Brussell, 3.9.2025

COM(2025) 356 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra


PROTOKOLL DWAR IL-KOOPERAZZJONI

ARTIKOLU 1

Prinċipji ġenerali

1.    Il-Partijiet ifakkru fl-istabbiliment ta’ żona ta’ kummerċ ħieles skont l-Artikolu 9.1 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR”), bl-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 9.2 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR, li se jikkontribwixxi għaż-żieda fl-introjtu u l-prosperità ġenerali fiż-żewġ reġjuni u għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi, f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.    Il-Partijiet huma impenjati għal sħubija ta’ kooperazzjoni li se tikkontribwixxi għall-paċi u l-prosperità, ibbażata fuq ir-rispett, il-fiduċja, u l-valuri u l-interessi kondiviżi, filwaqt li tindirizza b’mod konġunt l-isfidi u taħtaf l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR. Għaldaqstant, is-sħubijiet ta’ kooperazzjoni indirizzati f’dan il-Protokoll huma ispirati minn viżjoni fejn iż-żewġ Partijiet jiddefinixxu b’mod konġunt il-prijoritajiet, it-tfassil u l-objettivi segwiti.


3.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiffaċilitaw l-adattament tal-atturi ekonomiċi tal-MERCOSUR, b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u l-intraprendituri (minn hawn ’il quddiem imsejħa “SMEs”), in-nisa, il-bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar, il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali u tradizzjonali, għall-ambjent ekonomiku u kummerċjali l-ġdid iġġenerat mill-istabbiliment taż-żona ta’ kummerċ ħieles, li jippermettilhom jiksbu l-kompetittività fis-swieq tal-MERCOSUR u tal-UE u jaħsdu l-benefiċċji tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR.

4.    Għalhekk, b’mod komplementari għad-dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni minquxa fl-Artikolu 4.2 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR, il-Partijiet itennu l-impenn tagħhom li jinvolvu ruħhom fi sħubijiet ta’ kooperazzjoni bl-għan ewlieni li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR, b’enfasi partikolari fuq il-Parti III tiegħu, billi jikkontribwixxu għall-kapaċità tagħhom li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-possibbiltajiet li rriżultaw mill-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR u jindirizzaw l-impatti negattivi potenzjali fuq setturi u industriji ekonomiċi vulnerabbli, filwaqt li jenfasizzaw il-ħtieġa li jitqiesu l-isfidi speċifiċi tal-pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw.

5.    Il-kooperazzjoni prevista skont dan il-Protokoll tista’ tinkludi attivitajiet li jinvolvu b’mod konġunt l-Istati Firmatarji kollha tal-MERCOSUR jew Stat Firmatarju individwali wieħed jew aktar tal-MERCOSUR fuq setturi u segmenti speċifiċi, inklużi l-SMEs tagħhom. Il-Partijiet se jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet offruti fost l-oħrajn mill-Aġenda ta’ Investiment tal-Global Gateway UE-ALK.

6.    Il-Partijiet jaqblu li l-MERCOSUR u l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR jistgħu jibbenefikaw mit-tipi kollha ta’ riżorsi pprovduti skont dan il-Protokoll filwaqt li jqisu, fost l-oħrajn, l-isfidi speċifiċi tal-pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw biex jiżguraw l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet indaqs biex jibbenefikaw mill-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR.


ARTIKOLU 2

Mekkaniżmi Finanzjarji

L-appoġġ finanzjarju tal-UE jista’ jieħu l-forma ta’ għotjiet, self, garanziji u kooperazzjoni teknika u jista’ jiġi integrat mar-riżorsi tal-MERCOSUR u l-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR kif ukoll ma’ riżorsi finanzjarji oħra minn istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali, reġjonali u internazzjonali sabiex jiġu segwiti aktar l-objettivi tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR. L-Unjoni Ewropea se tfittex ukoll li tistabbilixxi programm MERCOSUR speċifiku bħala mezz ewlieni biex tiġi ssimplifikata l-kooperazzjoni skont il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR u tista’ wkoll tagħmel użu minn programmi u strumenti eżistenti biex tidderieġi l-assistenza lill-MERCOSUR u lill-Istati Firmatarji tal-MERCOSUR, bl-użu kemm ta’ programmi bilaterali kif ukoll reġjonali, self u garanziji baġitarji lill-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp. F’konformità mal-Inizjattiva tat-Tim Ewropa tal-Kummissjoni Ewropea, l-appoġġ mill-Unjoni Ewropea jista’ jinkludi kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u mhux biss mill-baġit tal-Unjoni Ewropea. Minħabba l-kundizzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ġodda li jistgħu jirriżultaw mill-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR, l-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni Ewropea se jinkludi riżorsi ġodda li bħalissa ma humiex disponibbli taħt programmi oħra, li preferenzjalment għandhom jiġu diretti permezz ta’ programm MERCOSUR speċifiku kif deskritt hawn fuq.


ARTIKOLU 3

Monitoraġġ u implimentazzjoni

1.    Il-Partijiet itennu li, skont l-Artikolu 2.4(6) tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR, qed jiġi stabbilit Sottokumitat għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp biex jippromwovi, jikkoordina u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni fl-oqsma msemmija fil-Parti II tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR, kif ukoll is-segwitu, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ dawk l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni.

2.    Minbarra l-kompiti previsti fl-Artikolu 2.4 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR, is-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp għandu jmexxi d-direzzjoni, jiddefinixxi l-prijoritajiet u jsawwar it-tfassil tal-programmi ta’ sħubija tal-ħidma konġunta dwar il-kooperazzjoni stabbilita f’dan il-Protokoll, kif ukoll jimmonitorja regolarment id-disponibbiltà tal-fondi għall-attivitajiet imsemmija fih. Jista’ jippreżenta wkoll rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 2.3 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR.

3.    Għall-finijiet tal-ippjanar tal-implimentazzjoni effettiva tal-kooperazzjoni skont
il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR, il-Partijiet jaqblu li jibdew jiddiskutu, fis-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, l-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni li għaddejjin u dawk ippjanati, fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ jew il-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-MERCOSUR.
F’dan il-perjodu wkoll, il-Partijiet, filwaqt li jaġixxu fil-qafas tas-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, se jaqblu dwar il-proċess għall-approvazzjoni ta’ proġetti li se jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll.