Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 509 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2020 ta' Spanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2020 ta' Spanja


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 ta’ Spanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 ta’ Spanja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-17 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lil Spanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2020 għal Spanja 3 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress ta’ Spanja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 4 , is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress ta’ Spanja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Huwa kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-26 ta’ Frar 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha għall-konklużjoni li Spanja għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. Id-dejn estern u intern għoli, kemm pubbliku kif ukoll privat, kompla jikkostitwixxi vulnerabbiltà f’kuntest ta’ qgħad li għadu għoli u kellu rilevanza transfruntiera.

(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, għas-soċjetajiet u għall-ekonomiji. Qiegħda tqiegħed is-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tfixkel il-katini tal-provvista globali, tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed ikollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda thedded l-impjiegi tan-nies, l-introjtu tagħhom u n-negozju tal-kumpaniji. Hija tat xokk ekonomiku kbir li diġà qed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 5 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi lill-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Kull miżura ta’ emerġenza jenħtieġ li tkun strettament proporzjonata, meħtieġa, limitata fiż-żmien, u konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li tkun suġġetta għal sorveljanza demokratika u stħarriġ ġudizzjarju indipendenti.

(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 6 . Il-klawżola, kif stipulata fl-Artikoli 5 (1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-Artikoli 3 (5) u 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għarrfet lill-Kunsill bil-fehma tagħha li, minħabba t-tnaqqis qawwi mistenni fir-ritmu ekonomiku, li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti tluq temporanju mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fi żmien medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b’rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.

(6)Huwa meħtieġ li titkompla l-azzjoni biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozju u għall-unitajiet domestiċi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati tas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol bil-ħsieb li terġa’ tibda l-attività ekonomika. L-Unjoni jenħtieġ li tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma. B’mod parallel, l-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex nerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, li jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u li jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

(7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li s-suq uniku joffri sabiex nadattaw għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-ħaddiema, miżuri eċċezzjonali li jwaqqfu lis-suq uniku milli jiffunzjona b’mod normali jridu jitneħħew malli ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari strateġiji ta’ xiri mtejba, ktajjen tal-provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.

(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti 7 biex jippermetti lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi mhux użati kollha mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati. Biex jittaffew il-pressjonijiet tal-flussi tal-flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Spanja hija mħeġġa tagħmel użu sħiħ minn dawk il-possibilitajiet biex tgħin lill-individwi u lis-setturi l-aktar affettwati mill-isfidi.

(9)Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija x’aktarx li jkunu mqassma b’mod irregolari madwar ir-reġjuni Spanjoli minħabba xejriet differenti ta’ speċjalizzazzjoni. Dan huwa l-każ, pereżempju, għar-reġjuni li jiddependu l-aktar fuq it-turiżmu, bħal dawk fil-kosta Mediterranja, l-Andalusija, jew il-Gżejjer Baleariċi u l-Gżejjer Kanarji, fejn aktar minn kwart tal-impjiegi huma marbuta ma’ dak is-settur. Dan jinvolvi riskju sostanzjali li jiżdiedu d-differenzi reġjonali fi Spanja. Flimkien mar-riskju ta’ treġġigħ lura temporanju tal-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob risponsi ta’ politika mmirati.

(10)Fl-1 ta’ Mejju 2020, Spanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2020 kif ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha għall-2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(11)Spanja bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn tranżizzjonali.

(12)Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill irrakkomanda li Spanja tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta tal-gvern (3) ma taqbiżx iż-0,6 % fl-2019, ekwivalenti għal aġġustament annwali strutturali ta’ 0,65 % tal-PDG. Il-valutazzjoni kumplessiva tal-Kummissjoni tikkonferma devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament irrakkomandat lejn l-objettiv baġitarju fi żmien medju fl-2019. Dan huwa fattur rilevanti fir-rapport tal-Kummissjoni mħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat li jivvaluta l-konformità ta’ Spanja mal-kriterju tad-dejn fl-2019.

(13)Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2020, il-Gvern qed jippjana li d-defiċit nominali se jiddeterjora minn defiċit ta’ 2,8 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 10,3 % tal-PDG fl-2020. Wara li naqas għal-livell ta’ 95,5 % tal-PDG fl-2019, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jiżdied għal 115,5 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Il-perspettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(14)B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni, Spanja adottat miżuri baġitarji biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, tikkontjeni l-pandemija, u tipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u s-setturi li ġew affettwati b’mod partikolari. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji ammontaw għal 3,2 % tal-PDG. Il-kwantifikazzjoni tal-miżuri li jżidu d-defiċit b’mod ġenerali tikkoinċidi mal-istimi tal-Kummissjoni, ladarba jitqies it-trattament differenti tal-kost tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Il-miżuri jinkludu t-tisħiħ tas-servizzi tal-kura tas-saħħa u l-għoti ta’ appoġġ għad-dħul lil ħaddiema li tqiegħdu fuq skemi ta’ xogħol b’ħinijiet qosra. Barra minn hekk, Spanja ħabbret miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex jappoġġaw il-likwidità għan-negozji, li l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 jistma li jammontaw għal 9,2 % tal-PDG. Dawn il-miżuri b’mod partikolari jinkludu garanziji ta’ self (8,8 % tal-PDG). B’mod ġenerali, il-miżuri meħuda minn Spanja huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku koordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawk il-miżuri, segwita mill-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, se tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju.

(15)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni taħt politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika ta’ Spanja huwa mbassar li jkun ta’ -10,1 % tal-PDG fl-2020 u ta’ -6,7 % fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa mbassar li jilħaq il-115,6 % tal-PDG fl-2020 u l-113,7 % fl-2021.

(16)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba n-nuqqas ta’ konformità ta’ Spanja mar-regola tad-dejn fl-2019 u l-ksur ippjanat tal-limitu tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. Kumplessivament, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterji tad-defiċit u tad-dejn kif definiti fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 mhumiex issodisfati.

(17)Il-miżuri li ttieħdu sabiex titwaqqaf il-firxa tal-virus qed ikollhom effett importanti fuq l-ekonomija u jistgħu jirriżultaw f’telf ta’ 9,4 % tal-PDG din is-sena. L-impatt fuq l-impjiegi, filwaqt li huwa diffiċli li jiġi kkalkulat f’dan l-istadju, se jkun konsiderevoli wkoll. Madwar miljun ruħ diġà tilfu l-impjieg tagħhom mill-bidu tal-kriżi. L-effett fuq l-impjiegi bħalissa qed jittaffa minn kważi 3,5 miljun ħaddiem li ġew irreġistrati fi skemi ta’ xogħol b’ħinijiet qosra (ERTEs), li sa issa evitaw telf immedjat ta’ impjiegi. Il-konsegwenzi tal-pandemija fi Spanja se jiġu aggravati mis-sehem għoli ta’ impjiegi f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), mill-piż tas-setturi li qed jintlaqtu b’mod partikolari u li x’aktarx se jesperjenzaw irkupru aktar bil-mod, fosthom it-turiżmu u l-bejgħ bl-imnut, u mir-rata għolja ta’ kuntratti temporanji fost l-impjegati (26,3 % fl-2019). Dawn il-fatturi kollha jistgħu jwasslu għal telf kbir ta’ impjiegi u jamplifikaw ix-xokk. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, ir-rata tal-qgħad (li kienet ta’ 13,6 % fi Frar 2020), hija mistennija li tiżdied għal 18,9 % fl-2020 u tirkupra għal 17 % fl-2021.

(18)L-awtoritajiet Spanjoli fittxew li jtaffu l-impatt tal-pandemija u tal-perjodu ta’ trażżin permezz ta’ diversi pakketti ta’ miżuri li b’kollox jammontaw għal EUR 145 biljun. Fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-marda, l-awtoritajiet żiedu n-nefqa tagħhom fuq is-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali. Huma ffaċilitaw ukoll l-użu tal-ERTEs bil-ħsieb li jżommu n-nies fl-impjieg u jappoġġaw id-dħul tal-unitajiet domestiċi. L-impjegati affettwati minn ERTE jirċievu benefiċċju li jammonta għal 70 % tal-bażi tagħhom tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, b’limitu minimu u massimu (EUR 502 u EUR 1,402 rispettivament). Ir-relazzjoni tal-impjieg tibqa’ intatta matul it-tul taż-żmien tal-ERTEs, li dan l-aħħar ġew estiżi sat-30 ta’ Ġunju 2020. Ditti li jimplimentaw l-ERTEs huma eżentati milli jkollhom iħallsu parti kbira ħafna mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal ħaddiema koperti mill-iskema, sakemm dawn iżommu l-impjiegi tagħhom għal mill-inqas sitt xhur wara li jerġgħu jibdew l-attivitajiet. Dawn il-miżuri jmorru id f’id ma’ għajnuna speċifika għall-SMEs u l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, li jikkostitwixxu s-sinsla tal-ekonomija Spanjola (differiment ta’ pagamenti tat-taxxa, tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u garanziji tal-istat), u huma tentattiv biex jgħinuhom jevitaw il-falliment u jerġgħu jibdew l-attività tagħhom malajr ladarba tintemm il-kriżi. Ġew adottati wkoll miżuri biex jiggarantixxu appoġġ temporanju għad-dħul għal ħaddiema mhux standard li ma għandhomx aċċess għall-protezzjoni tas-sigurtà soċjali.

(19)Is-sistema tas-saħħa Spanjola qed tagħti riżultati tajbin fejn tidħol is-saħħa minkejja l-livell komparattivament baxx ta’ investimenti. Madankollu, it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 tefgħet pressjoni bla preċedent fuq is-sistema u wriet il-vulnerabbiltà tagħha għax-xokkijiet. Azzjoni immedjata qed tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet f’termini ta’ ħaddiema tas-saħħa, prodotti mediċi kritiċi u infrastruttura sabiex jiġu salvati l-ħajjiet u tiġi restawrata s-saħħa matul il-pandemija. Il-persuni b’diżabbiltà u l-anzjani f’kura residenzjali kienu partikolarment esposti matul il-kriżi. It-tkomplija tal-aċċess tagħhom għall-kura medika u soċjali, inklużi s-servizzi tal-emerġenza u tal-kura intensiva, jeħtieġ li tiġi żgurata. Aktar tard, l-isforzi jenħtieġ li jikkonċentraw fuq it-titjib tar-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa sabiex tkun tista’ terġa’ tilħaq l-aħjar prestazzjoni tagħha malajr kemm jista’ jkun u tkun tista’ tlaħħaq aħjar ma’ xokkijiet ġodda. Il-pandemija kixfet problemi strutturali eżistenti, li wħud minnhom ġejjin minn ċerti nuqqasijiet fl-investiment f’infrastrutturi fiżiċi u nuqqasijiet fir-reklutaġġ u fil-kundizzjonijiet u tax-xogħol tal-ħaddiema tas-saħħa. Hemm diskrepanzi reġjonali f’termini ta’ nfiq, riżorsi fiżiċi u persunal, u l-koordinazzjoni bejn il-livelli differenti tal-gvern mhux dejjem tkun effettiva. Fiż-żmien medju, il-kura tas-saħħa tista’ tirrispondi aħjar għall-isfidi tat-tixjiħ, iż-żieda fil-kundizzjonijiet kroniċi u d-diżabilità. Il-kura primarja u l-iżvilupp tas-saħħa elettronika għandhom rwol ċentrali x’jaqdu f’dan ir-rigward. Fi żmien medju se jkun importanti li jiġi żgurat li t-tnaqqis probabbli fir-riżorsi minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku ma jaffettwax il-kopertura tal-kura tas-saħħa tan-nies u ma jwassalx għal inugwaljanzi fl-aċċess.

(20)Minkejja snin ta’ ħolqien ta’ impjiegi qawwi, is-suq tax-xogħol Spanjol xorta kien qed jirreġistra livelli għoljin ta’ qgħad u segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol qabel it-tifqigħa tal-COVID-19. Id-data preliminari tindika żieda sinifikanti ħafna fil-livell tal-qgħad fi Spanja minħabba l-kriżi, li se tkun ta’ piż fuq il-kapaċità tas-servizzi tal-impjieg diġà limitati sabiex jappoġġaw lill-ħaddiema u lil min iħaddem u fuq is-servizzi soċjali. Fi żmien medju, it-triq lejn l-irkupru jenħtieġ li tiġi pavimentata b’miżuri li jappoġġaw l-impjiegi meħuda f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, bħat-tneħħija gradwali tal-iskemi tax-xogħol b’ħinijiet iqsar, ir-rieżaminar tas-sistema tal-inċentivi tar-reklutaġġ sabiex ikun hemm promozzjoni aħjar ta’ forom sostenibbli ta’ impjieg, kif ukoll permezz ta’ flessibbiltà fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Li jiġi miżjud is-sehem tal-istudenti fix-xjenza u fit-teknoloġiji diġitali, li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jsiru aktar attraenti u li jiġu żgurati opportunitajiet flessibbli ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid jistgħu jgħinu biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber għall-ħiliet tekniċi meħtieġa għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali li se jakkumpanjaw l-irkupru. B’mod aktar ġenerali, it-titjib tal-gwida għall-edukazzjoni u l-karriera u l-għoti ta’ appoġġ adegwat lill-istudenti bi żvantaġġi u reġjuni li għadhom lura jistgħu jikkontribwixxu għal eżiti edukattivi aħjar. Is-suċċess tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati bil-għan li jintlaħqu dawn l-objettivi se jiddependi ħafna fuq it-teħid taż-żmien meħtieġ biex jinbena kunsens politiku u soċjali wiesa’ u fit-tul madwar ir-riformi.

(21)L-effetti tal-pandemija fuq is-suq tax-xogħol wasslu għal ħtieġa urġenti li jiġi appoġġat l-introjtu tal-unitajiet domestiċi milquta mill-kriżi. L-iffaċilitar tal-użu ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet qosra kien ċentrali f’dan l-isforz. Madankollu, ħaddiema temporanji b’kuntratti qosra ħafna, li jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira tal-kważi miljun persuna qiegħda ġodda u li fosthom hemm ħafna ħaddiema żgħażagħ, spiss mhumiex eliġibbli għal protezzjoni standard tal-qgħad. Li jiġi żgurat minn kmieni li l-ħaddiema kollha, inklużi l-ħaddiema temporanji u dawk li jaħdmu għal rashom, ikollhom aċċess għall-protezzjoni soċjali adegwata u għal politiki attivi tas-suq tax-xogħol, huwa meħtieġ biex jiġu appoġġati l-irkupru sostenibbli u l-koeżjoni soċjali.

(22)Il-kriżi x’aktarx li żżid il-livelli għoljin ta’ faqar jew esklużjoni soċjali fi Spanja, speċjalment fost il-familji bit-tfal. Fl-2019, Spanja kienet l-Istat Membru bl-iżgħar medja ta’ benefiċċji tal-familja għal kull wild. Il-familji b’introjtu baxx jew medju mhumiex intitolati għall-benefiċċji stretti tat-tfal tal-pajjiż, u t-tnaqqis tat-taxxa huwa ta’ vantaġġ limitat għalihom. In-nefqa fuq il-protezzjoni soċjali għadha orjentata ħafna lejn l-anzjani, u l-livell ta’ nfiq fuq il-pensjonijiet huwa mistenni li jiżdied b’mod sinifikanti fi żmien medju u twil, jekk id-devjazzjoni mħabbra mir-riforma tal-pensjonijiet tal-2013 issir permanenti u ma jittieħdu l-ebda miżuri ta’ kumpens adegwati. Il-kuntest ekonomiku u soċjali diffiċli li jirriżulta mill-pandemija minflok jitlob solidarjetà interġenerazzjonali favur il-ġenerazzjonijiet aktar żgħażagħ. Fi Spanja, l-assistenza tal-qgħad għall-persuni qiegħda fit-tul u għall-ħaddiema li ma jikkwalifikawx għal skemi kontributorji bħalissa hija mifruxa fuq diversi skemi, u dan jirriżulta f’kopertura baxxa. L-iskemi ta’ introjtu minimu reġjonali eżistenti jilħqu biss 20 % tal-benefiċjarji potenzjali tagħhom fil-pajjiż, fost differenzi reġjonali kbar f’termini ta’ kopertura, tul ta’ żmien, kundizzjonijiet ta’ aċċess u adegwatezza. Fil-kuntest urġenti attwali, skema nazzjonali permanenti ta’ garanziji tad-dħul, b’kopertura stmata ta’ tliet miljun benefiċjarju, hija ppjanata li tiġi introdotta malajr biex tikkomplementa l-iskemi ta’ introjtu minimu reġjonali eżistenti. L-impatt tagħha fuq it-tnaqqis tal-faqar u s-sostenibbiltà tagħha fi żmien qasir u medju ma tistax tiġi vvalutata f’dan l-istadju.

(23)Fattur aggravanti ieħor għall-kriżi tal-pandemija fi Spanja huwa li l-għadd kbir ta’ SMEs jirrappreżentaw sehem kbir mill-impjiegi. Sabiex jiġu evitati l-fallimenti li jistgħu jiġu evitati, ġew adottati b’urġenza xi miżuri li jipprovdu appoġġ ta’ likwidità lin-negozji permezz ta’ self u garanziji, b’enfasi fuq l-SMEs u fuq setturi li se jintlaqtu b’mod aktar qawwi u fit-tul mill-kriżi, bħat-turiżmu (li jammonta għal 12 % tal-PDG fi Spanja fl-2019). Dawn il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati b’mod effiċjenti u rapidu mill-intermedjarji finanzjarji sabiex jinħassu l-effetti tagħhom. Li jitħalla li jsir ħlas differit tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali u t-tħaffif tal-ħlasijiet kuntrattwali mill-awtoritajiet pubbliċi se jgħin ukoll biex jitjieb il-fluss tal-flus tal-SMEs. Fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, jeħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-effettività ta’ dawn il-miżuri, huwa importanti li jinżammu l-isforzi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u biex jiġu offruti servizzi pubbliċi diġitali effiċjenti. L-appoġġ lill-impriżi fis-setturi l-aktar milquta mill-kriżi u s-salvagwardja tal-kompetittività tal-kumpaniji tal-esportazzjoni huma kruċjali biex l-irkupru jirnexxi.

(24)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu implimentati minn qabel u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Il-prospetti ta’ rkupru ta’ Spanja se jiddependu fuq il-kapaċità tagħha li żżid il-produttività u trawwem l-innovazzjoni, inkluż permezz tat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika. Il-prestazzjoni tal-innovazzjoni ta’ Spanja hija ’l isfel mill-medja tal-UE fir-reġjuni kollha. Spanja għandha prestazzjoni anqas mill-medja fl-abbiltà tad-ditti li jinnovaw, jinvestu f’assi tanġibbli u intanġibbli u jagħmlu l-aħjar użu mill-ħiliet tal-popolazzjoni tagħhom, u dan jista’ jfixkel il-kompetittività tagħhom f’ekonomija bbażata fuq l-għarfien. Il-kriżi enfasizzat l-importanza tad-diġitalizzazzjoni biex jinżamm l-aċċess għas-servizzi governattivi u għall-edukazzjoni, kif ukoll biex jiġu ppreservati l-impjiegi u l-attività ekonomika. Qabel il-perjodu ta’ konfinament, nofs l-iskejjel biss fi Spanja kellhom fis-seħħ pjattaformi ta’ tagħlim diġitali adegwati, b’differenzi reġjonali sinifikanti. Il-bidla f’daqqa għat-tagħlim diġitali kienet ukoll sfida partikolari għal studenti vulnerabbli li ma kellhomx aċċess għal soluzzjonijiet diġitali fid-dar. Spanja jenħtieġ li tiżgura li l-istudenti kollha jibbenefikaw mill-aċċess għat-tagħlim diġitali, inklużi dawk f’żoni rurali u minn unitajiet domestiċi vulnerabbli. L-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tan-negozji jippromwovi wkoll il-kompetittività tad-ditti Spanjoli f’katini ta’ valur globali u jżid il-kapaċità tagħhom li jesportaw, b’mod partikolari l-SMEs u l-mikrointrapriżi. L-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali, inkluża dik tat-teknoloġiji diġitali avvanzati, u t-tnaqqis tad-distakk diġitali bejn iż-żoni urbani u dawk rurali, itejbu l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-ekonomija Spanjola. Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-governanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livelli kollha, iż-żieda fil-kwalità tar-riċerka permezz ta’ evalwazzjonijiet sistematiċi u l-inċentivar ta’ organizzazzjonijiet tar-riċerka biex jikkooperaw mas-settur privat jistgħu jagħmlu l-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni aktar effettivi u jaċċelleraw it-tixrid tal-innovazzjoni sabiex jgħinu l-irkupru.

(25)It-trasformazzjoni ta’ Spanja f’ekonomija newtrali għall-klima se teħtieġ investiment imdaqqas fi tażmien sostnut fl-enerġija rinnovabbli, fl-infrastruttura tal-enerġija, fl-effiċjenza enerġetika u fit-trasport sostenibbli, fost l-oħrajn. L-investimenti jenħtieġ li jiġu antiċipati biex jgħinu t-tranżizzjoni ekoloġika matul l-irkupru, f’konformità mal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima Spanjol. Il-promozzjoni ta’ sistema tal-enerġija integrata hija mistennija li tiffaċilita l-penetrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. It-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija fil-bini privat u pubbliku permezz ta’ rinnovazzjonijiet fi skala kbira, u l-iżvilupp ta’ grilji intelliġenti u ħżin tal-elettriku rinnovabbli jistgħu jgħinu fil-ġestjoni aħjar tad-domanda għall-enerġija, filwaqt li jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi matul l-irkupru. Aktar investimenti fl-infrastrutturi tal-enerġija, fosthom fl-interkonnessjonijiet tal-elettriku mal-bqija tal-UE, jgħinu t-titjib tal-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jintroduċu aktar kompetizzjoni u jiffaċilitaw l-iskjerament tal-enerġija rinnovabbli. Sforzi addizzjonali jenħtieġ ukoll li jippromwovu t-trasport sostenibbli, inkluż l-introduzzjoni ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, b’mod partikolari għal vetturi elettriċi. L-investimenti huma meħtieġa wkoll biex jippermettu użu akbar tal-ferroviji għat-trasport tal-merkanzija, inklużi konnessjonijiet transfruntiera ma’ Franza u mal-Portugall u konnessjonijiet ma’ portijiet u ċentri loġistiċi. Barra minn hekk, ċerti żoni ta’ Spanja huma fost dawk l-aktar esposti għat-tibdil fil-klima fl-Ewropa. Ir-riżorsi tal-ilma huma taħt pressjoni, u l-infrastruttura għall-ilma u l-ġestjoni tal-iskart tvarja madwar il-pajjiż. L-investimenti ekoloġiċi jistgħu jgħinu biex jiġu ffaċċjati l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, bħall-għargħar u n-nirien fil-foresti, tittejjeb il-kwalità tal-arja, kif ukoll il-ġestjoni tal-ilma u l-iskart u jiġi żviluppat il-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari. L-ipprogrammar tal-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lil Spanja tindirizza wħud mill-isfidi ppreżentati mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż 8 . Dan jippermetti lil Spanja tagħmel l-aħjar użu minn dak il-fond.

(26)Il-frammentazzjoni regolatorja u l-ostakli fi Spanja iwaqqfu lill-kumpaniji milli jibbenefikaw mill-ekonomiji ta’ skala u jaffettwaw il-produttività b’mod negattiv. Il-Liġi dwar l-Unità tas-Suq, li diġà qed tiġi infurzata mill-qrati u mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, jenħtieġ li tintuża b’mod aktar attiv biex jiġu promossi r-regolamentazzjoni aħjar u l-kompetizzjoni aħjar matul l-irkupru. F’dan il-kuntest, ir-restrizzjonijiet stretti fuq is-sjieda u s-suq li fittxew li jiżguraw il-provvista ta’ prodotti u servizzi strateġiċi matul il-kriżi tal-pandemija jenħtieġ li jitneħħew hekk kif tintemm l-emerġenza. B’mod aktar ġenerali, koordinazzjoni aktar b’saħħitha u sostnuta bejn il-livelli differenti tal-Gvern tista’ tagħmel il-politiki li jiffaċilitaw l-irkupru aktar effettivi. Huwa essenzjali wkoll li jiġi żgurat li l-istruttura ta’ governanza li diġà nħolqot mil-liġijiet li jimplimentaw id-Direttivi tal-2014 dwar l-Akkwist Pubbliku tkun tista’ taħdem bl-aktar mod rapidu malajr kemm jista’ jkun biex tiġġustifika l-użu effiċjenti tal-investiment pubbliku li jista’ jappoġġa l-irkupru. Il-ħidma fuq l-istrateġija komprensiva tal-akkwist pubbliku nazzjonali jenħtieġ li tissaħħaħ b’kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-livelli kollha tal-gvern (ċentrali, reġjonali u lokali) permezz tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni.

(27)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa twil. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jenħtieġ li jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u strateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

(28)Ir-riżoluzzjoni f’waqtha tal-proċedimenti tal-insolvenza se jkollha wkoll rwol ewlieni fl-iżgurar tal-likwidità tal-kumpaniji u r-riallokazzjoni effettiva tar-riżorsi, kif ukoll fil-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-istabbiltà tas-settur finanzjarju. Huwa essenzjali li tiġi ssalvagwardjata l-kapaċità tas-sistema ġudizzjarja li tittratta l-proċedimenti ta’ insolvenza b’mod effiċjenti. Dan huwa partikolarment importanti, billi s-sospensjoni attwali tal-attività tal-qrati u ż-żieda mistennija fil-litigazzjoni minħabba r-riċessjoni kkawżata mill-pandemija jistgħu jkomplu jaggravaw l-isfidi li diġà jeżistu bil-proċedimenti li qed isiru dejjem itwal u biż-żieda fil-kawżi pendenti.

(29)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li tista’ tikkontribwixxi għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, Spanja se tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

(30)Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija kruċjali biex jinkiseb irkupru rapidu mill-impatt ekonomiku tal-COVID-19. Jenħtieġ li Spanja, bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro – u b’kunsiderazzjoni tal-gwida politika mill-Grupp tal-Euro – tiżgura li l-politiki tagħha jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet taż-Żona tal-Euro u kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra taż-Żona tal-Euro.

(31)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Spanja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Spanja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Spanja, iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-futur.

(32)Fid-dawl ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni 9 tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(33)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet preżenti jqisu l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-pandemija u jiġi ffaċilitat l-irkupru bħala l-ewwel pass meħtieġ biex ikun jista’ jsir aġġustament tal-iżbilanċi. Ir-rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw direttament l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (4),

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Spanja tieħu azzjoni fl-2020 u fl-2021 biex:

1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali mmirati biex tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Issaħħaħ ir-reżiljenza u l-kapaċità tas-sistema tas-saħħa, fir-rigward tal-ħaddiema tas-saħħa, tal-prodotti mediċi kritiċi u tal-infrastruttura.

2.Issostni l-impjieg permezz ta’ arranġamenti biex jiġu ppreservati l-impjiegi, inċentivi effettivi għar-reklutaġġ u żvilupp tal-ħiliet. Issaħħaħ il-protezzjoni kontra l-qgħad, b’mod partikolari għall-ħaddiema atipiċi. Ittejjeb il-kopertura u l-adegwatezza tal-iskemi ta’ introjtu minimu u l-appoġġ tal-familja, kif ukoll l-aċċess għat-tagħlim diġitali.

3.Tiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri li jipprovdu likwidità lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u lil dawk li jaħdmu għal rashom, inkluż billi jiġu evitati ħlasijiet tard. Tavvanza l-proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u l-promozzjoni tal-investiment privat biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku. Tiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq it-trawwim tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-produzzjoni u l-użu nadif u effiċjenti tal-enerġija, l-infrastruttura tal-enerġija, il-ġestjoni tal-ilma u tal-iskart u t-trasport sostenibbli.

4.Ittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-livelli differenti ta’ gvern u ssaħħaħ il-qafas tal-akkwist pubbliku biex tappoġġa l-irkupru b’mod effiċjenti.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    SWD(2020) 508 final.
(4)    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 117.
(5)    COM(2020) 112 final.
(6)    COM(2020) 123 final.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).
(8)    SWD(2020) 508 final.
(9)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.