regoli tal-oriġini;
(d)
is-Sottokumitat għall-kwistjonijiet SPS;
(e)
is-Sottokumitat għad-djalogi dwar kwistjonijiet relatati mal-katina agroalimentari;
(f)
is-Sottokumitat għall-kummerċ fis-servizzi u l-istabbiliment;
(g)
is-Sottokumitat għall-akkwist pubbliku;
(h)
is-Sottokumitat għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali; u
(i)
is-Sottokumitat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.
5.
Fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-qasam ta’ kompetenza tagħhom, is-sottokumitati għandu jkollhom is-setgħa li:
(a)
jissorveljaw l-implimentazzjoni u jiżguraw il-funzjonament xieraq ta’ din il-Parti tal-Ftehim;
(b)
jadottaw bi ftehim tal-Partijiet deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha fejn din il-Parti tal-Ftehim tipprevedi hekk;
(c)
jiddiskutu kwistjonijiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ din il-Parti tal-Ftehim jew ta’ kwalunkwe ftehim supplimentari bil-ħsieb li jsolvuhom, mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu 29; u
(d)
jipprovdu forum għall-Partijiet biex jiskambjaw l-informazzjoni, inkluż id-diskussjoni tal-aħjar prattiki u l-kondiviżjoni tal-esperjenza tal-implimentazzjoni.
6.
Il-kompiti tas-sottokumitati huma definiti aktar kif xieraq fil-Kapitoli rilevanti ta’ din il-Parti tal-Ftehim u jistgħu jiġu modifikati, jekk ikun meħtieġ, b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ.
7.
Is-sottokumitati għandhom iwettqu l-ħidma teknika preparatorja meħtieġa biex jappoġġaw il-funzjonijiet tal-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ u tal-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, inkluż meta dawk il-korpi jkollhom jadottaw deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet.
ARTIKOLU 9.10
Koordinaturi għal din il-Parti tal-Ftehim
1.
L-Unjoni Ewropea u kull Stat Firmatarju tal-MERCOSUR għandhom jaħtru koordinatur kull wieħed għal din il-Parti tal-Ftehim u jinnotifikaw lill-Parti l-oħra dwar dan fi żmien 30 (tletin) jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
2.
Il-koordinaturi għandhom:
(a)
iħejju l-aġenda u jikkoordinaw it-tħejjija tal-laqgħa tal-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ u tal-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ f’konformità mal-Artikoli 9.7 u 9.8;
(b)
jagħtu segwitu għad-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ jew mill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, kif xieraq;
(c)
jaġixxu bħala punti ta’ kuntatt sabiex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn il-Partijiet dwar kwalunkwe kwistjoni koperta minn dan il-Ftehim, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f’din il-Parti tal-Ftehim;
(d)
jirċievu kwalunkwe notifika u informazzjoni sottomessa skont din il-Parti tal-Ftehim, inkluża kwalunkwe notifika jew informazzjoni sottomessa lill-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ jew lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din il-Parti tal-Ftehim; u
(e)
iwettqu kwalunkwe kompitu ieħor kif mitlub mill-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ jew mill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ.
KAPITOLU 10
KUMMERĊ TA’ MERKANZIJA
ARTIKOLU 10.1
Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni
1
Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu żona ta’ kummerċ ħieles ta’ merkanzija fuq perjodu tranżitorju li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
2.
Ħlief kif previst mod ieħor f’din il-Parti tal-Ftehim, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu japplikaw għall-kummerċ ta’ merkanzija ta’ Parti.
TAQSIMA A
DAZJI DOGANALI
ARTIKOLU 10.2
Trattament nazzjonali
Kull Parti għandha tagħti trattament nazzjonali lill-merkanzija tal-Parti l-oħra f’konformità mal-Artikolu III tal-GATT tal-1994, inklużi n-Noti u d-Dispożizzjonijiet Supplimentari tiegħu. Għal dak l-għan, l-Artikolu III tal-GATT tal-1994 u n-Noti u d-Dispożizzjonijiet Supplimentari tiegħu huma inkorporati u integrati f’dan il-Ftehim, mutatis mutandis.
ARTIKOLU 10.3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, “merkanzija oriġinarja” tfisser merkanzija li tikkwalifika bħala li joriġina f’Parti skont ir-regoli tal-oriġini stabbiliti fil-Kapitolu 11.
ARTIKOLU 10.4
Tnaqqis u eliminazzjoni tad-dazji doganali
1.
Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din il-Parti tal-Ftehim, kull Parti għandha tnaqqas jew telimina d-dazji doganali tagħha fuq merkanzija oriġinarja f’konformità mal-Anness 10-A.
2.
Il-klassifikazzjoni tal-kummerċ ta’ merkanzija bejn il-Partijiet għandha tkun f’konformità man-nomenklatura tariffarja rispettiva ta’ kull Parti f’konformità mas-Sistema Armonizzata. Kull Parti għandha tispeċifika fl-Appendiċi rispettiv tagħha tal-Anness 10-A l-verżjoni tas-Sistema Armonizzata użata għal dan l-għan.
3.
Parti tista’ toħloq linja tariffarja ġdida. F’dak il-każ u sa fejn hu kkonċernat il-kummerċ bejn il-Partijiet, id-dazju doganali applikabbli għall-merkanzija korrispondenti taħt il-linja tariffarja l-ġdida għandu jkun daqs jew inqas mid-dazju doganali applikabbli għall-merkanzija korrispondenti taħt il-linja tariffarja oriġinali speċifikata fl-Anness 10-A u l-konċessjoni tariffarja miftiehma għandha tibqa’ l-istess.
4.
Għal kull merkanzija li toriġina fil-Parti l-oħra, ir-rata bażi tad-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet li t-tnaqqis suċċessiv japplika għalihom skont il-paragrafu 1 hija speċifikata fl-Anness 10-A.
5.
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 3, għal perjodu ta’ sentejn (2) mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex iżżid id-dazji doganali applikati fil-31 ta’ Diċembru 2017 fuq merkanzija li toriġina fil-Paragwaj li hija kklassifikata taħt il-linji tariffarji li ġejjin stabbiliti fl-Appendiċi 10-A-1 bħala merkanzija “PY”: 20019030, 21012098, 21069098 u, 33021029. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, “merkanzija li toriġina fil-Paragwaj” tfisser merkanzija li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-oriġini skont it-Titolu II, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 2, is-Subtaqsimiet 2 u 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u t-Titolu II, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2, is-Subtaqsimiet 3 sa 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE)
2015/2447
tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.
6.
Ħlief kif previst mod ieħor f’din il-Parti tal-Ftehim, Parti ma għandhiex tintroduċi dazji doganali ġodda jew iżżid id-dazji doganali li diġà huma applikati f’konformità mar-rati bażi stabbiliti fl-Anness 10-A fuq il-kummerċ tal-merkanzija oriġinarja bejn il-Partijiet mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Għal ċertezza akbar, Parti tista’ żżid dazju doganali applikabbli għall-kummerċ bejn il-Partijiet kif stabbilit fl-Anness 10-A li jkun tnaqqas unilateralment għal-livell stabbilit f’dak l-Anness għas-sena rispettiva wara dak it-tnaqqis unilaterali.
7.
Jekk Parti tnaqqas ir-rata tad-dazju doganali tal-pajjiż l-aktar favorit tagħha għal livell taħt ir-rata bażi għal linja tariffarja partikolari speċifikata fl-Anness 10-A, dik ir-rata tad-dazju għandha titqies li tissostitwixxi r-rata bażi fl-Anness 10-A, jekk, u sakemm tkun aktar baxxa mir-rata bażi, għall-finijiet tal-kalkolu tar-rata preferenzjali għal dik il-linja tariffarja. F’dan ir-rigward, il-Parti għandha tapplika t-tnaqqis tariffarju għar-rata tan-nazzjon l-aktar favorit sabiex tikkalkula r-rata applikabbli tad-dazju doganali, filwaqt li żżomm f’kull ħin il-marġni relattiv ta’ preferenza għal kwalunkwe linja tariffarja. Tali marġni relattiv ta’ preferenza għal linja tariffarja għandu jikkorrispondi għad-differenza bejn ir-rata bażi stabbilita fl-Anness 10-A u r-rata tad-dazju applikata għal dik il-linja tariffarja f’konformità mal-Anness 10-A diviża b’dik ir-rata bażi u għandu jiġi espress bħala perċentwal.
8.
Kull Parti tista’ taċċellera l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq il-merkanzija oriġinarja tal-Parti l-oħra, jew inkella ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq għall-merkanzija oriġinarja tal-Parti l-oħra, jekk is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali tagħha u s-sitwazzjoni tas-settur ekonomiku kkonċernat jippermettu dan.
9.
Minn 3 (tliet) snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, is-Sottokumitat għall-kummerċ ta’ merkanzija, imsemmi fl-Artikolu 10.14, għandu jikkunsidra miżuri li jipprevedu aċċess imtejjeb għas-suq. Il-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jkollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet biex jemenda l-Anness 10-A. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jieħdu post kwalunkwe rata ta’ dazju jew kategorija tal-eliminazzjoni gradwali ddeterminata fl-Anness 10-A għal tali merkanzija oriġinarja.
ARTIKOLU 10.5
Merkanzija li terġa’ tiddaħħal wara t-tiswija
1.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “tiswija” tfisser kwalunkwe operazzjoni ta’ pproċessar imwettqa fuq merkanzija biex jiġu rrimedjati difetti operattivi jew ħsara materjali u li tinvolvi l-istabbiliment mill-ġdid tal-merkanzija għall-funzjoni oriġinali tagħha jew biex tiġi żgurata l-konformità tagħha mar-rekwiżiti tekniċi għall-użu tagħha, li mingħajrha l-merkanzija ma setgħetx tibqa’ tintuża bil-mod normali għall-iskopijiet li għalihom kienet maħsuba. It-tiswija ta’ merkanzija tinkludi r-restawr u l-manutenzjoni, iżda ma tinkludix operazzjoni jew proċess li:
(a)
jeqred il-karatteristiċi essenzjali tal-merkanzija jew joħloq merkanzija ġdida jew kummerċjalment differenti;
(b)
jittrasforma merkanzija mhux lesta f’merkanzija lesta; jew
(c)
jintuża biex itejjeb il-prestazzjoni teknika ta’ merkanzija.
2.
Parti ma għandhiex tapplika dazji doganali għal merkanzija, irrispettivament mill-oriġini tagħha, li terġa’ tidħol fit-territorju doganali ta’ dik il-Parti wara li dik il-merkanzija tkun ġiet esportata temporanjament mit-territorju doganali tagħha lejn it-territorju doganali tal-Parti l-oħra għat-tiswija, irrispettivament minn jekk tali tiswija setgħetx titwettaq fit-territorju doganali tal-Parti li minnha tkun ġiet esportata l-merkanzija għat-tiswija kif definit fil-paragrafu 1.
3.
Il-paragrafu 2 ma japplikax għal merkanzija importata f’bond f’żoni ta’ kummerċ ħieles jew f’żoni ta’ status simili, li tiġi esportata għat-tiswija u li ma tiġix importata mill-ġdid f’bond f’żoni ta’ kummerċ ħieles jew f’żoni bi status simili.
4.
Parti ma għandhiex tapplika dazji doganali għal merkanzija, irrispettivament mill-oriġini tagħha, importata temporanjament mit-territorju doganali tal-Parti l-oħra għat-tiswija.
TAQSIMA B
MIŻURI MHUX TARIFFARJI
ARTIKOLU 10.6
Tariffi u imposti oħra fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet
1.
Kull Parti għandha tiżgura, f’konformità mal-Artikolu VIII tal-GATT tal-1994, inklużi n-Noti u d-Dispożizzjonijiet Supplimentari tiegħu, li t-tariffi u l-imposti l-oħra kollha ta’ kwalunkwe natura, għajr id-dazji fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni imposti fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni jew b’rabta magħhom, ikunu limitati fl-ammont għall-kost approssimattiv tas-servizzi mogħtija, ma għandhomx jiġu kkalkolati fuq bażi ad valorem u ma għandhomx jirrappreżentaw protezzjoni indiretta għall-merkanzija domestika jew tassazzjoni fuq l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet għal skopijiet fiskali.
2.
Kull Parti tista’ timponi imposti jew tirkupra l-kostijiet biss jekk jingħataw servizzi speċifiċi, b’mod partikolari għal dawn li ġejjin:
(a)
attendenza, jekk mitluba, minn persunal doganali barra l-ħinijiet uffiċjali tal-uffiċċju jew f’bini li mhuwiex bini doganali;
(b)
analiżi jew rapporti ta’ esperti dwar merkanzija u tariffi postali għar-ritorn ta’ merkanzija lil applikant, b’mod partikolari fir-rigward ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti jew l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ liġijiet u regolamenti doganali;
(c)
l-eżami jew it-teħid ta’ kampjuni ta’ merkanzija għal skopijiet ta’ verifika, jew il-qerda ta’ merkanzija, jekk ikunu involuti spejjeż oħra minbarra l-ispejjeż għall-użu tal-persunal doganali; jew
(d)
miżuri ta’ kontroll eċċezzjonali, meta dawn ikunu neċessarji minħabba n-natura tal-merkanzija jew riskju potenzjali.
3.
Parti ma għandhiex teħtieġ tranżazzjonijiet konsulari, inkluż tariffi u imposti relatati, b’rabta mal-importazzjoni ta’ merkanzija mill-Parti l-oħra. Il-Partijiet għandu jkollhom perjodu tranżitorju ta’ 3 (tliet) snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan il-paragrafu.
4.
Kull Parti għandha tippubblika lista tat-tariffi u l-imposti li timponi b’rabta mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-merkanzija.
ARTIKOLU 10.7
Proċeduri ta’ liċenzjar għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni
1.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-proċeduri kollha ta’ liċenzjar għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni applikabbli għall-kummerċ ta’ merkanzija bejn il-Partijiet ikunu newtrali fl-applikazzjoni u amministrati b’mod ġust, ekwu, mhux diskriminatorju u trasparenti.
2.
Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm biss proċeduri ta’ liċenzjar bħala kundizzjoni għall-importazzjoni fit-territorju tagħha minn dak tal-Parti l-oħra jew għall-esportazzjoni mit-territorju tagħha lejn dak tal-Parti l-oħra jekk proċeduri xierqa oħra sabiex jintlaħaq skop amministrattiv ma jkunux disponibbli b’mod raġonevoli.
3.
Il-Partijiet ma għandhomx jadottaw jew iżommu proċeduri mhux awtomatiċi ta’ liċenzjar għall-importazzjoni jew għall-esportazzjoni sakemm ma jkunx meħtieġ li tiġi implimentata miżura li tkun konsistenti ma’ din il-Parti tal-Ftehim. Parti li tadotta proċeduri mhux awtomatiċi ta’ liċenzjar għall-importazzjoni jew għall-esportazzjoni għandha tindika b’mod ċar il-miżura li tkun qed tiġi implimentata permezz ta’ tali proċedura ta’ liċenzjar.
4.
Il-Partijiet għandhom jintroduċu u jamministraw kwalunkwe proċedura ta’ liċenzjar skont l-Artikoli 1 sa 3 tal-Ftehim tad-WTO dwar il-Liċenzjar għall-Importazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim dwar il-Liċenzjar għall-Importazzjoni”). Għal dak l-għan, l-Artikoli 1 sa 3 tal-Ftehim dwar il-Liċenzjar għall-Importazzjoni huma inkorporati u magħmula parti minn dan il-Ftehim, mutatis mutandis, u għandhom japplikaw għal kwalunkwe proċedura ta’ liċenzjar għall-esportazzjoni.
5.
Kwalunkwe Parti li tintroduċi jew timmodifika kwalunkwe proċedura ta’ liċenzjar għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni għandha tagħmel l-informazzjoni rilevanti disponibbli fuq sit web uffiċjali. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli, kull meta prattikabbli, 21 (wieħed u għoxrin) jum qabel id-data tal-applikazzjoni tal-introduzzjoni ta’, jew il-modifika għal, proċeduri ta’ liċenzjar iżda fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tali data. L-informazzjoni disponibbli fuq l-Internet għandu jkun fiha d-data meħtieġa skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar il-Liċenzjar għall-Importazzjoni. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bi kwalunkwe introduzzjoni jew modifika tal-proċeduri ta’ liċenzjar għall-esportazzjoni u tali notifika għandu jkun fiha l-istess informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar il-Liċenzjar għall-Importazzjoni.
6.
Fuq talba ta’ Parti, il-Parti l-oħra għandha tipprovdi minnufih kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar kwalunkwe proċedura ta’ liċenzjar għall-importazzjoni u/jew għall-esportazzjoni li l-Parti li lilha tkun indirizzata t-talba jkollha l-ħsieb li tadotta jew tkun adottat jew żammet, inkluż l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 1 sa 3 tal-Ftehim dwar il-Liċenzjar għall-Importazzjoni, mutatis mutandis.
ARTIKOLU 10.8
Kompetizzjoni fl-esportazzjoni
1.
Il-Partijiet jaffermaw l-impenji tagħhom espressi fid-Deċiżjoni Ministerjali dwar il-Kompetizzjoni fl-Esportazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2015 (WT/MIN(15)/45, WT/L/980) tad-WTO (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Deċiżjoni Ministerjali dwar il-Kompetizzjoni fl-Esportazzjoni”).
2.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “sussidji fuq l-esportazzjoni” tfisser sussidji skont it-tifsira tal-Artikoli 1 u 3 tal-Ftehim SCM li huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni, inkluż is-sussidji elenkati fl-Anness I tal-Ftehim SCM u s-sussidji elenkati fl-Artikolu 9 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura.
3.
Parti ma għandhiex iżżomm, tintroduċi jew tintroduċi mill-ġdid sussidji fuq l-esportazzjoni fuq merkanzija agrikola li tiġi esportata jew inkorporata fi prodott li jiġi esportat.
4.
Parti ma għandhiex iżżomm, tintroduċi jew tintroduċi mill-ġdid krediti għall-esportazzjoni, garanziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni, programmi ta’ assigurazzjoni, intrapriżi kummerċjali tal-istat jew għajnuna alimentari internazzjonali, jew miżuri oħra li għandhom effett ekwivalenti għal sussidju fuq l-esportazzjoni, fuq merkanzija agrikola li tiġi esportata jew inkorporata f’merkanzija li tiġi esportata lejn it-territorju tal-Parti l-oħra, sakemm dawk il-miżuri ma jikkonformawx mal-obbligi tal-Parti li tesporta skont il-Ftehimiet u d-Deċiżjonijiet tad-WTO tal-Konferenza Ministerjali u tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO, inkluż b’mod partikolari d-Deċiżjoni Ministerjali dwar il-Kompetizzjoni fl-Esportazzjoni.
5.
Il-Partijiet jaffermaw l-impenn tagħhom fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Bali adottata fis-7 ta’ Diċembru 2013 (WT/MIN(13)/DEC) tad-WTO, imsaħħa bid-Deċiżjoni Ministerjali dwar il-Kompetizzjoni fl-Esportazzjoni, biex itejbu t-trasparenza u jtejbu l-monitoraġġ fir-rigward tal-forom kollha ta’ sussidji fuq l-esportazzjoni u krediti għall-esportazzjoni, garanziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni, programmi ta’ assigurazzjoni, intrapriżi kummerċjali tal-istat u għajnuna alimentari internazzjonali, kif ukoll miżuri oħra li għandhom effett ekwivalenti għal sussidju fuq l-esportazzjoni.
6.
Il-Partijiet jaffermaw l-impenji meħuda skont id-Deċiżjoni Ministerjali dwar il-Kompetizzjoni fl-Esportazzjoni fir-rigward tal-għajnuna alimentari internazzjonali u għandhom jaħdmu flimkien biex jinkoraġġixxu l-aħjar prattika fit-twassil tal-għajnuna alimentari fil-fora internazzjonali rilevanti billi jfittxu li jillimitaw il-monetizzazzjoni tal-għajnuna alimentari u l-kunsinna ta’ għajnuna alimentari in natura biss għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
ARTIKOLU 10.9
Dazji, taxxi u tariffi oħra u imposti fuq l-esportazzjoni
Parti ma għandhiex tintroduċi jew iżżomm dazji jew imposti ta’ kwalunkwe tip fuq l-esportazzjoni ta’ merkanzija lejn il-Parti l-oħra jew b’rabta magħha, ħlief f’konformità mal-Anness 10-B, 3 (tliet) snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 10.10
Intrapriżi kummerċjali tal-istat
1.
Xejn f’din il-Parti tal-Ftehim ma għandu jipprevjeni lil Parti milli żżomm jew tistabbilixxi intrapriża kummerċjali tal-istat f’konformità mal-Artikolu XVII tal-GATT tal-1994, inklużi n-Noti u d-Dispożizzjonijiet Supplimentari tiegħu u l-Fehim tad-WTO dwar l-Interpretazzjoni tal-Artikolu XVII tal-GATT tal-1994, li huma inkorporati f’dan il-Ftehim u magħmula parti minnu, mutatis mutandis.
2.
Jekk Parti titlob informazzjoni mill-Parti l-oħra dwar każijiet individwali ta’ intrapriżi kummerċjali tal-istat, l-operat tagħhom jew l-effett tal-operazzjonijiet tagħhom fuq il-kummerċ bilaterali, il-Parti li ssirilha t-talba għandha tiżgura trasparenza sħiħa f’konformità mal-Artikolu XVII tal-GATT tal-1994.
3.
Minkejja l-paragrafu 1, Parti ma għandhiex taħtar jew iżżomm monopolju deżinjat fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, ħlief għal dawk diġà stabbiliti minn Parti jew preskritti mill-Kostituzzjoni tagħha kif elenkati fl-Anness 10-C. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, monopolju tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni jfisser id-dritt esklużiv jew l-għoti ta’ awtorità minn Parti lil entità biex timporta merkanzija mill-Parti l-oħra, jew biex tesporta merkanzija lejha.
ARTIKOLU 10.11
Projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi
1.
Parti ma tistax tadotta jew iżżomm xi projbizzjoni jew restrizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ kwalunkwe merkanzija mill-Parti l-oħra jew fuq l-esportazzjoni jew il-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ kwalunkwe merkanzija destinata għall-Parti l-oħra, kemm jekk applikata permezz ta’ kwoti, ta’ liċenzji jew ta’ miżuri oħra, ħlief f’konformità mal-Artikolu XI tal-GATT tal-1994, inklużi n-Noti u d-Dispożizzjonijiet Supplimentari tiegħu. Għal dak l-għan, l-Artikolu XI tal-GATT tal-1994 u n-Noti u d-Dispożizzjonijiet Supplimentari tiegħu huma inkorporati u integrati f’din il-Parti tal-Ftehim, mutatis mutandis.
2.
Parti ma tistax tadotta jew iżżomm rekwiżiti tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-importazzjoni, ħlief kif permess fl-infurzar ta’ ordnijiet ta’ dazju anti-dumping u kumpensatorju jew impenji fuq il-prezzijiet.
ARTIKOLU 10.12
Utilizzazzjoni tal-preferenzi
1.
Għall-iskopijiet tal-monitoraġġ tal-funzjonament ta’ din il-Parti tal-Ftehim u tal-kalkolu tar-rati tal-utilizzazzjoni tal-preferenzi, kull sena l-Partijiet għandhom jiskambjaw statistika dwar l-importazzjoni għal perjodu li jibda sena (1) wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u li jintemm 10 (għaxar) snin wara li titlesta t-tneħħija tat-tariffi għall-merkanzija kollha f’konformità mal-Anness 10-A. Sakemm il-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ ma jiddeċidix mod ieħor, dan il-perjodu għandu jiġi estiż awtomatikament għal 5 (ħames) snin, u l-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ jista’ jiddeċiedi li jestendih aktar.
2.
L-iskambju tal-istatistika dwar l-importazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkopri data li tappartjeni għall-aktar sena reċenti disponibbli, inkluż il-valur u, jekk applikabbli, il-volum, fil-livell tal-linja tariffarja għall-importazzjonijiet ta’ merkanzija tal-Parti l-oħra li jibbenefikaw minn trattament preferenzjali tad-dazju skont din il-Parti tal-Ftehim u dawk li rċevew trattament mhux preferenzjali.
3.
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 u soġġett għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti, Parti ma għandhiex tkun obbligata tiskambja statistika dwar l-importazzjoni.
ARTIKOLU 10.13
Miżuri speċifiċi li jikkonċernaw il-ġestjoni tat-trattament preferenzjali
1.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-ġlieda kontra ksur tal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, l-irregolaritajiet u l-frodi relatati mat-trattament preferenzjali mogħti skont dan il-Kapitolu, f’konformità mal-Kapitolu 11 u l-Anness 12-A.
2.
Parti tista’, f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafu 4, tiddeċiedi li tissospendi temporanjament it-trattament preferenzjali rilevanti tal-prodotti kkonċernati, jekk dik il-Parti ssib, abbażi ta’ informazzjoni oġġettiva, konvinċenti u verifikabbli, li:
(a)
ikun twettaq ksur sistematiku fuq skala kbira fil-liġijiet u r-regolamenti, l-irregolaritajiet jew il-frodi rilevanti sabiex jinkiseb trattament tariffarju preferenzjali mogħti skont dan il-Kapitolu; u
(b)
il-Parti l-oħra sistematikament tirrifjuta jew b’xi mod ieħor tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha msemmija fil-paragrafu 1, f’konformità mal-Kapitolu 11 u l-Anness 12-A.
3.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, nuqqas ta’ konformità mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 1 ifisser, fost l-oħrajn, prova ċara u sistematika ta’:
(a)
nuqqas li jiġi ssodisfat l-obbligu li jiġi vverifikat l-istatus oriġinarju tal-prodotti kkonċernati, f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 11.24 u 11.25; u
(b)
rifjut jew dewmien mhux ġustifikabbli fil-komunikazzjoni tar-riżultat ta’ verifika tal-oriġini mwettqa f’konformità mal-Artikoli 11.25 u 11.26; jew
(c)
nuqqas ta’ kooperazzjoni amministrattiva skont l-Anness 12-A.
4.
Il-Parti li tkun għamlet sejba msemmija fil-paragrafu 2 għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ b’dan u tipprovdilu l-informazzjoni li tikkostitwixxi l-bażi għas-sejba tagħha.
5.
Meta r-rekwiżiti tal-paragrafu 4 jiġu ssodisfati, il-Parti li tkun għamlet sejba għandha tidħol f’konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra, fil-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, bl-għan li tinstab soluzzjoni li tkun aċċettabbli għaż-żewġ Partijiet. Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar soluzzjoni aċċettabbli b’mod reċiproku fi żmien 3 (tliet) xhur wara d-data tan-notifika, il-Parti li tkun għamlet is-sejba tista’ tiddeċiedi li tissospendi temporanjament it-trattament preferenzjali rilevanti tal-prodotti kkonċernati. F’każijiet bħal dawn, il-Parti li tkun għamlet is-sejba għandha tinnotifika s-sospensjoni temporanja lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ mingħajr dewmien żejjed.
6.
Deċiżjoni li jiġi sospiż temporanjament it-trattament preferenzjali rilevanti tal-prodott ikkonċernat skont il-paragrafu 4 għandha tapplika biss għal perjodu proporzjonat mal-impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-Parti kkonċernata u mhux għal aktar minn 3 (tliet) xhur. Jekk ikun jista’ jiġi aċċertat b’mod oġġettiv u verifikabbli li l-kundizzjonijiet li wasslu għal dik id-deċiżjoni ta’ sospensjoni jippersistu mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sospensjoni, il-Parti kkonċernata tista’ tiddeċiedi li ġġedded dik id-deċiżjoni li tissospendi għal perjodu ta’ żmien ugwali. Kwalunkwe sospensjoni għandha tkun soġġetta għal konsultazzjonijiet perjodiċi fil-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ. F’każ ta’ tiġdid, għandhom isiru konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ mill-inqas 15-il (ħmistax) jum qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ sospensjoni.
7.
Kull Parti għandha tippubblika, f’konformità mal-proċeduri interni tagħha, avviżi lill-importaturi dwar kwalunkwe notifika ta’ sejba skont il-paragrafu 4 u deċiżjoni ta’ sospensjoni temporanja msemmija fil-paragrafi 5 u 6.
TAQSIMA Ċ
DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI
ARTIKOLU 10.14
Sottokumitat għall-kummerċ ta’ merkanzija
1.
Is-Sottokumitat għall-kummerċ ta’ merkanzija, stabbilit skont l-Artikolu 9.9(4), għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin, flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikoli 2.4, 9.9 u 13.14:
(a)
jippromwovi l-kummerċ ta’ merkanzija bejn il-Partijiet;
(b)
jevalwa kull sena l-użu u l-amministrazzjoni tal-kwoti u tal-preferenzi mogħtija b’din il-Parti tal-Ftehim; u
(c)
jiddiskuti, jiċċara u jindirizza kwalunkwe kwistjoni teknika li tista’ tinqala’ bejn il-Partijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tan-nomenklatura tariffarja ta’ kull Parti kif definit fl-Anness 10-A, il-paragrafi 3 u 4.
ARTIKOLU 10.15
Sottokumitat għall-kummerċ fil-prodotti tal-inbid u l-ispirti
1.
Is-Sottokumitat għall-kummerċ fil-prodotti tal-inbid u l-ispirti, stabbilit skont l-Artikolu 9.9(4), għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin, flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikoli 2.4 u 9.9:
(a)
li jiżgura n-notifika f’waqtha tal-emendi għal-liġijiet u r-regolamenti dwar kwistjonijiet koperti mill-Anness 10-D li għandhom impatt fuq il-prodotti tal-inbid u l-ispirti nnegozjati bejn il-Partijiet; u
(b)
li jadotta deċiżjonijiet biex jiddetermina d-dettalji tar-regoli stabbiliti fl-Appendiċi 10-D-3, il-paragrafu 2, b’mod partikolari l-formoli li għandhom jintużaw u d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport dwar l-analiżi.
ARTIKOLU 10.16
Kooperazzjoni fil-kummerċ tal-prodotti tal-inbid u l-ispirti u punti fokali
1.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw u jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-kummerċ fil-prodotti tal-inbid u l-ispirti, b’mod partikolari:
(a)
id-definizzjonijiet tal-prodott, iċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettar tal-prodotti tal-inbid;
(b)
l-użu tal-varjetajiet tad-dwieli fil-produzzjoni tal-inbid u t-tikkettar tagħhom; u
(c)
id-definizzjonijiet tal-prodott, iċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettar tal-ispirti.
2.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw mill-qrib u jfittxu modi biex itejbu l-assistenza lil xulxin fl-applikazzjoni tal-Anness 10-D, b’mod partikolari sabiex jiġġieldu l-prattiki frodulenti.
3.
Sabiex tiġi ffaċilitata l-assistenza reċiproka bejn il-korpi u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-Partijiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti minn dan l-Anness, kull Parti għandha taħtar il-korpi u l-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni u l-infurzar tal-Anness 10-D. Jekk Parti taħtar aktar minn korp jew awtorità kompetenti waħda, hija għandha tiżgura li l-ħidma ta’ dawk il-korpi u l-awtoritajiet tkun ikkoordinata. F’każijiet bħal dawn, Parti għandha taħtar ukoll korp jew awtorità ta’ kollegament unika li sservi bħala l-punt fokali uniku għall-korp jew l-awtorità tal-Parti l-oħra.
4
Il-Partijiet għandhom, permezz tas-Sottokumitat għall-kummerċ fil-prodotti tal-inbid u l-ispirti, jinfurmaw lil xulxin bid-dettalji ta’ kuntatt tal-korpi, l-awtoritajiet u l-punti fokali msemmija fil-paragrafu 3 sa mhux aktar tard minn 6 (sitt) xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin bi kwalunkwe bidla fid-dettalji ta’ kuntatt lil tali korpi, awtoritajiet u punti fokali.
KAPITOLU 11
REGOLI TAL-ORIĠINI U PROĊEDURI TAL-ORIĠINI
TAQSIMA A
REGOLI TAL-ORIĠINI
ARTIKOLU 11.1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:
(a)
“klassifikat” tirreferi għall-klassifikazzjoni ta’ prodott jew materjal taħt taqsima, Kapitolu, intestatura jew subintestatura partikolari tas-Sistema Armonizzata;
(b)
“kunsinna” tfisser prodotti li jintbagħtu simultanjament minn esportatur wieħed lil destinatarju wieħed jew li jkunu koperti b’dokument ta’ trasport wieħed li jkopri l-ġarr tagħhom mill-esportatur għad-destinatarju jew, fl-assenza ta’ tali dokument, b’fattura waħda;
(c)
“awtorità doganali jew awtorità governattiva kompetenti” tirreferi għal:
(i)
fl-Unjoni Ewropea, is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-kwistjonijiet doganali, u l-amministrazzjonijiet doganali u kwalunkwe awtorità oħra tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea responsabbli għall-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni doganali; u
(ii)
fil-MERCOSUR, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR jew is-suċċessuri tagħhom, kif elenkati hawn taħt:
(A)
L-Arġentina: Secretaría de Industria y Gestión Comercio tal-Ministerio de Economía;
(B)
Il-Brażil: Secretaria de Comércio Exterior do Ministério do Desenvolvimento, Indústria, Comércio e Serviços u Secretaria Especial da Receita Federal do Brasil tal-Ministério da Fazenda;
(C)
Il-Paragwaj: Subsecretaría de Estado de Comercio y Servicios tal-Ministerio de Industria y Comercio; u
(D)
L-Urugwaj: Asesoría de Política Comercial tal-Ministerio de Economía y Finanzas;
(d)
“esportatur” tfisser persuna li tinsab f’Parti li tesporta tal-prodott oriġinarju u li tagħmel dikjarazzjoni dwar l-oriġini;
(e)
“materjali funġibbli” tfisser materjali li huma tal-istess tip u kwalità kummerċjali, bl-istess karatteristiċi tekniċi u fiżiċi, u li ma jistgħux jiġu distinti minn xulxin ladarba jiġu inkorporati fil-prodott;
(f)
“merkanzija” tfisser kemm materjali kif ukoll prodotti;
(g)
“importatur” tfisser persuna li timporta tal-prodott oriġinarju u li titlob trattament tariffarju preferenzjali għalih;
(h)
“manifattura” tfisser kull tip ta’ xogħol jew ipproċessar li jinkludi assemblaġġ jew operazzjonijiet speċifiċi;
(i)
“materjal” tfisser kull ingredjent, materja prima, komponent jew parti użata fil-manifattura ta’ prodott; u
(j)
“prodott” tfisser il-prodott li jkun qiegħed jiġi mmanifatturat, anki jekk ikun maħsub għal użu aktar tard f’operazzjoni oħra tal-manifattura.
ARTIKOLU 11.2
Rekwiżiti ġenerali
1.
Għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-trattament tariffarju preferenzjali minn Parti għall-merkanzija oriġinarja tal-Parti l-oħra f’konformità ma’ din il-Parti tal-Ftehim, il-prodotti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea, dment li jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli l-oħrajn kollha f’dan il-Kapitolu:
(a)
prodotti miksuba għalkollox fl-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 11.4;
(b)
prodotti miksuba fl-Unjoni Ewropea esklużivament minn materjali oriġinarji; jew
(c)
prodotti miksuba fl-Unjoni Ewropea li jinkorporaw materjali mhux oriġinarji, dment li jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness 11-B.
2.
Għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-trattament tariffarju preferenzjali minn Parti għall-merkanzija oriġinarja tal-Parti l-oħra f’konformità ma’ din il-Parti tal-Ftehim, il-prodotti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala li joriġinaw fil-MERCOSUR, dment li jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli l-oħrajn kollha f’dan il-Kapitolu:
(a)
prodotti miksuba għalkollox fil-MERCOSUR skont l-Artikolu 11.4;
(b)
prodotti miksuba fil-MERCOSUR esklużivament minn materjali oriġinarji; jew
(c)
prodotti miksuba fil-MERCOSUR li jinkorporaw materjali mhux oriġinarji, dment li jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness 11-B.
3.
Jekk prodott ikun kiseb status oriġinarju, il-materjali mhux oriġinarji użati fil-manifattura ta’ dak il-prodott ma għandhomx jitqiesu bħala mhux oriġinarji jekk dak il-prodott ikun inkorporat fi prodott ieħor bħala materjal.
ARTIKOLU 11.3
Akkumulazzjoni bilaterali tal-oriġini
1.
Il-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea għandhom jitqiesu bħala materjali li joriġinaw fil-MERCOSUR meta jiġu inkorporati fi prodott miksub hemmhekk, sakemm ikunu għaddew minn ħidma jew ipproċessar li jmorru lil hinn mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11.6.
2.
Il-prodotti li joriġinaw mill-MERCOSUR għandhom jitqiesu bħala materjali li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea meta jiġu inkorporati fi prodott miksub hemmhekk, sakemm ikunu għaddew minn ħidma jew ipproċessar li jmorru lil hinn mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11.6.
ARTIKOLU 11.4
Prodotti miksuba għalkollox
1.
Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala prodotti miksuba għalkollox fl-Unjoni Ewropea jew fil-MERCOSUR:
(a)
prodotti minerali u sustanzi naturali oħra estratti mill-ħamrija tagħhom jew minn qiegħ il-baħar tagħhom;
(b)
pjanti u prodotti veġetali mkabbra jew maħsuda hemm;
(c)
annimali ħajjin imwielda u mrobbija hemm;
(d)
prodotti li ġejjin minn annimali ħajjin imrobbija hemm;
(e)
prodotti minn annimali maqtula mwielda u mrobbija hemm;
(f)
prodotti miksuba permezz ta’ kaċċa jew sajd imwettaq hemm;
(g)
prodotti tal-akkwakultura fejn il-ħut, il-krustaċji, il-molluski u invertebrati akkwatiċi oħrajn jitwieldu u jitrabbew hemm;
(h)
prodotti tas-sajd u prodotti oħra meħuda mill-baħar mill-bastimenti tagħhom;
(i)
prodotti magħmula abbord il-bastimenti fabbrika tagħhom esklużivament mill-prodotti msemmija fil-punt (h);
(j)
prodotti minerali u riżorsi naturali oħra mhux ħajjin, meħuda jew estratti minn qiegħ il-baħar, mis-sottoswol jew minn qiegħ l-oċean ta’:
(i)
iż-żona ekonomika esklużiva tal-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR jew tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif iddeterminata mil-liġijiet u r-regolamenti tagħhom u f’konformità mal-Parti V tal-UNCLOS;
(ii)
il-blata kontinentali tal-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR jew tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif iddeterminata mil-liġijiet u r-regolamenti tagħhom u f’konformità mal-Parti VI tal-UNCLOS; jew
(iii)
iż-Żona, kif definita fl-Artikolu 1(1) tal-UNCLOS, fejn Parti jew persuna ta’ Parti jkollha drittijiet esklużivi ta’ sfruttament, f’konformità mal-Parti XI tal-UNCLOS u l-Ftehim relatat mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tal-UNCLOS;
(k)
oġġetti użati miġbura hemmhekk, tajbin biss għall-irkupru ta’ materja prima;
(l)
skart u laqx li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tal-manifattura imwettqa hemm; jew
(m)
merkanzija prodotta hemm esklużivament mill-prodotti speċifikati fil-punti (a) sa (l).
2.
It-termini “il-bastimenti tagħhom” u “il-bastimenti fabbrika tagħhom” fil-paragrafu 1, il-punti (h) u (i) japplikaw biss għall-bastimenti u għall-bastimenti fabbrika li:
(a)
huma rreġistrati fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat Firmatarju tal-MERCOSUR u, fejn xieraq, ikollhom liċenzji tas-sajd maħruġa minn Stat Firmatarju tal-MERCOSUR jew mill-Unjoni Ewropea f’isem il-kumpaniji tas-sajd debitament irreġistrati biex joperaw f’dak l-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea jew f’dak l-Istat Firmatarju tal-MERCOSUR;
(b)
ibaħħru bil-bandiera tal-istess Stat Membru tal-Unjoni Ewropea tar-reġistrazzjoni jew Stat Firmatarju tal-MERCOSUR; u
(c)
jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(i)
ikunu mill-inqas 50 % (ħamsin fil-mija) proprjetà ta’ persuna fiżika waħda jew aktar tal-Partijiet;
(ii)
ikunu proprjetà ta’ persuni ġuridiċi:
(A)
li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom u l-post tan-negozju ewlieni tagħhom f’Parti; u
(B)
li mill-inqas 50 % (ħamsin fil-mija) tas-sjieda tagħhom tappartjeni għal persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi tal-Partijiet; jew
(iii)
mill-inqas żewġ terzi tal-ekwipaġġ huma persuni fiżiċi tal-Partijiet.
ARTIKOLU 11.5
Tolleranzi
1.
Jekk materjal mhux oriġinarju użat fil-manifattura ta’ prodott ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness 11-B, tali prodott xorta waħda għandu jitqies bħala li joriġina f’Parti jekk:
(a)
il-valur totali tal-materjali mhux oriġinarji ma jaqbiżx l-10 % (għaxra fil-mija) tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott; u
(b)
kwalunkwe wieħed mill-perċentwali għall-valur jew il-piż massimu tal-materjali mhux oriġinarji stabbiliti fl-Anness 3-B ma jinqabiżx bl-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.
2.
Il-paragrafu 1 ma japplikax għall-prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 50 sa 63 tas-Sistema Armonizzata, li għalihom japplikaw it-tolleranzi stabbiliti fl-Anness 11-A, in-Noti 6 u 7.
ARTIKOLU 11.6
Operazzjonijiet ta’ ħidma jew ipproċessar insuffiċjenti
1.
Minkejja l-Artikolu 11.2(1), il-punt (c) u l-Artikolu 11.2(2), il-punt (c), prodott ma għandux jitqies li joriġina f’Parti jekk il-manifattura ta’ dak il-prodott tikkonsisti biss mill-operazzjonijiet li ġejjin imwettqa fuq materjali mhux oriġinarji f’dik il-Parti:
(a)
proċessi ta’ preżervazzjoni sabiex ikun żgurat li l-prodotti jibqgħu f’kundizzjoni tajba matul it-trasport u l-ħażna;
(b)
bidliet fl-imballaġġ u fis-separazzjoni u l-immuntar tal-pakketti;
(c)
il-ħasil, it-tindif jew it-tneħħija ta’ trab, ossidu, żejt, żebgħa jew kisi ieħor;
(d)
il-mogħdija jew l-ippressar tat-tessuti;
(e)
proċessi sempliċi ta’ żebgħa u lostru;
(f)
it-tneħħija tal-ħliefa, l-ibbliċjar parzjali jew totali, l-illustrar u l-igglejżjar taċ-ċereali u r-ross;
(g)
operazzjonijiet biex jingħata l-kulur jew it-togħma liz-zokkor jew biex jiġu ffurmati ċapep taz-zokkor, u tħin parzjali jew totali taz-zokkor granulat;
(h)
it-tqaxxir, it-tneħħija tal-għadma jew it-tfesdiq ta’ frott, ta’ lewż u ta’ ħaxix;
(i)
it-tisnin, it-tħin sempliċi, is-separazzjoni jew il-qtugħ sempliċi;
(j)
it-tgħarbil, l-iskrinjar, l-issortjar, il-klassifikazzjoni, il-gradazzjoni u t-tqabbil, inkluż it-tfassil ta’ settijiet ta’ oġġetti;
(k)
it-tqegħid sempliċi fi fliexken, laned, flasks, boroż, bagalji jew kaxxi, it-twaħħil fuq kartun jew twavel u l-proċessi sempliċi l-oħra kollha ta’ imballaġġ;
(l)
it-twaħħil jew l-istampar ta’ marki, tikketti, logos u sinjali simili oħra fuq il-prodotti jew fuq l-imballaġġ tagħhom;
(m)
it-taħlit sempliċi ta’ prodotti, kemm jekk ta’ tipi differenti kif ukoll jekk le, u t-taħlit sempliċi ta’ zokkor ma’ kwalunkwe materjal;
(n)
l-assemblaġġ sempliċi ta’ partijiet mhux oriġinarji biex jikkostitwixxu prodott sħiħ, jew iż-żarmar ta’ prodotti f’partijiet;
(o)
iż-żieda sempliċi ta’ ilma, id-dilwizzjoni, id-deidradazzjoni jew id-denaturazzjoni tal-prodotti;
(p)
it-tagħqid ta’ żewġ operazzjonijiet jew aktar speċifikati fil-punti (a) sa (o); jew
(q)
il-qatla tal-annimali.
2.
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-operazzjonijiet għandhom jitqiesu sempliċi jekk la jkunu meħtieġa ħiliet speċjali u lanqas magni, apparat jew għodda prodotti jew installati apposta għal dawk l-operazzjonijiet, għat-twettiq tagħhom.
ARTIKOLU 11.7
Unità ta’ kwalifika
1.
L-unità ta’ kwalifika għall-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu għandha tkun il-prodott partikolari kif ikklassifikat skont is-Sistema Armonizzata.
2.
Għal prodott magħmul minn grupp jew assemblaġġ ta’ oġġetti li huwa kklassifikat taħt intestatura waħda tas-Sistema Armonizzata, it-totalità tikkostitwixxi l-unità ta’ kwalifika.
3.
Għal kunsinna li tikkonsisti f’għadd ta’ prodotti identiċi kklassifikati taħt l-istess intestatura tas-Sistema Armonizzata, kull prodott għandu jittieħed individwalment meta jiġi applikat dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 11.8
Materjali tal-imballaġġ, materjali tal-ippakkjar u kontenituri
1.
Jekk, skont ir-Regola Ġenerali 5 għall-Interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata, l-imballaġġ ikun inkluż mal-prodott għal skopijiet ta’ klassifikazzjoni, dan għandu jiġi inkluż għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-oriġini.
2.
Il-materjali tal-ippakkjar u l-kontenituri għat-trasportazzjoni li jintużaw biex jipproteġu l-prodotti matul it-trasport għandhom jiġu injorati fid-determinazzjoni tal-oriġini ta’ tali prodotti.
ARTIKOLU 11.9
Aċċessorji, spare parts u għodod
Aċċessorji, spare parts u għodod mibgħuta ma’ biċċa tagħmir, magna, apparat jew vettura li normalment jintużaw għal dak il-prodott u huma inklużi fil-prezz tiegħu jew li mhumiex fatturati separatament għandhom jitqiesu bħala prodott wieħed mal-biċċa tagħmir, magna, apparat jew vettura inkwistjoni.
ARTIKOLU 11.10
Segregazzjoni kontabilistika
1.
Jekk jintużaw materjali funġibbli oriġinarji u mhux oriġinarji fil-manifattura ta’ prodott, dawk il-materjali għandhom jiġu segregati fiżikament, skont l-oriġini tagħhom, matul il-ħżin sabiex il-materjali oriġinarji jżommu l-istatus oriġinarju tagħhom.
2.
Minkejja l-paragrafu 1, is-segregazzjoni fiżika tal-materjali funġibbli oriġinarji u mhux oriġinarji mhijiex meħtieġa fil-manifattura ta’ prodott jekk l-oriġini ta’ tali prodott tiġi ddeterminata skont il-metodu ta’ segregazzjoni kontabilistika għall-ġestjoni tal-istokkijiet.
3.
Is-segregazzjoni kontabilistika għandha tiġi rreġistrata u applikata f’konformità mal-prinċipji kontabilistiċi ġeneralment aċċettati applikabbli fil-Parti li fiha jiġi manifatturat il-prodott.
4.
Il-metodu ta’ segregazzjoni kontabilistika jista’ jintuża biss jekk ikun jista’ jiġi żgurat li, fi kwalunkwe ħin, ma jkunx hemm aktar prodotti li jirċievu status oriġinarju milli kieku l-materjali jkunu ġew segregati fiżikament.
5.
Parti tista’ titlob li l-applikazzjoni tal-metodu ta’ segregazzjoni kontabilistika tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni soġġetta għal kwalunkwe kundizzjoni meqjusa xierqa u, f’każijiet bħal dawn, għandhom jimmonitorjaw l-użu tal-awtorizzazzjoni. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni fi kwalunkwe ħin jekk il-benefiċjarju tal-awtorizzazzjoni jagħmel użu mhux xieraq mill-metodu ta’ segregazzjoni kontabilistika bi kwalunkwe mod jew jonqos milli jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 11.11
Settijiet
Is-settijiet, kif definiti fir-Regola Ġenerali 3 għall-Interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata, għandhom jitqiesu bħala oriġinarji jekk il-prodotti komponenti kollha tagħhom ikunu oriġinarji. Minkejja dan, meta sett ikun magħmul minn prodotti oriġinarji u mhux oriġinarji, is-sett bħala entità sħiħa għandu jitqies bħala oriġinarju, sakemm il-valur tal-prodotti mhux oriġinarji ma jaqbiżx il-15 % (ħmistax fil-mija) tal-prezz tal-fabbrika tas-sett.
ARTIKOLU 11.12
Elementi newtrali
Sabiex jiġi ddeterminat jekk prodott hux oriġinarju, mhuwiex meħtieġ li tiġi ddeterminata l-oriġini tal-elementi li ġejjin użati fil-manifattura tiegħu:
(a)
l-enerġija u l-fjuwil;
(b)
l-impjant u t-tagħmir;
(c)
il-magni u l-għodod; jew
(d)
il-merkanzija li ma tidħolx u li mhijiex intiża li tidħol fil-kompożizzjoni finali tal-prodott.
ARTIKOLU 11.13
Prinċipju ta’ territorjalità
1.
Il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu relatati mal-akkwist ta’ status oriġinarju għandhom jiġu ssodisfati mingħajr interruzzjoni fl-Unjoni Ewropea jew fil-MERCOSUR.
2.
Jekk merkanzija oriġinarja esportata mill-Unjoni Ewropea jew mill-MERCOSUR lejn pajjiż terz tiġi rritornata, din għandha titqies bħala mhux oriġinarja sakemm ma jkunx jista’ jintwera għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali li l-merkanzija rritornata:
(a)
hija l-istess bħal dik esportata; u
(b)
ma tkun ġiet sottomessa għal ebda operazzjoni lil hinn minn dik meħtieġa biex tiġi ppreservata f’kundizzjoni tajba waqt li tkun f’dak il-pajjiż terz jew waqt li tkun qed tiġi esportata.
ARTIKOLU 11.14
Kundizzjonijiet tat-trasport
1.
Il-prodotti ddikjarati għall-importazzjoni f’Parti għandhom ikunu l-istess prodotti kif esportati mill-Parti li fiha jitqiesu oriġinarji. Ma għandhomx ikunu ġew mibdula, ittrasformati b’xi mod jew ġew soġġetti għal operazzjonijiet għajr dawk biex jiġu ppreservati f’kundizzjoni tajba jew biex jiżdiedu jew jitwaħħlu marki, tikketti, siġilli jew kwalunkwe sinjal distintiv ieħor, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti domestiċi speċifiċi tal-Parti li timporta, qabel ma jiġu ddikjarati għall-importazzjoni.
2.
Il-ħżin ta’ prodotti jew kunsinni u l-qsim ta’ kunsinni jistgħu jsiru jekk jitwettqu taħt ir-responsabbiltà tal-esportatur jew ta’ detentur sussegwenti tal-merkanzija, u jekk il-prodotti jibqgħu taħt is-superviżjoni doganali fil-pajjiż jew pajjiżi ta’ tranżitu.
3.
F’każ ta’ dubju dwar jekk ir-rekwiżiti previsti fil-paragrafi 1 u 2 humiex issodisfati, l-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta jistgħu jitolbu lill-importatur jipprovdi evidenza ta’ konformità, li tista’ tingħata bi kwalunkwe mezz, inkluż dokumenti kuntrattwali tat-trasport bħal poloz ta’ kargu, evidenza fattwali jew konkreta bbażata fuq l-immarkar jew in-numerazzjoni tal-pakketti jew kwalunkwe evidenza relatata mal-prodott innifsu.
ARTIKOLU 11.15
Esibizzjonijiet
1.
Prodotti oriġinarji mibgħuta għal esibizzjoni f’pajjiż terz u mibjugħa wara l-esibizzjoni għall-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea jew fil-MERCOSUR jibbenefikaw mal-importazzjoni mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-Parti tal-Ftehim jekk jintwera għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta li:
(a)
esportatur ikun ikkonsenja l-prodotti mill-Unjoni Ewropea jew mill-MERCOSUR lejn il-pajjiż terz li fih issir l-esibizzjoni u li jkun esibihom hemmhekk;
(b)
il-prodotti nbiegħu jew ingħataw b’xi mod ieħor minn dak l-esportatur lil persuna fl-Unjoni Ewropea jew fil-MERCOSUR;
(c)
il-prodotti jkunu kkonsenjati waqt l-esibizzjoni jew immedjatament wara fl-istat li jkunu intbagħtu għall-esibizzjoni; u
(d)
il-prodotti ma kinux, sa minn meta kienu kkonsenjati għall-esibizzjoni, użati għal xi skop minbarra dak ta’ demostrazzjoni fl-esibizzjoni.
2.
Għandha ssir dikjarazzjoni dwar l-oriġini skont it-Taqsima B u tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta. Fuqha għandhom jitniżżlu l-isem u l-indirizz tal-esibizzjoni.
3.
Il-paragrafu 1 japplika għal kwalunkwe esibizzjoni kummerċjali, industrijali, agrikola jew tas-snajja’, fiera jew wirja jew wirja pubblika simili li hija organizzata għal skopijiet oħra għajr għal skopijiet privati fi ħwienet jew postijiet tan-negozju bl-għan li jinbiegħu prodotti barranin, u li matulha l-prodotti jibqgħu taħt il-kontroll doganali.
TAQSIMA B
PROĊEDURI TAL-ORIĠINI
ARTIKOLU 11.16
Rekwiżiti ġenerali
Prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea meta jiġu importati fil-MERCOSUR, u prodotti li joriġinaw mill-MERCOSUR meta jiġu importati fl-Unjoni Ewropea, għandhom jibbenefikaw minn trattament tariffarju preferenzjali skont din il-Parti tal-Ftehim mal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni dwar l-oriġini f’konformità mal-Artikolu 11.17 u l-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti.
ARTIKOLU 11.17
Kundizzjonijiet biex issir dikjarazzjoni dwar l-oriġini
1.
Dikjarazzjoni dwar l-oriġini kif imsemmi fl-Artikolu 11.16 tista’ ssir minn:
(a)
esportatur skont il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tal-Parti tal-esportazzjoni; jew
(b)
kwalunkwe esportatur għal kwalunkwe kunsinna żgħira li tikkonsisti f’pakkett wieħed jew aktar li jkun fihom prodotti oriġinarji li l-valur totali tagħhom ma jaqbiżx il-limitu stipulat fil-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tal-Parti tal-esportazzjoni.
2.
Il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 1:
(a)
fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim;
(b)
jekk ikun hemm xi modifiki għal tali liġijiet u regolamenti, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ tali modifiki; u
(c)
fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, fi kwalunkwe ħin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
3.
Tista’ ssir dikjarazzjoni dwar l-oriġini jekk il-prodotti kkonċernati jkunu prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea jew fil-MERCOSUR u jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta’ dan il-Kapitolu.
4.
L-esportatur li jagħmel dikjarazzjoni dwar l-oriġini għandu jkun lest li jissottometti fi kwalunkwe ħin, fuq talba tal-awtoritajiet doganali jew tal-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-esportazzjoni, id-dokumenti xierqa kollha li jagħtu prova tal-istatus oriġinarju tal-prodotti kkonċernati u l-issodisfar tar-rekwiżiti l-oħra ta’ dan il-Kapitolu.
5.
L-esportatur għandu jagħmel dikjarazzjoni dwar l-oriġini fuq il-fattura, in-nota tal-konsenja, jew kwalunkwe dokument kummerċjali ieħor li jiddeskrivi l-prodott oriġinarju f’dettall suffiċjenti biex jippermetti l-identifikazzjoni tiegħu bl-użu ta’ waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi stabbiliti fl-Anness 11-C u f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti tal-esportazzjoni.
6.
Dikjarazzjoni dwar l-oriġini għandu jkollha l-firma oriġinali bil-miktub tal-esportatur sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tal-Parti tal-esportazzjoni.
7.
Dikjarazzjoni dwar l-oriġini tista’ ssir mill-esportatur meta l-prodotti relatati magħha jiġu esportati, jew wara l-esportazzjoni sakemm tiġi ppreżentata fil-Parti tal-importazzjoni sa mhux aktar tard minn sentejn (2) wara l-importazzjoni tal-prodotti li tirrelata magħhom.
ARTIKOLU 11.18
Validità ta’ dikjarazzjoni dwar l-oriġini
1.
Dikjarazzjoni dwar l-oriġini għandha tkun valida għal 12-il (tnax) xahar mid-data li fiha tkun saret mill-esportatur, u għandha tiġi ppreżentata f’dak il-perjodu ta’ żmien lill-awtoritajiet doganali tal-Parti tal-importazzjoni.
2.
Id-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini ppreżentati wara l-perjodu ta’ żmien speċifikat fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu aċċettati għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ trattament preferenzjali biss jekk in-nuqqas ta’ sottomissjoni tagħhom f’dak il-perjodu ta’ żmien kien dovut għal ċirkostanzi eċċezzjonali.
3.
F’każijiet oħra ta’ sottomissjoni tardiva, l-awtoritajiet doganali tal-Parti tal-importazzjoni jistgħu jaċċettaw id-dikjarazzjoni dwar l-oriġini jekk il-prodotti jkunu ġew ippreżentati qabel id-data finali.
ARTIKOLU 11.19
Importazzjoni bin-nifs
Jekk, fuq talba tal-importatur u soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet doganali tal-Parti tal-importazzjoni, prodotti żarmati jew mhux armati skont it-tifsira tar-Regola Ġenerali 2(a) għall-Interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata li huma kklassifikati fit-Taqsimiet XV sa XXI tas-Sistema Armonizzata jiġu importati bin-nifs, għandha tiġi ppreżentata dikjarazzjoni waħda dwar l-oriġini għal tali prodotti lill-awtoritajiet doganali mal-importazzjoni tal-ewwel konsenja.
ARTIKOLU 11.20
Eżenzjonijiet minn dikjarazzjoni dwar l-oriġini
1.
Prodotti mibgħuta bħala pakketti żgħar minn persuni privati lil persuni privati jew li jiffurmaw parti mill-bagalji personali ta’ vjaġġaturi għandhom jiġu ammessi bħala prodotti oriġinarji mingħajr ma tkun meħtieġa l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni dwar l-oriġini jekk tali prodotti ma jkunux importati f’għamla ta’ kummerċ u jkunu ġew iddikjarati li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu, u jekk ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-veraċità tad-dikjarazzjoni. Fil-każ ta’ prodotti mibgħuta bil-posta, id-dikjarazzjoni tista’ ssir fuq id-dikjarazzjoni doganali CN22/CN23 jew fuq karta annessa ma’ dak id-dokument.
2.
L-importazzjonijiet li huma okkażjonali u li jikkonsistu biss fi prodotti għall-użu personali tar-riċevituri jew tal-vjaġġaturi jew tal-familji tagħhom ma għandhomx jitqiesu bħala importazzjonijiet f’għamla ta’ kummerċ jekk ikun evidenti min-natura u l-kwantità tal-prodotti li ma huwa maħsub l-ebda skop kummerċjali.
3.
Il-valur totali tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandux jaqbeż il-valuri stipulati fil-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti tal-importazzjoni. Il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar dawk il-valuri.
ARTIKOLU 11.21
Dokumenti ta’ sostenn
Id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 11.17(4) jistgħu jinkludu:
(a)
evidenza diretta tal-proċessi mwettqa mill-esportatur jew mill-fornitur sabiex tinkiseb il-merkanzija kkonċernata, li tkun tinsab, pereżempju, fil-kontijiet jew fiż-żamma tal-kotba interni tagħhom;
(b)
dokumenti li jagħtu prova tal-istatus oriġinarju tal-materjali użati, maħruġa jew magħmula fl-Unjoni Ewropea jew fil-MERCOSUR, jekk dawk id-dokumenti jkunu użati, inħarġu jew intagħmlu skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ dik il-Parti;
(c)
dokumenti li jagħtu prova tal-ħdim jew tal-ipproċessar tal-materjali fl-Unjoni Ewropea jew fil-MERCOSUR, maħruġa jew magħmula fl-Unjoni Ewropea jew fil-MERCOSUR, jekk dawk id-dokumenti jintużaw, jinħarġu jew isiru f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti ta’ dik il-Parti; u
(d)
dikjarazzjoni dwar l-oriġini li tagħti prova tal-istatus oriġinarju tal-materjali użati magħmula fl-Unjoni Ewropea jew fil-MERCOSUR f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 11.22
Rekwiżiti ta’ żamma ta’ rekords
L-esportatur li jagħmel dikjarazzjoni dwar l-oriġini għandu jżomm, għal mill-inqas 3 (tliet) snin mid-data meta ssir id-dikjarazzjoni dwar l-oriġini, kopja ta’ dik id-dikjarazzjoni dwar l-oriġini u tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 11.17(4). L-importatur għandu jżomm dik id-dikjarazzjoni tal-oriġini, jew kopja tagħha jekk l-oriġinal tkun miżmuma mill-awtorità doganali jew mill-awtorità governattiva kompetenti, għal mill-inqas 3 (tliet) snin mid-data tal-importazzjoni tal-prodotti li għalihom tirreferi dik id-dikjarazzjoni dwar l-oriġini.
ARTIKOLU 11.23
Diskrepanzi u żbalji formali
1.
Diskrepanzi żgħar bejn id-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini u d-dokumenti ppreżentati lill-uffiċċju doganali għall-finijiet tat-twettiq tal-formalitajiet għall-importazzjoni tal-prodotti ma għandhomx jirrendu d-dikjarazzjoni dwar l-oriġini nulla u bla effett jekk jiġi stabbilit kif xieraq li d-dikjarazzjoni dwar l-oriġini tikkorrispondi mal-prodotti sottomessi.
2.
Żbalji formali ovvji fuq dikjarazzjoni dwar l-oriġini ma għandhomx iwasslu biex id-dikjarazzjoni dwar l-oriġini tiġi rrifjutata jekk tali żbalji ma joħolqux dubji dwar il-korrettezza tal-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni dwar l-oriġini.
ARTIKOLU 11.24
Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet governattivi kompetenti
1.
L-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Istat Firmatarju tal-MERCOSUR għandhom jipprovdu lil xulxin, permezz ta’ komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-MERCOSUR, l-indirizzi tal-awtoritajiet doganali jew tal-awtoritajiet governattivi kompetenti responsabbli għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini.
2.
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ dan il-Kapitolu, l-Unjoni Ewropea u l-MERCOSUR għandhom jassistu lil xulxin, permezz tal-awtoritajiet doganali jew tal-awtoritajiet governattivi kompetenti tagħhom, fil-verifika tal-awtentiċità tad-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini u l-korrettezza tal-informazzjoni mogħtija f’dawn id-dikjarazzjonijiet.
3.
Sabiex jiġi evitat, investigat u miġġieled il-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, l-Anness 12-A jipprevedi kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet governattivi kompetenti, inkluża l-preżenza ta’ uffiċjali debitament awtorizzati ta’ Parti waħda fit-territorju tal-oħra, soġġett għall-qbil ta’ u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Parti li tkun qed tingħata l-assistenza fit-territorju tagħha.
ARTIKOLU 11.25
Verifika tad-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini
1.
Il-verifiki tad-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini għandhom jitwettqu b’mod aleatorju jew kull meta l-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-importazzjoni jkollhom dubji raġonevoli dwar l-awtentiċità ta’ tali dikjarazzjonijiet, l-istatus oriġinarju tal-prodotti kkonċernati jew l-issodisfar tar-rekwiżiti l-oħra ta’ dan il-Kapitolu.
2.
Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-importazzjoni għandhom jirritornaw id-dikjarazzjoni dwar l-oriġini, jew kopja tagħha, lill-awtoritajiet doganali jew lill-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-esportazzjoni, filwaqt li jipprovdu r-raġunijiet għat-talba ta’ verifika. Kwalunkwe dokument jew informazzjoni miksuba li jissuġġerixxu li l-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjoni dwar l-oriġini mhijiex korretta għandhom jiġu inklużi b’appoġġ għat-talba għal verifika.
3.
It-talba għall-verifika u t-tweġiba sussegwenti għandhom jiġu sottomessi b’lingwa uffiċjali tal-awtorità doganali jew tal-awtorità governattiva kompetenti tal-Parti tal-importazzjoni li titlob il-verifika, f’lingwa aċċettabbli għal dik il-Parti jew f’konformità mal-Anness 12-A, l-Artikolu 5(3).
4.
Il-verifika għandha titwettaq mill-awtoritajiet doganali jew mill-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-esportazzjoni. Għal dan l-għan, huma għandhom l-awtorità li jitolbu kwalunkwe evidenza u li jwettqu kwalunkwe spezzjoni tal-kontijiet tal-esportatur jew kwalunkwe verifika oħra li jqisu xierqa.
5.
Jekk l-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-importazzjoni jiddeċiedu li jissospendu l-għoti ta’ trattament preferenzjali lill-prodotti kkonċernati waqt li jistennew ir-riżultati tal-verifika, huma għandhom joffru li jirrilaxxaw il-prodotti lill-importatur soġġett għal kwalunkwe miżura prekawzjonarja li l-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet governattivi kompetenti jqisu meħtieġa. Kwalunkwe sospensjoni ta’ trattament preferenzjali għandha tintemm malajr kemm jista’ jkun wara li l-Parti tal-importazzjoni tkun iddeterminat l-oriġini tal-prodotti.
6.
L-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-esportazzjoni għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-Parti tal-importazzjoni li jkunu qed jitolbu l-verifika bir-riżultati għaliha mill-aktar fis possibbli. Il-Parti tal-esportazzjoni għandha tipprovdi lill-awtoritajiet doganali jew lill-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-importazzjoni l-informazzjoni li ġejja:
(a)
ir-riżultati tal-verifika;
(b)
deskrizzjoni tal-prodott soġġett għall-verifika u l-klassifikazzjoni tariffarja rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini;
(c)
deskrizzjoni u spjegazzjoni tal-manifattura suffiċjenti biex jappoġġaw ir-raġunament dwar l-istatus oriġinarju tal-prodott;
(d)
informazzjoni dwar il-mod kif saret il-verifika; u
(e)
jekk xieraq, dokumentazzjoni ta’ sostenn.
7.
Jekk ma jkunx hemm tweġiba fi żmien 10 (għaxar) xhur mid-data tat-talba għall-verifika jew jekk it-tweġiba ma jkunx fiha biżżejjed informazzjoni biex tiġi ddeterminata l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni inkwistjoni jew tal-oriġini tal-prodotti, l-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet governattivi kompetenti rikjedenti għandhom, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jirrifjutaw trattament tariffarju preferenzjali għall-prodotti koperti mid-dikjarazzjoni dwar l-oriġini. Il-perjodu ta’ 10 (għaxar) xhur jista’ jiġi estiż bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet, filwaqt li jitqiesu l-għadd ta’ talbiet ta’ verifika u l-kumplessità tal-verifiki.
8.
L-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-importazzjoni li jitolbu l-verifika għandhom, fuq talba tal-awtoritajiet doganali jew tal-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-esportazzjoni, jinnotifikaw lil dawk l-awtoritajiet bid-deċiżjoni tagħhom dwar il-proċess ta’ verifika.
ARTIKOLU 11.26
Konsultazzjonijiet
1.
Jekk, fir-rigward tal-proċeduri ta’ verifika stabbiliti fl-Artikolu 11.25, l-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-importazzjoni jkollhom l-intenzjoni li jagħmlu determinazzjoni tal-oriġini li ma tkunx konsistenti mat-tweġiba pprovduta mill-awtoritajiet doganali jew mill-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-esportazzjoni f’konformità mal-Artikolu 11.25(6), il-Parti tal-importazzjoni għandha tinnotifika din l-intenzjoni lill-Parti tal-esportazzjoni fi żmien 60 (sittin) jum minn meta tirċievi t-tweġiba f’konformità mal-Artikolu 11.25(6).
2.
Fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, il-Partijiet għandhom iwettqu konsultazzjonijiet fi żmien 90 (disgħin) jum mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1 jew f’perjodu ta’ żmien miftiehem, bl-għan li jsolvu d-differenzi fir-rigward tal-proċeduri ta’ verifika. Il-perjodu għall-konsultazzjoni jista’ jiġi estiż fuq bażi ta’ każ b’każ bi ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet.
3.
Jekk ikun hemm differenzi fir-rigward tal-proċeduri ta’ verifika li ma jkunux jistgħu jiġu solvuti bejn l-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-importazzjoni li titlob verifika u l-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-esportazzjoni responsabbli għat-twettiq ta’ din il-verifika, jew jekk tali differenzi jqajmu mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, tali differenzi jew mistoqsijiet għandhom jiġu ppreżentati lis-Sottokumitat għad-dwana, l-iffaċilitar tal-kummerċ u r-regoli tal-oriġini, imsemmi fl-Artikolu 11.32.
4.
L-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-importazzjoni li jitolbu verifika jistgħu jagħmlu d-determinazzjoni dwar l-oriġini wara konsultazzjonijiet fis-Sottokumitat għad-dwana, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u r-regoli tal-oriġini u biss fuq il-bażi ta’ ġustifikazzjoni suffiċjenti, wara li jkunu taw lill-importatur id-dritt li jinstema’. Id-determinazzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Parti tal-esportazzjoni.
5.
Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jaffettwa l-proċeduri jew id-drittijiet tal-Partijiet skont il-Kapitolu 29.
6.
Fil-każijiet kollha, it-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-Parti tal-importazzjoni għandu jiġi solvut skont il-liġi ta’ dik il-Parti.
ARTIKOLU 11.27
Kunfidenzjalità
1.
Kull Parti għandha żżomm, f’konformità mal-liġi tagħha, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura skont dan il-Kapitolu u għandha tipproteġi dik l-informazzjoni mid-divulgazzjoni.
2.
L-informazzjoni miksuba mill-awtoritajiet tal-Parti li timporta tista’ tintuża biss minn dawk l-awtoritajiet għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu. Kull Parti għandha tiżgura li l-informazzjoni kunfidenzjali miġbura skont dan il-Kapitolu ma tintużax għal skopijiet oħra għajr l-amministrazzjoni u l-infurzar tad-determinazzjoni tal-oriġini u ta’ kwistjonijiet doganali, ħlief bil-permess tal-persuna jew tal-Parti li pprovdiet tali informazzjoni kunfidenzjali.
3.
Minkejja l-paragrafu 2, il-Parti li timporta tista’ tippermetti li l-informazzjoni miġbura skont dan il-Kapitolu tintuża jew tiġi żvelata fi kwalunkwe proċediment amministrattiv, ġudizzjarju jew ġuriżdizzjonali istitwit għal nuqqas ta’ konformità mal-liġijiet relatati mad-dwana li jimplimentaw dan il-Kapitolu. F’każ bħal dan il-Parti li timporta għandha tinnotifika lill-Parti li tesporta dwar l-użu jew l-iżvelar tal-informazzjoni.
ARTIKOLU 11.28
Miżuri amministrattivi u sanzjonijiet
Parti għandha timponi, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tagħha, miżuri amministrattivi u sanzjonijiet fuq kwalunkwe persuna li tfassal, jew tikkawża li jitfassal, dokument li jkun fih informazzjoni skorretta għall-finijiet tal-kisba ta’ trattament preferenzjali għall-prodotti.
TAQSIMA Ċ
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
ARTIKOLU 11.29
Ceuta u Melilla
1.
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, it-terminu “Parti” ma jinkludix lil Ceuta u Melilla.
2.
Il-prodotti li joriġinaw mill-MERCOSUR, meta jiġu importati f’Ceuta u Melilla, għandhom f’kull aspett ikunu soġġetti għall-istess trattament doganali skont dan il-Ftehim bħal dak li jiġi applikat għall-prodotti li joriġinaw fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea skont il-Protokoll 2 tal-Att tal-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża mal-Unjoni Ewropea. Il-MERCOSUR għandu jagħti lill-importazzjonijiet ta’ prodotti koperti minn dan il-Ftehim u li joriġinaw f’Ceuta u f’Melilla l-istess trattament doganali bħal dak mogħti lill-prodotti importati mill-Unjoni Ewropea u li joriġinaw minnha.
3.
Ir-regoli tal-oriġini u l-proċeduri tal-oriġini msemmija f’dan il-Kapitolu għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-prodotti esportati mill-MERCOSUR lejn Ceuta u Melilla u għall-prodotti esportati minn Ceuta u Melilla lejn il-MERCOSUR.
4.
Ceuta u Melilla għandhom jitqiesu bħala territorju wieħed.
5.
L-esportatur għandu jindika “MERCOSUR” jew “Ceuta u Melilla” fil-kaxxa 2 tat-test tad-dikjarazzjoni dwar l-oriġini, skont l-oriġini tal-prodott.
6.
L-awtoritajiet doganali tar-Renju ta’ Spanja għandhom ikunu responsabbli għall-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu f’Ceuta u Melilla.
ARTIKOLU 11.30
Kwoti tariffarji
Il-prodotti esportati skont il-kwoti tariffarji mogħtija mill-Unjoni Ewropea għandhom ikunu akkumpanjati minn dokument uffiċjali maħruġ mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR, li l-mudell tiegħu jenħtieġ li jiġi kkomunikat lill-Unjoni Ewropea mill-MERCOSUR sa mhux aktar tard mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 11.31
Merkanzija fi tranżitu jew fil-ħażna
Dan il-Ftehim jista’ jiġi applikat għal merkanzija li tikkonforma ma’ dan il-Kapitolu u li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, tkun fi tranżitu jew f’ħażna temporanja fi mħażen doganali jew f’żoni ħielsa fl-Unjoni Ewropea jew fil-MERCOSUR, soġġett għas-sottomissjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta, fi żmien 6 (sitt) xhur mid-data msemmija, ta’ dikjarazzjoni dwar l-oriġini u, jekk xieraq, id-dokumenti li juru li l-merkanzija tikkonforma mal-Artikolu 11.14.
ARTIKOLU 11.32
Sottokumitat għad-dwana, l-iffaċilitar tal-kummerċ u r-regoli tal-oriġini
1.
Is-Sottokumitat għad-dwana, l-iffaċilitar tal-kummerċ u r-regoli tal-oriġini stabbilit skont l-Artikolu 9.9(4) għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin, flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikoli 2.4, 9.9, 12.6(10) u 12.21:
(a)
li jwettaq il-ħidma interna preparatorja meħtieġa għall-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ dwar:
(i)
l-implimentazzjoni u t-tħaddim ta’ dan il-Kapitolu; u
(ii)
kwalunkwe emenda għal dan il-Kapitolu proposta minn Parti;
(b)
li jadotta noti ta’ spjegazzjoni biex jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu; u
(c)
li jwettaq, fejn meħtieġ, il-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 11.26.
ARTIKOLU 11.33
Noti ta’ spjegazzjoni
Is-Sottokumitat għad-dwana, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u r-regoli tal-oriġini għandu jadotta, kif xieraq, noti ta’ spjegazzjoni dwar l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 11.34
Emendi għal dan il-Kapitolu
Il-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ jista’ jemenda dan il-Kapitolu skont l-Artikolu 9.7(1), il-punt (f).
KAPITOLU 12
ID-DWANA U L-FAĊILITAZZJONI TAL-KUMMERĊ
ARTIKOLU 12.1
Objettivi u kamp ta’ applikazzjoni
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ kwistjonijiet doganali u ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ fl-ambjent kummerċjali globali li qed jevolvi.
2.
Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-istrumenti u l-istandards kummerċjali u doganali internazzjonali huma l-bażi għar-rekwiżiti u għall-proċeduri tal-importazzjoni, tal-esportazzjoni u tat-tranżitu.
3.
Il-Partijiet jirrikonoxxu li jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni tagħhom ma tkunx diskriminatorja u li l-proċeduri doganali u proċeduri oħra relatati mal-kummerċ għandhom ikunu bbażati fuq l-użu ta’ metodi moderni u kontrolli effettivi għall-ġlieda kontra l-frodi, il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur u l-promozzjoni tal-kummerċ leġittimu. Jenħtieġ li kull Parti tirrieżamina perjodikament il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri doganali tagħha. Il-Partijiet jirrikonoxxu wkoll li jenħtieġ li l-proċeduri doganali u proċeduri oħra relatati mal-kummerċ tagħhom ma jkunux ta’ piż amministrattiv akbar jew aktar restrittivi għall-kummerċ milli meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi leġittimi u jenħtieġ li jiġu applikati b’mod prevedibbli, konsistenti u trasparenti.
4.
Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom bl-għan li jiżguraw li l-liġijiet u r-regolamenti rilevanti, kif ukoll il-kapaċità amministrattiva tal-amministrazzjonijiet rilevanti, jissodisfaw l-objettivi tal-promozzjoni tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ filwaqt li jiżguraw kontroll effettiv tal-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-merkanzija fil-fruntiera.
5.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bl-għan li jappoġġaw l-iżvilupp tal-integrazzjoni reġjonali kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-MERCOSUR.
ARTIKOLU 12.2
Kooperazzjoni doganali
1.
Il-Partijiet, permezz tal-awtoritajiet rispettivi tagħhom, għandhom jikkooperaw dwar kwistjonijiet doganali u kwistjonijiet oħra relatati mal-kummerċ sabiex jiżguraw li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 12.1.
2.
Il-kooperazzjoni tista’ tinkludi:
(a)
l-iskambju ta’ informazzjoni dwar id-dwana u leġiżlazzjoni oħra relatata mal-kummerċ, l-implimentazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni u proċeduri doganali, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:
(i)
is-simplifikazzjoni u l-immodernizzar tal-proċeduri doganali;
(ii)
l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mill-awtoritajiet doganali;
(iii)
iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija u l-integrazzjoni reġjonali;
(iv)
il-faċilitazzjoni tal-movimenti ta’ tranżitu u trażbord;
(v)
il-koordinazzjoni bejn l-aġenziji fil-fruntiera;
(vi)
ir-relazzjonijiet mal-komunità tan-negozju;
(vii)
is-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskji; u
(viii)
l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni, tar-rekwiżiti tad-data u tad-dokumentazzjoni u tas-sistemi ta’ tieqa unika, inkluż il-ħidma b’risq l-interoperabbiltà futura tagħhom;
(b)
l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali u l-istrumenti u l-istandards doganali;
(c)
il-kollaborazzjoni dwar l-aspetti relatati mad-dwana tal-iżgurar u l-faċilitazzjoni tal-katina tal-provvista tan-negozju internazzjonali f’konformità mal-Qafas ta’ Standards li Jiżguraw u Jiffaċilitaw il-Kummerċ Globali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Qafas SAFE”, Framework of Standards to Secure and Facilitate Global Trade) tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“WCO”, World Customs Organisation);
(d)
l-iżvilupp ta’ inizjattivi konġunti relatati ma’ proċeduri ta’ importazzjoni u esportazzjoni, inklużi l-assistenza teknika, il-bini tal-kapaċitajiet u miżuri mmirati biex jipprovdu servizz effettiv lill-komunità tan-negozju;
(e)
it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-oqsma tad-dwana u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħad-WTO, id-WCO u l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (minn hawn ’il quddiem imsejħa “UNCTAD”, United Nations Conference on Trade and Development);
(f)
l-istabbiliment, jekk rilevanti u xieraq, tar-rikonoxximent reċiproku ta’ programmi ta’ sħubija kummerċjali u kontrolli doganali, inklużi miżuri ekwivalenti ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ;
(g)
it-trawwim tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet jew aġenziji oħra tal-gvern fir-rigward ta’ programmi ta’ operaturi ekonomiċi awtorizzati pereżempju billi jiġu allinjati r-rekwiżiti, jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-benefiċċji u tiġi minimizzata d-duplikazzjoni bla bżonn;
(h)
il-ħidma flimkien bil-ħsieb li jintlaħaq approċċ komuni għal kwistjonijiet relatati mal-valutazzjoni doganali; u
(i)
il-ħidma flimkien biex ikomplu jnaqqsu l-ħinijiet tar-rilaxx u biex jirrilaxxaw il-merkanzija mingħajr dewmien żejjed, b’mod partikolari merkanzija li titħassar.
3.
Il-Partijiet għandhom jipprovdu lil xulxin b’assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Anness 12-A.
ARTIKOLU 12.3
Liġijiet u regolamenti doganali u oħrajn relatati mal-kummerċ
1.
Il-liġijiet u r-regolamenti doganali u dawk relatati man-negozju ta’ kull Parti għandhom ikunu bbażati fuq:
(a)
strumenti u standards internazzjonali applikabbli fil-qasam tad-dwana u l-kummerċ, inkluż: il-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO magħmul f’Bali fis-7 ta’ Diċembru 2013 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO”); il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, magħmula fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983; il-Qafas Sikur u l-mudell tad-data tad-WCO, adottati f’Ġunju 2005, u, sa fejn ikun possibbli, l-elementi sostantivi tal-Konvenzjoni Riveduta ta’ Kjoto dwar is-Simplifikazzjoni u l-Armonizzazzjoni tal-Proċeduri Doganali, magħmula f’Kjoto fit-18 ta’ Mejju 1973;
(b)
l-objettiv komuni li jiġi ffaċilitat il-kummerċ leġittimu permezz tal-infurzar effettiv tar-rekwiżiti leġiżlattivi u l-konformità magħhom; u
(c)
leġiżlazzjoni li hija proporzjonata u mhux diskriminatorja, li tevita piżijiet bla bżonn fuq l-operaturi ekonomiċi, li tipprevedi aktar faċilitazzjoni għall-operaturi b’livelli għoljin ta’ konformità, inkluż trattament favorevoli fir-rigward tal-kontrolli doganali qabel ir-rilaxx tal-merkanzija, u li tiżgura salvagwardji kontra l-frodi u attivitajiet illeċiti jew dannużi.
2.
Sabiex jittejbu l-metodi ta’ ħidma, kif ukoll sabiex jiġu żgurati n-nondiskriminazzjoni, it-trasparenza, l-effiċjenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-operat, kull Parti għandha:
(a)
tissimplifika u tirrieżamina r-rekwiżiti u l-formalitajiet, kull fejn ikun possibbli, bil-ħsieb li jiġu żgurati r-rilaxx rapidu u l-iżdoganar tal-merkanzija;
(b)
taħdem lejn aktar simplifikazzjoni u standardizzazzjoni tad-data u d-dokumentazzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet doganali u aġenziji oħra; u
(c)
tiżgura li jinżammu l-ogħla standards ta’ integrità, permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri li jirriflettu l-prinċipji tal-konvenzjonijiet u l-istrumenti internazzjonali rilevanti f’dan il-qasam.
ARTIKOLU 12.4
Rilaxx tal-merkanzija
1.
Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm rekwiżiti u proċeduri li:
(a)
jipprevedu r-rilaxx immedjat tal-merkanzija f’perjodu li ma jkunx itwal milli meħtieġ sabiex tiġi assigurata konformità mal-liġijiet u l-formalitajiet doganali tagħha u oħrajn relatati mal-kummerċ;
(b)
jipprevedu s-sottomissjoni u l-ipproċessar elettroniċi bil-quddiem tad-dokumentazzjoni u ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa qabel il-wasla tal-merkanzija, biex jippermettu r-rilaxx tal-merkanzija mal-wasla; u
(c)
jippermettu r-rilaxx tal-merkanzija qabel id-determinazzjoni finali tad-dazji doganali, tat-taxxi, tat-tariffi u tal-imposti, jekk tali determinazzjoni ma ssirx qabel il-wasla, mal-wasla, jew malajr kemm jista’ jkun wara l-wasla, u jekk ir-rekwiżiti regolatorji l-oħra kollha jkunu ġew issodisfati.
2.
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (c), bħala kundizzjoni għal tali rilaxx, kull Parti tista’ teħtieġ garanzija għal kwalunkwe ammont li jkun għadu ma ġiex iddeterminat fil-forma ta’ garanzija, depożitu jew strument xieraq ieħor previst fil-liġijiet u r-regolamenti tagħha. Tali garanzija ma għandhiex tkun akbar mill-ammont li l-Parti tkun teħtieġ sabiex tiżgura l-pagament tad-dazji doganali, tat-taxxi, tat-tariffi u tal-imposti finalment dovuti għall-merkanzija koperta mill-garanzija. Il-garanzija għandha tiġi rilaxxata meta ma tibqax meħtieġa.
3.
Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tkompli tnaqqas il-ħinijiet tar-rilaxx u tirrilaxxa l-merkanzija mingħajr dewmien żejjed.
ARTIKOLU 12.5
Merkanzija li titħassar
1.
Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, merkanzija li titħassar hija merkanzija li teħżien malajr minħabba l-karatteristiċi naturali tagħha, b’mod partikolari fin-nuqqas ta’ kundizzjonijiet tal-ħażna adegwati.
2.
Kull Parti għandha tagħti prijorità xierqa lill-merkanzija li titħassar meta tiskeda u twettaq kwalunkwe eżami li jista’ jkun meħtieġ.
3.
Fuq talba ta’ operatur ekonomiku, kull Parti għandha, jekk prattikabbli u konsistenti mal-liġijiet u r-regolamenti tagħha:
(a)
tipprovdi għall-iżdoganar ta’ kunsinna ta’ merkanzija li titħassar barra mill-ħinijiet tal-ftuħ tad-dwana u ta’ awtoritajiet rilevanti oħrajn; u
(b)
tippermetti li l-kunsinni ta’ merkanzija li titħassar tiġi rilaxxata fil-bini tal-operatur ekonomiku.
ARTIKOLU 12.6
Deċiżjonijiet bil-quddiem
1.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “deċiżjoni bil-quddiem” tfisser deċiżjoni bil-miktub ipprovduta lil applikant qabel l-importazzjoni ta’ merkanzija koperta mill-applikazzjoni li tistabbilixxi t-trattament li l-Parti għandha tipprovdi lill-merkanzija fil-mument tal-importazzjoni fir-rigward ta’:
(a)
il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija; u
(b)
l-oriġini tal-merkanzija.
2.
Kull Parti għandha toħroġ, permezz tal-awtoritajiet doganali tagħha, deċiżjoni bil-quddiem li tistabbilixxi t-trattament li għandu jiġi pprovdut lill-merkanzija kkonċernata. Jekk applikant jissottometti talba bil-miktub, inkluż f’format elettroniku, li jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti emittenti, dik id-deċiżjoni għandha tinħareġ b’mod raġonevoli u marbut biż-żmien.
3.
Id-deċiżjoni bil-quddiem għandha tkun valida għal perjodu ta’ mill-inqas 3 (tliet) snin wara l-ħruġ tagħha sakemm il-liġi, il-fatti jew iċ-ċirkostanzi li jappoġġaw il-bidla oriġinali fid-deċiżjoni bil-quddiem jinbidlu.
4.
Parti tista’ tirrifjuta li toħroġ deċiżjoni bil-quddiem jekk il-kwistjoni mqajma tkun is-suġġett ta’ rieżami amministrattiv jew stħarriġ ġudizzjarju jew jekk l-applikazzjoni ma tkun relatata mal-ebda użu maħsub tad-deċiżjoni bil-quddiem. Jekk Parti tonqos milli toħroġ deċiżjoni bil-quddiem, hija għandha mill-ewwel tinnotifika lill-applikant bil-miktub, u tistipula l-fatti rilevanti u fuq liema bażi tkun ħadet id-deċiżjoni tagħha.
5.
Kull Parti għandha tippubblika, mill-inqas:
(a)
ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni għal deċiżjoni bil-quddiem, inkluża l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta u l-format;
(b)
iż-żmien previst għall-ħruġ ta’ deċiżjoni bil-quddiem; u
(c)
it-tul ta’ żmien li għalih id-deċiżjoni bil-quddiem hija valida.
6.
Jekk Parti tirrevoka, timmodifika jew tinvalida deċiżjoni bil-quddiem, hija għandha tipprovdi avviż bil-miktub lill-applikant li jistabbilixxi l-fatti rilevanti u l-bażi għad-deċiżjoni tagħha. Parti tista’ tirrevoka, timmodifika jew tinvalida deċiżjoni bil-quddiem b’effett retroattiv, biss jekk id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta, falza jew qarrieqa.
7.
Deċiżjoni bil-quddiem maħruġa minn Parti għandha tkun vinkolanti għal dik il-Parti fir-rigward tal-applikant li jkun fittixha. Il-Parti tista’ tistipula li d-deċiżjoni bil-quddiem tkun vinkolanti għall-applikant.
8.
Kull Parti għandha tipprovdi, fuq talba bil-miktub ta’ applikant, rieżami tad-deċiżjoni bil-quddiem jew tad-deċiżjoni li tirrevokaha, timmodifikaha jew tinvalidaha.
9.
Soġġett għal kwalunkwe rekwiżit ta’ kunfidenzjalità, l-elementi sostantivi ta’ dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu ppubblikati, online jew f’formati xierqa oħra.
10.
Sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ, is-Sottokumitat għad-dwana, l-iffaċilitar tal-kummerċ u r-regoli tal-oriġini, imsemmi fl-Artikolu 12.21, għandu jiddiskuti regolarment aġġornamenti dwar bidliet fil-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet dwar il-kwistjonijiet elenkati f’dan l-Artikolu.
11.
Il-Partijiet jistgħu jaqblu dwar deċiżjonijiet bil-quddiem dwar kwalunkwe kwistjoni oħra.
ARTIKOLU 12.7
Tranżitu u trażbord
1.
Kull Parti għandha tiżgura l-libertà ta’ tranżitu mit-territorju tagħha permezz tar-rotta l-aktar konvenjenti għat-tranżitu.
2.
Mingħajr preġudizzju għall-kontroll leġittimu, kull Parti għandha tagħti lit-traffiku fi tranżitu lejn jew mit-territorju tal-Parti l-oħra, trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lill-merkanzija simili tagħha stess u l-moviment tagħha, inklużi l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, meta tali merkanzija tiġi ttrasportata fuq l-istess rotta taħt kundizzjonijiet simili.
3.
Kull Parti għandha, sa fejn ikun possibbli, tapplika għal proċeduri doganali ta’ merkanzija ttrażbordata li hija inqas ta’ piż minn dawk applikati għat-traffiku fi tranżitu.
4.
Kull Parti għandha topera reġimi ta’ trasport marbuta li jippermettu t-tranżitu ta’ merkanzija mingħajr ħlas ta’ dazji doganali jew imposti oħra soġġetti għall-għoti ta’ garanzija xierqa.
5.
Kull Parti għandha tippromwovi u timplimenta arranġamenti ta’ tranżitu reġjonali bl-għan li tiffaċilita t-traffiku fi tranżitu u tnaqqas l-ostakli għall-kummerċ.
6.
Kull Parti għandha tibbaża fuq u tuża standards u strumenti internazzjonali rilevanti għat-tranżitu.
7.
Il-proċeduri ta’ tranżitu doganali jistgħu jintużaw ukoll jekk it-tranżitu tal-merkanzija jibda jew jintemm fit-territorju ta’ Parti (tranżitu intern).
8.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet u l-aġenziji kollha kkonċernati fit-territorji rispettivi tagħhom jikkooperaw u jikkoordinaw dwar kwistjonijiet doganali bl-għan li jiffaċilitaw it-traffiku fi tranżitu.
ARTIKOLU 12.8
Operatur ekonomiku awtorizzat
1.
Kull Parti għandha tistabbilixxi jew iżżomm programm ta’ sħubija għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ għall-operaturi li jissodisfaw kriterji speċifikati, minn hawn ’il quddiem imsejħa operaturi ekonomiċi awtorizzati (minn hawn ’il quddiem imsejħa “AEO”, authorised economic operators).
2.
Il-kriterji speċifikati li l-operaturi jridu jissodisfaw sabiex jikkwalifikaw bħala operaturi ekonomiċi awtorizzati, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-kriterji speċifikati”, għandhom ikunu relatati mal-konformità, jew mar-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità, mar-rekwiżiti speċifikati fil-liġijiet u fir-regolamenti ta’ kull Parti. Il-kriterji speċifikati, li għandhom jiġu ppubblikati, jistgħu jinkludu:
(a)
in-nuqqas ta’ kwalunkwe ksur serju jew ta’ ksur ripetut tal-liġijiet u r-regolamenti doganali u tat-tassazzjoni, inkluż l-ebda rekord ta’ reati kriminali serji relatati mal-attività ekonomika tal-applikant;
(b)
il-wiri mill-applikant ta’ livell għoli ta’ kontroll tal-operazzjonijiet tiegħu u tal-fluss tal-merkanzija, permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni ta’ rekords kummerċjali u, fejn xieraq, tat-trasport li tippermetti kontrolli doganali xierqa;
(c)
is-solvenza finanzjarja, li għandha titqies bħala ppruvata jekk l-applikant ikollu pożizzjoni finanzjarja tajba, li tippermettilu jissodisfa l-impenji tiegħu, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-karatteristiċi tat-tip ta’ attività kummerċjali kkonċernata;
(d)
kompetenzi ppruvati jew kwalifiki professjonali relatati direttament mal-attività mwettqa; u
(e)
standards xierqa ta’ sigurtà u sikurezza.
3.
Il-kriterji speċifikati ma għandhomx jitfasslu jew jiġu applikati b’tali mod li jippermettu jew joħolqu diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli bejn l-operaturi fejn jipprevalu l-istess kundizzjonijiet u għandhom jippermettu l-parteċipazzjoni tal-SMEs.
4.
Il-programm ta’ sħubija għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ għandu jinkludi mill-inqas erbgħa mill-benefiċċji li ġejjin:
(a)
inqas rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni u data, kif xieraq;
(b)
rata baxxa ta’ spezzjonijiet fiżiċi u eżamijiet, skont il-każ;
(c)
ħin ta’ rilaxx rapidu, kif xieraq;
(d)
pagament differit ta’ dazji, ta’ taxxi, ta’ tariffi u ta’ imposti;
(e)
użu ta’ garanziji komprensivi jew garanziji mnaqqsa;
(f)
dikjarazzjoni doganali unika għall-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet kollha f’perjodu speċifiku; u
(g)
l-iżdoganar tal-merkanzija fil-bini tal-operatur ekonomiku awtorizzat jew f’post ieħor awtorizzat mill-awtoritajiet doganali.
5.
Jenħtieġ li l-Partijiet jiżguraw il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u aġenziji oħra tal-fruntiera fl-iżvilupp tal-programmi tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati rispettivi tagħhom permezz ta’ mezzi bħall-allinjament tar-rekwiżiti, il-minimizzazzjoni tad-duplikazzjoni bla bżonn u l-aċċess għall-benefiċċji relatati mal-kontrolli u r-rekwiżiti amministrati minn aġenziji għajr l-awtoritajiet doganali.
ARTIKOLU 12.9
Tieqa unika
Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tistabbilixxi sistemi ta’ tieqa unika, li jippermettu lin-negozjanti jissottomettu permezz ta’ punt uniku ta’ dħul dokumentazzjoni u rekwiżiti tad-data għall-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu ta’ merkanzija lill-awtoritajiet jew l-aġenziji parteċipanti.
ARTIKOLU 12.10
Trasparenza
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ konsultazzjonijiet f’waqthom mar-rappreżentanti tal-kummerċ dwar il-liġijiet u l-proċeduri proposti ta’ Parti relatati ma’ kwistjonijiet doganali u ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ.
2.
Kull Parti għandha tiżgura li r-rekwiżiti u l-proċeduri doganali rispettivi tagħha u oħrajn relatati man-negozju ikomplu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-komunità tan-negozju, isegwu l-aħjar prattiki u jibqgħu kemm jista’ jkun inqas restrittivi għall-kummerċ.
3.
Kull Parti għandha, kif xieraq, tipprevedi konsultazzjonijiet regolari bejn l-aġenziji tal-fruntiera tagħha u n-negozjanti jew partijiet ikkonċernati oħra li jinsabu fit-territorju tagħha.
4.
Kull Parti għandha tippubblika minnufih, b’mod mhux diskriminatorju u faċilment aċċessibbli, u sa fejn ikun possibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi, liġijiet, regolamenti u proċeduri ġenerali ġodda relatati ma’ kwistjonijiet doganali u ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ qabel l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe liġi, regolament jew proċedura ġenerali bħal din, kif ukoll bidliet u interpretazzjonijiet ta’ tali liġijiet, regolamenti u proċeduri ġenerali. Dan għandu jinkludi:
(a)
il-proċeduri ta’ importazzjoni, esportazzjoni u tranżitu, inklużi proċeduri u sigħat ta’ operazzjoni fil-portijiet, fl-ajruporti, u f’punti ta’ dħul oħrajn, u formoli u dokumenti meħtieġa;
(b)
ir-rati tad-dazju u tat-taxxi applikati ta’ kull tip imposti fuq l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet, jew marbutin magħhom;
(c)
it-tariffi u l-imposti li jiġu imposti minn, jew f’isem, aġenziji tal-gvern fuq l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu jew b’rabta magħhom;
(d)
ir-regoli għall-klassifikazzjoni jew il-valutazzjoni tal-prodotti għal finijiet doganali;
(e)
il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-deċiżjonijiet amministrattivi ta’ applikazzjoni ġenerali li jkollhom x’jaqsmu mar-regoli tal-oriġini;
(f)
ir-restrizzjonijiet jew l-projbizzjonijiet tal-importazzjoni, l-esportazzjoni jew tat-tranżitu;
(g)
id-dispożizzjonijiet ta’ penali kontra l-ksur ta’ formalitajiet tal-importazzjoni, tal-esportazzjoni jew tat-tranżitu;
(h)
il-proċeduri ta’ appell;
(i)
il-ftehimiet, jew partijiet tagħhom, ma’ kwalunkwe pajjiż jew pajjiżi relatati mal-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu;
(j)
il-proċeduri relatati mal-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji;
(k)
il-punti ta’ kuntatt għal mistoqsijiet ta’ informazzjoni; u
(l)
avviżi rilevanti oħrajn ta’ natura amministrattiva fir-rigward ta’ dan ta’ hawn fuq.
5.
Kull Parti għandha tiżgura li jkun hemm perjodu ta’ żmien raġonevoli bejn il-pubblikazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u proċeduri ġenerali u tariffi jew imposti ġodda jew emendati u d-dħul fis-seħħ tagħhom.
6.
Kull Parti għandha tagħmel disponibbli online u taġġorna, kif xieraq, dan li ġej:
(a)
deskrizzjoni tal-proċeduri ta’ importazzjoni, esportazzjoni u tranżitu tagħha, inkluż proċeduri ta’ appell, li tinforma dwar il-passi prattiċi meħtieġa għall-importazzjoni u l-esportazzjoni u għat-tranżitu;
(b)
il-formoli u d-dokumenti meħtieġa għall-importazzjoni fit-territorju ta’ dik il-Parti, u għall-esportazzjoni jew għat-tranżitu minnu; u
(c)
informazzjoni ta’ kuntatt dwar il-punti ta’ informazzjoni.
7.
Kull Parti għandha tistabbilixxi jew iżżomm punt ta’ informazzjoni wieħed jew aktar sabiex iwieġbu fi żmien raġonevoli mistoqsijiet mill-gvernijiet, min-negozjanti u minn partijiet interessati oħra dwar id-dwana u kwistjonijiet oħra relatati mal-kummerċ. Il-Partijiet ma għandhomx jeħtieġu l-ħlas ta’ tariffa biex iwieġbu mistoqsijiet jew jipprovdu l-formoli u d-dokumenti meħtieġa. Il-punti ta’ informazzjoni għandhom iwieġbu għall-mistoqsijiet u jipprovdu l-formoli u d-dokumenti f’perjodu ta’ żmien raġonevoli stabbilit minn kull Parti, li jista’ jvarja skont in-natura jew il-kumplessità tal-inkjesta.
ARTIKOLU 12.11
Valutazzjoni doganali
Il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-GATT (1994) għandu jirregola r-regoli tal-valutazzjoni doganali applikati għall-kummerċ reċiproku bejn il-Partijiet. Id-dispożizzjonijiet tiegħu huma b’dan inkorporati f’dan il-Ftehim u magħmula parti integrali minnu.
ARTIKOLU 12.12
Ġestjoni tar-riskju
1.
Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm sistema ta’ ġestjoni tar-riskju għall-kontroll doganali.
2.
Kull Parti għandha tfassal u tapplika ġestjoni tar-riskju b’tali mod li tevita diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli, jew restrizzjonijiet moħbija fuq il-kummerċ internazzjonali.
3.
Kull Parti għandha tikkonċentra l-kontroll doganali u kontrolli rilevanti oħrajn fil-fruntieri fuq kunsinni ta’ riskju għoli u għandha tħaffef ir-rilaxx ta’ kunsinni b’riskju baxx. Kull Parti tista’ tagħżel ukoll, fuq bażi aleatorja, kunsinni għal tali kontrolli bħala parti mill-ġestjoni tar-riskju tagħha.
4.
Kull Parti għandha tibbaża l-ġestjoni tar-riskju fuq il-valutazzjoni tar-riskju permezz ta’ kriterji ta’ selettività xierqa.
5.
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu huma, kull meta jkun possibbli, applikabbli għal proċeduri amministrati minn aġenziji oħra tal-fruntiera.
ARTIKOLU 12.13
Awditu ta’ wara r-rilaxx
1.
Sabiex tħaffef ir-rilaxx tal-merkanzija, kull Parti għandha tadotta jew iżżomm awditu ta’ wara r-rilaxx sabiex tiżgura l-konformità ma’ liġijiet u ma’ regolamenti doganali u oħrajn relatati.
2.
Kull Parti għandha twettaq awditi ta’ wara r-rilaxx b’mod ibbażat fuq ir-riskju.
3.
Kull Parti għandha twettaq l-awditi ta’ wara r-rilaxx b’mod trasparenti. Jekk titwettaq verifika u jkunu nkisbu riżultati konklużivi, il-Parti għandha, mingħajr dewmien, tinnotifika lill-persuna li r-rekord tagħha huwa awditjat bir-riżultati, bid-drittijiet u bl-obbligi tal-persuna u bir-raġunijiet għar-riżultati.
4.
Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-informazzjoni miksuba f’awditu ta’ wara r-rilaxx tista’ tintuża fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ulterjuri.
5.
Il-Partijiet għandhom, kull fejn ikun prattikabbli, jużaw ir-riżultati ta’ awditu ta’ wara r-rilaxx fl-applikazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju.
ARTIKOLU 12.14
Aġenti doganali
Kull Parti għandha tippubblika l-miżuri tagħha dwar l-użu ta’ aġenti doganali. Kull Parti għandha tapplika regoli trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati jekk u meta tagħti l-liċenzja lill-aġenti doganali. Parti ma għandhiex tadotta miżuri ġodda li jintroduċu l-użu obbligatorju ta’ aġenti doganali.
ARTIKOLU 12.15
Spezzjonijiet qabel it-Tagħbija
Parti ma għandhiex teħtieġ l-użu obbligatorju ta’ spezzjonijiet qabel it-tagħbija kif definit fil-Ftehim tad-WTO dwar l-Ispezzjoni Qabel it-Tagħbija jew kwalunkwe attività oħra ta’ spezzjoni mwettqa fid-destinazzjoni, qabel l-iżdoganar tal-merkanzija, minn kumpaniji privati.
ARTIKOLU 12.16
Appelli
1.
Kull Parti tipprovdi proċeduri effettivi, immedjati, mhux diskriminatorji u faċilment aċċessibbli biex tiggarantixxi d-dritt ta’ appell kontra azzjonijiet amministrattivi, sentenzi u deċiżjonijiet doganali jew awtoritajiet kompetenti oħra li jeffettwaw l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ merkanzija jew merkanzija fi tranżitu.
2.
Il-proċeduri ta’ appell jistgħu jinkludu rieżami amministrattiv mill-awtorità superviżorja u stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet meħuda fil-livell amministrattiv skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti.
3.
Kwalunkwe persuna li tkun applikat għal deċiżjoni mal-awtoritajiet doganali u li ma tkunx kisbet deċiżjoni dwar dik l-applikazzjoni fil-limiti ta’ żmien applikabbli għandha wkoll tkun intitolata li teżerċita d-dritt ta’ appell.
4.
Kull Parti għandha tipprovdi persuna lil min toħroġ deċiżjoni amministrattiva bir-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni, sabiex dik il-persuna tkun tista’ tirrikorri għal proċeduri ta’ appell jekk ikun meħtieġ.
ARTIKOLU 12.17
Formalitajiet ta’ importazzjoni, esportazzjoni u tranżitu u rekwiżiti ta’ data u dokumentazzjoni
1.
Kull Parti għandha tiżgura li l-formalitajiet tal-importazzjoni, tal-esportazzjoni u tat-tranżitu u r-rekwiżiti tad-data u tad-dokumentazzjoni:
(a)
jiġu adottati jew applikati bil-ħsieb ta’ rilaxx rapidu tal-merkanzija, b’mod partikolari merkanzija li titħassar, sakemm il-kundizzjonijiet għar-rilaxx ikunu ssodisfati;
(b)
jiġu adottati jew applikati b’mod li jkollhom l-għan li jnaqqsu ż-żmien u l-kost tal-konformità għan-negozjanti u għall-operaturi;
(c)
tintagħżel il-miżura l-inqas restrittiva għall-kummerċ, jekk żewġ miżuri alternattivi jew aktar ikunu raġonevolment disponibbli biex jintlaħaq l-objettiv jew l-objettivi ta’ politika inkwistjoni; u
(d)
ma jiġux miżmuma, inkluż partijiet minnhom, jekk dawn jew partijiet minnhom m’għadhomx meħtieġa.
2.
Il-MERCOSUR għandu jaħdem biex japplika proċeduri doganali komuni u rekwiżiti uniformi tad-data doganali għar-rilaxx tal-merkanzija.
ARTIKOLU 12.18
Użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni
1.
Kull Parti għandha tuża teknoloġiji tal-informazzjoni li jħaffu l-proċeduri għar-rilaxx tal-merkanzija sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn il-Partijiet.
2.
Kull Parti għandha:
(a)
tagħmel disponibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi dikjarazzjonijiet doganali u, kull meta jkun possibbli, dokumenti oħra meħtieġa għall-importazzjoni, it-tranżitu jew l-esportazzjoni ta’ merkanzija;
(b)
tippermetti li dikjarazzjoni doganali u, kull meta jkun possibbli, kwalunkwe rekwiżit ieħor ta’ data għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ merkanzija jiġu ppreżentati f’format elettroniku;
(c)
tistabbilixxi mezzi biex tipprovdi għall-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni doganali mal-komunità kummerċjali tagħha;
(d)
tippromwovi l-iskambju elettroniku ta’ data bejn in-negozjanti, l-amministrazzjonijiet doganali u aġenziji oħra relatati man-negozju rispettivi tagħha; u
(e)
tuża sistemi elettroniċi ta’ ġestjoni tar-riskju għall-valutazzjoni u l-immirar li jippermettu lill-awtoritajiet doganali tagħha u, kull meta jkun possibbli, lil aġenziji oħra tal-fruntieri jiffokaw l-ispezzjonijiet tagħhom fuq merkanzija b’riskju għoli u li jiffaċilitaw ir-rilaxx u l-moviment ta’ merkanzija b’riskju baxx.
3.
Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm proċeduri li jippermettu l-għażla ta’ pagament elettroniku għal dazji, taxxi, tariffi u imposti mġarrba mal-importazzjoni u l-esportazzjoni miġbura mill-awtoritajiet doganali u, kull meta jkun possibbli u applikabbli, minn aġenziji oħra tal-fruntiera.
ARTIKOLU 12.19
Penali
1.
Kull Parti għandha tiżgura li l-liġijiet u r-regolamenti doganali tagħha jipprevedu li kwalunkwe penali imposta għal ksur tar-regolamenti doganali jew tar-rekwiżiti proċedurali tkun proporzjonata u mhux diskriminatorja.
2.
Il-penali għal ksur tal-liġi doganali, tar-regolament jew tar-rekwiżit proċedurali ta’ Parti jiġu imposti biss fuq il-persuna responsabbli skont il-liġi ta’ dik il-Parti għal tali ksur.
3.
Il-penali imposti għandhom jiddependu fuq il-fatti u ċ-ċirkostanzi tal-każ u għandhom ikunu proporzjonati mal-grad u s-severità tal-ksur. Kull Parti għandha tevita inċentivi għall-valutazzjoni jew il-ġbir ta’ penali jew kunflitti ta’ interess fil-valutazzjoni u l-ġbir ta’ penali.
4.
Fil-każ ta’ divulgazzjoni volontarja minn qabel lil amministrazzjoni doganali taċ-ċirkostanzi ta’ ksur ta’ liġi, regolament jew rekwiżit proċedurali doganali, kull Parti hija mħeġġa tqis dan bħala fattur mitiganti potenzjali meta tistabbilixxi penali.
5.
Meta tiġi imposta penali għal ksur ta’ liġi, regolament jew rekwiżit proċedurali doganali, tingħata spjegazzjoni bil-miktub lill-persuna li fuqha tiġi imposta l-penali li tispeċifika n-natura tal-ksur u l-liġi, ir-regolament jew il-proċedura applikabbli li skontha jkunu ġew preskritti l-ammont jew il-firxa ta’ penali għall-ksur.
ARTIKOLU 12.20
Ammissjoni temporanja
1.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, it-terminu “ammissjoni temporanja” jfisser il-proċedura doganali li taħtha ċertu merkanzija, inkluż il-mezz tat-trasport tagħha, li tiddaħħal f’territorju doganali għal skop speċifiku tinħeles kondizzjonalment mill-ħlas ta’ dazji u taxxi fuq l-importazzjoni, mingħajr l-applikazzjoni ta’ projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni jew restrizzjonijiet ta’ karattru ekonomiku. Merkanzija bħal din għandha tkun maħsuba għall-esportazzjoni mill-ġdid f’perjodu speċifikat u mingħajr ma tkun għaddiet minn xi bidla ħlief deprezzament normali minħabba l-użu li jkun sar minnha.
2.
Jenħtieġ li xejn f’dan l-Artikolu ma jiġi interpretat li jeħles lill-merkanzija importata milli tissodisfa rekwiżiti relatati mal-kummerċ ta’ karattru mhux ekonomiku, b’mod partikolari miżuri sanitarji u fitosanitarji.
3.
Kull Parti għandha, f’konformità mal-liġi tagħha, tagħti ammissjoni temporanja, b’eżenzjoni kundizzjonali totali mid-dazji u t-taxxi fuq l-importazzjoni u mingħajr l-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni jew projbizzjonijiet ta’ karattru ekonomiku għall-merkanzija li ġejja:
(a)
merkanzija għall-wiri jew għall-użu f’esibizzjonijiet, f’fieri, f’laqgħat jew f’attivitajiet simili;
(b)
tagħmir professjonali għall-istampa jew għax-xandir bl-awdjo jew bit-televiżjoni; tagħmir ċinematografiku; kwalunkwe tagħmir ieħor meħtieġ għall-eżerċizzju tas-sejħa, tas-sengħa jew tal-professjoni ta’ persuna li żżur it-territorju ta’ pajjiż ieħor biex twettaq kompitu speċifikat;
(c)
merkanzija importata b’konnessjoni ma’ operazzjoni kummerċjali iżda li l-importazzjoni tagħha fiha nnifisha ma tikkostitwixxix operazzjoni kummerċjali;
(d)
merkanzija importata b’konnessjoni ma’ operazzjoni ta’ manifattura (bħal pjanċi, tpinġijiet, forom, pjanti u mudelli, għall-użu matul proċess ta’ manifattura); mezzi tal-produzzjoni ta’ sostitiuzzjoni;
(e)
merkanzija importata esklużivament għal skopijiet edukattivi, xjentifiċi jew kulturali;
(f)
oġġetti personali ta’ passiġġieri u merkanzija importata għal skopijiet sportivi;
(g)
materjal ta’ pubbliċità turistika;
(h)
merkanzija importata għal skopijiet umanitarji; u
(i)
annimali importati għal skopijiet speċifiċi.
3.
Kull Parti għandha, għall-ammissjoni temporanja tal-merkanzija msemmija fil-paragrafu 2 u irrispettivament mill-oriġini tagħha, taċċetta carnets A.T.A. maħruġa u approvati mill-Parti l-oħra skont il-Konvenzjoni Doganali dwar il-Carnet A.T.A. għad-dħul temporanju ta’ oġġetti magħmul fi Brussell fis-6 ta' Diċembru 1961, u garantit minn assoċjazzjoni li tifforma parti mill-katina internazzjonali tal-garanzija, iċċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti u validu fit-territorju tal-Parti li timporta.
ARTIKOLU 12.21
Sottokumitat għad-dwana, l-iffaċilitar tal-kummerċ u r-regoli tal-oriġini
Is-Sottokumitat għad-dwana, l-iffaċilitar tal-kummerċ u r-regoli tal-oriġini, stabbilit skont l-Artikolu 9.9(4) għandu, minbarra l-funzjonijiet elenkati fl-Artikoli 2.4, 9.9, 11.32 u 12.6(10), ikollu l-funzjoni li jtejjeb il-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-proċeduri doganali u dawk relatati mal-kummerċ, l-assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali, ir-regoli tal-oriġini u l-kooperazzjoni amministrattiva.
ARTIKOLU 12.22
Il-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ
Bil-ħsieb li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet rilevanti f’dan il-Kapitolu, il-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jkollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet relatati mal-programmi AEO u r-rikonoxximent reċiproku tagħhom kif ukoll ma’ inizjattivi konġunti relatati mal-proċeduri doganali u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ.
KAPITOLU 13
OSTAKLI TEKNIĊI GĦALL-KUMMERĊ
ARTIKOLU 13.1
Objettiv
L-objettiv ta’ dan il-Kapitolu huwa li jiffaċilita l-kummerċ ta’ merkanzija bejn il-Partijiet billi jidentifika, jipprevjeni u jelimina ostakli tekniċi mhux meħtieġa għall-kummerċ (minn hawn ’il quddiem imsejħa “OTK”) u li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fi kwistjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 13.2
Relazzjoni mal-Ftehim dwar l-OTK
1.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim dwar l-OTK, li b’dan huwa inkorporat f’dan il-Ftehim u magħmul parti minnu.
2.
Ir-referenzi għal “dan il-Ftehim” fil-Ftehim dwar l-OTK għandhom jinqraw, kif xieraq, bħala referenzi għall-Ftehim ta’Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra.
3.
It-terminu “Membri” fil-Ftehim dwar l-OTK ifisser il-Partijiet għal dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 13.3
Kamp ta’ Applikazzjoni
1.
Dan il-Kapitolu japplika għat-tħejjija, l-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ standards, regolamenti tekniċi u proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ ta’ merkanzija bejn il-Partijiet.
2.
Dan il-Kapitolu ma japplikax għal:
(a)
speċifikazzjonijiet tax-xiri mħejjija minn korpi governattivi għar-rekwiżiti tal-produzzjoni jew tal-konsum tal-korpi governattivi; u
(b)
il-miżuri sanitarji u fitosanitarji kif definiti fl-Anness A għall-Ftehim SPS.
ARTIKOLU 13.4
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness 1 tal-Ftehim dwar l-OTK;
(b)
“dikjarazzjoni ta’ konformità tal-fornitur” tfisser attestazzjoni tal-ewwel parti maħruġa mill-manifattur fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu abbażi tar-riżultati ta’ tip xieraq ta’ attività ta’ valutazzjoni tal-konformità u eskluża valutazzjoni obbligatorja minn parti terza;
(c)
“ISO” (International Organization for Standardization) tfisser l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni;
(d)
“IEC” (International Electrotechnical Commission) tfisser il-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali;
(e)
“ITU” (International Telecommunication Unit) tfisser l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni;
(f)
“Codex Alimentarius” tfisser il-Kummissjoni Codex Alimentarius (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Codex Alimentarius”);
(g)
“ILAC” (International Laboratory Accreditation Cooperation) tfisser il-Kooperazzjoni Internazzjonali ta’ Akkreditazzjoni tal-Laboratorji;
(h)
“IAF” (International Accreditation Forum) tfisser il-Forum Internazzjonali ta’ Akkreditazzjoni; u
(i)
“Skema IECEE CB” tfisser l-Iskema tas-Sistema IEC ta’ Skemi ta’ Valutazzjoni tal-Konformità għat-Tagħmir u l-Komponenti Elettrotekniċi għar-Rikonoxximent Reċiproku taċ-Ċertifikati tat-Test għat-Tagħmir Elettriku.
ARTIKOLU 13.5
Kooperazzjoni konġunta dwar inizjattivi li jiffaċilitaw il-kummerċ
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom bl-għan li jżidu l-fehim reċiproku tas-sistemi rispettivi tagħhom u jgħinu biex jiġi eliminat jew evitat il-ħolqien ta’ OTK. F’dan ir-rigward, il-Partijiet għandhom jaħdmu b’risq l-identifikazzjoni, il-promozzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni, kif xieraq, ta’ inizjattivi li jiffaċilitaw il-kummerċ, fuq bażi ta’ każ b’każ.
2.
Parti tista’ tipproponi lill-Parti l-oħra inizjattivi speċifiċi għas-settur fi kwistjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu. Dawk il-proposti għandhom jiġu trażmessi lill-koordinatur tal-Kapitolu dwar l-OTK, innominat skont l-Artikolu 13.13, u jistgħu jinkludu:
(a)
skambju ta’ informazzjoni dwar approċċi u prattiki regolatorji;
(b)
analiżi konġunta ta’ settur jew grupp ta’ prodotti;
(c)
inizjattivi sabiex ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità jiġu allinjati aktar mal-istandards internazzjonali rilevanti;
(d)
il-promozzjoni tal-użu tal-akkreditazzjoni għall-valutazzjoni tal-kompetenza tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità; u
(e)
il-kunsiderazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku jew unilaterali tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità.
3.
Kull meta waħda mill-Partijiet tipproponi inizjattiva speċifika li tiffaċilita l-kummerċ, il-Parti l-oħra għandha debitament tikkunsidra tali proposta u twieġeb f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Jekk il-Parti l-oħra tirrifjuta l-inizjattiva proposta, hija għandha tispjega r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha lill-Parti proponenti.
4.
It-termini tal-ħidma prevista f’dan l-Artikolu għandhom jiġu definiti, minn naħa waħda, mill-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, mill-MERCOSUR jew mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR involuti f’kull attività li tiffaċilita l-kummerċ, jekk ikun meħtieġ, u jistgħu jinkludu l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma ad hoc. Sabiex tibbenefika minn perspettivi mhux governattivi dwar kwistjonijiet relatati ma’ dan l-Artikolu, kull Parti tista’, kif xieraq u f’konformità mar-regoli u l-proċeduri tagħha, tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u ma’ partijiet interessati oħra.
5.
Is-Sottokumitat għall-kummerċ ta’ merkanzija, stabbilit skont l-Artikolu 9.9(4), għandu jiddiskuti r-riżultati tal-ħidma mwettqa skont dan l-Artikolu u jista’ jikkunsidra azzjonijiet xierqa.
6.
Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jiġi interpretat bħala li jobbliga lil Parti biex:
(a)
tiddevja mill-proċeduri domestiċi għat-tħejjija u għall-adozzjoni ta’ miżuri regolatorji;
(b)
tieħu azzjonijiet li jdgħajfu jew jimpedixxu l-adozzjoni f’waqtha ta’ miżuri regolatorji għall-ilħuq tal-objettivi tal-ordni pubbliku tagħha; jew
(c)
tadotta kwalunkwe eżitu regolatorju partikolari.
7.
Jekk ikun hemm qbil dwar l-inizjattivi msemmija f’dan l-Artikolu u jekk dan ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tagħhom, kull Parti għandha tiffaċilita l-interazzjoni ta’ timijiet tekniċi biex juru l-iskemi u s-sistemi ta’ valutazzjoni tal-konformità tagħhom sabiex jiżdied il-fehim reċiproku.
8.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi permezz tal-Kummissjoni Ewropea.
ARTIKOLU 13.6
Regolamenti tekniċi
1.
Kull Parti għandha tagħmel l-aħjar użu minn prattiki regolatorji tajbin fir-rigward tat-tħejjija, l-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ regolamenti tekniċi, kif previst fil-Ftehim dwar l-OTK, inkluż, pereżempju, preferenza għal regolamenti tekniċi bbażati fuq il-prestazzjoni, l-użu ta’ valutazzjonijiet tal-impatt jew konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
2.
B’mod partikolari, il-Partijiet għandhom:
(a)
jużaw l-istandards internazzjonali rilevanti bħala bażi għar-regolamenti tekniċi tagħhom, inkluż kwalunkwe element ta’ valutazzjoni tal-konformità fihom, ħlief jekk tali standards internazzjonali jkunu mezz ineffettiv jew mhux xieraq għat-twettiq tal-objettivi leġittimi segwiti; jekk l-istandards internazzjonali ma jintużawx bħala bażi għal regolament tekniku li jista’ jkollu effett sinifikanti fuq il-kummerċ, Parti għandha, fuq talba tal-Parti l-oħra, tispjega r-raġunijiet għaliex tali standards jitqiesu mhux xierqa jew ineffettivi għat-twettiq tal-objettiv leġittimu segwit;
(b)
meta jirrevedu r-regolamenti tekniċi rispettivi tagħhom, minbarra l-Artikolu 2.3 tal-Ftehim dwar l-OTK u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2.4 u 12.4 tal-Ftehim dwar l-OTK, iżidu l-allinjament ta’ dawk ir-regolamenti mal-istandards internazzjonali rilevanti; Parti għandha tikkunsidra fost l-oħrajn kwalunkwe żvilupp ġdid fl-istandards internazzjonali rilevanti u jekk iċ-ċirkostanzi li wasslu għal xi diverġenza minn kwalunkwe standard internazzjonali rilevanti għadhomx jeżistu;
(c)
jippromwovu l-iżvilupp ta’ regolamenti tekniċi reġjonali u jinkoraġġixxu li dawn jiġu adottati fil-livell nazzjonali u jissostitwixxu dawk eżistenti, sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn il-Partijiet;
(d)
jippermettu intervall raġonevoli bejn il-pubblikazzjoni tar-regolamenti tekniċi u d-dħul fis-seħħ tagħhom għall-operaturi ekonomiċi tal-Parti l-oħra sabiex jadattaw ruħhom;
(e)
iwettqu l-valutazzjoni tal-impatt tar-regolamenti tekniċi ppjanati f’konformità mar-regoli u l-proċeduri rispettivi tagħhom; u
(f)
meta jħejju r-regolamenti tekniċi, jqisu kif xieraq il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċjali tal-SMEs.
ARTIKOLU 13.7
Standards
1.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 4.1 tal-Ftehim dwar l-OTK, b’mod partikolari fir-rigward tat-teħid tal-miżuri raġonevoli kollha biex jiżguraw li l-korpi kollha tal-istandardizzazzjoni fit-territorji tagħhom jaċċettaw u jikkonformaw mal-Kodiċi ta’ Prattika Tajba għat-Tħejjija l-Adozzjoni u l-Applikazzjoni tal-Istandards fl-Anness 3 tal-Ftehim dwar l-OTK.
2.
L-istandards internazzjonali żviluppati mill-ISO, l-IEC, l-ITU jew il-Codex Alimentarius għandhom jitqiesu bħala l-istandards internazzjonali rilevanti skont it-tifsira tal-Artikoli 2 u 5 u l-Anness 3 tal-Ftehim dwar l-OTK.
3.
Standard żviluppat minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jista’ jitqies ukoll bħala standard internazzjonali rilevanti skont it-tifsira tal-Artikoli 2 u 5 u l-Anness 3 għall-Ftehim dwar l-OTK, jekk:
(a)
ikun ġie żviluppat minn korp ta’ standardizzazzjoni li jfittex jistabbilixxi kunsens jew:
(i)
fost id-delegazzjonijiet nazzjonali tal-Membri parteċipanti tad-WTO li jirrappreżentaw il-korpi nazzjonali kollha ta’ standardizzazzjoni fit-territorju tagħhom li adottaw, jew jistennew li jadottaw, standards għas-suġġett li miegħu tirrelata l-attività internazzjonali ta’ standardizzazzjoni; jew
(ii)
fost il-korpi governattivi tal-Membri parteċipanti tad-WTO; u
(b)
ikun ġie żviluppat f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-OTK tad-WTO dwar il-Prinċipji għall-Iżvilupp ta’ Standards, Gwidi u Rakkomandazzjonijiet Internazzjonali fir-rigward tal-Artikoli 2 u 5 u l-Anness 3 tal-Ftehim dwar l-OTK.
4.
Bl-għan li jiġu armonizzati l-istandards fuq bażi wiesgħa kemm jista’ jkun, kull Parti għandha tinkoraġġixxi, fil-limiti tal-kompetenza u r-riżorsi tagħha, il-korpi tal-istandardizzazzjoni fit-territorju tagħha, kif ukoll il-korpi reġjonali tal-istandardizzazzjoni li tagħhom dik il-Parti jew il-korpi tal-istandardizzazzjoni fit-territorju tagħha jkunu membri, biex:
(a)
jipparteċipaw, fil-limiti tar-riżorsi tagħhom, fit-tħejjija ta’ standards internazzjonali minn korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni rilevanti;
(b)
jikkooperaw mal-korpi tal-istandardizzazzjoni nazzjonali u reġjonali rilevanti tal-Parti l-oħra f’attivitajiet ta’ standardizzazzjoni internazzjonali;
(c)
jużaw standards internazzjonali bħala bażi għall-istandards li jiżviluppaw, ħlief meta t-tali standards internazzjonali jkunu ineffikaċi jew inadatti, pereżempju minħabba livell insuffiċjenti ta’ protezzjoni jew fatturi fundamentali jew ġeografiċi jew problemi teknoloġiċi fundamentali;
(d)
jevitaw li jagħmlu l-istess xogħol, jew jidħlu fi trikkib fuq ix-xogħol tal-korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni;
(e)
jippromwovu l-iżvilupp ta’ standards fil-livell reġjonali u l-adozzjoni ta’ tali standards minn korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, u b’hekk jissostitwixxu l-istandards nazzjonali eżistenti;
(f)
jirrieżaminaw l-istandards nazzjonali u reġjonali mhux ibbażati fuq standards internazzjonali rilevanti f’intervalli regolari, bil-ħsieb li jiżdied l-allinjament tagħhom mal-istandards internazzjonali rilevanti; u
(g)
irawmu l-kooperazzjoni bilaterali mal-korpi tal-istandardizzazzjoni tal-Parti l-oħra.
5.
Il-partijiet jenħtieġ li jiskambjaw informazzjoni permezz tal-koordinaturi tal-Kapitolu dwar l-OTK, innominati skont l-Artikolu 13.13, dwar:
(a)
l-użu tagħhom ta’ standards bħala bażi għal, jew b’appoġġ għal, regolamenti tekniċi;
(b)
ftehimiet ta’ kooperazzjoni implimentati minn kwalunkwe Parti dwar l-istandardizzazzjoni, pereżempju dwar kwistjonijiet ta’ standardizzazzjoni fi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ma’ pajjiżi terzi; u
(c)
il-proċessi ta’ standardizzazzjoni rispettivi tagħhom, u l-użu ta’ standards internazzjonali, reġjonali jew subreġjonali bħala bażi għall-istandards nazzjonali tagħhom.
ARTIKOLU 13.8
Proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità u akkreditazzjoni
1.
Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13.6 fir-rigward tat-tħejjija, l-adozzjoni u l-applikazzjoni tar-regolamenti tekniċi japplikaw ukoll għall-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità.
2.
Jekk Parti tkun teħtieġ valutazzjoni tal-konformità bħala assigurazzjoni pożittiva li prodott jikkonforma ma’ regolament tekniku, hija għandha:
(a)
tagħżel proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità proporzjonati mar-riskji involuti;
(b)
tqis, fil-proċess regolatorju, l-użu tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-fornitur bħala assigurazzjoni tal-konformità, fost għażliet oħra, biex tintwera l-konformità mar-regolamenti tekniċi; u
(c)
jekk mitlub, tipprovdi informazzjoni lill-Parti l-oħra dwar ir-raġunijiet għall-għażla ta’ proċedura partikolari ta’ valutazzjoni tal-konformità għal prodotti speċifiċi.
3.
Jekk Parti tkun teħtieġ valutazzjoni tal-konformità minn parti terza bħala assigurazzjoni pożittiva li prodott jikkonforma ma’ regolament tekniku, u ma tkunx irriżervat dan il-kompitu għal korp governattiv kif speċifikat fil-paragrafu 4, hija għandha:
(a)
idealment tuża l-akkreditazzjoni biex tikkwalifika korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità;
(b)
tagħmel l-aħjar użu mill-istandards internazzjonali għall-akkreditazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità, kif ukoll ftehimiet internazzjonali li jinvolvu l-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-Partijiet, pereżempju, permezz tal-mekkaniżmi tal-ILAC u l-IAF;
(c)
tikkunsidra li tissieħeb jew, kif applikabbli, tinkoraġġixxi lill-korpi tal-ittestjar, tal-ispezzjoni u taċ-ċertifikazzjoni tagħha biex jingħaqdu ma’ kwalunkwe ftehim jew arranġament internazzjonali li jiffunzjona għall-armonizzazzjoni jew il-faċilitazzjoni tal-aċċettazzjoni tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità;
(d)
fi ħdan it-territorju tagħha, tippromwovi l-kompetizzjoni bejn il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità nnominati mill-awtoritajiet għal prodott partikolari jew sett ta’ prodotti bl-għan li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jagħżlu bejniethom;
(e)
tiżgura li l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jkunu indipendenti mill-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri, fis-sens li jwettqu l-attivitajiet tagħhom b’oġġettività u indipendenza tal-ġudizzju;
(f)
tiżgura li ma jkun hemm l-ebda kunflitt ta’ interess bejn il-korpi ta’ akkreditazzjoni u l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, jew bejn l-attivitajiet tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-attivitajiet tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità;
(g)
tippermetti, sa fejn ikun possibbli, lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jużaw sottokuntratturi biex iwettqu ttestjar jew spezzjonijiet fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità, inkluż sottokuntratturi li jinsabu fit-territorju tal-Parti l-oħra; u
(h)
tippubblika online lista tal-korpi li tkun ħatret biex iwettqu tali valutazzjoni tal-konformità u informazzjoni rilevanti dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħatra ta’ kull korp bħal dan.
4.
Xejn fil-paragrafu 3, il-punt (g), ma għandu jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi lil Parti milli teħtieġ li s-sottokuntratturi jissodisfaw ir-rekwiżiti li jkun meħtieġ li jissodisfa l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li miegħu tkun ikkuntrattata sabiex iwettaq it-testijiet jew l-ispezzjoni kkuntrattati hu stess.
5.
Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jipprekludi Parti milli titlob li l-valutazzjoni tal-konformità fir-rigward ta’ prodotti speċifiċi titwettaq minn awtoritajiet governattivi speċifikati ta’ dik il-Parti. F’każijiet bħal dawn, dik il-Parti għandha:
(a)
tistabbilixxi t-tariffi għall-valutazzjoni tal-konformità f’konformità mal-kost approssimattiv tas-servizzi mogħtija u, fuq talba ta’ applikant għall-valutazzjoni tal-konformità, tipprovdi l-elementi differenti inklużi f’dawk it-tariffi; u
(b)
fil-prinċipju, tagħmel it-tariffi tal-valutazzjoni tal-konformità disponibbli għall-pubbliku jew, meta tali informazzjoni ma tkunx disponibbli għall-pubbliku, tipprovdiha fuq talba.
6.
Minkejja l-paragrafi 3 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, fl-oqsma li huma elenkati fl-Anness 13-A, li fihom l-Unjoni Ewropea taċċetta d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-fornitur bħala assigurazzjoni li prodott jikkonforma ma’ regolament tekniku, u li fihom Stat Firmatarju tal-MERCOSUR jeħtieġ ittestjar jew ċertifikazzjoni obbligatorji ta’ parti terza għal dawn l-oqsma, l-Istat Firmatarju tal-MERCOSUR għandu, bħala assigurazzjoni li prodott jikkonforma mar-rekwiżiti tar-regolamenti tekniċi ta’ Stat Firmatarju tal-MERCOSUR, jaċċetta ċertifikati jew, f’każijiet fejn tali aċċettazzjoni ma tkunx prevista skont il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tiegħu, jaċċetta rapporti tat-testijiet maħruġa minn korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u li jkunu ġew akkreditati għall-kampijiet ta’ applikazzjoni rilevanti minn membru tal-korp ta’ akkreditazzjoni tal-arranġamenti internazzjonali għar-rikonoxximent reċiproku tal-ILAC u tal-IAF; jew jaċċetta ċertifikati li nħarġu taħt l-Iskema IECEE CB. Sabiex jaċċetta tali ċertifikati jew rapporti tat-testijiet, Stat Firmatarju tal-MERCOSUR jista’ jirrikjedi fil-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tiegħu li jkunu jeżistu arranġamenti bilaterali, inkluż memoranda ta’ qbil, bejn il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li jinsab fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li jinsab fit-territorju tal-Istat Firmatarju tal-MERCOSUR.
7.
Jekk id-dikjarazzjonijiet ta’ konformità tal-fornitur jitqiesu bħala proċedura valida ta’ valutazzjoni tal-konformità fl-Unjoni Ewropea, ir-rapporti tat-testijiet maħruġa mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jinsabu fit-territorju tal-Istat Firmatarju tal-MERCOSUR, għandhom jiġu aċċettati bħala dokument validu fil-proċess li juri li prodott jikkonforma mar-rekwiżiti tar-regolament tekniku tal-Unjoni Ewropea. Il-manifattur għandu jibqa’ responsabbli fil-każijiet kollha għall-konformità tal-prodott.
8.
Il-paragrafu 6 japplika wkoll meta Stat Firmatarju tal-MERCOSUR jintroduċi rekwiżiti obbligatorji ġodda tal-ittestjar jew taċ-ċertifikazzjoni minn parti terza għall-oqsma speċifikati fl-Anness 13-A, f’konformità mal-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu. Jekk l-Unjoni Ewropea tintroduċi rekwiżiti obbligatorji ta’ ttestjar jew ċertifikazzjoni minn parti terza għall-oqsma speċifikati fl-Anness 13-A, f’konformità mal-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu, il-Partijiet għandhom jiddiskutu fis-Sottokumitat għall-kummerċ ta’ merkanzija, imsemmi fl-Artikolu 13.14, jekk hemmx bżonn li jittieħdu xi passi biex tiġi żgurata r-reċiproċità fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ rapporti tat-testijiet jew ċertifikati maħruġa minn korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jinsabu fit-territorju tal-Istat Firmatarju tal-MERCOSUR.
9.
Il-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ jista’ jadotta deċiżjoni biex jemenda t-Taqsima A tal-Anness 13-A.
10.
Minkejja l-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe Parti tista’ tintroduċi rekwiżiti obbligatorji għall-ittestjar jew għaċ-ċertifikazzjoni minn partijiet terzi għall-oqsma speċifikati fl-Anness 13-A, għall-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-Anness bil-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
l-introduzzjoni ta’ tali rekwiżiti jew proċeduri tkun iġġustifikata skont l-objettivi leġittimi msemmija fl-Artikolu 2.2 tal-Ftehim dwar l-OTK;
(b)
ir-raġunijiet għall-introduzzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti jew proċeduri jkunu appoġġjati b’informazzjoni teknika jew xjentifika sostanzjali rigward il-prestazzjoni tal-prodotti kkonċernati;
(c)
kull rekwiżit jew proċedura bħal dawn ma jkunux aktar ristrettivi għall-kummerċ minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv leġittimu tal-Parti, waqt li jiġu kkunsidrati r-riskji li jista’ jikkaġuna n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni; u
(d)
il-Parti ma setgħetx tipprevedi b’mod raġonevoli l-ħtieġa għall-introduzzjoni ta’ rekwiżiti jew proċeduri bħal dawn fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
11.
Il-paragrafu 6 hu mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju, fuq bażi mhux diskriminatorja, tal-kompetenzi tas-sorveljanza tas-suq mill-awtoritajiet ta’ Parti, inkluż ittestjar addizzjonali fuq kampjuni fil-punt tad-dħul.
ARTIKOLU 13.9
Trasparenza
1.
Fir-rigward tat-tħejjija, l-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ standards, regolamenti tekniċi u proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, kull Parti għandha:
(a)
tqis il-fehmiet tal-Parti l-oħra jekk il-proċess tal-iżvilupp ta’ regolament tekniku jkun miftuħ għal konsultazzjoni pubblika, kompletament jew parzjalment;
(b)
meta tiżviluppa regolamenti tekniċi ewlenin u proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li jista’ jkollhom effett sinifikanti fuq il-kummerċ tiżgura, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħha, li jkun hemm fis-seħħ proċeduri ta’ trasparenza li jippermettu lill-persuni tal-Partijiet jipprovdu input permezz ta’ proċess formali ta’ konsultazzjoni pubblika, ħlief meta jinqalgħu jew ikun hemm theddida li jinqalgħu problemi urġenti ta’ sikurezza, saħħa, protezzjoni ambjentali jew sigurtà nazzjonali;
(c)
tippermetti lill-persuni tal-Parti l-oħra jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni msemmi fil-punt (b) b’termini mhux inqas favorevoli minn dawk mogħtija lill-persuni tagħha stess u, kull meta jkun possibbli, tagħmel ir-riżultati ta’ dak il-proċess ta’ konsultazzjoni pubbliċi;
(d)
tippermetti, fil-prinċipju, perjodu ta’ mill-inqas 60 (sittin) jum biex il-Parti l-oħra tipprovdi kummenti bil-miktub dwar ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità proposti, u tikkunsidra talba raġonevoli biex testendi l-perjodu għall-kummenti;
(e)
tipprovdi, f’każijiet fejn it-test notifikat ma jkunx b’waħda mil-lingwi uffiċjali tad-WTO, deskrizzjoni ċara u komprensiva tal-kontenut tal-miżura fil-format ta’ notifika tad-WTO;
(f)
jekk tirċievi kummenti bil-miktub dwar ir-regolament tekniku propost tagħha jew il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità mill-Parti l-oħra:
(i)
tiddiskuti, fuq talba mill-Parti l-oħra, il-kummenti bil-miktub, kull meta jkun possibbli bil-parteċipazzjoni tal-awtorità regolatorja kompetenti tagħha u fi żmien meta jistgħu jitqiesu; u
(ii)
twieġeb bil-miktub għall-kummenti, kull meta jkun possibbli mhux aktar tard mid-data tal-pubblikazzjoni tar-regolament tekniku jew tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità;
(g)
tipprovdi, jekk mitlub mill-Parti l-oħra, informazzjoni dwar l-objettivi, il-bażi legali u r-raġuni għal regolament tekniku jew proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li l-Parti tkun adottat jew qed tipproponi li tadotta;
(h)
tipprovdi informazzjoni dwar l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-regolament tekniku jew tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità u t-test finali adottat permezz ta’ addendum għan-notifika oriġinali lid-WTO;
(i)
tikkunsidra talba raġonevoli mill-Parti l-oħra, riċevuta qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ żmien għall-kummenti wara t-trażmissjoni ta’ regolament tekniku propost, biex jiġi estiż il-perjodu ta’ żmien bejn l-adozzjoni tar-regolament tekniku u d-dħul fis-seħħ tiegħu, ħlief meta d-dewmien ma jkunx effettiv biex jintlaħqu l-objettivi leġittimi mixtieqa; u
(j)
tipprovdi aċċess mingħajr ħlas għall-verżjoni elettronika tat-test notifikat man-notifika.
2.
Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, il-punt (d), fejn jinqalgħu jew ikun hemm theddida li jinqalgħu problemi urġenti ta’ sikurezza, saħħa, protezzjoni ambjentali jew sigurtà nazzjonali, għandhom japplikaw l-Artikoli 2.10 u 5.7 tal-Ftehim dwar l-OTK.
3.
Jekk l-istandards isiru obbligatorji permezz tal-inkorporazzjoni jew tar-referenzjar f’abbozz ta’ regolament tekniku jew proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità, l-obbligi ta’ trasparenza relatati man-notifika dwar l-OTK stabbiliti f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2 jew 5 tal-Ftehim dwar l-OTK għandhom jiġu ssodisfati.
4.
Kull Parti għandha tiżgura li r-regolamenti tekniċi u l-proċeduri obbligatorji ta’ valutazzjoni tal-konformità kollha adottati u fis-seħħ ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq sit web uffiċjali mingħajr ħlas. Kull Parti għandha dejjem tipprovdi aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni kollha rilevanti għall-kisba tal-konformità ma’ regolament tekniku. Jekk l-istandards jipprovdu preżunzjoni ta’ konformità mar-regolamenti tekniċi u dawn l-istandards ma jissemmewx f’dawk ir-regolamenti tekniċi, kull Parti għandha tiżgura aċċess għall-informazzjoni dwar l-istandards korrispondenti.
5.
Kull Parti għandha, fuq talba raġonevoli tal-Parti l-oħra jew tal-operaturi ekonomiċi tagħha, tipprovdi informazzjoni dwar ir-regolamenti tekniċi fis-seħħ u, kif xieraq u disponibbli, gwida bil-miktub dwar il-konformità mar-regolamenti tekniċi, mingħajr dewmien żejjed.
ARTIKOLU 13.10
Immarkar u tikkettar
1.
Ir-regolamenti tekniċi tal-Partijiet li jinkludu jew jittrattaw esklużivament l-immarkar jew it-tikkettar obbligatorju għandhom josservaw il-prinċipji tal-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar l-OTK.
2.
B’mod partikolari, jekk Parti tkun teħtieġ immarkar jew tikkettar obbligatorju tal-prodotti:
(a)
għandha tirrikjedi biss informazzjoni li tkun rilevanti għall-konsumaturi jew għall-utenti tal-prodott jew għall-awtoritajiet biex jindikaw il-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti tekniċi obbligatorji;
(b)
u jekk Parti tkun teħtieġ kwalunkwe approvazzjoni, reġistrazzjoni jew ċertifikazzjoni minn qabel tat-tikketti jew tal-marki tal-prodotti, bħala prekundizzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li altrimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi obbligatorji tagħha, hija għandha tiżgura li t-talbiet sottomessi mill-operaturi ekonomiċi tal-Parti l-oħra jiġu deċiżi mingħajr dewmien żejjed u fuq bażi mhux diskriminatorja;
(c)
u jekk Parti tkun teħtieġ l-użu ta’ numru ta’ identifikazzjoni uniku, il-Parti għandha toħroġ tali numru lill-operaturi ekonomiċi tal-Parti l-oħra mingħajr dewmien żejjed u fuq bażi mhux diskriminatorja;
(d)
u dment li ma jkunx qarrieqi, kontradittorju jew li joħloq konfużjoni fir-rigward tar-rekwiżiti regolatorji tal-Parti li timporta u l-objettivi leġittimi skont il-Ftehim dwar l-OTK ma jiġux kompromessi b’dan, il-Parti għandha tippermetti:
(i)
informazzjoni b’lingwi oħra minbarra l-lingwa meħtieġa fil-Parti li timporta tal-prodotti; u
(ii)
nomenklaturi, pittogrammi, simboli jew grafiki adottati fi standards internazzjonali;
(e)
għandha taċċetta, kull meta jkun possibbli, li t-tikkettar supplimentari u l-korrezzjonijiet għat-tikkettar iseħħu fl-imħażen doganali jew f’żoni deżinjati oħra fil-punt tal-importazzjoni bħala alternattiva għat-tikkettar fil-pajjiż tal-oriġini;
(f)
jekk tqis li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ambjent, il-protezzjoni kontra prattiki qarrieqa u kwalunkwe objettiv leġittimu ieħor skont il-Ftehim dwar l-OTK ma jkunux kompromessi b’dan, hija għandha tagħmel ħilitha biex taċċetta tikketti mhux permanenti jew li jistgħu jinqalgħu, minflok tikketti fiżikament imwaħħla mal-prodott, jew l-inklużjoni ta’ informazzjoni rilevanti fid-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament.
3.
Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għall-immarkar jew it-tikkettar ta’ prodotti mediċinali.
4.
Jekk Parti tqis li r-rekwiżiti tal-immarkar jew tat-tikkettar għal prodott jew settur fil-Parti l-oħra jistgħu jittejbu, hija tista’ tipproponi inizjattiva li tiffaċilita l-kummerċ sabiex tindirizza t-tħassib tagħha f’konformità mal-Artikolu 13.5.
ARTIKOLU 13.11
Kooperazzjoni u assistenza teknika
1.
Sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-objettivi ta’ dan il-Kapitolu, kull Parti għandha, fost l-oħrajn:
(a)
tippromwovi l-kooperazzjoni u attivitajiet u proġetti konġunti bejn l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħha, pubbliċi jew privati, nazzjonali jew reġjonali, fl-oqsma tar-regolamenti tekniċi, l-istandardizzazzjoni, il-valutazzjoni tal-konformità, il-metroloġija u l-akkreditazzjoni;
(b)
tippromwovi prattiki regolatorji tajbin permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni, esperjenzi u l-aħjar prattiki dwar, fost l-oħrajn, il-valutazzjoni tal-impatt regolatorju, il-ġestjoni regolatorja tal-istokk u l-valutazzjoni tar-riskju u l-konsultazzjoni pubblika;
(c)
tiskambja fehmiet dwar is-sorveljanza tas-suq;
(d)
issaħħaħ il-kapaċità teknika u istituzzjonali tal-korpi regolatorji, metroloġiċi, ta’ standardizzazzjoni, ta’ valutazzjoni tal-konformità u ta’ akkreditazzjoni nazzjonali, tappoġġa l-iżvilupp tal-infrastruttura teknika tagħhom, inkluż il-laboratorji u t-tagħmir tal-ittestjar, u ssostni t-taħriġ kontinwu tar-riżorsi umani;
(e)
tippromwovi, tiffaċilita u, kull meta jkun possibbli, tikkoordina il-parteċipazzjoni tagħhom f’organizzazzjonijiet internazzjonali u fora oħra relatati mar-regolamenti tekniċi, il-valutazzjoni tal-konformità, l-istandards, l-akkreditazzjoni u l-metroloġija;
(f)
tappoġġa attivitajiet ta’ assistenza teknika minn organizzazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u internazzjonali fl-oqsma tar-regolamenti tekniċi, l-istandardizzazzjoni, il-valutazzjoni tal-konformità, il-metroloġija u l-akkreditazzjoni; u
(g)
tagħmel ħilitha biex tikkondividi l-evidenza xjentifika u l-informazzjoni teknika disponibbli fost l-awtoritajiet regolatorji tal-Partijiet, sa fejn ikun meħtieġ biex jikkooperaw jew isegwu diskussjonijiet tekniċi skont dan il-Kapitolu, bl-eċċezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali jew informazzjoni sensittiva oħra.
2.
Parti għandha tqis kif xieraq il-proposti tal-Parti l-oħra għall-kooperazzjoni skont dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 13.12
Diskussjonijiet tekniċi
1.
Kull Parti tista’ titlob li jiġi diskuss kwalunkwe tħassib li jinqala’ skont dan il-Kapitolu, inkluż kwalunkwe abbozz jew proposta ta’ regolament tekniku jew proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-Parti l-oħra li l-Parti tqis li jista’ jaffettwa b’mod negattiv b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn il-Partijiet. Il-Parti rikjedenti għandha tibgħat it-talba tagħha lill-koordinatur tal-Kapitolu dwar l-OTK tal-Parti l-oħra nnominata skont l-Artikolu 13.13 u għandha tidentifika:
(a)
il-kwistjoni;
(b)
id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu li magħhom huwa relatat it-tħassib; u
(c)
ir-raġunijiet għat-talba, inkluża deskrizzjoni tat-tħassib tal-Parti rikjedenti.
2.
Kwalunkwe informazzjoni jew spjegazzjoni mitluba f’konformità mal-paragrafu 1 għandha tiġi pprovduta sa mhux aktar tard minn 60 (sittin) jum wara d-data tat-talba ta’ Parti f’konformità mal-paragrafu 1. L-iskadenza tista’ tiġi estiża b’ġustifikazzjoni minn qabel mill-Parti li ssirilha t-talba.
3.
Jekk kwistjoni tkun ġiet indirizzata qabel bejn il-Partijiet fi kwalunkwe forum, Parti tista’ titlob direttament diskussjoni, personalment jew permezz ta’ vidjo jew telekonferenza, sa mhux aktar tard minn 60 (sittin) jum wara d-data ta’ tali talba. F’każijiet bħal dawn, il-Parti li ssirilha t-talba għandha tagħmel kull sforz biex tkun disponibbli għal tali diskussjoni.
4.
Jekk il-Partijiet ma kellhomx diskussjoni skont dan l-Artikolu fil-perjodu ta’ 12-il xahar preċedenti, it-talba ma tistax tiġi rrifjutata mill-Parti l-oħra. Jekk il-Parti rikjedenti temmen li l-kwistjoni hija urġenti, hija tista’ titlob li laqgħa ssir f’perjodu ta’ żmien iqsar. F’każijiet bħal dawn, il-Parti rispondenti għandha tqis talba bħal din minn lenti pożittiva. Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jaslu għal soluzzjoni tal-kwistjoni li tissodisfa liż-żewġ naħat.
5.
Għal ċertezza akbar, Parti tista’ titlob diskussjonijiet tekniċi mal-Parti l-oħra skont il-paragrafu 2 anki fir-rigward tar-regolamenti tekniċi jew tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-gvernijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, skont il-każ, fil-livell direttament taħt dak tal-gvern ċentrali li jista’ jkollu effett sinifikanti fuq il-kummerċ.
6.
Wara d-diskussjoni teknika, il-Partijiet jistgħu jikkonkludu li l-kwistjoni tista’ tiġi indirizzata aħjar permezz ta’ inizjattiva li tiffaċilita l-kummerċ, f’konformità mal-Artikolu 13.5.
7.
Dan l-Artikolu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi ta’ Parti skont il-Kapitolu 29.
ARTIKOLU 13.13
Koordinatur tal-Kapitolu dwar l-OTK
1.
Kull Parti għandha tinnomina koordinatur tal-Kapitolu dwar l-OTK u tinnotifika lill-Parti l-oħra f’każ ta’ kwalunkwe bidla. Il-koordinaturi tal-Kapitolu dwar l-OTK għandhom jaħdmu flimkien sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu u l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fil-kwistjonijiet kollha dwar l-OTK.
2.
Il-funzjonijiet tal-koordinaturi tal-Kapitolu dwar l-OTK jinkludu:
(a)
l-appoġġ għas-Sottokumitat għall-kummerċ ta’ merkanzija, imsemmi fl-Artikolu 13.14, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet;
(b)
l-appoġġ għal inizjattivi li jiffaċilitaw il-kummerċ u diskussjonijiet tekniċi, kif xieraq, f’konformità mal-Artikoli 13.5 u 13.12 rispettivament;
(c)
l-iskambju ta’ informazzjoni dwar xogħol imwettaq f’fora mhux governattivi, reġjonali u multilaterali relatati ma’ standards, regolamenti tekniċi u proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità; u
(d)
ir-rapportar ta’ kwalunkwe żvilupp rilevanti relatat mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu lis-Sottokumitat għall-kummerċ ta’ merkanzija, imsemmi fl-Artikolu 13.14, kull meta jkun xieraq.
3.
Il-koordinaturi tal-Kapitolu dwar l-OTK għandhom jikkomunikaw ma’ xulxin bi kwalunkwe metodu miftiehem li jkun xieraq biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, li jista’ jinkludi posta elettronika, telekonferenzi, vidjokonferenzi u laqgħat.
ARTIKOLU 13.14
Sottokumitat għall-kummerċ ta’ merkanzija
Is-Sottokumitat għall-kummerċ ta’ merkanzija, stabbilit skont l-Artikolu 9.9(4), għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin, flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikoli 2.4, 9.9 u 10.14:
(a)
jiddiskuti r-riżultati tal-ħidma mwettqa skont l-Artikolu 13.5 u jikkunsidra azzjonijiet xierqa;
(b)
jipprovdi forum għall-Partijiet biex jiddiskutu l-ħtieġa li jittieħdu passi biex tiġi żgurata r-reċiproċità f’konformità mal-Artikolu 13.8(8);
(c)
irawwem il-kooperazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13.11 u jappoġġa diskussjonijiet tekniċi, kif xieraq, f’konformità mal-Artikolu 13.12;
(d)
jagħmel ħiltu biex jiddiskuti mill-inqas darba fis-sena l-kwistjonijiet koperti mit-Taqsima C, il-paragrafu 2 tal-Anness 13-B; u
(e)
jipprovdi forum għall-Partijiet biex jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Anness 13-B.
KAPITOLU 14
MIŻURI SANITARJI U FITOSANITARJI
ARTIKOLU 14.1
Objettivi
L-objettivi ta’ dan il-Kapitolu huma li:
(a)
jipproteġi l-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti fit-territorju tal-Partijiet filwaqt li jiffaċilita l-kummerċ bejn il-Partijiet sa fejn huma kkonċernati l-miżuri sanitarji u fitosanitarji (minn hawn ’il quddiem imsejħa “SPS”, sanitary and phytosanitary);
(b)
jistabbilixxi kooperazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim SPS;
(c)
jiżgura li l-miżuri SPS ma joħolqux ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ bejn il-Partijiet;
(d)
isaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tekniċi u xjentifiċi relatati mal-adozzjoni u l-applikazzjoni tal-miżuri SPS;
(e)
itejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni u l-konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet dwar kwistjonijiet SPS; u
(f)
jistabbilixxi kooperazzjoni f’fora multilaterali li jittrattaw kwistjonijiet SPS.
ARTIKOLU 14.2
Kamp ta’ Applikazzjoni
1.
Dan il-Kapitolu japplika għall-miżuri SPS kollha li jistgħu, direttament jew indirettament, jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Partijiet.
2.
Dan il-Kapitolu japplika għall-kooperazzjoni f’fora multilaterali li jittrattaw kwistjonijiet SPS.
ARTIKOLU 14.3
Definizzjonijiet
1.
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness A tal-Ftehim SPS;
(b)
id-definizzjonijiet adottati mill-Codex Alimentarius;
(c)
id-definizzjonijiet adottati mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“OIE”, World Organisation for Animal Health);
(d)
id-definizzjonijiet adottati mill-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“IPPC”, International Plant Protection Convention); u
(e)
“żona protetta” tfisser parti ġeografika ddefinita uffiċjalment tat-territorju tal-Unjoni Ewropea li fiha jkun magħruf li pest regolat speċifiku ma jkunx stabbilit minkejja kundizzjonijiet favorevoli u l-preżenza tiegħu f’partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni Ewropea.
Iż-żoni protetti huma żoni ħielsa mill-pesti taħt il-kontroll tal-Unjoni Ewropea fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Dawn huma rikonoxxuti mir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE. Dan il-kunċett ma jiġix applikat barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Għal skopijiet kummerċjali, l-Unjoni Ewropea ma teħtieġx li l-Parti l-oħra tistabbilixxi żoni protetti fit-territorju tagħha. F’każijiet bħal dawn, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet taż-żoni ħielsa mill-pesti. Għall-finijiet tal-Kapitolu 6 u għar-rikonoxximent ta’ żoni protetti, għandhom japplikaw l-istess kundizzjonijiet bħal dawk għal żoni ħielsa mill-pesti.
2.
Fil-każ ta’ kwalunkwe inkonsistenza bejn id-definizzjonijiet fl-Anness A tal-Ftehim SPS u d-definizzjonijiet miftiehma mill-Partijiet jew id-definizzjonijiet adottati mill-Codex Alimentarius, l-OIE u l-IPPC, għandhom jipprevalu d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness A tal-Ftehim SPS.
ARTIKOLU 14.4
Drittijiet u obbligi
Il-Partijiet jaffermaw id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim SPS. Xejn f’dan il-Kapitolu ma għandu jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta’ kull Parti skont il-Ftehim SPS.
ARTIKOLU 14.5
Awtoritajiet kompetenti
1.
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-awtorità kompetenti uffiċjali ta’ Parti hija l-awtorità li, f’konformità mal-liġi ta’ Parti, għandha s-setgħa li tinforza l-liġijiet u r-regolamenti tagħha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu sabiex tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti tagħha, jew kwalunkwe awtorità oħra li lilha dawk l-awtoritajiet ikunu ddelegaw dik is-setgħa (minn hawn ’il quddiem imsejħa “awtoritajiet kompetenti”).
2.
Fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, kull Parti għandha tipprovdi bil-miktub lill-Parti l-oħra l-isem tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li tispeċifika fejn din l-informazzjoni se tkun disponibbli għall-pubbliku u deskrizzjoni tad-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet kompetenti rispettivi.
3.
Il-Partijiet għandhom, f’konformità mal-Artikolu 14.11, il-paragrafu 4, jinfurmaw lil xulxin bi kwalunkwe bidla lil dawn l-awtoritajiet kompetenti.
ARTIKOLU 14.6
Obbligi ġenerali
1.
Il-prodotti esportati minn Parti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti SPS applikabbli tal-Parti li timporta.
2.
Ir-rekwiżiti SPS tal-Parti li timporta għandhom ikunu l-istess għat-territorju kollu tal-Parti li tesporta, sakemm l-istess kundizzjonijiet sanitarji u fitosanitarji jipprevalu f’dak it-territorju kollu, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet u l-miżuri adottati f’konformità mal-Artikolu 14.10. Kull Parti għandha tiżgura li l-miżuri SPS tagħha jiġu applikati b’mod proporzjonat u ma jiddiskriminawx b’mod arbitrarju jew mhux ġustifikat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR fejn jipprevalu kundizzjonijiet identiċi jew simili, inkluż bejn it-territorju tagħha stess u dak tal-Parti l-oħra. Il-miżuri SPS ma għandhomx jiġu applikati b’mod li jikkostitwixxi restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet.
3.
Il-proċeduri msemmija f’dan il-Kapitolu għandhom jiġu applikati mingħajr dewmien żejjed u b’mod trasparenti, u l-informazzjoni mitluba għandha tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għal skopijiet xierqa ta’ approvazzjoni, kontroll, spezzjoni u verifika.
4.
Kull Parti għandha tiżgura li kwalunkwe tariffa imposta għall-proċeduri tal-importazzjoni sabiex jiġi vverifikat u żgurat l-issodisfar tar-rekwiżiti SPS tkun ekwa fir-rigward ta’ kwalunkwe tariffa imposta fuq prodotti domestiċi simili jew prodotti li joriġinaw minn kwalunkwe Membru ieħor tad-WTO u ma għandhiex tkun ogħla mill-kost reali tas-servizz.
5.
Ħlief kif previst fl-Artikolu 14.14, meta timmodifika r-rekwiżiti SPS tal-importazzjoni, kull Parti, u fejn xieraq il-MERCOSUR, għandha tippermetti perjodu tranżitorju, filwaqt li tqis in-natura tal-modifika, sabiex jiġu evitati l-interruzzjoni jew it-tfixkil bla bżonn tal-flussi kummerċjali tal-prodotti u sabiex il-Parti li tesporta tkun tista’ taġġusta l-proċeduri tal-esportazzjoni tagħha kif xieraq għal tali modifika.
6.
L-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu ma għandhiex tipperikola r-rekwiżiti SPS għall-kummerċ bejn il-Partijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
7.
Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet simili f’Kapitoli oħra ta’ din il-Parti tal-Ftehim, xejn f’dan il-Kapitolu ma għandu jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta’ kull Parti li tipproteġi informazzjoni kunfidenzjali, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti ta’ kull Parti. Kull Parti għandha tiżgura li jkun hemm proċeduri fis-seħħ sabiex jipprevjenu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali li tinkiseb matul il-proċeduri msemmija f’dan il-Kapitolu.
8.
Kull Parti għandha tiżgura li r-riżorsi meħtieġa jkunu disponibbli għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 14.7
Miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ
Approvazzjoni ta’ stabbilimenti għall-importazzjoni ta’ annimali, prodotti tal-annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti sekondarji tal-annimali
1.
Il-Parti li timporta tista’ teħtieġ l-approvazzjoni ta’ stabbilimenti li jinsabu fit-territorju tal-Parti li tesporta għall-importazzjoni ta’ annimali, prodotti tal-annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti sekondarji tal-annimali minn stabbilimenti bħal dawn.
2.
Tali approvazzjoni għandha tingħata mingħajr spezzjoni minn qabel ta’ stabbilimenti individwali mill-Parti li timporta jekk:
(a)
il-Parti li timporta tkun irrikonoxxiet is-sistema ta’ kontroll uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta;
(b)
il-Parti li timporta tkun awtorizzat l-importazzjoni tal-prodotti kkonċernati; u
(c)
l-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta tkun ipprovdiet biżżejjed garanziji li tali stabbilimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti sanitarji tal-Parti li timporta.
3.
Il-Parti li tesporta għandha tawtorizza biss esportazzjonijiet minn stabbilimenti approvati kif imsemmi fil-paragrafu 1. Il-Parti li tesporta għandha tissospendi jew tirtira l-approvazzjoni tagħha ta’ stabbilimenti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti sanitarji tal-Parti li timporta u għandha tinnotifika tali sospensjoni jew irtirar lill-Parti li timporta.
4.
Il-Parti li tesporta għandha tipproponi lill-Parti li timporta lista ta’ stabbilimenti li għandhom jiġu approvati. Din il-lista għandha tkun akkumpanjata minn garanziji tal-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta li l-istabbilimenti jikkonformaw mal-garanziji msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (c).
5.
Il-Parti li timporta għandha tawtorizza l-importazzjonijiet minn stabbilimenti approvati sa mhux aktar tard minn 40 (erbgħin) jum tax-xogħol wara li tirċievi l-lista u l-garanziji msemmija fil-paragrafu 4 tal-Parti li tesporta. Jekk tintalab informazzjoni addizzjonali u b’riżultat ta’ dan ma tkunx tista’ tingħata awtorizzazzjoni fi żmien l-iskadenza ta’ 40 (erbgħin) jum tax-xogħol, il-Parti li timporta għandha tinforma lill-Parti li tesporta u tistabbilixxi skadenza ġdida għal tali awtorizzazzjoni. Dik l-iskadenza ma għandhiex taqbeż l-40 (erbgħin) jum tax-xogħol wara li tasal l-informazzjoni addizzjonali.
6.
Il-Parti li timporta għandha tfassal listi ta’ stabbilimenti approvati u għandha tagħmel dawk il-listi disponibbli għall-pubbliku.
7.
Il-Parti li timporta tista’ tirrifjuta l-approvazzjoni ta’ stabbilimenti li mhumiex konformi mar-rekwiżiti sanitarji tagħha. F’każijiet bħal dawn, il-Parti li timporta għandha tinforma lill-Parti li tesporta dwar tali rifjut, inkluż il-ġustifikazzjoni għal dan.
8.
Il-Parti li timporta tista’ twettaq verifiki tas-sistema ta’ kontroll uffiċjali f’konformità mal-Artikolu 14.15. Abbażi tar-riżultati ta’ dawn il-verifiki, il-Parti li timporta tista’ temenda l-listi ta’ stabbilimenti approvati.
Kontrolli fuq l-importazzjoni SPS
9.
Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm proċeduri relatati mal-kontrolli tal-importazzjoni SPS li jippermettu r-rilaxx rapidu tal-prodotti għall-importazzjoni mingħajr dewmien żejjed.
10.
Kull Parti għandha, fejn xieraq, tissimplifika l-kontrolli u l-verifiki u tnaqqas il-frekwenza tal-kontrolli SPS fuq l-importazzjoni magħmula mill-Parti li timporta fuq prodotti tal-Parti li tesporta. Kull Parti għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq dan li ġej:
(a)
ir-riskji involuti;
(b)
il-kontrolli mwettqa mill-produtturi jew l-importaturi li huma vvalidati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet;
(c)
il-garanziji mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta li l-istabbilimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti sanitarji tal-Parti li timporta; u
(d)
il-linji gwida, l-istandards u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali tal-Codex Alimentarius, l-OIE jew l-IPPC, kif applikabbli.
11.
Kull Parti tista’ tapplika kriterji oħra biex tissimplifika l-kontrolli u l-verifiki skont il-paragrafu 10 jekk dawn ma jimminawx il-kriterji maqbula b’mod komuni li huma elenkati fih.
12.
Jekk il-kontrolli tal-importazzjoni jiżvelaw nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti SPS tal-importazzjoni u l-prodotti jew il-kunsinni jiġu rrifjutati, il-Parti li timporta għandha tinnotifika lill-Parti li tesporta b’dan f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 14.12, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard minn 5 (ħamest) ijiem tax-xogħol wara d-data tar-rifjut.
13.
Jekk il-kontrolli tal-importazzjoni jiżvelaw nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti SPS rilevanti tal-importazzjoni, l-azzjoni meħuda mill-Parti li timportagħandha tkun iġġustifikata, abbażi tan-nuqqas ta’ konformità identifikat, u mhux aktar restrittiva għall-kummerċ milli meħtieġ sabiex jinkiseb il-livell xieraq ta’ protezzjoni sanitarja jew fitosanitarja tal-Parti.
Simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ importazzjoni u approvazzjoni tal-MERCOSUR
14.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-livelli differenti milħuqa mill-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali fl-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u fil-MERCOSUR min-naħa l-oħra. Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn it-territorji rispettivi tagħhom, il-MERCOSUR għandu jagħmel l-almu tiegħu biex gradwalment jadotta għal proċeduri għall-importazzjoni u l-approvazzjoni għall-prodotti u l-istabbilimenti tal-Unjoni Ewropea, jekk applikabbli:
(a)
kwestjonarju wieħed;
(b)
ċertifikat wieħed; u
(c)
lista waħda ta’ stabbilimenti approvati.
15.
Il-MERCOSUR se jagħmel l-almu tiegħu biex jarmonizza r-rekwiżiti tal-importazzjoni SPS, iċ-ċertifikati u l-kontrolli tal-importazzjoni tal-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR individwali.
ARTIKOLU 14.8
Miżuri alternattivi
1.
Fuq talba tal-Parti li tesporta, il-Parti li timporta għandha teżamina jekk eċċezzjonalment miżura SPS alternattiva għall-miżura SPS tal-Parti li timporta tiżgurax il-livell xieraq ta’ protezzjoni tal-Parti li timporta. Il-miżura alternattiva tista’ tkun ibbażata fuq linji gwida, standards u rakkomandazzjonijiet internazzjonali tal-Codex Alimentarius, tal-OIE jew tal-IPPC jew fuq il-miżuri SPS tal-Parti li tesporta.
2.
L-Artikolu 14.9 ma għandux japplika għal miżuri SPS alternattivi.
ARTIKOLU 14.9
Ekwivalenza
1.
Parti li tesporta tista’ titlob determinazzjoni tal-ekwivalenza mill-Parti li timporta li miżura SPS speċifika jew miżuri SPS speċifiċi relatati ma’ prodott jew grupp ta’ prodotti jew fuq bażi tas-sistema kollha tkun ekwivalenti għall-miżuri SPS tagħha stess.
2.
Sabiex jimplimenta dan l-Artikolu, is-Sottokumitat, imsemmi fl-Artikolu 14.18, għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet biex jistabbilixxi proċedura għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza bbażata fuq id-Deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji tal-Kumitat tad-WTO dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji u kwalunkwe aġġornament sussegwenti tiegħu, u linji gwida, standards u rakkomandazzjonijiet internazzjonali adottati fil-qafas tal-Codex Alimentarius, l-OIE u l-IPPC. Jenħtieġ li din il-proċedura tinkludi proċess li bih il-Partijiet ikollhom konsultazzjonijiet sabiex jiddeterminaw l-ekwivalenza tal-miżuri SPS, l-informazzjoni li għandha tkun meħtieġa mill-Partijiet, ir-responsabbiltajiet tal-Partijiet u l-iskadenzi għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza.
3.
Malli jirċievu talba speċifika, il-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet ibbażati fuq il-proċedura li għandha tiġi stabbilita skont il-paragrafu 2, bl-għan li jintlaħaq ftehim dwar ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza.
4.
Fuq talba tal-Parti li tesporta, il-Parti li timporta għandha tinforma lill-Parti li tesporta dwar l-istadju tal-proċedura għall-valutazzjoni tal-ekwivalenza.
ARTIKOLU 14.10
Rikonoxximent tal-istatus tas-saħħa tal-annimali u tal-pesti tal-pjanti u tal-kundizzjonijiet reġjonali
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-kunċett ta’ tqassim f’żoni u kompartimentalizzazzjoni, inklużi żoni ħielsa mill-pesti jew żoni ħielsa mill-mard u żoni bi prevalenza baxxa ta’ pesti jew mard u għandhom japplikawh fil-kummerċ bejn il-Partijiet, f’konformità mal-Ftehim SPS, inklużi l-Linji Gwida biex titkompla l-implimentazzjoni prattika tal-Artikolu 6 tal-Ftehim dwar l-Applikazzjoni ta’ miżuri Sanitarji u Fitosanitarji adottati mill-Kumitat tad-WTO dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji u l-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-istandards rilevanti tal-OIE jew tal-IPPC.
2.
Fuq talba tal-Parti li tesporta, il-Parti li timporta għandha tiddeċiedi jekk tirrikonoxxix żoni ħielsa mill-pesti u mill-mard, żoni bi prevalenza baxxa ta’ pesti u mard u kompartimenti tal-Parti li tesporta, kemm jekk għall-ewwel darba kif ukoll jekk wara tifqigħa ta’ marda tal-annimali jew pest tal-pjanti. Il-Parti li timporta għandha tibbaża din id-deċiżjoni fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Parti li tesporta f’konformità mal-Ftehim SPS u mal-istandards tal-OIE u tal-IPPC, u tqis l-istabbiliment ta’ żoni ħielsa mill-pesti u mill-mard, żoni bi prevalenza baxxa ta’ pesti u mard baxx u kompartimenti mill-Parti li tesporta. Il-Partijiet għandhom isegwu l-proċeduri stabbiliti fl-Anness 14-A.
3.
Id-Deċiżjoni tal-Parti li timporta skont il-paragrafu 2 għandha tittieħed mingħajr dewmien żejjed. Jekk, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14.14, il-Parti li timporta tiddeċiedi li tirrikonoxxi żoni ħielsa mill-pesti u mill-mard, żoni bi prevalenza baxxa ta’ pesti u mard u kompartimenti tal-Parti li tesporta, hija għandha tippermetti l-kummerċ minn dawk iż-żoni jew il-kompartimenti mingħajr dewmien żejjed.
4.
Is-Sottokumitat, imsemmi fl-Artikolu 14.18, jista’ jiddefinixxi aktar dettalji għall-proċedura għar-rikonoxximent ta’ żoni ħielsa mill-pesti u mill-mard, żoni bi prevalenza baxxa ta’ pesti u mard u kompartimenti stabbiliti fil-paragrafu 2, filwaqt li jqis il-Ftehim SPS u l-linji gwida, l-istandards u r-rakkomandazzjonijiet tal-IPPC u tal-OIE.
Annimali, prodotti tal-annimali, prodotti ta’ oriġini mill-annimali u prodotti sekondarji tal-annimali
5.
Il-proċedura għar-rikonoxximent taż-żoni jew tal-kompartimenti ħielsa mill-mard għall-annimali, għall-prodotti tal-annimali, għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u għall-prodotti sekondarji tal-annimali hija stabbilita fil-paragrafi 7 sa 9 u fl-Anness 14-A.
6.
Meta jistabbilixxu jew iżommu ż-żoni jew il-kompartimenti msemmija fil-paragrafu 2 għall-annimali, għall-prodotti tal-annimali, għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u għall-prodotti sekondarji tal-annimali, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw fatturi bħall-pożizzjoni ġeografika, l-ekosistemi, is-sorveljanza epidemjoloġika u l-effettività tal-kontrolli sanitarji.
7.
Mhux aktar tard minn 60 (sittin) jum tax-xogħol wara l-wasla tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 mill-Parti li tesporta, il-Parti li timporta tista’:
(a)
toġġezzjona b’mod espliċitu għat-talba għar-rikonoxximent ta’ żoni jew kompartimenti ħielsa mill-mard għall-annimali, il-prodotti tal-annimali, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali u l-prodotti sekondarji tal-annimali;
(b)
titlob informazzjoni addizzjonali mill-Parti li tesporta; jew
(c)
titlob verifiki skont l-Artikolu 14.15.
Il-Parti li timporta għandha tivvaluta kwalunkwe informazzjoni addizzjonali sa mhux aktar tard minn 30 (tletin) jum tax-xogħol wara li tirċeviha. Jekk ikunu meħtieġa verifiki mill-Parti li timporta, l-iskadenza għall-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali għandha tiġi interrotta.
8.
Il-Parti li timporta għandha tħaffef il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 7 jekk iż-żoni jew il-kompartimenti li għalihom qed jintalab ir-rikonoxximent mill-Parti li tesporta jkunu uffiċjalment rikonoxxuti mill-OIE bħala li għandhom status ta’ ħelsien mill-mard jew jekk l-istatus ta’ ħelsien mill-mard ikun ġie rkuprat wara tifqigħa.
9.
Jekk wara li ssegwi l-proċedura fil-paragrafu 7, il-Parti li timporta tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix iż-żoni jew il-kompartimenti li għalihom ikun intalab rikonoxximent mill-Parti li tesporta, hija għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Parti li tesporta u tispjega r-raġunijiet għaliex ma tirrikonoxxix iż-żoni jew il-kompartimenti kkonċernati u, fuq talba, torganizza konsultazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 14.13.
Pjanti u prodotti tal-pjanti
10.
Kull Parti għandha tistabbilixxi lista ta’ pesti regolati u pjanti u prodotti tal-pjanti regolati li għalihom jeżistu rekwiżiti fitosanitarji. Il-Parti li timporta għandha tagħmel disponibbli lill-Parti l-oħra l-lista tagħha ta’ pesti regolati, u pjanti u prodotti mill-pjanti regolati u r-rekwiżiti fitosanitarji tal-importazzjoni li japplikaw għalihom. Ir-rekwiżiti fitosanitarji tal-importazzjoni għall-pjanti u l-prodotti mill-pjanti regolati għandhom ikunu limitati għal dak li huwa meħtieġ għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pjanti jew għas-salvagwardja tal-użu maħsub tal-pjanti u tal-prodotti mill-pjanti. Il-Parti li timporta għandha tinforma lill-Parti l-oħra dwar kwalunkwe dikjarazzjoni addizzjonali meħtieġa.
11.
Ir-rekwiżiti fitosanitarji tal-Parti li timporta għandhom jiġu stabbiliti filwaqt li jitqies l-istatus fitosanitarju fil-Parti li tesporta u, jekk meħtieġ mill-Parti li timporta, ir-riżultat ta’ analiżi tar-riskju tal-pesti (minn hawn ’il quddiem imsejħa “PRA”, pest risk analysis). Il-PRA għandha titwettaq skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti (minn hawn ’il quddiem “ISPM”, International Standards for Phytosanitary Measures) tal-IPPC. Tali analiżi tar-riskju għandha tqis l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli kif ukoll l-użu maħsub tal-pjanti u l-prodotti mill-pjanti li jkunu qed jiġu kkunsidrati.
12.
Il-Parti li timporta għandha taġġorna l-listi msemmija fil-paragrafu 10 meta l-Parti li tesporta tagħmel talba biex tesporta prodotti ġodda lill-Parti l-oħra. Meta l-Parti li timporta tirrikjedi li PRA tawtorizza l-importazzjoni ta’ ċertu prodott, sabiex tħaffef il-proċess, tista’ tintuża bħala bażi PRA li tkun diġà twettqet għall-istess prodotti jew għal prodotti simili, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Parti li timporta tqis li tkun meħtieġa li tiġi analizzata.
13.
Il-Parti li timporta, meta twettaq il-proċess għad-determinazzjoni tal-istatus tal-pesti tal-Parti li tesporta, għandha tqis il-paragrafi 10 sa 17 ta’ dan l-Artikolu, l-Anness 14-A u r-rakkomandazzjonijiet tal-ISPM tal-IPPC.
14.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-kunċetti ta’ żoni ħielsa mill-pesti, postijiet ta’ produzzjoni ħielsa mill-pesti u siti ta’ produzzjoni ħielsa mill-pesti, kif ukoll żoni bi prevalenza baxxa ta’ pesti kif speċifikat fl-ISPM tal-IPPC, u ta’ żoni protetti li għandhom japplikaw fil-kummerċ bejniethom.
15.
Meta tistabbilixxi jew iżżomm miżuri fitosanitarji, il-Parti li timporta għandha tqis iż-żoni ħielsa mill-pesti, il-postijiet ta’ produzzjoni ħielsa mill-pesti, is-siti ta’ produzzjoni ħielsa mill-pesti u ż-żoni bi prevalenza baxxa ta’ pesti, kif ukoll iż-żoni protetti jekk ikunu stabbiliti mill-Parti li tesporta.
16.
Il-Parti li tesporta għandha tikkomunika żoni ħielsa mill-pesti, postijiet ta’ produzzjoni ħielsa mill-pesti, siti ta’ produzzjoni ħielsa mill-pesti jew żoni bi prevalenza baxxa ta’ pesti lill-Parti l-oħra u tipprovdi, fuq talba, spjegazzjoni u informazzjoni ta’ sostenn kif previst fl-ISPM rilevanti jew kif b’xi mod ieħor jitqies xieraq. Sakemm il-Parti li timporta:
(a)
ma toġġezzjonax b’mod espliċitu għat-talba għall-approvazzjoni ta’ żoni ħielsa mill-pesti, postijiet ta’ produzzjoni ħielsa mill-pesti, siti ta’ produzzjoni ħielsa mill-pesti jew żoni bi prevalenza baxxa ta’ pesti mal-Parti l-oħra jew żoni protetti jekk ikunu stabbiliti mill-Parti li tesporta;
(b)
ma titlobx informazzjoni addizzjonali mill-Parti li tesporta;
(c)
ma titlobx verifiki skont l-Artikolu 14.15; jew
(d)
ma tibdiex konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 14.13 sa mhux aktar tard minn 150 (mija u ħamsin) jum tax-xogħol wara li tirċievi tali informazzjoni, l-istatus tal-Parti li tesporta għandu jiġi rikonoxxut mill-Parti li timporta.
17.
Il-Parti li timporta għandha tivvaluta kwalunkwe informazzjoni addizzjonali mitluba skont il-paragrafu 16 sa mhux aktar tard minn 90 (disgħin) jum wara li tirċeviha. Kwalunkwe verifika mitluba mill-Parti li timporta skont il-paragrafu 16 għandha titwettaq f’konformità mal-Artikolu 14.15 filwaqt li titqies il-bijoloġija tal-pest u l-pjanta kkonċernata. Jekk il-Parti li timporta titlob verifiki bħal dawn, l-iskadenza għall-valutazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali għandha tiġi interrotta.
18.
Jekk, wara li ssegwi l-proċedura fil-paragrafu 16, il-Parti li timporta tiddeċiedi li ma tapprovax żoni ħielsa mill-pesti, postijiet ta’ produzzjoni ħielsa mill-pesti, siti ta’ produzzjoni ħielsa mill-pesti jew żoni bi prevalenza baxxa ta’ pesti jew żoni protetti jekk ikunu stabbiliti mill-Parti li tesporta li jkun intalab rikonoxximent għalihom mill-Parti li tesporta, hija għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Parti li tesporta u tispjega r-raġunijiet għalfejn ma approvathomx u, fuq talba, torganizza konsultazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 14.13.
ARTIKOLU 14.11
Trasparenza u skambju ta’ informazzjoni
1.
Fuq talba ta’ Parti u mhux aktar tard minn 15-il (ħmistax) jum tax-xogħol wara d-data ta’ tali talba, il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar:
(a)
il-proċeduri għall-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni ta’ prodott, inkluż, jekk possibbli, l-iskeda ta’ żmien mistennija;
(b)
rekwiżiti għall-importazzjoni ta’ prodotti speċifiċi, inkluż il-mudell għal ċertifikat, kif xieraq;
(c)
l-istatus tal-pesti tagħhom, inkluż programmi ta’ sorveljanza, qerda u trażżin u r-riżultati tagħhom sabiex jappoġġaw tali status ta’ pesti u miżuri fitosanitarji tal-importazzjoni;
(d)
l-istadju tal-progress tal-proċedura għall-approvazzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti speċifiċi; u
(e)
ir-relazzjoni bejn miżura SPS u l-linji gwida, l-istandards u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali u, jekk miżura SPS ma tkunx ibbażata fuq linji gwida, standards u rakkomandazzjonijiet internazzjonali, l-informazzjoni xjentifika dwar kif il-miżura SPS mhijiex konformi mal-linji gwida, l-istandards u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali u spjegazzjoni tar-raġunijiet għal tali miżura.
2.
F’każijiet fejn l-evidenza xjentifika rilevanti ma tkunx biżżejjed, Parti li tadotta miżura SPS proviżorja għandha tipprovdi l-informazzjoni pertinenti disponibbli li fuqha hija bbażata l-miżura u, jekk disponibbli, informazzjoni addizzjonali għal valutazzjoni aktar oġġettiva tar-riskju, u għandha tirrieżamina l-miżura SPS f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.
3.
Il-Partijiet għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, bi kwalunkwe mezz, informazzjoni aġġornata dwar:
(a)
rekwiżiti ta’ importazzjoni u proċeduri ta’ approvazzjoni SPS; u
(b)
lista ta’ pesti regolati.
4.
Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar:
(a)
kwalunkwe bidla fl-istatus sanitarju u fitosanitarju li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet;
(b)
kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ miżuri SPS li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Partijiet; u
(c)
kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Kapitolu.
5.
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, jekk l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu tkun saret disponibbli mill-Partijiet permezz ta’ notifika lid-WTO jew lill-korp internazzjonali rilevanti li jistabbilixxi l-istandards f’konformità mar-regoli rilevanti tagħha, jew fuq siti web tal-Partijiet aċċessibbli għall-pubbliku u mingħajr ħlas, l-iskambju ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1 ma għandux ikun meħtieġ.
6.
Kull Parti għandha taħtar punt ta’ kuntatt għall-komunikazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha koperti minn dan il-Kapitolu u tinforma lill-Parti l-oħra b’dan sa mhux aktar tard minn xahar (1) wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Kull Parti għandha tinnotifika minnufih lill-Parti l-oħra bi kwalunkwe bidla fil-punt ta’ kuntatt tagħha.
ARTIKOLU 14.12
Notifiki
1.
Kwalunkwe riskju serju jew sinifikanti għall-ħajja jew għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, inkluża kwalunkwe emerġenza ta’ kontroll tal-ikel jew tal-għalf, għandu jiġi nnotifikat lill-punti ta’ kuntatt tal-Parti l-oħra maħtura fl-Artikolu 14.11, fi żmien jumejn (2) tax-xogħol mill-identifikazzjoni ta’ dak ir-riskju.
2.
Ir-riskji għall-ħajja jew għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti li ma jkunux serji għandhom jiġu nnotifikati wkoll lill-punti ta’ kuntatt tal-Parti l-oħra f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li jkun biżżejjed biex jiġi evitat it-theddid għall-ħajja jew għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti jew li jiġi pperikolat il-kummerċ eżistenti bejn il-Partijiet.
3.
In-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom isiru permezz ta’ sistema stabbilita ta’ notifiki jew permezz ta’ notifiki ad hoc speċifiċi, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Parti notifikanti. Fiż-żewġ każijiet, in-notifika għandha tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet ikkonċernati.
4.
Jekk il-Parti notifikanti tadotta jew iżżomm kwalunkwe miżura SPS fir-rigward tan-notifika (inkluż ir-rifjut ta’ prodott jew kunsinna), dik in-notifika għandha tkun akkumpanjata minn spjegazzjoni tar-raġunijiet li jiġġustifikaw tali miżura.
5.
Il-Parti notifikanti għandha tirtira kwalunkwe notifika bbażata fuq informazzjoni li sussegwentement tinstab li ma tkunx sostanzjata jew li tkun ġiet trażmessa bi żball. Tali rtirar għandu jseħħ malajr kemm jista’ jkun, u jiġi nnotifikat lill-Parti li tesporta, sabiex jiġi evitat impatt negattiv fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet.
6.
Il-Partijiet għandhom jidentifikaw punti ta’ kuntatt għan-notifiki skont dan l-Artikolu u jinfurmaw lill-Parti l-oħra b’dan, jekk ma jkunux l-istess bħall-punti ta’ kuntatt identifikati skont l-Artikolu 14.11, il-paragrafu 6.
ARTIKOLU 14.13
Konsultazzjonijiet
1.
Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu 29, jekk il-miżuri SPS jew l-abbozz ta’ miżuri tal-Parti li timporta, jew l-implimentazzjoni tagħhom, jitqiesu bħala inkonsistenti ma’ dan il-Kapitolu, il-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet sa mhux aktar tard minn 60 (sittin) jum wara li l-Parti li tesporta tkun introduċiet talba motivata għal tali konsultazzjonijiet.
2.
Minkejja l-paragrafu 1, jekk tkun saret notifika minn Parti skont l-Artikolu 14.12 jew jekk Parti jkollha tħassib serju rigward riskju għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti, li jaffettwa prodotti nnegozjati bejn il-Partijiet, il-konsultazzjonijiet għandhom, fuq talba ta’ Parti, isiru malajr kemm jista’ jkun. Kull Parti għandha tagħmel ħilitha, f’tali kundizzjonijiet, sabiex tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi evitat tfixkil fil-kummerċ, inkluż limitazzjoni tiegħu.
3.
Fuq talba tal-Parti li tesporta, il-Parti li timporta għandha tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi evitat tfixkil fil-kummerċ, inkluż limitazzjoni tiegħu. Tali informazzjoni tinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14.11(1).
4.
Il-konsultazzjonijiet jistgħu jsiru għal perjodu ta’ żmien raġonevoli li jippermetti lill-Partijiet jilħqu soluzzjoni sodisfaċenti għaż-żewġ naħat.
5.
Il-konsultazzjonijiet jistgħu jsiru permezz tal-posta elettronika, bil-vidjo, permezz ta’ awdjokonferenza jew kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni li jkun disponibbli għaż-żewġ Partijiet. Il-Parti li tkun talbet il-konsultazzjonijiet għandha tkun responsabbli għat-tħejjija tal-minuti. Il-minuti għandhom jiġu approvati formalment mill-Partijiet għall-konsultazzjonijiet.
6.
Jekk il-Partijiet fil-konsultazzjonijiet ma jilħqux soluzzjoni sodisfaċenti għaż-żewġ naħat, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem is-Sottokumitat, imsemmi fl-Artikolu 14.18.
ARTIKOLU 14.14
Miżuri ta’ emerġenza
1.
Jekk Parti tadotta xi miżura sabiex tikkontrolla kwalunkwe riskju serju għall-ħajja jew għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, tali miżura għandha, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, timmira wkoll li tipprevjeni l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe riskju sanitarju u fitosanitarju fit-territorju tal-Parti l-oħra.
2.
Il-Parti li timporta tista’, fil-każ ta’ riskji serji għall-ħajja jew għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, tadotta miżuri ta’ emerġenza kontra tali riskji.
3.
Għall-prodotti fi tranżitu bejn il-Partijiet, il-Parti li timporta għandha tikkunsidra l-aktar soluzzjoni xierqa u proporzjonali sabiex jiġi evitat tfixkil bla bżonn għall-kummerċ.
4.
Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu adottati mingħajr notifika minn qabel skont l-Artikolu 14.12. Il-Parti li tadotta miżuri ta’ emerġenza għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra malajr kemm jista’ jkun bl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 48 (tmienja u erbgħin) siegħa wara.
5.
Kull Parti tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni relatata mas-sitwazzjoni sanitarja u fitosanitarja u mal-miżuri ta’ emerġenza adottati. Kull Parti għandha twieġeb dawn it-talbiet hekk kif l-informazzjoni mitluba tkun disponibbli.
6.
Fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet u f’konformità mal-Artikolu 14.13, il-Partijiet għandhom jagħmlu konsultazzjonijiet dwar il-miżura ta’ emerġenza sa mhux aktar tard minn 15-il (ħmistax) jum tax-xogħol min-notifika tal-miżuri ta’ emerġenza. Il-Partijiet jistgħu jikkunsidraw għażliet biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni, jew is-sostituzzjoni, tal-miżuri ta’ emerġenza.
ARTIKOLU 14.15
Verifiki tas-sistema ta’ kontroll uffiċjali
1.
Kull Parti, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, għandha d-dritt li:
(a)
twettaq verifiki, inkluż awditi, tas-sistema ta’ kontroll uffiċjali tal-Parti l-oħra, inkluż żjarat ta’ verifika; u
(b)
tirċievi informazzjoni dwar is-sistema ta’ kontroll uffiċjali tal-Parti l-oħra u r-riżultati tal-kontrolli mwettqa skont dik is-sistema.
2.
In-natura u l-frekwenza tal-verifiki, inklużi l-awditi, għandhom jiġu ddeterminati mill-Parti li timporta, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti tal-importazzjoni, il-karatteristiċi inerenti tal-prodott ikkonċernat, ir-rekord ta’ kontrolli tal-importazzjoni fil-passat u informazzjoni oħra disponibbli, bħal awditi u spezzjonijiet imwettqa mill-awtorità kompetenti tal-Parti li tesporta.
3.
L-objettiv tal-verifiki għandu jkun li tiġi evalwata l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti tal-Parti li tesporta li jiżguraw li l-prodotti esportati jew li għandhom jiġu esportati jissodisfaw ir-rekwiżiti SPS tal-Parti li timporta.
4.
Iż-żjarat ta’ verifika għandhom jitwettqu mingħajr dewmien żejjed u jiġu nnotifikati lill-Parti li tesporta mill-inqas 60 (sittin) jum tax-xogħol qabel ma jitwettqu tali verifiki, ħlief f’każijiet ta’ emerġenza jew jekk il-Partijiet jiddeċiedu mod ieħor. Kwalunkwe modifika fid-data taż-żjara għandha tiġi miftiehma mill-Partijiet.
5.
Il-verifiki għandhom jitwettqu f’konformità mal-pjan tal-awditjar miftiehem mill-Partijiet ikkonċernati, abbażi tal-Linji Gwida għad-Disinn, l-Operazzjoni, il-Valutazzjoni u l-Akkreditazzjoni tas-Sistemi ta’ Spezzjoni u Ċertifikazzjoni tal-Importazzjoni u l-Esportazzjoni tal-Ikel. Il-Parti li timporta għandha tipprovdi lill-Parti l-oħra r-raġunijiet għal kwalunkwe modifika fil-pjan ta’ verifika taż-żjara.
6.
L-ispejjeż imġarrba mill-Parti li twettaq il-verifika għandhom jitħallsu minn dik il-Parti.
7.
Il-Parti li twettaq il-verifika għandha tibgħat abbozz ta’ rapport dwar il-verifika lill-Parti soġġetta għall-verifika mhux aktar tard minn 60 (sittin) jum tax-xogħol wara t-tmiem taż-żjara ta’ verifika. Il-Parti soġġetta għall-verifika tista’ tikkummenta dwar l-abbozz tar-rapport sa mhux aktar tard minn 60 (sittin) jum tax-xogħol wara li tirċevih. Kummenti u pjan ta’ azzjoni, jekk meħtieġ, għandhom jiġu mehmuża mar-rapport finali. Il-Parti li twettaq il-verifika għandha tibgħat ir-rapport finali lill-Parti soġġetta għall-verifika sa mhux aktar tard minn 30 (tletin) jum tax-xogħol wara li tirċievi l-kummenti dwar l-abbozz tar-rapport.
8.
Kwalunkwe miżura meħuda bħala konsegwenza tal-verifiki għandha tkun proporzjonata għan-nuqqasijiet jew ir-riskji identifikati. Jekk jintalbu, għandhom isiru konsultazzjonijiet tekniċi dwar il-kwistjoni skont l-Artikolu 14.13.
9.
Jekk matul il-verifika jkun ġie identifikat riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti, il-Parti soġġetta għall-verifika għandha tiġi infurmata malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 10 (għaxart) ijiem tax-xogħol wara t-tmiem tal-verifika.
ARTIKOLU 14.16
Kooperazzjoni f’fora multilaterali
1.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni bejniethom fil-fora multilaterali kollha rilevanti għall-kwistjonijiet SPS, b’mod partikolari f’korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards rikonoxxuti fil-qafas tal-Ftehim SPS u għandhom jiskambjaw informazzjoni għal dak l-għan.
2.
Is-Sottokumitat għall-kwistjonijiet SPS, imsemmi fl-Artikolu 14.18, għandu jkun il-forum għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1.
ARTIKOLU 14.17
Kooperazzjoni
1.
Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu u biex jottimizzaw ir-riżultati tiegħu bl-għan li jespandu l-opportunitajiet u jiksbu l-akbar benefiċċji għall-Partijiet. Tali kooperazzjoni għandha tiġi żviluppata fi ħdan il-qafas legali u istituzzjonali li jirregola r-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Partijiet.
2.
Sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, il-Partijiet għandhom iqisu l-ħtiġijiet ta’ kooperazzjoni identifikati mis-Sottokumitat għall-kwistjonijiet SPS, imsemmi fl-Artikolu 6.18.
ARTIKOLU 4.18
Sottokumitat għall-kwistjonijiet SPS
1.
Is-Sottokumitat għall-kwistjonijiet SPS, stabbilit skont l-Artikolu 9.9(4), għandu jiltaqa’ għall-ewwel darba mhux aktar tard minn sena (1) wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
2.
Is-Sottokumitat għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin, flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikoli 2.4 u 9.9:
(a)
jipprovdi forum biex jiġu diskussi problemi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-miżuri SPS bil-ħsieb li jintlaħqu soluzzjonijiet aċċettabbli b’mod reċiproku dment li l-Partijiet l-ewwel ikunu ppruvaw jindirizzawhom permezz ta’ konsultazzjonijiet tekniċi skont l-Artikolu 14.13 u l-kwistjoni tkun imbagħad ġiet riferuta lis-Sottokumitat.
(b)
jipprovdi forum biex tiġi diskussa l-informazzjoni skambjata f’konformità mal-Artikolu 14.11;
(c)
jippromwovi l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni f’fora multilaterali skont l-Artikolu 14.16;
(d)
jiskambja l-listi ta’ punti ta’ kuntatt skont l-Artikolu 14.11(6) biex jikkondividu informazzjoni relatata ma’ dan il-Kapitolu;
(e)
iwettaq il-ħidma interna preparatorja meħtieġa għall-emenda tal-Anness 14-A mill-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ;
(f)
jagħmel rakkomandazzjonijiet biex jistabbilixxi proċedura għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza f’konformità mal-Artikolu 14.9(2);
(g)
jista’ jiddefinixxi aktar dettalji għall-proċedura għar-rikonoxximent ta’ żoni ħielsa mill-pesti u mill-mard, żoni bi prevalenza baxxa ta’ pesti u mard baxx u kompartimenti f’konformità mal-Artikolu 14.10(4); u
(h)
jidentifika l-ħtiġijiet ta’ kooperazzjoni fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, skont l-Artikolu 14.17(2).
ARTIKOLU 14.19
Trattament speċjali u differenzjali
F’konformità mal-Artikolu 10 tal-Ftehim SPS, jekk il-Paragwaj jidentifika diffikultajiet b’miżura proposta nnotifikata mill-Unjoni Ewropea, il-Paragwaj jista’ jitlob, fil-kummenti tiegħu sottomessi lill-Unjoni Ewropea, skont l-Anness B tal-Ftehim SPS, opportunità biex tiġi diskussa l-kwistjoni. L-Unjoni Ewropea u l-Paragwaj għandhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14.13, jidħlu f’konsultazzjonijiet sabiex jaqblu dwar:
(a)
kundizzjonijiet alternattivi tal-importazzjoni li għandhom jiġu applikati mill-Parti li timporta f’konformità mal-Artikolu 14.8 ta’ dan il-Kapitolu;
(b)
l-għoti ta’ assistenza teknika f’konformità mal-Artikolu 14.17 ta’ dan il-Kapitolu; jew
(c)
perjodu tranżitorju ta’ 6 (sitt) xhur għall-miżuri proposti biex japplikaw għall-prodotti mill-Paragwaj, li jista’ jiġi estiż b’mod eċċezzjonali għal perjodu ieħor ta’ mhux aktar minn 6 (sitt) xhur.
KAPITOLU 15
DJALOGI DWAR KWISTJONIJIET RELATATI MAL-KATINA AGROALIMENTARI
ARTIKOLU 15.1
Objettivi
Bil-ħsieb li jsaħħu l-fiduċja reċiproka u l-fehim rispettiv tagħhom, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogi u jiskambjaw informazzjoni dwar is-suġġetti li ġejjin:
(a)
il-benesseri tal-annimali;
(b)
l-applikazzjoni tal-bijoteknoloġija agrikola;
(c)
il-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi (minn hawn ’il quddiem imsejħa “AMR”, antimicrobial resistance); u
(d)
kwistjonijiet xjentifiċi relatati mas-sikurezza tal-ikel, mas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti.
ARTIKOLU 15. 2
Sottokumitat għad-djalogi dwar kwistjonijiet relatati mal-katina agroalimentari
Is-Sottokumitat għad-djalogi dwar kwistjonijiet relatati mal-katina agroalimentari, stabbilit skont l-Artikolu 9.9(4), għandu, flimkien mal-funzjonijiet elenkati fl-Artikoli 2.4, 9.9 u 15.7, jiltaqa’ fil-livell tal-esperti biex iwettaq id-djalogi msemmija fl-Artikolu 15.1.
ARTIKOLU 15.3
Benesseri tal-annimali
Filwaqt li jirrikonoxxi li l-annimali huma esseri sensibbli, is-Sottokumitat għad-djalogi dwar kwistjonijiet relatati mal-katina agroalimentari għandu jwettaq djalogu li jkopri, fost l-oħrajn, il-kwistjonijiet li ġejjin:
(a)
suġġetti speċifiċi dwar il-benesseri tal-annimali li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ reċiproku;
(b)
l-iskambju ta’ informazzjoni, għarfien espert u esperjenzi fil-qasam tal-benesseri tal-annimali biex jittejbu, għall-benefiċċju tal-Partijiet, l-approċċi rispettivi tagħhom dwar l-istandards regolatorji relatati mat-trobbija, iż-żamma, l-immaniġġjar, it-trasport u l-qatla tal-annimali;
(c)
it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni fir-riċerka tagħhom; u
(d)
il-kollaborazzjoni f’fora internazzjonali bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp ulterjuri ta’ standards internazzjonali dwar il-benesseri tal-annimali mill-OIE u l-aħjar prattiki tal-benesseri tal-annimali u l-implimentazzjoni tagħhom.
ARTIKOLU 15.4
Bijoteknoloġija agrikola
Is-Sottokumitat għad-djalogi dwar kwistjonijiet relatati mal-katina agroalimentari għandu jwettaq djalogu dwar il-bijoteknoloġija agrikola li se jkopri, fost l-oħrajn, il-kwistjonijiet li ġejjin:
(a)
l-iskambju ta’ informazzjoni dwar politiki, leġiżlazzjoni, linji gwida, prattiki tajbin u proġetti dwar prodotti bijoteknoloġiċi;
(b)
diskussjonijiet dwar suġġetti speċifiċi relatati mal-bijoteknoloġija li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ reċiproku, inkluż il-kooperazzjoni dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati (minn hawn ’il quddiem imsejħa “OĠM”);
(c)
l-iskambju ta’ informazzjoni dwar suġġetti relatati ma’ awtorizzazzjonijiet asinkroniċi ta’ OĠM sabiex jiġi minimizzat l-impatt possibbli fuq il-kummerċ;
(d)
l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-perspettiva ekonomika u kummerċjali għall-awtorizzazzjonijiet tal-OĠM; u
(e)
l-iskambju ta’ informazzjoni dwar każijiet ta’ preżenza ta’ livell baxx ta’ OĠM mhux awtorizzati mill-Parti li timporta iżda awtorizzati mill-Parti li tesporta.
ARTIKOLU 15.5
Ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi
Is-Sottokumitat għad-djalogi dwar kwistjonijiet relatati mal-katina agroalimentari għandu jwettaq djalogu dwar il-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi li se jkopri, fost l-oħrajn, il-kwistjonijiet li ġejjin:
(a)
kollaborazzjoni biex jiġu segwiti l-linji gwida, l-istandards, ir-rakkomandazzjonijiet u l-azzjonijiet żviluppati f’organizzazzjonijiet internazzjonijiet rilevanti, l-inizjattivi u l-pjanijiet nazzjonali eżistenti u futuri li għandhom l-għan li jippromwovu l-użu prudenti u responsabbli tal-antibijotiċi u fir-rigward tal-produzzjoni tal-annimali u l-prattiki veterinarji;
(b)
kollaborazzjoni fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OIE, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (minn hawn ’il quddiem imsejħa “WHO”, World Health Organisation) u l-Codex Alimentarius, b’mod partikolari l-Kodiċi ta’ Prattika biex tiġi minimizzata u kkonfinata r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi ta’ Oriġini Alimentari (CAC/RCP 61–2005);
(c)
l-iskambju ta’ informazzjoni dwar prattiki agrikoli tajbin;
(d)
il-promozzjoni tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp; u
(e)
il-promozzjoni ta’ approċċi multidixxiplinari għall-ġlieda kontra l-AMR, inkluż l-approċċ “Saħħa Waħda” tad-WHO, l-OIE u l-Codex Alimentarius.
ARTIKOLU 15.6
Kwistjonijiet xjentifiċi relatati mas-sikurezza tal-ikel, mas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti
1.
Jenħtieġ li l-Partijiet irawmu l-kooperazzjoni bejn il-korpi xjentifiċi uffiċjali rispettivi tagħhom responsabbli għas-sikurezza tal-ikel, ix-xjenza tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti. Tali kooperazzjoni għandu jkollha l-għan li tapprofondixxi l-informazzjoni xjentifika disponibbli għall-Partijiet sabiex tappoġġa l-approċċi rispettivi tagħhom dwar l-istandards regolatorji li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ reċiproku.
2.
Is-Sottokumitat għandu jmexxi djalogu dwar kwistjonijiet xjentifiċi relatati mas-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti li jkopri, fost l-oħrajn, il-kwistjonijiet li ġejjin:
(a)
l-iskambju ta’ informazzjoni xjentifika u teknika dwar is-sikurezza tal-ikel u l-għalf, l-oqsma tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, inkluż il-valutazzjoni tar-riskju u l-informazzjoni xjentifika li tappoġġa l-istabbiliment tal-livelli massimi ta’ residwi;
(b)
il-ġbir ta’ data; u
(c)
il-kollaborazzjoni fil-bini ta’ fehim komuni rigward l-OIE, l-IPPC u l-istandards tal-Codex Alimentarius.
ARTIKOLU 15.7
Dispożizzjonijiet addizzjonali
1.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-Sottokumitat, imsemmija fl-Artikolu 15.2, ma jipperikolawx l-indipendenza tal-aġenziji nazzjonali jew reġjonali rispettivi tagħhom. Is-Sottokumitat għad-djalogi dwar kwistjonijiet relatati mal-katina agroalimentari għandu jistabbilixxi r-regoli dwar il-kunflitti ta’ interess għall-parteċipanti tal-laqgħat tiegħu.
2.
Xejn f’dan il-Kapitolu ma għandu jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta’ kull Parti li tipproteġi informazzjoni kunfidenzjali, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ kull Parti. Kull Parti għandha tiżgura li jkun hemm proċeduri fis-seħħ sabiex jipprevjenu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali li tinkiseb matul il-proċess stabbilit f’dan il-Kapitolu.
3.
B’rispett sħiħ għad-dritt tal-Partijiet li jirregolaw, xejn f’dan il-Kapitolu ma għandu jiġi interpretat li jobbliga lil Parti biex:
(a)
tiddevja mill-proċeduri domestiċi għat-tħejjija u għall-adozzjoni ta’ miżuri regolatorji;
(b)
tieħu azzjoni li ddgħajjef jew timpedixxi l-adozzjoni f’waqtha ta’ miżuri regolatorji għall-ilħuq tal-objettivi tal-ordni pubbliku tagħha; jew
(c)
tadotta kwalunkwe eżitu regolatorju partikolari.
KAPITOLU 16
DIFIŻA TAL-KUMMERĊ U SALVAGWARDJI GLOBALI
TAQSIMA A
PRINĊIPJI ĠENERALI
ARTIKOLU 16.1
Relazzjoni mal-Ftehimiet tad-WTO
1.
Dan il-Kapitolu japplika mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-obbligi tal-Partijiet skont l-ADA, il-Ftehim SCM, il-Ftehim dwar is-Salvagwardji u d-DSU.
2.
Il-Partijiet għandhom jeżentaw il-kummerċ bilaterali soġġett għal trattament preferenzjali mill-applikazzjoni tas-Salvagwardja Agrikola Speċjali tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura.
3.
Ir-regoli preferenzjali tal-oriġini skont din il-Parti tal-Ftehim ma japplikawx għad-difiża tal-kummerċ u għall-investigazzjonijiet ta’ salvagwardja globali mwettqa f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 16.2
Trasparenza
1.
Jenħtieġ li l-miżuri ta’ difiża u ta’ salvagwardja tal-kummerċ jintużaw f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti rilevanti tad-WTO u jkunu bbażati fuq sistema ġusta u trasparenti.
2.
Malajr kemm jista’ jkun wara l-impożizzjoni ta’ miżura proviżorja, Parti għandha tagħti lill-partijiet interessati aċċess sħiħ għall-fatti li huma l-bażi għad-determinazzjonijiet, il-valutazzjoni tad-dannu, il-kalkoli tal-marġnijiet tad-dumping u s-sussidji u l-kawżalità. Barra minn hekk, qabel id-determinazzjoni finali, Parti għandha tiddivulga b’mod sħiħ u sinifikanti l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali kollha li jiffurmaw il-bażi għad-deċiżjoni li tiġi applikata miżura. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6.5 tal-ADA, l-Artikolu 12.4 tal-Ftehim SCM u l-Artikolu 3.2 tal-Ftehim dwar is-Salvagwardji.
3.
Parti għandha tibgħat l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2 bil-miktub, preferibbilment f’format elettroniku, u jenħtieġ li l-partijiet interessati jingħataw biżżejjed żmien biex jagħmlu l-kummenti. Għall-Partijiet li l-awtoritajiet investigattivi tagħhom iżommu fajls elettroniċi tal-każijiet, l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2 tista’ ssir disponibbli online.
TAQSIMA B
MIŻURI ANTI-DUMPING U KUMPENSATORJI
ARTIKOLU 16.3
Kunsiderazzjonijiet li jikkonċernaw miżuri anti-dumping u kumpensatorji
Kull Parti għandha:
(a)
tanalizza b’attenzjoni speċjali proposti ta’ impenji ta’ prezzijiet magħmula minn esportaturi tal-Parti l-oħra;
(b)
tiffavorixxi l-impożizzjoni ta’ dazju li jkun aktar baxx mill-marġni tad-dumping jew tas-sussidju, jekk dak il-livell ikun biżżejjed biex ineħħi d-dannu lill-industrija domestika;
(c)
tanalizza b’attenzjoni speċjali t-talbiet għall-estensjoni tal-miżuri fis-seħħ kontra l-esportaturi tal-Parti l-oħra; u
(d)
tqis l-informazzjoni pprovduta mill-utenti industrijali tal-prodott li qed jiġi investigat, l-importaturi u, jekk applikabbli, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur fil-kuntest tal-Artikolu 6.12 tal-ADA u l-Artikolu 12.10 tal-Ftehim SCM.
TAQSIMA Ċ
SALVAGWARDJI GLOBALI
ARTIKOLU 16.4
Trasparenza dwar is-salvagwardji globali
1.
Fuq talba tal-Parti li tesporta, u dment li jkollha interess sostanzjali fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat kif definit fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Parti li tibda investigazzjoni ta’ salvagwardja jew li jkollha l-ħsieb li tadotta miżuri ta’ salvagwardja proviżorji jew definittivi għandha tipprovdi minnufih:
(a)
l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12.2 tal-Ftehim dwar is-Salvagwardji, fil-format preskritt mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji tad-WTO;
(b)
il-verżjoni pubblika tal-ilment ippreżentat mill-industrija domestika, jekk rilevanti; u
(c)
ir-rapport pubbliku li jippreżenta s-sejbiet u l-konklużjonijiet motivati dwar il-kwistjonijiet pertinenti kollha tal-fatti u tal-liġi kkunsidrati fl-investigazzjoni ta’ salvagwardja.
Ir-rapport pubbliku msemmi fil-punt (c) ta’ dan il-paragrafu għandu jinkludi analiżi li tattribwixxi d-dannu lill-fatturi li jikkawżawh u għandu jistabbilixxi l-metodu użat fid-definizzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja.
2.
Jekk l-informazzjoni tiġi pprovduta skont dan l-Artikolu, il-Parti li timporta għandha toffri li jsiru konsultazzjonijiet informali mal-Parti li tesporta sabiex tiġi rieżaminata l-informazzjoni pprovduta.
3.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, jitqies li Parti għandha interess sostanzjali jekk tkun fost l-akbar 5 (ħames) fornituri tal-prodotti importati kkonċernati matul l-aktar perjodu reċenti ta’ 3 (tliet) snin, imkejjel f’termini ta’ volum jew valur assolut.
ARTIKOLU 16.5
Applikazzjoni ta’ miżuri definittivi
1.
Parti li tadotta miżuri ta’ salvagwardja għandha tagħmel ħilitha biex tapplikahom bil-mod li l-inqas jaffettwa l-kummerċ bilaterali.
2.
Il-Parti li timporta għandha toffri li torganizza konsultazzjonijiet informali mal-Parti li tesporta sabiex tirrieżamina l-kwistjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-Parti li timporta ma għandhiex tadotta miżuri fi żmien 30 (tletin) jum mid-data li fiha tkun saret l-offerta li jsiru konsultazzjonijiet informali.
TAQSIMA D
SOLUZZJONI TA’ TILWIM
ARTIKOLU 16.6
Nuqqas ta’ applikazzjoni tas-soluzzjoni ta’ tilwim
L-ebda Parti ma għandu jkollha rikors għas-soluzzjoni ta’ tilwim skont il-Kapitolu 29 għal kwalunkwe kwistjoni li tinqala’ skont dan il-Kapitolu.
KAPITOLU 17
MIŻURI BILATERALI TA’ SALVAGWARDJA
TAQSIMA A
KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
ARTIKOLU 17.1
Kamp ta’ Applikazzjoni
1.
Il-Kapitolu, it-Taqsimiet B sa I japplikaw għal kwalunkwe merkanzija għajr vetturi kklassifikati taħt l-intestaturi HS 8703 u 8704.
2.
Id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-vetturi kklassifikati taħt l-intestaturi HS 8703 u 8704 huma ddettaljati fl-Anness 17-A.
TAQSIMA B
DEFINIZZJONIJIET
ARTIKOLU 17.2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
“awtorità investigattiva kompetenti” tfisser:
(i)
għall-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea; u
(ii)
għall-MERCOSUR, il-Ministerio de Economía jew is-suċċessur tiegħu fl-Arġentina, is-Secretaria de Comércio Exterior tal-Ministério do Desenvolvimento, Indústria, Comércio e Serviços jew is-suċċessur tiegħu fil-Brażil, il-Ministerio de Industria y Comercio jew is-suċċessur tiegħu fil-Paragwaj, u l-Asesoría de Política Comercial del Ministerio de Economía y Finanzas jew is-suċċessur tiegħu fl-Urugwaj;
(b)
“industrija domestika” tfisser il-produtturi kollha ta’ prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta li joperaw fit-territorju ta’ Parti jew, fin-nuqqas ta’ dan, dawk li l-produzzjoni kollettiva tagħhom ta’ prodotti simili jew ta’ prodotti f’kompetizzjoni diretta normalment tikkostitwixxi aktar minn 50 % (ħamsin fil-mija) u f’ċirkostanzi eċċezzjonali mhux inqas minn 25 % (ħamsa u għoxrin fil-mija) tal-produzzjoni totali ta’ tali prodotti;
(c)
“partijiet interessati” tinkludi:
(i)
esportaturi jew produtturi jew importaturi barranin ta’ prodott soġġett għal investigazzjoni, jew assoċjazzjoni tal-kummerċ jew tan-negozju li l-maġġoranza tal-membri tagħha huma produtturi, esportaturi jew importaturi ta’ tali prodott;
(ii)
il-gvern tal-Parti li tesporta; u
(iii)
produtturi ta’ prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta fil-Parti li timporta jew assoċjazzjoni kummerċjali u ta’ negozju li l-maġġoranza tal-membri tagħha jipproduċu l-prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta fit-territorju tal-Parti li timporta;
din il-lista ma tipprekludix lill-Partijiet milli jippermettu li partijiet domestiċi jew barranin minbarra dawk imsemmija hawn fuq jiġu inklużi bħala partijiet interessati;
(d)
“prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta” tfisser:
(i)
prodott li huwa identiku, jiġifieri l-istess fl-aspetti kollha, għall-prodott taħt kunsiderazzjoni;
(ii)
prodott ieħor li, għalkemm mhux l-istess fl-aspetti kollha, għandu karatteristiċi li jixbhu mill-qrib lil dawk tal-prodott taħt konsiderazzjoni; jew
(iii)
prodott li jikkompeti direttament fis-suq intern tal-Parti li timporta, minħabba l-grad ta’ sostitwibbiltà tiegħu, il-karatteristiċi fiżiċi bażiċi u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-użi finali u l-mezzi ta’ distribuzzjoni;
din il-lista ta’ fatturi mhijiex eżawrjenti u lanqas ma jista’ wieħed jew aktar minn dawn il-fatturi neċessarjament jagħti gwida deċiżiva;
(e)
“dannu serju” tfisser indeboliment ġenerali sinifikanti fil-pożizzjoni ta’ industrija domestika;
(f)
“theddida ta’ dannu serju” tfisser dannu serju li jkun imminenti b’mod ċar, ibbażat fuq fatti u mhux biss fuq allegazzjoni, konġettura jew possibbiltà remota; u
(g)
“perjodu ta’ tranżizzjoni” tfisser:
(i)
12-il (tnax) sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim; jew
(ii)
għal merkanzija għajr vetturi kklassifikati taħt l-intestaturi HS 8703 u 8704 li l-Iskeda għat-Tneħħija tat-Tariffi tal-Parti li tapplika l-miżuri tipprevedi t-tneħħija tat-tariffi għaliha f’10 (għaxar) snin jew aktar, 18-il (tmintax) sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
TAQSIMA Ċ
KUNDIZZJONIJIET GĦALL-APPLIKAZZJONI TA’ MIŻURI BILATERALI TA’ SALVAGWARDJA
ARTIKOLU 17.3
Applikazzjoni ta’ miżuri bilaterali ta’ salvagwardja
1.
Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-obbligi msemmija fil-Kapitolu 16, Parti tista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, għal merkanzija għajr vetturi kklassifikati taħt l-intestaturi HS 8703 u 8704, tapplika miżuri ta’ salvagwardja bilaterali skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima jekk, wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, l-importazzjonijiet mill-Parti l-oħra ta’ prodott taħt termini preferenzjali jkunu żdiedu f’tali kwantitajiet, assoluti jew relattivi għall-produzzjoni jew għall-konsum domestiku u taħt tali kundizzjonijiet li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija domestika tagħha tal-prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta.
2.
Għall-merkanzija elenkata fil-paragrafu 1, il-miżuri ta’ salvagwardja bilaterali għandhom jiġu applikati biss sa fejn ikun meħtieġ biex jipprevjenu jew jirrimedjaw dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju.
3.
Il-miżuri ta’ salvagwardja bilaterali għandhom jiġu applikati wara investigazzjoni mill-awtoritajiet investigattivi kompetenti tal-Parti li timporta skont il-proċeduri stabbiliti f’dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 17.4
Skeda ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja bilaterali
Parti ma għandhiex tapplika, testendi jew iżżomm fis-seħħ miżura ta’ salvagwardja bilaterali lil hinn mill-iskadenza tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.
ARTIKOLU 17.5
Kundizzjonijiet u limitazzjonijiet
1.
Il-MERCOSUR jista’ jadotta miżuri ta’ salvagwardja bilaterali għall-importazzjonijiet mill-Unjoni Ewropea:
(a)
bħala entità unika, dment li jkunu ġew issodisfati r-rekwiżiti kollha biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju kkawżati mill-importazzjonijiet ta’ prodott skont termini preferenzjali, abbażi tal-kundizzjonijiet applikati għall-MERCOSUR; jew
(b)
f’isem wieħed jew aktar mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR, f’liema każ ir-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju kkawżat mill-importazzjonijiet ta’ prodott taħt termini preferenzjali għandhom ikunu bbażati fuq il-kundizzjonijiet prevalenti fl-Istat Firmatarju rilevanti tal-MERCOSUR jew fl-Istati Firmatarji tal-unjoni doganali; u l-miżura għandha tkun limitata għal dak l-Istat Firmatarju tal-MERCOSUR jew għal dawk l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR. L-adozzjoni ta’ miżura ta’ salvagwardja bilaterali mill-MERCOSUR f’isem Stat Firmatarju wieħed jew aktar tal-MERCOSUR ma għandhiex tipprevjeni lil Stat Firmatarju ieħor tal-MERCOSUR milli jadotta miżura fir-rigward tal-istess prodott wara.
2.
L-Unjoni Ewropea tista’ tapplika miżuri ta’ salvagwardja bilaterali għall-importazzjonijiet mill-MERCOSUR bħala entità unika jew minn Stat Firmatarju wieħed jew aktar tal-MERCOSUR jekk id-dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju tkun qed tiġi kkawżata mill-importazzjonijiet ta’ prodotti taħt termini preferenzjali.
3.
F’każ li l-Unjoni Ewropea tiddetermina li miżura għandha tapplika għall-MERCOSUR bħala entità unika, il-Paragwaj għandu jkun eżentat mill-applikazzjoni tal-miżura, sakemm ir-riżultat ta’ investigazzjoni ma jurix li l-eżistenza ta’ dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju qed tiġi kkawżata wkoll minn importazzjonijiet ta’ prodotti mill-Paragwaj taħt termini preferenzjali.
TAQSIMA D
FORMA U TUL TA’ ŻMIEN TAL-MIŻURI TA’ SALVAGWARDJA BILATERALI
ARTIKOLU 17.6
Forma tal-miżuri ta’ salvagwardja bilaterali
Għal merkanzija għajr vetturi kklassifikati taħt l-intestaturi HS 8703 u 8704, il-miżuri ta’ salvagwardja bilaterali adottati skont dan il-Kapitolu għandhom jikkonsistu minn:
(a)
sospensjoni temporanja tal-Anness 10-A għall-prodott ikkonċernat kif previst f’dan il-Ftehim; jew
(b)
tnaqqis temporanju tal-preferenza tariffarja għall-prodott ikkonċernat sabiex ir-rata tad-dazju doganali ma taqbiżx l-inqas minn bejn:
(i)
ir-rata tad-dazju doganali tan-nazzjon l-aktar favorit applikata fuq il-prodott fis-seħħ fiż-żmien meta tittieħed il-miżura; u
(ii)
ir-rata bażi tad-dazju doganali fuq il-prodott imsemmi fl-Anness 10-A.
ARTIKOLU 17.7
Marġni ta’ preferenza
Mat-terminazzjoni tal-miżura ta’ salvagwardja bilaterali, il-marġni ta’ preferenza għandu jkun dak li jiġi applikat għall-prodott fin-nuqqas tal-miżura skont l-Anness 10-A.
ARTIKOLU 17.8
Tul ta’ żmien tal-miżuri ta’ salvagwardja bilaterali
Il-miżuri ta’ salvagwardja bilaterali għandhom jiġu applikati biss għall-perjodu meħtieġ biex jipprevjenu jew jirrimedjaw il-ħsara serja u biex jiffaċilitaw l-aġġustament tal-industrija domestika. Dak il-perjodu, inkluż il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura proviżorja, ma għandux jaqbeż sentejn (2).
ARTIKOLU 17.9
Estensjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja bilaterali
1.
Il-miżuri ta’ salvagwardja bilaterali jistgħu jiġu estiżi darba għal perjodu massimu ugwali għall-perjodu ta’ applikazzjoni previst inizjalment, jekk ikun ġie ddeterminat, f’konformità mal-proċeduri stabbiliti f’dan il-Kapitolu, li l-miżura tibqa’ meħtieġa biex tipprevjeni jew tirrimedja dannu serju u jekk l-industrija domestika tipprovdi evidenza li qed taġġusta. Il-miżura estiża ma għandhiex tkun aktar restrittiva milli kienet fi tmiem il-perjodu inizjali.
2.
L-ebda miżura ta’ salvagwardja ma għandha terġa’ tiġi applikata għall-importazzjoni ta’ prodott skont l-Anness 10-A li kien soġġett għal miżura bħal din, sakemm ma jkunx għadda perjodu ta’ żmien ugwali għal nofs it-tul ta’ żmien totali tal-miżura ta’ salvagwardja preċedenti.
TAQSIMA E
PROĊEDURI TA’ INVESTIGAZZJONI U TRASPARENZA
ARTIKOLU 17.10
Investigazzjoni
1.
Fit-twettiq tal-investigazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet miżjuda kkawżawx jew humiex qed jheddu li jikkawżaw dannu serju lil industrija domestika kif imsemmi fl-Artikolu 17.3, l-awtorità investigattiva kompetenti għandha tevalwa l-fatturi rilevanti kollha ta’ natura oġġettiva u kwantifikabbli li għandhom effett fuq is-sitwazzjoni ta’ dik l-industrija, b’mod partikolari r-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f’termini assoluti u relattivi; is-sehem tas-suq domestiku meħud miż-żieda fl-importazzjonijiet; u bidliet fil-livell tal-bejgħ, inkluż il-prezzijiet, il-produzzjoni, il-produttività, l-użu tal-kapaċità, il-profitti u t-telf, u l-impjiegi.
2.
L-awtorità investigattiva kompetenti għandha turi, abbażi ta’ evidenza oġġettiva, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u d-dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju. L-awtorità investigattiva kompetenti għandha tevalwa wkoll il-fatturi kollha magħrufa għajr l-importazzjonijiet miżjuda skont it-termini preferenzjali ta’ dan il-Ftehim li jistgħu fl-istess ħin jikkawżaw ħsara lill-industrija domestika. L-effetti ta’ żieda fl-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati minn pajjiżi oħra ma għandhomx jiġu attribwiti għall-importazzjonijiet skont termini preferenzjali.
3.
Fit-twettiq ta’ investigazzjoni dwar id-dannu kif imsemmi fil-paragrafu 1, jenħtieġ li awtorità investigattiva kompetenti tiġbor data fuq perjodu ta’ mill-inqas 36 (sitta u tletin) xahar li jintemm qrib id-data tal-preżentazzjoni ta’ talba biex tinbeda investigazzjoni kif ikun prattikabbli.
ARTIKOLU 17.11
Ftuħ ta’ investigazzjoni
1.
Jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie li tiġġustifika tali bidu, tista’ tinbeda investigazzjoni ta’ salvagwardja bilaterali fuq talba ta’:
(a)
l-industrija domestika jew l-assoċjazzjoni kummerċjali u tan-negozju li taġixxi f’isem il-produtturi domestiċi ta’ prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta fil-Parti li timporta; jew
(b)
Stat Membru importatur wieħed jew aktar tal-Unjoni Ewropea jew Stati Firmatarji tal-MERCOSUR.
2.
It-talba biex tinbeda investigazzjoni għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
(a)
l-isem u d-deskrizzjoni tal-prodott importat ikkonċernat, l-intestatura tariffarja tiegħu u t-trattament tariffarju fis-seħħ, kif ukoll l-isem u d-deskrizzjoni tal-prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta;
(b)
l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni li tissottometti t-talba, jekk applikabbli;
(c)
jekk disponibbli b’mod raġonevoli, lista tal-produtturi kollha magħrufa tal-prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta; u
(d)
evidenza li l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni tal-miżura ta’ salvagwardja stabbiliti fl-Artikolu 17.3(1) huma ssodisfati.
Għall-finijiet tal-punt (d) ta’ dan il-paragrafu, it-talba biex tinbeda investigazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
(i)
il-volum tal-produzzjoni tal-produtturi li jissottomettu jew li huma rrappreżentati fl-applikazzjoni u stima tal-produzzjoni ta’ produtturi magħrufa oħrajn tal-prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta;
(ii)
ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet totali u bilaterali tal-prodott ikkonċernat f’termini assoluti u relattivi, għal mill-inqas aktar minn 36 (sitta u tletin) xahar qabel id-data tal-preżentazzjoni ta’ talba biex tinbeda investigazzjoni, li għaliha hemm informazzjoni disponibbli;
(iii)
il-livell tal-prezzijiet tal-importazzjoni matul l-istess perjodu; u
(iv)
jekk tkun disponibbli informazzjoni, data oġġettiva u kwantifikabbli dwar il-prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta, dwar il-volum tal-produzzjoni totali u tal-bejgħ totali fis-suq intern, l-inventarji, il-prezzijiet għas-suq intern, il-produttività, l-użu tal-kapaċità, l-impjiegi, il-profitti u t-telf, u s-sehem mis-suq tad-ditti rikjedenti jew ta’ dawk rappreżentati fit-talba, għal mill-inqas l-aħħar 36 (sitta u tletin) xahar qabel il-preżentazzjoni tat-talba, li għalihom tkun disponibbli informazzjoni.
ARTIKOLU 17.12
Informazzjoni kunfidenzjali
1.
L-awtoritajiet investigattivi kompetenti għandhom, malli tintwera kawża, jittrattaw kull informazzjoni li min-natura tagħha tkun kunfidenzjali jew li tiġi pprovduta fuq bażi kunfidenzjali, bħala tali. Tali informazzjoni ma għandhiex tiġi żvelata mingħajr il-permess tal-parti interessata li tissottomettiha. Parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tista’ tintalab tipprovdi sommarji mhux kunfidenzjali tagħha jew, jekk tali parti interessata tindika li tali informazzjoni ma tistax tinġabar fil-qosor, ir-raġunijiet għaliex ma jistax jiġi pprovdut sommarju.
2.
Minkejja l-paragrafu 1, jekk l-awtoritajiet kompetenti jsibu li talba għall-kunfidenzjalità ma tkunx ġustifikata u jekk il-parti interessata ma tkunx lesta li tagħmel l-informazzjoni pubblika jew li tawtorizza l-iżvelar tagħha f’forma ġeneralizzata jew fil-qosor, l-awtoritajiet jistgħu jinjoraw tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera għas-sodisfazzjon tagħhom minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
3.
Jekk l-informazzjoni dwar il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-impjiegi, il-pagi, il-volum u l-valur tal-bejgħ domestiku jew il-prezz medju tiġi ppreżentata fuq bażi kunfidenzjali, l-awtoritajiet investigattivi kompetenti għandhom jiżguraw li jiġu ppreżentati sommarji mhux kunfidenzjali sinifikanti li jiddivulgaw mill-inqas data aggregata jew, f’każijiet fejn id-divulgazzjoni tad-data aggregata tipperikola l-kunfidenzjalità tad-data tal-kumpanija, l-indiċijiet għal kull perjodu ta’ 12-il (tnax) xahar taħt investigazzjoni, sabiex jiġi żgurat id-dritt xieraq tad-difiża tal-partijiet interessati. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li t-talbiet għall-kunfidenzjalità jiġu kkunsidrati f’sitwazzjonijiet li fihom l-istrutturi tas-suq jew tal-industrija domestika partikolari jiġġustifikawha. Din id-dispożizzjoni ma tipprevjenix il-preżentazzjoni ta’ sommarji mhux kunfidenzjali aktar dettaljati.
4.
It-talbiet għall-kunfidenzjalità ma għandhomx ikunu ġġustifikati fir-rigward ta’ informazzjoni dwar standards bażiċi tekniċi u ta’ kwalità jew użi tal-prodott ikkonċernat. Talbiet għall-kunfidenzjalità fir-rigward ta’ informazzjoni dwar l-identità tal-applikanti u kumpaniji tal-manifattura magħrufa oħra li mhumiex parti mill-petizzjoni għandhom ikunu ġġustifikati biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, li għandhom ikunu debitament ġustifikati mill-awtoritajiet investigattivi kompetenti. F’dan ir-rigward, sempliċi allegazzjonijiet ma għandhomx ikunu biżżejjed biex jiġġustifikaw talbiet ta’ kunfidenzjalità. Jekk l-identità tal-applikanti ma tkunx tista’ tiġi żvelata, l-awtoritajiet investigattivi kompetenti għandhom jiżvelaw in-numru totali ta’ produtturi inklużi fl-industrija domestika u l-proporzjon tal-produzzjoni li l-applikanti jirrappreżentaw fir-rigward tal-produzzjoni totali tal-industrija domestika.
ARTIKOLU 17.13
Skeda ta’ żmien għall-investigazzjoni
Jenħtieġ li l-perjodu bejn id-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni biex tinbeda l-investigazzjoni u l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni finali ma jaqbiżx is-sena (1). F’ċirkostanzi eċċezzjonali dan il-perjodu jista’ jiġi estiż, iżda, fi kwalunkwe każ, ma għandux jaqbeż 18-il (tmintax) xahar. Parti ma għandhiex tapplika miżuri ta’ salvagwardja jekk din l-iskeda ta’ żmien ma tkunx ġiet osservata mill-awtoritajiet investigattivi kompetenti.
ARTIKOLU 17.14
Trasparenza
Kull Parti għandha tistabbilixxi jew iżżomm proċeduri trasparenti, effettivi u ekwi għall-applikazzjoni imparzjali u raġonevoli tal-miżuri ta’ salvagwardja, f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.
TAQSIMA F
MIŻURI TA’ SALVAGWARDJA PROVIŻORJI
ARTIKOLU 17.15
Miżuri ta’ salvagwardja proviżorji
1.
F’ċirkostanzi kritiċi fejn id-dewmien jista’ jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa, Parti, wara notifika xierqa, tista’ tieħu miżura ta’ salvagwardja proviżorja skont determinazzjoni preliminari li hemm evidenza ċara li l-importazzjonijiet taħt termini preferenzjali żdiedu u li tali importazzjonijiet ikkawżaw jew qed jheddu li jikkawżaw dannu serju. Il-miżura proviżorja ma għandhiex iddum aktar minn 200 (mitejn) jum, li matulhom għandhom jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu. Jekk id-determinazzjoni finali tikkonkludi li ma kien hemm l-ebda dannu serju jew theddida għall-industrija domestika kkawżata minn importazzjonijiet taħt termini preferenzjali, it-tariffa miżjuda jew il-garanzija proviżorja, jekk miġbura jew imposta taħt miżuri proviżorji, għandha tiġi rimborżata minnufih, f’konformità mar-regolament domestiku tal-Parti rilevanti.
2.
Ma għandhomx jittieħdu miżuri proviżorji ta’ salvagwardja kontra l-Paragwaj, sakemm ir-riżultat tad-determinazzjoni preliminari skont il-paragrafu 1 ma jurix li l-eżistenza ta’ dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju qed tiġi kkawżata wkoll minn importazzjonijiet ta’ prodotti mill-Paragwaj taħt termini preferenzjali.
TAQSIMA G
AVVIŻ PUBBLIKU
ARTIKOLU 17.16
Avviż pubbliku dwar il-bidu ta’ investigazzjoni
L-avviż pubbliku dwar il-bidu ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a)
isem l-applikant;
(b)
id-deskrizzjoni sħiħa tal-prodott importat li qed jiġi investigat u l-klassifikazzjoni tiegħu skont is-Sistema Armonizzata;
(c)
l-iskadenza għat-talba għas-seduti ta’ smigħ;
(d)
l-iskadenzi għar-reġistrazzjoni bħala parti interessata u għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni, dikjarazzjonijiet u dokumenti oħra;
(e)
l-indirizz fejn l-applikazzjoni u dokumenti oħra relatati mal-investigazzjoni jistgħu jiġu eżaminati;
(f)
l-isem, l-indirizz u l-indirizz tal-posta elettronika jew in-numru tat-telefon jew tal-faks tal-istituzzjoni li tista’ tipprovdi aktar informazzjoni; u
(g)
sommarju tal-fatti li fuqhom kien ibbażat il-bidu tal-investigazzjoni, inkluż id-data dwar l-importazzjonijiet li allegatament żdiedu f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni totali u analiżi tas-sitwazzjoni tal-industrija domestika bbażata fuq l-elementi kollha mwassla fl-applikazzjoni.
ARTIKOLU 17.17
Avviż pubbliku dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja bilaterali
L-avviż pubbliku tad-deċiżjoni biex tiġi applikata miżura ta’ salvagwardja proviżorja u biex tiġi applikata jew ma tiġix applikata miżura ta’ salvagwardja definittiva għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a)
id-deskrizzjoni sħiħa tal-prodotti soġġetti għall-miżura ta’ salvagwardja u l-klassifikazzjoni tariffarja tagħhom skont is-Sistema Armonizzata;
(b)
informazzjoni u evidenza li jwasslu għad-deċiżjoni, bħal:
(i)
l-importazzjonijiet preferenzjali li żdiedu jew li qed jiżdiedu, fejn applikabbli;
(ii)
is-sitwazzjoni tal-industrija domestika;
(iii)
l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn iż-żieda fl-importazzjonijiet preferenzjali tal-prodotti kkonċernati u d-dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju għall-industrija domestika, fejn applikabbli; u
(iv)
fil-każ ta’ determinazzjoni preliminari, l-eżistenza ta’ ċirkostanzi kritiċi;
(c)
sejbiet u konklużjonijiet motivati oħra dwar il-kwistjonijiet rilevanti kollha tal-fatti u tal-liġi;
(d)
deskrizzjoni tal-miżura li għandha tiġi adottata, fejn applikabbli; u
(e)
id-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura u t-tul ta’ żmien tagħha, fejn applikabbli.
TAQSIMA H
NOTIFIKI U KONSULTAZZJONIJIET
ARTIKOLU 17.18
Notifiki
1.
Il-Parti li timporta għandha tinnotifika lill-Parti li tesporta bil-miktub bid-deċiżjoni li:
(a)
tibda l-investigazzjoni skont dan il-Kapitolu;
(b)
tapplika miżura ta’ salvagwardja proviżorja; u
(c)
tapplika jew ma tapplikax miżura ta’ salvagwardja definittiva.
2.
Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata mill-Parti li timporta sa mhux aktar tard minn 10 (għaxart) ijiem wara l-pubblikazzjoni tagħha u għandha tkun akkumpanjata mill-avviż pubbliku xieraq. Fil-każ ta’ deċiżjoni biex tinbeda investigazzjoni, kopja tat-talba biex tinbeda l-investigazzjoni għandha tiġi inkluża fin-notifika.
ARTIKOLU 17.19
Konsultazzjonijiet
1.
Jekk Parti tiddetermina li l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ miżura definittiva huma ssodisfati, hija għandha tinnotifika bil-miktub u fl-istess ħin tistieden lill-Parti l-oħra għal konsultazzjonijiet.
2.
In-notifika u l-istedina għall-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru mill-inqas 30 (tletin) jum qabel ma miżura definittiva tkun mistennija li tidħol fis-seħħ. Parti ma għandhiex tapplika miżura definittiva fin-nuqqas ta’ tali notifika.
3.
In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:
(a)
id-data u l-informazzjoni oġġettiva li juru l-eżistenza ta’ dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju lill-industrija domestika kkawżat miż-żieda fl-importazzjonijiet taħt termini preferenzjali;
(b)
deskrizzjoni sħiħa tal-prodott importat soġġett għall-miżura u l-klassifikazzjoni tiegħu taħt is-Sistema Armonizzata;
(c)
deskrizzjoni tal-miżura proposta;
(d)
id-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura u d-durata tagħha; u
(e)
l-istedina għall-konsultazzjonijiet.
4.
L-objettiv tal-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun li jinkiseb fehim reċiproku tal-fatti magħrufa pubblikament u li jiġu skambjati opinjonijiet, bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni sodisfaċenti għaż-żewġ naħat. Jekk ma tintlaħaq l-ebda soluzzjoni sodisfaċenti fi żmien 30 (tletin) jum min-notifika msemmija fil-paragrafu 1, il-Parti tista’ tapplika l-miżura fi tmiem il-perjodu ta’ 30 (tletin) jum.
5.
Fi kwalunkwe stadju tal-investigazzjoni, il-Parti notifikata tista’ titlob konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li hija tqis meħtieġa.
TAQSIMA I
REĠJUNI ULTRAPERIFERIĊI TAL-UNJONI EWROPEA
ARTIKOLU 17.20
Reġjuni Ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea
1.
Minkejja l-Artikolu 17.3, jekk prodott li joriġina fi Stat Firmatarju tal-MERCOSUR wieħed jew aktar jiġi importat taħt termini preferenzjali fit-territorju ta’ reġjun ultraperiferiku wieħed jew aktar tal-Unjoni Ewropea fi kwantitajiet tant akbar u taħt tali kundizzjonijiet li jikkawża jew jhedded li jikkawża deterjorament serju fis-sitwazzjoni ekonomika tar-reġjun(i) ultraperiferiku/ultraperifiċi tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea tista’ eċċezzjonalment tieħu miżuri ta’ salvagwardja limitati għat-territorju tar-reġjun(i) ikkonċernat(i), sakemm ma tintlaħaqx soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku.
2.
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, regoli oħra stabbiliti f’dan il-Kapitolu applikabbli għas-salvagwardji bilaterali japplikaw ukoll għal kwalunkwe salvagwardja adottata skont dan l-Artikolu.
3.
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, deterjorament serju jfisser diffikultajiet kbar f’settur tal-ekonomija li jipproduċi prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta. Id-determinazzjoni ta’ deterjorament serju għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi, inklużi l-elementi li ġejjin:
(a)
iż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni domestika u għall-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra; u
(b)
l-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq is-sitwazzjoni tal-industrija rilevanti jew tas-settur ekonomiku kkonċernat, inkluż fuq il-livell tal-bejgħ, tal-produzzjoni, tas-sitwazzjoni finanzjarja u tal-impjiegi.
KAPITOLU 18
IL-KUMMERĊ FIS-SERVIZZI U L-ISTABBILIMENT
TAQSIMA A
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
ARTIKOLU 18.1
Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni
1.
Il-Partijiet, filwaqt li jaffermaw mill-ġdid l-impenji rispettivi tagħhom skont il-Ftehim tad-WTO, b’dan jistabbilixxu l-arranġamenti meħtieġa għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi u l-istabbiliment.
2.
Xejn f’dan il-Kapitolu ma għandu jiġi interpretat bħala li jeħtieġ il-privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi jew li jimponi xi obbligu fir-rigward tal-akkwist pubbliku mill-gvern.
3.
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw għal sussidji mogħtija jew għotjiet ipprovduti minn Parti, inkluż self, garanziji u assigurazzjoni appoġġati mill-gvern.
4.
B’mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, kull Parti żżomm id-dritt li tirregola, li tintroduċi regolamenti ġodda jew li tipprovdi servizzi biex tilħaq l-objettivi ta’ politika tagħha.
5.
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw għas-sistemi tas-sigurtà soċjali ta’ kull Parti.
6.
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu ma japplikawx għal servizzi fornuti jew għal attivitajiet imwettqa fl-eżerċizzju ta’ awtorità governattiva, jiġifieri kwalunkwe servizz li jiġi pprovdut jew kwalunkwe attività li la titwettaq fuq bażi kummerċjali, u lanqas f’kompetizzjoni ma’ fornitur ta’ servizzi jew investituri wieħed jew aktar.
7.
Dan il-Kapitolu japplika għall-miżuri ta’ kull Parti li jaffettwaw il-kummerċ fis-servizzi u l-istabbiliment, bl-eċċezzjoni ta’:
(a)
il-kabotaġġ marittimu nazzjonali;
(b)
is-servizzi tat-trasport bl-ajru domestiċi u internazzjonali, skedati jew mhux skedati, u s-servizzi direttament relatati mal-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku, minbarra:
(i)
servizzi tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru li matulhom inġenju tal-ajru jiġi rtirat mis-servizz;
(ii)
il-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru;
(iii)
servizzi ta’ sistema kompjuterizzata ta’ prenotazzjoni (CRS); u
(iv)
servizzi fuq l-art;
(c)
in-navigazzjoni interna; u
(d)
is-servizzi awdjoviżivi.
ARTIKOLU 18.2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:
(a)
“konsum barra mill-pajjiż” tfisser il-forniment ta’ servizz fit-territorju ta’ Parti lill-konsumatur tas-servizz tal-Parti l-oħra (mod 2);
(b)
“forniment transfruntier ta’ servizzi” tfisser il-forniment ta’ servizz mit-territorju ta’ Parti fit-territorju tal-Parti l-oħra (mod 1);
(c)
“attività ekonomika” tinkludi kwalunkwe attività ta’ natura ekonomika, irrispettivament minn jekk hijiex relatata ma’ setturi tas-servizzi jew mhux tas-servizzi, soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18.1;
(d)
“intrapriża” tfisser persuna ġuridika ta’ Parti, jew fergħa jew uffiċċju rappreżentattiv ta’ tali persuna ġuridika ta’ Parti, stabbilita permezz tal-istabbiliment, kif definit skont dan l-Artikolu;
(e)
“dħul u soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi” tfisser id-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ persunal ewlieni, apprendisti gradwati, bejjiegħa tan-negozju, fornituri ta’ servizzi kuntrattwali u professjonisti indipendenti ta’ Parti fit-territorju tal-Parti l-oħra, f’konformità mat-Taqsima B ta’ dan il-Kapitolu;
(f)
“stabbiliment” tfisser:
(i)
il-kostituzzjoni, l-akkwiżizzjoni jew iż-żamma ta’ persuna ġuridika; jew
(ii)
il-ħolqien jew iż-żamma ta’ fergħa jew uffiċċju rappreżentattiv ta’ persuna ġuridika, fit-territorju ta’ Parti għall-iskop tat-twettiq ta’ attività ekonomika;
(g)
“investitur” ta’ Parti tfisser kwalunkwe persuna li twettaq jew tfittex li twettaq attività ekonomika permezz ta’ stabbiliment fit-territorju tal-Parti l-oħra;
(h)
“persuna ġuridika” tfisser kull entità legali debitament kostitwita jew organizzata b’xi mod ieħor skont il-liġi applikabbli, kemm jekk tkun għal skopijiet ta’ profitt kif ukoll għal skopijiet oħra, u kemm jekk tkun proprjetà privata kif ukoll jekk tal-gvern, inkluż kull korporazzjoni, fiduċjarja, sħubija, impriża konġunta, sjieda esklussiva jew assoċjazzjoni;
(i)
persuna ġuridika hija:
(i)
“proprjetà” ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Parti jekk aktar minn 50 % tal-interess ta’ ekwità fiha jkun proprjetà benefiċjarja ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ dik il-Parti; u
(ii)
“ikkontrollata” minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Parti jekk dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jkollhom is-setgħa li jaħtru maġġoranza tad-diretturi tagħha jew li jidderieġu legalment l-azzjonijiet tagħha;
(j)
“persuna ġuridika ta’ Parti” tfisser persuna ġuridika li tkun jew:
(i)
kostitwita jew organizzata b’xi mod ieħor skont il-liġi ta’ dik il-Parti, u tkun involuta f’operazzjonijiet kummerċjali sostantivi fit-territorju ta’ dik il-Parti jew tal-Parti l-oħra; jew
(ii)
fil-każ ta’ stabbiliment, proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn:
(A)
persuni fiżiċi ta’ dik il-Parti; jew
(B)
persuni ġuridiċi ta’ dik il-Parti identifikati taħt il-punt (j) (i);
Minkejja l-punt (ii), il-kumpaniji tat-tbaħħir stabbiliti barra mill-Unjoni Ewropea jew mill-MERCOSUR u kkontrollati minn persuni fiżiċi li jkollhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Firmatarju tal-MERCOSUR, rispettivament, għandhom ikunu wkoll benefiċjarji tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, jekk il-bastimenti tagħhom ikunu rreġistrati f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti f’dak l-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea jew f’dak l-Istat Firmatarju tal-MERCOSUR u jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Firmatarju tal-MERCOSUR;
(k)
“miżura” tfisser kull miżura minn Parti, kemm jekk fil-forma ta’ liġi, regolament, regola, proċedura, deċiżjoni, azzjoni amministrattiva, jew xi forma oħra;
(l)
“miżuri adottati jew miżmuma minn Parti” tfisser miżuri meħuda minn:
(i)
gvernijiet u awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali; u
(ii)
entitajiet mhux governattivi fl-eżerċizzju ta’ setgħat iddelegati minn gvernijiet jew awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali;
(m)
“miżuri mill-Partijiet li jaffettwaw l-istabbiliment, il-forniment transfruntier ta’ servizzi, il-konsum barra mill-pajjiż, u d-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi” jinkludu miżuri fir-rigward ta’:
(i)
ix-xiri, il-ħlas jew l-użu ta’ servizz;
(ii)
l-aċċess għal u l-użu ta’, b’konnessjoni mat-twettiq ta’ attività ekonomika, servizzi li huma meħtieġa minn dawk il-Partijiet li jiġu offruti lill-pubbliku b’mod ġenerali; u
(iii)
l-aċċess, inkluż permezz tal-istabbiliment, ta’ persuni ta’ Parti għat-territorju tal-Parti l-oħra biex iwettqu attività ekonomika f’dak it-territorju;
(n)
“persuna fiżika” tfisser persuna li għandha n-nazzjonalità, jew hi residenti permanenti, ta’ wieħed mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR jew ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea skont il-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom;
(o)
“settur” ta’ attività ekonomika tfisser:
(i)
b’referenza għal impenn speċifiku, subsettur wieħed jew aktar, jew kollha kemm huma, ta’ dak is-servizz jew ta’ dak in-nuqqas ta’ servizz, kif speċifikat fl-impenji speċifiċi li jinsabu fl-Annessi 18-A sa 18-E; jew
(ii)
inkella, is-settur kollu ta’ dak is-servizz jew dak mhux tas-servizzi, inklużi s-subsetturi kollha tiegħu;
(p)
“fornitur ta’ servizz” tfisser kwalunkwe persuna li tipprovdi jew tfittex li tipprovdi servizz; u
(q)
“forniment ta’ servizz” tinkludi l-produzzjoni, it-tqassim, il-kummerċjalizzazzjoni, il-bejgħ u l-għoti ta’ servizz.
ARTIKOLU 18.3
Aċċess għas-suq
1.
Fir-rigward tal-aċċess għas-suq permezz tal-istabbiliment, il-forniment transfruntier ta’ servizzi, il-konsum barra mill-pajjiż, u d-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi kif previst fit-Taqsima B, kull Parti għandha tagħti lill-intrapriżi, lill-investituri, lis-servizzi u lill-fornituri tas-servizzi tal-Parti l-oħra trattament mhux inqas favorevoli minn dak previst skont it-termini, il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet miftiehma u speċifikati fl-impenji speċifiċi li jinsabu fl-Annessi 18-A sa 18-E.
2.
F’setturi fejn jittieħdu impenji għall-aċċess għas-suq, il-miżuri li Parti ma għandhiex iżżomm jew tadotta, la fuq il-bażi ta’ suddiviżjoni reġjonali u lanqas fuq il-bażi tat-territorju kollu tagħha, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-Annessi 18-A sa 18-E, huma definiti bħala:
(a)
limitazzjonijiet fuq in-numru ta’ fornituri ta’ servizzi jew intrapriżi fil-forma ta’ kwoti numeriċi, monopolji, drittijiet esklużivi jew ir-rekwiżiti ta’ test tal-ħtiġijiet ekonomiċi;
(b)
limitazzjonijiet għall-valur totali tat-tranżazzjonijiet jew tal-assi fil-forma ta’ kwoti numeriċi jew ir-rekwiżiti ta’ test ta’ ħtiġijiet ekonomiċi;
(c)
limitazzjonijiet fuq in-numru totali ta’ operazzjonijiet jew fuq il-kwantità totali ta’ produzzjoni espressa f’termini ta’ unitajiet numeriċi deżinjati fil-forma ta’ kwoti jew ir-rekwiżit ta’ test ta’ ħtiġijiet ekonomiċi;
(d)
limitazzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ kapital barrani f’termini ta’ limitu perċentwali massimu fuq ishma f’idejn barranin jew il-valur totali ta’ investiment barrani individwali jew aggregat;
(e)
miżuri li jirrestrinġu jew li jeħtieġu tipi speċifiċi ta’ entitajiet legali jew impriżi konġunti li permezz tagħhom investitur jew fornitur ta’ servizz tal-Parti l-oħra jista’ jwettaq attività ekonomika; jew
(f)
limitazzjonijiet fuq l-għadd totali ta’ persuni fiżiċi li jistgħu jiġu impjegati f’settur partikolari jew li intrapriża tista’ timpjega u li huma meħtieġa għal, u huma direttament relatati mal-prestazzjoni tal-attività ekonomika fil-forma ta’ kwoti numeriċi jew ir-rekwiżit ta’ test tal-ħtiġijiet ekonomiċi.
3.
It-testijiet tal-ħtiġijiet ekonomiċi għandhom jiġu deskritti b’mod konċiż u ċar, filwaqt li jiġu indikati l-elementi li jagħmluhom inkonsistenti ma’ dan l-Artikolu u jiġu speċifikati l-kriterji li fuqhom huwa bbażat it-test.
ARTIKOLU 18.4
Trattament nazzjonali
1.
Fis-setturi elenkati fl-Annessi 18-A sa 18-E, u soġġett għal kwalunkwe kundizzjoni u kwalifika stabbiliti fihom, fir-rigward tal-miżuri kollha li jaffettwaw l-istabbiliment, il-forniment transfruntier ta’ servizzi, il-konsum barra mill-pajjiż u d-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi kif previst fit-Taqsima B, kull Parti għandha tagħti lill-intrapriżi, lill-investituri, lis-servizzi u lill-fornituri ta’ servizzi tal-Parti l-oħra trattament mhux inqas favorevoli minn dak li tagħti lill-intrapriżi, lill-investituri, lis-servizzi u lill-fornituri ta’ servizzi simili tagħha stess.
2.
Parti tista’ tissodisfa r-rekwiżit tal-paragrafu 1 billi tagħti lill-intrapriżi, lill-investituri, lis-servizzi u lill-fornituri tas-servizzi tal-Parti l-oħra jew trattament formalment identiku jew trattament formalment differenti minn dak li tagħti lill-intrapriżi, lill-investituri, lis-servizzi u lill-fornituri tas-servizzi simili tagħha stess.
3.
Trattament formalment identiku jew formalment differenti għandu jitqies bħala inqas favorevoli jekk jimmodifika l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni favur l-intrapriżi, l-investituri, is-servizzi jew il-fornituri tas-servizzi tal-Parti meta mqabbel ma’ intrapriżi, investituri, servizzi u fornituri tas-servizzi simili tal-Parti l-oħra.
4.
L-impenji speċifiċi assunti skont dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu interpretati li jirrikjedu li xi Parti tikkumpensa għal kwalunkwe żvantaġġ kompetittiv inerenti li jirriżulta mill-karattru barrani tal-intrapriżi, l-investituri, is-servizzi jew il-fornituri tas-servizzi rilevanti.
ARTIKOLU 18.5
Lista ta’ impenji speċifiċi
1.
Is-setturi liberalizzati minn kull Parti skont dan il-Kapitolu u, permezz ta’ riżervi, il-limitazzjonijiet tal-aċċess għas-suq u tat-trattament nazzjonali applikabbli għas-servizzi, il-fornituri tas-servizzi, l-intrapriżi u l-investituri tal-Parti l-oħra f’dawk is-setturi huma stabbiliti fl-Annessi 18-A sa 18-E.
2.
Il-Partijiet ma għandhom japplikaw l-ebda restrizzjoni fuq l-aċċess għas-suq jew it-trattament nazzjonali għajr dawk li jinsabu fl-Annessi 18-A sa 18-E.
TAQSIMA B
DĦUL U SOĠĠORN TEMPORANJU TA’ PERSUNI FIŻIĊI
FORNIMENT TA’ SERVIZZI U GĦAL SKOPIJIET TA’ NEGOZJU
ARTIKOLU 18.6
Kamp ta’ Applikazzjoni
1.
Din it-Taqsima tapplika għal miżuri ta’ Parti li jikkonċernaw id-dħul u s-soġġorn temporanju fit-territorju tagħha ta’ persunal ewlieni, apprendisti gradwati, bejjiegħa tan-negozju, fornituri ta’ servizzi kuntrattwali u professjonisti indipendenti tal-Parti l-oħra f’konformità mal-paragrafi 2 u 3.
2.
Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima ma japplikawx għall-miżuri li jaffettwaw lil persuni fiżiċi li jfittxu aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ Parti, u lanqas għall-miżuri ta’ Parti rigward iċ-ċittadinanza, ir-residenza jew l-impjieg fuq bażi permanenti.
3.
Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima ma jipprevenux lil xi Parti milli tapplika l-miżuri meħtieġa biex tirregola d-dħul, is-soġġorn temporanju u l-moviment ordnat ta’ persuni fiżiċi fit-territorju tagħha jew biex tipproteġi l-integrità tal-fruntieri tagħha, jekk tali miżuri ma jannullawx jew ma jfixklux il-benefiċċji dovuti lil xi waħda mill-Partijiet skont it-termini ta’ impenn speċifiku.
4.
Soġġett għall-Artikoli 18.17 u 18.18, xejn f’din it-Taqsima ma għandu jipprevjeni lil Parti milli tirrikjedi li l-persuni fiżiċi jkollhom il-kwalifiki jew l-esperjenza professjonali meħtieġa fit-territorju fejn jiġi pprovdut is-servizz, għas-settur tal-attività kkonċernat.
ARTIKOLU 18.7
Definizzjonijiet
1.
Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
“bejjiegħa tan-negozju” tfisser persuni fiżiċi li huma rappreżentanti ta’ persuna ġuridika ta’ Parti li tkun qed tfittex dħul u soġġorn temporanju fit-territorju tal-Parti l-oħra għall-iskop tan-negozjar tal-bejgħ ta’ servizzi jew ta’ merkanzija jew li jidħlu fi ftehimiet biex jinbiegħu servizzi jew merkanzija għal dak il-fornitur. Dawn ma jinvolvux ruħhom f’bejgħ dirett lill-pubbliku ġenerali, ma jirċevux remunerazzjoni minn sors li jinsab fil-Parti ospitanti u ma jkunux aġent b’kummissjoni;
(b)
“fornituri ta’ servizzi kuntrattwali” tfisser persuni fiżiċi impjegati minn persuna ġuridika ta’ Parti li ma tkunx stabbilita fit-territorju tal-Parti l-oħra u li tkun ikkonkludiet kuntratt biex tipprovdi servizzi ma’ konsumatur finali fil-Parti tal-aħħar li jirrikjedi l-preżenza fuq bażi temporanja tal-impjegati tagħha f’dik il-Parti sabiex jiġi ssodisfat il-kuntratt għall-forniment ta’ servizzi;
(c)
“trainees gradwati” tfisser persuni fiżiċi li jkunu ġew impjegati minn persuna ġuridika ta’ Parti għal mill-inqas sena (1), li jkollhom lawrja universitarja u li jiġu trasferiti temporanjament għal intrapriża fit-territorju tal-Parti l-oħra għal skopijiet ta’ żvilupp tal-karriera jew biex jiksbu taħriġ fit-tekniki jew fil-metodi tan-negozju;
(d)
“professjonisti indipendenti” tfisser persuni fiżiċi involuti fil-provvista ta’ servizz u stabbiliti bħala persuni li jaħdmu għal rashom fit-territorju ta’ Parti li ma jkunux stabbiliti fit-territorju tal-Parti l-oħra u li jkunu kkonkludew kuntratt sabiex jipprovdu servizzi ma’ konsumatur finali fit-territorju tal-Parti l-oħra, li jirrikjedi l-preżenza tagħhom fuq bażi temporanja f’dik il-Parti sabiex jissodisfaw il-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi;
(e)
“persunal ewlieni” tfisser persuni fiżiċi impjegati fi ħdan persuna ġuridika ta’ Parti, li mhumiex organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, u li huma responsabbli għall-istabbiliment jew il-kontroll, l-amministrazzjoni u l-operat xierqa ta’ intrapriża, u li jikkonsistu minn:
(i)
“viżitaturi fuq negozju”: persuni fiżiċi li jaħdmu f’pożizzjoni għolja li huma responsabbli għall-istabbiliment ta’ intrapriża; huma ma jipparteċipawx fi tranżazzjonijiet diretti mal-pubbliku ġenerali u ma jirċevux remunerazzjoni minn sors li jkun jinsab fil-Parti ospitanti; u
(ii)
“ħaddiema bi trasferiment intraazjendali”: persuni fiżiċi li jkunu ġew impjegati minn persuna ġuridika ta’ Parti, jew li kienu sħab fiha, għal mill-inqas sena (1), li jiġu trasferiti temporanjament għal intrapriża jew uffiċċju prinċipali ta’ dik il-persuna ġuridika fit-territorju tal-Parti l-oħra u li jappartjenu għal waħda mill-kategoriji li ġejjin:
(A)
maniġers:
persuni fiżiċi li jaħdmu f’pożizzjoni għolja fi ħdan persuna ġuridika, li primarjament jidderieġu l-ġestjoni tal-intrapriża li tirċievi superviżjoni jew direzzjoni ġenerali prinċipalment mill-bord tad-diretturi jew l-azzjonisti tan-negozju jew l-ekwivalenti tagħhom, inkluż:
–
dawk li jmexxu l-intrapriża jew dipartiment jew suddiviżjoni tagħha;
–
dawk li jagħmlu superviżjoni u jikkontrollaw ix-xogħol ta’ impjegati superviżorji, professjonali jew maniġerjali oħra; jew
–
dawk li għandhom personalment l-awtorità li jirreklutaw u jkeċċu jew li jirrakkomandaw ir-reklutaġġ, it-tkeċċija jew azzjonijiet oħra relatati mal-persunal;
(B)
speċjalisti:
persuni fiżiċi li jaħdmu fi ħdan persuna ġuridika li jkollhom għarfien speċjalizzat essenzjali għall-attività ekonomika, it-tekniki jew il-ġestjoni tal-intrapriża.
ARTIKOLU 18.8
Persunal ewlieni u trainees gradwati
Għal kull settur li jkunu ttieħdu impenji għalih għall-istabbiliment kif elenkat fl-Annessi 18-B u 18-E, u soġġett għal kwalunkwe riżerva elenkata fl-Annessi 18-C u 18-E, kull Parti għandha tippermetti lill-investituri tal-Parti l-oħra jimpjegaw fl-intrapriża tagħhom persuni fiżiċi ta’ dik il-Parti l-oħra, jekk tali impjegati jkunu persunal ewlieni jew trainees gradwati kif definit fl-Artikolu 18.7. Id-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ persunal ewlieni u trainees gradwati għandhom ikunu:
(a)
għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ għat-twettiq tal-kuntratt jew sa 3 (tliet) snin għal ħaddiema bi trasferiment intraazjendali, skont liema minnhom ikun l-inqas;
(b)
sa 60 (sittin) jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 12-il (tnax) xahar għall-viżitaturi fuq negozju; u
(c)
sa sena (1) għat-trainees gradwati.
ARTIKOLU 18.9
Bejjiegħa tan-negozju
Għal kull settur li ittieħdu impenji għalih għall-forniment transfruntier ta’ servizzi u għall-istabbiliment, elenkati fl-Annessi 18-A, 18-B u 18-E, u soġġett għal kwalunkwe riżerva elenkata fl-Annessi 18-C u 18-E, kull Parti għandha tippermetti d-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ bejjiegħa tan-negozju għal perjodu ta’ mhux aktar minn 90 (disgħin) jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 12-il (tnax) xahar.
ARTIKOLU 18.10
Fornituri ta’ servizzi kuntrattwali u professjonisti indipendenti
1.
Għas-setturi speċifikati fl-Annessi 18-D u 18-E u soġġett għal kwalunkwe riżerva elenkata fihom, kull Parti għandha tippermetti l-forniment ta’ servizzi fit-territorju tagħha minn fornituri ta’ servizzi kuntrattwali tal-Parti l-oħra, permezz tal-preżenza ta’ persuni fiżiċi, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
il-persuna ġuridika li timpjega l-persuna fiżika trid tkun kisbet kuntratt ta’ servizz għal perjodu li ma jaqbiżx it-12-il xahar;
(b)
il-persuni fiżiċi li jidħlu fil-Parti l-oħra jrid ikollhom edukazzjoni jew esperjenza xierqa rilevanti għas-servizz li għandu jiġi pprovdut;
(c)
il-persuna fiżika ma għandhiex tirċievi remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizz għajr ir-remunerazzjoni mħallsa mill-fornitur kuntrattwali ta’ servizz matul is-soġġorn tal-persuna fiżika fil-Parti l-oħra;
(d)
id-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi fit-territorju tal-Parti kkonċernata għandu jkun għal perjodu kumulattiv ta’ mhux aktar minn 6 (sitt) xhur fi kwalunkwe perjodu ta’ 12-il (tnax) xahar jew għat-tul ta’ żmien tal-kuntratt, skont liema minnhom ikun l-inqas; u
(e)
l-aċċess mogħti skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jirrigwarda biss l-attività ta’ servizz li hija s-suġġett tal-kuntratt u ma jagħtix id-dritt lil persuni fiżiċi li jeżerċitaw it-titolu professjonali tal-Parti fejn jiġi pprovdut is-servizz.
2.
Għas-setturi speċifikati fl-Annessi 18-D u 18-E, u soġġetti għal kwalunkwe riżerva elenkata fihom, kull Parti għandha tippermetti l-forniment ta’ servizzi fit-territorju tagħha minn professjonisti indipendenti tal-Parti l-oħra, permezz tal-preżenza ta’ persuni fiżiċi, soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
il-persuni fiżiċi jridu jkunu kisbu kuntratt ta’ servizz għal perjodu li ma jaqbiżx it-12-il (tnax) xahar;
(b)
il-persuni fiżiċi li jidħlu fil-Parti l-oħra jrid ikollhom edukazzjoni u kwalifiki professjonali xierqa rilevanti għas-servizz li għandu jiġi pprovdut;
(c)
id-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi fil-Parti kkonċernata għandu jkun għal perjodu kumulattiv ta’ mhux aktar minn 6 (sitt) xhur fi kwalunkwe perjodu ta’ 12-il (tnax) xahar jew għat-tul ta’ żmien tal-kuntratt, skont liema minnhom ikun l-inqas; u
(d)
l-aċċess mogħti skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jirrigwarda biss l-attività ta’ servizz li hija s-suġġett tal-kuntratt u ma jagħtix id-dritt lill-persuna fiżika li teżerċita t-titolu professjonali tal-Parti fejn jiġi pprovdut is-servizz.
TAQSIMA Ċ
QAFAS REGOLATORJU
SUBTAQSIMA 1
DISPOŻIZZJONIJIET TA’ APPLIKAZZJONI ĠENERALI
ARTIKOLU 18.11
Għarfien reċiproku
1.
F’dan il-Kapitolu ma hemm xejn li għandu jimpedixxi lil Parti milli tirrikjedi li l-persuni fiżiċi jkollhom il-kwalifiki jew l-esperjenza professjonali meħtieġa speċifikati fit-territorju fejn jiġi pprovdut is-servizz, għas-settur tal-attività kkonċernat.
2.
Għall-finijiet tal-issodisfar, b’mod sħiħ jew parzjali, tal-istandards jew tal-kriterji tagħha għall-awtorizzazzjoni, il-liċenzjar jew iċ-ċertifikazzjoni tal-investituri u tal-fornituri tas-servizzi, Parti tista’ tirrikonoxxi l-edukazzjoni jew l-esperjenza miksuba, ir-rekwiżiti ssodisfati, jew il-liċenzji jew iċ-ċertifikazzjonijiet mogħtija fil-Parti l-oħra. Dan ir-rikonoxximent, li jista’ jintlaħaq permezz tal-armonizzazzjoni jew xort’oħra, jista’ jkun ibbażat fuq ftehim jew arranġament jew jista’ jingħata b’mod awtonomu.
ARTIKOLU 18.12
Trasparenza
1.
Kull Parti għandha tippubblika minnufih, u ħlief f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, sa mhux aktar tard miż-żmien tad-dħul fis-seħħ tagħhom, il-miżuri rilevanti kollha ta’ applikazzjoni ġenerali li jappartjenu għal jew jaffettwaw dan il-Kapitolu.
2.
Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu miżuri li japplikaw għall-modi kollha ta’ provvista, inkluż dwar il-proċess ta’ dħul u soġġorn temporanju tal-kategoriji ta’ persuni fiżiċi definiti fl-Artikolu 18.7. L-informazzjoni dwar dawn il-miżuri għandha tinżamm aġġornata. Kull Parti għandha tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti billi tindika lill-Parti l-oħra fejn jistgħu jinstabu l-pubblikazzjonijiet u s-siti web rilevanti.
3.
Jekk il-pubblikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx prattikabbli, tali miżuri għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku mod ieħor.
4.
Kull Parti għandha twieġeb minnufih għat-talbiet kollha mill-Parti l-oħra għal informazzjoni speċifika dwar kwalunkwe waħda mill-miżuri rilevanti tagħha ta’ applikazzjoni ġenerali msemmija fil-paragrafu 1, inkluż miżuri rigward id-dħul u s-soġġorn temporanju tal-fornituri tas-servizzi kif imsemmi fil-paragrafu 2.
5.
Kull Parti għandha tistabbilixxi punt ta’ informazzjoni wieħed jew aktar sabiex tipprovdu informazzjoni speċifika lill-fornituri tas-servizzi tal-Parti l-oħra, fuq talba, dwar kwalunkwe waħda mill-miżuri tagħha ta’ applikazzjoni ġenerali msemmija fil-paragrafu 1. Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin b’dawn il-punti ta’ informazzjoni sa mhux aktar tard minn sena (1) wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Il-punti ta’ informazzjoni mhemmx għalfejn ikunu depożitarji ta’ liġijiet u regolamenti.
6.
Xejn f’dan il-Kapitolu ma għandu jirrikjedi li xi Parti tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali, li d-divulgazzjoni tagħha timpedixxi l-infurzar tal-liġi jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, jew li tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ intrapriżi partikolari, pubbliċi jew privati.
SUBTAQSIMA 2
REGOLAMENTAZZJONI DOMESTIKA
ARTIKOLU 18.13
Kamp ta’ Applikazzjoni
1.
Din is-Subtaqsima tapplika biss għal setturi li Parti tkun ħadet impenji speċifiċi għalihom kif elenkati fl-Annessi 18-A sa 18 E u sal-punt li dawn l-impenji speċifiċi japplikaw.
2.
Din is-Subtaqsima ma tapplikax għal miżuri sa fejn dawn jikkostitwixxu limitazzjonijiet skont l-Artikoli 18.3 u 18.4.
3.
F’setturi fejn jittieħdu impenji speċifiċi kif elenkati fl-Annessi 18-A sa 18-E, kull Parti għandha tiżgura li l-miżuri kollha ta’ applikazzjoni ġenerali li jaffettwaw il-kummerċ fis-servizzi u l-istabbiliment jiġu amministrati b’mod raġonevoli, oġġettiv u imparzjali.
4.
Kull Parti għandha tikkonforma ma’ din is-Subtaqsima fir-rigward tal-miżuri relatati mar-rekwiżiti u mal-proċeduri ta’ liċenzjar u mar-rekwiżiti u mal-proċeduri ta’ kwalifika.
5.
Din is-Subtaqsima tapplika għall-miżuri ta’ kull Parti relatati mar-rekwiżiti u mal-proċeduri tal-liċenzjar u tal-kwalifiki li jaffettwaw:
(a)
il-forniment transfruntier tas-servizzi;
(b)
l-istabbiliment fit-territorju tagħhom ta’ intrapriża definita fl-Artikolu 18.2; jew
(c)
is-soġġorn temporanju fit-territorju tagħhom ta’ kategoriji ta’ persuni fiżiċi definiti fl-Artikolu 18.2.
ARTIKOLU 18.14
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din is-Subtaqsima:
(a)
“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe gvern jew awtorità ċentrali, reġjonali jew lokali, jew kwalunkwe korp mhux governattiv fl-eżerċizzju tas-setgħat iddelegati minn gvernijiet jew awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali u li huma intitolati jieħdu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni biex jiġi pprovdut servizz, jew dwar l-awtorizzazzjoni biex tiġi stabbilita intrapriża sabiex titwettaq attività ekonomika;
(b)
“proċeduri ta’ liċenzjar” tfisser regoli amministrattivi u proċedurali li fornitur ta’ servizz jew investitur li jkun qed ifittex awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizz jew jistabbilixxi intrapriża jrid jaderixxi magħhom sabiex juri konformità mar-rekwiżiti ta’ liċenzjar;
(c)
“rekwiżiti ta’ liċenzjar” tfisser rekwiżiti sostantivi għajr rekwiżiti ta’ kwalifika li magħhom fornitur ta’ servizzi jew investitur huwa meħtieġ jikkonforma sabiex jikseb, minn awtorità kompetenti, deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni biex jiġi pprovdut servizz jew dwar l-awtorizzazzjoni biex tiġi stabbilita intrapriża sabiex titwettaq attività ekonomika, inkluża deċiżjoni biex tiġi emendata jew imġedda tali awtorizzazzjoni;
(d)
“proċeduri ta’ kwalifika” tfisser ir-regoli amministrattivi jew proċedurali li persuna fiżika tkun trid tosserva sabiex turi konformità mar-rekwiżiti ta’ kwalifika, bl-għan li tinkiseb l-awtorizzazzjoni li tforni servizz; u
(e)
“rekwiżiti ta’ kwalifika” tfisser rekwiżiti sostantivi relatati mal-kompetenza ta’ persuna fiżika li tipprovdi servizz u li huma meħtieġa li tintwera l-konformità magħhom għall-iskop li tinkiseb awtorizzazzjoni biex jiġi pprovdut servizz.
ARTIKOLU 18.15
Kundizzjonijiet għal-liċenzjar
1.
Il-miżuri ta’ kull Parti relatati mar-rekwiżiti ta’ liċenzjar għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li huma:
(a)
proporzjonati għal objettiv ta’ politika pubblika;
(b)
ċari u mhux ambigwi;
(c)
oġġettivi; u
(d)
magħmula pubbliċi minn qabel.
2.
Jenħtieġ li tingħata liċenzja mill-awtorità kompetenti hekk kif jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ eżami xieraq, li l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ liċenzja ġew issodisfati.
3.
Jekk l-għadd ta’ liċenzji disponibbli għal attività partikolari jkun limitat minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi naturali disponibbli jew il-kapaċità teknika, kull Parti għandha tagħżel il-kandidati permezz ta’ proċedura tal-għażla imparzjali u trasparenti li tipprovdi, b’mod partikolari, pubbliċità adegwata dwar it-tnedija, il-kondotta u t-tlestija tal-proċedura. Soġġett għad-dispożizzjonijiet speċifikati minn dan l-Artikolu, kull Parti tista’ tqis l-objettivi tal-politika pubblika meta tistabbilixxi r-regoli għall-proċeduri tal-għażla.
ARTIKOLU 18.16
Proċeduri ta’ liċenzjar
1.
Il-proċeduri ta’ liċenzjar għandhom ikunu ċari u ppubblikati minn qabel. Kull Parti għandha tiżgura li l-proċeduri ta’ liċenzjar użati mill-awtoritajiet kompetenti tagħha u d-deċiżjonijiet relatati tagħha jkunu oġġettivi u imparzjali fir-rigward tal-applikanti kollha.
2.
Il-proċeduri ta’ liċenzjar ma għandhomx ikunu dissważivi u ma għandhomx jikkumplikaw jew idewmu bla bżonn il-forniment tas-servizz.
3.
Kwalunkwe tariffa tal-liċenzjar li l-applikanti jistgħu jġarrbu mill-applikazzjoni tagħhom għandha tkun raġonevoli u fiha nnifisha ma għandhiex tirrestrinġi l-forniment tas-servizz. Sa fejn ikun prattikabbli, jentħtieġ li dawk it-tariffi jkunu proporzjonati għall-ispiża tal-proċeduri ta’ liċenzjar inkwistjoni.
4.
L-awtoritajiet kompetenti ta’ Parti għandhom, sa fejn ikun prattikabbli, jipprovdu skeda ta’ żmien indikattiva għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu pproċessati f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Il-perjodu jibda minn żmien meta d-dokumentazzjoni kollha kienet irċevuta mill-awtoritajiet kompetenti. Jekk ikun iġġustifikat mill-kumplessità tal-kwistjoni, il-perjodu ta’ żmien jista’ jiġi estiż, mill-awtorità kompetenti, għal żmien raġonevoli. L-estensjoni u t-tul ta’ żmien tiegħu għandhom ikunu debitament motivati u għandhom jiġu nnotifikati lill-applikant, sa fejn ikun prattikabbli, qabel ma jiskadi l-perjodu oriġinali.
5.
Fil-każ ta’ applikazzjoni mhux kompluta, l-applikant ikun infurmat malajr kemm jista’ jkun bil-bżonn li jipprovdi dokumenti addizzjonali. F’każ bħal dan, il-perjodu msemmi fil-paragrafu 4 jista’ jiġi sospiż mill-awtoritajiet kompetenti sakemm ikunu rċevew id-dokumentazzjoni kollha.
6.
Jekk talba tiġi miċħuda minħabba li tonqos milli tikkonforma mal-proċeduri jew mal-formalitajiet meħtieġa, l-applikant għandu jiġi infurmat bir-rifjut u bil-mezzi disponibbli ta’ rimedju malajr kemm jista’ jkun.
ARTIKOLU 18.17
Rekwiżiti ta’ kwalifika
1.
Ir-rekwiżiti ta’ kwalifika għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li huma:
(a)
proporzjonati għal objettiv ta’ politika pubblika;
(b)
ċari u mhux ambigwi;
(c)
objettivi; u
(d)
magħmula pubbliċi minn qabel.
2.
Jekk Parti timponi rekwiżiti ta’ kwalifika għall-forniment ta’ servizz, hija għandha tiżgura li jeżistu proċeduri adegwati għall-verifika u l-valutazzjoni tal-kwalifiki miżmuma mill-fornituri tas-servizzi tal-Parti l-oħra. Jekk l-awtorità kompetenti ta’ Parti tqis li s-sħubija f’assoċjazzjoni professjonali rilevanti fit-territorju ta’ Parti oħra tkun indikattiva tal-livell ta’ kompetenza jew tal-firxa tal-esperjenza tal-applikant, tali sħubija għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa.
3.
Għall-forniment ta’ servizzi professjonali, l-ambitu tal-eżamijiet u ta’ kwalunkwe rekwiżit ieħor ta’ kwalifika minn awtorità kompetenti għandu jkun relatat mad-drittijiet li tiġi pprattikata professjoni li għaliha tkun qed tintalab awtorizzazzjoni, sabiex jiġi evitat li l-persuni tal-Parti l-oħra jiġu ristretti bla bżonn milli japplikaw.
4.
Dment li applikant ikun ippreżenta l-evidenza ta’ sostenn kollha meħtieġa tal-kwalifiki tiegħu, l-awtorità kompetenti, fil-verifika u l-valutazzjoni ta’ tali kwalifiki, għandha tidentifika kwalunkwe nuqqas u tinforma lill-applikant bir-rekwiżiti biex jiġi ssodisfat dan in-nuqqas. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jinkludu xogħol li sar waqt kors, eżamijiet u taħriġ. Il-preżentazzjoni minn applikant ta’ Parti ta’ evidenza ta’ kwalifiki miksuba fit-territorju ta’ pajjiż terz ma għandhiex fiha nnifisha tikkostitwixxi raġuni a priori għall-awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra biex tirrifjuta l-applikazzjoni u toqgħod lura milli tagħmel valutazzjoni tal-kwalifiki ppreżentati.
5.
Jekk ikunu meħtieġa l-eżamijiet, kull Parti għandha tiżgura li dawn ikunu skedati f’intervalli raġonevolment frekwenti. L-applikanti għall-eżamijiet għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jissottomettu l-applikazzjonijiet.
6.
Ladarba r-rekwiżiti ta’ kwalifika u kwalunkwe rekwiżit regolatorju applikabbli ieħor ikunu ġew issodisfati, jenħtieġ li kull Parti tiżgura li fornitur ta’ servizz jitħalla jipprovdi s-servizz mingħajr dewmien żejjed.
ARTIKOLU 18.18
Proċeduri ta’ kwalifika
1.
Il-proċeduri ta’ kwalifika għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li huma:
(a)
ċari u mhux ambigwi;
(b)
objettivi; u
(c)
magħmula pubbliċi minn qabel.
2.
Kull Parti għandha tiżgura li l-proċeduri ta’ kwalifika użati mill-awtoritajiet kompetenti tagħha u d-deċiżjonijiet relatati tagħha jkunu imparzjali fir-rigward tal-applikanti kollha.
3.
Fil-prinċipju, applikant ma għandux ikun meħtieġ li javviċina aktar minn awtorità kompetenti waħda (1) għall-proċeduri ta’ kwalifika.
4.
Jekk jeżistu perjodi ta’ żmien speċifiċi għall-applikazzjonijiet, applikant għandu jingħata perjodu raġonevoli għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tagħti bidu għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni mingħajr dewmien żejjed. Sa fejn ikun prattikabbli, l-awtorità kompetenti għandha taċċetta applikazzjonijiet f’format elettroniku taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ awtentiċità bħal applikazzjoni sottomessa f’format stampat.
5.
Jenħtieġ li jiġu aċċettati kopji awtentikati mill-awtorità kompetenti, jekk possibbli, minflok id-dokumenti oriġinali.
6.
Jekk l-awtorità kompetenti tirrifjuta applikazzjoni, hija għandha tinforma lill-applikant, sa fejn ikun prattikabbli bil-miktub, mingħajr dewmien żejjed. Hija għandha tinforma lill-applikant, fuq talba, bir-raġunijiet għar-rifjut tal-applikazzjoni u tidentifika kwalunkwe nuqqas u modi kif dawk in-nuqqasijiet jistgħu jiġu indirizzati. Hija għandha tinforma lill-applikant dwar l-iskeda ta’ żmien għal appell kontra d-deċiżjoni, jekk disponibbli. Għandha tippermetti li applikant jerġa’ jissottometti applikazzjoni f’limitu ta’ żmien raġonevoli.
7.
Kull Parti għandha tiżgura li l-ipproċessar ta’ applikazzjoni, inkluż il-verifika u l-valutazzjoni ta’ kwalifika, jitlesta f’perjodu ta’ żmien raġonevoli mid-data tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kompluta. Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tistabbilixxi skeda ta’ żmien normali għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni.
8.
Kull Parti għandha tiżgura li kwalunkwe tariffa relatata mal-proċeduri ta’ kwalifika tkun proporzjonata mal-kostijiet imġarrba mill-awtoritajiet kompetenti u fiha nnifisha ma tirrestrinġix il-provvista tas-servizz.
ARTIKOLU 18.19
Rieżami ta’ deċiżjonijiet amministrattivi
Kull Parti għandha żżomm jew tistabbilixxi tribunali jew proċeduri ġudizzjarji, arbitrali jew amministrattivi li jipprovdu, fuq talba ta’ investitur jew fornitur ta’ servizz affettwat tal-Parti l-oħra, għal rieżami fil-pront ta’, u jekk ġustifikat, rimedji xierqa għal, deċiżjonijiet amministrattivi li jaffettwaw l-istabbiliment, il-forniment transfruntier ta’ servizzi jew is-soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi li jipprovdu s-servizzi. Jekk tali proċeduri ma jkunux indipendenti mill-aġenzija fdata bid-deċiżjoni amministrattiva kkonċernata, kull Parti għandha tiżgura li l-proċeduri filfatt jipprevedu rieżami oġġettiv u imparzjali.
SUBTAQSIMA 3
SERVIZZI POSTALI
ARTIKOLU 18.20
Kamp ta’ Applikazzjoni
1.
Din is-Subtaqsima tistabbilixxi l-prinċipji tal-qafas regolatorju għas-servizzi postali li kull Parti tkun ħadet impenji speċifiċi fir-rigward tagħhom, kif elenkati fl-Annessi 18-A u 18-E, f’konformità ma’ din is-Subtaqsima.
2.
Din is-Subtaqsima ma teħtieġx li Parti tilliberalizza servizzi riżervati għal operatur nnominat wieħed (1) jew aktar kif elenkati fl-Annessi 18-A u 18-E.
ARTIKOLU 18.21
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din is-Subtaqsima:
(a)
“rekwiżiti essenzjali” tfisser raġunijiet ġenerali mhux ekonomiċi għall-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet fuq il-forniment ta’ servizzi postali u tista’ tinkludi l-kunfidenzjalità tal-korrispondenza, is-sigurtà tan-network fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża, il-protezzjoni tad-data, il-protezzjoni ambjentali u l-ippjanar reġjonali;
(b)
“liċenzja” tfisser kwalunkwe forma ta’ awtorizzazzjoni jew permess li jistabbilixxi drittijiet u obbligi speċifiċi għas-settur tal-posta, mogħti lil fornitur individwali minn awtorità regolatorja, jew minn kwalunkwe korp kompetenti ieħor, u li hu meħtieġ qabel ma jiġi pprovdut servizz partikolari;
(c)
“oġġett postali” tfisser oġġett indirizzat fil-forma finali li fiha għandu jinġarr minn fornitur ta’ servizz postali, kemm pubbliku kif ukoll privat, u jista’ jinkludi oġġetti bħal ittra, pakkett, gazzetta, katalgu u oħrajn;
(d)
“servizz postali” tfisser servizzi li jinvolvu l-ġbir, l-issortjar, it-trasport u l-kunsinna ta’ oġġetti postali, irrispettivament mid-destinazzjoni (domestika jew barranija), il-veloċità tas-servizz, (prijorità, mhux ta’ prijorità, urġenti, express jew oħrajn), jew l-operatur (pubbliku jew privat);
(e)
“awtorità regolatorja” tfisser il-korp jew korpi indipendenti inkarigati mir-regolamentazzjoni tas-servizzi postali msemmija f’din is-Subtaqsima; u
(f)
“servizz universali” tfisser id-dispożizzjonijiet permanenti ta’ servizz postali ta’ kwalità speċifika fuq il-punti kollha tat-territorju ta’ Parti bi prezz affordabbli għall-utenti.
ARTIKOLU 18.22
Prevenzjoni ta’ prattiki antikompetittivi fis-settur postali
Kull Parti għandha tiżgura li fornitur ta’ servizzi postali soġġett għal obbligu ta’ servizz postali universali jew monopolju ma jinvolvix ruħu fi prattiki antikompetittivi bħal:
(a)
l-użu ta’ dħul derivat mill-provvista ta’ tali servizz biex jissussidja b’mod reċiproku l-provvista ta’ servizz postali express jew kwalunkwe servizz postali mhux universali, u
(b)
id-differenzjar fost il-klijenti bħal negozji, persuni li jibagħtu posta ta’ volum kbir jew konsolidaturi fir-rigward ta’ tariffi jew termini u kundizzjonijiet oħra għall-forniment ta’ servizz soġġett għal obbligu ta’ servizz postali universali jew monopolju, jekk tali differenzjazzjoni ma tkunx ibbażata fuq kriterji oġġettivi jew imparzjali.
ARTIKOLU 18.23
Servizzi universali
Kull Parti għandha d-dritt li tiddefinixxi t-tip ta’ obbligu ta’ servizz universali li tixtieq iżżomm u li tiddeċiedi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu. Kull Parti tista’ tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tissalvagwardja l-implimentazzjoni, l-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-servizz postali universali. Tali miżuri u obbligi ma għandhomx jitqiesu bħala antikompetittivi per se jekk jiġu applikati b’mod trasparenti, mhux diskriminatorju u proporzjonat.
ARTIKOLU 18.24
Liċenzji għall-forniment ta’ servizzi postali
1.
Kull Parti tista’ teħtieġ liċenzji għall-forniment ta’ servizzi postali. Jenħtieġ li tingħata liċenzja kull fejn ikun possibbli, permezz ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni simplifikata skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali.
2.
Liċenzja tista’ teħtieġ konformità ma’ rekwiżiti essenzjali, inklużi standards ta’ kwalità u rispett għad-drittijiet esklużivi u speċjali ta’ operaturi nnominati ta’ servizzi riżervati jew ta’ servizzi postali universali.
3.
Jekk Parti teħtieġ liċenzja:
(a)
hija għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku f’forma faċilment aċċessibbli:
(i)
id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn tali liċenzja;
(ii)
il-kriterji, it-termini u l-kundizzjonijiet għal-liċenzjar; u
(iii)
sa fejn ikun possibbli, il-perjodu ta’ żmien normalment meħtieġ biex tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għal liċenzja.
(b)
il-proċeduri għall-għoti ta’ liċenzja għandhom ikunu trasparenti, mhux diskriminatorji, proporzjonati u bbażati fuq kriterji oġġettivi; u
(c)
kwalunkwe tariffa tal-liċenzjar li l-applikanti jistgħu jġarrbu mill-applikazzjoni tagħhom għandha tkun raġonevoli u fiha nnifisha ma għandhiex tirrestrinġi l-forniment tas-servizz.
4.
L-istatus ta’ applikazzjoni għal liċenzja u r-raġunijiet għar-rifjut li tingħata liċenzja għandhom jiġu mgħarrfa lill-applikant fuq talba. Kull Parti għandha, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tagħha, iżżomm jew tistabbilixxi proċedura għall-applikanti sabiex jappellaw kontra r-rifjut li tingħata liċenzja lil korp indipendenti domestiku. Tali proċedura għandha tkun trasparenti, mhux diskriminatorja u bbażata fuq kriterji oġġettivi.
ARTIKOLU 18.25
Indipendenza tal-korp regolatorju
Kull Parti tista’ taħtar korp regolatorju, kemm jekk speċifiku għas-settur tas-servizzi postali kif ukoll jekk le. Il-korp regolatorju għandu jkun legalment separat minn, u mhux responsabbli lejn, kwalunkwe fornitur ta’ servizzi postali. Id-deċiżjonijiet tal-korpi regolatorji u l-proċeduri użati minnhom għandhom ikunu imparzjali fir-rigward tal-parteċipanti kollha fis-suq.
SUBTAQSIMA 4
SERVIZZI TA’ TELEKOMUNIKAZZJONI
ARTIKOLU 18.26
Kamp ta’ Applikazzjoni
1.
Din is-Subtaqsima tistabbilixxi l-prinċipji tal-qafas regolatorju għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, għajr ix-xandir, li kull Parti tkun ħadet impenji speċifiċi fir-rigward tagħhom f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.
2.
Xejn f’din is-Subtaqsima ma għandu jiġi interpretat:
(a)
bħala li jirrikjedi li Parti tawtorizza fornitur ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni tal-Parti l-oħra sabiex jistabbilixxi, jibni, jakkwista, jikri, jopera, jew jipprovdi networks jew servizzi tat-trasport tat-telekomunikazzjoni, għajr kif previst fl-Annessi 18-A, 18-B, 18-C u 18-E; jew
(b)
bħala li jirrikjedi li Parti tobbliga lill-fornituri tas-servizzi taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha, li tistabbilixxi, tibni, takkwista, tikri, topera jew tforni networks jew servizzi tat-trasport tat-telekomunikazzjoni mhux offruti lill-pubbliku b’mod ġenerali.
ARTIKOLU 18.27
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din is-Subtaqsima:
(a)
“faċilitajiet essenzjali tat-telekomunikazzjoni” tfisser faċilitajiet ta’ network pubbliku tat-trasport tat-telekomunikazzjoni u servizz pubbliku tat-trasport tat-telekomunikazzjoni li:
(i)
jiġu offruti esklużivament jew prinċipalment minn fornitur uniku jew numru limitat ta’ fornituri; u
(ii)
ma jistgħux jiġu ssostitwiti ekonomikament jew teknikament b’mod fattibbli biex jiġi pprovdut servizz;
(b)
“interkonnessjoni” tfisser konnessjoni ma’ fornituri ta’ networks tat-trasport tat-telekomunikazzjoni jew servizzi tat-trasport tat-telekomunikazzjoni sabiex l-utenti ta’ fornitur wieħed ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-utenti ta’ fornitur ieħor ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni u jaċċessaw servizzi tat-telekomunikazzjoni pprovduti minn fornitur ieħor ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni;
(c)
“liċenzja” tfisser kwalunkwe forma ta’ awtorizzazzjoni, inklużi proċeduri ta’ reġistrazzjoni, dikjarazzjoni jew notifika jew oħrajn kif definiti fil-liġijiet u r-regolamenti ta’ Parti, li jistabbilixxu drittijiet u obbligi speċifiċi għas-settur tat-telekomunikazzjoni mogħtija lil fornitur ta’ servizz individwali ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni minn awtorità regolatorja li hija meħtieġa għall-forniment ta’ servizz tat-telekomunikazzjoni;
(d)
“fornitur ewlieni” fis-settur tat-telekomunikazzjoni huwa fornitur ta’ networks jew servizzi tat-trasport tat-telekomunikazzjoni li għandu l-kapaċità li jaffettwa materjalment it-termini tal-parteċipazzjoni, filwaqt li jqis il-prezz u l-provvista, f’suq rilevanti għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni bħala riżultat tal-kontroll fuq il-faċilitajiet essenzjali jew l-użu tal-pożizzjoni tiegħu f’dak is-suq;
(e)
“network pubbliku tat-trasport tat-telekomunikazzjoni” tfisser l-infrastruttura pubblika tat-telekomunikazzjoni li tippermetti t-telekomunikazzjoni bejn u fost il-punti ta’ terminazzjoni definiti tan-network;
(f)
“servizz pubbliku tat-trasport tat-telekomunikazzjoni” tfisser kwalunkwe servizz tat-trasport tat-telekomunikazzjoni meħtieġ, b’mod espliċitu jew effettiv, minn Parti biex jiġi offrut lill-pubbliku b’mod ġenerali;
(g)
“awtorità regolatorja” tfisser il-korp jew il-korpi inkarigati mir-regolamentazzjoni tat-telekomunikazzjoni msemmija f’din is-Subtaqsima;
(h)
“fornitur ta’ servizz” tfisser persuna li tkun ingħatat liċenzja biex tipprovdi servizzi tat-telekomunikazzjoni;
(i)
“servizzi tat-telekomunikazzjoni” tfisser is-servizzi kollha li jikkonsistu fit-trażmissjoni u r-riċezzjoni ta’ sinjali elettromanjetiċi u teskludi servizzi li jipprovdu, jew jeżerċitaw kontroll editorjali fuq, il-kontenut trażmess; u
(j)
“servizz universali” tfisser is-sett ta’ servizzi ta’ kwalità speċifikata li jridu jkunu disponibbli għall-utenti kollha fit-territorju ta’ Parti irrispettivament mill-post ġeografiku tagħhom u bi prezz affordabbli.
ARTIKOLU 18.28
Awtorità regolatorja
1.
Kull Parti għandha tiżgura li l-awtorità regolatorja tagħha għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni.
2.
L-awtorità regolatorja għandu jkollha biżżejjed setgħa u riżorsi biex tirregola s-settur. Il-kompetenzi tal-awtorità regolatorja għandhom isiru pubbliċi f’forma faċilment aċċessibbli u ċara, b’mod partikolari jekk dawk il-kompiti jiġu assenjati lil aktar minn korp wieħed.
3.
Id-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja u l-proċeduri użati minnha għandhom ikunu imparzjali fir-rigward tal-parteċipanti kollha tas-suq.
4.
Fornitur ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni affettwat minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja għandu jkollu d-dritt li jappella kontra dik id-deċiżjoni quddiem korp domestiku tal-appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti u mill-awtorità regolatorja. Jekk il-korp tal-appell ma jkunx ta’ natura ġudizzjarja, għandhom jingħataw raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjoni tiegħu u d-deċiżjonijiet tiegħu għandhom ikunu soġġetti wkoll għal reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva domestika imparzjali u indipendenti.
ARTIKOLU 18.29
Liċenzji għall-forniment ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni
1.
Kull Parti għandha tiżgura li tingħata liċenzja, permezz ta’ proċedura simplifikata kull fejn ikun possibbli.
2.
Kull Parti għandha tiżgura li t-termini u l-kundizzjonijiet għall-għoti tad-drittijiet tal-użu tan-numri u tal-frekwenzi jkunu disponibbli għall-pubbliku.
3.
Jekk tkun meħtieġa liċenzja minn Parti:
(a)
il-kriterji kollha ta’ liċenzjar għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku;
(b)
il-perjodu raġonevoli ta’ żmien normalment meħtieġ biex tintlaħaq id-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tingħata liċenzja, wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni kompluta, għandu jkun pubbliku;
(c)
jekk l-għoti ta’ liċenzja jiġi rifjutat, ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut għandhom jiġu mgħarrfa bil-miktub lill-applikant fuq talba; u
(d)
l-applikant għal liċenzja għandu jkun jista’ jirrikorri għal korp tal-appelli domestiċi biex jistabbilixxi jekk liċenzja ġietx irrifjutata indebitament.
ARTIKOLU 18.30
Prattiki antikompetittivi
Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri xierqa bl-għan li tipprevjeni lill-fornituri kollha ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni li, waħedhom jew flimkien, huma fornitur ewlieni, milli jinvolvu ruħhom fi jew ikomplu prattiki antikompetittivi. Dawn il-prattiki antikompetittivi jistgħu jinkludu abbuż minn pożizzjoni dominanti, u l-prattiki, il-kondotta jew ir-rakkomandazzjonijiet individwali jew miftiehma kollha li għandhom l-effett li jirrestrinġu, jillimitaw, ifixklu, jgħawġu jew jipprevjenu l-kompetizzjoni attwali jew futura fis-suq rilevanti.
ARTIKOLU 18.31
Aċċess għal faċilitajiet essenzjali tat-telekomunikazzjoni
Kull Parti għandha tiżgura li fornitur ewlieni fit-territorju tagħha jagħti aċċess għall-faċilitajiet essenzjali tat-telekomunikazzjoni tiegħu lill-fornituri b’termini u kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji, inkluż fir-rigward tar-rati, l-istandards tekniċi, l-ispeċifikazzjonijiet, il-kwalità u l-manutenzjoni.
ARTIKOLU 18.32
Interkonnessjoni
1.
Kull Parti għandha tiżgura li kwalunkwe fornitur awtorizzat sabiex jipprovdi servizzi tat-telekomunikazzjoni fit-territorju tagħha jkollu d-dritt li jinnegozja interkonnessjoni ma’ fornituri oħra ta’ networks pubbliċi tat-trasport tat-telekomunikazzjoni u servizzi pubbliċi tat-trasport tat-telekomunikazzjoni. Fil-prinċipju, jenħtieġ li l-interkonnessjoni tiġi miftiehma fuq il-bażi ta’ negozjati kummerċjali bejn il-fornituri kkonċernati.
2.
Kull Parti għandha tiżgura li l-fornituri ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni li jiksbu informazzjoni mingħand fornitur ieħor ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni matul il-proċess tan-negozjar ta’ arranġamenti ta’ interkonnessjoni jużaw dik l-informazzjoni biss għall-iskop li għalih tkun ġiet ipprovduta u jirrispettaw, f’kull ħin, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni trażmessa jew maħżuna.
3.
L-interkonnessjoni ma’ fornitur ewlieni għandha tiġi assigurata fi kwalunkwe punt teknikament vijabbli fin-network. Tali interkonnessjoni għandha tkun ipprovduta:
(a)
skont termini, kundizzjonijiet, inklużi standards u speċifikazzjonijiet tekniċi, u rati mhux diskriminatorji, u ta’ kwalità mhux inqas favorevoli minn dawk ipprovduti għal servizzi simili tagħhom stess ta’ tali fornitur ewlieni, jew għal servizzi simili ta’ fornituri ta’ servizzi mhux affiljati, jew għas-sussidjarji tiegħu jew affiljati oħra;
(b)
b’mod f’waqtu, b’termini u kundizzjonijiet, inklużi standards u speċifikazzjonijiet tekniċi, li jkunu trasparenti, raġonevoli filwaqt li titqies il-fattibbiltà ekonomika u dettaljati biżżejjed, sabiex il-fornitur ma jkollux għalfejn iħallas għal komponenti jew faċilitajiet tan-network li ma jkunx jeħtieġ biex jiġi pprovdut is-servizz; u
(c)
fuq talba minn fornitur ieħor ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, u soġġett għal valutazzjoni mill-awtorità regolatorja jekk xieraq, fi kwalunkwe punt teknikament fattibbli flimkien mal-punti ta’ terminazzjoni tan-network offruti lill-maġġoranza tal-utenti, soġġetti għal imposti raġonevoli.
4.
Ir-regoli applikabbli għall-interkonnessjoni ma’ fornitur ewlieni għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.
5.
Il-fornituri ewlenin għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku jew il-ftehimiet ta’ interkonnessjoni tagħhom jew l-offerti ta’ interkonnessjoni ta’ referenza tagħhom, kif xieraq.
6.
Kull Parti għandha tiżgura li fornitur ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni li jitlob interkonnessjoni ma’ fornitur ewlieni jkollu dritt ta’ rikors, jew fi kwalunkwe ħin jew wara perjodu ta’ żmien raġonevoli li jkun sar magħruf pubblikament, lil korp domestiku indipendenti sabiex isolvi tilwim dwar termini, kundizzjonijiet u rati xierqa għall-interkonnessjoni. Tali korp domestiku indipendenti jista’ jkun l-awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 18.28.
ARTIKOLU 18.33
Riżorsi skarsi
Kull Parti għandha twettaq il-proċeduri tagħha għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ riżorsi skarsi inkluż frekwenzi, numri u drittijiet ta’ aċċess, b’mod oġġettiv, f’waqtu, trasparenti u mhux diskriminatorju. Sa fejn ikun possibbli, kull Parti għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-istat attwali tal-meded ta’ frekwenzi allokati, iżda mhijiex meħtieġa identifikazzjoni dettaljata tal-frekwenzi għal użi speċifiċi tal-gvern.
ARTIKOLU 18.34
Servizz universali
1.
Kull Parti għandha d-dritt li tiddefinixxi t-tip ta’ obbligi ta’ servizz universali li tixtieq iżżomm u li tiddeċiedi dwar l-ambitu u l-implimentazzjoni tagħhom. Kull Parti għandha tamministra l-obbligi ta’ servizz universali b’mod trasparenti, oġġettiv, mhux diskriminatorju u proporzjonat.
2.
Jekk in-nomina ta’ fornitur ta’ servizz universali tkun miftuħa għal fornituri ta’ servizzi multipli ta’ networks jew servizzi tat-telekomunikazzjoni, tali proċeduri għandhom ikunu miftuħa għall-fornituri kollha tas-servizz. L-għażla għandha ssir permezz ta’ mekkaniżmu effiċjenti, trasparenti u mhux diskriminatorju.
ARTIKOLU 18.35
Kunfidenzjalità tal-informazzjoni
Kull Parti għandha tiżgura l-kunfidenzjalità tad-data tat-telekomunikazzjoni u tat-traffiku relatat trażmessa permezz ta’ networks pubbliċi tat-trasport tat-telekomunikazzjoni u servizzi pubbliċi tat-trasport tat-telekomunikazzjoni, soġġett għar-rekwiżit li l-miżuri applikati għal dak l-għan ma jikkostitwixxux mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ fis-servizzi.
ARTIKOLU 18.36
Tilwim bejn il-fornituri
Kull Parti għandha tiżgura li, fil-każ li tinqala’ tilwima bejn il-fornituri, l-awtorità regolatorja kkonċernata toħroġ, fuq talba ta’ kwalunkwe parti fit-tilwima, deċiżjoni vinkolanti sabiex issolvi t-tilwima fl-iqsar żmien possibbli.
ARTIKOLU 18.37
Servizzi internazzjonali tar-roaming mobbli
1.
Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tikkoopera fil-promozzjoni ta’ rati trasparenti u raġonevoli għas-servizzi tar-roaming internazzjonali bl-għan li tippromwovi t-tkabbir tal-kummerċ bejn il-Partijiet u ttejjeb il-benesseri tal-konsumatur.
2.
Kull Parti għandha tiżgura li l-fornituri ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni li jipprovdu servizzi tar-roaming mobbli internazzjonali għall-vuċi, għall-messaġġi testwali u għad-data jipprovdu dawk is-servizzi:
(a)
bi kwalità simili għal dik ipprovduta lill-klijenti bl-imnut tagħhom stess fil-pajjiż fejn huma stabbiliti; u
(b)
b’informazzjoni ċara u faċilment disponibbli fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi u l-prezzijiet tagħhom.
3.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-monitoraġġ tal-kisba tal-paragrafi 1 u 2 kif ukoll dwar kwistjonijiet oħra relatati mas-servizzi internazzjonali tar-roaming mobbli li jistgħu jiġu identifikati.
4.
Dan l-Artikolu ma jobbligax lil Parti li tirregola r-rati jew il-kundizzjonijiet għas-servizzi internazzjonali tar-roaming mobbli.
SUBTAQSIMA 5
SERVIZZI FINANZJARJI
ARTIKOLU 18.38
Kamp ta’ Applikazzjoni
Din is-Subtaqsima tapplika għal miżuri minn Parti li jaffettwaw il-forniment ta’ servizzi finanzjarji.
ARTIKOLU 18.39
Definizzjonijiet
1.
Għall-finijiet ta’ din is-Subtaqsima, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
“servizz finanzjarju” tfisser kwalunkwe servizz ta’ natura finanzjarja offrut minn fornitur ta’ servizzi finanzjarji ta’ Parti; is-servizzi finanzjarji jinkludu l-attivitajiet li ġejjin:
(i)
assigurazzjoni u servizzi relatati mal-assigurazzjoni;
(A)
assigurazzjoni diretta (inkluż il-koassigurazzjoni):
(1)
tal-ħajja; u
(2)
mhux tal-ħajja;
(B)
riassigurazzjoni u retroċessjoni;
(C)
intermedjazzjoni tal-assigurazzjoni, bħas-senserija u l-aġenzija; u
(D)
servizzi awżiljari għall-assigurazzjoni, bħal konsultazzjoni, attwarja, valutazzjoni tar-riskju u servizzi ta’ saldu tal-pretensjonijiet; u
(ii)
servizzi bankarji u servizzi finanzjarji oħra (minbarra l-assigurazzjoni):
(A)
aċċettazzjoni ta’ depożiti u fondi oħrajn li jitħallsu lura mill-pubbliku;
(B)
is-self tat-tipi kollha, inkluż il-kreditu lill-konsumaturi, il-kreditu fuq l-ipoteka, il-fatturazzjoni u l-finanzjament ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali;
(C)
lokazzjoni finanzjarja;
(D)
is-servizzi kollha ta’ pagament u ta’ trażmissjoni ta’ flus, inkluż il-karti ta’ kreditu, ta’ debitu u charge cards, ċekkijiet tal-vjaġġaturi u ċekkijiet bankarji;
(E)
garanziji u impenji;
(F)
negozjar għall-kont proprju jew għall-kont tal-klijenti, kemm jekk fuq skambju, f’suq barra l-borża jew mod ieħor, dawn li ġejjin:
(1)
strumenti tas-suq monetarju (inkluż ċekkijiet, kambjali, ċertifikati ta’ depożitu);
(2)
is-suq tal-kambju;
(3)
prodotti derivattivi li jinkludu, iżda mhux limitati għal, kuntratti ta’ xiri, futuri u opzjonijiet;
(4)
strumenti tar-rata tal-kambju u tar-rata tal-imgħax, inkluż prodotti bħal tpartit, ftehimiet forward tar-rata;
(5)
titoli trasferibbli; u
(6)
strumenti negozjabbli u assi finanzjarji oħrajn, inkluż metalli ta’ valur;
(G)
il-parteċipazzjoni fil-ħruġ ta’ kull tip ta’ titoli, inkluż is-sottoskrizzjoni u t-tqegħid bħala aġent (kemm jekk pubblikament kif ukoll jekk privatament) u l-forniment ta’ servizzi relatati ma’ tali ħruġ;
(H)
intermedjazzjoni fis-suq monetarju;
(I)
il-ġestjoni tal-assi, bħall-ġestjoni tal-flus kontanti jew tal-portafolli, il-forom kollha ta’ ġestjoni ta’ investimenti kollettivi, il-ġestjoni tal-fondi tal-pensjonijiet, is-servizzi ta’ kustodja, ta’ depożitu u fiduċjarji;
(J)
servizzi ta’ saldu u tal-ikklirjar għal assi finanzjarji, inkluż titoli, prodotti derivattivi, u strumenti negozjabbli oħra;
(K)
l-għoti u t-trasferiment ta’ informazzjoni finanzjarja, u l-ipproċessar ta’ data finanzjarja u s-software relatat minn fornituri ta’ servizzi finanzjarji oħra; u
(L)
servizzi ta’ konsulenza, ta’ intermedjazzjoni u servizzi finanzjarji awżiljari oħrajn fuq l-attivitajiet kollha elenkati fil-punti (A) sa (K), inklużi r-referenza u l-analiżi tal-kreditu, ir-riċerka u l-pariri dwar l-investimenti u l-portafolli, il-pariri dwar l-akkwiżizzjonijiet u dwar ir-ristrutturar u l-istrateġija korporattivi;
(b)
“fornitur ta’ servizzi finanzjarji” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika ta’ Parti, ħlief entitajiet pubbliċi, li tixtieq tipprovdi jew li tipprovdi servizzi finanzjarji;
(c)
“servizz finanzjarju ġdid” tfisser servizz ta’ natura finanzjarja, fosthom servizzi marbuta ma’ prodotti eżistenti u prodotti ġodda jew il-mod li bih jitwassal prodott, li ma jkunx ipprovdut minn xi fornitur ta’ servizz finanzjarju fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet iżda li jiġi fornut fit-territorju tal-Parti l-oħra;
(d)
“organizzazzjoni awtoregolatorja” tfisser korp mhux governattiv, inkluża kwalunkwe organizzazzjoni jew assoċjazzjoni, li teżerċita awtorità regolatorja jew superviżorja fuq il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji b’delega minn Parti;
(e)
“entità pubblika” tfisser:
(i)
gvern, bank ċentrali jew awtorità monetarja ta’ Parti, jew entità fil-proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn Parti, li huma prinċipalment involuti fit-twettiq ta’ funzjonijiet jew ta’ azzjonijiet governattivi għal finijiet governattivi, mhux inkluża entità prinċipalment involuta fil-fornitura ta’ servizzi finanzjarji fuq bażi kummerċjali; jew
(ii)
entità privata, li twettaq funzjonijiet li normalment jitwettqu minn bank ċentrali jew awtorità monetarja, meta tkun qiegħda teżerċita dawk il-funzjonijiet.
2.
Għall-finijiet ta’ din is-Subtaqsima u biss fir-rigward tas-servizzi koperti minn din is-Subtaqsima “servizzi pprovduti fl-eżerċizzju ta’ awtorità governattiva” tfisser:
(a)
attivitajiet immexxija minn bank ċentrali jew minn awtorità monetarja jew minn xi entità pubblika fit-twettieq ta’ politika monetarja jew ta’ rata tal-kambju;
(b)
attivitajiet li jiffurmaw parti minn sistema statutorja ta’ pjanijiet ta’ sigurtà soċjali jew ta’ rtirar pubbliku; u
(c)
attivitajiet oħra mwettqa minn entità pubblika f’isem il-gvern, bil-garanzija tiegħu jew bl-użu tar-riżorsi finanzjarji tiegħu.
Jekk Parti tippermetti li kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (b) jew (c) titwettaq mill-fornituri ta’ servizzi finanzjarji tagħha f’kompetizzjoni ma’ entità pubblika jew ma’ fornitur ta’ servizzi finanzjarji, “servizzi finanzjarji” għandha tinkludi tali attivitajiet, li mbagħad jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu.
3.
Id-definizzjoni ġenerali ta’ “servizzi pprovduti fl-eżerċizzju ta’ awtorità governattiva” inklużi fl-Artikolu 18.1(6) ta’ dan il-Kapitolu ma għandhiex tapplika għal servizzi koperti minn din is-Subtaqsima.
ARTIKOLU 18.40
Konċessjoni prudenzjali
1.
Xejn f’din il-Parti tal-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala li jipprevjeni lil Parti milli tieħu miżuri għal raġunijiet prudenzjali, inkluż:
(a)
il-protezzjoni ta’ investituri, depożitanti, parteċipanti fis-swieq finanzjarji, detenturi ta’ poloz jew persuni li lilhom ikun dovut dmir fiduċjarju minn fornitur ta’ servizzi finanzjarji; jew
(b)
l-iżgurar tal-integrità u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ Parti.
2.
Jekk tali miżuri ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta’ din is-Subtaqsima, ma għandhomx jintużaw bħala mezz biex jiġu evitati l-impenji jew l-obbligi tal-Parti skont din is-Subtaqsima.
3.
Xejn f’din il-Parti tal-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala li jirrikjedi li Parti tiddivulga informazzjoni b’rabta mal-affarijiet u mal-kontijiet ta’ klijenti individwali jew kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali jew proprjetarja fil-pussess ta’ entitajiet pubbliċi.
ARTIKOLU 18.41
Regolamentazzjoni effettiva u trasparenti fis-settur tas-servizzi finanzjarji
1.
Kull Parti għandha tagħmel l-almu tagħha biex tipprovdi minn qabel lill-persuni interessati kollha kwalunkwe miżura ta’ applikazzjoni ġenerali li l-Parti tipproponi li tadotta. Tali miżura għandha tiġi pprovduta:
(a)
permezz ta’ pubblikazzjoni uffiċjali; jew
(b)
f’forma oħra bil-miktub jew elettronika.
2.
L-awtorità finanzjarja kompetenti ta’ kull Parti għandha tagħmel disponibbli lil persuni interessati r-rekwiżiti tagħha għall-ikkompletar ta’ applikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-għoti ta’ servizzi finanzjarji.
3.
Fuq it-talba ta’ applikant, l-awtorità finanzjarja x-xierqa għandha tinforma lill-applikant bl-istatus tal-applikazzjoni tiegħu. Fil-każ li din l-awtorità teħtieġ informazzjoni addizzjonali mill-applikant, għandha tinnotifika lill-applikant mingħajr dewmien.
4.
Kull Parti għandha tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li l-istandards maqbula internazzjonalment għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji u għall-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, jiġu implimentati u applikati fit-territorju tagħha. Tali standards maqbula internazzjonalment jinkludu dawk adottati mill-G20, il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli, it-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus, il-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni għal Skopijiet ta’ Taxxa tal-OECD u l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju. Għal dan l-għan, il-Partijiet għandhom jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni u esperjenza dwar dawn il-kwistjonijiet.
ARTIKOLU 18.42
Servizzi finanzjarji ġodda
1.
Kull Parti għandha tippermetti lil fornitur ta’ servizzi finanzjarji tal-Parti l-oħra, stabbilit fit-territorju tagħha, li jipprovdi fit-territorju tagħha kwalunkwe servizz finanzjarju ġdid fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-subsetturi tas-servizzi finanzjarji impenjati fl-Annessi 18-A, 18-B, 18-C u 18-E u soġġett għat-termini, il-limitazzjonijiet, il-kundizzjonijiet u l-kwalifiki stabbiliti fihom.
2.
Servizz finanzjarju ġdid għandu jiġi pprovdut f’konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-Parti li fit-territorju tagħha jkun maħsub li jiġi fornut u jkun soġġett għall-approvazzjoni, għar-regolamentazzjoni u għas-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dik il-Parti.
ARTIKOLU 18.43
Rikonoxximent ta’ miżuri prudenzjali
1.
Parti tista’ tirrikonoxxi l-miżuri prudenzjali tal-Parti l-oħra meta tistabbilixxi kif għandhom jiġu applikati l-miżuri tal-Parti fir-rigward tas-servizzi finanzjarji. Dan ir-rikonoxximent, li jista’ jintlaħaq permezz tal-armonizzazzjoni jew xort’oħra, jista’ jkun ibbażat fuq ftehim jew arranġament jew jista’ jingħata b’mod awtonomu.
2.
Parti li tkun parti għal ftehim jew arranġament ma’ pajjiż terz bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1, kemm jekk futuri kif ukoll jekk eżistenti, għandha tagħti opportunità adegwata lill-Parti l-oħra biex tinnegozja l-adeżjoni tagħha għal tali ftehimiet jew arranġamenti, jew biex tinnegozja oħrajn komparabbli magħha, f’ċirkostanzi li fihom ikun hemm regolamentazzjoni, sorveljanza, implimentazzjoni ta’ tali regolament ekwivalenti, u, jekk xieraq, proċeduri li jikkonċernaw il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn il-Partijiet għall-ftehim jew l-arranġament. Meta Parti tagħti r-rikonoxximent b’mod awtonomu, hija għandha tagħti opportunità adegwata lill-Parti l-oħra sabiex turi li tali ċirkustanzi jeżistu.
ARTIKOLU 18.44
Organizzazzjonijiet awtoregolatorja
1.
Jekk Parti tkun teħtieġ sħubija jew parteċipazzjoni fi kwalunkwe organizzazzjoni awtoregolatorja jew aċċess għaliha, sabiex il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji tal-Parti l-oħra jipprovdu servizzi finanzjarji fuq bażi ugwali mal-fornituri ta’ servizzi finanzjarji tal-Parti, jew jekk Parti tipprovdi direttament jew indirettament lil organizzazzjoni awtoregolatorja privileġġi jew vantaġġi fil-forniment ta’ servizzi finanzjarji, dik il-Parti għandha tiżgura li tali organizzazzjonijiet awtoregolatorji josservaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 18.4 għall-fornituri ta’ servizzi finanzjarji stabbiliti fit-territorju ta’ dik il-Parti.
2.
Għal ċertezza akbar, xejn f’dan l-Artikolu ma jipprevjeni organizzazzjoni awtoregolatorja msemmija fil-paragrafu 1 milli tadotta r-rekwiżiti jew il-proċeduri mhux diskriminatorji tagħha stess. Sa fejn tali miżuri jittieħdu minn korpi mhux governattivi u ma jittiħdux fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħat delegati minn gvernijiet jew awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali, dawn ma jitqisux bħala miżuri ta’ Parti u ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 18.45
Sistemi ta’ pagament u ta’ kklirjar
Fuq il-bażi tar-rekwiżiti regolatorji u f’konformità mal-Artikolu 18.4, kull Parti għandha tagħti lill-fornituri ta’ servizzi finanzjarji tal-Parti l-oħra stabbiliti fit-territorju tagħha aċċess għal faċilitajiet ta’ ħlas u kklirjar operati minn entitajiet pubbliċi u għal finanzjament uffiċjali u finanzjament mill-ġdid disponibbli fil-perkors normali ta’ negozju ordinarju. Dan l-Artikolu mhuwiex maħsub biex jagħti aċċess lis-sellief għall-faċilitajiet tal-aħħar istanza ta’ Parti (il-bank ċentrali nazzjonali jew kwalunkwe awtorità monetarja oħra).
SUBTAQSIMA 6
KUMMERĊ ELETTRONIKU
ARTIKOLU 18.46
Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni
1.
Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu li l-kummerċ elettroniku jżid l-opportunitajiet kummerċjali f’ħafna attivitajiet ekonomiċi, jaqblu li jippromwovu l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku bejniethom, inkluż billi jikkooperaw dwar il-kwistjonijiet imqajma mill-kummerċ elettroniku skont id-dispożizzjonijiet ta’ din is-Subtaqsima.
2.
Din is-Subtaqsima tapplika għal miżuri li jaffettwaw il-kummerċ b’mezzi elettroniċi.
3.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika fil-kummerċ elettroniku.
4.
Id-dispożizzjonijiet ta’ din is-Subtaqsima ma għandhomx japplikaw għal servizzi tal-logħob tal-azzard, servizzi tax-xandir, servizzi awdjoviżivi, servizzi ta’ nutara jew professjonijiet ekwivalenti u servizzi ta’ rappreżentanza legali.
ARTIKOLU 18.47
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din is-Subtaqsima:
(a)
“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika, jew persuna ġuridika jekk previst fil-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali ta’ kull Parti, li tuża jew titlob servizz pubbliku tat-trasport tat-telekomunikazzjoni, definit fl-Artikolu 18.27, il-punt (e), għal skopijiet lil hinn mill-kummerċ, min-negozju jew mill-professjoni tagħha;
(b)
“komunikazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta” tfisser kwalunkwe forma ta’ reklamar li permezz tiegħu persuna tikkomunika messaġġi ta’ kummerċjalizzazzjoni direttament lill-utenti finali permezz ta’ network pubbliku tat-telekomunikazzjoni u, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, tkopri mill-inqas il-posta elettronika, it-test u l-messaġġi multimedjali (SMS u MMS);
(c)
“servizz ta’ awtentikazzjoni elettronika” tfisser servizz li jippermetti l-konferma ta’:
(i)
l-identifikazzjoni elettronika ta’ persuna; jew
(ii)
l-oriġini u l-integrità tad-data f’forma elettronika;
(d)
“firma elettronika” tfisser data f’forma elettronika li hija mehmuża jew assoċjata loġikament ma’ data elettronika oħra u li tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:
(i)
tintuża minn persuna fiżika biex taqbel dwar id-data elettronika li tirrelata magħha;
(ii)
tkun marbuta mad-data elettronika li tirrelata magħha b’tali mod li kwalunkwe bidla sussegwenti fid-data tkun tista’ tiġi identifikata; u
(iii)
tintuża minn persuna ġuridika biex tiżgura l-oriġini u l-integrità tad-data elettronika li tirrelata magħha; u
(e)
“utent finali” tfisser kwalunkwe persuna li tuża jew titlob servizz tat-telekomunikazzjoni disponibbli għall-pubbliku, jew bħala konsumatur jew għal skopijiet kummerċjali, tan-negozju jew professjonali.
ARTIKOLU 18.48
Dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi
1.
Parti ma għandhiex timponi dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi bejn persuna ta’ Parti waħda u persuna tal-Parti l-oħra.
2.
Għal aktar ċertezza, il-paragrafu 1 ma għandux jipprekludi lil Parti milli timponi taxxi, tariffi, jew imposti oħra interni fuq trażmissjonijiet elettroniċi, dment li tali taxxi, tariffi jew imposti jiġu imposti b’mod konsistenti ma’ din il-Parti tal-Ftehim.
ARTIKOLU 18.49
Prinċipju ta’ ebda għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel
1.
Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex ma jirrikjedux awtorizzazzjoni minn qabel għall-forniment ta’ servizz b’mezzi elettroniċi unikament minħabba li s-servizz huwa pprovdut b’mezzi elettroniċi jew biex jadottaw jew iżommu kwalunkwe rekwiżit ieħor li għandu effett ekwivalenti.
2.
Il-paragrafu 1 ma japplikax għal servizzi tat-telekomunikazzjoni kif definiti fl-Artikolu 18.27, il-punt (i), u servizzi finanzjarji kif definiti fl-Artikolu 18.39(1), il-punt (a).
3.
Għal ċertezza akbar, xejn ma għandu jipprevjeni lil Parti milli tadotta jew iżżomm miżuri inkonsistenti mal-paragrafu 1 għall-ilħuq ta’ objettiv leġittimu ta’ ordni pubbliku f’konformità ma’:
(a)
l-Artikolu 18.1(4);
(b)
l-Artikolu 18.40;
(c)
l-Artikolu 28.1; u
(d)
l-Artikolu 28.2.
ARTIKOLU 18.50
Konklużjoni ta’ kuntratti b’mezzi elettroniċi
Kull Parti għandha tiżgura li s-sistema legali tagħha tippermetti li l-kuntratti jiġu konklużi b’mezzi elettroniċi u li l-liġijiet u r-regolamenti tagħha rigward il-proċessi kuntrattwali la joħolqu ostakli għall-użu ta’ kuntratti elettroniċi u lanqas ma jwasslu biex tali kuntratti jiġu mċaħħda mill-effett legali u mill-validità għar-raġuni li jkunu saru b’mezzi elettroniċi, sakemm ma jkunx previst fil-liġijiet u fir-regolamenti tagħhom.
ARTIKOLU 18.51
Servizzi ta’ firem u awtentikazzjoni elettroniċi
1.
Parti ma għandhiex tiċħad l-effett legali u l-ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali ta’ firma elettronika u servizz ta’ awtentikazzjoni elettronika biss fuq il-bażi li jkun f’forma elettronika.
2.
Parti ma għandhiex tadotta jew iżżomm miżuri li jirregolaw servizzi ta’ firma elettronika u awtentikazzjoni elettronika li:
(a)
jipprojbixxu lill-partijiet għal tranżazzjoni elettronika milli jiddeterminaw b’mod reċiproku l-metodi elettroniċi xierqa għat-tranżazzjoni tagħhom; jew
(b)
jipprevjenu lill-partijiet fi tranżazzjoni elettronika milli jkollhom l-opportunità li jagħtu prova lill-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi li t-tranżazzjoni elettronika tagħhom tikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit legali fir-rigward tal-firma elettronika u s-servizzi ta’ awtentikazzjoni elettronika.
ARTIKOLU 18.52
Komunikazzjonijiet mhux mitluba ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta
1.
Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tipproteġi b’mod effettiv lill-utenti finali kontra komunikazzjonijiet mhux mitluba ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta.
2.
Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-persuni ma jibagħtux komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta lill-konsumaturi li ma jkunux taw il-kunsens tagħhom li jirċievu tali komunikazzjonijiet.
3.
Minkejja l-paragrafu 2, kull Parti għandha tippermetti lill-persuni li jkunu ġabru, f’konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti tagħha, id-dettalji ta’ kuntatt tal-konsumatur fil-kuntest tal-bejgħ ta’ prodott jew ta’ servizz, li jibagħtu komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta lil dak il-konsumatur għall-prodotti jew għas-servizzi simili tagħhom stess.
4.
Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jkunu identifikabbli b’mod ċar bħala tali, jiżvelaw b’mod ċar f’isem min isiru u jkun fihom l-informazzjoni meħtieġa biex l-utenti finali jkunu jistgħu jitolbu waqfien mingħajr ħlas u fi kwalunkwe mument.
ARTIKOLU 18.53
Protezzjoni tal-konsumatur
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jadottaw u jżommu miżuri trasparenti u effettivi biex jipproteġu lill-konsumaturi, inkluż minn prattiki kummerċjali frodulenti u qarrieqa, meta jinvolvu ruħhom fi tranżazzjonijiet ta’ kummerċ elettroniku.
2.
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Partijiet għandhom jadottaw jew iżommu miżuri li jikkontribwixxu għall-fiduċja tal-konsumatur, inklużi miżuri li jipproskrivu prattiki kummerċjali frodulenti u qarrieqa. Tali miżuri għandhom jipprevedu, fost l-oħrajn:
(a)
id-dritt tal-konsumaturi għal informazzjoni ċara u dettaljata dwar is-servizz u l-fornitur tiegħu;
(b)
l-obbligu tal-kummerċjanti li jaġixxu in bona fide u jirrispettaw prattiki onesti tas-suq, inkluż bi tweġiba għal mistoqsijiet mill-konsumaturi;
(c)
il-projbizzjoni li l-konsumaturi jintalbu jħallsu għal servizzi mhux mitluba jew għal perjodu ta’ żmien mhux awtorizzat mill-konsumatur; u
(d)
aċċess għal rimedju għall-konsumaturi biex jitolbu d-drittijiet tagħhom, inkluż fir-rigward tad-dritt tagħhom għal rimedji għal servizzi mħallsa u mhux ipprovduti kif miftiehem.
3.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji rispettivi tagħhom inkarigati mill-protezzjoni tal-konsumatur jew korpi rilevanti oħra dwar attivitajiet relatati mal-kummerċ elettroniku, sabiex jipproteġu lill-konsumaturi u jsaħħu l-fiduċja tal-konsumatur.
ARTIKOLU 18.54
Kooperazzjoni regolatorja dwar il-kummerċ elettroniku
1.
Il-Partijiet għandhom iżommu kooperazzjoni u djalogu dwar il-kwistjonijiet regolatorji mqajma mill-kummerċ elettroniku abbażi ta’ termini u kundizzjonijiet maqbula b’mod reċiproku, li għandhom jindirizzaw il-kwistjonijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:
(a)
ir-rikonoxximent u l-faċilitazzjoni ta’ servizzi transfruntiera interoperabbli ta’ firem u awtentikazzjoni elettroniċi;
(b)
ir-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi intermedjarji fir-rigward tat-trażmissjoni jew il-ħażna tal-informazzjoni;
(c)
it-trattament ta’ komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta;
(d)
il-protezzjoni tal-konsumaturi fl-ambitu tal-kummerċ elettroniku;
(e)
il-promozzjoni ta’ kummerċ mingħajr karti; u
(f)
kwalunkwe kwistjoni oħra rilevanti għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku.
2.
Il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiffoka fuq l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet dwar dawn il-kwistjonijiet kif ukoll fuq l-implimentazzjoni ta’ tali liġijiet u regolamenti.
ARTIKOLU 18.55
Fehim dwar is-servizzi tal-informatika
1.
Il-Partijiet jaqblu li, għall-finijiet tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi f’konformità mal-Artikoli 18.3 u 18.4, dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala servizzi tal-kompjuter u servizzi relatati, irrispettivament minn jekk jitwasslux permezz ta’ network, inkluż l-Internet:
(a)
il-konsulenza, l-istrateġija, l-analiżi, l-ippjanar, l-ispeċifikazzjoni, id-disinn, l-iżvilupp, l-installazzjoni, l-implimentazzjoni, l-integrazzjoni, l-ittestjar, id-debugging, l-aġġornar, l-appoġġ, l-assistenza teknika jew il-ġestjoni tal-kompjuters u tas-sistemi tal-kompjuter, jew għalihom;
(b)
programmi tal-kompjuter definiti bħala s-sett ta’ istruzzjonijiet meħtieġa sabiex il-kompjuters ikunu jistgħu jitħaddmu u jikkomunikaw (fihom infushom), kif ukoll il-konsulenza, l-istrateġija, l-analiżi, l-ippjanar, l-ispeċifikazzjoni, id-disinn, l-iżvilupp, l-installazzjoni, l-implimentazzjoni, l-integrazzjoni, l-ittestjar, id-debugging, l-aġġornar, l-adattament, il-manutenzjoni, l-appoġġ, l-assistenza teknika, il-ġestjoni tal-programmi tal-kompjuters jew l-użu tagħhom;
(c)
l-ipproċessar tad-data, il-ħżin tad-data, servizzi ta’ hosting tad-data jew ta’ bażi tad-data;
(d)
servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija għall-makkinarju u għat-tagħmir tal-uffiċċji, inkluż il-kompjuters; u
(e)
servizzi ta’ taħriġ għall-persunal tal-klijenti, b’rabta ma’ programmi tal-kompjuter, kompjuters jew sistemi tal-kompjuter, u li ma jkunux ikklassifikati xi mkien ieħor.
2.
Għal aktar ċertezza, is-servizzi ffaċilitati mill-kompjuter u s-servizzi relatati ma għandhomx neċessarjament jitqiesu bħala servizzi tal-kompjuter u servizzi relatati fihom infushom.
TAQSIMA D
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U EĊĊEZZJONIJIET
ARTIKOLU 18.56
Punti ta’ kuntatt
1.
Sa mhux aktar tard minn sena (1) wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, kull Parti għandha taħtar punti ta’ kuntatt u tinnotifika lill-Parti l-oħra bid-dettalji ta’ kuntatt tagħha bl-għan li:
(a)
tiffaċilita l-għoti ta’ informazzjoni lill-Parti l-oħra rigward l-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, bħal:
(i)
l-aspetti kummerċjali u tekniċi tal-forniment tas-servizzi; u
(ii)
ir-reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent u l-kisba ta’ kwalifiki professjonali; u
(b)
tikkunsidra kwalunkwe kwistjoni oħra rigward l-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu li tiġi riferuta minn Parti.
2.
Kull Parti għandha tinnotifika minnufih lill-Parti l-oħra bi kwalunkwe bidla f’dawn il-punti ta’ kuntatt.
ARTIKOLU 18.57
Sottokumitat għall-kummerċ fis-servizzi u l-istabbiliment
1.
Is-Sottokumitat għall-kummerċ fis-servizzi u l-istabbiliment, stabbilit skont l-Artikolu 9.9(4), għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin, flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 2.4 u 9.9:
(a)
iwettaq il-ħidma teknika preparatorja fil-każ ta’ reviżjoni ta’ dan il-Kapitolu f’konformità mal-Artikolu 18.58; u
(b)
jiddiskuti suġġetti rilevanti għall-kummerċ fis-servizzi u l-istabbiliment, inkluż opportunitajiet għall-espansjoni tal-investiment reċiproku fis-setturi tas-servizzi u mhux tas-servizzi.
2.
Is-Sottokumitat jista’ jistieden, fuq bażi ad hoc, rappreżentanti tal-entitajiet rilevanti, bl-għarfien espert meħtieġ rilevanti għall-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati.
ARTIKOLU 18.58
Klawżola ta’ rieżami
Fid-dawl tal-objettivi tiegħu, dan il-Kapitolu jista’ jiġi rieżaminat mhux qabel 3 (tliet) snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, jew fil-kuntest ta’ rieżami ġenerali ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 18.59
Ċaħda tal-benefiċċji
Parti tista’ tiċħad il-benefiċċji ta’ dan il-Kapitolu lil:
(a)
forniment ta’ servizz, jekk tistabbilixxi li s-servizz huwa fornut minn jew fit-territorju ta’ pajjiż terz; jew
(b)
persuna ġuridika, jekk tistabbilixxi li hija persuna ġuridika ta’ pajjiż terz.
KAPITOLU 19
TRASFERIMENTI JEW PAGAMENTI
GĦAL TRANŻAZZJONIJIET TA’ KONT KURRENTI,
MOVIMENTI TA’ KAPITAL U MIŻURI TA’ SALVAGWARDJA TEMPORANJI
ARTIKOLU 19.1
Kont kapitali
Fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet fuq il-kont kapitali u finanzjarju tal-bilanċ tal-pagamenti, kull Parti għandha tippermetti l-moviment liberu tal-kapital għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ investimenti diretti kif previst fil-Kapitolu 18. Tali movimenti għandhom jinkludu l-likwidazzjoni jew ir-ripatrijazzjoni ta’ tali kapital.
ARTIKOLU 19.2
Kont kurrenti
Kull Parti għandha tippermetti, f’munita liberament konvertibbli u skont l-Artikoli tal-Ftehim tal-Fond Monetarju Internazzjonali adottat fil-Konferenza Monetarja u Finanzjarja tan-Nazzjonijiet Uniti, fi Bretton Woods, New Hampshire, fit-22 ta’ Lulju 1944 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim tal-Fond Monetarju Internazzjonali”), kwalunkwe pagament u trasferiment fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet fil-kont kurrenti tal-bilanċ tal-pagamenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 19.3
Applikazzjoni ta’ liġijiet u regolamenti relatati ma’ trasferimenti
jew pagamenti għal tranżazzjonijiet fil-kont kurrenti u movimenti ta’ kapital
Xejn fl-Artikoli 19.1 u 19.2 ma għandu jiġi interpretat bħala li jipprevjeni lil Parti milli tapplika b’mod ekwu u mhux diskriminatorju, u b’mod li ma jikkostitwix restrizzjoni moħbija fuq it-trasferimenti jew il-pagamenti għal tranżazzjonijiet ta’ kontijiet kurrenti jew fuq il-movimenti tal-kapital, il-liġijiet u r-regolamenti tagħha relatati ma’:
(a)
il-falliment, l-insolvenza, jew il-protezzjoni tad-drittijiet tal-kredituri;
(b)
il-ħruġ, il-kummerċ jew in-negozjar f’titoli;
(c)
reati kriminali jew penali;
(d)
ir-rapportar finanzjarju jew iż-żamma tar-rekords tat-trasferimenti jekk ikun meħtieġ biex jassistu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-awtoritajiet regolatorji finanzjarji; jew
(e)
it-twettiq ta’ sentenzi fi proċedimenti ġudizzjarji.
ARTIKOLU 19.4
Miżuri ta’ salvagwardja temporanji
Jekk, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, it-trasferimenti jew il-pagamenti għal tranżazzjonijiet ta’ kontijiet kurrenti jew movimenti ta’ kapital jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw diffikultajiet serji għall-operat tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea tista’ tadotta miżuri ta’ salvagwardja li huma strettament meħtieġa biex jiġu indirizzati dawk id-diffikultajiet jew it-theddida tagħhom għal perjodu li ma jaqbiżx is-6 (sitt) xhur.
ARTIKOLU 19.5
Restrizzjonijiet biex jiġi ssalvagwardjat il-bilanċ tal-pagamenti
1.
Jekk, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, Parti tesperjenza diffikultajiet serji fil-bilanċ tal-pagamenti inkluż fir-rigward tal-operat tal-politika monetarja jew tal-politika tar-rata tal-kambju, jew diffikultajiet finanzjarji esterni jew it-theddida tagħhom, hija tista’ tadotta jew iżżomm miżuri restrittivi fir-rigward ta’ trasferimenti jew pagamenti għal tranżazzjonijiet ta’ kontijiet kurrenti jew movimenti ta’ kapital.
2.
Il-miżuri li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1:
(a)
ma għandhomx ikunu diskriminatorji meta mqabbla ma’ dawk applikati għal pajjiż terz f’sitwazzjonijiet simili;
(b)
għandhom ikunu konsistenti mal-Artikoli ta’ Ftehim tal-Fond Monetarju Internazzjonali, kif applikabbli;
(c)
għandhom jevitaw ħsara mhux meħtieġa għall-interessi kummerċjali, ekonomiċi jew finanzjarji tal-Parti l-oħra; u
(d)
għandhom ikunu temporanji, proporzjonali u strettament meħtieġa biex jindirizzaw id-diffikultajiet u jitneħħew gradwalment hekk kif is-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 titjieb. Jekk jinqalgħu ċirkostanzi estremament eċċezzjonali b’tali mod li Parti tfittex li testendi dawk il-miżuri lil hinn minn perjodu ta’ sena (1), hija għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra li se tintroduċi tali estensjoni.
ARTIKOLU 19.6
Dispożizzjonijiet finali
1.
Xejn f’dan il-Kapitolu ma għandu jiġi interpretat bħala li jillimita d-drittijiet tal-operaturi ekonomiċi tal-Partijiet li jibbenefikaw minn kwalunkwe trattament aktar favorevoli li jista’ jiġi previst fi kwalunkwe ftehim bilaterali jew multilaterali eżistenti li għalih Parti tkun parti.
2.
Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin bl-għan li jiffaċilitaw il-moviment tal-kapital li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim bejniethom sabiex jippromwovu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim.
KAPITOLU 20
AKKWIST PUBBLIKU MILL-GVERN
ARTIKOLU 20.1
Objettivi
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-kontribut ta’ sejħiet għall-offerti trasparenti, kompetittivi u miftuħa għall-iżvilupp ekonomiku u jistabbilixxu bħala l-objettiv tagħhom il-ftuħ effettiv tas-swieq tal-akkwist rispettivi tagħhom.
ARTIKOLU 20.2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
“merkanzija jew servizzi kummerċjali” tfisser merkanzija jew servizzi ta’ tip ġeneralment mibjugħa jew offruta għall-bejgħ fis-suq kummerċjali lil xerrejja mhux governattivi għal finijiet mhux governattivi, u normalment mixtrija minnhom;
(b)
“servizz ta’ kostruzzjoni” tfisser servizz li għandu bħala l-objettiv tiegħu r-realizzazzjoni bi kwalunkwe mezz ta’ xogħlijiet ċivili jew ta’ bini, fuq il-bażi tad-Diviżjoni 51 tas-CPC;
(c)
“rkant elettroniku” tfisser proċess iterattiv li jinvolvi l-użu ta’ mezzi elettroniċi għall-preżentazzjoni mill-fornituri ta’ prezzijiet ġodda, jew ta’ valuri ġodda għal elementi kwantifikabbli li ma jistax jiġi attribwit prezz għalihom tal-offerta relatati mal-kriterja tal-valutazzjoni, jew it-tnejn li huma, li jirriżulta fi klassifikazzjoni jew klassifikazzjoni mill-ġdid tal-offerti;
(d)
“bil-miktub” jew “miktub” tfisser kwalunkwe espressjoni miktuba jew innumerata li tista’ tinqara, tiġi riprodotta u kkomunikata aktar tard, li tista’ tinkludi informazzjoni trażmessa u maħżuna elettronikament;
(e)
“sejħa għall-offerti limitata” tfisser metodu tal-akkwist fejn l-entità tal-akkwist tikkuntattja lil fornitur jew fornituri tal-għażla tagħha;
(f)
“miżura” tfisser kwalunkwe liġi, regolament, proċedura, gwida jew prattika amministrattiva, jew kwalunkwe azzjoni ta’ entità tal-akkwist relatata ma’ akkwist kopert;
(g)
“lista ta’ bosta użi” tfisser lista ta’ fornituri li entità tal-akkwist tkun iddeterminat li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f’dik il-lista, u li l-entità tal-akkwist ikun beħsiebha tuża aktar minn darba;
(h)
“negozjar” tfisser mod kif titwettaq il-proċedura ta’ akkwist soġġetta għall-prinċipji ta’ trasparenza u nondiskriminazzjoni, li huwa limitat għal sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom l-entitajiet tal-akkwist jitħallew jinnegozjaw mal-fornituri meta jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet;
(i)
“avviż tal-akkwist ippjanat” tfisser avviż ippubblikat minn entità tal-akkwist li jistieden lil fornituri interessati biex iressqu talba għal parteċipazzjoni, iressqu offerta, jew it-tnejn;
(j)
“kumpensi” tfisser miżuri użati biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp lokali jew itejbu l-kontijiet tal-bilanċ tal-pagamenti permezz tal-użu ta’ kontenut domestiku, il-liċenzjar tat-teknoloġija, ir-rekwiżiti tal-investiment, il-kontrokummerċ jew rekwiżiti simili;
(k)
“proċedura miftuħa” tfisser metodu ta’ akkwist li bih il-fornituri interessati kollha jistgħu jissottomettu offerta;
(l)
“entità tal-akkwist” tfisser entità koperta taħt l-Appendiċijiet tal-Annessi 20-A sa 20-E;
(m)
“fornitur kwalifikat” tfisser fornitur li entità tal-akkwist tirrikonoxxi bħala li jkun issodisfa l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni;
(n)
“proċedura selettiva ta’ offerti ta’ kuntratt” tfisser metodu ta’ akkwist li bih huma biss il-fornituri kkwalifikati li jiġu mistidnin mill-entità tal-akkwist biex iressqu offerta;
(o)
“servizzi” tinkludi servizzi ta’ kostruzzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor;
(p)
“standard” tfisser dokument approvat minn korp rikonoxxut li jipprevedi użu komuni u ripetut, regoli, linji gwida jew karatteristiċi għal merkanzija jew servizzi, jew proċessi u metodi ta’ produzzjoni relatati, li l-konformità magħhom ma tkunx obbligatorja; jista’ jinkludi wkoll jew jittratta b’mod esklużiv rekwiżiti dwar it-terminoloġija, is-simboli, l-imballaġġ, l-immarkar jew it-tikkettar kif japplikaw għal merkanzija, servizz, proċess jew metodu ta’ produzzjoni;
(q)
“fornitur” tfisser persuna jew persuni li jipprovdu jew jistgħu jipprovdu merkanzija jew servizzi; u
(r)
“speċifikazzjoni teknika” tfisser rekwiżit tas-sejħa għall-offerti pubbliċi li:
(i)
jistabbilixxi l-karatteristiċi tal-merkanzija jew tas-servizzi li għandhom jiġu akkwistati, inkluż il-kwalità, il-prestazzjoni, is-sigurtà u d-dimensjonijiet, jew il-proċessi u l-metodi għall-produzzjoni jew il-forniment tagħhom; jew
(ii)
jindirizza r-rekwiżiti dwar it-terminoloġija, is-simboli, l-imballaġġ, l-immarkar jew it-tikkettar, hekk kif japplikaw għal merkanzija jew servizz.
ARTIKOLU 20.3
Kamp ta’ Applikazzjoni
1.
Dan il-Kapitolu japplika għall-akkwist kopert. Akkwist kopert tfisser akkwist għal finijiet governattivi:
(a)
ta’ merkanzija, servizzi, jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom:
(i)
kif speċifikat fl-Appendiċijiet ta’ kull Parti tal-Annessi 20-A sa 20-E; u
(ii)
mhux akkwistati bl-għan ta’ bejgħ kummerċjali jew bejgħ mill-ġdid, jew għall-użu fil-produzzjoni jew fil-forniment ta’ merkanzija jew servizzi għall-bejgħ kummerċjali jew bejgħ mill-ġdid;
(b)
bi kwalunkwe mezz kuntrattwali, inkluż: ix-xiri; il-lokazzjoni; u l-kiri jew il-lokazzjoni b’opzjoni jew mingħajr opzjoni ta’ xiri;
(c)
li għalihom il-valur ikun daqs jew jaqbeż il-limitu rilevanti speċifikat fl-Appendiċijiet ta’ kull Parti tal-Anness 20-A sa 20-E, fil-ħin tal-pubblikazzjoni ta’ avviż f’konformità mal-Artikolu 20.13;
(d)
minn entità tal-akkwist kif speċifikat fl-Appendiċijiet ta’ kull Parti tal-Annessi 20-A sa 20-E; u
(e)
li ma huwiex eskluż b’xi mod ieħor mill-kopertura.
2.
Ħlief fejn previst mod ieħor fl-Appendiċijiet ta’ kull Parti tal-Annessi 20-A sa 20-E, dan il-Kapitolu ma japplikax għal:
(a)
l-akkwist jew il-kiri ta’ art, ta’ bini eżistenti jew ta’ proprjetà immobbli oħra, jew id-drittijiet fuqhom;
(b)
ftehimiet mhux kuntrattwali jew kwalunkwe forma ta’ assistenza li Parti tipprovdi, inklużi ftehimiet kooperattivi, għotjiet, self, infużjonijiet tal-ekwità, garanziji u inċentivi fiskali, forniment mill-gvern ta’ merkanzija u servizzi lil entitajiet governattivi statali, reġjonali jew lokali;
(c)
l-akkwist jew il-ksib tas-servizzi ta’ aġenzija fiskali jew depożitarji, servizzi ta’ likwidazzjoni u ġestjoni għal istituzzjonijiet finanzjarji regolati, jew servizzi relatati mal-bejgħ, il-fidwa u t-tqassim tad-dejn pubbliku, inkluż is-self u l-bonds tal-gvern, noti u titoli oħra;
(d)
kuntratti ta’ impjiegi pubbliċi; jew
(e)
akkwist pubbliku mwettaq:
(i)
għall-għan speċifiku li tingħata assistenza internazzjonali, inkluż għajnuna għall-żvilupp;
(ii)
skont il-proċedura jew il-kundizzjoni partikolari ta’ ftehim internazzjonali relatat mal-istazzjonar ta’ truppi;
(iii)
skont il-proċedura jew il-kundizzjoni partikolari ta’ ftehim internazzjonali relatat mal-implimentazzjoni konġunta mill-pajjiżi firmatarji ta’ proġett; jew
(iv)
skont il-proċedura jew il-kundizzjoni partikolari ta’ organizzazzjoni internazzjonali, jew iffinanzjat minn għotjiet, self jew għajnuna oħra internazzjonali fejn il-proċedura jew il-kundizzjoni applikabbli tkun inkonsistenti ma’ dan il-Kapitolu.
3.
Kull Parti għandha tispeċifika f’kull wieħed mill-Appendiċijiet tal-Annessi 20-A sa 20-E l-informazzjoni li ġejja:
(a)
fl-Appendiċijiet 20-A-1, 20-B-1, 20-C-1, 20-D-1 u 20-E-1, l-entitajiet tal-gvern ċentrali li l-akkwist pubbliku tagħhom hu kopert minn dan il-Kapitolu;
(b)
fl-Appendiċijiet 20-A-2, 20-B-2, 20-C-2, 20-D-2 u 20-E-2, l-entitajiet tal-gvern subċentrali li l-akkwist pubbliku tagħhom hu kopert minn dan il-Kapitolu;
(c)
fl-Appendiċijiet 20-A-3, 20-B-3, 20-C-3, 20-D-3 u 20-E-3, l-entitajiet l-oħra kollha li l-akkwist pubbliku tagħhom hu kopert minn dan il-Kapitolu;
(d)
fl-Appendiċijiet 20-A-4, 20-B-4, 20-C-4, 20-D-4 u 20-E-4, il-merkanzija koperta minn dan il-Kapitolu;
(e)
fl-Appendiċijiet 20-A-5, 20-B-5, 20-C-5, 20-D-5 u 20-E-5, is-servizzi, għajr is-servizzi ta’ kostruzzjoni, koperti minn dan il-Kapitolu;
(f)
fl-Appendiċijiet 20-A-6, 20-B-6, 20-C-6, 20-D-6 u 20-E-6, is-servizzi ta’ kostruzzjoni koperti minn dan il-Kapitolu; u
(g)
fl-Appendiċijiet 20-A-7, 20-B-7, 20-C-7, 20-D-7 u 20-E-7, kwalunkwe Nota Ġenerali.
4.
Meta entità tal-akkwist, fil-kuntest ta’ akkwist kopert, tirrikjedi li persuni mhux koperti mill-Appendiċijiet ta’ Parti tal-Anness 20-A sa 20-E biex jakkwistaw f’isimha, l-Artikolu 20.6 għandu japplika mutatis mutandis.
ARTIKOLU 20.4
Valutazzjoni tal-kuntratti
1.
Meta tagħmel stima tal-valur ta’ akkwist sabiex tiżgura jekk huwiex akkwist kopert, entità tal-akkwist:
(a)
la għandha taqsam akkwist f’akkwisti separati u lanqas tagħżel jew tuża metodu ta’ valutazzjoni partikolari għall-istima tal-valur ta’ akkwist bl-intenzjoni li teskludih totalment jew parzjalment mill-applikazzjoni ta’ din il-Parti tal-Ftehim; u
(b)
tinkludi l-valur totali massimu stmat tal-akkwist matul it-tul ta’ żmien kollu tiegħu, kemm jekk jingħata lil fornitur wieħed kif ukoll jekk jingħata lil iktar, filwaqt li jitqiesu l-forom kollha ta’ remunerazzjoni, inkluż:
(i)
primjums, tariffi, kummissjonijiet u mgħax; u
(ii)
f’każ li l-akkwist jipprevedi l-possibilità ta’ opzjonijiet, il-valur totali tat-tali opzjonijiet.
2.
Jekk rekwiżit individwali għal akkwist jirriżulta fl-għoti ta’ aktar minn kuntratt wieħed jew fl-għoti ta’ kuntratti f’partijiet separati (it-tnejn minn hawn ’il quddiem imsejħa “akkwisti rikorrenti”), il-kalkolu tal-valur totali massimu stmat għandu jkun ibbażat fuq
(a)
il-valur tal-akkwisti rikorrenti tal-istess tip ta’ merkanzija jew servizz mogħti matul it-12-il (tnax) xahar preċedenti jew is-sena fiskali preċedenti tal-entità tal-akkwist, aġġustat, fejn possibbli, biex jitqiesu l-bidliet antiċipati fil-kwantità jew fil-valur tal-merkanzija jew tas-servizz li jkun qed jiġi akkwistat matul it-12-il (tnax) xahar sussegwenti; jew
(b)
il-valur stmat tal-akkwisti rikorrenti tal-istess tip ta’ merkanzija jew servizz li għandu jingħata matul it-12-il (tnax) xahar wara l-għoti tal-kuntratt inizjali jew is-sena fiskali tal-entità tal-akkwist.
3.
Fil-każ ta’ akkwisti permezz ta’ lokazzjoni, kera jew xiri bin-nifs ta’ merkanzija jew servizzi, jew akkwist li għalihom ma jkunx speċifikat prezz totali, il-bażi għall-valwazzjoni tkun:
(a)
fil-każ ta’ kuntratt għal żmien determinat
(i)
fejn it-terminu tal-kuntratt huwa ta’ 12-il (tnax) xahar jew inqas, il-valur massimu totali stmat għat-tul ta’ żmien tiegħu; jew
(ii)
fejn it-terminu tal-kuntratt jaqbeż it-12-il (tnax) xahar, il-valur massimu totali stmat, inkluż kwalunkwe valur residwu stmat;
(b)
jekk il-kuntratt ikun għal żmien indefinit, il-pagament ta’ kull xahar stmat immultiplikat bi 48 (tmienja u erbgħin); u
(c)
jekk ma jkunx hemm ċertezza dwar jekk il-kuntratt ikunx għal żmien indefinit jew kuntratt b’terminu fiss, għandu japplika l-punt (b).
ARTIKOLU 20.5
Sigurtà u eċċezzjonijiet ġenerali
1.
Xejn f’dan il-Kapitolu ma għandu jiġi interpretat bħala li jipprevjeni lil Parti milli tieħu kwalunkwe azzjoni jew li ma tiżvelax kwalunkwe informazzjoni li hija tqis meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha relatati mal-akkwist ta’ armi, munizzjon, prodotti tad-difiża jew materjali tal-gwerra, jew mal-akkwist indispensabbli għas-sigurtà nazzjonali jew għal skopijiet ta’ difiża nazzjonali.
2.
Soġġett għar-rekwiżit li tali miżuri ma jiġux applikati b’mod li jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli bejn il-Partijiet fejn jipprevalu l-istess kundizzjonijiet, jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet, xejn f’dan il-Kapitolu ma għandu jiġi interpretat li jipprevjeni lil Parti milli tadotta jew iżżomm miżuri:
(a)
relatati ma’ merkanzija jew servizzi ta’ persuni fiżiċi b’diżabilità, ta’ istituzzjonijiet filantropiċi jew ta’ xogħol fil-ħabs;
(b)
meħtieġa sabiex jipproteġu l-morali, l-ordni jew is-sikurezza pubblika;
(c)
meħtieġa għall-protezzjoni tal-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, inklużi miżuri ambjentali; jew
(d)
meħtieġa għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali.
ARTIKOLU 20.6
Nondiskriminazzjoni
1.
Fir-rigward ta’ kwalunkwe miżura relatata mal-akkwist kopert:
(a)
l-Unjoni Ewropea, inklużi l-entitajiet tal-akkwist tagħha, għandha tagħti minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-merkanzija u lis-servizzi tal-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR u lill-fornituri tal-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR li joffru dik il-merkanzija u dawk is-servizzi, trattament mhux inqas favorevoli mit-trattament mogħti lill-merkanzija, lis-servizzi u lill-fornituri domestiċi tagħha;
(b)
kull Stat Firmatarju tal-MERCOSUR, inklużi l-entitajiet tal-akkwist tiegħu, għandu jagħti minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-merkanzija u lis-servizzi tal-Unjoni Ewropea u lill-fornituri tal-Unjoni Ewropea li joffru dik il-merkanzija u dawk is-servizzi, trattament mhux inqas favorevoli mit-trattament mogħti lill-merkanzija, lis-servizzi u lill-fornituri domestiċi tiegħu.
2.
Fir-rigward ta’ kwalunkwe miżura li tikkonċerna l-akkwist kopert, l-Unjoni Ewropea u kull Stat Firmatarju tal-MERCOSUR, inklużi l-entitajiet tal-akkwist rispettivi tagħhom, ma għandhomx:
(a)
jittrattaw fornitur stabbilit lokalment b’mod inqas favorevoli minn fornitur ieħor stabbilit lokalment abbażi tal-grad ta’ affiljazzjoni barranija ma’, jew sjieda minn persuni tal-Parti l-oħra ; jew
(b)
jiddiskriminaw kontra fornitur stabbilit lokalment fuq il-bażi li l-merkanzija jew is-servizzi offruti minn dak il-fornitur għal akkwist partikolari jkunu merkanzija jew servizzi tal-Parti l-oħra.
3.
Dan l-Artikolu ma japplikax għal dazji doganali jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ natura ekwivalenti li jkollha impatt fuq il-kummerċ barrani, jew għal regolamenti u miżuri oħra ta’ importazzjoni li jaffettwaw il-kummerċ fis-servizzi, differenti minn dawk li jirregolaw speċifikament l-akkwist pubbliku kopert taħt dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 20.7
Użu ta’ mezzi elettroniċi
1.
Kull Parti għandha twettaq akkwist kopert b’mezzi elettroniċi kemm jista’ jkun possibbli u għandha tikkoopera fl-iżvilupp u l-espansjoni tal-użu ta’ mezzi elettroniċi fis-sistemi tal-akkwist pubbliku.
2.
Jekk entità tal-akkwist tagħmel akkwist kopert permezz ta’ mezzi elettroniċi, għandha:
(a)
tiżgura li l-akkwist isir billi jintużaw sistemi ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u software inkluż dawk relatati mal-awtentikazzjoni u mal-kriptaġġ tal-informazzjoni, li huma ġeneralment disponibbli u interoperabbli ma’ sistemi oħra ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u software ġeneralment disponibbli; u
(b)
iżżomm mekkaniżmi li jiżguraw l-integrità ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni u offerti, inkluż l-istabbiliment taż-żmien u r-riċevuta u l-prevenzjoni ta’ aċċess mhux xieraq.
ARTIKOLU 20.8
Twettiq tal-akkwist pubbliku
Entità tal-akkwist għandha twettaq akkwist kopert b’mod trasparenti u imparzjali li jevita kunflitti ta’ interess, jipprevjeni prattiki korrotti u li jkun konsistenti ma’ dan il-Kapitolu, bl-użu tal-metodi li ġejjin: proċedura miftuħa, proċedura selettiva ta’ offerti ta’ kuntratt jew proċedura limitata ta’ offerti ta’ kuntratt. Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm sanzjonijiet kontra prattiki korrotti skont il-liġi tagħha.
ARTIKOLU 20.9
Regoli tal-oriġini
Għall-finijiet tal-Artikolu 20.6, id-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija għandha ssir fuq bażi mhux preferenzjali.
ARTIKOLU 20.10
Ċaħda tal-benefiċċji
Mingħajr preġudizzju għall-perjodi ta’ żmien tal-proċedura tal-akkwist pubbliku, u soġġett għal notifika minn qabel lil fornitur ta’ servizz tal-Parti l-oħra u, jekk mitluba, konsultazzjonijiet ma’ fornitur ta’ servizz tal-Parti l-oħra, Parti tista’ tiċħad il-benefiċċji ta’ dan il-Kapitolu lil dak il-fornitur, jekk tali fornitur ikun persuna ġuridika tal-Parti l-oħra mhux involuta f’operazzjoni kummerċjali sostanzjali fit-territorju ta’ dik il-Parti l-oħra.
ARTIKOLU 20.11
Kumpensi
Fir-rigward tal-akkwist kopert, Parti ma għandhiex tfittex, tqis, timponi jew tinforza kumpensi.
ARTIKOLU 20.12
Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali
1.
Kull Parti għandha:
(a)
tippubblika minnufih kwalunkwe liġi, regolament, deċiżjoni ġudizzjarja jew deċiżjoni amministrattiva ta’ applikazzjoni ġenerali, klawżoli kuntrattwali standard li huma obbligatorji bil-liġi jew b’regolament u inkorporati b’referenza fl-avviżi u d-dokumentazzjoni tal-offerta u l-proċedura rigward l-akkwist kopert, u kwalunkwe modifika tagħhom, f’midja elettronika jew stampata magħżula uffiċjalment li huma mxerrda b’mod wiesa’ u li jibqgħu faċilment aċċessibbli għall-pubbliku;
(b)
tipprovdi, jekk hekk mitlub mill-Parti l-oħra, aktar informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet;
(c)
telenka, fl-Appendiċijiet 20-F-1, 20-G-1, 20-H-1, 20-I-1 u 20-J-1, il-mezzi elettroniċi jew stampati li l-Parti tippubblika l-informazzjoni deskritta fil-punt (a) fihom;
(d)
telenka, fejn disponibbli fl-Appendiċijiet 20-F-2, 20-G-2, 20-H-2, 20-I-2 u 20-J-2, il-midja elettronika, li l-Parti tippubblika l-avviżi meħtieġa mill-Artikoli 20.13, 20.15(4) u 20.23(2) fiha.
2.
Kull Parti għandha tinnotifika minnufih lill-Parti l-oħra bi kwalunkwe modifika fl-informazzjoni elenkata fl-Appendiċijiet tagħha tal-Annessi 20-F sa 20-J. Il-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jemenda l-Annessi 20-F sa 20-J kif xieraq, skont l-Artikolu 9.7(1), il-punt (f).
ARTIKOLU 20.13
Pubblikazzjoni ta’ avviżi
Avviż tal-akkwist ippjanat
1.
Għal kull akkwist kopert, ħlief fiċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 20.20, entità tal-akkwist għandha tippubblika avviż tal-akkwist ippjanat, li għandu jkun direttament aċċessibbli b’mezzi elettroniċi, mingħajr ħlas, permezz ta’ punt uniku ta’ aċċess, għall-Unjoni Ewropea fil-livell Ewropew u għall-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR fil-livell nazzjonali jew ladarba tali punt uniku ta’ aċċess ikun stabbilit fil-livell tal-MERCOSUR. L-avviż tal-akkwist ippjanat għandu jibqa’ faċilment aċċessibbli għall-pubbliku, tal-inqas sakemm jiskadi t-terminu ta’ żmien indikat fl-avviż. Il-mezz elettroniku għandu jiġi elenkat minn kull Parti fl-Appendiċijiet tagħha tal-Annessi 20-F sa 20-J. Kull avviż bħal dan għandu jinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness 20-O.
Avviż fil-qosor
2.
Għal kull każ ta’ akkwist ippjanat, entità tal-akkwist għandha tippubblika avviż fil-qosor li jkun faċilment aċċessibbli, fl-istess ħin tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-akkwist ippjanat, b’waħda mil-lingwi tad-WTO li fiha l-Ftehim tad-WTO jkun awtentiku. Kull avviż bħal dan għandu jinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness 20-K.
Avviż ta’ akkwist ippjanat
3.
L-entitajiet tal-akkwist huma mħeġġa jippubblikaw fuq karta jew mezz elettroniku xieraq elenkat fl-Appendiċijiet tal-Annessi 20-F sa 20-J kmieni kemm jista’ jkun f’kull sena fiskali avviż dwar il-pjanijiet ta’ akkwist futuri tagħhom. Jenħtieġ li tali avviż jinkludi s-suġġett tal-akkwist u d-data ppjanata tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-akkwist ippjanat.
4.
Entità tal-akkwist fl-Appendiċijiet 12-A-2, 12-A-3, 12-B-2, 12-B-3, 12-C-2, 12-C-3, 12-D-2, 12-D-3, 12-E-2 u 12-E-3 tal-Annessi 20-A sa 20-E tista’ tuża avviż ta’ akkwist ippjanat bħala avviż tal-akkwist ippjanat, dment li dan jinkludi kemm jista’ jkun informazzjoni minn dik imsemmija fl-Anness 20-O li tkun disponibbli u dikjarazzjoni li l-fornituri interessati jenħtieġ li jesprimu l-interess tagħhom fl-akkwist lill-entità tal-akkwist.
ARTIKOLU 20.14
Kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni
1.
Entità tal-akkwist għandha tillimita kwalunkwe kundizzjoni għall-parteċipazzjoni f’akkwist għal dawk li huma essenzjali biex jiġi żgurat li fornitur ikollu l-kapaċitajiet legali u finanzjarji u l-ħiliet kummerċjali u tekniċi biex iwettaq l-akkwist relevanti.
2.
Fil-valutazzjoni ta’ jekk fornitur jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni, entità tal-akkwist għandha tevalwa l-kapaċitajiet finanzjarji u l-kapaċitajiet kummerċjali u tekniċi ta’ fornitur fuq il-bażi tal-attivitajiet kummerċjali ta’ dak il-fornitur ġewwa u barra t-territorju tal-Parti tal-entità tal-akkwist.
3.
L-entità tal-akkwist tista’ teħtieġ li fornitur juri esperjenza preċedenti rilevanti; madankollu, ma tistax timponi l-kundizzjoni li, sabiex fornitur jipparteċipa f’akkwist, il-fornitur ikun preċedentement ingħata kuntratt wieħed jew aktar minn entità tal-akkwist ta’ Parti partikolari jew li l-fornitur ikollu esperjenza ta’ xogħol preċedenti fit-territorju ta’ Parti partikolari.
4.
Sabiex tagħmel din il-valutazzjoni, l-entità tal-akkwist għandha tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq il-kundizzjonijiet li tkun speċifikat minn qabel fl-avviżi jew fid-dokumentazzjoni tal-offerta.
5.
Entità tal-akkwist tista’ teskludi fornitur għar-raġunijiet li ġejjin:
(a)
falliment;
(b)
dikjarazzjonijiet foloz;
(c)
nuqqasijiet sinifikanti fit-twettiq ta’ kwalunkwe rekwiżit jew obbligu sostantiv skont kuntratt jew kuntratti preċedenti;
(d)
sentenzi finali fir-rigward ta’ reati kriminali jew reati pubbliċi serji;
(e)
sanzjonijiet oħra li jiskwalifikaw lill-fornitur biex jikkuntratta ma’ entitajiet ta’ Parti;
(f)
imġiba professjonali ħażina serja li tagħmel l-integrità tal-fornituri dubjuża; jew
(g)
nuqqas ta’ ħlas tat-taxxi.
6.
Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni stabbiliti minn entità tal-akkwist kif stabbilit fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jiġu ssodisfati mill-fornituri tal-Partijiet permezz tal-preżentazzjoni tad-dokumentazzjoni meħtieġa mill-offerta jew permezz ta’ dokumentazzjoni ekwivalenti.
ARTIKOLU 20.15
Kwalifika ta’ fornituri
Proċedura selettiva ta’ offerti ta’ kuntratt
1.
Fejn l-entità tal-akkwist tkun beħsiebha tuża proċedura selettiva ta’ offerti ta’ kuntratt, l-entità għandha:
(a)
tinkludi fl-avviż tal-akkwist ippjanat mill-inqas l-informazzjoni speċifikata fil-punti (a), (b), (c), (i), (j) u (k) ta’: l-Anness 20-O u tistieden lill-fornituri jissottomettu talba għall-parteċipazzjoni; u
(b)
tipprovdi, sal-bidu tal-perjodu ta’ żmien għall-offerti, mill-inqas l-informazzjoni speċifikata fl-Anness 20-O, il-punti (d) sa (h), lill-fornituri kwalifikati.
2.
Entità tal-akkwist għandha tirrikonoxxi bħala fornituri kkwalifikati lil kwalunkwe fornitur domestiku u kwalunkwe fornitur tal-Parti l-oħra li jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f’akkwist partikolari, sakemm l-entità tal-akkwist ma tiddikjarax xi limitazzjoni rigward l-għadd ta’ fornituri permessi li jitfgħu l-offerti u l-kriterji għall-għażla tal-għadd limitat ta’ fornituri fl-avviż tal-akkwist ippjanat.
3.
Meta d-dokumentazzjoni tal-offerta ma tkunx disponibbli għall-pubbliku fid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż imsemmi fil-paragrafu 1, entità tal-akkwist għandha tiżgura li dawk id-dokumenti jsiru disponibbli fl-istess ħin għall-fornituri kkwalifikati kollha magħżula f’konformità mal-paragrafu 2.
Listi ta’ bosta użi
4.
Jekk il-liġi ta’ Parti tipprevedi li l-entitajiet tal-akkwist jistgħu jżommu lista ta’ bosta użi ta’ fornituri, din għandha tiżgura li avviż li jistieden lill-fornituri interessati japplikaw għall-inklużjoni fil-lista jkun:
(a)
ippubblikat kull sena; u
(b)
meta jiġi ppubblikat b’mezzi elettroniċi, isir disponibbli kontinwament, fil-mezz xieraq elenkat fl-Appendiċi tal-Annessi 20-F sa 20-J. Tali avviż għandu jinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness 20-L.
5.
Minkejja l-paragrafu 4, jekk lista ta’ bosta użi tkun valida għal 3 (tliet) snin jew inqas, entità tal-akkwist tista’ tippubblika l-avviż imsemmi fil-paragrafu 4 darba biss, fil-bidu tal-perjodu ta’ validità tal-lista, sakemm l-avviż:
(a)
jiddikjara l-perjodu ta’ validità u li mhux se jiġu ppubblikati iktar avviżi; u
(b)
jiġi ppubblikat b’mezzi elettroniċi u jkun disponibbli kontinwament matul il-perjodu ta’ validità tiegħu.
6.
Entità tal-akkwist għandha tippermetti lill-fornituri japplikaw fi kwalunkwe ħin għall-inklużjoni f’lista ta’ bosta użi u għandha tinkludi fil-lista l-fornituri kkwalifikati kollha f’perjodu ta’ żmien raġonevolment qasir.
7.
Meta fornitur li ma jkunx inkluż f’lista ta’ bosta użi jissottometti talba għall-parteċipazzjoni f’akkwist abbażi ta’ lista ta’ bosta użi u d-dokumenti kollha meħtieġa relatati magħha, fil-perjodu ta’ żmien previst fl-Anness 20-M, l-entità tal-akkwist għandha teżamina t-talba. L-entità tal-akkwist ma għandhiex teskludi lill-fornitur mill-kunsiderazzjoni fir-rigward tal-akkwist għar-raġuni li ma jkollhiex biżżejjed żmien biex teżamina t-talba, sakemm, f’każijiet eċċezzjonali, minħabba l-kumplessità tal-akkwist, l-entità ma tkunx tista’ tlesti l-eżami tat-talba fil-perjodu ta’ żmien permess għas-sottomissjoni tal-offerti.
Entitajiet elenkati fl-Appendiċijiet tal-Annessi 20-A sa 20-F
8.
Entità tal-akkwist elenkata fl-Appendiċijiet tal-Annessi 20-A sa 20-F tista’ tuża avviż li jistieden lill-fornituri japplikaw għall-inklużjoni f’lista ta’ bosta użi bħala avviż tal-akkwist ippjanat, dment li:
(a)
l-avviż jiġi ppubblikat f’konformità mal-paragrafu 4 u jinkludi l-informazzjoni elenkata fl-Anness 20-L, kemm jista’ jkun mill-informazzjoni elenkata fl-Anness 20-O kif disponibbli u dikjarazzjoni li dan jikkostitwixxi avviż tal-akkwist ippjanat jew li l-fornituri fil-lista ta’ bosta użi biss se jirċievu avviżi ulterjuri ta’ akkwist koperti mil-lista ta’ bosta użi; u
(b)
l-entità tal-akkwist tipprovdi minnufih lill-fornituri li jkunu esprimew interess f’akkwist partikolari informazzjoni suffiċjenti biex tippermettilhom jivvalutaw l-interess tagħhom fl-akkwist, inkluż l-informazzjoni kollha li jifdal meħtieġa fl-Anness 20-D, sa fejn tali informazzjoni tkun disponibbli.
9.
Fornitur li jkun applika għall-inklużjoni f’lista ta’ bosta użi f’konformità mal-paragrafu 6 jista’ jkun permess minn entità tal-akkwist koperta taħt l-Appendiċijiet tal-Annessi 20-A u 20-F iressaq offerta f’akkwist partikolari, jekk ikun hemm biżżejjed żmien għall-entità tal-akkwist biex teżamina jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni.
Informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tal-entità tal-akkwist
10.
Entità tal-akkwist għandha tinforma minnufih lil kwalunkwe fornitur li jissottometti talba għall-parteċipazzjoni f’akkwist jew applikazzjoni għall-inklużjoni f’lista ta’ bosta użi bid-deċiżjoni tal-entità tal-akkwist fir-rigward tat-talba jew tal-applikazzjoni.
11.
L-entità tal-akkwist għandha tinforma minnufih lill-fornitur u, fuq talba tal-fornitur, tipprovdi minnufih lill-fornitur bi spjegazzjoni bil-miktub tar-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, jekk l-entità:
(a)
tirrifjuta t-talba ta’ fornitur għall-parteċipazzjoni f’akkwist jew l-applikazzjoni tiegħu għall-inklużjoni f’lista ta’ bosta użi;
(b)
ma tibqax tirrikonoxxi fornitur bħala kkwalifikat; jew
(c)
tneħħi fornitur minn lista ta’ bosta użi.
ARTIKOLU 20.16
Speċifikazzjonijiet tekniċi
1.
Entità tal-akkwist ma għandhiex tħejji, tadotta jew tapplika xi speċifikazzjoni teknika jew tippreskrivi xi proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità bl-għan jew bl-effett li tillimita l-kompetizzjoni, toħloq ostakli bla bżonn għall-kummerċ internazzjonali, jew tiddiskrimina bejn il-fornituri.
2.
Fil-preskrizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-merkanzija jew is-servizzi li jkunu se jiġu akkwistati, entità tal-akkwist għandha, fejn xieraq:
(a)
tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi f’termini ta’ rekwiżiti tal-prestazzjoni u funzjonali, iktar minn karatteristiċi tad-disinn jew deskrittivi; u
(b)
tibbaża l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fuq standards internazzjonali, fejn dawn jeżistu; jew fuq regolamenti tekniċi nazzjonali, standards nazzjonali rikonoxxuti jew kodiċijiet tal-bini; kull referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem “jew ekwivalenti”.
3.
Meta jintużaw karatteristiċi tad-disinn jew deskrittivi fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-entità tal-akkwist jenħtieġ li, fejn ikun xieraq, tindika li se tikkunsidra l-offerti ta’ merkanzija jew servizzi ekwivalenti li biċ-ċar jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-akkwist billi tinkludi kliem bħal “jew ekwivalenti” fid-dokumentazzjoni tal-offerta.
4.
L-entità tal-akkwist ma għandhiex tippreskrivi speċifikazzjonijiet tekniċi li jeħtieġu jew jirreferu għal trademark jew għal isem kummerċjali, privattivi, drittijiet tal-awtur, disinn, tip, oriġini speċifika, produttur jew fornitur, sakemm ma jkun hemm l-ebda mod ieħor biżżejjed preċiż jew ċar kif jiġu deskritti r-rekwiżiti tal-akkwist u sakemm, f’tali każi, kelmiet bħal “jew ekwivalenti” jiġu inklużi fid-dokumentazzjoni tal-offerta.
5.
L-entità tal-akkwist ma għandhiex tfittex jew taċċetta, b’mod li jkollu l-effett li jipprekludi l-kompetizzjoni, parir li jista’ jintuża fil-preparazzjoni jew fl-adozzjoni ta’ kwalunkwe speċifikazzjoni teknika għal akkwist speċifiku minn persuna li jista’ jkollha interess kummerċjali fl-akkwist.
6.
Għal aktar ċertezza, Parti, inklużi l-entitajiet tal-akkwist tagħha, tista’, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, tħejji, taddotta jew tapplika speċifikazzjonijiet tekniċi sabiex tippromovi l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali jew tipproteġi l-ambjent.
ARTIKOLU 20.17
Dokumentazzjoni tal-offerta
1.
Entità tal-akkwist għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-fornituri dokumentazzjoni tal-offerta li tinkludi l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex il-fornituri jkunu jistgħu jħejju u jissottomettu offerti ta’ rispons. Sakemm ma tkunx diġà pprovduta fl-avviż tal-akkwist ippjanat, tali fajl għandu jinkludi deskrizzjoni sħiħa tal-kwistjonijiet li ġejjin:
(a)
l-akkwist, inkluż in-natura u l-kwantità tal-merkanzija jew tas-servizzi li għandhom jiġu akkwistati jew, fejn il-kwantità ma tkunx magħrufa, il-kwantità stmata u kwalunkwe rekwiżit li għandu jiġi ssodisfat, inkluż kwalunkwe speċifikazzjoni teknika, ċertifikazzjoni ta’ valutazzjoni tal-konformità, pjanijiet, tpinġijiet jew materjali ta’ struzzjoni;
(b)
kwalunkwe kundizzjoni għall-parteċipazzjoni tal-fornituri, inkluż lista ta’ informazzjoni u dokumenti li l-fornituri huma obbligati li jissottomettu relatata magħha;
(c)
il-kriterji kollha ta’ evalwazzjoni li għandhom jiġu kkunsidrati fl-għoti tal-kuntratt u, ħlief fejn il-prezz huwa l-uniku kriterju, l-importanza relattiva ta’ tali kriterji;
(d)
meta l-entità tal-akkwist twettaq l-akkwist b’mezzi elettroniċi, kwalunkwe rekwiżit ta’ awtentikazzjoni u kriptaġġ jew rekwiżiti oħra relatati mas-sottomissjoni ta’ informazzjoni b’mezzi elettroniċi;
(e)
meta l-entità tal-akkwist torganizza rkant elettroniku, ir-regoli, inkluża l-identifikazzjoni tal-elementi tal-offerta relatati mal-kriterji ta’ evalwazzjoni, li fuqhom se jsir l-irkant;
(f)
fejn ikun hemm ftuħ pubbliku tal-offerti, id-data, il-ħin u l-post għall-ftuħ u, fejn xieraq, il-persuni awtorizzati li jkunu preżenti;
(g)
kwalunkwe terminu jew kundizzjoni oħra, inkluż termini ta’ ħlas u kwalunkwe limitazzjoni għall-mezzi li bihom jistgħu jiġu sottomessi l-offerti, pereżempju fuq karta jew b’mezzi elettroniċi; u
(h)
kwalunkwe data għall-konsenja tal-merkanzija jew għall-provvista tas-servizzi.
2.
Meta fid-dokumentazzjoni tal-offerta tiġi stabbilita kwalunkwe data tal-konsenja għall-merkanzija jew is-servizzi li jkunu qed jiġu akkwistati, entità tal-akkwist għandha tqis fatturi bħall-kumplessità tal-akkwist, il-firxa tas-sottokuntrattar antiċipat u ż-żmien realistiku meħtieġ għall-produzzjoni, it-tneħħija mill-ħżin u t-trasport ta’ merkanzija mill-punt tal-provvista jew għall-provvista tas-servizzi.
3.
Il-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-avviż tal-akkwist ippjanat jew fid-dokumentazzjoni tal-offerta jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, il-prezz u fatturi oħra ta’ spejjeż, il-kwalità, il-mertu tekniku, il-karatteristiċi ambjentali u t-termini tal-konsenja.
4.
Entità tal-akkwist għandha tipprovdi minnufih id-dokumentazzjoni tal-offerta lil kwalunkwe fornitur li jipparteċipa fl-akkwist, jekk din tintalab minn tali fornitur, u twieġeb għal kwalunkwe talba raġonevoli għal informazzjoni rilevanti minn fornitur li jipparteċipa fl-akkwist, dment li tali informazzjoni ma tagħtix vantaġġ lil dak il-fornitur fuq il-kompetituri tiegħu fl-akkwist u li t-talba tkun ġiet ippreżentata fil-limiti ta’ żmien applikabbli.
5.
Meta, qabel il-valutazzjoni tal-offerti f’konformità mal-Artikolu 20.22, entità tal-akkwist timmodifika jew temenda l-kriterji jew ir-rekwiżiti stabbiliti fl-avviż tal-akkwist ippjanat jew fid-dokumentazzjoni tal-offerta pprovduta lill-fornituri parteċipanti, din għandha tittrażmetti bil-miktub dawn il-modifiki kollha:
(a)
lill-fornituri kollha li jkunu qed jipparteċipaw fiż-żmien meta l-informazzjoni tiġi emendata, jekk tali fornituri jkunu magħrufa, u fil-każijiet l-oħra kollha, bl-istess mod bħall-informazzjoni oriġinali; u
(b)
fi żmien li jippermetti lil tali fornituri jimmodifikaw u jerġgħu jissottomettu offerti emendati, kif xieraq.
6.
L-entitajiet tal-akkwist jistgħu jirrikjedu li l-fornituri parteċipanti jipprovdu garanziji għaż-żamma tal-offerta, u l-fornitur rebbieħ jipprovdi garanzija għall-eżekuzzjoni.
ARTIKOLU 20.18
Perjodi ta’ żmien
Entità tal-akkwist għandha, f’konformità mal-ħtiġijiet tagħha stess, tipprovdi biżżejjed żmien għall-fornituri biex iħejju u jissottomettu talbiet għall-parteċipazzjoni u offerti risponsivi, filwaqt li tqis fatturi bħan-natura u l-kumplessità tal-akkwist, il-firxa tas-sottokuntrattar antiċipat, u ż-żmien għat-trażmissjoni tal-offerti minn punti barranin kif ukoll domestiċi fejn ma jintużawx mezzi elettroniċi. Tali perjodi ta’ żmien, inkluża kwalunkwe estensjoni tagħhom, għandhom ikunu l-istess għall-fornituri interessati jew parteċipanti kollha. Il-perjodi ta’ żmien applikabbli huma stabbiliti fl-Anness 20-M.
ARTIKOLU 20.19
Negozjati
1.
Jekk il-liġi ta’ Parti tipprevedi li l-entitajiet tal-akkwist jistgħu jwettqu akkwist permezz ta’ negozjati, l-entitajiet tal-akkwist jistgħu jagħmlu dan fil-każijiet li ġejjin:
(a)
fil-kuntest ta’ akkwisti fejn ikunu indikaw tali ħsieb fl-avviż tal-akkwist ippjanat; jew
(b)
meta mill-evalwazzjoni jkun jidher li l-ebda offerta ma hija l-aktar vantaġġuża b’mod ovvju f’termini tal-kriterji speċifiċi ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-avviżi jew fid-dokumentazzjoni tal-offerta.
2.
Entità tal-akkwist għandha:
(a)
tiżgura li kwalunkwe eliminazzjoni ta’ fornituri li jkunu qegħdin jipparteċipaw fin-negozjati ssir skont il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-avviżi jew fid-dokumentazzjoni tal-offerta; u
(b)
meta n-negozjati jiġu konklużi, tipprovdi skadenza komuni għall-fornituri li fadal sabiex jitfgħu kwalunkwe offerta ġdida jew riveduta.
ARTIKOLU 20.20
Proċedura limitata ta’ offerti ta’ kuntratt
1.
Sakemm il-proċedura tal-offerti ma tintużax biex tiġi evitata l-kompetizzjoni jew biex jiġu protetti l-fornituri domestiċi, entità tal-akkwist tista’ tagħti kuntratti permezz ta’ sejħa għall-offerti limitata, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
(a)
fejn:
(i)
l-ebda offerti ma jkunu ġew sottomessi, jew l-ebda fornituri ma jkunu talbu parteċipazzjoni;
(ii)
ma tkun ġiet sottomessa l-ebda offerta li tikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali tad-dokumentazzjoni tal-offerta;
(iii)
l-ebda fornitur ma jkun issodisfa l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni; jew
(iv)
l-offerti ppreżentati kienu jinvolvu l-kollużjoni,
dment li r-rekwiżiti tad-dokumentazzjoni tal-offerta ma jiġux immodifikati sostanzjalment;
(b)
fejn, għall-opri tal-arti, jew għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni tad-drittijiet esklużivi tal-proprjetà intellettwali, bħal privattivi jew drittijiet tal-awtur, jew informazzjoni dwar il-proprjetà, jew fejn ikun hemm nuqqas ta’ kompetizzjoni għal raġunijiet tekniċi, il-merkanzija jew is-servizzi jistgħu jingħataw biss minn fornitur partikolari u ma tkun teżisti ebda alternattiva jew sostitut raġonevoli;
(c)
għal konsenji addizzjonali mill-fornitur oriġinali tal-merkanzija u s-servizzi li ma jkunux ġew inklużi fl-akkwist oriġinali fejn il-bdil ta’ fornitur għal merkanzija jew servizzi addizzjonali bħal dawn:
(i)
ma jistax isir għal raġunijiet ekonomiċi jew tekniċi bħal rekwiżiti ta’ interkambjabbiltà jew interoperabbiltà ma’ tagħmir, software, servizzi jew installazzjonijiet eżistenti akkwistati taħt l-akkwist inizjali; u
(ii)
jikkawża inkonvenjenza sinifikanti jew duplikazzjoni sostanzjali tal-kosti għall-entità tal-akkwist;
(d)
għall-merkanzija mixtrija f’suq tal-komoditajiet;
(e)
meta entità tal-akkwist takkwista prototip jew l-ewwel merkanzija jew servizz li jiġi żviluppat fuq talba tagħha matul, u għal, kuntratt partikolari għal riċerka, esperiment, studju, jew żvilupp oriġinali; meta tali kuntratti jkunu ġew issodisfati, l-akkwisti sussegwenti ta’ merkanzija jew servizzi għandhom ikunu soġġetti għal dan il-Kapitolu;
(f)
safejn ikun strettament neċessarju fejn għal raġunijiet ta’ urġenza kkawżati minn avvenimenti mhux previsti mill-entità tal-akkwist, il-merkanzija jew is-servizzi ma setgħux jinkisbu fil-ħin permezz ta’ proċedura miftuħa jew proċedura selettiva ta’ offerti ta’ kuntratt;
(g)
meta kuntratt jingħata lil rebbieħ ta’ kompetizzjoni tad-disinn sakemm il-kompetizzjoni tkun ġiet organizzata b’mod li jkun konsistenti mal-prinċipji ta’ dan il-Kapitolu, u l-parteċipanti jiġu ġġudikati minn ġurija indipendenti bil-ħsieb li jingħata kuntratt ta’ disinn lil rebbieħ; jew
(h)
għal xirjiet li jsiru taħt kundizzjonijiet eċċezzjonalment vantaġġużi li jirriżultaw biss fi żmien qasir ħafna, bħal disponimenti mhux tas-soltu minn persuni ġuridiċi li normalment ma jkunux fornituri, jew disponimenti ta’ assi ta’ negozji f’likwidazzjoni jew riċevitur.
2.
Entità kontraenti għandha żżomm ir-rekords jew tipprepara rapporti bil-miktub sabiex tagħti ġustifikazzjoni speċifika għal kwalunkwe kuntratt mogħti skont il-paragrafu 1.
ARTIKOLU 20.21
Irkanti elettroniċi
Fejn entità tal-akkwist ikollha l-intenzjoni li twettaq akkwist kopert billi tuża irkant elettroniku, l-entità għandha tipprovdi lil kull parteċipant, qabel ma tibda l-irkant elettroniku:
(a)
il-metodu ta’ evalwazzjoni awtomatika, inkluż il-formula matematika, li hija bbażata fuq il-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fid-dokumentazzjoni tal-offerta u li għandhom jintużaw fil-klassifikazzjoni jew fir-riklassifikazzjoni awtomatika matul l-irkant;
(b)
ir-riżultati ta’ kwalunkwe evalwazzjoni inizjali tal-elementi tal-offerta tagħha fejn il-kuntratt ikun se jingħata fuq il-bażi tal-offerta l-aktar vantaġġuża; u
(c)
kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti relatata mal-kondotta tal-irkant.
ARTIKOLU 20.22
Trattament tal-offerti u għoti ta’ kuntratti
1.
Entità tal-akkwist għandha tirċievi, tiftaħ u tittratta l-offerti kollha taħt proċeduri li jiggarantixxu l-ġustizzja u l-imparzjalità tal-proċess tal-akkwist kif ukoll il-kunfidenzjalità tal-offerti.
2.
L-entità tal-akkwist ma għandhiex tippenalizza lil xi fornitur li l-offerta tiegħu tkun ġiet riċevuta wara ż-żmien speċifikat biex jaslu l-offerti jekk id-dewmien ikun dovut biss għall-ġestjoni ħażina min-naħa tal-entità tal-akkwist.
3.
Biex tiġi kkunsidrata għall-għoti, offerta għandha tiġi sottomessa bil-miktub u għandha, fil-ħin tal-ftuħ, tikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fid-dokumentazzjoni tal-offerta u, fejn applikabbli, fl-avviżi, u għandha tkun mingħand fornitur li jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni.
4.
Sakemm entità tal-akkwist tiddetermina li ma jkunx fl-interess pubbliku li jingħata kuntratt, l-entità għandha tagħti l-kuntratt lill-fornitur li l-entità tkun iddeterminat li jkun kapaċi li jilħaq it-termini tal-kuntratt u li, fuq il-bażi biss tal-kriterji tal-valutazzjoni speċifikati fl-avviżi u d-dokumentazzjoni tal-offerta, ikun issottometta l-iżjed offerta vantaġġuża jew, fejn il-prezz ikun l-uniku kriterju, l-iżjed prezz baxx.
5.
Fejn l-entità tal-akkwist tirċievi offerta bi prezz li huwa iktar baxx b’mod anormali mill-prezzijiet f’offerti oħra li jkun ġew sottomessi, tista’ tivverifika mal-fornitur li jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u li huwa kapaċi jissodisfa t-termini tal-kuntratt.
6.
L-entità tal-akkwist ma għandhiex tuża opzjonijiet, tannulla akkwisti, jew timmodifika kuntratti mogħtija b’mod li jevita l-obbligi skont dan il-Kapitolu.
7.
Kull Parti tista’ tipprevedi li jekk, għal raġunijiet imputabbli lill-fornitur rebbieħ, il-kuntratt ma jiġix konkluż fi żmien raġonevoli, jew il-fornitur rebbieħ ma jissodisfax il-garanzija għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt imsemmija fl-Artikolu 20.17 jew ma jikkonformax mat-termini tal-kuntratt, il-kuntratt jista’ jingħata lill-fornitur li jkun issottometta l-aktar offerta vantaġġuża li jmiss.
ARTIKOLU 20.23
Trasparenza tal-informazzjoni dwar l-akkwisti
1.
Entità tal-akkwist għandha tgħarraf minnufih lill-fornituri parteċipanti bid-deċiżjonijiet ta’ għoti tal-kuntratt tal-entità u, jekk mitluba minn fornitur, għandha tagħmel dan bil-miktub. Soġġetta għall-Artikolu 20.24, il-paragrafi 2 u 3, entità tal-akkwist għandha, fuq talba, tipprovdi lil fornitur li ma ntgħażilx spjegazzjoni tar-raġunijiet għaliex l-entità ma għażlitx l-offerta tiegħu u l-vantaġġi relattivi tal-offerta tal-fornitur rebbieħ.
2.
Wara l-għoti ta’ kull kuntratt kopert minn dan il-Kapitolu, entità tal-akkwist għandha tippubblika avviż kemm jista’ jkun malajr skont il-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-liġi ta’ kull Parti, fuq karta jew fil-midja elettronika xierqa elenkati fl-Appendiċijiet tal-Annessi 20-F sa 20-J. Meta jintuża biss mezz elettroniku, l-informazzjoni għandha tibqa’ faċilment disponibbli għal perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-avviż għandu jinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:
(a)
deskrizzjoni tal-merkanzija jew tas-servizzi akkwistati li jistgħu jinkludu n-natura u l-kwantità tal-merkanzija akkwistata u n-natura u l-firxa tas-servizzi akkwistati;
(b)
l-isem u l-indirizz tal-entità tal-akkwist;
(c)
l-isem tal-fornitur li jintgħażel;
(d)
il-valur tal-offerta li kisbet suċċess jew l-ogħla offerta u l-aktar waħda baxxa meqjusa fl-għoti tal-kuntratt;
(e)
id-data tal-għotja; u
(f)
it-tip ta’ metodu ta’ akkwist użat, u jekk intużat proċedura limitata ta’ offerti ta’ kuntratt, deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-użu ta’ sejħa għall-offerti limitata.
3.
Kull Parti għandha tikkomunika lill-Parti l-oħra d-data statistika disponibbli u komparabbli rilevanti għall-akkwist kopert minn dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 20.24
Divulgazzjoni ta’ informazzjoni
1.
Fuq talba ta’ Parti, il-Parti l-oħra għandha tipprovdi minnufih l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-aġġudikazzjoni ta’ akkwist kopert, sabiex tiddetermina jekk l-akkwist twettaqx f’konformità mar-regoli ta’ dan il-Kapitolu. F’każijiet fejn ir-rilaxx ta’ din l-informazzjoni jista’ jippreġudika l-kompetizzjoni f’offerti futuri, il-Parti li tirċievi l-informazzjoni ma għandha tiżvelaha lill-ebda fornitur, jekk mhux wara konsultazzjoni mal-Parti li tkun ipprovdiet l-informazzjoni u bi qbil magħha.
2.
Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan il-Kapitolu, Parti, inklużi l-entitajiet tal-akkwist tagħha, ma għandhiex tipprovdi informazzjoni lil xi fornitur li tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri.
3.
Xejn f’dan il-Kapitolu ma għandu jiġi interpretat bħala li jirrikjedi lil Parti, inklużi l-entitajiet tal-akkwist tagħha, l-awtoritajiet u l-korpi ta’ rieżami, biex tiżvela informazzjoni kunfidenzjali meta tali divulgazzjoni:
(a)
timpedixxi l-infurzar tal-liġi;
(b)
tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri;
(c)
tkun tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ persuni partikolari, inkluża l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali; jew
(d)
b’xi mod ieħor tmur kontra l-interess pubbliku.
ARTIKOLU 20.25
Proċeduri domestiċi ta’ rieżami
1.
Kull Parti għandha tistabbilixxi jew iżżomm proċeduri amministrattivi jew ta’ rieżami ġudizzjarju f’waqthom, effettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji li permezz tagħhom fornitur jista’ jikkontesta:
(a)
ksur ta’ dan il-Kapitolu; jew
(b)
nuqqas ta’ konformità mal-miżuri ta’ Parti li jimplimentaw dan il-Kapitolu, jekk il-fornitur ma jkollux dritt li jikkontesta direttament ksur tal-Kapitolu skont il-liġi ta’ Parti,
li jirriżulta fil-kuntest ta’ akkwist kopert, li fih il-fornitur għandu, jew kellu, interess. Ir-regoli proċedurali għall-oġġezzjonijiet kollha għandhom ikunu bil-miktub u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni b’mod pubbliku.
2.
Kull Parti tista’ tipprevedi fid-dritt tagħha li, fil-każ ta’ lment minn fornitur li jirriżulta fil-kuntest ta’ akkwist kopert, il-Parti kkonċernata għandha tħeġġeġ lill-entità tal-akkwist tagħha u lill-fornitur biex ifittxu soluzzjoni għall-ilment permezz ta’ konsultazzjonijiet. L-entità tal-akkwist għandha tagħti kunsiderazzjoni imparzjali u f’waqtha għal kull ilment bħal dan b’mod li ma jxekkilx il-parteċipazzjoni tal-fornitur fl-akkwist attwali jew fil-future jew id-dritt tiegħu li jfittex miżuri korrettivi skont il-proċedura ta’ rieżami amministrattiv jew ta’ stħarriġ ġudizzjarju.
3.
Kull fornitur għandu jingħata perjodu ta’ żmien suffiċjenti sabiex iħejji u jissottometti oġġezzjoni, li fl-ebda każ ma jista’ jkun inqas minn 10 (għaxart) ijiem miż-żmien meta l-bażi tal-oġġezzjoni tkun saret magħrufa jew raġonevolment kellha ssir magħrufa mill-fornitur.
4.
Kull Parti għandha tistabbilixxi jew taħtar tal-anqas awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja imparzjali waħda li tkun indipendenti mill-entitajiet tal-akkwist tagħha sabiex tirċievi u tirrieżamina oġġezzjoni minn fornitur li tirriżulta fil-kuntest ta’ akkwist kopert.
5.
Meta korp li mhuwiex awtorità msemmija fil-paragrafu 4, inizjalment janalizza oġġezzjoni, il-Parti għandha tiżgura li l-fornitur ikun jista’ jappella d-deċiżjoni inizjali quddiem awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja imparzjali li hija indipendenti mill-entità tal-akkwist li l-akkwist tagħha huwa s-suġġett tal-oġġezzjoni. Korp ta’ rieżami li ma jkunx qorti għandu jew ikun soġġett għal stħarriġ ġudizzjarju jew ikollu garanziji proċedurali li għandhom jipprevedu li:
(a)
l-entità tal-akkwist twieġeb bil-miktub għall-oġġezzjoni u tiżvela d-dokumenti rilevanti kollha lill-korp tar-rieżami;
(b)
il-parteċipanti fil-proċedimenti jkollhom id-dritt li jinstemgħu qabel ma tittieħed deċiżjoni tal-korp ta’ rieżami dwar l-oġġezzjoni;
(c)
il-parteċipanti fil-proċedimenti jkollhom id-dritt li jkunu rappreżentati u akkumpanjati;
(d)
il-parteċipanti fil-proċedimenti jkollhom aċċess għall-proċedimenti kollha;
(e)
il-parteċipanti fil-proċedimenti jkollhom id-dritt li jitolbu li l-proċedimenti jsiru fil-pubbliku u li x-xhieda jistgħu jiġu ppreżentati; u
(f)
id-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet relatati mal-oġġezzjonijiet mill-fornituri jiġu pprovduti, fi żmien raġonevoli, bil-miktub, bi spjegazzjoni tal-bażi għal kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni.
6.
Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm proċeduri li jipprevedu:
(a)
miżuri interim rapidi biex jippreservaw l-opportunità tal-fornitur li jipparteċipa fl-akkwist. Miżuri interim bħal dawn jistgħu jirriżultaw f’sospensjoni tal-proċess ta’ akkwist. Il-proċeduri jistgħu jipprevedu li l-konsegwenzi negattivi prevalenti għall-interessi kkonċernati, inkluż l-interess pubbliku, jistgħu jitqiesu meta jiġi deċiż jekk jenħtiġx li jiġu applikati tali miżuri. Għandha tiġi pprovduta bil-miktub kawża ġusta għal nuqqas ta’ azzjoni; u
(b)
azzjoni korrettiva jew kumpens għal telf jew danni mġarrba, li jistgħu jkunu limitati jew għall-ispejjeż biex titħejja l-offerta jew għall-ispejjeż relatati mal-oġġezzjoni, jew għat-tnejn li huma, jekk korp ta’ rieżami jistabbilixxi li kien hemm ksur jew nuqqas kif imsemmi fil-paragrafu 1.
ARTIKOLU 20.26
Emendi u rettifiki tal-kopertura
1.
Parti tista’ tipproponi li temenda jew tirrettifika l-Annessi rispettivi tagħha minn 20-A sa 20-E.
Emendi
2.
Jekk Parti jkollha l-ħsieb li temenda l-Annessi tagħha msemmija fil-paragrafu 1, il-Parti għandha:
(a)
tinnotifika l-Parti l-oħra bil-miktub; u
(b)
tinkludi fin-notifika proposta għal aġġustamenti kumpensatorji xierqa lill-Parti l-oħra sabiex jinżamm livell ta’ kopertura komparabbli ma’ dak eżistenti qabel l-emenda.
3.
Minkejja ll-paragrafu 2, il-punt (b), Parti ma għandhiex għalfejn tipprovdi aġġustamenti kumpensatorji jekk l-emenda tkopri entità li fuqha l-Parti tkun effettivament eliminat il-kontroll jew l-influwenza tagħha.
4.
Il-Parti l-oħra tista’ toġġezzjona għall-emenda jekk:
(a)
aġġustament propost taħt il-paragrafu 2, il-punt (b) ma jkunx adegwat biex jinżamm livell komparabbli ta’ kopertura maqbula b’mod reċiproku; jew
(b)
l-emenda tkopri entità li fuqha l-Parti ma tkunx eliminat b’mod effettiv il-kontroll jew l-influwenza tagħha skont il-paragrafu 3.
Il-Parti l-oħra għandha toġġezzjona bil-miktub fi żmien 45 (ħamsa u erbgħin) jum minn meta tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a). Jekk ma titressaq l-ebda oġġezzjoni bħal din fi żmien 45 (ħamsa u erbgħin) jum wara li tkun irċeviet in-notifika, il-Parti għandha titqies li tkun qablet mal-emenda proposta.
Rettifiki
5.
Il-bidliet li ġejjin fl-Annessi ta’ Parti għandhom jitqiesu bħala rettifika ta’ natura purament formali, dment li ma jaffettwawx il-kopertura maqbula b’mod reċiproku prevista fil-Kapitolu:
(a)
bidla fl-isem ta’ entità;
(b)
fużjoni ta’ żewġ entitajiet jew aktar elenkati f’Appendiċi; u
(c)
is-separazzjoni ta’ entità elenkata fl-Appendiċi f’żewġ (2) entitajiet jew aktar li huma kollha miżjuda mal-entitajiet elenkati fl-istess Appendiċi.
Il-Parti li tagħmel tali rettifika ta’ natura purament formali ma għandhiex tkun obbligata tipprevedi aġġustamenti kumpensatorji.
6.
Fil-każ ta’ rettifiki proposti għall-Annessi ta’ Parti, dik il-Parti għandha tinnotifika r-rettifiki proposti lill-Parti l-oħra kull sentejn (2) wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
7.
Parti tista’ tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar oġġezzjoni għal rettifika proposta fi żmien 45 (ħamsa u erbgħin) jum wara li tirċievi n-notifika. Jekk Parti tressaq oġġezzjoni, hija għandha tistipula r-raġunijiet għalfejn temmen li r-rettifika proposta mhijiex bidla prevista fil-paragrafu 5, u tiddeskrivi l-effett li r-rettifika proposta dwar il-kopertura maqbula reċiprokament prevista f’dan il-Kapitolu. Jekk l-ebda oġġezzjoni bħal din ma tiġi sottomessa bil-miktub fi żmien 45 (ħamsa u erbgħin) jum wara l-wasla tan-notifika, il-Parti għandha titqies li tkun qablet mar-rettifika proposta.
Konsultazzjonijiet u Soluzzjoni ta’ tilwim
8.
Jekk il-Parti l-oħra toġġezzjona għall-emenda jew ir-rettifika proposta, il-Partijiet għandhom ifittxu li jsolvu l-kwistjoni permezz ta’ konsultazzjonijiet. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim fi żmien 60 (sittin) jum mill-wasla tal-oġġezzjoni, il-Parti li tfittex li timmodifika jew tirrettifika l-Annessi tagħha tista’ tirreferi l-kwistjoni għall-proċedura għas-soluzzjoni ta’ tilwim stabbilita fil-Kapitolu 29 sakemm il-Partijiet ma jaqblux li jestendu l-iskadenza.
9.
Il-proċedura ta’ konsultazzjoni skont il-paragrafu 8 hija mingħajr preġudizzju għall-konsultazzjonijiet previsti fil-Kapitolu 29.
10.
Jekk Parti ma toġġezzjonax għall-emenda proposta skont il-paragrafi 2 u 3 jew għar-rettifika proposta skont il-paragrafu 5, jew l-emenda jew ir-rettifiki jiġu miftiehma bejn il-Partijiet permezz ta’ konsultazzjonijiet jew ikun hemm soluzzjoni finali tal-kwistjoni skont il-Kapitolu 29, il-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jemenda l-Anness rilevanti sabiex jirrifletti l-emenda jew ir-rettifiki miftiehma jew l-aġġustamenti kumpensatorji miftiehma.
ARTIKOLU 20.27
Sottokumitat għall-akkwist pubbliku
1.
Is-Sottokumitat għall-akkwist pubbliku, stabbilit skont l-Artikolu 9.9(4), għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin, flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 2.4 u 9.9:
(a)
jirrieżamina l-ftuħ reċiproku tas-swieq tal-akkwist;
(b)
jiskambja informazzjoni relatata mal-opportunitajiet ta’ akkwist pubbliku f’kull Parti inkluż skambji dwar data statistika dwar l-akkwist; u
(c)
jiddiskuti l-firxa u l-mezzi ta’ kooperazzjoni fl-akkwist pubbliku bejn il-Partijiet kif imsemmi fl-Artikolu 20.28.
ARTIKOLU 20.28
Kooperazzjoni fl-akkwist pubbliku
1.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Kapitolu. Il-Partijiet għandhom jużaw l-istrumenti, ir-riżorsi u l-mekkaniżmi disponibbli u eżistenti.
2.
B’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni f’dan il-qasam għandhom jitwettqu, fost attivitajiet oħra, permezz ta’:
(a)
l-iskambju ta’ informazzjoni, prattiki tajbin, data statistika, esperti, esperjenzi u politiki f’oqsma ta’ interess reċiproku;
(b)
l-iskambju ta’ prattiki tajbin rigward l-użu ta’ prattiki ta’ akkwist sostenibbli u oqsma oħra ta’ interess reċiproku;
(c)
il-promozzjoni ta’ networks, seminars u workshops f’suġġetti ta’ interess reċiproku;
(d)
it-trasferiment tal-għarfien, inklużi l-kuntatti bejn l-esperti mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR; u
(e)
il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku tal-fornituri tal-Partijiet, b’mod partikolari għall-SMEs.
KAPITOLU 21
PROPRJETÀ INTELLETTWALI
TAQSIMA A
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U PRINĊIPJI
ARTIKOLU 21.1
Dispożizzjonijiet ġenerali
1.
Kull Parti tafferma d-drittijiet u l-obbligi lejn xulxin skont id-WTO, il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (il-Ftehim TRIPS, Agreement on Trade-related Aspects of Intellectual Property Rights) u kwalunkwe ftehim multilaterali ieħor relatat mal-proprjetà intellettwali li hija Parti għalih.
2.
Kull Parti għandha tkun libera li tiddetermina l-metodu xieraq ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu fis-sistema u l-prattika legali tagħha stess, b’mod konsistenti mal-objettivi u l-prinċipji tal-Ftehim TRIPS u dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 21.2
Objettivi
L-objettivi ta’ dan il-Kapitolu huma li:
(a)
jiffaċilita l-aċċess, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti innovattivi u kreattivi u jrawwem il-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet, filwaqt li jikkontribwixxi għal ekonomija aktar sostenibbli, ekwa u inklużiva għall-Partijiet;
(b)
jikseb livell adegwat u effettiv ta’ protezzjoni u infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jipprovdi inċentivi u premji għall-innovazzjoni filwaqt li jikkontribwixxi għat-trasferiment u t-tixrid effettivi tat-teknoloġija u jiffavorixxi l-benesseri soċjali u ekonomiku u l-bilanċ bejn id-drittijiet tad-detenturi u l-interess pubbliku; u
(c)
irawwem miżuri li jgħinu lill-Partijiet jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp, u l-aċċess għall-għarfien, inkluż għal dominju pubbliku rikk.
ARTIKOLU 21.3
Natura u kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi
1.
Għall-finijiet ta’ din il-Parti tal-Ftehim, “drittijiet ta’ proprjetà intellettwali” tirreferi għall-kategoriji kollha ta’ proprjetà intellettwali li huma s-suġġett tat-Taqsimiet 1 sa 7 tal-Parti II tal-Ftehim TRIPS u l-Artikoli 21.9 sa 21.43 ta’ dan il-Ftehim.
2.
Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tinkludi l-protezzjoni kontra l-kompetizzjoni inġusta kif imsemmi fl-Artikolu 10bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, magħmula f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, kif riveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni ta’ Pariġi”).
3.
Xejn f’dan il-Kapitolu ma għandu jipprevjeni lil Parti milli tadotta miżuri meħtieġa sabiex tipprevjeni l-abbuż tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mid-detenturi tad-drittijiet jew milli tirrikorri għal prattiki li jirrestrinġu b’mod mhux raġonevoli l-kummerċ jew jaffettwaw b’mod negattiv it-trasferiment internazzjonali tat-teknoloġija, dment li tali miżuri jkunu konsistenti ma’ dan il-Kapitolu.
4.
Parti ma għandhiex tkun obbligata li tagħti, permezz tal-liġi tagħha, protezzjoni aktar estensiva minn dik meħtieġa minn dan il-Kapitolu. Dan il-Kapitolu ma jipprekludix lil Parti milli tapplika, permezz tal-liġi tagħha, standards ogħla għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, dment li ma jiksrux dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 21.4
Prinċipji
1.
Kull Parti tirrikonoxxi li l-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jistgħu u jridu jsiru b’mod li jwassal għall-progress ekonomiku, soċjali u xjentifiku. Kull Parti għandha tiżgura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-sistema u l-prattika legali tagħha stess.
2.
Fil-formulazzjoni jew l-emendar tal-liġijiet u r-regolamenti tagħha, kull Parti tista’ tistabbilixxi eċċezzjonijiet u flessibbiltajiet permessi mill-istrumenti multilaterali li l-Partijiet huma firmatarji tagħhom.
3.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-dispożizzjonijiet fil-Ftehim TRIPS rigward il-kompetizzjoni.
4.
Il-Partijiet jappoġġaw il-kisba tal-SDGs tan-Nazzjonijiet Uniti.
5.
Il-Partijiet jappoġġaw ir-Riżoluzzjoni WHA 60.28 tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa u l-Qafas ta’ Tħejjija għal Pandemija tal-Influwenza adottat fl-erbgħa u sittin Assemblea Dinjija tas-Saħħa.
6.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa Pubblika, l-Innovazzjoni u l-Proprjetà Intellettwali, adottati mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fl-24 ta’ Mejju 2008 (ir-Riżoluzzjoni WHA 61.21 kif emendata bir-Riżoluzzjoni WHA 62.16).
7.
Il-Partijiet jaffermaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenda għall-Iżvilupp, adottati fl-2007 mill-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (minn hawn ’il quddiem imsejħa “WIPO”, World Intellectual Property Organization).
8.
Meta l-akkwist ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jkun soġġett għall-għoti jew għar-reġistrazzjoni tad-dritt, kull Parti għandha tagħmel mill-aħjar sabiex tiżgura li l-proċeduri għall-għoti jew għar-reġistrazzjoni tad-dritt iwasslu għall-għoti jew għar-reġistrazzjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli sabiex jiġi evitat tnaqqis mhux ġustifikat tal-perjodu ta’ protezzjoni.
ARTIKOLU 21.5
Trattament nazzjonali
Kull Parti għandha tagħti liċ-ċittadini tal-Parti l-oħra trattament mhux inqas favorevoli minn dak li tagħti liċ-ċittadini tagħha stess fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti minn dan il-Kapitolu, soġġett għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 3 u 5 tal-Ftehim TRIPS.
ARTIKOLU 21.6
Protezzjoni tal-bijodiversità u tal-għarfien tradizzjonali
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza u l-valur tad-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha u tal-għarfien tradizzjonali, l-innovazzjonijiet u l-prattiki assoċjati tal-komunitajiet indiġeni u lokali. Barra minn hekk, il-Partijiet jaffermaw id-drittijiet sovrani tagħhom fuq ir-riżorsi naturali tagħhom u d-drittijiet u l-obbligi tagħhom kif stabbiliti mill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tal-1992, magħmula f’Rio de Janeiro fil-5 ta’ Ġunju 1992 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “CBD”, Convention of Biological Diversity) fir-rigward tal-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi, u għall-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ dawn ir-riżorsi ġenetiċi.
2.
Il-Partijiet jaffermaw, filwaqt li jirrikonoxxu n-natura speċjali tal-bijodiversità agrikola, il-karatteristiċi distintivi tagħha u l-problemi li jeħtieġu soluzzjonijiet distintivi, li l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi għall-ikel u l-agrikoltura għandu jkun soġġett għal trattament speċifiku f’konformità mat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura, magħmul f’Ruma fit-3 ta’ Novembru 2001 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “it-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura”).
3.
Il-Partijiet jistgħu, bi ftehim reċiproku, jirrevedu dan l-Artikolu soġġett għar-riżultati u l-konklużjonijiet ta’ diskussjonijiet multilaterali.
ARTIKOLU 21.7
Eżawriment
Kull Parti għandha tkun libera li tistabbilixxi r-reġim tagħha stess għall-eżawriment tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali soġġetti għall-Ftehim TRIPS.
ARTIKOLU 21.8
Ftehim TRIPS u saħħa pubblika
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tad-Dikjarazzjoni dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika, li ġiet adottata fl-14 ta’ Novembru 2001 (minn hawn ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni ta’ Doha”) mill-Konferenza Ministerjali tad-WTO. Fl-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi skont dan il-Kapitolu, il-Partijiet għandhom jiżguraw konsistenza mad-Dikjarazzjoni ta’ Doha.
2.
Kull Parti għandha timplimenta l-Artikolu 31bis tal-Ftehim TRIPS, kif ukoll l-Anness u l-Appendiċi tal-Anness tiegħu, li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Jannar 2017.
TAQSIMA B
STANDARDS DWAR ID-DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI
SUBTAQSIMA 1
DRITTIJIET TAL-AWTUR U DRITTIJIET RELATATI
ARTIKOLU 21.9
Ftehimiet internazzjonali
Kull Parti tafferma d-drittijiet u l-obbligi tagħha skont il-ftehimiet internazzjonali li ġejjin, filwaqt li tqis li l-ftehimiet mhumiex vinkolanti fuq dawk li mhumiex partijiet għalihom:
(a)
il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, magħmula f’Berna fid-9 ta’ Settembru 1886 kif emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni ta’ Berna”);
(b)
il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Artisti tal-Ispettaklu, il-Produtturi tal-Fonogrammi u l-Organizzazzjonijiet tax-Xandir, magħmula f’Ruma fit-18 ta’ Mejju 1964 (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Konvenzjoni ta’ Ruma”);
(c)
it-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat, adottat fis-27 ta' Ġunju 2013 f’Marrakexx;
(d)
it-Trattat tad-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, magħmul f’Ġinevra fl-20 ta’ Diċembru 1996;
(e)
it-Trattat tad-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi, magħmul f’Ġinevra fl-20 ta’ Diċembru 1996; u
(f)
it-Trattat ta’ Beijing dwar il-Prestazzjonijiet Awdjoviżivi, magħmul f’Beijing fl-24 ta’ Ġunju 2012.
ARTIKOLU 21.10
Awturi
Kull Parti għandha tipprovdi lill-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu:
(a)
ir-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, bi kwalunkwe mezz u fi kwalunkwe forma, sħiħa jew parzjali, tax-xogħlijiet tagħhom;
(b)
kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, bil-bejgħ jew b’xi mod ieħor tal-forom oriġinali tax-xogħlijiet tagħhom jew kopji tagħhom;
(c)
kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili; u
(d)
it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.
ARTIKOLU 21.11
Artisti tal-Ispettaklu
Kull Parti għandha tipprovdi lill-artisti tal-ispettaklu d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu:
(a)
ir-reġistrazzjonijiet tal-prestazzjonijiet tagħhom;
(b)
ir-riproduzzjoni kollha jew parti minnha, diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma tar-reġistrazzjonijiet tal-prestazzonijiet tagħhom;
(c)
id-distribuzzjoni għall-pubbliku, permezz ta’ bejgħ jew b’xi mod ieħor, tar-reġistrazzjonijiet tal-prestazzjonijiet tagħhom;
(d)
ix-xandir b’mezzi mingħajr fili jew b’mezzi bil-fili jekk il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Parti jipprevedu dan, u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-prestazzjonijiet tagħhom, ħlief jekk il-prestazzjoni nnifisha tkun diġà wirja mxandra jew tkun magħmula minn reġistrazzjoni; u
(e)
it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tar-reġistrazzjoniijiet tal-prestazzjonijiet tagħhom b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.
ARTIKOLU 21.12
Produtturi ta’ fonogrammi
Kull Parti għandha tipprovdi lill-produtturi tal-fonogrammi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu:
(a)
ir-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti minnha, tal-fonogrammi tagħhom;
(b)
id-distribuzzjoni għall-pubbliku, bil-bejgħ jew b’xi mod ieħor, tal-fonogrammi tagħhom, inkluż ta’ kopji tagħhom; u
(c)
it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-fonogrammi tagħhom b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.
ARTIKOLU 21.13
Organizzazzjonijiet tax-xandir
Kull Parti tista’ tistipula r-rekwiżiti legali fil-liġijiet u r-regolamenti tagħha dwar x’għandu jitqies bħala organizzazzjoni tax-xandir u għandha tipprovdi lill-organizzazzjonijiet tax-xandir bid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu:
(a)
ir-reġistrazzjoni tax-xandiriet tagħhom;
(b)
ir-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti bi kwalunkwe mezz u f’kull forma, sħiħa jew parzjali, tar-reġistrazzjonijiet tax-xandiriet tagħhom;
(c)
it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, tar-reġistrazzjonijiet tax-xandiriet tagħhom, kemm jekk dawn ix-xandiriet jiġu trażmessi bil-fili jew bl-ajru, inkluż bil-kejbil jew bis-satellita b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom;
(d)
id-distribuzzjoni għall-pubbliku, permezz ta’ bejgħ jew b’xi mod ieħor, tar-reġistrazzjonijiet tax-xandiriet tagħhom; u
(e)
ix-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili, jew jekk il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti jipprevedu dan, ix-xandir mill-ġdid b’mezzi bil-fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk tali komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku b’pagament ta’ tariffa għad-dħul.
ARTIKOLU 21.14
Dritt ta’ remunerazzjoni għal xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku
ta’ fonogrammi ppubblikati għal skopijiet kummerċjali
1.
Kull Parti għandha tipprovdi dritt sabiex tiżgura li titħallas remunerazzjoni mill-utent lill-artisti tal-ispettaklu u lill-produtturi ta’ fonogrammi, jekk fonogramma ppubblikata għal skopijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ tali fonogramma, tintuża għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kwalunkwe komunikazzjoni lill-pubbliku.
2.
Kull Parti għandha tipprovdi li r-rimunerazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tintalab lill-utent mill-artist tal-ispettaklu jew mill-produttur ta’ fonogramma jew mit-tnejn. Kull Parti tista’ tippromulga leġiżlazzjoni li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti tal-ispettaklu u l-produtturi tal-fonogrammi, tistabbilixxi t-termini li skonthom l-artisti tal-ispettaklu u l-produtturi tal-fonogrammi għandhom jikkondividu tali remunerazzjoni.
ARTIKOLU 21.15
Perjodu ta’ protezzjoni
1.
Id-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol letterarju jew artistiku skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għandhom jibqgħu jiddekorru tul għomor l-awtur u għal mill-inqas 50 (ħamsin) sena wara l-mewt tal-awtur jew, jekk il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti jipprevedu dan, għal 70 (sebgħin) sena wara l-mewt tal-awtur. Fir-rigward ta’ xogħlijiet fotografiċi u ċinematografiċi, kull Parti għandha tistabbilixxi t-terminu ta’ protezzjoni skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.
2.
Fil-każ ta’ xogħol ta’ awtur konġunt, it-termini msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu kkalkulati mill-mewt tal-aħħar awtur li jibqa’ ħaj.
3.
Fil-każ ta’ xogħlijiet anonimi jew psewdonimi, il-perjodu ta’ protezzjoni għandu jdum għal mill-inqas 50 (ħamsin) sena wara li x-xogħol isir legalment disponibbli għall-pubbliku jew, jekk il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti jipprevedu dan, għal 70 (sebgħin) sena wara li x-xogħol isir legalment disponibbli għall-pubbliku. Minkejja l-ewwel sentenza, jekk il-psewdonimu adottat mill-awtur ma jħalli l-ebda dubju dwar l-identità tal-awtur, jew jekk l-awtur jiżvela l-identità tiegħu matul il-perjodu msemmi fl-ewwel sentenza, il-perjodu ta’ protezzjoni applikabbli għandu jkun dak stabbilit fil-paragrafu 1.
4.
Id-drittijiet tal-artisti tal-ispettaklu fi prestazzjoni għajr dik irreġistrata f’fonogramma għandhom jiskadu mhux inqas minn 50 (ħamsin) sena wara d-data tal-prestazzjoni.
5.
Id-drittijiet tal-artisti tal-ispettaklu u tal-produtturi ta’ fonogrammi ma għandhomx jiskadu għal mill-inqas 50 (ħamsin) sena wara li r-reġistrazzjoni tiġi ppubblikata legalment jew ikkomunikata legalment lill-pubbliku jew, jekk il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti jipprevedu dan, 70 (sebgħin) sena wara li r-reġistrazzjoni tiġi ppubblikata legalment jew ikkomunikata legalment lill-pubbliku. Kull Parti tista’, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tagħha, tadotta miżuri effettivi sabiex tiżgura li l-profitti ġġenerati matul l-20 (għoxrin) sena ta’ protezzjoni lil hinn minn 50 (ħamsin) sena jinqasmu b’mod ġust bejn l-artisti tal-ispettaklu u l-produtturi.
6.
It-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir għandu jkun ta’ mill-inqas 20 (għoxrin) sena mill-ewwel xandira jew, jekk il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Parti jipprevedu dan, 50 (ħamsin) sena mill-ewwel xandira.
7.
It-termini stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom jiġu kkalkulati mill-1 (l-ewwel) ta’ Jannar tas-sena ta’ wara l-avveniment li jagħti lok għalihom.
8.
Kull Parti tista’ tipprovdi għal perjodi ta’ protezzjoni itwal minn dawk previsti f’dan l-Artikolu.
ARTIKOLU 21.16
Dritt ta’ bejgħ mill-ġdid
1.
Kull Parti tista’ tipprovdi, għall-benefiċċju tal-awtur tal-arti grafika jew tal-plastik, dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, definit bħala dritt inaljenabbli, li ma jistax jiġi rrinunzjat, lanqas minn qabel, li jirċievi perċentwal tal-prezz miksub minn kwalunkwe bejgħ mill-ġdid ta’ dak ix-xogħol, wara l-ewwel trasferiment ta’ dak ix-xogħol mill-awtur.
2.
Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 japplika għall-atti kollha ta’ bejgħ mill-ġdid li jinvolvu bħala bejjiegħa, xerrejja jew intermedjarji professjonisti tas-suq tal-arti, bħal swali tal-irkant, galleriji tal-arti u, b’mod ġenerali, kwalunkwe negozjant ta’ opri tal-arti.
3.
Kull Parti tista’ tipprevedi li d-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ma japplikax għal atti ta’ bejgħ mill-ġdid jekk il-bejjiegħ ikun kiseb ix-xogħol direttament mill-awtur inqas minn 3 (tliet) snin qabel dak il-bejgħ mill-ġdid u jekk il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ma jaqbiżx ammont minimu.
4.
Kull Parti tista’ tipprevedi li l-awturi li huma ċittadini tal-Parti l-oħra u s-suċċessuri tagħhom fit-titolu jgawdu d-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid f’konformità ma’ dan l-Artikolu u l-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti kkonċernata dment li l-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż li tiegħu l-awtur jew is-suċċessur tal-awtur fit-titolu jkun ċittadin jippermettu protezzjoni tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid f’dak il-pajjiż għall-awturi mill-Parti kkonċernata u s-suċċessuri tagħhom fit-titolu.
ARTIKOLU 21.17
Kooperazzjoni fuq il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet
1.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni, it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, b’mod partikolari fir-rigward tad-dħul li jiġbru, it-tnaqqis li japplikaw għal tali dħul, l-użu tar-royalties miġbura, il-politika ta’ distribuzzjoni u r-repertorju tagħhom, inkluż fl-ambjent diġitali.
2.
Jekk organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbilita fit-territorju ta’ Parti tirrappreżenta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbilita fit-territorju ta’ Parti oħra permezz ta’ ftehim ta’ rappreżentanza, l-ewwel Parti għandha tfittex li tiżgura li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li tirrappreżenta:
(a)
ma tiddiskriminax kontra membri intitolati tal-organizzazzjoni rappreżentata; u
(b)
tħallas l-ammonti dovuti lill-organizzazzjoni rrappreżentata b’mod preċiż, regolari, diliġenti u kompletament trasparenti u tipprovdi lill-organizzazzjoni rrappreżentata b’informazzjoni dwar l-ammonti ta’ dħul miġbur f’isimha u t-tnaqqis li jkun sar.
ARTIKOLU 21.18
Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet
1.
Kull Parti għandha tillimita l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet f’din is-Subtaqsima għal ċerti każijiet speċjali li ma jkunux f’kunflitt ma’ sfruttament normali tax-xogħol jew ta’ suġġett ieħor u li ma jippreġudikawx b’mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet.
2.
Kull Parti għandha teżenta mid-dritt ta’ riproduzzjoni atti temporanji ta’ riproduzzjoni li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku u li l-għan uniku tagħhom huwa li jippermettu:
(a)
trażmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedjarju; jew
(b)
użu legali ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma għandhom l-ebda sinifikat ekonomiku indipendenti.
ARTIKOLU 21.19
Protezzjoni tal-miżuri teknoloġiċi
1.
Kull Parti għandha tipprovdi protezzjoni legali adegwata u rimedji legali effettivi kontra ċ-ċirkomvenzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi li jintużaw mid-detenturi tad-drittijiet b’rabta mal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom skont din is-Subtaqsima u li jirrestrinġu atti li mhumiex awtorizzati mid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati jew permessi mil-liġi.
2.
Kull Parti tista’, jekk ikun permissibbli skont il-liġi tagħha, tiżgura li d-detenturi tad-drittijiet iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni l-mezzi biex jibbenefikaw, sa fejn ikun meħtieġ, minn dik l-eċċezzjoni jew limitazzjoni.
ARTIKOLU 21.20
Obbligi dwar informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet
1.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet” tfisser kwalunkwe informazzjoni pprovduta mid-detenturi tad-drittijiet li tidentifika x-xogħol jew suġġett ieħor imsemmi f’din is-Subtaqsima, l-awtur jew kwalunkwe detentur ieħor tad-drittijiet, jew informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu tax-xogħol jew ta’ materjal ieħor, u kwalunkwe numru jew kodiċi li jirrappreżenta tali informazzjoni.
2.
Kull Parti għandha tipprovdi protezzjoni legali adegwata kontra kwalunkwe persuna li konxjament twettaq mingħajr awtorità kwalunkwe wieħed mill-atti li ġejjin, jekk dik il-persuna tkun taf, jew ikollha raġunijiet raġonevoli biex tkun taf, li b’dan il-mod dik il-persuna tkun qed tinduċi, tippermetti, tiffaċilita jew taħbi ksur ta’ kwalunkwe dritt tal-awtur jew ta’ kwalunkwe dritt relatat:
(a)
it-tneħħija jew it-tibdil ta’ kull informazzjoni elettronika dwar l-immaniġġar ta’ drittijiet; u
(b)
id-distribuzzjoni, l-importazzjoni għad-distribuzzjoni, ix-xandir, il-komunikazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor protett skont din is-Subtaqsima li minnhom tkun tneħħiet jew inbidlet mingħajr awtorizzazzjoni informazzjoni elettronika dwar il-ġestjoni ta’ drittijiet.
3.
Il-paragrafu 1 japplika meta kwalunkwe wieħed mill-elementi ta’ informazzjoni msemmija f’dak il-paragrafu jkun assoċjat ma’ kopja ta’ xogħol jew materjal ieħor imsemmi f’din is-Subtaqsima, jew jidher b’rabta mal-komunikazzjoni lill-pubbliku tiegħu.
4.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu ma jagħmlux ħsara lill-użi mhux kontraventorji.
SUBTAQSIMA 2
TRADEMARKS
ARTIKOLU 21.21
Ftehimiet internazzjonali
Kull Parti għandha:
(a)
tikkonforma mal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Oġġetti u s-Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trademarks, magħmul f’Nizza fil-15 ta’ Ġunju 1957 (minn hawn ’il quddiem “il-Klassifikazzjoni ta’ Nizza”); u
(b)
tagħmel l-aħjar sforzi biex taderixxi mal-Protokoll relatat mal-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-Reġistrazzjoni Internazzjonali tat-Trademarks, magħmul f’Madrid fis-27 ta’ Ġunju 1989, kif emendat l-aħħar fit-12 ta’ Novembru 2007.
ARTIKOLU 21.22
Proċedura ta’ reġistrazzjoni
1.
Kull Parti għandha tistabbilixxi sistema għar-reġistrazzjoni tat-trademarks li fiha kull deċiżjoni negattiva finali, inkluż ir-rifjut parzjali tar-reġistrazzjoni, maħruġa mill-amministrazzjoni rilevanti tat-trademarks, għandha tiġi nnotifikata bil-miktub, debitament motivata u miftuħa għal oġġezzjoni.
2.
Kull Parti għandha tipprevedi l-possibbiltà li topponi applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trademarks jew, jekk xieraq, ir-reġistrazzjoni ta’ trademarks. Tali proċedimenti ta’ oppożizzjoni għandhom ikunu kontradittorji.
3.
Kull Parti għandha tipprovdi bażi tad-data elettronika li tkun disponibbli pubblikament tal-applikazzjonijiet u tar-reġistrazzjonijiet ta’ trademarks.
ARTIKOLU 21.23
Drittijiet mogħtijin minn trademark
Trademark irreġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklużivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat jipprevjeni lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:
(a)
kwalunkwe sinjal li jkun identiku għat-trademark relatat mal-merkanzija jew mas-servizzi li jkunu identiċi għal dawk li għalihom tkun irreġistrata t-trademark; u
(b)
kwalunkwe sinjal li jkun identiku għal, jew simili għat-trademark u li jintuża fir-rigward ta’ merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal, jew simili għal, il-merkanzija jew is-servizzi li għalihom hija rreġistrata t-trademark, jekk teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku, li tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trademark.
ARTIKOLU 21.24
Trademarks magħrufin
1.
L-Artikolu 6bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għandu japplika, mutatis mutandis, għas-servizzi. Fid-determinazzjoni ta’ jekk trademark hijiex magħrufa sew, kull Parti għandha tqis l-għarfien tat-trademark fis-settur rilevanti tal-pubbliku, inkluż l-għarfien fil-Parti kkonċernata li jkun inkiseb bħala riżultat tal-promozzjoni tat-trademark.
2.
L-Artikolu 6bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għandu japplika, mutatis mutandis, għal merkanzija jew servizzi li mhumiex simili għal dawk li fir-rigward tagħhom hija rreġistrata trademark, dment li l-użu ta’ dik it-trademark fir-rigward ta’ dik il-merkanzija jew dawk is-servizzi jindika konnessjoni bejn dik il-merkanzija jew dawk is-servizzi u s-sid tat-trademark irreġistrata u dment li l-interessi tas-sid tat-trademark irreġistrata x’aktarx li ssirilhom ħsara b’tali użu.
3.
Għall-iskop li jingħata effett lill-protezzjoni ta’ trademarks magħrufa sew, kif imsemmi fl-Artikolu 6bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u fl-Artikolu 16, il-paragrafi 2 u 3 tal-Ftehim TRIPS, kull Parti għandha tqis kif xieraq il-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni Konġunta dwar Dispożizzjonijiet dwar il-Protezzjoni ta’ Marki Magħrufa sew adottata mill-Assemblea tal-Unjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali u l-Assemblea Ġenerali tad-WIPO fl-Erbgħa u Tletin Serje ta’ Laqgħat tal-Assemblej tal-Istati Membri tad-WIPO mill-20 sad-29 ta’ Settembru 1999.
ARTIKOLU 21.25
Applikazzjonijiet mala fide
Kull Parti għandha tipprovdi li trademark tista’ tiġi ddikjarata invalida jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha tkun saret f’mala fide mill-applikant. Kull Parti tista’ tipprovdi wkoll li tali trademark ma għandhiex tiġi rreġistrata.
ARTIKOLU 21.26
Eċċezzjonijiet għad-drittijiet mogħtijin minn trademark
1.
Kull Parti għandha tipprevedi eċċezzjonijiet limitati għad-drittijiet mogħtija minn trademark bħall-użu ġust ta’ termini deskrittivi inkluż fil-każ ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, u tista’ tipprovdi eċċezzjonijiet limitati oħra jekk tali eċċezzjonijiet iqisu l-interessi leġittimi tas-sid tat-trademark u ta’ partijiet terzi.
2.
It-trademark ma għandhiex tagħti d-dritt lis-sid li jipprojbixxi lil parti terza milli tuża dawn li ġejjin meta tintuża f’konformità ma’ prattiki onesti fi kwistjonijiet industrijali u kummerċjali:
(a)
isimha jew l-indirizz tagħha jekk dik il-parti terza tkun persuna fiżika;
(b)
indikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tip, il-kwalità, il-kwantità, l-għan maħsub, il-valur, l-oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni tal-merkanzija jew l-għoti tas-servizz, jew karatteristika oħra ta’ merkanzija jew servizzi; jew
(c)
it-trademark, jekk ikun meħtieġ li jiġi indikat l-għan maħsub ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts.
SUBTAQSIMA 3
DISINNI
ARTIKOLU 21.27
Ftehimiet internazzjonali
Kull Parti għandha tagħmel l-aħjar sforzi biex taderixxi mal-Att ta’ Ġinevra (1999) tal-Ftehim ta’ The Hague dwar ir-Reġistrazzjoni Internazzjonali ta’ Disinni Industrijali, magħmul f’Ġinevra fit-2 ta’ Lulju 1999.
ARTIKOLU 21.28
Protezzjoni ta’ disinni rreġistrati
1.
Kull Parti għandha tipprovdi għall-protezzjoni ta’ disinni maħluqin indipendentement li huma ġodda u oriġinali . Din il-protezzjoni għandha tiġi pprovduta permezz ta’ reġistrazzjoni u għandha tagħti drittijiet esklużivi lid-detenturi tagħhom f’konformità ma’ din is-Subtaqsima.
2.
Id-detentur ta’ disinn reġistrat għandu jkollu d-dritt li jipprevjeni partijiet terzi li ma jkollhomx il-kunsens tad-detentur milli jagħmlu, joffru għall-bejgħ, ibigħu, iqiegħdu fis-suq, jimportaw, jesportaw, jaħżnu tali prodott jew jużaw oġġetti li jkollhom jew jinkorporaw id-disinn protett jekk tali atti jitwettqu għal skopijiet kummerċjali.
ARTIKOLU 21.29
Perjodu ta’ protezzjoni
It-tul ta’ żmien tal-protezzjoni disponibbli, inkluż it-tiġdid, għandu jammonta għal mill-inqas 15-il (ħmistax) sena mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.
ARTIKOLU 21.30
Protezzjoni ta’ disinni mhux reġistrati
Kull Parti tista’ tistabbilixxi mezzi legali sabiex tipprevjeni l-użu ta’ disinji mhux irreġistrati.
ARTIKOLU 21.31
Eċċezzjonijiet u esklużjonijiet
1.
Kull Parti tista’ tistabbilixxi eċċezzjonijiet limitati għall-protezzjoni tad-disinni, dment li tali eċċezzjonijiet ma jkunux f’kunflitt mhux raġonevoli mal-isfruttament normali tad-disinni protetti u ma jippreġudikawx b’mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tad-detentur tad-disinn protett, filwaqt li jitqiesu l-interessi leġittimi ta’ partijiet terzi.
2.
Il-protezzjoni tad-disinni ma għandhiex testendi għal disinni ddettati essenzjalment minn kunsiderazzjonijiet tekniċi jew funzjonali.
ARTIKOLU 1.32
Relazzjoni mad-drittijiet tal-awtur
Kull Parti għandha, sa fejn ikun previst fil-liġijiet u fir-regolamenti tagħha, tiżgura li disinn ikun eliġibbli wkoll għall-protezzjoni skont il-liġi tagħha tad-drittijiet tal-awtur mid-data li fiha d-disinn ikun inħoloq jew ġie stabbilit fi kwalunkwe forma. Kull Parti għandha tiddetermina l-firxa u l-kundizzjonijiet ta’ tali protezzjoni, inkluż il-livell ta’ oriġinalità meħtieġ.
SUBTAQSIMA 4
INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI
ARTIKOLU 21.33
Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi
1.
Din is-Subtaqsima tapplika għar-rikonoxximent u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw mit-territorju tal-Partijiet.
2.
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmija fil-paragrafu 1 fit-territorji tagħhom, filwaqt li jiddeterminaw il-metodu xieraq għal tali implimentazzjoni fis-sistema u l-prattika legali tagħhom stess.
3.
L-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ Parti għandhom ikunu soġġetti biss għal dan l-Artikolu jekk ikunu protetti bħala indikazzjonijiet ġeografiċi fit-territorju tal-Parti tal-oriġini skont is-sistema tagħha ta’ reġistrazzjoni u protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.
4.
Kull Parti, wara li tkun eżaminat il-leġiżlazzjoni tal-Parti l-oħra fl-Anness 21-A u l-indikazzjonijiet ġeografiċi fl-Anness 21-B, u wara li tkun lestiet proċedura ta’ oġġezzjoni jew konsultazzjoni pubblika relatata mal-indikazzjonijiet ġeografiċi fl-Anness 21-B, timpenja ruħha li tipproteġi mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim dawk l-indikazzjonijiet ġeografiċi f’konformità mal-livell ta’ protezzjoni stabbilit f’din is-Subtaqsima inkluż il-livell speċifiku ta’ protezzjoni, b’mod partikolari kif stabbilit fl-Artikolu 21.35(8) u l-Appendiċi 21-B-1.
5.
Kull Parti tista’ tipproteġi indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti għajr oġġetti tal-ikel agrikoli, inbejjed, spirti jew inbejjed aromatizzati fil-liġijiet u r-regolamenti tagħha. Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-indikazzjonijiet ġeografiċi elenkati fl-Anness 21-D huma protetti bħala indikazzjonijiet ġeografiċi fil-pajjiż tal-oriġini.
ARTIKOLU 21.34
Żieda ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda
B’talba ta’ Parti, u ladarba jitlestew il-passi deskritti fl-Artikolu 21.33(4), is-Sottokumitat għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali msemmi fl-Artikolu 21.59 jista’ jirrakkomanda lill-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ jadotta deċiżjoni, skont l-Artikolu 9.7(1), il-punt (f) biex jiżdiedu indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda mal-Anness 21-B, inkluż sabiex jiġu ttrasferiti l-indikazzjonijiet ġeografiċi elenkati fl-Anness 21-C għall-Anness 21-B.
ARTIKOLU 21.35
Kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi
1.
Kull Parti għandha tipprovdi, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha, il-mezzi legali għall-partijiet interessati sabiex jipprevjenu:
(a)
l-użu ta’ indikazzjoni ġeografika tal-Parti l-oħra elenkata fil-Partijiet 1 u 2 tal-Anness 21-B għal kwalunkwe prodott li jaqa’ fil-klassi tal-prodott rilevanti, kif speċifikat fl-Anness 1-B, it-Taqsima 3 u li jew:
(i)
ma joriġinax fil-pajjiż tal-oriġini speċifikat fl-Anness 21-B għal dik l-indikazzjoni ġeografika; jew
(ii)
joriġina fil-pajjiż tal-oriġini speċifikat fl-Anness 21-B għal dik l-indikazzjoni ġeografika iżda ma kienx prodott jew manifatturat f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti l-oħra li kienu japplikaw kieku l-prodott kien għall-konsum fil-Parti l-oħra;
(b)
l-użu ta’ kwalunkwe mezz fid-denominazzjoni jew fil-preżentazzjoni ta’ merkanzija li jindika jew jissuġġerixxi li l-merkanzija inkwistjoni toriġina f’żona ġeografika għajr il-post veru tal-oriġini, b’mod li jiżgwida lill-pubbliku dwar l-oriġini ġeografika tal-prodott;
(c)
kwalunkwe użu ieħor li jikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni inġusta skont it-tifsira tal-Artikolu 10bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi;
(d)
kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ isem protett għal prodotti komparabbli li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-isem protett, jew li jisfrutta r-reputazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika;
(e)
l-użu ta’ indikazzjoni ġeografika li ma joriġinax fil-post indikat mill-indikazzjoni ġeografika, anki jekk l-oriġini vera tal-merkanzija tkun indikata jew l-indikazzjoni ġeografika tintuża fit-traduzzjoni jew tkun akkumpanjata minn espressjonijiet bħal “xorta”, “tip”, “stil”, “imitazzjoni” jew espressjonijiet simili; u
(f)
kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew qerq ta’ isem protett ta’ indikazzjoni ġeografika; jew kwalunkwe indikazzjoni falza jew qarrieqa ta’ isem protett ta’ indikazzjoni ġeografika; jew kwalunkwe prattika li tista’ tqarraq bil-konsumatur dwar l-oriġini, il-provenjenza u n-natura vera tal-prodott.
2.
Rigward ir-relazzjoni bejn it-trademarks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi:
(a)
jekk indikazzjoni ġeografika tkun protetta taħt din is-Subtaqsima, kull Parti għandha tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trademark għall-istess prodott jew prodott simili li l-użu tiegħu jikser din is-Subtaqsima, dment li applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark tkun ġiet sottomessa wara d-data tal-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika fit-territorju kkonċernat; trademarks irreġistrati li jiksru dan il-paragrafu għandhom jiġu invalidati f’konformità mal-liġi tal-Partijiet;
(b)
għall-indikazzjonijiet ġeografiċi elenkati fl-Anness 21-B fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni msemmija fil-punt (a) għandha tkun id-data tal-pubblikazzjoni tal-proċedura ta’ oppożizzjoni jew tal-konsultazzjoni pubblika fit-territorji rispettivi;
(c)
għall-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmija fl-Artikolu 21.34, id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni għandha tkun id-data tat-trażmissjoni ta’ talba lil Parti oħra biex tiġi protetta indikazzjoni ġeografika;
(d)
mingħajr preġudizzju għall-punt (e), kull Parti għandha tipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmija fl-Anness 21-B anki jekk tkun teżisti trademark preċedenti; trademark preċedenti għandha tfisser trademark li tkun saret applikazzjoni għaliha, ġiet irreġistrata jew stabbilita bl-użu, jekk dik il-possibbiltà tkun prevista mil-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti kkonċernata, in bona fide fit-territorju ta’ Parti waħda qabel id-data tal-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, kif imsemmi fil-paragrafu 1 tiġi sottomessa mill-Parti l-oħra skont dan il-Ftehim;
tali trademark preċedenti tista’ tkompli tintuża, tiġġedded u tkun soġġetta għal varjazzjonijiet li jistgħu jeħtieġu l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal trademarks ġodda, minkejja l-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, dment li ma tkun teżisti l-ebda raġuni għall-invalidità jew ir-revoka tat-trademark fil-liġi tat-trademark li taħtha tkun ġiet irreġistrata jew stabbilita t-trademark;
la t-trademark preċedenti u lanqas l-indikazzjoni ġeografika ma għandhom jintużaw b’mod li jqarraq bil-konsumatur dwar in-natura tad-dritt tal-proprjetà intellettwali kkonċernat; u
(e)
Parti ma għandhiex tkun obbligata tipproteġi indikazzjoni ġeografika fid-dawl ta’ trademark famuża, b’reputazzjoni jew magħrufa sew, jekk il-protezzjoni tista’ tqarraq bil-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott.
3.
Xejn f’din is-Subtaqsima ma għandu jipprevjeni l-użu minn Parti, fir-rigward ta’ kwalunkwe prodott, ta’ isem tradizzjonali ta’ varjetà ta’ pjanti jew ta’ razza ta’ annimali, eżistenti fit-territorju ta’ dik il-Parti.
4.
Xejn f’din is-Subtaqsima ma għandu jipprevjeni l-użu minn Parti ta’ komponent individwali ta’ terminu multikomponenti li jkun protett bħala indikazzjoni ġeografika fit-territorju ta’ dik il-Parti jekk tali komponent individwali jkun terminu abitwali bil-lingwa komuni bħala l-isem komuni għall-merkanzija assoċjata.
5
Xejn f’din is-Subtaqsima ma għandu jirrikjedi li Parti tipproteġi indikazzjoni ġeografika li tkun identika għat-terminu abitwali bil-lingwaġġ komuni bħala l-isem komuni għall-merkanzija assoċjata fit-territorju ta’ dik il-Parti.
6.
Jekk traduzzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika tkun identika ma’ terminu abitwali b’lingwaġġ komuni bħala l-isem komuni għal prodott fit-territorju ta’ Parti, jew ikun fiha tali terminu, jew jekk indikazzjoni ġeografika ma tkunx identika għal tali terminu iżda jkun fiha tali terminu, din is-Subtaqsima ma għandhiex tippreġudika d-dritt ta’ kwalunkwe persuna li tuża dak it-terminu f’assoċjazzjoni ma’ dak il-prodott.
7.
Fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi omonimi:
(a)
fil-każ ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi omonimi eżistenti jew futuri tal-Partijiet għal prodotti li jaqgħu fl-istess kategorija ta’ prodotti, it-tnejn għandhom jeżistu per se, u kull Parti għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet prattiċi li taħthom l-indikazzjonijiet omonimi inkwistjoni għandhom jiġu differenzjati minn xulxin, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġi żgurat trattament ekwu tal-produtturi kkonċernati u li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa; u
(b)
jekk Parti, fil-kuntest tan-negozjati ma’ pajjiż terz tipproponi li tipproteġi indikazzjoni ġeografika minn dak il-pajjiż terz, u l-isem ikun omonimu ma’ indikazzjoni ġeografika tal-Parti l-oħra, din tal-aħħar għandha tiġi infurmata u tingħata l-opportunità li tikkummenta qabel ma l-isem ikun protett.
8.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 21.35(1) sa 21.35(7), livell speċifiku ta’ protezzjoni hu definit għall-każijiet li ġejjin ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi elenkati fl-Anness 21-B:
(a)
“Genièvre”, “Jenever” jew “Genever”: il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Genièvre”, “Jenever” jew “Genever” ma għandhiex tipprevjeni lill-utenti preċedenti tat-terminu “Ginebra” fit-territorju tal-Arġentina li jkunu użaw it-terminu in bona fide u b’mod kontinwu għal mill-inqas 5 (ħames) snin qabel il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Genièvre”, “Jenever” jew “Genever” fl-Arġentina, u utenti preċedenti tat-terminu “Genebra” fit-territorju tal-Brażil li użaw it-terminu in bona fide u b’mod kontinwu qabel il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Genièvre”, “Jenever” jew “Genever” fil-Brażil, milli ikomplu jużaw dan it-terminu, dment li dawn il-prodotti ma jiġux ikkummerċjalizzati bl-użu ta’ grafika, ismijiet, stampi jew bnadar bħala referenzi għall-oriġini ġenwina tal-indikazzjoni ġeografika u dment li t-terminu jintwera b’tipa sostanzjalment iżgħar, iżda li xorta jinqara sew, mill-isem tad-ditta u jkun differenzjat minnu b’mod mhux ambigwu fir-rigward tal-oriġini tal-prodott;
(b)
“Queso Manchego”: il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Queso Manchego” għall-ġobnijiet elaborati fi Spanja f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli, bl-użu tal-ħalib tan-nagħaġ, ma għandhiex tipprevjeni lill-utenti preċedenti tat-terminu “Queso Manchego” fit-territorju tal-Urugwaj li jkunu użaw it-terminu in bona fide u b’mod kontinwu għal mill-inqas 5 (ħames) snin qabel il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Queso Manchego”, jekk relatati ma’ ġobnijiet elaborati bil-ħalib tal-baqra, milli jkomplu jużaw dan it-terminu, dment li dawn il-prodotti ma jiġux ikkummerċjalizzati bl-użu ta’ grafika, ismijiet, stampi jew bnadar bħala referenzi għall-indikazzjoni ġeografika Ewropea protetta u dment li t-terminu jintwera b’tipa sostanzjalment iżgħar, iżda li xorta jinqara sew, mill-isem tad-ditta u jkun differenzjat minnu b’mod mhux ambigwu fir-rigward tal-oriġini tal-prodott;
(c)
“Grappa”: il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Grappa” ma għandhiex tipprevjeni lill-utenti preċedenti tat-terminu “Grappamiel” jew “Grapamiel” fit-territorju tal-Urugwaj li jkunu użaw it-terminu in bona fide u b’mod kontinwu qabel il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Grappa” milli jkomplu jużaw dan it-terminu, dment li dawn il-prodotti ma jiġux ikkummerċjalizzati bl-użu ta’ grafika, ismijiet, stampi jew bnadar bħala referenzi għall-indikazzjoni ġeografika Ewropea protetta u dment li t-terminu jintwera b’tipa sostanzjalment iżgħar, iżda li xorta jinqara sew, mill-isem tad-ditta u jkun differenzjat minnu b’mod mhux ambigwu fir-rigward tal-oriġini tal-prodott;
(d)
“Steinhäger”: il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Steinhäger” ma għandhiex tipprevjeni lill-utenti preċedenti tat-terminu “Steinhäger” fit-territorju tal-Brażil li użaw it-terminu in bona fide u b’mod kontinwu qabel il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Steinhäger” milli jkomplu jużaw dan it-terminu, dment li dawn il-prodotti ma jiġux ikkummerċjalizzati bl-użu ta’ grafika, ismijiet, stampi jew bnadar bħala referenzi għall-indikazzjoni ġeografika Ewropea protetta u sakemm it-terminu jintwera b’karattru ta’ tipa sostanzjalment iżgħar, iżda li xorta jinqara sew, mill-isem tad-ditta u jkun differenzjat minnu b’mod mhux ambigwu fir-rigward tal-oriġini tal-prodott;
(e)
“Parmigiano Reggiano”:
(i)
il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Parmigiano Reggiano” ma għandhiex tipprevjeni lill-utenti preċedenti tat-terminu “Parmesão” fit-territorju tal-Brażil u tat-terminu “Parmesano” fit-territorji tal-Arġentina, il-Paragwaj u l-Urugwaj li użaw dawn it-termini in bona fide u b’mod kontinwu qabel il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Parmigiano Reggiano” milli jkomplu jużaw dawn it-termini, dment li dawn il-prodotti ma jiġux ikkummerċjalizzati bl-użu ta’ grafika, ismijiet, stampi jew bnadar bħala referenzi għall-indikazzjoni ġeografika Ewropea protetta u dment li t-terminu jintwera b’tipa sostanzjalment iżgħar, iżda li xorta jinqara sew, mill-isem tad-ditta u jkun differenzjat minnu b’mod mhux ambigwu fir-rigward tal-oriġini tal-prodott;
(ii)
il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Parmigiano Reggiano” ma għandhiex tipprevjeni lill-utenti preċedenti tat-terminu “Reggianito” fit-territorju tal-Arġentina li użaw dan it-terminu in bona fide u b’mod kontinwu qabel il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Parmigiano Reggiano”, u fit-territorji tal-Paragwaj u l-Urugwaj li użaw dan it-terminu in bona fide u b’mod kontinwu għal mill-inqas 5 (ħames) snin qabel il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Parmigiano Reggiano”, milli jkomplu jużaw dan it-terminu, dment li dawn il-prodotti ma jiġux ikkummerċjalizzati bl-użu ta’ grafika, ismijiet, stampi jew bnadar bħala referenzi għall-indikazzjoni ġeografika Ewropea protetta u dment li t-terminu jintwera b’tipa sostanzjalment iżgħar, iżda li xorta jinqara sew, mill-isem tad-ditta u jkun differenzjat minnu b’mod mhux ambigwu fir-rigward tal-oriġini tal-prodott;
(f)
“Fontina”: il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Fontina” ma għandhiex tipprevjeni lill-utenti preċedenti tat-terminu “Fontina” fit-territorji tal-Arġentina, tal-Brażil, tal-Paragwaj u tal-Urugwaj li jkunu użaw it-terminu in bona fide u b’mod kontinwu għal mill-inqas 5 (ħames) snin qabel il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Fontina”, milli jkomplu jużaw dan it-terminu, dment li dawn il-prodotti ma jiġux ikkummerċjalizzati bl-użu ta’ grafika, ismijiet, stampi jew bnadar bħala referenzi għall-indikazzjoni ġeografika Ewropea protetta u dment li t-terminu jintwera b’tipa sostanzjalment iżgħar, iżda li xorta jinqara sew, mill-isem tad-ditta u jkun differenzjat minnha b’mod mhux ambigwu fir-rigward tal-oriġini tal-prodott;
(g)
"Gruyère" (Franza):
(i)
il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Gruyère” (Franza) ma għandhiex tipprevjeni lill-utenti preċedenti tat-termini “Gruyère” u “Gruyere” fit-territorji tal-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj li użaw it-terminu in bona fide u b’mod kontinwu għal mill-inqas 5 (ħames) snin qabel il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Gruyère” (Franza), milli jkomplu jużaw dan it-terminu, dment li dawn il-prodotti ma jiġux ikkummerċjalizzati bl-użu ta’ grafika, ismijiet, stampi jew bnadar bħala referenzi għall-indikazzjoni ġeografika Ewropea protetta u dment li t-terminu jintwera b’tipa sostanzjalment iżgħar, iżda li xorta jinqara sew, mill-isem tad-ditta u jkun differenzjat minnu b’mod mhux ambigwu fir-rigward tal-oriġini tal-prodott;
(ii)
il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Gruyère” (Franza) ma għandhiex tipprevjeni lill-utenti preċedenti tat-termini “Gruyerito” u “Gruyer” fit-territorju tal-Urugwaj li jkunu użaw it-terminu in bona fide u b’mod kontinwu għal mill-inqas 5 (ħames) snin qabel il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Gruyère” (Franza) milli jkomplu jużaw dan it-terminu, dment li dawn il-prodotti ma jiġux ikkummerċjalizzati bl-użu ta’ grafika, ismijiet, stampi jew bnadar bħala referenzi għall-indikazzjoni ġeografika Ewropea protetta u dment li t-terminu jintwera b’tipa sostanzjalment iżgħar, iżda li xorta jinqara sew, mill-isem tad-ditta u jkun differenzjat minnu b’mod mhux ambigwu fir-rigward tal-oriġini tal-prodott;
(h)
“Grana Padano”: il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Grana Padano” ma għandhiex tipprevjeni lill-utenti preċedenti tat-terminu “Grana” fit-territorju tal-Brażil li jkunu użaw it-terminu in bona fide u b’mod kontinwu għal mill-inqas 5 (ħames) snin qabel il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Grana Padano” milli jkomplu jużaw dan it-terminu, dment li dawn il-prodotti ma jiġux ikkummerċjalizzati bl-użu ta’ grafika, ismijiet, stampi jew bnadar bħala referenzi għall-indikazzjoni ġeografika Ewropea protetta u dment li t-terminu jintwera b’tipa sostanzjalment iżgħar, iżda li xorta jinqara sew, mill-isem tad-ditta u jkun differenzjat minnu b’mod mhux ambigwu fir-rigward tal-oriġini tal-prodott; u
(i)
“Gorgonzola”: il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Gorgonzola” ma għandhiex tipprevjeni lill-utenti preċedenti tat-terminu “Gorgonzola” fit-territorju tal-Brażil li jkunu użaw it-terminu in bona fide qabel il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni milli jkomplu jużaw dan it-terminu, dment li dawn il-prodotti ma jiġux ikkummerċjalizzati bl-użu ta’ grafika, ismijiet, stampi jew bnadar bħala referenzi għall-oriġini ġenwina tal-indikazzjoni ġeografika u dment li t-terminu jintwera b’tipa sostanzjalment iżgħar, iżda li xorta jinqara sew, mill-isem tad-ditta u jkun differenzjat minnu b’mod mhux ambigwu fir-rigward tal-oriġini tal-prodott.
9.
L-utenti preċedenti kif imsemmija fil-paragrafu 8, il-punti (a) sa (i), huma elenkati fl-Anness 21-E. Is-suċċessjoni tal-utenti preċedenti u l-effetti tagħha għandhom jiġu ddeterminati mil-liġijiet u r-regolamenti domestiċi ta’ kull Stat Firmatarju tal-MERCOSUR.
10.
L-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti elenkati fl-Anness 21-B ma għandhomx isiru ġeneriċi fit-territorji tal-Partijiet.
11.
Xejn f’dan il-Kapitolu ma għandu joħloq obbligu għall-Partijiet li jipproteġu indikazzjonijiet ġeografiċi li mhumiex jew li ma għadhomx protetti fil-post tal-oriġini tagħhom.
12.
Dan il-Kapitolu ma għandux jippreġudika d-dritt ta’ kwalunkwe persuna li tagħmel użu kummerċjali mill-isem ta’ dik il-persuna jew l-isem tal-predeċessur ta’ dik il-persuna fin-negozju, ħlief jekk tali isem jintuża b’tali mod li jqarraq bil-pubbliku.
ARTIKOLU 21.36
Dritt tal-użu tal-indikazzjonijiet ġeografiċi
1.
Kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodotti agrikoli, oġġetti tal-ikel, inbejjed, inbejjed aromatizzati jew xorb spirituż li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti jista’ juża indikazzjoni ġeografika skont din il-Parti tal-Ftehim.
2.
Ladarba indikazzjoni ġeografika tkun protetta skont din il-Parti tal-Ftehim, l-użu ta’ tali isem protett ma għandu jkun soġġett għall-ebda reġistrazzjoni tal-utenti jew għal imposti ulterjuri.
ARTIKOLU 21.37
Infurzar ta’ protezzjoni
Kull Parti għandha tipprovdi l-mezzi legali għall-partijiet interessati sabiex ifittxu l-infurzar tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 21.35 permezz ta’ azzjoni amministrattiva u ġudizzjarja xierqa fi ħdan is-sistema u l-prattika legali tagħha stess.
ARTIKOLU 21.38
Importazzjoni, esportazzjoni u kummerċjalizzazzjoni
L-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jkollhom l-ismijiet elenkati fl-Anness 21-B għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti li japplikaw fit-territorju tal-Parti li fiha l-prodotti jitqiegħdu fis-suq.
ARTIKOLU 21.39
Kooperazzjoni u trasparenza dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi
1.
Is-Sottokumitat għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, imsemmi fl-Artikolu 21.59, għandu jimmonitorja l-funzjonament xieraq ta’ din is-Subtaqsima u jista’ jikkunsidra kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni u l-operat tagħha. Għandu jkun responsabbli għal:
(a)
l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-iżviluppi leġiżlattivi u ta’ politika dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi u kull kwistjoni oħra ta’ interess reċiproku fil-qasam tal-indikazzjonijiet ġeografiċi; u
(b)
il-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp ta’ ismijiet alternattivi għal prodotti li darba kienu kkummerċjalizzati minn produtturi ta’ Parti b’termini li jikkorrispondu għal indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Parti l-oħra, speċjalment f’każijiet soġġetti għal tneħħija gradwali.
2.
Is-Sottokumitat għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jista’ jirrakkomanda lill-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ biex jemenda, skont l-Artikolu 9.7(1), il-punt (f):
(a)
l-Anness 21-A fir-rigward tar-referenzi għal-liġi applikabbli fil-Partijiet;
(b)
l-Anness 21-B fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-iskambju ta’ informazzjoni għal dak l-għan;
(c)
l-Anness 21-C fir-rigward tal-indikazzjoni ġeografika; u
(d)
l-Anness 21-E fir-rigward tal-utenti preċedenti.
3.
Kull Parti għandha tinnotifika lill-oħra jekk indikazzjoni ġeografika elenkata fl-Anness 21-B ma tibqax protetta fit-territorju tagħha. Wara tali notifika, il-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jemenda l-Anness 21-B f’konformità mal-Artikolu 9.7(1), il-punt (f) biex itemm il-protezzjoni skont din il-Parti tal-Ftehim. Il-Parti li minnha joriġina l-prodott biss hija intitolata li titlob it-tmiem tal-protezzjoni skont din is-Subtaqsima ta’ indikazzjoni ġeografika elenkata fl-Anness 21-B.
4.
Il-MERCOSUR għandu jinnotifika lill-Unjoni Ewropea jekk, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, jidentifika utenti preċedenti addizzjonali li jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 21.35(8), il-punti (a) sa (i). Wara tali notifika u dment li l-Partijiet jaqblu li l-utenti preċedenti addizzjonali proposti jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija hawn fuq, il-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jemenda l-Anness 21-E skont l-Artikolu 9.7(1), il-punt (f), billi jżid tali utenti preċedenti addizzjonali.
5.
Il-Partijiet għandhom, direttament jew permezz tas-Sottokumitat għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jibqgħu f’kuntatt dirett dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni u l-funzjonament ta’ din is-Subtaqsima. B’mod partikolari, Parti tista’ titlob lill-Parti l-oħra informazzjoni relatata mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u l-emendi għalihom, u punti ta’ kuntatt għall-kontroll.
6.
Speċifikazzjoni tal-prodott imsemmija f’din is-Subtaqsima għandha tkun dik approvata, inkluż kwalunkwe emenda approvata wkoll, mill-awtoritajiet tal-Parti fit-territorju li minnu joriġina l-prodott.
7.
Il-Partijiet jistgħu jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott jew sommarju tagħhom li jikkorrispondu għall-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Parti l-oħra protetti skont din is-Subtaqsima, bil-Portugiż, bl-Ispanjol jew bl-Ingliż.
SUBTAQSIMA 5
PRIVATTIVI
ARTIKOLU 21.40
Trattati internazzjonali
Kull Parti għandha tagħmel l-aħjar sforzi biex taderixxi mat-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi, magħmul f’Washington fid-19 ta’ Ġunju 1970.
SUBTAQSIMA 6
VARJETAJIET TA’ PJANTI
ARTIKOLU 21.41
Ftehimiet internazzjonali
Kull Parti għandha tipproteġi d-drittijiet tal-varjetajiet tal-pjanti, f’konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti li saret f’Pariġi fit-2 ta’ Diċembru 1961, kif riveduta f’Ġinevra fl-10 ta’ Novembru 1972, u fit-23 ta’ Ottubru 1978 (l-Att UPOV tal-1978) jew fid-19 ta’ Marzu 1991 (l-Att UPOV tal-1991), u għandha tikkoopera biex tippromwovi l-protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti.
SUBTAQSIMA 7
PROTEZZJONI TA’ INFORMAZZJONI MHUX DIVULGATA
ARTIKOLU 21.42
Kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali
1.
Fit-twettiq tal-obbligu tagħha skont l-Artikolu 21.1(1) li tikkonforma mal-Ftehim TRIPS, u b’mod partikolari mal-Artikolu 39, il-paragrafi 1 u 2 tal-Ftehim TRIPS, kull Parti għandha tipprevedi proċeduri ġudizzjarji ċivili u rimedji xierqa għal kwalunkwe detentur ta’ sigriet kummerċjali biex tipprevjeni l-akkwist, l-użu jew d-divulgazzjoni ta’ sigriet kummerċjali u tikseb rimedju għalih kull meta jitwettaq b’mod li jmur kontra prattiki kummerċjali onesti.
2.
Għall-finijiet ta’ din is-Subtaqsima:
(a)
“sigriet kummerċjali” tfisser informazzjoni li:
(i)
hija sigrieta fis-sens li mhix, bħala korp jew fil-konfigurazzjoni u l-assemblaġġ preċiżi tal-komponenti tagħha, magħrufa ġeneralment jew aċċessibbli b’mod faċli lill-persuni li ġeneralment jitrattaw din it-tip ta’ informazzjoni;
(ii)
għandha valur kummerċjali minħabba li hija sigrieta; u
(iii)
kienet soġġetta għal passi raġonevoli taħt iċ-ċirkostanzi, mill-persuna li għandha l-kontroll legali tal-informazzjoni, biex tinżamm sigrieta; u
(b)
“detentur tas-sigriet kummerċjali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li legalment tikkontrolla sigriet kummerċjali.
3.
Għall-finijiet ta’ din is-Subtaqsima, Parti għandha tikkunsidra mill-inqas l-imġiba li ġejja li tmur kontra prattiki kummerċjali onesti:
(a)
l-akkwiżizzjoni ta’ sigriet kummerċjali mingħajr il-kunsens tad-detentur tas-sigriet kummerċjali, kull meta jitwettaq permezz ta’ aċċess mhux awtorizzat, approprjazzjoni, jew ikkupjar ta’ kwalunkwe dokument, oġġett, materjal, sustanza jew fajl elettroniku, legalment taħt il-kontroll tad-detentur tas-sigriet kummerċjali, li fih sigrieti kummerċjali jew li minnu jista’ jiġi dedott is-sigriet kummerċjali;
(b)
l-użu jew id-divulgazzjoni ta’ sigriet kummerċjali kull meta jitwettaq mingħajr il-kunsens tad-detentur tas-sigriet kummerċjali minn persuna li:
(i)
akkwistat is-sigriet kummerċjali b’mod illegali;
(ii)
kienet qed tikser ftehim ta’ kunfidenzjalità jew kwalunkwe dmir ieħor li ma tiżvelax is-sigriet kummerċjali; jew
(iii)
kienet qed tikser obbligu kuntrattwali jew kwalunkwe dmir ieħor li jillimita l-użu tas-sigriet kummerċjali; u
(c)
l-akkwist, l-użu jew id-divulgazzjoni ta’ sigriet kummerċjali kull meta jitwettaq minn persuna li, fiż-żmien tal-akkwist, l-użu jew id-divulgazzjoni, kienet taf jew missha kienet taf, fiċ-ċirkostanzi, li s-sigriet kummerċjali kien inkiseb direttament jew indirettament minn persuna oħra li kienet qed tuża jew tiżvela s-sigriet kummerċjali illegalment fis-sens tal-punt (b).
4.
Parti ma għandhiex tkun meħtieġa tqis kwalunkwe waħda mill-imġiba li ġejja bħala kuntrarja għal prattiki kummerċjali onesti skont din is-Subtaqsima:
(a)
skoperta jew kreazzjoni indipendenti minn persuna tal-informazzjoni rilevanti;
(b)
inġinerija inversa ta’ prodott minn persuna li tkun legalment fil-pussess ta’ dak il-prodott u li tkun ħielsa minn kwalunkwe dmir legalment validu li tillimita l-akkwist tal-informazzjoni rilevanti;
(c)
l-akkwiżizzjoni, l-użu jew id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni meħtieġa jew permessa mil-liġi tal-Parti rilevanti; jew
(d)
l-użu mill-impjegati tal-esperjenza tagħhom u tal-ħiliet miksubin b’mod onest matul il-perkors normali tal-impjieg tagħhom.
5.
Xejn f’din is-Subtaqsima ma għandu jinftiehem bħala li jirrestrinġi l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inkluż il-libertà tal-midja kif protetta fil-ġuriżdizzjoni ta’ kull waħda mill-Partijiet.
ARTIKOLU 21.43
Proċeduri u rimedji ġudizzjarji ċivili għal sigrieti kummerċjali
1.
Kull Parti għandha tiżgura li kwalunkwe persuna li tipparteċipa fil-proċedimenti ġudizzjarji ċivili msemmija fl-Artikolu 21.42 jew li jkollha aċċess għal dokumenti li jiffurmaw parti minn dawk il-proċedimenti legali ma tkunx permessa tuża jew tiżvela kwalunkwe sigriet kummerċjali jew allegat sigriet kummerċjali li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkunu, bi tweġiba għal applikazzjoni debitament motivata minn parti interessata, identifikaw bħala kunfidenzjali u li jkunu saru jafu bih bħala riżultat ta’ tali parteċipazzjoni jew aċċess.
2.
Fil-proċedimenti ġudizzjarji ċivili msemmija fl-Artikolu 21.42, kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li, mill-inqas:
(a)
jordnaw miżuri proviżorji, kif stabbiliti fil-liġijiet u r-regolamenti tagħha, biex jipprevjenu l-akkwist, l-użu jew id-divulgazzjoni tas-sigriet kummerċjali b’mod li jmur kontra prattiki kummerċjali onesti;
(b)
jordnaw rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni sabiex jipprevjenu l-akkwiżizzjoni, l-użu jew id-divulgazzjoni ta’ sigriet kummerċjali b’mod li jmur kontra prattiki kummerċjali onesti;
(c)
jordnaw lill-persuna li kienet taf jew li kellha tkun taf li kienet qed takkwista, tuża jew tiżvela sigriet kummerċjali b’mod li jmur kontra prattiki kummerċjali onesti biex tħallas lid-detentur tas-sigriet kummerċjali id-danni xierqa għall-preġudizzju attwali mġarrab bħala riżultat tal-akkwist, l-użu jew id-divulgazzjoni illegali tas-sigriet kummerċjali;
(d)
jieħdu miżuri speċifiċi biex jippreservaw il-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe sigriet kummerċjali jew allegat sigriet kummerċjali ippreżentati fi proċeduri ċivili li jikkonċernaw l-allegat akkwist, użu u divulgazzjoni ta’ sigriet kummerċjali b’mod li jmur kontra l-prattiki kummerċjali onesti; tali miżuri speċifiċi jistgħu jinkludu, f’konformità mal-liġi tal-Parti, ir-restrizzjoni tal-aċċess għal ċerti dokumenti b’mod sħiħ jew parzjali, ir-restrizzjoni tal-aċċess għas-seduti u r-rekords jew it-traskrizzjoni korrispondenti u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li fiha s-siltiet li jkun fihom sigrieti kummerċjali ikunu tneħħew jew ġew redatti; u
(e)
jimponu sanzjonijiet fuq partijiet, jew persuni oħra soġġetti għall-ġuriżdizzjoni tal-qorti, għall-ksur ta’ ordnijiet ġudizzjarji li jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ sigriet kummerċjali jew allegat sigriet kummerċjali prodotti f’dawk il-proċedimenti.
3.
Parti ma għandhiex tkun meħtieġa tipprevedi l-proċeduri u r-rimedji ġudizzjarji msemmija fl-Artikolu 21.42 jekk l-imġiba li tmur kontra prattiki kummerċjali onesti titwettaq, f’konformità mal-liġi ta’ dik il-Parti, sabiex jiġu żvelati mġiba ħażina, għemil ħażin jew attività illegali jew għall-iskop tal-protezzjoni ta’ interess leġittimu rikonoxxut mil-liġi.
TAQSIMA Ċ
INFURZAR TAD-DRITTIJIET TA’ PROPRJETÀ INTELLETTWALI
SUBTAQSIMA 1
INFURZAR ĊIVILI U AMMINISTRATTIV
ARTIKOLU 21.44
Obbligi ġenerali
1.
Kull Parti tafferma mill-ġdid l-impenji tagħha skont il-Ftehim TRIPS u b’mod partikolari skont il-Parti III tiegħu, u għandha tiżgura l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali f’konformità mal-liġi tagħha u fis-sistema u l-prattika legali tagħha stess.
2.
Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, “drittijiet ta’ proprjetà intellettwali” tfisser, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif definiti fl-Artikolu 21.3(1) bl-eċċezzjoni tad-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 21.42 u 21.43.
3.
Il-proċeduri adottati, miżmuma jew applikati għall-implimentazzjoni ta’ din it-Taqsima għandhom ikunu effettivi, ġusti u ekwi u ma għandhomx ikunu kkumplikati jew għaljin bla bżonn, jew jinvolvu limiti ta’ żmien mhux raġonevoli jew dewmien mhux ġustifikat, u għandhom jaġixxu bħala deterrent għal ksur ulterjuri. Kull Parti għandha tqis il-ħtieġa għall-proporzjonalità fost il-ksur, id-drittijiet tal-partijiet kollha involuti, l-interessi ta’ partijiet terzi, u l-miżuri, ir-rimedji u l-penali applikabbli.
4.
Il-Partijiet għandhom japplikaw il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3 dwar l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali b’tali mod li jevitaw il-ħolqien ta’ ostakli għall-kummerċ leġittimu u li jipprovdu għal salvagwardji kontra l-abbuż tagħhom.
5.
L-Artikoli 21.44 sa 21.58 ma joħolqu l-ebda obbligu għal Parti li tistabbilixxi sistema ġudizzjarja għall-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali distinta minn dik għall-infurzar tal-liġi b’mod ġenerali f’konformità mal-liġi ta’ dik il-Parti, u lanqas ma taffettwa l-kapaċità tal-Partijiet li jinfurzaw il-liġi tagħhom b’mod ġenerali.
ARTIKOLU 21.45
Persuni intitolati li japplikaw għall-proċeduri
Kull Parti għandha tirrikonoxxi mill-inqas il-persuni li ġejjin bħala intitolati li jfittxu l-applikazzjoni tal-proċeduri li jikkonċernaw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali msemmija f’din it-Taqsima u fil-Parti III tal-Ftehim TRIPS, f’konformità mal-liġi fejn isseħħ il-proċedura:
(a)
id-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;
(b)
detenturi ta’ liċenzja esklużivi sakemm ikunu awtorizzati mid-detenturi tad-drittijiet; u
(c)
korpi ta' ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li huma legalment u espressament rikonoxxuti bħala li għandhom id-dritt li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
ARTIKOLU 21.46
Evidenza
1.
Kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkollhom l-awtorità li jordnaw, fuq applikazzjoni minn parti li tkun ippreżentat evidenza raġonevolment disponibbli sabiex issostni l-affermazzjonijiet tal-Parti li d-dritt ta’ proprjetà intellettwali ta’ dik il-parti jkun inkiser jew ikun se jinkiser, miżuri proviżorji fil-pront u effettivi sabiex tiġi ppreservata l-evidenza rilevanti fir-rigward tal-ksur allegat, soġġett għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali.
2.
Il-miżuri proviżorji msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu d-deskrizzjoni dettaljata, bit-teħid ta’ kampjuni jew mingħajru, jew is-sekwestru fiżiku, tal-merkanzija allegatament falza, u f’każijiet xierqa d-dokumenti relatati magħha.
3.
Kull Parti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex, f’każijiet ta’ ffalsifikar ta’ trademarks jew piraterija tad-drittijiet tal-awtur fuq skala kummerċjali, tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jordnaw, jekk ikun xieraq, fuq applikazzjoni minn parti, u jekk ikun meħtieġ biex jiddeterminaw l-eżistenza u l-firxa ta’ ksur, il-komunikazzjoni ta’ dokumenti bankarji, finanzjarji jew kummerċjali rilevanti taħt il-kontroll tal-parti opposta, soġġett għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali.
4.
Kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet ġudizzjarji jkollhom il-kompetenza li jissoġġettaw il-miżuri sabiex jippreservaw l-evidenza għall-preżentazzjoni mill-applikant ta’ sigurtà adegwata jew assigurazzjoni ekwivalenti maħsuba biex tiżgura kumpens għal kwalunkwe preġudizzju mġarrab mill-konvenut.
5.
Jekk il-miżuri biex tiġi ppreservata l-evidenza jiġu revokati, jekk jiskadu minħabba kwalunkwe att jew ommissjoni mill-applikant, jew jekk sussegwentement jinstab li ma kien hemm l-ebda ksur jew theddida ta’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom l-awtorità li jordnaw lill-applikant, fuq talba tal-konvenut, biex jipprovdi lill-konvenut kumpens xieraq għal kwalunkwe dannu kkawżat minn dawk il-miżuri.
ARTIKOLU 21.47
Dritt għall-informazzjoni
1.
Kull Parti għandha tiżgura li, f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u bi tweġiba għal talba ġustifikata u proporzjonata tar-rikorrent, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jordnaw lill-kontraventur jew lil kwalunkwe persuna oħra sabiex tipprovdi informazzjoni rilevanti dwar l-oriġini u n-networks ta’ distribuzzjoni tal-merkanzija falza jew tas-servizzi kontraventorji.
2.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu:
(a)
“kwalunkwe persuna oħra” tfisser persuna li kienet:
(i)
instabet li kienet fil-pussess ta’ merkanzija falza fuq skala kummerċjali;
(ii)
instabet li kienet qiegħda tuża s-servizzi kontraventorji fuq skala kummerċjali;
(iii)
instabet li kienet qiegħda tipprovdi fuq skala kummerċjali, servizzi użati f’attivitajiet kontraventorji; jew
(iv)
indikata mill-persuna msemmija fil-punti (i) sa (iii) bħala involuta fil-produzzjoni, il-manifattura jew id-distribuzzjoni tal-merkanzija jew il-forniment tas-servizzi.
(b)
“informazzjoni rilevanti” tista’ tinkludi informazzjoni dwar kwalunkwe persuna involuta fuq skala kummerċjali fil-ksur jew fl-allegat ksur u rigward il-mezzi ta’ produzzjoni u n-networks ta’ distribuzzjoni tal-merkanzija jew tas-servizzi.
3.
Dan l-Artikolu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħra li:
(a)
jagħtu lid-detentur tad-dritt id-drittijiet li jirċievi informazzjoni aktar sħiħa;
(b)
jirregolaw l-użu fil-proċedimenti ċivili tal-informazzjoni kkomunikata skont dan l-Artikolu;
(c)
jirregolaw ir-responsabbiltà għall-użu ħażin tad-dritt għall-informazzjoni;
(d)
jagħtu opportunità għar-rifjut tal-provvista ta’ informazzjoni li ġġiegħel lill-persuna msemmija fil-paragrafu 1 tammetti l-involviment tagħha stess jew dak tal-qraba viċini tagħha; jew
(e)
jirregolaw il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ informazzjoni jew l-ipproċessar ta’ data personali.
ARTIKOLU 21.48
Miżuri proviżorji u prekawzjonarji
1.
Kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li jordnaw miżuri proviżorji u prekawzjonarji fil-pront u effettivi, inkluż inġunzjoni interlokutorja, kontra parti jew, jekk xieraq, kontra parti terza li fuqha l-awtorità ġudizzjarja rilevanti teżerċita ġuriżdizzjoni, sabiex jiġi evitat li jseħħ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali u, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li merkanzija falza tidħol fil-kanali tal-kummerċ.
2.
Inġunzjoni interlokutorja tista’ tinħareġ ukoll biex jiġi ordnat is-sekwestru jew il-kunsinna ta’ merkanzija suspetta li qed jiksru dritt ta’ proprjetà intelletwali, biex tipprevjeni d-dħul jew il-movimenti tagħhom fil-kanali kummerċjali.
3.
Kull Parti għandha tiżgura li, fil-każ ta’ ksur allegat imwettaq fuq skala kummerċjali, jekk l-applikant juri ċirkostanzi li x’aktarx jipperikolaw l-irkupru tad-danni, l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu jordnaw il-qbid prekawzjonarju tal-proprjetà mobbli u immobbli tal-allegat kontraventur, inkluż l-imblukkar tal-kontijiet bankarji u assi oħra tal-allegat kontraventur. Għal dak l-għan, kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jordnaw il-komunikazzjoni ta’ dokumenti bankarji, finanzjarji jew kummerċjali, jew aċċess xieraq għall-informazzjoni rilevanti.
4.
L-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom l-awtorità li jitolbu lill-applikant biex jipprovdi kull xhieda raġjonevoli disponibbli bil-ħsieb li tissodisfahom b’ċertezza biżżejjed li l-applikant huwa d-detentur tad-drittijiet u li d-dritt tal-applikant qed jinkiser jew li ksur bħal dan huwa imminenti, u sabiex jordnaw lill-applikant sabiex jipprovdi sigurtà jew assigurazzjoni ekwivalenti biżżejjed sabiex jipproteġi l-konvenut u sabiex jipprevjeni l-abbuż.
ARTIKOLU 21.49
Rimedji
1.
Kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkunu jistgħu jordnaw, fuq it-talba tal-applikant u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dannu dovut lid-detentur tad-dritt minħabba l-ksur, u mingħajr kumpens ta’ kwalunkwe tip, il-qerda, jew tal-anqas it-tneħħija definittiva mill-kanali tal-kummerċ, ta’ merkanzija li jkunu sabu li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali. Tali merkanzija tista’ tintuża għall-interess pubbliku. L-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom ukoll l-awtorità li jordnaw li l-materjali u l-għodod użati b’mod predominanti fil-ħolqien tal-merkanzija falza, mingħajr kumpens ta’ kwalunkwe tip, jintremew barra mill-kanali tal-kummerċ b’tali mod li jimminimizzaw ir-riskji ta’ aktar ksur. Meta jikkunsidraw tali talbiet, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom iqisu l-ħtieġa għall-proporzjonalità bejn is-serjetà tal-ksur u r-rimedji ordnati kif ukoll l-interessi ta’ partijiet terzi.
2.
L-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta’ kull Parti għandu jkollhom l-awtorità li jordnaw li dawk il-miżuri jitwettqu għad-detriment tal-kontraventur, sakemm ma jiġux invokati raġunijiet partikolari biex dan ma jsirx.
ARTIKOLU 21.50
Inġunzjonijiet
Kull Parti għandha tiżgura li, jekk deċiżjoni ġudizzjarja ssib ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkunu jistgħu joħorġu inġunzjoni kontra l-kontraventur jew, jekk xieraq, kontra parti terza li fuqha l-awtorità ġudizzjarja rilevanti teżerċita ġuriżdizzjoni, mandat ta’ inibizzjoni bl-għan li jipprojbixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur.
ARTIKOLU 21.51
Miżuri alternattivi
Kull Parti tista’ tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji, f’każijiet xierqa u fuq talba tal-persuna li tista’ tkun soġġetta għall-miżuri previsti fl-Artikolu 21.49 jew 21.50, ikunu jistgħu jordnaw kumpens fi flus li għandu jitħallas lill-parti li tkun sofriet ħsara minflok ma japplikaw il-miżuri previsti fl-Artikolu 21.49 jew 21.50, jekk jinstab li tal-ewwel aġixxiet b’mod mhux intenzjonat u mingħajr negliġenza, jew jekk l-eżekuzzjoni tal-miżuri inkwistjoni tikkawżalhom dannu sproporzjonat jew jekk il-kumpens fi flus lill-parti li tkun ġarrbet id-dannu jidher raġonevolment sodisfaċenti.
ARTIKOLU 21.52
Danni
1.
Kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet ġudizzjarji jkollhom l-awtorità, fuq talba tal-parti li tkun ġarrbet id-dannu, li jordnaw lill-kontraventur li konxjament, jew b’raġunijiet raġonevoli li jaf, kien involut f’attività li tikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, biex jagħti kumpens xieraq lid-detentur tad-drittijiet għad-danni u għall-preġudizzju attwali mġarrab bħala riżultat tal-ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali. Fl-istabbiliment tad-danni, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti:
(a)
għandhom iqisu l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, inklużi l-profitti mitlufa, li l-parti li tkun ġarrbet id-dannu tkun ġarrbet, kwalunkwe profitt inġust magħmul mill-kontraventur u, jekk applikabbli, elementi għajr fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali kkawżat lid-detentur tad-dritt mill-ksur; jew
(b)
bħala alternattiva għall-punt (a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jiddeterminaw id-danni bħala somma f’daqqa fuq il-bażi ta’ elementi bħal tal-anqas l-ammont ta’ royalties jew ta’ tariffi li kien ikollhom jitħallsu li kieku l-kontraventur talab l-awtorizzazzjoni biex juża d-dritt ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni.
ARTIKOLU 21.53
Spejjeż legali
Kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha, jekk xieraq, ikollhom l-awtorità li jordnaw, fi tmiem il-proċedimenti ġudizzjarji ċivili li jikkonċernaw l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, li l-parti prevalenti tingħata pagament mill-parti telliefa tal-ispejjeż legali u spejjeż oħra, kif previst skont il-liġi ta’ dik il-Parti.
ARTIKOLU 21.54
Pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji
Kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkunu jistgħu jordnaw il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’każijiet ta’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, sakemm dan ma jkunx proporzjonat għas-serjetà tal-ksur.
ARTIKOLU 21.55
Preżunzjoni li wieħed huwa awtur jew sid
Kull Parti għandha, mill-inqas f’miżuri proviżorji mitluba fi proċedimenti ċivili li jinvolvu d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, tipprevedi preżunzjoni li, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, il-persuna jew l-entità li isimha jkun indikat bħala l-awtur jew id-detentur tad-dritt relatat tax-xogħol jew tas-suġġett bil-mod tas-soltu tkun id-detentur tad-dritt deżinjat f’tali xogħol jew suġġett.
ARTIKOLU 21.56
Sensibilizzazzjoni tal-pubbliku
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex itejbu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali inklużi proġetti edukattivi u ta’ disseminazzjoni dwar l-użu tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll dwar l-infurzar tagħhom.
SUBTAQSIMA 2
INFURZAR FIL-FRUNTIERI
ARTIKOLU 21.57
Konsistenza mal-GATT u mal-Ftehim TRIPS
Fl-implimentazzjoni ta’ miżuri fil-fruntieri għall-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mill-awtoritajiet doganali, kemm jekk koperti minn dan il-Kapitolu kif ukoll jekk le, kull Parti għandha tiżgura l-konsistenza mal-obbligi tagħha skont il-GATT u l-Ftehim TRIPS u, b’mod partikolari, mal-Artikolu V tal-GATT u l-Artikolu 41, it-Taqsima 4 tal-Parti III tal-Ftehim TRIPS.
ARTIKOLU 21.58
Miżuri tal-fruntieri
1.
Fir-rigward ta’ merkanzija taħt kontroll doganali, kull Parti għandha tadotta jew iżżomm proċeduri li skonthom detentur tad-dritt jista’ jissottometti applikazzjonijiet li jitolbu lill-awtoritajiet doganali jissospendu r-rilaxx jew iżommu merkanzija suspetta bi, mill-inqas, iffalsifikar ta’ trademarks, drittijiet tal-awtur u piraterija tad-drittijiet relatati fuq skala kummerċjali jew ksur ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi (minn hawn ’il quddiem imsejħa “merkanzija suspetta”).
2.
Il-Partijiet ma għandhomx ikunu obbligati japplikaw il-proċeduri f’din is-Subtaqsima għal merkanzija fi tranżitu.
3.
Kull Parti għandha tinkoraġġixxi l-użu ta’ sistemi elettroniċi għall-immaniġġjar mill-awtoritajiet doganali tal-applikazzjonijiet mogħtija jew irreġistrati.
4.
Kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet doganali jinfurmaw lill-applikant f’perjodu ta’ żmien raġonevoli jekk ikunux taw jew irreġistraw l-applikazzjoni.
5.
Kull Parti għandha tipprevedi li tali applikazzjoni jew reġistrazzjoni tapplika għal vjeġġi multipli meta dan ikun permess f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Parti.
6.
Kull Parti tista’ tipprevedi li l-awtoritajiet doganali tagħha jkollhom l-awtorità, fir-rigward ta’ mekanzija taħt kontroll doganali, li jissospendu r-rilaxx ta’ jew iżommu merkanzija suspetta fuq inizjattiva tagħhom stess.
7.
Kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jużaw analiżi tar-riskju biex jidentifikaw merkanzija suspetta.
8.
Kull Parti jista’ jkollha fis-seħħ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, f’konformità mal-liġi tal-Parti, li jippermettu l-qerda ta’ merkanzija suspetta, jekk il-persuni kkonċernati jaċċettaw jew ma jopponux il-qerda tagħhom. Jekk tali merkanzija ma tinqeridx, kull Parti għandha tiżgura li din tintrema barra l-kanali kummerċjali b’tali mod li tiġi evitata kwalunkwe ħsara lid-detentur tad-dritt.
9.
Il-Partijiet ma għandhomx ikunu obbligati japplikaw dan l-Artikolu għall-importazzjonijiet ta’ merkanzija mqiegħda fis-suq f’pajjiż ieħor mid-detenturi tad-drittijiet jew bil-kunsens tagħhom. Parti tista’ teskludi mill-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu merkanzija ta’ natura mhux kummerċjali li tinsab fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi.
10.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet doganali ta’ kull Parti jżommu djalogu regolari u jippromwovu l-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u ma’ awtoritajiet oħra involuti fl-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali msemmija fil-paragrafu 1.
11.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali ta’ merkanzija suspetta u, b’mod partikolari, biex jikkondividu informazzjoni dwar tali kummerċ.
12.
Mingħajr preġudizzju għal forom oħra ta’ kooperazzjoni, l-Anness 12-A japplika għall-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li l-infurzar tagħhom jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet doganali f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
TAQSIMA D
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
ARTIKOLU 21.59
Sottokumitat għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali
1.
Is-Sottokumitat għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, stabbilit skont l-Artikolu 9.9(4), għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin, flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikoli 2.4, 9.9 u 21.39:
(a)
l-iskambju ta’ informazzjoni:
(i)
dwar il-qafas legali li jikkonċerna d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-regoli rilevanti tal-protezzjoni u l-infurzar; u
(ii)
relatati mad-dominju pubbliku fit-territorji tal-Partijiet; u
(b)
l-iskambju ta’ esperjenzi dwar:
(i)
il-progress leġiżlattiv;
(ii)
l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali; u
(iii)
l-infurzar fil-livell ċentrali u subċentrali mid-dwana, il-pulizija, il-korpi amministrattivi u ġudizzjarji.
ARTIKOLU 21.60
Kooperazzjoni
1.
Bl-għan li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, il-Partijiet għandhom jikkooperaw:
(a)
fi ħdan is-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali;
(b)
f’fora internazzjonali;
(c)
permezz ta’ diversi aġenziji; jew
(d)
kif altrimenti jitqies xieraq.
2.
L-oqsma ta’ kooperazzjoni jinkludu l-attivitajiet li ġejjin:
(a)
il-koordinazzjoni sabiex tiġi evitata l-esportazzjoni ta’ merkanzija kontrafatta, inkluż ma’ pajjiżi oħra;
(b)
l-assistenza teknika, il-bini tal-kapaċità, l-iskambju u t-taħriġ tal-persunal;
(c)
il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u t-tixrid tal-informazzjoni f’dan ir-rigward, fost l-oħrajn, fiċ-ċrieki tan-negozju u s-soċjetà ċivili;
(d)
l-għarfien pubbliku tal-konsumaturi u tad-detenturi tad-drittijiet u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni istituzzjonali, b’mod partikolari bejn l-uffiċċji tal-proprjetà intellettwali;
(e)
il-promozzjoni attiva tal-għarfien u l-edukazzjoni tal-pubbliku ġenerali dwar politiki li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;
(f)
l-involviment mal-SMEs, inkluż f’avvenimenti jew laqgħat iffukati fuq l-SMEs, fir-rigward tal-użu, il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;
(g)
l-applikazzjoni tas-CBD u l-istrumenti relatati u l-oqfsa domestiċi dwar l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien, l-innovazzjonijiet u l-prattiki tradizzjonali assoċjati; u
(h)
il-faċilitazzjoni ta’ inizjattivi volontarji tal-partijiet ikkonċernati biex jitnaqqas il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż fuq l-internet u fi swieq oħra.
KAPITOLU 22
INTRAPRIŻI ŻGĦAR U TA' DAQS MEDJU
ARTIKOLU 22.1
Prinċipji ġenerali
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-SMEs jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-kummerċ, it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-innovazzjoni. Il-Partijiet jaffermaw l-intenzjoni tagħhom li jappoġġaw it-tkabbir u l-iżvilupp tal-SMEs billi jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fl-opportunitajiet maħluqa minn dan il-Ftehim u jibbenefikaw minnhom.
2.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jitnaqqsu l-ostakli mhux tariffarji li jpoġġu piż sproporzjonat fuq l-SMEs. Huma jirrikonoxxu wkoll li, minbarra d-dispożizzjonijiet f’dan il-Kapitolu, hemm dispożizzjonijiet oħra f’dan il-Ftehim li jfittxu li jtejbu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza għall-SMEs jew li b’xi mod ieħor jistgħu jkunu ta’ benefiċċju partikolari għall-SMEs.
ARTIKOLU 22.2
Kondiviżjoni ta’ informazzjoni
1.
Kull Parti għandha tistabbilixxi jew iżżomm is-sit web pubblikament aċċessibbli tagħha li jkun fih informazzjoni rigward din il-Parti tal-Ftehim, inklużi:
(a)
it-test ta’ din il-Parti tal-Ftehim, inklużi l-Annessi kollha, l-iskedi tariffarji u r-regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott;
(b)
L-objettivi ta’ din il-Parti tal-Ftehim huma: u
(c)
informazzjoni mfassla għall-SMEs li jkun fiha:
(i)
deskrizzjoni tad-dispożizzjonijiet f’din il-Parti tal-Ftehim li tali Parti tqis li huma rilevanti għall-SMEs; u
(ii)
kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tali Parti tqis utli għall-SMEs interessati li jibbenefikaw mill-opportunitajiet ipprovduti minn din il-Parti tal-Ftehim.
2.
Kull Parti għandha tinkludi links fuq is-sit web imsemmi fil-paragrafu 1 għal:
(a)
is-sit web ekwivalenti tal-Parti l-oħra;
(b)
is-siti web tal-awtoritajiet governattivi tagħha stess u entitajiet xierqa oħra li l-Parti tqis li jipprovdu informazzjoni utli lil persuni interessati li jinnegozjaw, jinvestu jew jagħmlu negozju b’xi mod ieħor fit-territorju ta’ dik il-Parti, inkluża informazzjoni disponibbli relatata ma’ dan li ġej:
(i)
ir-rati tad-dazji u l-kwoti doganali preferenzjali u tan-nazzjon l-aktar favorit, ir-regoli tal-oriġini u t-tariffi doganali jew tariffi oħra imposti fil-fruntiera;
(ii)
ir-regolamenti u l-proċeduri doganali għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu kif ukoll formoli u dokumenti oħra meħtieġa għalihom;
(iii)
ir-regolamenti u l-proċeduri dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;
(iv)
ir-regolamenti tekniċi inklużi, fejn meħtieġ, proċeduri obbligatorji ta’ valutazzjoni tal-konformità;
(v)
links għal-listi ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, kif previst fil-Kapitolu 13;
(vi)
il-miżuri sanitarji u fitosanitarji relatati mal-importazzjoni u l-esportazzjoni kif previst fil-Kapitolu 14;
(vii)
l-akkwist pubbliku, ir-regoli ta’ trasparenza u l-pubblikazzjoni ta’ avviżi ta’ akkwist kif ukoll dispożizzjonijiet rilevanti oħra li jinsabu fil-Kapitolu 20;
(viii)
il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni tan-negozju; u
(ix)
informazzjoni oħra li l-koordinaturi tal-SMEs jaqblu li tista’ tkun ta’ għajnuna għall-SMEs.
(c)
bażi tad-data li fiha jista’ jiġi mfittex elettronikament permezz tal-kodiċi tan-nomenklatura tariffarja u li tinkludi l-informazzjoni msemmija fil-punt (b)(i) kif ukoll l-informazzjoni li ġejja:
(i)
id-dazji tas-sisa;
(ii)
it-taxxi (it-taxxa fuq il-valur miżjud jew it-taxxa fuq il-bejgħ);
(iii)
miżuri tariffarji oħrajn;
(iv)
differiment jew tipi oħra ta’ eżenzjoni li jirriżultaw fit-tnaqqis, fir-rifużjoni jew fir-rinunzja tad-dazji doganali;
(v)
il-kriterji użati sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali tal-merkanzija;
(vi)
jekk applikabbli, ir-rekwiżiti tal-markatura tal-pajjiż ta’ oriġini, inklużi t-tqegħid u l-metodu tal-markatura;
(vii)
l-informazzjoni meħtieġa għall-proċeduri tal-importazzjoni; u
(viii)
informazzjoni relatata ma’ miżuri mhux tariffarji.
3.
Kull Stat Firmatarju tal-MERCOSUR għandu jagħmel l-almu tiegħu biex jiżgura li mhux aktar tard minn 3 (tliet) snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, is-siti web u l-bażi tad-data msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jiġu stabbiliti, u li jkun fihom kemm jista’ jkun informazzjoni fir-rigward tal-aċċess għas-swieq tiegħu.
4.
Kull Parti għandha taġġorna regolarment, jew jekk tintalab mill-Parti l-oħra, l-informazzjoni u l-links imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.
5.
Kull Parti għandha tiżgura li l-informazzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu tiġi ppreżentata b’mod li tkun faċli biex tintuża għall-SMEs. Jekk ikun possibbli, kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tagħmel l-informazzjoni disponibbli bl-Ingliż.
6.
Parti ma għandha tapplika l-ebda tariffa għall-aċċess għall-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafi 1 u 2 għal kwalunkwe persuna ta’ Parti.
ARTIKOLU 22.3
Koordinaturi tal-SMEs
1.
Kull Parti għandha tikkomunika permezz tal-koordinaturi tal-SMEs lill-Parti l-oħra l-koordinatur tagħha tal-SMEs responsabbli għat-twettiq tal-funzjonijiet elenkati f’dan l-Artikolu kif ukoll kwalunkwe bidla fid-dettalji ta’ kuntatt tal-koordinatur tal-SMEs tagħha. Il-koordinaturi tal-SMEs għandhom:
(a)
jiżviluppaw pjan ta’ ħidma biex iwettqu l-kompiti msemmija f’dan l-Artikolu;
(b)
iwettqu l-ħidma tagħhom permezz tal-kanali ta’ komunikazzjoni miftiehma mill-koordinaturi tal-SMEs, li jistgħu jinkludu posta elettronika, laqgħa fiżika, laqgħa jew komunikazzjoni permezz ta’ konferenza telefonika jew permezz ta’ vidjokonferenza jew komunikazzjoni b’mezzi oħra; u
(c)
jirrapportaw perjodikament dwar l-attivitajiet tagħhom lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għall-kunsiderazzjoni tiegħu.
2.
Il-kompiti tal-koordinaturi tal-SMEs għandhom ikunu li:
(a)
jiżguraw li l-ħtiġijiet tal-SMEs jitqiesu fl-implimentazzjoni ta’ din il-Parti tal-Ftehim;
(b)
jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-Artikolu 22.2 bil-ħsieb li jiżguraw li jibqa’ aġġornat u rilevanti għall-SMEs;
(c)
jirrakkomandaw informazzjoni addizzjonali li tista’ tiġi inkluża fis-siti web tal-Partijiet imsemmija fl-Artikolu 22.2;
(d)
jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni sabiex l-SMEs tal-Unjoni Ewropea u tal-MERCOSUR jieħdu vantaġġ minn opportunitajiet ġodda skont din il-Parti tal-Ftehim biex iżidu l-kummerċ u l-investiment;
(e)
jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni oħra ta’ rilevanza għall-SMEs b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ din il-Parti tal-Ftehim;
(f)
jipparteċipaw, jekk ikun xieraq, fil-ħidma tas-sottokumitati stabbiliti skont l-Artikolu 9.9, meta dawk is-sottokumitati jikkunsidraw kwistjonijiet ta’ rilevanza għall-SMEs;
(g)
jiskambjaw informazzjoni biex jassistu lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ fil-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta’ din il-Parti tal-Ftehim fir-rigward tal-SMEs; u
(h)
jikkunsidraw kwalunkwe kwistjoni oħra li tinqala’ taħt din il-Parti tal-Ftehim li għandha x’taqsam mal-SMEs.
3.
Il-koordinaturi tal-SMEs jistgħu jikkooperaw ma’ esperti u organizzazzjonijiet esterni, kif xieraq, fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom.
ARTIKOLU 22.4
Nuqqas ta’ applikazzjoni tas-soluzzjoni ta’ tilwim
L-ebda Parti ma għandu jkollha rikors għas-soluzzjoni ta’ tilwim skont il-Kapitolu 29 għal kwalunkwe kwistjoni li tinqala’ skont dan il-Kapitolu.
KAPITOLU 23
KOMPETIZZJONI
ARTIKOLU 23.1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
“prattiki antikompetittivi” tfisser kwalunkwe mġiba jew att definit skont id-dritt tal-kompetizzjoni ta’ Parti li huma soġġett għall-impożizzjoni ta’ penali;
(b)
“awtorità tal-kompetizzjoni” tfisser:
(i)
għall-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea; u
(ii)
għall-MERCOSUR, l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull wieħed mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR;
(c)
“dritt tal-kompetizzjoni” tfisser:
(i)
għall-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 101, 102 u 106 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw dawk l-Artikoli u dak ir-Regolament; u
(ii)
għall-MERCOSUR, id-dritt tal-kompetizzjoni ta’ kull wieħed mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni rispettivi;
(d)
“konċentrazzjonijiet bejn impriżi” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni jew att kif definit skont id-dritt tal-kompetizzjoni ta’ Parti; u
(e)
“attivitajiet ta’ infurzar” tfisser kwalunkwe applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni permezz ta’ investigazzjoni jew proċediment immexxija mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Parti.
ARTIKOLU 23.2
Prinċipji
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ kompetizzjoni ħielsa u mhux distorta fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom. Il-Partijiet jirrikonoxxu li prattiki antikompetittivi u konċentrazzjonijiet bejn impriżi li jimpedixxu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva għandhom il-potenzjal li jaffettwaw il-funzjonament xieraq tas-swieq u l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ.
2.
Dawn li ġejjin huma inkompatibbli ma’ din il-Parti tal-Ftehim, sa fejn jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Partijiet:
(a)
ftehimiet bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u prattiki miftiehma bejn impriżi li għandhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kif definit skont id-dritt tal-kompetizzjoni rispettiva ta’ kull Parti;
(b)
kwalunkwe abbuż minn impriża waħda jew aktar ta’ pożizzjoni dominanti kif definit skont id-dritt tal-kompetizzjoni rispettiv ta’ kull Parti; u
(c)
konċentrazzjonijiet bejn impriżi, li jimpedixxu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva, kif definit skont id-dritt tal-kompetizzjoni rispettiv ta’ kull Parti.
3.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li japplikaw id-dritt tal-kompetizzjoni b’mod trasparenti, f’waqtu u mhux diskriminatorju, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji tal-ġustizzja proċedurali lejn il-partijiet interessati kollha inkluż id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet investigati.
ARTIKOLU 23.3
Implimentazzjoni
1.
Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm fis-seħħ dritt tal-kompetizzjoni komprensiv li tindirizza b’mod effettiv il-prattiki antikompetittivi u l-konċentrazzjonijiet bejn impriżi msemmija fl-Artikolu 23.2(2) u tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 23.2(3). Kull Parti għandha tistabbilixxi jew iżżomm awtoritajiet tal-kompetizzjoni maħtura u mgħammra kif xieraq għall-implimentazzjoni trasparenti u effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tagħhom.
2.
L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti għandhom jaħtru punt fokali u jinfurmaw lil xulxin b’dan. Il-punti fokali jistgħu jikkomunikaw u jiskambjaw informazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 23.5, 23.6 u 23.7.
ARTIKOLU 23.4
Intrapriżi tal-Istat u intrapriżi mogħtija privileġġi esklużivi jew speċjali
1.
Xejn f’dan il-Kapitolu ma jipprevjeni lil Parti milli tinnomina jew iżżomm intrapriżi tal-Istat, intrapriżi mogħtija privileġġi jew monopolji esklużivi jew speċjali skont il-liġi rispettiva tagħhom.
2.
L-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu soġġetti għad-dritt tal-kompetizzjoni dment li l-applikazzjoni ta’ tali dritt ma tostakolax it-twettiq, fid-dritt jew fil-fatt, tal-kompiti partikolari ta’ interess pubbliku assenjati lilhom minn Parti.
ARTIKOLU 23.5
Skambju ta’ informazzjoni mhux kunfidenzjali u kooperazzjoni fl-infurzar
1.
Bl-għan li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni ta’ kull Parti, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jistgħu jiskambjaw informazzjoni mhux kunfidenzjali.
2.
L-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Parti waħda tista’ titlob lill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra biex tipprovdi kooperazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta’ infurzar. Kooperazzjoni bħal din ma għandhiex timpedixxi lill-Partijiet milli jieħdu deċiżjonijiet awtonomi.
3.
Parti ma għandhiex tkun meħtieġa tikkomunika informazzjoni lill-Parti l-oħra skont dan l-Artikolu. Minkejja s-sentenza preċedenti, jekk Parti tipprovdi informazzjoni lill-Parti l-oħra skont dan l-Artikolu, hija tista’ tirrikjedi li tali informazzjoni tintuża soġġett għat-termini u l-kundizzjonijiet li tispeċifika.
ARTIKOLU 23.6
Konsultazzjonijiet
1.
Awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Parti tista’ titlob konsultazzjonijiet ma’ awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra jekk tqis li l-interessi tagħha qed jiġu affettwati b’mod sostanzjali u negattiv minn:
(a)
prattiki antikompetittivi li huma jew kienu involuti f’impriża waħda jew aktar li jinsabu fit-territorju tal-Parti l-oħra;
(b)
konċentrazzjonijiet bejn impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 23.2(2); jew
(c)
l-attivitajiet ta’ infurzar tal-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Parti l-oħra.
2.
Id-dħul fil-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Parti skont id-dritt tal-kompetizzjoni tagħha jew għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha.
3.
Awtorità tal-kompetizzjoni kkonsultata skont il-paragrafu 1 tista’ tieħu kwalunkwe miżura korrettiva li tqis xierqa, konsistenti mal-liġijiet u r-regolamenti tagħha, u mingħajr preġudizzju għad-diskrezzjoni tagħha li tinforza d-dritt tal-kompetizzjoni.
ARTIKOLU 23.7
Nuqqas ta’ applikazzjoni tas-soluzzjoni ta’ tilwim
L-ebda Parti ma għandu jkollha rikors għas-soluzzjoni ta’ tilwim skont il-Kapitolu 29 għal kwalunkwe kwistjoni li tinqala’ skont dan il-Kapitolu.
KAPITOLU 24
SUSSIDJI
ARTIKOLU 24.1
Prinċipji
Kull Parti tista’ tagħti sussidji jekk dawn ikunu meħtieġa għall-ilħuq ta’ objettiv ta’ politika pubblika. Madankollu, il-Partijiet jirrikonoxxu li ċerti sussidji għandhom il-potenzjal li jfixklu l-funzjonament xieraq tas-swieq u jimminaw il-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ.
ARTIKOLU 24.2
Kooperazzjoni
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li jikkooperaw, kemm fil-livell multilaterali kif ukoll f’dak reġjonali, sabiex:
(a)
ifittxu modi effettivi biex jikkoordinaw il-pożizzjonijiet u l-proposti tagħhom rigward is-sussidji fil-qafas tad-WTO;
(b)
jesploraw modi biex itejbu t-trasparenza fir-rigward tas-sussidji; u
(c)
jiskambjaw informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistemi tagħhom ta’ kontroll tas-sussidji.
2.
Il-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ jista’ jikkunsidra modi biex ikompli jtejjeb il-fehim tal-Partijiet dwar l-impatt tas-sussidjar fuq il-kummerċ.
3.
Il-Partijiet għandhom jirrevedu l-funzjonament tal-kooperazzjoni tagħhom mhux aktar tard minn 3 (tliet) snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u f’intervalli regolari minn hemm ’il quddiem. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar modi kif itejbu l-kooperazzjoni tagħhom, fid-dawl tal-esperjenza miksuba u ta’ kwalunkwe inizjattiva dwar ir-regoli dwar is-sussidji żviluppati fil-kuntest tad-WTO.
4.
Id-dettalji ta’ tali kooperazzjoni jistgħu jiġu stabbiliti fi ftehim amministrattiv.
KAPITOLU 25
INTRAPRIŻI TAL-ISTAT,
INTRAPRIŻI MOGĦTIJA PRIVILEĠĠI ESKLUŻIVI JEW SPEĊJALI
ARTIKOLU 25.1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
“attivitajiet kummerċjali” tfisser attivitajiet imwettqa minn intrapriża bl-għan li tagħmel profitt, li r-riżultat aħħari tagħhom ikun il-produzzjoni ta’ merkanzija jew il-provvista ta’ servizz li se jinbiegħ fis-suq rilevanti fi kwantitajiet u bi prezzijiet determinati mill-intrapriża;
(b)
“kunsiderazzjonijiet kummerċjali” tfisser il-prezz, il-kwalità, id-disponibbiltà, il-kummerċjabbiltà, it-trasport u termini u kundizzjonijiet oħrajn tax-xiri jew tal-bejgħ; jew fatturi oħra li normalment jitqiesu fid-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ intrapriża privata li topera skont il-prinċipji tal-ekonomija tas-suq fin-negozju jew fl-industrija rilevanti;
(c)
“intrapriża mogħtija privileġġi esklużivi jew speċjali” tfisser intrapriża, pubblika jew privata, inkluż sussidjarja, li lilha Parti tkun tat privileġġi esklussivi jew speċjali, formalment jew effettivament;
(d)
“privileġġi esklużivi jew speċjali” tfisser drittijiet jew privileġġi mogħtija minn Parti lil intrapriża unika jew lil għadd limitat ta’ intrapriżi awtorizzati li jipprovdu merkanzija jew servizz, li ma jingħatawx skont kriterji oġġettivi, proporzjonali u mhux diskriminatorji, filwaqt li jitqies ir-regolament settorjali speċifiku li taħtu jkun seħħ l-għoti tad-dritt jew tal-privileġġ, u b’hekk jaffettwaw sostanzjalment il-kapaċità ta’ kwalunkwe intrapriża oħra li tipprovdi l-istess merkanzija jew servizz fl-istess żona ġeografika f’kundizzjonijiet sostanzjalment ekwivalenti;
(e)
“servizz ipprovdut fl-eżerċizzju ta’ awtorità governattiva” tfisser servizz ipprovdut fl-eżerċizzju ta’ awtorità governattiva kif definit fl-Artikolu I:3(c) tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS, General Agreement on Trade in Services) u, fejn applikabbli, l-Artikoli 1(b), (c) u (d) tal-Anness dwar is-Servizzi Finanzjarji tal-GATS; u
(f)
“intrapriża tal-Istat” tfisser intrapriża proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn Parti.
ARTIKOLU 25.2
Kamp ta’ Applikazzjoni
1.
Dan il-Kapitolu japplika għal intrapriżi tal-Istat u għal intrapriżi involuti f’attivitajiet kummerċjali li għalihom Parti tkun tat, formalment jew effettivament, privileġġi esklużivi jew speċjali. Jekk intrapriża tikkombina attivitajiet kummerċjali u mhux kummerċjali, huma biss l-attivitajiet kummerċjali ta’ dik l-intrapriża li huma koperti minn dan il-Kapitolu.
2.
Dan il-Kapitolu ma japplikax għall-akkwist minn Parti ta’ merkanzija jew ta’ servizz mixtri għal skopijiet governattivi u mhux bil-ħsieb ta’ bejgħ mill-ġdid kummerċjali jew bil-ħsieb li jintuża fil-produzzjoni jew fil-forniment ta’ merkanzija jew ta’ servizz għall-bejgħ kummerċjali, irrispettivament minn jekk dak l-akkwist ikunx “akkwist kopert” skont it-tifsira tal-Artikolu 20.3.
3.
Dan il-Kapitolu ma japplikax għal servizz ipprovdut fl-eżerċizzju ta’ awtorità governattiva.
4.
Dan il-Kapitolu ma japplikax għal intrapriżi tal-Istat jew għal intrapriżi mogħtija privileġġi esklużivi jew speċjali, jekk fi kwalunkwe waħda mit-3 (tliet) snin fiskali konsekuttivi preċedenti d-dħul annwali derivat mill-attivitajiet kummerċjali koperti minn dan il-Kapitolu tal-intrapriża kkonċernata kien inqas minn 200 (mitejn) miljun dritt speċjali ta’ prelevament.
5.
Dan il-Kapitolu ma japplikax għall-attivitajiet kummerċjali ta’ intrapriżi tal-Istat u intrapriżi mogħtija privileġġi esklużivi jew speċjali fir-rigward ta’ setturi jew subsetturi li għalihom ma jsirux impenji speċifiċi skont l-Appendiċijiet 25-A-1 u 25-A-2 jew għal setturi jew subsetturi li għalihom isiru impenji speċifiċi soġġetti għal limitazzjonijiet skont l-Appendiċijiet 25-A-1 u 25-A-2, sal-punt ta’ dawk il-limitazzjonijiet u soġġetti għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fihom.
6.
Dan il-Kapitolu ma japplikax għall-intrapriżi tal-Istat fis-settur tad-difiża.
7.
Dan il-Kapitolu ma japplikax għal intrapriżi tal-Istat jew għal intrapriżi mogħtija privileġġi esklużivi jew speċjali msemmija fl-Appendiċijiet 25-A-1 u 25-A-2. L-Artikolu 25.4 ma japplikax għal intrapriżi tal-Istat elenkati fl-Appendiċi 25-A-1.
ARTIKOLU 25.3
Dispożizzjonijiet ġenerali
1.
Kull Parti tafferma d-drittijiet u l-obbligi tagħha skont l-Artikolu XVII tal-GATT tal-1994, il-Qbil dwar l-Interpretazzjoni tal-Artikolu XVII tal-GATT tal-1994, kif ukoll skont l-Artikolu VIII tal-GATS.
2.
Xejn f’dan il-Kapitolu ma jipprevjeni lil Parti milli tistabbilixxi jew iżżomm intrapriżi tal-Istat, milli tinnomina jew iżżomm monopolji, jew milli tagħti lill-intrapriżi privileġġi esklużivi jew speċjali.
ARTIKOLU 25.4
Kunsiderazzjonijiet kummerċjali
1.
Kull Parti għandha tiżgura li l-intrapriżi tal-Istat tagħha u l-intrapriżi mogħtija privileġġi esklużivi jew speċjali, meta jinvolvu ruħhom f’attivitajiet kummerċjali fit-territorju ta’ Parti, jaġixxu f’konformità ma’ kunsiderazzjonijiet kummerċjali fix-xiri jew fil-bejgħ tagħhom ta’ merkanzija jew servizzi, ħlief sabiex jissodisfaw il-mandat jew l-iskop pubbliku tagħhom kif previst fil-liġi ta’ Parti.
2.
Il-paragrafu 1 ma jipprekludix lil dawn l-intrapriżi minn:
(a)
ix-xiri jew il-forniment ta’ merkanzija jew servizzi b’termini jew kundizzjonijiet differenti, inkluż dawk relatati mal-prezz, jekk tali termini jew kundizzjonijiet differenti jsiru f’konformità ma’ kunsiderazzjonijiet kummerċjali; jew
(b)
ir-rifjut li jinxtraw jew jiġu fornuti merkanzija jew servizzi, jekk tali rifjut isir f’konformità ma’ kunsiderazzjonijiet kummerċjali.
ARTIKOLU 25.5
Trasparenza
1.
Parti li jkollha raġuni biex temmen li l-interessi tagħha qed jiġu affettwati b’mod negattiv mill-attivitajiet kummerċjali ta’ intrapriża tal-Istat jew ta’ intrapriża mogħtija privileġġi esklużivi jew speċjali tal-Parti l-oħra tista’ titlob lill-Parti l-oħra tipprovdi informazzjoni bil-miktub dwar l-attivitajiet kummerċjali ta’ dik l-intrapriża li huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu. Il-Parti li ssirilha t-talba għandha, sa fejn ikun possibbli, tipprovdi tweġiba fil-ħin.
2.
It-talbiet għal informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jindikaw l-intrapriża, il-merkanzija, is-servizzi u s-swieq ikkonċernati u jindikaw l-interessi skont dan il-Kapitolu li l-Parti rikjedenti temmen li huma affettwati b’mod negattiv.
ARTIKOLU 25.6
Kooperazzjoni
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw permezz ta’:
(a)
l-esplorazzjoni tal-possibbiltà li jsiru impenji addizzjonali fuq intrapriżi tal-Istat u intrapriżi mogħtija privileġġi esklużivi jew speċjali; u
(b)
l-iskambju ta’ esperjenzi fl-iżvilupp tal-aħjar prattiki dwar il-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-Istat.
ARTIKOLU 25.7
Emenda għall-Anness 25-A
L-Anness 25-A għandu jkun soġġett għal rieżami mill-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ 5 (ħames) snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim bil-ħsieb li tiġi esplorata l-possibbiltà li jsiru impenji addizzjonali. Il-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ jista’ jadotta deċiżjoni biex jemenda l-Anness 25-A kif xieraq.
KAPITOLU 26
KUMMERĊ U ŻVILUPP SOSTENIBBLI
ARTIKOLU 26.1
Objettivi u kamp ta’ applikazzjoni
1.
L-objettiv ta’ dan il-Kapitolu hu li jtejjeb l-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fir-relazzjoni kummerċjali u ta’ investiment tal-Partijiet, b’mod partikolari billi jistabbilixxi prinċipji u azzjonijiet li jikkonċernaw l-aspetti tax-xogħol u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli ta’ rilevanza speċifika f’kuntest kummerċjali u ta’ investiment.
2.
Il-Partijiet ifakkru l-Aġenda 21 dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, adottata fil-Konferenza tan-NU dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, li saret f’Rio de Janeiro, mit-3 sal-14 ta’ Ġunju 1992, u d-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992, id-Dikjarazzjoni ta’ Johannesburg dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni ta’ Johannesburg tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2002, id-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ħolqien ta’ ambjent fil-livelli nazzjonali u internazzjonali li jwassal għall-ġenerazzjoni ta’ livell massimu ta’ impjiegi u impjiegi produttivi u xogħol deċenti għal kulħadd, u l-impatt tiegħu fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-2006, id-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta u d-Dokument ta’ Eżitu tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2012 bl-isem ta’ “The Future We Want” u l-SDGs tal-Aġenda 2030.
3.
Il-Partijiet jirrikonoxxu li d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli huma interdipendenti u jsaħħu lil xulxin, u jaffermaw l-impenn tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali b’tali mod li jikkontribwixxu għall-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli, għall-benesseri tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
4.
B’mod konsistenti mal-istrumenti msemmija fil-paragrafu 2, il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli permezz ta’:
(a)
l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi b’mod li jikkontribwixxi għall-objettiv li jintlaħqu l-SDGs u jappoġġa l-istandards u l-objettivi tax-xogħol u ambjentali rispettivi tagħhom f’kuntest ta’ relazzjonijiet kummerċjali li huma ħielsa, miftuħa, trasparenti u li jirrispettaw il-ftehimiet multilaterali li huma parti għalihom;
(b)
ir-rispett tal-impenji multilaterali tagħhom fl-oqsma tax-xogħol u tal-ambjent; u
(c)
il-kooperazzjoni msaħħa u l-fehim tal-politiki u l-miżuri rispettivi tagħhom relatati mal-kummerċ tax-xogħol u l-ambjent, b’kont meħud tar-realtajiet, il-kapaċitajiet, il-ħtiġijiet u l-livelli ta’ żvilupp nazzjonali differenti u b’rispett għall-politiki u l-prijoritajiet nazzjonali.
5.
Filwaqt li jirrikonoxxu d-differenzi fil-livelli ta’ żvilupp tagħhom, il-Partijiet jaqblu li dan il-Kapitolu jinkorpora approċċ kooperattiv ibbażat fuq valuri u interessi komuni.
ARTIKOLU 26.2
Dritt ta’ regolamentazzjoni u livelli ta’ protezzjoni
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull Parti li tiddetermina l-politiki u l-prijoritajiet ta’ żvilupp sostenibbli tagħha, li tistabbilixxi l-livelli ta’ protezzjoni domestika ambjentali u tax-xogħol li tqis xierqa u li tadotta jew timmodifika l-liġijiet, ir-regolamenti u l-politiki tagħha. Tali livelli, liġijiet, regolamenti u politiki għandhom ikunu konsistenti mal-impenn ta’ kull Parti għall-ftehimiet u l-istandards internazzjonali tax-xogħol imsemmija fl-Artikoli 26.4 u 26.5.
2.
Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex ittejjeb il-liġijiet, ir-regolamenti u l-politiki rilevanti tagħha sabiex tiżgura livelli għoljin u effettivi ta’ protezzjoni ambjentali u tax-xogħol.
3.
Jenħtieġ li Parti ma ddgħajjifx il-livelli ta’ protezzjoni mogħtija fil-liġijiet u r-regolamenti ambjentali jew tax-xogħol tagħha bl-intenzjoni li tinkoraġġixxi l-kummerċ jew l-investiment.
4.
Parti ma għandhiex tirrinunzja jew tidderoga minn, jew toffri li tirrinunzja jew tidderoga mil-liġijiet u r-regolamenti ambjentali jew tax-xogħol tagħha sabiex tinkoraġġixxi l-kummerċ jew l-investiment.
5.
Parti ma għandhiex, permezz ta’ kors sostnut jew rikorrenti ta’ azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni, tonqos milli tinforza b’mod effettiv il-liġijiet u r-regolamenti ambjentali jew tax-xogħol tagħha sabiex tinkoraġġixxi l-kummerċ jew l-investiment.
6.
Parti ma għandhiex tapplika l-liġijiet u r-regolamenti ambjentali u tax-xogħol tagħha b’mod li jikkostitwixxi restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ jew diskriminazzjoni mhux ġustifikabbli jew arbitrarja.
ARTIKOLU 26.3
Trasparenza
1.
Kull Parti għandha, f’konformità mal-Kapitolu 27, tiżgura li l-iżvilupp, il-promulgazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn li ġejjin isiru b’mod trasparenti, filwaqt li tiżgura s-sensibilizzazzjoni u tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni pubblika, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri tagħha:
(a)
miżuri mmirati lejn il-protezzjoni tal-ambjent u l-protezzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ jew l-investiment; u
(b)
miżuri kummerċjali jew ta’ investiment li jistgħu jaffettwaw il-protezzjoni tal-ambjent jew il-protezzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.
ARTIKOLU 26.4
Standards u ftehimiet internazzjonali dwar ix-xogħol
1.
Il-Partijiet jaffermaw il-valur ta’ koerenza politika akbar f’xogħol deċenti, li tinkludi standards ewlenin tax-xogħol, u livelli għoljin ta’ protezzjoni tax-xogħol, flimkien mal-infurzar effettiv tagħhom, u jirrikonoxxu r-rwol ta’ benefiċċju li dawk l-oqsma jista’ jkollhom fuq l-effiċjenza ekonomika, l-innovazzjoni u l-produttività, inkluża l-prestazzjoni tal-esportazzjoni. F’dan il-kuntest, huma jirrikonoxxu wkoll l-importanza tad-djalogu soċjali dwar kwistjonijiet tax-xogħol fost il-ħaddiema u l-impjegaturi, u l-organizzazzjonijiet u l-gvernijiet rispettivi tagħhom, u jimpenjaw ruħhom għall-promozzjoni ta’ tali djalogu.
2.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali b’mod li jwassal għal xogħol deċenti għal kulħadd, inkluż għan-nisa u ż-żgħażagħ. F’dan il-kuntest, kull Parti tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha li tippromwovi u timplimenta b’mod effettiv il-Konvenzjonijiet u l-Protokolli tal-ILO ratifikati mill-Istati firmatarji tal-MERCOSUR u mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u kklassifikati bħala aġġornati mill-ILO.
3.
F’konformità mal-Kostituzzjoni tal-ILO u d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u s-Segwitu tagħha, adottata f’Ġinevra fit-18 ta’ Ġunju 1998 (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol”), kull Parti għandha tirrispetta, tippromwovi u timplimenta b’mod effettiv l-istandards ewlenin tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment, kif definiti fil-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, li huma:
(a)
il-libertà ta’ assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv;
(b)
l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ xogħol furzat jew obbligatorju;
(c)
l-abolizzjoni effettiva tat-tħaddim tat-tfal; u
(d)
l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjiegi u l-okkupazzjoni.
4.
Kull Parti għandha tagħmel sforzi kontinwi u sostnuti lejn ir-ratifika tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, il-Protokolli u Konvenzjonijiet tal-ILO rilevanti oħra li għalihom għadha mhijiex parti u li huma kklassifikati bħala aġġornati mill-ILO. Il-Partijiet għandhom jiskambjaw regolarment informazzjoni dwar il-progress rispettiv tagħhom f’dan ir-rigward.
5.
Il-Partijiet ifakkru li fost l-objettivi tal-Aġenda 2030 hemm l-eliminazzjoni tax-xogħol furzat u jenfasizzaw l-importanza tar-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat.
6.
Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw, kif xieraq, dwar kwistjonijiet tax-xogħol relatati mal-kummerċ ta’ interess reċiproku, inkluż fil-kuntest tal-ILO.
7.
Filwaqt li jfakkru fid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta, il-Partijiet jinnotaw li l-ksur tal-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol ma jistax jiġi invokat jew inkella jintuża bħala vantaġġ komparattiv leġittimu u li jentħeiġ li l-istandards tax-xogħol ma jintużawx għal skopijiet kummerċjali protezzjonisti.
8.
Kull Parti għandha tippromwovi xogħol deċenti kif previst mid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta. Kull Parti għandha tagħti attenzjoni partikolari lil:
(a)
l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ miżuri għas-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali, inkluż kumpens f’każ ta’ korriment jew mard okkupazzjonali, kif definit fil-Konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO u impenji internazzjonali oħra;
(b)
kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għal kulħadd, fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-pagi u l-qligħ, is-sigħat tax-xogħol u kundizzjonijiet oħra tax-xogħol;
(c)
l-ispezzjoni tax-xogħol, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-istandards rilevanti tal-ILO dwar l-ispezzjonijiet tax-xogħol; u
(d)
in-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż għall-ħaddiema migranti.
9.
Kull Parti għandha tiżgura li l-proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji jkunu disponibbli u aċċessibbli sabiex jippermettu li tittieħed azzjoni effettiva kontra l-ksur tad-drittijiet tax-xogħol imsemmija f’dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 26.5
Ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-ambjent huwa wieħed mit-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli – ekonomiku, soċjali u ambjentali – u li jenħtieġ li dawk it-tlieta jiġu indirizzati b’mod bilanċjat u integrat. Barra minn hekk, il-Partijiet jirrikonoxxu l-kontribut li l-kummerċ jista’ jagħmel għall-iżvilupp sostenibbli.
2.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (minn hawn ’il quddiem “UNEP”, United Nations Environment Programme) u tal-ftehimiet ambjentali multilaterali (minn hawn ’il quddiem imsejħa “MEAs”, multilateral environmental agreements) bħala rispons tal-komunità internazzjonali għall-isfidi ambjentali globali jew reġjonali, u jenfasizzaw il-ħtieġa li jissaħħaħ l-appoġġ reċiproku bejn il-politiki kummerċjali u ambjentali.
3.
Kull Parti tafferma l-impenji tagħha li tippromwovi u timplimenta b’mod effettiv l-MEAs, il-protokolli u l-emendi għalihom hija parti.
4.
Il-Partijiet għandhom jiskambjaw regolarment informazzjoni dwar il-progress rispettiv tagħhom fir-rigward tar-ratifika tal-MEAs, inkluż il-protokolli u l-emendi tagħhom.
5.
Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw, kif xieraq, dwar kwistjonijiet ambjentali relatati mal-kummerċ ta’ interess reċiproku fil-kuntest tal-MEAs.
6.
Il-Partijiet jirrikonoxxu d-dritt tagħhom li jinvokaw l-Artikolu 28.2 fir-rigward tal-miżuri ambjentali.
7.
Xejn f’dan il-ftehim ma għandu jipprevjeni lil Parti milli tadotta jew iżżomm miżuri biex timplimenta l-MEAs li għalihom hija parti jekk tali miżuri jkunu konsistenti mal-Artikolu 26.2(6).
ARTIKOLU 26.6
Kummerċ u tibdil fil-klima
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jsegwu l-objettiv aħħari tal-UNFCCC, sabiex jindirizzaw it-theddida urġenti tat-tibdil fil-klima u jirrikonoxxu r-rwol tal-kummerċ għal dak l-għan.
2.
Skont il-paragrafu 1, kull Parti għandha:
(a)
effettivament timplimenta l-UNFCCC u l-Ftehim ta’ Pariġi, stabbiliti hawnhekk; u
(b)
b’mod konsistenti mal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Pariġi, tippromwovi l-kontribut pożittiv tal-kummerċ għal perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima u biex tiżdied il-kapaċità ta’ adattament għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima b’mod li ma jheddidx il-produzzjoni tal-ikel.
3.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw, kif xieraq, dwar kwistjonijiet ta’ tibdil fil-klima relatati mal-kummerċ bilateralment, reġjonalment u f’fora internazzjonali, b’mod partikolari fl-UNFCCC.
ARTIKOLU 26.7
Kummerċ u bijodiversità
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika li saret f’Rio de Janeiro fil-5 ta’ Ġunju 1992, il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu ffirmata f’Washington D. C. fit-3 ta’ Marzu 1973 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “CITES”, Convention on International Trade in Endangered Species of Wild Fauna and Flora), it-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura, u d-deċiżjonijiet adottati skontu, u r-rwol li l-kummerċ jista’ jkollu fil-kontribut għall-objettivi ta’ dawk il-Konvenzjonijiet u dak it-Trattat.
2.
Skont il-paragrafu 1, kull Parti għandha:
(a)
tippromwovi l-użu tas-CITES bħala strument għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità, inkluż permezz tal-inklużjoni ta’ speċijiet ta’ annimali u pjanti fl-Appendiċijiet tas-CITES fejn l-istatus ta’ konservazzjoni ta’ dawk l-ispeċijiet jitqies f’riskju minħabba l-kummerċ internazzjonali;
(b)
timplimenta miżuri effettivi li jwasslu għal tnaqqis fil-kummerċ illegali ta’ organiżmi selvaġġi, konsistenti ma’ ftehimiet internazzjonali li għalihom hija parti;
(c)
tinkoraġġixxi l-kummerċ fi prodotti naturali bbażati fuq ir-riżorsi miksuba permezz tal-użu sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi jew li jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tagħha; u
(d)
tippromwovi l-kondiviżjoni ġusta u ekwa tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi u, jekk xieraq, miżuri għall-aċċess għal tali riżorsi u kunsens infurmat minn qabel.
3.
Il-Partijiet għandhom jiskambjaw ukoll informazzjoni dwar inizjattivi u prattiki tajba dwar il-kummerċ fi prodotti naturali bbażati fuq ir-riżorsi bl-għan li tiġi kkonservata d-diversità bijoloġika u jikkooperaw, kif xieraq, bilateralment, reġjonalment u f’fora internazzjonali dwar kwistjonijiet koperti minn dan l-Artikolu.
ARTIKOLU 26.8
Kummerċ u ġestjoni sostenibbli tal-foresti
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u r-rwol tal-kummerċ fl-ilħuq ta’ dan l-objettiv u tar-restawr tal-foresti għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli.
2.
Skont il-paragrafu 1, kull Parti għandha:
(a)
tinkoraġġixxi l-kummerċ fi prodotti minn foresti mmaniġġjati b’mod sostenibbli li jinħasdu f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż dwar il-ħsad;
(b)
tippromwovi, kif xieraq u bil-kunsens infurmat minn qabel tagħhom, l-inklużjoni ta’ komunitajiet lokali bbażati fuq il-foresti u popli indiġeni fi ktajjen ta’ provvista sostenibbli ta’ prodotti forestali tal-injam u mhux tal-injam, bħala mezz biex itejbu l-għajxien tagħhom u jippromwovu l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-foresti;
(c)
timplimenta miżuri għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ relatat;
(d)
tiskambja informazzjoni dwar inizjattivi relatati mal-kummerċ dwar l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti, il-governanza tal-foresti u dwar il-konservazzjoni tal-kopertura tal-foresti u tikkoopera biex timmassimizza l-impatt u tiżgura l-appoġġ reċiproku tal-politiki rispettivi tagħha ta’ interess reċiproku; u
(e)
tikkoopera, kif xieraq, bilateralment, reġjonalment u f’fora internazzjonali dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kummerċ u l-konservazzjoni tal-kopertura tal-foresti kif ukoll il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, konsistenti mal-Aġenda 2030.
ARTIKOLU 26.9
Kummerċ u ġestjoni sostenibbli tas-sajd u tal-akkwakultura
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u l-ekosistemi tal-baħar kif ukoll tal-promozzjoni ta’ akkwakultura responsabbli u sostenibbli, u r-rwol tal-kummerċ fl-ilħuq ta’ dawn l-objettivi u l-impenn kondiviż tagħhom biex jiksbu l-SDG 14 tal-Aġenda 2030, b’mod partikolari l-miri 4 u 6 tiegħu.
2.
Skont il-paragrafu 1 u b’mod konsistenti mal-impenji internazzjonali tagħha, kull Parti għandha:
(a)
timplimenta miżuri ta’ konservazzjoni u mmaniġġjar fit-tul u sfruttament sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar f’konformità mad-dritt internazzjonali kif minqux fl-UNCLOS u fi strumenti rilevanti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (minn hawn ’il quddiem imsejħa “FAO”, United Nations and Food and Agriculture Organization of the United Nations) li għalihom hija parti;
(b)
taġixxi skont il-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO għal Sajd Responsabbli adottat permezz tar-Riżoluzzjoni 4/95 tal-31 ta’ Ottubru 1995 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO għal Sajd Responsabbli”);
(c)
tipparteċipa u tikkoopera b’mod attiv fi ħdan l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u fora internazzjonali rilevanti oħra li tagħhom hija membru, osservatur jew parti mhux kontraenti li tikkoopera, bl-għan li tinkiseb governanza tajba tas-sajd u sajd sostenibbli, inkluż permezz ta’ kontroll effettiv, il-monitoraġġ u infurzar ta’ miżuri ta’ mmaniġġjar u, jekk applikabbli, l-implimentazzjoni ta’ dokumentazzjoni tal-qbid jew skemi ta’ ċertifikazzjoni;
(d)
timplimenta, f’konformità mal-impenji internazzjonali tagħha, miżuri komprensivi, effettivi u trasparenti biex tiġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, u teskludi mill-kummerċ internazzjonali prodotti li ma jikkonformawx ma’ tali miżuri, u tikkoopera għal dan l-għan, inkluż billi tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni;
(e)
taħdem bil-ħsieb li tikkoordina l-miżuri meħtieġa għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli ta’ stokkijiet ta’ ħut transżonali f’żoni ta’ interess komuni; u
(f)
tippromwovi l-iżvilupp ta’ akkwakultura sostenibbli u responsabbli, filwaqt li tqis l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħha, inkluż fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-objettivi u tal-prinċipji li jinsabu fil-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO għal Sajd Responsabbli.
ARTIKOLU 26.10
Informazzjoni xjentifika u teknika
1.
Meta tistabbilixxi jew timplimenta miżuri mmirati lejn il-protezzjoni tal-ambjent jew tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ jew l-investiment, kull Parti għandha tiżgura li l-evidenza xjentifika u teknika li fuqha jkunu bbażati tkun minn korpi tekniċi u xjentifiċi rikonoxxuti u li l-miżuri jkunu bbażati fuq standards, linji gwida jew rakkomandazzjonijiet internazzjonali rilevanti fejn jeżistu.
2.
F’każijiet fejn l-evidenza jew l-informazzjoni xjentifika ma tkunx biżżejjed jew ma tkunx konklużiva u jkun hemm riskju ta’ degradazzjoni ambjentali serja jew għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fit-territorju tagħha, Parti tista’ tadotta miżuri bbażati fuq il-prinċipju prekawzjonarju. Tali miżuri għandhom ikunu bbażati fuq informazzjoni pertinenti disponibbli u jkunu soġġetti għal rieżami perjodiku. Il-Parti li tadotta tali miżuri għandha tfittex li tikseb informazzjoni xjentifika ġdida jew addizzjonali meħtieġa għal valutazzjoni aktar konklużiva u għandha tirrieżamina tali miżuri kif xieraq.
3.
Jekk miżura adottata f’konformità mal-paragrafu 2 ikollha impatt fuq il-kummerċ jew l-investiment, Parti tista’ titlob lill-Parti li tadotta l-miżura sabiex tipprovdi informazzjoni li tindika li l-evidenza jew l-informazzjoni xjentifika hija insuffiċjenti jew inkonklużiva fir-rigward tal-kwistjoni kkonċernata u li l-miżura adottata hija konsistenti mal-livell ta’ protezzjoni tagħha stess, u tista’ titlob diskussjoni dwar il-kwistjoni fis-Sottokumitat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli msemmi fl-Artikolu 26.14.
4.
Il-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu applikati b’mod li jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ internazzjonali.
ARTIKOLU 26.11
Kummerċ u ġestjoni responsabbli tal-ktajjen tal-provvista
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ mmaniġġjar responsabbli tal-ktajjen tal-provvista permezz ta’ mġiba responsabbli fin-negozju u prattiki ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva bbażati fuq gwida maqbula internazzjonalment.
2.
Skont il-paragrafu 1, kull Parti għandha:
(a)
tappoġġa t-tixrid u l-użu ta’ strumenti internazzjonali rilevanti li tkun approvat jew appoġġat, bħad-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali adottata f’Ġinevra f’Novembru 1977, il-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-riżoluzzjoni tiegħu 17/4 tas-16 ta’ Ġunju 2011 u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali: Rakkomandazzjonijiet għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju f’Kuntest Globali annessi mad-Dikjarazzjoni tal-OECD dwar l-Investiment Internazzjonali u l-Intrapriżi Multinazzjonali li saret f’Pariġi fil-21 ta’ Ġunju 1976.
(b)
tippromwovi l-adozzjoni volontarja mill-intrapriżi tar-responsabbiltà soċjali korporattiva jew prattiki kummerċjali responsabbli, konsistenti mal-linji gwida u l-prinċipji msemmija fil-punt (a); u
(c)
tipprovdi qafas ta’ politika ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji u l-linji gwida msemmija fil-punt (a).
3.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-utilità ta’ linji gwida internazzjonali speċifiċi għas-settur fl-oqsma tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-imġiba responsabbli fin-negozju u għandhom jippromwovu ħidma konġunta f’dan ir-rigward. Fir-rigward tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli u s-supplimenti tagħha, il-Partijiet li jaderixxu ma’ dik il-Gwida jew li jappoġġawha għandhom jippromwovu wkoll l-adozzjoni tagħha.
4.
Il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni kif ukoll l-aħjar prattiki u, jekk
xieraq, jikkooperaw dwar kwistjonijiet koperti minn dan l-Artikolu, inkluż f’fora reġjonali u internazzjonali rilevanti.
ARTIKOLU 26.12
Inizjattivi oħra relatati mal-kummerċ u l-investiment li jiffavorixxu l-iżvilupp sostenibbli
1.
Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom li jsaħħu l-kontribut tal-kummerċ u l-investiment għall-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu.
2.
Skont il-paragrafu 1, il-Partijiet għandhom:
(a)
jippromwovu l-objettivi tal-Aġenda għal Xogħol Deċenti, f’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta, inkluż il-paga minima li tiggarantixxi l-għajxien, il-protezzjoni soċjali inklużiva, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u aspetti oħra relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol;
(b)
jinkoraġġixxu l-kummerċ u l-investiment f’merkanzija u servizzi kif ukoll l-iskambju volontarju ta’ prattiki u teknoloġiji li jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet soċjali u ambjentali mtejba, inkluż dawk ta’ rilevanza partikolari għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, b’mod konsistenti ma’ din il-Parti tal-Ftehim; u
(c)
jikkooperaw, kif xieraq, bilateralment, reġjonalment u f’fora internazzjonali dwar kwistjonijiet koperti minn dan l-Artikolu.
ARTIKOLU 26.13
Ħidma flimkien fil-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jaħdmu flimkien sabiex jiksbu l-objettivi ta’ dan il-Kapitolu. Huma jistgħu jaħdmu flimkien fuq, fost l-oħrajn:
(a)
l-aspetti tax-xogħol u ambjentali tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli f’fora internazzjonali, inkluż b’mod partikolari d-WTO, l-ILO, il-UNEP, l-UNCTAD, il-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-MEAs;
(b)
l-impatt tal-liġi u tal-istandards tax-xogħol u ambjentali fuq il-kummerċ u fuq l-investiment;
(c)
l-impatt tad-dritt dwar il-kummerċ u l-investiment fuq ix-xogħol u l-ambjent; u
(d)
l-iskemi volontarji ta’ assigurazzjoni tas-sostenibbiltà, bħal skemi ta’ kummerċ ġust u etiku u ekotikketti, permezz tal-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-informazzjoni dwar skemi bħal dawn.
2.
Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan il-Kapitolu, il-Partijiet jistgħu wkoll jaħdmu flimkien fuq l-aspetti relatati mal-kummerċ ta’:
(a)
l-implimentazzjoni ta’ Konvenzjonijiet fundamentali, ta’ prijorità u oħrajn aġġornati tal-ILO;
(b)
l-Aġenda għal Xogħol Deċenti tal-ILO, inkluż dwar l-interkonnessjonijiet bejn il-kummerċ u l-impjieg sħiħ u produttiv, l-aġġustament tas-suq tax-xogħol, l-istandards ewlenin tax-xogħol, ix-xogħol deċenti fil-ktajjen tal-provvista globali, il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali, id-djalogu soċjali, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
(c)
l-implimentazzjoni tal-MEAs u l-appoġġ għall-parteċipazzjoni ta’ xulxin f’MEAs bħal dawn;
(d)
ir-reġim internazzjonali dinamiku dwar it-tibdil fil-klima skont l-UNFCCC, b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi;
(e)
il-Protokoll ta’ Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu magħmul f’Montreal fis-16 ta’ Settembru 1987 u kwalunkwe Emenda għalih ratifikata mill-Partijiet, b’mod partikolari miżuri għall-kontroll tal-produzzjoni u l-konsum u l-kummerċ ta’ Sustanzi li Jnaqqsu l-Ożonu (ODS) u Idrofluworokarburi (HFCs), u l-promozzjoni ta’ alternattivi għalihom li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u miżuri biex jiġi indirizzat il-kummerċ illegali ta’ sustanzi regolati minn dak il-Protokoll;
(f)
ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, l-imġiba responsabbli fin-negozju, il-ġestjoni responsabbli tal-ktajjen tal-provvista globali u l-obbligu ta’ rendikont, inkluż fir-rigward tal-implimentazzjoni, is-segwitu u t-tixrid tal-istrumenti internazzjonali rilevanti;
(g)
l-immaniġġjar tajjeb tas-sustanzi kimiċi u tal-iskart;
(h)
il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, u l-kondiviżjoni ġusta u ekwa tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi, inkluż permezz ta’ aċċess xieraq għal tali riżorsi, kif imsemmi fl-Artikolu 26.7;
(i)
il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, kif imsemmi fl-Artikolu 26.7;
(j)
il-promozzjoni tal-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti bl-għan li jitnaqqsu d-deforestazzjoni u l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, kif imsemmi fl-Artikolu 26.8;
(k)
inizjattivi privati u pubbliċi li jikkontribwixxu għall-objettiv li titwaqqaf id-deforestazzjoni, inkluż dawk li jgħaqqdu l-produzzjoni u l-konsum permezz ta’ ktajjen tal-provvista, konsistenti mal-SDGs 12 u 15 tal-Aġenda 2030;
(l)
il-promozzjoni ta’ prattiki tas-sajd sostenibbli u kummerċ fi prodotti tal-ħut mmaniġġjati b’mod sostenibbli, kif imsemmi fl-Artikolu 26.9; u
(m)
inizjattivi ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli konsistenti mal-SDG 12 tal-Aġenda 2030, inklużi, iżda mhux limitati għal, l-ekonomija ċirkolari u mudelli ekonomiċi sostenibbli oħra mmirati biex iżidu l-effiċjenza fir-riżorsi u jnaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart.
ARTIKOLU 26.14
Sottokumitat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u punti ta’ kuntatt
1.
Is-Sottokumitat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, stabbilit skont l-Artikolu 9.9(4), għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin, flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikoli 2.4 u 9.9:
(a)
jiffaċilita u jimmonitorja l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni mwettqa skont dan il-Kapitolu;
(b)
iwettaq il-kompiti msemmijin fl-Artikoli 26.16 sa 26.18; u
(c)
iwettaq il-ħidma interna preparatorja meħtieġa għall-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, inkluż fir-rigward ta’ suġġetti għal diskussjoni mal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi msemmija fl-Artikolu 2.7.
2.
Is-Sottokumitat għandu jippubblika rapport wara kull waħda mil-laqgħat tiegħu.
3.
Kull Parti għandha taħtar punt ta’ kuntatt fi ħdan l-amministrazzjoni tagħha biex tiffaċilita l-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Partijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 26.15
Soluzzjoni ta’ tilwim
1.
Il-Partijiet għandhom jagħmlu l-isforzi kollha permezz ta’ djalogu, konsultazzjoni, skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni sabiex jindirizzaw kwalunkwe nuqqas ta’ qbil dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu.
2.
Kwalunkwe perjodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikoli 26.16 u 26.17 jista’ jiġi estiż bi ftehim reċiproku tal-Partijiet.
3.
Il-perjodi ta’ żmien kollha stabbiliti skont dan il-Kapitolu għandhom jingħaddu f’jiem kalendarji mill-jum ta’ wara l-att jew il-fatt li jirreferu għalih.
4.
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Partijiet f’tilwima skont dan il-Kapitolu għandhom ikunu kif stabbilit fl-Artikolu 29.3.
5.
L-ebda Parti ma għandu jkollha rikors għas-soluzzjoni ta’ tilwim skont il-Kapitolu 29 għal kwalunkwe kwistjoni li tinqala’ skont dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 26.16
Konsultazzjonijiet
1.
Parti tista’ titlob konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu billi tibgħat talba bil-miktub lill-punt ta’ kuntatt tal-Parti l-oħra maħtur skont l-Artikolu 26.14(3). It-talba għandha tippreżenta l-kwistjoni inkwistjoni b’mod ċar u tipprovdi sommarju qasir tal-pretensjonijiet skont dan il-Kapitolu, inkluż indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha u tispjega kif taffettwa l-objettivi ta’ dan il-Kapitolu, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra li l-Parti tqis rilevanti. Il-konsultazzjonijiet għandhom jibdew minnufih wara li Parti tibgħat talba għal konsultazzjonijiet, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 30 (tletin) jum wara d-data tal-wasla tat-talba.
2.
Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru personalment jew, jekk ikun miftiehem hekk mill-Partijiet, permezz ta’ vidjokonferenza jew mezzi elettroniċi oħra. Jekk il-konsultazzjonijiet isiru personalment, dawn għandhom isiru fit-territorju tal-Parti li lilha ssir it-talba, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.
3.
Il-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet bl-għan li jsibu riżoluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku għall-kwistjoni. Fi kwistjonijiet relatati mal-ftehimiet multilaterali msemmija f’dan il-Kapitolu, il-Partijiet għandhom iqisu l-informazzjoni mill-ILO jew minn organizzazzjonijiet jew korpi rilevanti responsabbli għall-MEAs ratifikati miż-żewġ Partijiet, sabiex jippromwovu l-koerenza bejn il-ħidma tal-Partijiet u ta’ dawn l-organizzazzjonijiet. Jekk rilevanti, il-Partijiet jistgħu jaqblu li jfittxu parir mingħand tali organizzazzjonijiet jew korpi, jew kwalunkwe espert jew korp ieħor li jqisu xieraq.
4.
Jekk Parti tqis li l-kwistjoni teħtieġ aktar diskussjoni, hija tista’ titlob bil-miktub li s-Sottokumitat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jitlaqqa’ u tinnotifika dik it-talba lill-punt ta’ kuntatt maħtur skont l-Artikolu 26.14(3). Tali talba għandha ssir mhux aktar kmieni minn 60 (sittin) jum mid-data tal-wasla tat-talba skont il-paragrafu 1. Is-Sottokumitat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli għandu jiltaqa’ fil-pront u jagħmel ħiltu biex jilħaq riżoluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti tal-kwistjoni.
5.
Is-Sottokumitat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli għandu jqis kwalunkwe opinjoni dwar il-kwistjoni pprovduta mill-Gruppi Konsultattivi Domestiċi msemmija fl-Artikolu 2.7 kif ukoll kwalunkwe parir espert.
6.
Kull riżoluzzjoni milħuqa mill-Partijiet għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.
ARTIKOLU 26.17
Panel ta’ esperti
1.
Jekk, fi żmien 120 (mija u għoxrin) jum wara talba għal konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 18.16, ma tkun intlaħqet l-ebda riżoluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti, Parti tista’ titlob l-istabbiliment ta’ panel ta’ esperti biex jeżamina l-kwistjoni. Kwalunkwe talba bħal din għandha ssir bil-miktub lill-punt ta’ kuntatt tal-Parti l-oħra maħtur skont l-Artikolu 26.14(3) u għandha tidentifika r-raġunijiet għat-talba tal-istabbiliment ta’ bord ta’ esperti, inkluż deskrizzjoni tal-miżuri inkwistjoni u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Kapitolu li hija tqis applikabbli.
2.
Ħlief fejn previst mod ieħor f’dan l-Artikolu, japplikaw l-Artikoli 29.9, 29.11, 29.12, 29.26 u 29.27, kif ukoll ir-Regoli ta’ Proċedura fl-Anness 29-A u l-Kodiċi ta’ Kondotta fl-Anness 29-B.
3.
Is-Sottokumitat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli għandu, fl-ewwel laqgħa tiegħu wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, jistabbilixxi lista ta’ mill-inqas 15 (ħmistax-il) individwu li huma lesti u kapaċi jservu fuq panel ta’ esperti. Il-lista għandha tkun magħmula minn 3 (tliet) sublisti: waħda (1) proposta mill-UE, waħda (1) proposta mill-MERCOSUR u waħda (1) ta’ individwi li ma huma ċittadini tal-ebda Parti. Kull Parti għandha tipproponi mill-inqas 5 (ħames) individwi għas-sublista tagħha. Il-Partijiet għandhom jagħżlu wkoll mill-inqas 5 (ħames) individwi għal-lista ta’ individwi li ma jkunu ċittadini tal-ebda Parti. Is-Sottokumitat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli għandu jiżgura li l-lista tinżamm aġġornata u li l-għadd ta’ esperti jinżamm għal mill-inqas 15-il (ħmistax) individwu.
4.
L-individwi msemmija fil-paragrafu 3 għandu jkollhom għarfien speċjalizzat ta’, jew għarfien espert fi, kwistjonijiet indirizzati f’dan il-Kapitolu, inkluż il-liġi tax-xogħol, ambjentali jew kummerċjali, jew fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jinqala’ taħt ftehimiet internazzjonali. Huma għandhom iservu fil-kapaċitajiet individwali tagħhom, ikunu indipendenti u ma jieħdu struzzjonijiet minn ebda organizzazzjoni jew gvern fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati man-nuqqas ta’ qbil, jew ikunu affiljati mal-gvern ta’ kwalunkwe Parti. Huma għandhom jikkonformaw ukoll mal-Anness 29-B.
5.
Panel ta’ esperti għandu jkun magħmul minn 3 (tliet) membri, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor. Il-President għandu jkun mis-sublista ta’ individwi li ma jkunu ċittadini tal-ebda Parti. Għandu jiġi stabbilit panel ta’ esperti skont il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 tal-Artikolu 21.9. L-esperti għandhom jintgħażlu mill-individwi rilevanti fis-sublisti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 29.9, il-paragrafi 2, 3 u 4.
6.
Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor fi żmien 7 (sebat) ijiem wara d-data tal-istabbiliment tal-bord ta’ esperti, kif definit fl-Artikolu 29.9(5), it-termini ta’ referenza għandhom ikunu:
“li jeżamina, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu 26 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni msemmija fit-talba għall-istabbiliment tal-bord ta’ esperti, u li joħroġ rapport, f’konformità mal-Artikolu 26.17, li jagħmel rakkomandazzjonijiet għar-riżoluzzjoni tal-kwistjoni”.
7.
Fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mar-rispett tal-ftehimiet multilaterali msemmija f’dan il-Kapitolu, l-opinjonijiet tal-esperti jew l-informazzjoni mitluba mill-bord ta’ esperti f’konformità mal-Artikolu 29.12 jenħtieġ li jinkludu informazzjoni u pariri mill-korpi rilevanti tal-ILO jew tal-MEA. Kwalunkwe informazzjoni li tinkiseb skont dan il-paragrafu għandha tiġi pprovduta liż-żewġ Partijiet għall-kummenti tagħhom.
8.
Il-panel ta’ esperti għandu jinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu f’konformità mar-regoli konswetudinarji tal-interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali pubbliku.
9.
Il-panel ta’ esperti għandu joħroġ rapport interim lill-Partijiet fi żmien 90 (disgħin) jum wara l-istabbiliment tiegħu, u rapport finali sa mhux aktar tard minn 60 (sittin) jum wara l-ħruġ tar-rapport interim. Dawk ir-rapporti għandhom jistabbilixxu s-sejbiet tal-fatti, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet rilevanti u r-raġunijiet bażiċi ta’ kwalunkwe sejba u rakkomandazzjoni. Kwalunkwe waħda mill-Partijiet involuti tista’ tissottometti kummenti bil-miktub dwar ir-rapport interim lill-panel ta’ esperti fi żmien 45 (ħamsa u erbgħin) jum wara d-data tal-ħruġ tar-rapport interim. Wara li jikkunsidra kwalunkwe kumment bil-miktub bħal dan, il-panel ta’ esperti jista’ jimmodifika r-rapport u jagħmel kwalunkwe eżaminazzjoni ulterjuri li jqis li hi xierqa. Jekk iqis li l-iskadenzi stabbiliti f’dan il-paragrafu ma jistgħux jintlaħqu, il-president tal-panel ta’ esperti għandu jinnotifika lill-Partijiet bil-miktub, filwaqt li jiddikjara r-raġunijiet għad-dewmien u d-data li fiha l-panel jippjana li joħroġ ir-rapport interim jew finali tiegħu.
10.
Il-Partijiet għandhom jagħmlu r-rapport finali disponibbli għall-pubbliku fi żmien 15-il (ħmistax) jum wara s-sottomissjoni tiegħu mill-panel ta’ esperti.
11.
Il-Partijiet għandhom jiddiskutu miżuri xierqa li għandhom jiġu implimentati, filwaqt li jqisu r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tal-panel ta’ esperti. Il-Parti konvenuta għandha tinforma lill-Grupp Konsultattiv Domestiku tagħha msemmi fl-Artikolu 2.7 u lill-Parti l-oħra bid-deċiżjonijiet tagħha dwar kwalunkwe azzjoni jew miżura li għandha tiġi implimentata sa mhux aktar tard minn 90 (disgħin) jum wara li r-rapport ikun sar disponibbli għall-pubbliku. Is-Sottokumitat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli għandu jimmonitorja s-segwitu għar-rapport tal-panel ta’ esperti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Il-Grupp Konsultattivi Domestiku msemmi fl-Artikolu 2.7 jista’ jissottometti osservazzjonijiet lis-Sottokumitat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli f’dan ir-rigward.
ARTIKOLU 26.18
Rieżami
1.
Għall-finijiet tal-faċilitazzjoni tal-kisba tal-objettivi ta’ dan il-Kapitolu, il-Partijiet għandhom jiddiskutu permezz tal-laqgħat tas-Sottokumitat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli l-implimentazzjoni effettiva tiegħu, inkluż rieżami possibbli tad-dispożizzjonijiet tiegħu, filwaqt li jqisu, fost l-oħrajn, l-esperjenza miksuba, l-iżviluppi tal-politika f’kull Parti, l-iżviluppi fil-ftehimiet internazzjonali u l-fehmiet ippreżentati mill-partijiet ikkonċernati.
2.
Is-Sottokumitat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jista’ jirrakkomanda lill-Partijiet emendi għad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Kapitolu li jirriflettu l-eżitu tad-diskussjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.
KAPITOLU 27
TRASPARENZA
ARTIKOLU 27.1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
“deċiżjoni amministrattiva” tfisser deċiżjoni li taffettwa d-drittijiet jew l-obbligi ta’ persuna f’każ individwali u tkopri azzjoni amministrattiva jew nuqqas li tittieħed azzjoni jew deċiżjoni amministrattiva kif previst fil-liġijiet u r-regolamenti ta’ Parti;
(b)
“persuna interessata” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tista’ tiġi affettwata minn miżura ta’ applikazzjoni ġenerali; u
(c)
“miżura ta’ applikazzjoni ġenerali” tfisser liġi, regolament, deċiżjoni ġudizzjarja, proċedura jew deċiżjoni amministrattiva ta’ applikazzjoni ġenerali li jista’ jkollha impatt fuq kwalunkwe kwistjoni koperta minn din il-Parti tal-Ftehim.
ARTIKOLU 27. 2
Objettivi
Filwaqt li tirrikonoxxi l-impatt li l-ambjent regolatorju tagħha jista’ jkollu fuq il-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet, kull Parti għandha timmira li tippromwovi ambjent regolatorju trasparenti u prevedibbli u proċeduri effiċjenti għall-operaturi ekonomiċi, speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 27.3
Pubblikazzjoni
1.
Kull Parti għandha tiżgura li kwalunkwe miżura ta’ applikazzjoni ġenerali fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni koperta minn din il-Parti tal-Ftehim:
(a)
tiġi ppubblikata minnufih permezz ta’ mezz magħżul uffiċjalment u, jekk fattibbli, b’mezzi elettroniċi jew inkella ssir disponibbli b’tali mod li kwalunkwe persuna tkun tista’ ssir familjari magħha;
(b)
tipprovdi spjegazzjoni tal-objettiv u r-raġunament tagħha; u
(c)
tippermetti biżżejjed żmien bejn il-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħha, ħlief meta dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet ta’ urġenza.
2.
Sa fejn ikun possibbli, meta tadotta jew temenda liġijiet jew regolamenti ewlenin ta’ applikazzjoni ġenerali fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni koperta minn din il-Parti tal-Ftehim, kull Parti għandha, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri rispettivi tagħha:
(a)
tippubblika minn qabel l-abbozz ta’ liġi jew regolament jew dokumenti ta’ konsultazzjoni li jipprovdu dettalji tal-objettiv ta’, u r-raġuni għal, tali liġi jew regolament;
(b)
tipprovdi lill-persuni interessati u lill-Parti l-oħra opportunità raġonevoli biex jikkummentaw dwar tali abbozz ta’ liġi jew regolament jew dokumenti ta’ konsultazzjoni; u
(c)
tagħmel ħilitha biex tqis il-kummenti riċevuti dwar tali abbozz ta’ liġi jew regolament jew dokumenti ta’ konsultazzjoni.
ARTIKOLU 27.4
Mistoqsijiet
1.
Mhux aktar tard minn 3 (tliet) snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, kull Parti għandha tistabbilixxi jew iżżomm mekkaniżmi xierqa biex tirċievi u twieġeb għal mistoqsijiet minn kwalunkwe persuna rigward kwalunkwe miżura ta’ applikazzjoni ġenerali li hija proposta jew fis-seħħ u kif se tiġi applikata fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni koperta minn din il-Parti tal-Ftehim.
2.
Fuq talba ta’ Parti, il-Parti l-oħra għandha tipprovdi minnufih informazzjoni u twieġeb għall-mistoqsijiet li jappartjenu għal kwalunkwe miżura ta’ applikazzjoni ġenerali jew kwalunkwe proposta biex tiġi adottata jew emendata kwalunkwe miżura ta’ applikazzjoni ġenerali fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni koperta minn din il-Parti tal-Ftehim li l-Parti rikjedenti tqis li tista’ taffettwa l-operat ta’ din il-Parti tal-Ftehim.
ARTIKOLU 27.5
Amministrazzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali
1.
Kull Parti għandha tamministra b’mod oġġettiv, imparzjali u raġonevoli l-miżuri kollha ta’ applikazzjoni ġenerali fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni koperta minn din il-Parti tal-Ftehim.
2.
Kull Parti, meta tapplika miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali għal persuni, merkanzija jew servizzi tal-Parti l-oħra f’każijiet speċifiċi, għandha:
(a)
tagħmel ħilitha biex tipprovdi lill-persuni li huma affettwati direttament minn proċedimenti amministrattivi b’avviż raġonevoli, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tagħha, meta jinbdew proċedimenti amministrattivi, inklużi deskrizzjoni tan-natura tal-proċedimenti, dikjarazzjoni tal-awtorità legali li taħtha jinbdew il-proċedimenti u deskrizzjoni ġenerali ta’ kwalunkwe kwistjoni kkonċernata; u
(b)
tagħti opportunità raġonevoli lil tali persuni interessati biex jippreżentaw fatti u argumenti b’appoġġ għall-pożizzjonijiet tagħhom qabel kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva finali, sa fejn jippermettu ż-żmien, in-natura tal-proċedimenti u l-interess pubbliku.
ARTIKOLU 27.6
Rieżami u appell
1.
Kull Parti għandha tistabbilixxi jew iżżomm tribunali jew proċeduri ġudizzjarji, arbitrali jew amministrattivi għall-fini ta’ rieżami jew appell fil-pront u, jekk ikun ġustifikat, il-korrezzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni koperta minn din il-Parti tal-Ftehim. Kull Parti għandha tiżgura li l-proċeduri tagħha għal rieżami jew appell jitwettqu b’mod mhux diskriminatorju u imparzjali minn tribunali li jkunu imparzjali u indipendenti mill-awtorità fdata bl-infurzar amministrattiv, u magħmula minn individwi mingħajr interess sostanzjali fl-eżitu tal-kwistjoni.
2.
Kull Parti għandha tiżgura li l-partijiet għall-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 jingħataw id-dritt ta’:
(a)
opportunità raġonevoli biex jappoġġjaw jew jiddefendu l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom; u
(b)
deċiżjoni bbażata fuq l-evidenza u s-sottomissjonijiet ta’ rekord jew, fejn ikun meħtieġ mil-liġi tagħha, ir-rekord kompilat mill-awtorità amministrattiva.
3.
Kull Parti għandha tiżgura li d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), għandha, soġġetta għal appell jew rieżami ulterjuri kif previst fid-dritt tagħha, tiġi implimentata minn awtorità fdata, u tirregola l-prattika tagħha bl-infurzar amministrattiv fir-rigward tad-deċiżjoni amministrattiva kkonċernata.
ARTIKOLU 27.7
Kwalità u prestazzjoni regolatorja u prattiki regolatorji tajbin
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-prinċipji ta’ prattiki regolatorji tajbin u għandhom jippromwovu l-kwalità u l-prestazzjoni regolatorja. B’mod partikolari, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex:
(a)
jinkoraġġixxu l-użu ta’ valutazzjonijiet tal-impatt regolatorji meta jiġu żviluppati inizjattivi ewlenin; u
(b)
jistabbilixxu jew iżommu proċeduri biex jippromwovu l-evalwazzjoni retrospettiva regolari ta’ miżuri ta’ interess ġenerali.
2.
Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw f’fora reġjonali u multilaterali biex jippromwovu prattiki regolatorji tajbin u trasparenza fir-rigward tal-kummerċ u l-investiment internazzjonali f’oqsma koperti minn din il-Parti tal-Ftehim.
ARTIKOLU 27.8
Relazzjoni ma’ Kapitoli oħrajn
Dan il-Kapitolu japplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola speċifika f’Kapitoli oħra ta’ din il-Parti tal-Ftehim.
KAPITOLU 28
EĊĊEZZJONIJIET
ARTIKOLU 28.1
Eċċezzjonijiet ta’ Sigurtà
Xejn f’din il-Parti tal-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala:
(a)
li jirrikjedi li Parti tagħti jew tippermetti l-aċċess għal kwalunkwe informazzjoni, li hija tqis li d-divulgazzjoni tagħha tmur kontra l-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha; jew
(b)
li jwaqqaf lil Parti milli tieħu kull azzjoni li tikkunsidra neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha:
(i)
li tkun marbuta mal-produzzjoni jew mat-traffikar tal-armi, tal-munizzjon u tal-istrumenti tal-gwerra u ma’ tali traffikar u tranżazzjonijiet li jsiru f’merkanzija u f’materjali oħrajn, u ma’ attivitajiet ekonomiċi, imwettqin direttament jew indirettament għall-iskop ta’ provvista lil stabbiliment militari;
(ii)
li jkollha x’taqsam ma’ materjali fissjonali u fużjonabbli jew materjali meħuda minnhom; jew
(iii)
meħuda fiż-żmien ta’ gwerra jew emerġenza oħra fir-relazzjonijiet internazzjonali; jew
(c)
li jżomm lil xi Parti milli tieħu kwalunkwe azzjoni sabiex twettaq l-obbligi internazzjonali tagħha skont il-Karta tan-NU għall-fini taż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali.
ARTIKOLU 28.2
Eċċezzjonijiet ġenerali
1.
Soġġett għar-rekwiżit li tali miżuri ma jiġux applikati b’mod li jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli bejn il-pajjiżi fejn jipprevalu l-istess kundizzjonijiet, jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ internazzjonali, xejn fil-Kapitoli 10, 12 u 25 ma għandu jiġi interpretat li jipprevjeni l-adozzjoni jew l-infurzar minn Parti ta’ miżuri msemmija fl-Artikolu XX tal-GATT tal-1994. Għal dak l-għan, l-Artikolu XX tal-GATT tal-1994, inklużi n-Noti u d-Dispożizzjonijiet Supplimentari tiegħu, hu inkorporat f’din il-Parti tal-Ftehim u magħmul parti minnu, mutatis mutandis.
2.
Soġġett għar-rekwiżit li tali miżuri ma jiġux applikati b’mod li jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli bejn il-pajjiżi fejn jipprevalu kundizzjonijiet simili, jew restrizzjoni moħbija fuq il-liberalizzazzjoni tal-investiment jew il-kummerċ fis-servizzi, xejn fil-Kapitoli 18 u 25 ma għandu jiġi interpretat li jipprevjeni l-adozzjoni jew l-infurzar minn kwalunkwe Parti ta’ miżuri:
(a)
neċessarji sabiex iħarsu s-sigurtà pubblika u l-morali pubbliċi jew sabiex iżommu l-ordni pubbliku;
(b)
neċessarji għall-protezzjoni tas-saħħa jew il-ħajja tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti;
(c)
relatati mal-konservazzjoni ta’ riżorsi naturali eżawribbli, jekk tali miżuri jiġu applikati flimkien ma’ restrizzjonijiet fuq investituri domestiċi jew fuq il-provvista jew il-konsum domestiku ta’ servizzi;
(d)
meħtieġa għall-protezzjoni ta’ teżori nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku;
(e)
neċessarji sabiex jassiguraw il-konformità ma’ liġijiet jew ma’ regolamenti li mhumiex inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Parti tal-Ftehim inkluż dawk relatati ma’:
(i)
il-prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa u frodulenti jew l-indirizzar tal-effetti ta’ inadempjenza fuq il-kuntratti;
(ii)
il-protezzjoni tal-privatezza tal-individwi b’relazzjoni għall-ipproċesar u għat-tixrid tad-data personali u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ rekords u ta’ kontijiet individwali; jew
(iii)
għas-sigurtà.
3.
Xejn fil-Kapitolu 18 ma għandu jiġi interpretat li jipprevjeni l-adozzjoni jew l-infurzar ta’ miżura li timplimenta rekwiżit impost jew infurzat minn qorti, tribunal amministrattiv jew awtorità tal-kompetizzjoni biex jiġi rimedjat ksur tal-liġijiet u r-regolamenti tal-kompetizzjoni.
4.
Għal aktar ċertezza, il-Partijiet jifhmu li, sa fejn tali miżuri jkunu b’xi mod ieħor inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli 10, 12 u 25:
(a)
il-miżuri msemmija fl-Artikolu XX tal-GATT tal-1994, il-punt (b), jinkludu miżuri ambjentali, li huma meħtieġa biex jipproteġu l-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti;
(b)
l-Artikolu XX tal-GATT tal-1994, il-punt (g), japplika għal miżuri relatati mal-konservazzjoni ta’ riżorsi naturali eżawribbli ħajjin u mhux ħajjin; u
(c)
il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu XX tal-GATT tal-1994, il-punti (b) jew (g).
5.
Qabel ma Parti tieħu kwalunkwe miżura f’konformità mal-Artikolu XX tal-GATT tal-1994, il-punti (i) u (j), hija għandha tipprovdi lill-Parti l-oħra bl-informazzjoni rilevanti kollha, bl-għan li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-Partijiet. Jekk ma jintlaħaqx ftehim fi żmien 30 (tletin) jum minn meta tiġi pprovduta tali informazzjoni, il-Parti tista’ tapplika l-miżuri rilevanti. Kull meta ċirkostanzi eċċezzjonali u kritiċi jeħtieġu azzjoni immedjata, il-Parti li jkollha l-ħsieb li tieħu l-miżuri tista’ tapplika l-miżura meħtieġa biex tittratta ċ-ċirkostanzi mingħajr notifika minn qabel u għandha tinforma lill-Parti l-oħra minnufih b’dan.
ARTIKOLU 28.3
Tassazzjoni
1.
Xejn f’din il-Parti tal-Ftehim ma għandu jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri tagħha jew tal-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR skont kwalunkwe konvenzjoni dwar it-taxxa. Fil-każ ta’ xi inkonsistenza bejn din il-Parti tal-Ftehim u kwalunkwe tali konvenzjoni dwar it-taxxa, il-konvenzjoni dwar it-taxxa għandha tipprevali fir-rigward tal-inkonsistenza.
2.
Soġġett għar-rekwiżit li tali miżuri ma jiġux applikati b’mod li jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli bejn il-pajjiżi, fejn jipprevalu kundizzjonijiet simili, jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ jew l-investiment, xejn f’din il-Parti tal-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li jipprevjeni l-adozzjoni, iż-żamma jew l-infurzar minn Parti ta’ kwalunkwe miżura mmirata biex tiżgura l-impożizzjoni jew il-ġbir ekwu jew effettiv ta’ taxxi diretti li:
(a)
jiddistingwu bejn kontribwenti, li mhumiex fl-istess sitwazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom jew fir-rigward tal-post fejn huwa investit il-kapital tagħhom; jew
(b)
għandhom l-għan li jipprevjenu l-evitar jew l-evażjoni tat-taxxi skont id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe konvenzjoni dwar it-taxxa jew leġiżlazzjoni fiskali domestika.
3.
Għall-fini ta’ dan l-Artikolu:
(a)
“residenza” tfisser residenza għall-finjijiet tat-taxxa; u
(b)
“konvenzjoni dwar it-taxxa” tfisser konvenzjoni għall-evitar tat-tassazzjoni doppja jew kwalunkwe ftehim jew arranġament internazzjonali ieħor relatat kompletament jew prinċipalment mat-tassazzjoni li l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha jew Stat Firmatarju tal-MERCOSUR huwa parti għaliha.
ARTIKOLU 28.4
Divulgazzjoni ta’ informazzjoni
1.
Xejn f’din il-Parti tal-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li jirrikjedi li Parti tagħmel disponibbli informazzjoni kunfidenzjali, li d-divulgazzjoni tagħha timpedixxi l-infurzar tal-liġi, jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, jew li tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ intrapriżi partikolari, pubbliċi jew privati, ħlief meta bord ikun jeħtieġ tali informazzjoni kunfidenzjali fi proċedimenti ta’ soluzzjoni ta’ tilwim skont il-Kapitolu 29. F’każijiet bħal dawn, il-bord għandu jiżgura li l-kunfidenzjalità tkun protetta b’mod sħiħ.
2.
Meta Parti tipprovdi informazzjoni li titqies bħala kunfidenzjali skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali, sakemm il-Parti li tissottometti ma taqbilx mod ieħor.
ARTIKOLU 28.5
Eżenzjonijiet tad-WTO
Jekk obbligu f’din il-Parti tal-Ftehim ikun sostanzjalment ekwivalenti għal obbligu li jinsab fil-Ftehim tad-WTO, kwalunkwe miżura meħuda f’konformità ma’ eżenzjoni adottata skont l-Artikolu IX, il-paragrafi 3 u 4 tal-Ftehim tad-WTO titqies li tkun f’konformità mad-dispożizzjoni sostantivament ekwivalenti f’din il-Parti tal-Ftehim.
KAPITOLU 29
SOLUZZJONI TA’ TILWIM
TAQSIMA A
OBJETTIV, DEFINIZZJONIJIET U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
ARTIKOLU 29.1
Objettiv
L-objettiv ta’ dan il-Kapitolu huwa li jistabbilixxi mekkaniżmu effettiv u effiċjenti biex:
(a)
jiġi evitat u solvut tilwim bejn il-Partijiet rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Parti III ta’ dan il-Ftehim bil-ħsieb li tintlaħaq, jekk possibbli, soluzzjoni maqbula b’mod reċiproku; u
(b)
jiġi preservat il-bilanċ tal-konċessjonijiet mogħtija mill-Parti III ta’ dan il-Ftehim, meta applikabbli.
ARTIKOLU 29.2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu u l-Annessi 29-A, 29-B u 29-C:
(a)
“konsulent” tfisser individwu inkarigat minn parti biex jagħti pariri jew jassisti lil dik il-parti b’rabta mal-proċedimenti tal-arbitraġġ;
(b)
“bord ta’ arbitraġġ” tfisser bord stabbilit skont l-Artikolu 29.9;
(c)
“arbitru” tfisser individwu li huwa membru ta’ bord ta’ arbitraġġ;
(d)
“assistent” tfisser individwu li, skont it-termini tal-ħatra ta’ arbitru, iwettaq riċerka jew jipprovdi assistenza lil dak l-arbitru;
(e)
“kandidat” tfisser individwu li ismu jkun fuq il-lista ta’ arbitri msemmija fl-Artikolu 29.8(3) u li jkun qed jiġi kkunsidrat għall-għażla bħala membru ta’ bord ta’ arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 29.9;
(f)
“parti li tilmenta” tfisser parti li titlob l-istabbiliment ta’ bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 29.7;
(g)
“espert” tfisser individwu b’għarfien u esperjenza speċjalizzati u rikonoxxuti f’ċertu qasam li jintalab minn bord ta’ arbitraġġ jew medjatur biex jipprovdi opinjoni, jew li l-opinjoni tiegħu f’dak il-qasam tiġi ppreżentata lil kwalunkwe waħda mill-Partijiet, jew tiġi mitluba minnha;
(h)
“medjatur” tfisser individwu li jwettaq medjazzjoni skont l-Artikolu 29.6;
(i)
“rappreżentant ta’ parti” tfisser impjegat jew kwalunkwe persuna maħtura minn dipartiment jew aġenzija tal-gvern jew kwalunkwe entità pubblika oħra ta’ Parti li tirrappreżenta lil dik il-Parti għall-finijiet ta’ tilwima skont dan il-Kapitolu; u
(j)
“persunal” tfisser, fir-rigward ta’ arbitru, individwi taħt id-direzzjoni u l-kontroll ta’ arbitru, minbarra l-assistenti.
ARTIKOLU 29.3
Partijiet fit-tilwima
1.
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Unjoni Ewropea u l-MERCOSUR jew wieħed jew aktar mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR, jistgħu jkunu partijiet f’tilwima. Il-partijiet fit-tilwima għandhom minn hawn ’il quddiem jissejħu “parti” jew “partijiet”.
2.
L-Unjoni Ewropea tista’ tibda proċedimenti għas-soluzzjoni ta’ tilwim kontra l-MERCOSUR fir-rigward ta’ miżura li tikkonċerna lill-Unjoni Ewropea jew lil wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, jekk il-miżura inkwistjoni tkun miżura tal-MERCOSUR.
3.
L-Unjoni Ewropea tista’ tibda proċedimenti għas-soluzzjoni ta’ tilwim kontra wieħed jew aktar mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR fir-rigward ta’ miżura li tikkonċerna l-Unjoni Ewropea jew wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, jekk il-miżura inkwistjoni tkun miżura ta’ tali Stati Firmatarji tal-MERCOSUR.
4.
Il-MERCOSUR jista’ jibda proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim kontra l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ miżura li tikkonċerna lill-MERCOSUR jew lill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR kollha, jekk il-miżura inkwistjoni tkun miżura tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar tal-Unjoni Ewropea.
5.
Stat Firmatarju tal-MERCOSUR wieħed jew aktar jistgħu individwalment jibdew proċedimenti għas-soluzzjoni ta’ tilwim kontra l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ miżura li tikkonċerna tali Stat Firmatarju tal-MERCOSUR jew Stati Firmatarji tal-MERCOSUR, jekk il-miżura tkun miżura tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar tal-Unjoni Ewropea.
6.
Jekk aktar minn Stat Firmatarju wieħed tal-MERCOSUR jibda proċedimenti għas-soluzzjoni ta’ tilwim kontra l-Unjoni Ewropea dwar l-istess kwistjoni, l-Artikolu 9 tad-DSU għandu japplika mutatis mutandis.
ARTIKOLU 29.4
Kamp ta’ Applikazzjoni
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu japplikaw fir-rigward ta’ kwalunkwe tilwima:
(a)
dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Parti III ta’ dan il-Ftehim (minn hawn ’il quddiem imsejħa “dispożizzjonijiet koperti”), ħlief jekk previst espressament mod ieħor; jew
(b)
rigward allegazzjoni minn parti li miżura applikata mill-parti l-oħra tannulla jew tfixkel sostanzjalment kwalunkwe benefiċċju li jakkumula taħt id-dispożizzjonijiet koperti b’mod li jaffettwa ħażin il-kummerċ bejn il-partijiet, kemm jekk miżura bħal din tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Parti III ta’ dan il-Ftehim kif ukoll jekk le, ħlief jekk ikun previst espressament mod ieħor.
TAQSIMA B
KONSULTAZZJONIJIET U MEDJAZZJONI
ARTIKOLU 29.5
Konsultazzjonijiet
1.
Il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu kwalunkwe tilwima rigward l-allegat nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet koperti msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (a), jew rigward l-allegat annullament jew indeboliment sostanzjali msemmi fl-Artikolu 29.4, il-punt (b), billi jidħlu f’konsultazzjonijiet in bona fide bl-għan li tintlaħaq soluzzjoni maqbula b’mod reċiproku. F’dan il-kuntest, għandha tingħata kunsiderazzjoni addizzjonali lill-isfidi speċifiċi tal-pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw.
2.
Parti għandha tfittex konsultazzjonijiet permezz ta’ talba bil-miktub mogħtija lill-parti l-oħra u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, li tagħti r-raġuni għat-talba, inkluż l-identifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u, fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (a), id-dispożizzjonijiet koperti li hija tqis applikabbli u li ma kienx hemm konformità magħhom mill-parti l-oħra, jew, fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (b), il-benefiċċji li tqis li kienu, bħala riżultat tal-miżura inkwistjoni, annullati jew sostanzjalment imfixkla b’mod li jaffettwa ħażin il-kummerċ bejn il-partijiet.
3.
Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru mhux aktar tard minn 15-il (ħmistax) jum wara d-data tal-wasla tat-talba, u għandhom, sakemm il-partijiet ma jaqblux mod ieħor, isiru fit-territorju tal-parti kkonsultata. Il-konsultazzjonijiet għandhom jitqiesu li jkunu ġew konklużi sa mhux aktar tard minn 30 (tletin) jum wara d-data tal-wasla tat-talba, sakemm iż-żewġ partijiet ma jaqblux li jkomplu bil-konsultazzjonijiet. Il-konsultazzjonijiet, u b’mod partikolari l-pożizzjonijiet meħuda mill-partijiet fihom, għandhom ikunu kunfidenzjali u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ parti fi kwalunkwe proċediment ulterjuri.
4.
Il-konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ urġenza, inkluż dawk dwar merkanzija li titħassar jew merkanzija jew servizzi oħra li jitilfu malajr il-kwalità, il-kundizzjoni kurrenti jew il-valur kummerċjali tagħhom f’perjodu qasir ta’ żmien, għandhom isiru mhux aktar tard minn 15-il (ħmistax) jum wara d-data tal-wasla tat-talba u għandhom jitqiesu li ġew konklużi fi żmien dawk il-15-il (ħmistax) jum, sakemm iż-żewġ partijiet ma jaqblux li jkomplu bil-konsultazzjonijiet.
5.
Matul il-konsultazzjonijiet, kull parti għandha tipprovdi informazzjoni fattwali, sabiex tippermetti eżami sħiħ tal-mod li bih il-miżura inkwistjoni tista’, fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (a), taffettwa l-applikazzjoni tal-Parti III ta’ dan il-Ftehim, jew, fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (b), tannulla jew tfixkel sostanzjalment il-benefiċċji li jakkumulaw lill-parti rikjedenti skont il-Parti III ta’ dan il-Ftehim b’mod li jaffettwa ħażin il-kummerċ bejn il-partijiet.
6.
Jekk il-konsultazzjonijiet ma jsirux fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafi 3 jew 4, skont il-każ, jew jekk il-konsultazzjonijiet jiġu konklużi u ma tintlaħaqx soluzzjoni maqbula b’mod reċiproku, il-parti li tkun talbet il-konsultazzjonijiet tista’ tirrikorri għall-istabbiliment ta’ bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 29.7.
7.
Talba għal konsultazzjonijiet dwar tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (a), għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-parti rikjedenti li titlob, fl-istess ħin jew sussegwentement, konsultazzjonijiet dwar tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (b), fir-rigward tal-istess miżura, u viċi versa.
ARTIKOLU 29.6
Medjazzjoni
Parti tista’ titlob, skont l-Anness 29-C, biex tidħol f’medjazzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe miżura minn parti li taffettwa b’mod negattiv il-kummerċ bejn il-partijiet. Il-medjazzjoni tista’ tinbeda biss b’kunsens reċiproku tal-partijiet.
TAQSIMA Ċ
ARBITRAĠĠ
ARTIKOLU 29.7
Bidu ta’ proċedimenti tal-bord ta’ arbitraġġ
1.
Jekk il-partijiet ma jirnexxilhomx isolvu t-tilwima permezz ta’ konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 29.5, jew jekk il-parti li tilmenta tqis li l-parti konvenuta naqset milli tikkonforma ma’ soluzzjoni maqbula b’mod reċiproku matul il-konsultazzjonijiet, il-parti li tilmenta tista’ tfittex l-istabbiliment ta’ bord ta’ arbitraġġ permezz ta’ talba bil-miktub mibgħuta lill-parti konvenuta u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ.
2.
Il-parti li tilmenta għandha tagħti r-raġunijiet għat-talba, inkluża l-identifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u tispjega, fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (a), kif dik il-miżura tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet koperti b’mod li tippreżenta b’mod ċar il-bażi legali għall-ilment, jew, fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (b), kif il-miżura inkwistjoni tannulla jew tfixkel sostanzjalment il-benefiċċji li jakkumulaw għall-parti li tilmenta skont il-Parti III ta’ dan il-Ftehim.
3.
Talba għall-istabbiliment ta’ bord ta’ arbitraġġ dwar tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (a), għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-parti li tilmenta li titlob, fl-istess ħin jew sussegwentement, l-istabbiliment ta’ bord ta’ arbitraġġ dwar tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (b), fir-rigward tal-istess miżura, u viċi versa.
4.
Jekk il-parti li tilmenta tkun, fl-istess ħin u fir-rigward tal-istess miżura, talbet l-istabbiliment ta’ bord ta’ arbitraġġ kemm dwar tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (a), kif ukoll dwar tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (b), għandu jiġi stabbilit bord ta’ arbitraġġ uniku li jmexxi arbitraġġ wieħed fir-rigward taż-żewġ tilwimiet. F’każ ta’ arbitraġġi sussegwenti li jikkonċernaw l-istess miżura, dak l-arbitraġġ sussegwenti għandu jiġi riferut lill-istess bord bħat-tilwima preċedenti, kull fejn ikun possibbli.
ARTIKOLU 29.8
Ħatra ta’ arbitri
1.
L-arbitri għandu jkollhom għarfien speċjalizzat jew esperjenza fid-dritt u fil-kummerċ internazzjonali. Arbitri li mhumiex ċittadini ta’ parti għandhom ikunu ġuristi.
2.
L-arbitri għandhom:
(a)
ikunu indipendenti;
(b)
iservu fil-kapaċità individwali tagħhom;
(c)
ma għandhomx jieħdu struzzjonijiet minn xi organizzazzjoni jew gvern jew ikunu affiljati ma’ xi gvern jew organizzazzjoni governattiva ta’ Parti għal dan il-Ftehim; u
(d)
jikkonformaw mal-Anness 29-B.
3.
Il-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu, sa mhux aktar tard minn 6 (sitt) xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, jistabbilixxi lista ta’ 32 (tnejn u tletin) individwu li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri. Dik il-lista għandha tkun magħmula mit-3 (tliet) sublisti li ġejjin:
(a)
sublista waħda ta’ 12-il (tnax) individwu proposti mill-Unjoni Ewropea;
(b)
sublista waħda ta’ 12-il (tnax) individwu proposti mill-MERCOSUR; u
(c)
sublista waħda ta’ 8 (tmien) individwi, proposti miż-żewġ Partijiet, li mhuma ċittadini tal-ebda waħda mill-Partijiet u li għandhom jaġixxu bħala president tal-bord ta’ arbitraġġ.
4.
Il-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jiżgura li l-lista msemmija f’dan l-Artikolu, il-paragrafu 3, jkun fiha l-għadd ta’ individwi meħtieġa fiha. Il-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ jista’ jemenda l-lista ta’ arbitri, f’konformità mar-Regola 25 tar-Regoli ta’ Proċedura kif stabbilit fl-Anness 29-A.
5.
Jekk, fil-mument tal-istabbiliment ta’ bord ta’ arbitraġġ partikolari skont l-Artikolu 29.9, il-lista prevista f’dan l-Artikolu, il-paragrafu 3, ma tkunx ġiet stabbilita jew, ladarba tiġi stabbilita, mhux l-individwi kollha inklużi f’sublista partikolari jkunu jistgħu jservu bħala arbitru f’tilwima, il-kopresident tal-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ tal-parti li tilmenta għandu jtella’ bix-xorti l-arbitri skont ir-Regoli 10, 26 u 28 sa 31 tar-Regoli ta’ Proċedura kif stabbilit fl-Anness 29-A.
ARTIKOLU 29.9
Stabbiliment tal-bord ta’ arbitraġġ
1.
Bord ta’ arbitraġġ għandu jkun magħmul minn 3 (tliet) arbitri.
2.
Mhux aktar tard minn 10 (għaxart) ijiem wara d-data tal-wasla tat-talba bil-miktub għall-istabbiliment ta’ bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 29.7(1), il-partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-ħsieb li jaqblu dwar il-kompożizzjoni tiegħu. L-għarfien espert rilevanti għas-suġġett tat-tilwima jista’ jitqies mill-partijiet għall-għażla tal-arbitri. Il-bord ta’ arbitraġġ għandu dejjem ikun ippresedut minn persuna li mhijiex ċittadina ta’ waħda mill-Partijiet.
3.
Jekk ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar il-kompożizzjoni tal-bord ta’ arbitraġġ fil-perjodu ta’ żmien stabbilit f’dan l-Artikolu, il-paragrafu 2, kull parti għandha taħtar membru wieħed tal-bord ta’ arbitraġġ mis-sublista ta’ dik il-parti msemmija fl-Artikolu 29.8(3) mhux aktar tard minn 10 (għaxart) ijiem wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ żmien imsemmi f’dan l-Artikolu, il-paragrafu 2. Jekk parti tonqos milli taħtar arbitru f’dak il-perjodu ta’ żmien, il-kopresident tal-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ tal-parti li tilmenta jew il-persuna nnominata minnha għandu, mhux aktar tard minn 5 (ħamest) ijiem wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ żmien imsemmi fis-sentenza preċedenti, jagħżel l-arbitru bil-polza mis-sublista ta’ dik il-parti.
4.
Matul il-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaqblu dwar il-president tal-bord ta’ arbitraġġ. Jekk ma jkunux jistgħu jaqblu, kwalunkwe parti għandha titlob lill-kopresident tal-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ tal-parti li tilmenta biex jagħżel il-president tal-bord ta’ arbitraġġ bil-polza mis-sublista msemmija fl-Artikolu 29.8(3) mhux aktar tard minn 5 (ħamest) ijiem wara dik it-talba.
5.
Id-data tal-istabbiliment tal-bord ta’ arbitraġġ għandha tkun dik li fiha l-arbitri magħżula kollha jkunu aċċettaw il-ħatra skont ir-Regoli ta’ Proċedura stabbiliti fl-Anness 29-A.
6.
Jekk parti tqis li arbitru ma jikkonformax mal-Anness 29-B, japplikaw il-proċeduri previsti fl-Anness 29-A.
7.
Jekk arbitru ma jkunx jista’ jipparteċipa fil-proċedimenti, jirtira jew ikun jeħtieġ li jiġi sostitwit, għandu jintgħażel arbitru ġdid skont il-proċeduri tal-għażla stabbiliti f’dan l-Artikolu u r-Regoli ta’ Proċedura stabbiliti fl-Anness 29-A. Il-proċedimenti tal-arbitraġġ għandhom jiġu sospiżi matul dak il-perjodu sa massimu ta’ 25 (ħamsa u għoxrin) jum.
8.
Il-partijiet għandhom jaċċettaw bħala vinkolanti, ipso facto u mingħajr il-ħtieġa ta’ ftehim speċjali, l-awtorità ta’ kwalunkwe bord ta’ arbitraġġ stabbilit f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 29.10
Deċiżjoni dwar l-urġenza
Jekk parti titlob dan, il-bord ta’ arbitraġġ għandu jiddeċiedi, fi żmien 10 (għaxart) ijiem mill-istabbiliment tiegħu, jekk il-każ jikkonċernax kwistjonijiet ta’ urġenza.
ARTIKOLU 29.11
Seduti ta’ smigħ
Is-seduti ta’ smigħ tal-bord ta’ arbitraġġ għandu jkun miftuħ għall-pubbliku, sakemm il-partijiet fit-tilwima ma jiddeċidux mod ieħor. Is-seduti ta’ smigħ tal-bord ta’ arbitraġġ għandhom ikunu parzjalment jew kompletament magħluqa għall-pubbliku meta s-sottomissjoni jew l-argumenti ta’ parti jkun fihom informazzjoni li dik il-parti tkun indikat bħala kunfidenzjali.
ARTIKOLU 29.12
Informazzjoni u pariri tekniċi
1.
Il-bord ta’ arbitraġġ jista’ jitlob, f’konformità mal-Anness 29-A, l-opinjoni tal-esperti jew jikseb informazzjoni minn kwalunkwe sors meqjus rilevanti.
2.
L-opinjonijiet tal-esperti kif ukoll l-informazzjoni miksuba minn kwalunkwe sors rilevanti ma għandhomx ikunu vinkolanti.
3.
L-esperti jridu jkunu persuni ta’ reputazzjoni professjonali u esperjenza fil-qasam rilevanti. Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jikkonsulta lill-partijiet qabel ma jagħżel tali esperti.
4.
Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jistabbilixxi perjodu ta’ żmien raġonevoli għas-sottomissjoni tal-informazzjoni jew tar-rapport tal-esperti.
5.
Il-persuni tal-Partijiet għandhom ikunu awtorizzati jippreżentaw osservazzjonijiet amicus curiae lill-bordijiet ta’ arbitraġġ f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness 29-A. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiżguraw li l-osservazzjonijiet amicus curiae ma joħolqux piż żejjed għall-partijiet fit-tilwima jew idewmu jew jikkumplikaw bla bżonn il-proċedimenti tal-bord ta’ arbitraġġ.
6.
Kwalunkwe informazzjoni miksuba skont dan l-Artikolu għandha tiġi żvelata lil kull waħda mill-partijiet u sottomessa għall-kummenti tagħhom.
ARTIKOLU 29.13
Dritt applikabbli u regoli ta’ interpretazzjoni
1.
Fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (a), il-bord ta’ arbitraġġ għandu jsolvi t-tilwima skont id-dispożizzjonijiet koperti.
2.
Fit-tilwim kollu msemmi fl-Artikolu 29.4, il-bord ta’ arbitraġġ għandu jinterpreta d-dispożizzjonijiet koperti skont ir-regoli normali tal-interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali pubbliku. Meta jinterpreta obbligu skont dan il-Ftehim li huwa identiku għal obbligu skont il-Ftehim tad-WTO, il-bord ta’ arbitraġġ għandu jqis kwalunkwe interpretazzjoni rilevanti stabbilita fid-deċiżjonijiet tal-Korp għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO.
ARTIKOLU 29.14
Deċiżjoni arbitrali
1.
Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jippreżenta rapport dwar l-arbitraġġ interim lill-partijiet sa mhux aktar tard minn 90 (disgħin) jum wara d-data tal-istabbiliment tal-bord ta’ arbitraġġ. Ir-rapport dwar l-arbitraġġ interim għandu jistabbilixxi s-sejbiet tal-fatti, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet koperti fejn rilevanti, u r-raġunament bażiku wara kwalunkwe sejba u rakkomandazzjoni li jagħmel il-bord ta’ arbitraġġ.
2.
Meta l-bord ta’ arbitraġġ iqis li l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax tintlaħaq, il-president tal-bord ta’ arbitraġġ għandu jinnotifika lill-partijiet u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ bil-miktub, fejn jiddikjara r-raġunijiet għad-dewmien u d-data li fiha l-bord ta’ arbitraġġ jippjana li jippreżenta r-rapport interim dwar l-arbitraġġ tiegħu. Ir-rapport dwar l-arbitraġġ interim, fl-ebda ċirkostanza, ma għandu jiġi ppreżentat aktar tard minn 120 (mija u għoxrin) jum wara d-data tal-istabbiliment tal-bord ta’ arbitraġġ.
3.
F’każijiet ta’ urġenza, inkluż dawk rigward mekranzija li titħassar jew merkanzija jew servizzi oħra li jitilfu l-kwalità, il-kundizzjoni attwali jew il-valur kummerċjali tagħhom f’perjodu qasir ta’ żmien, il-bord ta’ arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex iwassal ir-rapport dwar l-arbitraġġ interim tiegħu fi żmien 45 (ħamsa u erbgħin) jum u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 60 (sittin) jum wara d-data tal-istabbiliment tal-bord ta’ arbitraġġ.
4.
Parti tista’ tibgħat talba bil-miktub lill-bord ta’ arbitraġġ biex jirrieżamina aspetti preċiżi tar-rapport dwar l-arbitraġġ interim sa mhux aktar tard minn 14-il (erbatax) jum wara li tirċevih jew, f’każijiet ta’ urġenza, inkluż dawk li jinvolvu merkanzija li titħassar jew merkanzija jew servizzi staġjonali, mhux aktar tard minn 7 (sebat) ijiem wara li tirċevih. Wara li jikkunsidra kwalunkwe kumment bil-miktub mill-partijiet dwar ir-rapport dwar l-arbitraġġ interim, il-bord ta’ arbitraġġ jista’ jimmodifikah u jagħmel kwalunkwe eżami ulterjuri li jqis xieraq.
5.
Jekk ma tingħata l-ebda talba bil-miktub għal rieżami ta’ aspetti preċiżi tar-rapport interim dwar l-arbitraġġ fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4, ir-rapport dwar l-arbitraġġ interim għandu jsir id-deċiżjoni arbitrali.
6.
Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jagħti d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tiegħu lill-partijiet u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ sa mhux aktar tard minn 120 (mija u għoxrin) jum wara l-istabbiliment tal-bord ta’ arbitraġġ. Jekk il-bord ta’ arbitraġġ iqis li dik l-iskadenza ma tistax tintlaħaq, il-president tal-bord ta’ arbitraġġ għandu jinnotifika bil-miktub lill-partijiet u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, fejn jiddikjara r-raġunijiet għad-dewmien. Fl-ebda ċirkostanza d-deċiżjoni arbitrali ma għandha tingħata aktar tard minn 150 (mija u ħamsin) jum wara l-istabbiliment tal-bord ta’ arbitraġġ.
7.
F’każijiet ta’ urġenza, inkluż dawk rigward merkanzija li titħassar jew merkanzija jew servizzi oħra li jitilfu malajr il-kwalità, il-kundizzjoni attwali jew il-valur kummerċjali tagħhom f’perjodu qasir ta’ żmien, il-bord ta’ arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex jagħti d-deċiżjoni arbitrali tiegħu sa mhux aktar tard minn 60 (sittin) jum wara d-data tal-istabbiliment tiegħu. Taħt l-ebda ċirkostanza d-deċiżjoni arbitrali ma għandha tingħata aktar tard minn 75 (ħamsa u sebgħin) jum wara dik id-data.
8.
Id-deċiżjoni arbitrali għandha tistabbilixxi s-sejbiet tal-fatti, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet koperti fejn rilevanti, u r-raġunament bażiku wara s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet. Id-deċiżjoni arbitrali għandha tinkludi analiżi suffiċjenti tal-argumenti magħmula mill-partijiet, u għandha twieġeb b’mod ċar għall-mistoqsijiet u l-osservazzjonijiet taż-żewġ partijiet, inklużi dawk magħmula għar-rapport dwar l-arbitraġġ interim.
9.
Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jagħmel valutazzjoni oġġettiva tal-kwistjoni quddiemu, inkluż valutazzjoni oġġettiva tal-fatti tal-każ u tal-argumenti u l-evidenza ppreżentati miż-żewġ partijiet, u:
(a)
fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (a) l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet koperti u l-konformità magħhom; jew
(b)
fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (b), l-eżistenza ta’ annullament jew indeboliment sostanzjali ta’ kwalunkwe benefiċċju li jakkumula għall-parti li tilmenta skont id-dispożizzjonijiet koperti b’mod li jaffettwa ħażin il-kummerċ bejn il-partijiet.
10.
Fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (b), sakemm il-partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-bord ta’ arbitraġġ għandu:
(a)
jiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni tannullax jew tfixkilx sostanzjalment kwalunkwe benefiċċju li jakkumula għall-parti li tilmenta skont id-dispożizzjonijiet koperti, b’mod li jaffettwa ħażin il-kummerċ bejn il-partijiet;
(b)
jekk applikabbli, jiddetermina l-livell ta’ benefiċċji li jakkumulaw għall-parti li tilmenta skont id-dispożizzjonijiet koperti li jkunu ġew annullati jew sostanzjalment indeboliti b’mod li jaffettwa ħażin il-kummerċ bejn il-partijiet;
(c)
jekk ikun sab li l-miżura inkwistjoni tannulla jew tfixkel sostanzjalment kwalunkwe benefiċċju li jakkumula għall-parti li tilmenta skont id-dispożizzjonijiet koperti, b’mod li jaffettwa ħażin il-kummerċ bejn il-partijiet, jirrakkomanda li l-parti konvenuta tagħmel aġġustament sodisfaċenti għaż-żewġ naħat; il-parti konvenuta ma tkunx obbligata tirtira l-miżura inkwistjoni; u
(d)
jekk applikabbli, u jekk jintalab hekk miż-żewġ partijiet, jissuġġerixxi modi u mezzi biex jintlaħaq aġġustament sodisfaċenti b’mod reċiproku, inkluż permezz ta’ kumpens; tali suġġerimenti ma għandhomx ikunu vinkolanti fuq il-partijiet.
11.
Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex jieħu kwalunkwe deċiżjoni b’kunsens. Jekk, madankollu, deċiżjoni ma tkunx tista’ tintlaħaq b’kunsens, il-kwistjoni inkwistjoni għandha tiġi deċiża b’vot ta’ maġġoranza. L-arbitri ma għandhomx joħorġu opinjonijiet kuntrarji jew separati u għandhom iżommu l-kunfidenzjalità fir-rigward tal-votazzjoni.
12.
Il-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jagħmel id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-bord ta’ arbitraġġ disponibbli għall-pubbliku fl-intier tagħha, sakemm il-partijiet ma jiddeċidux, bi ftehim reċiproku, li ma jippubblikawx partijiet minnha li jkun fihom informazzjoni kunfidenzjali.
13.
Id-deċiżjoni arbitrali għandha tkun vinkolanti fuq il-partijiet mid-data li fiha tingħata u ma għandhiex tkun soġġetta għal appell.
14.
Id-deċiżjoni arbitrali ma tistax iżżid jew tnaqqas id-drittijiet u l-obbligi previsti fid-dispożizzjonijiet koperti. Id-deċiżjoni arbitrali ma għandhiex tiġi interpretata bħala li tagħti drittijiet jew timponi obbligi fuq persuni.
15.
Il-paragrafi 2, 4, 6, 8 u 11 għandhom ikunu applikabbli għad-deċiżjonijiet tal-bord ta’ arbitraġġ imsemmija fl-Artikoli 29.18, 29.19, 29.20 u 29.21.
ARTIKOLU 29.15
Irtirar, soluzzjoni maqbula b’mod reċiproku jew sospensjoni ta’ tilwima
1.
Il-parti li tilmenta tista’, soġġett għall-kunsens tal-parti konvenuta, tirtira l-ilment tagħha qabel ma tkun inħarġet id-deċiżjoni arbitrali.
2.
Jekk il-partijiet jilħqu soluzzjoni maqbula b’mod reċiproku fi kwalunkwe ħin qabel jew wara l-ħruġ tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, il-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jiġi nnotifikat bil-miktub miż-żewġ partijiet.
3.
Il-bord ta’ arbitraġġ għandu, fuq talba taż-żewġ partijiet, jissospendi l-ħidma tiegħu fi kwalunkwe ħin, qabel ma tinħareġ id-deċiżjoni arbitrali, għal perjodu miftiehem mill-partijiet u li ma jaqbiżx 12-il (tnax) xahar konsekuttiv. F’dak il-perjodu, il-bord ta’ arbitraġġ għandu jerġa’ jibda l-ħidma tiegħu biss fuq talba bil-miktub taż-żewġ partijiet. It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ. Il-proċedimenti għandhom jitkomplew mill-istadju li fih ikunu ġew sospiżi 20 (għoxrin) jum wara d-data tal-wasla tat-talba. Jekk il-ħidma tal-bord ta’ arbitraġġ tkun ġiet sospiża għal aktar minn 12-il (tnax) xahar, l-awtorità tal-bord ta’ arbitraġġ għandha tiskadi, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-parti li tilmenta li titlob fi żmien aktar tard it-twaqqif ta’ bord ta’ arbitraġġ dwar l-istess suġġett.
ARTIKOLU 29.16
Talba għal kjarifiki
Mhux aktar tard minn 10 (għaxart) ijiem wara li tirċievi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, parti tista’ tippreżenta lill-bord ta’ arbitraġġ, b’kopja lill-parti l-oħra u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, talba bil-miktub għal kjarifika fir-rigward ta’ aspetti speċifiċi ta’ kwalunkwe sejba jew rakkomandazzjoni fid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ li l-parti rikjedenti tqis ambigwa. Il-parti l-oħra fit-tilwima tista’ tissottometti kummenti dwar dik it-talba lill-bord ta’ arbitraġġ sa mhux aktar tard minn 5 (ħamest) ijiem wara li tirċeviha. Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jwieġeb għat-talba għal kjarifika tad-deċiżjoni arbitrali sa mhux aktar tard minn 15-il (ħmistax) jum wara li jirċeviha. It-talbiet għal kjarifika ma għandhomx jintużaw bħala mezz biex tiġi rieżaminata d-deċiżjoni arbitrali.
ARTIKOLU 29.17
Konformità mad-deċiżjoni arbitrali
1.
Il-parti konvenuta għandha tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tikkonforma fil-pront u in bona fide mad-deċiżjoni arbitrali.
2.
Fil-każ li l-bord ta’ arbitraġġ jikkonkludi li l-miżura inkwistjoni tannulla jew tfixkel b’mod sostanzjali kwalunkwe benefiċċju li jakkumula għall-parti li tilmenta skont id-dispożizzjonijiet koperti, b’mod li jaffettwa ħażin il-kummerċ bejn il-partijiet, il-partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet bl-għan li jaqblu dwar soluzzjoni maqbula b’mod reċiproku. Il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprivileġġaw soluzzjoni li tespandi b’mod effettiv l-aċċess għas-suq permezz ta’ miżuri li jinkludu t-tnaqqis tat-tariffi jew l-eliminazzjoni ta’ ostakli mhux tariffarji.
ARTIKOLU 29.18
Perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-konformità
1.
Jekk ma jkunx prattikabbli li wieħed jikkonforma immedjatament mad-deċiżjoni arbitrali, il-parti konvenuta għandu jkollha perjodu ta’ żmien raġonevoli biex tagħmel dan. F’dak il-każ, il-parti konvenuta għandha, sa mhux aktar tard minn 30 (tletin) jum wara li tirċievi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, tinnotifika lill-parti li tilmenta u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ dwar it-tul tal-perjodu raġonevoli ta’ żmien li tkun teħtieġ għall-konformità.
2.
Jekk il-partijiet ma jkunux qablu dwar it-tul tal-perjodu raġonevoli ta’ żmien biex jikkonformaw mad-deċiżjoni arbitrali, il-parti li tilmenta għandha, sa mhux aktar tard minn 20 (għoxrin) jum wara li tirċievi n-notifika magħmula skont il-paragrafu 1 mill-parti konvenuta, titlob bil-miktub lill-bord ta’ arbitraġġ oriġinali biex jiddetermina t-tul tal-perjodu raġonevoli ta’ żmien. Tali talba għandha tiġi nnotifikata lill-parti l-oħra u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ. Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu lill-partijiet u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ sa mhux aktar tard minn 20 (għoxrin) jum wara d-data tas-sottomissjoni tat-talba.
3.
Il-parti konvenuta għandha tinforma lill-parti li tilmenta bil-miktub dwar il-progress tagħha fil-konformità mad-deċiżjoni arbitrali mill-inqas xahar (1) qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ żmien raġonevoli.
4.
Il-perjodu ta’ żmien raġonevoli jista’ jiġi estiż bi ftehim reċiproku bejn il-partijiet.
ARTIKOLU 29.19
Rieżami ta’ kwalunkwe miżura meħuda biex ikun hemm konformità mad-deċiżjoni arbitrali
1.
Qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ żmien raġonevoli msemmi fl-Artikolu 29.18, il-parti konvenuta għandha tinnotifika lill-parti l-oħra u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ bi kwalunkwe miżura li tkun ħadet biex tikkonforma mad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.
2.
Jekk il-partijiet ma jaqblux dwar l-eżistenza jew il-konformità tal-miżura notifikata mill-parti konvenuta skont il-paragrafu 1 mad-deċiżjoni arbitrali jew mad-dispożizzjonijiet koperti, il-parti li tilmenta tista’ tagħmel talba lill-bord ta’ arbitraġġ oriġinali biex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Tali talba għandha tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni u tispjega kif dik il-miżura ma tikkonformax mad-deċiżjoni arbitrali jew hija inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet koperti b’mod li tiġi ppreżentata l-bażi ġuridika għall-ilment b’mod ċar. Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu lill-partijiet mhux aktar tard minn 45 (ħamsa u erbgħin) jum wara d-data tal-wasla tat-talba.
ARTIKOLU 29.20
Rimedji temporanji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità
1.
Jekk il-parti konvenuta ma tkunx innotifikat il-miżura li tkun ħadet biex tikkonforma mad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew mad-dispożizzjonijiet koperti fil-perjodu ta’ żmien raġonevoli ddeterminat skont l-Artikolu 29.18, jew jekk il-bord ta’ arbitraġġ jagħti deċiżjoni skont l-Artikolu 29.19(2) bl-effett li ma teżisti l-ebda miżura meħuda għall-konformità jew li l-miżura nnotifikata skont l-Artikolu 29.19(1) ma tkunx konsistenti mad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew mal-obbligi tal-parti li tiddefendi skont id-dispożizzjonijiet koperti, il-parti konvenuta għandha, jekk tintalab tagħmel dan mill-parti li tilmenta, tippreżenta offerta għal kumpens temporanju.
2.
Il-parti li tilmenta tista’, wara notifika lill-parti konvenuta u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, tissospendi l-konċessjonijiet jew obbligi oħra skont id-dispożizzjonijiet koperti jekk:
(a)
il-parti li tilmenta tiddeċiedi li ma titlobx offerta għal kumpens temporanju skont il-paragrafu 1; jew
(b)
tali talba ssir u ma jintlaħaq l-ebda ftehim dwar il-kumpens fi żmien 30 (tletin) jum wara:
(i)
it-tmiem tal-perjodu ta’ żmien raġonevoli ddeterminat skont l-Artikolu 29.18; jew
(ii)
l-għoti ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 29.19(2) li ssib li ma teżisti l-ebda miżura meħuda għall-konformità jew li l-miżura nnotifikata skont l-Artikolu 29.19(1) hija inkonsistenti mad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew mad-dispożizzjonijiet koperti.
3.
Is-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew ta’ obbligi oħra ma għandhiex taqbeż il-livell ekwivalenti għan-nullifikazzjoni jew l-indeboliment imġarrab bħala riżultat tan-nuqqas tal-parti konvenuta li tikkonforma mad-deċiżjoni arbitrali. Il-parti li tilmenta għandha tinnotifika lill-parti l-oħra dwar il-konċessjonijiet jew obbligi oħra li biħsiebha tissospendi 30 (tletin) jum qabel id-data li fiha s-sospensjoni għandha tidħol fis-seħħ.
4.
Meta tikkunsidra liema konċessjonijiet jew obbligi oħra għandha tissospendi, il-parti li tilmenta jenħtieġ li l-ewwel tfittex li tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra fl-istess settur jew setturi bħal dak jew dawk affettwati mill-miżura li nstabet li mhijiex konformi mad-dispożizzjonijiet koperti jew li tkun annullat jew fixklet sostanzjalment il-benefiċċji li jakkumulaw għall-parti li tkun qed tilmenta skont il-Parti III ta’ dan il-Ftehim b’mod li jaffettwa ħażin il-kummerċ bejn il-partijiet.
5.
Fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (a), is-sospensjoni tal-konċessjonijiet tista’ tiġi applikata għal setturi għajr is-settur jew is-setturi li fihom il-bord ta’ arbitraġġ ikun sab annullament jew indeboliment, b’mod partikolari jekk il-parti li tilmenta tkun tal-fehma li tali sospensjoni tkun effettiva biex twassal għall-konformità.
6.
Fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (b), jekk il-parti li tilmenta tqis li s-sospensjoni tal-konċessjonijiet fl-istess settur jew setturi bħal dak jew dawk affettwati b’mod negattiv mill-miżura inkwistjoni ma tkunx prattikabbli jew effettiva, hija tista’ tfittex li tapplika dawk għal setturi oħra. F’każ bħal dan, il-parti li tilmenta għandha tqis:
(a)
il-kummerċ fis-settur affettwat ħażin mill-miżura inkwistjoni u l-importanza ta’ tali kummerċ għal dik il-parti;
(b)
l-elementi ekonomiċi usa’ relatati man-nullifikazzjoni jew l-indeboliment sostanzjali; u
(c)
il-konsegwenzi ekonomiċi usa’ tal-applikazzjoni tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet, inkluż it-tixrid tal-adozzjoni ta’ rimedji temporanji f’diversi setturi sabiex jitqies id-daqs ekonomiku differenti tas-setturi involuti.
7.
Fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (b), il-parti li tilmenta għandha tkompli tagħti lill-parti konvenuta, fis-settur li hu soġġett għar-rimedji inkwistjoni, trattament li hu sinifikattivament aktar favorevoli mit-trattament li tat lil dik il-parti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
B’mod partikolari, meta jiġi adottat rimedju temporanju permezz tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji, il-parti li tilmenta għandha tagħti prijorità lill-merkanzija li hija soġġetta għal liberalizzazzjoni sħiħa tat-tariffi.
Għall-merkanzija soġġetti għal kwoti tariffarji, kwalunkwe rimedju temporanju għandu jiġi applikat b’tali mod li mill-inqas 50 (ħamsin) fil-mija tal-volum tal-kwota speċifikat fl-Anness 10-A, li jappartjeni għall-parti konvenuta, jibqa’ mhux affettwat u kompletament aċċessibbli skont it-termini tal-Parti III ta’ dan il-Ftehim.
Għal merkanzija soġġetta għal liberalizzazzjoni fi stadji u li għaliha l-perjodu ta’ stadji sal-liberalizzazzjoni sħiħa jkun itwal minn 11-il (ħdax) sena, kwalunkwe rimedju temporanju fil-forma ta’ sospensjoni ta’ konċessjonijiet tariffarji ma għandux jaqbeż il-50 (ħamsin) fil-mija tad-differenza bejn, minn naħa waħda, ir-rata stabbilita fl-Anness 10-A applikabbli fiż-żmien rilevanti u, min-naħa l-oħra, ir-rata tariffarja mhux preferenzjali applikata mill-parti li tissospendi, sakemm il-kummerċ ta’ merkanzija kkonċernata jiġi liberalizzat bis-sħiħ.
8.
Fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (b), li tinvolvi pajjiż li qed jiżviluppa mingħajr kosta, il-parti li tilmenta għandha tikkunsidra x’azzjoni ulterjuri tista’ tieħu li tkun xierqa għaċ-ċirkostanzi ta’ dak il-pajjiż mingħajr kosta li qed jiżviluppa, filwaqt li tqis mhux biss il-kopertura kummerċjali tal-miżuri li dwarhom ikun sar l-ilment, iżda wkoll l-impatt ta’ kwalunkwe rimedju temporanju fuq l-isfidi ekonomiċi speċifiċi ta’ dak il-pajjiż mingħajr kosta li qed jiżviluppa.
9.
Jekk il-parti konvenuta tqis li l-livell notifikat ta’ sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra jaqbeż il-livell ekwivalenti għan-nullifikazzjoni jew l-indeboliment ikkawżat bħala riżultat tan-nuqqas tal-parti konvenuta li tikkonforma mad-deċiżjoni arbitrali, hija tista’ tibgħat talba bil-miktub lill-bord ta’ arbitraġġ oriġinali biex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Tali talba għandha tiġi nnotifikata lill-parti li tilmenta u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ sa mhux aktar tard minn 30 (tletin) jum wara d-data tal-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2. Fi żmien 10 (għaxart) ijiem mid-data tal-wasla tat-talba għall-bord ta’ arbitraġġ, il-parti li tilmenta għandha tippreżenta dokument li jindika l-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-livell tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra. Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu sa mhux aktar tard minn 30 (tletin) jum wara d-data tal-wasla tat-talba. Matul dak il-perjodu ta’ żmien, il-parti li tilmenta ma għandha tissospendi l-ebda konċessjoni jew obbligu ieħor.
10.
Is-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra għandha tkun temporanja, u ma għandhiex tissostitwixxi l-objettiv ta’ konformità sħiħa mad-deċiżjoni arbitrali u d-dispożizzjonijiet koperti. Konċessjonijiet jew obbligi oħra għandhom jiġu sospiżi biss sakemm:
(a)
fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (a), kwalunkwe miżura li jkun sab il-bord ta’ arbitraġġ li hija inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet koperti tkun ġiet irtirata jew emendata sabiex il-Parti konvenuta ssir konformi ma’ dawk id-dispożizzjonijiet;
(b)
fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (b) kwalunkwe miżura li l-bord ta’ arbitraġġ ikun sab li tannulla jew tfixkel sostanzjalment benefiċċju li jakkumula għall-parti li tilmenta skont id-dispożizzjonijiet koperti, b’mod li jaffettwa ħażin il-kummerċ bejn il-partijiet, tkun ġiet irtirata jew emendata sabiex telimina dak l-annullament jew indeboliment sostanzjali;
(c)
il-partijiet ikunu qablu li l-miżura nnotifikata skont l-Artikolu 29.19(1) iġġib lill-parti konvenuta f’konformità mad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew mad-dispożizzjonijiet koperti; jew
(d)
il-partijiet ikunu laħqu soluzzjoni maqbula b’mod reċiproku skont l-Artikolu 29.24.
11.
Minkejja l-paragrafu 1, fil-każ ta’ tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4, il-punt (b), il-kumpens jista’ jkun parti minn aġġustament sodisfaċenti b’mod reċiproku bħala soluzzjoni finali tat-tilwima.
ARTIKOLU 29.21
Rieżami ta’ kwalunkwe miżura li tittieħed għall-konformità wara l-adozzjoni
ta’ rimedji temporanji għan-nuqqas ta’ konformità
1.
Il-parti konvenuta għandha tibgħat notifika lill-parti li tilmenta u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ ta’ kwalunkwe miżura li tkun ħadet biex tikkonforma mad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ wara s-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra jew wara l-applikazzjoni ta’ kumpens temporanju, skont il-każ. Bl-eċċezzjoni tal-każijiet skont il-paragrafu 2, il-parti li tilmenta għandha ttemm is-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra sa mhux aktar tard minn 30 (tletin) jum wara l-konsenja tan-notifika. Jekk il-kumpens ikun ġie applikat, u bl-eċċezzjoni tal-każijiet skont il-paragrafu 2, il-parti konvenuta tista’ ttemm l-applikazzjoni ta’ tali kumpens sa mhux aktar tard minn 30 (tletin) jum wara n-notifika tagħha li tkun ikkonformat mad-deċiżjoni arbitrali.
2.
Jekk il-partijiet ma jaqblux dwar jekk il-miżura notifikata ġġibx lill-parti konvenuta f’konformità mad-deċiżjoni arbitrali jew mad-dispożizzjonijiet koperti, kwalunkwe waħda mill-partijiet tista’, sa mhux aktar tard minn 30 (tletin) jum wara l-konsenja tan-notifika tal-miżura, titlob bil-miktub lill-bord ta’ arbitraġġ biex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Tali talba għandha tiġi nnotifikata lill-parti l-oħra u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ. Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-partijiet u lill-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ sa mhux aktar tard minn 45 (ħamsa u erbgħin) jum wara li jirċievi t-talba. Jekk il-bord ta’ arbitraġġ jiddeċiedi li l-miżura meħuda għall-konformità hija konformi mad-deċiżjoni arbitrali u mad-dispożizzjonijiet koperti, is-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra jew kumpens, skont il-każ, għandhom jintemmu. Jekk rilevanti, il-parti li tilmenta għandha taġġusta l-livell ta’ sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra għal-livell determinat mill-bord ta’ arbitraġġ.
3.
Is-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra jew il-kumpens, skont il-każ, għandhom jintemmu wkoll jekk ma ssir l-ebda talba lill-bord ta’ arbitraġġ skont il-paragrafu 2.
ARTIKOLU 29.22
Annessi
1.
L-Annessi 29-A, 29-B u 29-C għandhom jiffurmaw parti integrali minn dan il-Kapitolu.
2.
It-tilwim skont dan il-Kapitolu għandu jitwettaq f’konformità mal-Annessi 29-A u 29-B.
3.
Il-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ jista’ jemenda l-Annessi 29-A u 29-B.
TAQSIMA D
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
ARTIKOLU 29.23
Għażla ta’ forum
1.
It-tilwim relatat mal-istess kwistjoni li jinqala’ skont id-dispożizzjonijiet koperti u skont il-Ftehim tad-WTO jew skont kwalunkwe ftehim ieħor li għalih il-partijiet rilevanti jkunu parti jista’ jiġi solvut skont dan il-Kapitolu, skont id-DSU jew skont il-proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim ta’ dak il-ftehim l-ieħor fid-diskrezzjoni tal-parti li tilmenta.
2.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu:
(a)
il-proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim skont il-Ftehim tad-WTO jitqiesu li jinbdew b’talba ta’ parti għall-istabbiliment ta’ bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 6 tad-DSU;
(b)
il-proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim skont kwalunkwe ftehim ieħor jitqiesu li jinbdew permezz ta’ talba ta’ parti għall-istabbiliment ta’ bord jew tribunal tas-soluzzjoni ta’ tilwim f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim; u
(c)
il-proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim skont dan il-Kapitolu jitqiesu li jinbdew permezz ta’ talba ta’ parti għall-istabbiliment ta’ bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 29.7.
3.
Minkejja l-paragrafu 1 u soġġett għall-paragrafu 4, meta l-Unjoni Ewropea jew il-MERCOSUR jew wieħed jew aktar mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR ikunu talbu l-istabbiliment ta’ bord skont l-Artikolu 6 tad-DSU jew skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ ftehim ieħor li għalih il-partijiet rilevanti jkunu parti, jew bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 29.7, dik il-parti ma tistax tibda sett ieħor ta’ proċedimenti dwar l-istess kwistjoni fi kwalunkwe wieħed mill-fora l-oħra, ħlief f’każijiet fejn il-korp kompetenti fil-forum magħżul ma jkunx ħa deċiżjoni dwar is-sustanza tal-kwistjoni minħabba raġunijiet ġuriżdizzjonali jew proċedurali għajr it-terminazzjoni tal-proċedimenti wara talba għall-irtirar jew is-sospensjoni tal-proċedimenti.
4.
Ladarba l-MERCOSUR ikun talab l-istabbiliment ta’ bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 29.7, Stat Firmatarju tal-MERCOSUR ma għandux jibda proċediment ieħor dwar l-istess kwistjoni fi kwalunkwe forum ieħor. Ladarba l-Unjoni Ewropea tkun talbet l-istabbiliment ta’ bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 29.7 kontra l-MERCOSUR, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex tibda proċediment ieħor kontra Stat Firmatarju tal-MERCOSUR wieħed jew aktar fi kwalunkwe forum ieħor, jekk il-miżura kkontestata ta’ dak l-Istat Firmatarju tal-MERCOSUR jew ta’ dawk l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR tkun miżura li timplimenta l-miżura kkontestata tal-MERCOSUR u l-Unjoni Ewropea tallega ksur ta’ obbligu sostanzjalment ekwivalenti.
5.
Żewġ tilwimiet jew aktar jikkonċernaw l-istess kwistjoni meta jinvolvu l-istess partijiet fit-tilwima, jirreferu għall-istess miżura u jittrattaw allegat ksur ta’ obbligu sostanzjalment ekwivalenti.
6.
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jipprekludi lil Parti milli tissospendi l-obbligi awtorizzati mill-Korp għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO jew awtorizzat skont il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim ta’ ftehim internazzjonali ieħor li għalih il-partijiet litiganti jkunu parti. Il-Ftehim tad-WTO jew il-ftehim internazzjonali l-ieħor bejn il-partijiet ma għandhomx jiġu invokati biex jipprekludu lil Parti milli tissospendi l-obbligi skont dan il-Kapitolu.
ARTIKOLU 29.24
Soluzzjoni maqbula b’mod reċiproku
1.
Il-partijiet jistgħu jilħqu soluzzjoni maqbula b’mod reċiproku fi kwalunkwe ħin fir-rigward ta’ kwalunkwe tilwima msemmija fl-Artikolu 29.4. Il-partijiet għandhom jaqblu dwar perjodu ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ tali soluzzjoni.
2.
Jekk tintlaħaq soluzzjoni maqbula b’mod reċiproku matul il-proċedimenti tal-bord ta’ arbitraġġ, il-partijiet għandhom jinnotifikaw dik is-soluzzjoni b’mod konġunt lill-president tal-bord ta’ arbitraġġ. Wara tali notifika, il-proċedimenti tal-bord ta’ arbitraġġ għandhom jintemmu.
3.
Kull parti għandha tadotta l-miżuri meħtieġa biex timplimenta s-soluzzjoni maqbula b’mod reċiproku fil-perjodu ta’ żmien miftiehem.
4.
Is-soluzzjoni tista’ tiġi adottata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ. Il-konklużjoni tas-soluzzjoni maqbula b’mod reċiproku bejn il-partijiet tista’ tkun soġġetta għat-tlestija ta’ kwalunkwe proċedura interna meħtieġa. Soluzzjonijiet maqbula b’mod reċiproku għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku mingħajr ma jkun fihom informazzjoni li parti tkun indikat bħala kunfidenzjali.
5.
Il-parti li timplimenta għandha, fil-perjodu ta’ żmien miftiehem, tinforma lill-parti l-oħra, bil-miktub, bi kwalunkwe miżura li tkun ħadet biex timplimenta s-soluzzjoni maqbula b’mod reċiproku.
ARTIKOLU 29.25
Perjodi ta’ żmien
1.
Il-bord ta’ arbitraġġ jew il-medjatur jista’ fi kwalunkwe ħin jipproponi lill-partijiet biex jimmodifikaw kwalunkwe perjodu ta’ żmien imsemmi f’dan il-Kapitolu, filwaqt li jiddikjara r-raġunijiet għall-proposta.
2.
Kwalunkwe perjodu ta’ żmien imsemmi f’dan il-Kapitolu jista’ jiġi estiż bi ftehim reċiproku tal-partijiet.
ARTIKOLU 29.26
Kunfidenzjalità
Id-deliberazzjonijiet tal-bord ta’ arbitraġġ għandhom ikunu kunfidenzjali. Il-bord ta’ arbitraġġ u l-partijiet għandhom jittrattaw bħala kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni sottomessa minn parti lill-bord ta’ tal-arbitraġġ li dik il-parti tkun indikat bħala kunfidenzjali. Meta dik il-parti tissottometti verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha lill-bord ta’ arbitraġġ, hija għandha wkoll, fuq talba tal-parti l-oħra, tipprovdi sommarju mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni li tinsab fis-sottomissjonijiet tagħha li tista’ tiġi żvelata lill-pubbliku.
ARTIKOLU 29.27
Spejjeż
1.
Kull parti għandha tħallas l-ispejjeż tagħha stess fir-rigward tal-parteċipazzjoni f’bord ta’ arbitraġġ jew fi proċedimenti ta’ medjazzjoni.
2.
Il-partijiet għandhom jaqsmu l-ispejjeż b’mod konġunt u ugwali fir-rigward ta’ kwistjonijiet organizzattivi, inklużi r-remunerazzjoni u l-ispejjeż tal-arbitri u tal-medjatur f’konformità mal-Anness 29-A.
TAQSIMA IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
KAPITOLU 30
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
ARTIKOLU 30.1
Dħul fis-seħħ
1.
Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ bejn il-Parti tal-UE u l-Parti tal-MERCOSUR fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha jkunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub dwar it-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għal dan l-għan.
2.
In-notifiki għandhom jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Gvern tar-Repubblika tal-Paragwaj, jew lis-suċċessuri tiegħu, li huma d-Depożitorji ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 30.2
Applikazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ
1.
Dan il-Ftehim jista’ jiġi applikat b’mod proviżorju. Tali applikazzjoni proviżorja tista’ sseħħ bejn, minn naħa waħda, l-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, il-MERCOSUR, u/jew wieħed jew aktar mill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR f’konformità mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom.
2
L-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Ftehim jew partijiet minnu għandha tibda fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha:
(a)
l-Unjoni Ewropea tkun innotifikat bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħha, filwaqt li tindika l-partijiet ta’ dan il-Ftehim li għandhom jiġu applikati b’mod proviżorju; u
(b)
wara notifika mill-Unjoni Ewropea, il-MERCOSUR u/jew l-Istat jew Stati firmatarji rilevanti tal-MERCOSUR, kif applikabbli, innotifikaw it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom jew ir-ratifika ta’ dan il-Ftehim u kkonfermaw il-ftehim tagħhom li japplikaw b’mod proviżorju l-partijiet ta’ dan il-Ftehim proposti mill-Unjoni Ewropea.
3.
In-notifiki għandhom jintbagħtu lid-Depożitorji ta’ dan il-Ftehim.
4.
Il-Kumitat Konġunt u korpi oħrajn stabbiliti skont dan il-Ftehim jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom matul dan il-perjodu li fih dan il-Ftehim jew parti minnu tkun qed tiġi applikata b’mod proviżorju. Kwalunkwe deċiżjoni adottata matul dan il-perjodu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, għandha tapplika esklużivament bejn il-Partijiet li japplikaw dan il-Ftehim b’mod proviżorju u ma għandhiex tibqa’ effettiva bejn il-Parti jew il-Partijiet li ma jibqgħux japplikaw dan il-Ftehim b’mod proviżorju u l-Parti jew il-Partijiet li jifdal.
5.
Meta, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, dan il-Ftehim jew ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jiġu applikati b’mod proviżorju, kwalunkwe referenza għad-data tad-dħul fis-seħħ għandha tinftiehem li tirreferi għad-data minn meta sseħħ dik l-applikazzjoni.
6.
Meta, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, dan il-Ftehim jew ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jiġu applikati b’mod proviżorju mill-Unjoni Ewropea u minn Stat firmatarju wieħed jew aktar tal-MERCOSUR, kwalunkwe referenza għall-MERCOSUR għandha tinftiehem li tirreferi għal tali Stat jew Stati firmatarji tal-MERCOSUR li jkunu qablu li japplikaw dan il-Ftehim b’mod proviżorju.
7.
L-emendi għal dan il-Ftehim jew partijiet minnu jistgħu japplikaw ukoll b’mod proviżorju f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Jekk jiġu adottati emendi ta’ dan it-tip matul l-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Ftehim, dawn għandhom japplikaw għall-MERCOSUR u/jew kwalunkwe Stat Firmatarju tal-MERCOSUR mal-qbil tiegħu li japplika dan il-Ftehim jew partijiet minnu b’mod proviżorju f’konformità mal-paragrafu 2 u għandhom jibqgħu validi wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.
ARTIKOLU 30.3
Referenzi għal liġijiet u Ftehimiet oħra
1.
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, meta ssir referenza għal-liġijiet u għar-regolamenti ta’ Parti, dawk il-liġijiet u r-regolamenti għandhom jinftiehmu li jinkludu l-emendi għalihom.
2.
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, kwalunkwe referenza, jew inkorporazzjoni permezz ta’ referenza f’dan il-Ftehim għal ftehimiet jew strumenti legali oħra b’mod sħiħ jew parzjali għandha tinftiehem li tinkludi annessi, protokolli, noti f’qiegħ il-paġna, noti ta’ interpretazzjoni u noti ta’ spjegazzjoni relatati.
3.
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, meta l-ftehimiet internazzjonali jissemmew jew jiġu inkorporati f’dan il-Ftehim, kompletament jew parzjalment, dawn għandhom jinftiehmu li jinkludu l-emendi għalihom jew il-ftehimiet suċċessuri tagħhom li jidħlu fis-seħħ għaż-żewġ Partijiet fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim jew wara. Jekk tinqala’ xi kwistjoni rigward l-implimentazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim bħala riżultat ta’ tali emendi jew ftehimiet suċċessuri, il-Partijiet jistgħu, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, jikkonsultaw ma’ xulxin permezz tal-Kunsill Konġunt bl-għan li tinstab soluzzjoni sodisfaċenti għaż-żewġ naħat għal din il-kwistjoni kif meħtieġ. Bħala riżultat ta’ tali konsultazzjoni, il-Partijiet jistgħu, b’deċiżjoni fil-Kunsill Konġunt, jemendaw dan il-Ftehim skont dan.
4.
Il-paragrafu 3 japplika mutatis mutandis, jekk l-emenda jew il-ftehim suċċessur ta’ ftehim internazzjonali msemmi jew inkorporat f’dan il-Ftehim kompletament jew parzjalment, ikun daħal fis-seħħ għall-Unjoni Ewropea u Stat Firmatarju tal-MERCOSUR wieħed jew aktar.
ARTIKOLU 30.4
Twettiq tal-obbligi
1.
Abbażi tal-prinċipji ta’ rispett reċiproku, sħubija ugwali u rispett għad-dritt internazzjonali, kull Parti għandha tieħu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim.
2.
Jekk waħda mill-Partijiet tqis li l-Parti l-oħra tkun naqset milli twettaq kwalunkwe wieħed mill-obbligi skont il-Parti III ta’ dan il-Ftehim, għandhom japplikaw il-mekkaniżmi speċifiċi previsti f’dik il-Parti tal-Ftehim.
3.
Jekk xi waħda mill-Partijiet tqis, abbażi tas-sitwazzjoni fattwali, li l-Parti l-oħra wettqet ksur tal-obbligi li huma deskritti bħala elementi essenzjali fl-Artikolu 1.2(1), fl-Artikolu 5.2(2) u fl-Artikolu 7.7(3), hija tista’ tieħu miżuri xierqa.
Hija għandha tinnotifika minnufih lill-Parti l-oħra b’dan il-fatt u bil-miżuri meħuda. Parti tista’ titlob li jsiru konsultazzjonijiet urġenti dwar il-kwistjoni bl-għan li tinstab soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku. Il-Partijiet ikkonċernati għandhom jagħmlu ħilithom biex iwettqu konsultazzjonijiet qabel ma jittieħdu l-miżuri xierqa. Il-Parti notifikanti li tadotta l-miżuri għandha tissottometti l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għal eżami bir-reqqa tas-sitwazzjoni.
Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, “miżuri xierqa” jistgħu jinkludu s-sospensjoni, parzjalment jew kompletament, ta’ dan il-Ftehim. Is-sospensjoni ta’ dan il-Ftehim hija miżura tal-aħħar istanza u tista’ tiġi imposta biss fil-każ ta’ ksur partikolarment serju u sostanzjali tal-elementi essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 1.2(1), l-Artikolu 5.2(2) u l-Artikolu 7.7(3). F’każ bħal dan, il-Partijiet għandhom jinħelsu mill-obbligu li jwettqu dan il-Ftehim, b’mod sħiħ jew parzjali, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom matul il-perjodu tas-sospensjoni. Sospensjoni bħal din għandha tapplika għall-perjodu minimu meħtieġ biex tissolva l-kwistjoni b’mod aċċettabbli għall-Partijiet.
4.
Jekk waħda mill-Partijiet tqis, abbażi ta’ sitwazzjoni fattwali, li l-Parti l-oħra tkun naqset milli tissodisfa xi obbligu f’dan il-Ftehim, ħlief dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3, hija għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra. Il-Partijiet għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jikkonsultaw u jikkooperaw sabiex isolvu l-kwistjonijiet fil-ħin u b’mod amikevoli u għandhom iwettqu konsultazzjonijiet taħt l-awspiċji tal-Kunsill Konġunt bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat. Il-Kunsill Konġunt jista’ jitlob lill-Kumitat Konġunt biex jiltaqa’ fi żmien 15-il jum biex iwettaq konsultazzjonijiet urġenti. Kull Parti għandha tipprovdi l-informazzjoni rilevanti meħtieġa għal eżami bir-reqqa. Meta l-Kunsill Konġunt ma jkunx jista’ jilħaq soluzzjoni aċċettabbli b’mod reċiproku fi żmien 90 jum mid-data ta’ notifika, il-Parti notifikanti tista’ tieħu miżuri xierqa. Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, “miżuri xierqa” jistgħu jinkludu s-sospensjoni, parzjalment jew kompletament, ta’ dan il-Ftehim. F’każ bħal dan, il-Parti notifikanti u dik notifikata għandhom jinħelsu mill-obbligu li jwettqu l-partijiet sospiżi ta’ dan il-Ftehim fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom matul il-perjodu tas-sospensjoni.
5.
“Miżuri xierqa”, kif msemmija fil-paragrafi 3 u 4 għandhom jittieħdu b’rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali u għandhom ikunu proporzjonati għan-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-obbligi skont dan il-Ftehim. Trid tingħata prijorità lil dawk il-miżuri xierqa li l-anqas ifixklu l-funzjonament ta’ dan il-Ftehim.
6.
Is-sospensjoni tal-operat ta’ kwalunkwe parti ta’ dan il-Ftehim fir-rigward ta’ Stat Firmatarju tal-MERCOSUR ma għandhiex tinvolvi s-sospensjoni tal-operat ta’ dan il-Ftehim fir-rigward tal-Istati Firmatarji l-oħra tal-MERCOSUR, ħlief meta s-sospensjoni sħiħa ta’ dan il-Ftehim skont il-paragrafu 3 tkun xierqa biex tirrimedja ksur tal-elementi essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 1.2(1) u l-Artikolu 5.2(2). Meta tiddetermina jekk tissospendix dan il-Ftehim b’mod sħiħ, il-Parti tal-UE għandha tqis kwalunkwe miżura meħuda mill-MERCOSUR kontra l-Istat Firmatarju tal-MERCOSUR li jkun wettaq il-ksur.
7.
Is-sospensjoni ta’ dan il-Ftehim fil-każ ta’ ksur tal-element essenzjali stabbilit fl-Artikolu 7.7(3) imwettaq minn Stat Firmatarju tal-MERCOSUR ma għandhiex tinvolvi s-sospensjoni tal-operat ta’ dan il-Ftehim fir-rigward tal-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR l-oħra.
ARTIKOLU 30.5
Emendi
1.
Il-Partijiet jistgħu jaqblu, bil-miktub, biex jemendaw dan il-Ftehim. Emenda għandha tidħol fis-seħħ wara li l-Partijiet jiskambjaw notifiki bil-miktub li jiċċertifikaw li huma lestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri interni applikabbli rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tal-emenda, jew f’data oħra li jistgħu jaqblu dwarha.
2.
Minkejja l-paragrafu 1, il-Kunsill Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ jew il-Kumitat Konġunt fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, kif xieraq, jista’ jiddeċiedi li jemenda l-Annessi jew partijiet oħra tal-Parti III ta’ dan il-Ftehim jekk il-Ftehim jipprevedi hekk. Tali deċiżjoni tista’ tipprevedi li tali emendi japplikaw mid-data miftiehma mill-Partijiet jew man-notifika tat-tlestija tar-rekwiżiti legali ta’ Parti jew Partijiet, jekk applikabbli.
ARTIKOLU 30.6
Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Unjoni Ewropea
1.
L-Unjoni Ewropea għandha tinnotifika lill-Parti tal-MERCOSUR bi kwalunkwe talba għall-adeżjoni ta’ pajjiż terz mal-Unjoni Ewropea.
2.
Matul in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiż kandidat li jkun qed ifittex l-adeżjoni, l-Unjoni Ewropea għandha:
(a)
tipprovdi, fuq talba tal-Parti tal-MERCOSUR, u sa fejn ikun possibbli, kwalunkwe informazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni koperta minn dan il-Ftehim; u
(b)
tqis kwalunkwe tħassib espress mill-Parti tal-MERCOSUR.
3.
Il-Kumitat Konġunt għandu jeżamina kwalunkwe effett tal-adeżjoni ta’ pajjiż terz mal-Unjoni Ewropea fuq dan il-Ftehim biżżejjed qabel id-data ta’ tali adeżjoni.
4.
Sa fejn ikun meħtieġ, il-Partijiet għandhom, qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar l-adeżjoni ta’ pajjiż terz mal-Unjoni Ewropea, jistabbilixxu permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt l-aġġustamenti jew l-arranġamenti tranżizzjonali meħtieġa fir-rigward ta’ dan il-Ftehim.
5.
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, għandha tapplika l-Parti III ta’ dan il-Ftehim bejn l-Istat Membru l-ġdid tal-Unjoni Ewropea u l-Parti tal-MERCOSUR mid-data tal-adeżjoni ta’ dak l-Istat Membru l-ġdid mal-Unjoni Ewropea.
ARTIKOLU 30.7
Adeżjoni ta’ Stati Partijiet għall-MERCOSUR
1.
Il-MERCOSUR għandu jinnotifika lill-Parti tal-UE bi kwalunkwe talba għall-adeżjoni ta’ pajjiż terz mal-MERCOSUR.
2.
Matul in-negozjati bejn il-MERCOSUR u l-pajjiż kandidat li jkun qed ifittex l-adeżjoni, il-MERCOSUR għandu:
(a)
jipprovdi, fuq talba tal-Parti tal-UE, u sa fejn ikun possibbli, kwalunkwe informazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni koperta minn dan il-Ftehim; u
(b)
iqis kwalunkwe tħassib espress mill-UE.
3.
Kwalunkwe Stat Parti għall-MERCOSUR li mhuwiex Parti għal dan il-Ftehim fid-data tal-iffirmar tiegħu (“Stat Parti tal-MERCOSUR applikant”) jista’ jaderixxi ma’ dan il-Ftehim permezz ta’ protokoll ta’ adeżjoni konkluż mill-Parti tal-UE u l-Istat Parti tal-MERCOSUR applikant. Il-protokoll ta’ adeżjoni għandu jinkorpora r-riżultati tan-negozjati tal-adeżjoni u, jekk meħtieġ, kwalunkwe aġġustament rakkomandat mill-Kumitat Konġunt skont il-paragrafu 4. Dan il-Ftehim għandu jiġi emendat skont l-Artikolu 30.5(1) biex jirrifletti t-termini tal-adeżjoni kif miftiehma fil-protokoll ta’ adeżjoni bejn il-Parti tal-UE u l-Istat Parti tal-MERCOSUR applikant.
4.
Matul in-negozjati tal-protokoll ta’ adeżjoni msemmi fil-paragrafu 3, il-MERCOSUR jista’ jakkumpanja lid-delegazzjoni tal-Istat Parti tal-MERCOSUR applikant u, qabel il-konklużjoni tan-negozjati, kwalunkwe Parti tista’ titlob laqgħa tal-Kumitat Konġunt biex teżamina l-effetti possibbli fuq dan il-Ftehim tal-adeżjoni tal-Istat Parti tal-MERCOSUR applikant u, jekk meħtieġ, tikkunsidra li tirrakkomanda aġġustamenti.
ARTIKOLU 30.8
Annessi, Appendiċijiet u Protokolli
L-Annessi, l-Appendiċijiet u l-Protokolli ta’ dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.
ARTIKOLU 30.9
Drittijiet privati
1.
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala wieħed li jagħti xi drittijiet jew li jimponi xi obbligi fuq persuni, minbarra dawk maħluqin bejn il-Partijiet skont id-dritt internazzjonali pubbliku.
2.
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala li jippermetti li dan il-Ftehim jiġi invokat direttament fis-sistemi legali domestiċi tal-Partijiet. Stat Parti firmatarju tal-MERCOSUR ta’ dan il-Ftehim jista’ jipprovdi mod ieħor skont id-dritt domestiku tiegħu.
ARTIKOLU 30.10
Tul ta’ żmien tal-validità
Dan il-Ftehim għandu jkun validu b’mod indefinit.
ARTIKOLU 30.11
Denunzja
1.
Kemm il-Parti tal-UE kif ukoll il-Parti tal-MERCOSUR tista’ tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tiddenunzja dan il-Ftehim.
2.
Id-denunzja għandha tidħol fis-seħħ disa’ xhur wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 1.
ARTIKOLU 30.12
Lingwi awtentiċi
Dan il-Ftehim huwa mfassal bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Kroat, bl-Irlandiż, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bl-Iżvediż, u kull wieħed minn dawn it-testi huwa ugwalment awtentiku.