9.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 394/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1929

tat-8 ta’ Novembru 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-esportazzjoni ta’ ċerti fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija, li fihom materjali tal-Kategorija 2

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(3)(a) u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 43(3) tiegħu„

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (2) jistabbilixxi r-regoli tas-saħħa pubblika u tal-annimali għat-tqegħid fis-suq u l-esportazzjoni ta’ prodotti derivati, inkluż il-fertilizzanti organiċi u l-materjali li jtejbu l-ħamrija.

(2)

Il-Kapitolu V tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jipprevedi regoli dwar, fost l-oħrajn, l-esportazzjonijiet ta’ demel ipproċessat. Id-demel ipproċessat jista’ jintuża bħala komponent biex jeskludi l-użu sussegwenti ta’ fertilizzanti organiċi u ta’ materjali li jtejbu l-ħamrija li fihom taħlita ta’ laħam u għadam mitħun (meat-and-bone meal/MBM) ta’ materjali tal-Kategorija 2 għal finijiet ta’ tagħlif. Jenħtieġ li r-regoli dwar l-esportazzjoni ta’ demel ipproċessat jiġu emendati biex jippermettu l-esportazzjoni ta’ demel ipproċessat li jkun fih komponent ta’ taħlit fl-MBM ta’ materjali tal-Kategorija 2.

(3)

Jenħtieġ li l-esportazzjoni ta’ ċerti fertilizzanti organiċi u ta’ materjali li jtejbu l-ħamrija li fihom l-MBM ta’ materjali tal-Kategorija 2 tiġi awtorizzata mingħajr it-trasportazzjoni msemmija fl-Artikolu 48(4) tar-Regolament (UE) Nru 1069/2009, fil-każ li l-użu ta’ fertilizzanti organiċi u ta’ materjali li jtejbu l-ħamrija bħal dawn għal finijiet ta’ tagħlif huwa eskluż minħabba l-kompożizzjoni jew l-imballaġġ tagħhom. Il-fertilizzanti organiċi u l-materjali li jtejbu l-ħamrija għandhom jitħalltu ma’ demel ipproċessat jew ma’ komponenti oħra preskritti biex jiġi eskluż l-użu sussegwenti għal finijiet ta’ tagħlif. Ir-regoli għall-esportazzjoni ta’ fertilizzanti organiċi u ta’ materjali li jtejbu l-ħamrija li fihom l-MBM ta’ materjali tal-Kategorija 2 għandhom jiġu stabbiliti fil-Kapitolu V tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011.

(4)

L-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jipprevedi rekwiżiti ta’ tikkettar għall-fertilizzanti organiċi u għall-materjali li jtejbu l-ħamrija li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. F’każ ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, jenħtieġ li t-tikkettar ikun f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż terz ta’ destinazzjoni.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Kapitolu V tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill lli jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).


ANNESS

Fil-Kapitolu V tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, it-tabella għandha tiġi emendata kif ġej:

(a)

ir-ringiela 1 hija sostitwita b’dan li ġej:

“1

Demel ipproċessat;

Fertilizzanti organiċi, kompost jew residwi tad-diġestjoni mit-trasformazzjoni tal-bijogass li ma jkunx fihom prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati għajr demel ipproċessat;

Proteina pproċessata tal-annimali li jkun fiha demel ipproċessat bħala komponent ta’ taħlit jew bħala taħlita ta’ laħam u għadam mitħun ta’ materjali tal-Kategorija 2 li fihom demel ipproċessat bħala komponent ta’ taħlit

Il-prodotti derivati li ġejjin iridu jikkonformaw minn tal-inqas mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (d) u (e) tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tal-Anness XI:

—

Demel ipproċessat;

—

Fertilizzanti organiċi, kompost jew residwi tad-diġestjoni mit-trasformazzjoni tal-bijogass li ma jkunx fihom prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati għajr demel ipproċessat;

—

Demel ipproċessat bħala komponent ta’ taħlit fi proteina pproċessata tal-annimali jew taħlita ta’ laħam u għadam mitħun ipproċessat ta’ materjali tal-Kategorija 2.”

(b)

tiżdied ir-ringiela 4 li ġejja kif ġej:

“4

Fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija li fihom taħlita ta’ laħam u għadam mitħun ta’ materjali tal-Kategorija 2

Fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija li fihom taħlita ta’ laħam u għadam mitħun tal-Kategorija 2 imsemmi fil-punti 1, 2, 3 u 5 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tal-Anness XI li jissodisfaw ir-rekwiżiti hemmhekk, li huma ppakkjati f’pakketti lesti għall-bejgħ ta’ mhux aktar minn 50 kg fil-piż għall-użu mill-konsumatur finali b’kontenut ta’

(a)

mhux aktar minn 90 % fil-volum ta’ taħlita ta’ laħam u għadam mitħun ta’ materjal tal-Kategorija 2;

(b)

mill-inqas 10 % fil-volum ta’ demel ipproċessat, awrina pproċessata, ġir, fertilizzanti minerali, jew kwalunkwe komponent ta’ taħlit ieħor imsemmi fil-punt 3(b) tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tal-Anness XI.”