|
14.1.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 9/13 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/44
tat-13 ta’ Jannar 2022
li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji għall-istabbiliment tal-livell tal-korrezzjonijiet finanzjarji u għall-applikazzjoni tar-rati fissi marbuta ma’ nuqqas serju ta’ konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 45(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-kisba tal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jenħtieġ li ma jiġux imminati mill-Istati Membri li jiksru r-regoli tal-PKS. Skont l-Artikolu 41(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-assistenza finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) hija taħt il-kondizzjoni ta’ konformità mill-Istati Membri mar-regoli tal-PKS. In-nuqqas ta’ konformità jista’ jwassal għall-interruzzjoni jew għas-sospensjoni tal-pagamenti jew għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji għall-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni skont il-PKS. |
|
(2) |
L-Artikolu 104(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi l-każijiet li fihom il-Kummissjoni tapplika l-korrezzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 104(5) ta’ dak ir-Regolament, ir-regoli speċifiċi għall-fondi għall-FEMSA jistgħu jistabbilixxu bażijiet speċifiċi għal korrezzjonijiet finanzjarji marbuta man-nuqqas ta’ konformità mar-regoli applikabbli skont il-PKS. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) 2021/1139, sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-kontribwenti tagħha, il-Kummissjoni tista’ tapplika korrezzjonijiet finanzjarji permezz tal-kanċellazzjoni totali jew parzjali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal programm operazzjonali. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) 2021/1139, meta ma jkunx possibbli li jiġi kkwantifikat preċiżament l-ammont tan-nefqa marbut ma’ nuqqas serju ta’ konformità mar-regoli tal-PKS mill-Istat Membru, trid tiġi applikata korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa. |
|
(5) |
L-Artikolu 45(4) tar-Regolament (UE) 2021/1139 jippermetti li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw il-kriterji biex jiġi stabbilit il-livell tal-korrezzjonijiet finanzjarji li jridu jiġu applikati u l-kriterji għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji b’rati fissi. L-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) 2021/1139 jinkludi l-listi ta’ każijiet fejn il-Kummissjoni tkun tista’ timponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq programm operazzjonali sħiħ jew parti minnu. F’każijiet koperti bil-punt (a) tal-Artikolu 45(1), il-kwantifikazzjoni tal-impatt finanzjarju tan-nuqqas ta’ konformità mill-benefiċjarju hija bbażata fuq il-ftehim ta’ finanzjament bejn il-benefiċjarju u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm FEMSA. Konsegwentement, l-applikazzjoni ta’ rati fissi għal korrezzjonijiet finanzjarji jistgħu jiġu applikati biss fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) 2021/1139. |
|
(6) |
Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġu adottati l-kriterji biex jiġi stabbilit il-livell ta’ korrezzjonijiet finanzjarji li jridu jiġu applikati u l-kriterji għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet b’rata fissa. Dan se jiżgura ċ-ċertezza ġuridika u t-trattament indaqs tal-Istati Membri li jimplimentaw il-programmi FEMSA, kif ukoll se jiżgura t-trasparenza u l-proporzjonalità tal-korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa. |
|
(7) |
Il-livell tal-korrezzjoni finanzjarja għandha tkun proporzjonata fir-rigward tan-natura, tal-gravità, tal-frekwenza u tad-durata tan-nuqqas serju ta’ konformità mill-Istati Membri mar-regoli tal-PKS. |
|
(8) |
Huwa xieraq li tiġi prevista sistema gradwata ta’ rati fissi li tippermetti l-applikazzjoni xierqa tal-proporzjonalità. |
|
(9) |
Minħabba l-importanza li jiġi żgurat li jkun hemm trattament armonizzat u indaqs bejn l-Istati Membri kollha mill-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji biex jiġu stabbiliti l-livelli ta’ korrezzjoni finanzjarja li trid tiġi applikata f’każijiet ta’ nuqqas serju ta’ konformità mar-regoli tal-PKS u l-kriterji għall-applikazzjoni tar-rati fissi, kif imsemmi fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2021/1139.
Artikolu 2
Kriterji biex jiġu stabbiliti l-livelli ta’ korrezzjoni finanzjarja
Il-livelli ta’ korrezzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) 2021/1139 għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-kriterji li ġejjin:
|
(a) |
is-sinifikanza tal-ħsara potenzjali għar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar li tirriżulta min-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-PKS; |
|
(b) |
il-frekwenza tan-nuqqas ta’ konformità; |
|
(c) |
id-durata tan-nuqqas ta’ konformità; |
|
(d) |
l-azzjonijiet ta’ rimedju meħuda mill-Istat Membru inkwistjoni. |
Artikolu 3
Kriterji għall-applikazzjoni tar-rati fissi
1. Ir-rati fissi tal-korrezzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) 2021/1139 għandhom ikunu ta’ 2 %, 5 %, 10 %, 25 %, 50 % jew 100 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni allokata għall-objettivi speċifiċi rilevanti tal-FEMSA, jew għall-parti rilevanti ta’ dawk l-objettivi, fi ħdan il-programm operazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.
2. Il-firxa ta’ rati fissi li jridu jiġu applikati f’każijiet individwali ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-PKS hija stabbilita fl-Anness. Ir-rata li trid tintuża għandha tiġi determinata f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2.
3. Fejn, skont l-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) 2021/1139, il-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni fejn tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji skont l-istess objettiv speċifiku tal-FEMSA għal diversi każijiet ta’ nuqqas serju ta’ konformità kif identifikat f’konformità mal-Artikolu 43(4) tal-istess Regolament, ir-rati fissi ma għandhomx jiġu akkumulati, iżda l-korrezzjoni finanzjarja għandha tiġi stabbiliti fi ħdan l-għola firxa applikabbli għal dawk il-każijiet kif stabbilit fl-Anness.
4. Meta l-Kummissjoni tapplika korrezzjoni finanzjarja għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-PKS u l-Istat Membru ma jkunx ħa azzjoni ta’ rimedju xierqa, ir-rata fissa tista’ tiżdied għal-livell ogħla li jkun imiss fil-firxa applikabbli għal dak il-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-PKS.
5. Minbarra l-każijiet previsti b’mod espliċitu fl-Anness, rata fissa ta’ 100 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni allokata għall-objettivi speċifiċi rilevanti tal-FEMSA, jew il-parti rilevanti ta’ dawk l-objettivi, fi ħdan il-programm operazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tiġi applikata jekk:
|
(a) |
in-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-PKS tant ikun fundamentali, frekwenti jew mifrux li jirrappreżenta falliment assolut tas-sistema konċernata u jpoġġi f’riskju l-legalità tal-azzjonijiet tal-Istat Membru jew ir-regolarità tal-iffinanzjar tal-PKS; jew |
|
(b) |
ikun hemm evidenza ta’ negliġenza intenzjonata mill-Istat Membru fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri li jimmiraw li jirrimedjaw in-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-PKS. |
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).
ANNESS
KAŻIJIET TA’ NUQQAS TA’ KONFORMITÀ MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1 (1)
|
Każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità |
Firxa ta’ rati fissi |
|
|
Kategorija 1: Ma ġiex żgurat li l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Istati Membri skont l-Artikoli 16–17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jiġu rispettati |
||
|
1.1 |
Ma ġewx rispettati r-regoli dwar il-liċenzja u l-awtorizzazzjoni tas-sajd |
10–50 % |
|
1.2 |
Ma ġiex immonitorjat l-użu tal-opportunitajiet tas-sajd, b’mod partikolari billi ma ġietx irrekordjata d-data kollha rreġistrata fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd, fid-dikjarazzjonijiet tat-trasbord, fid-dikjarazzjonijiet tal-iżbark, fin-noti tal-bejgħ, jew fid-dikjarazzjonijiet ta’ kunsinna, u/jew ma ġiex immonitorjat l-isforz tas-sajd, u billi ma ġiex żgurat li din id-data tkun preċiża, kompluta u ppreżentata f’waqtha. |
10–50 % |
|
1.3 |
Il-Kummissjoni ma ġietx innotifikata bid-data aggregata dwar il-qabdiet li nħattu u l-isforz tas-sajd. |
10–50 % |
|
1.4 |
Is-sajd ma ngħalaqx meta l-kwoti, inklużi dawk skont il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs) u l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u/jew l-isforz tas-sajd ġew eżawriti |
10–50 % |
|
Kategorija 2: Ma ġewx irrispettati l-miżuri ta’ konservazzjoni u/jew il-protezzjoni ta’ speċi u ħabitats sensittivi bil-għan li jintlaħqu l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura ambjentalment sostenibbli fit-tul kif stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 |
||
|
2.1 |
Ma ġietx żgurata d-dokumentazzjoni dettaljata u preċiża ta’ kull vjaġġ tas-sajd u l-kapaċità u l-mezzi xierqa sabiex tiġi mmonitorjata l-konformità mal-obbligu ta’ ħatt l-art f’konformità mal-prinċipju tal-effiċjenza u tal-proporzjonalità |
10–50 % |
|
2.2 |
Ma ġewx implimentati l-projbizzjoni tal-qbid, iż-żamma abbord, it-trasbord jew ħatt l-art ta’ speċijiet ta’ ħut jew frott tal-baħar bil-qoxra msemmija fl-Anness IV għad-Direttiva 92/43/KEE (ħlief meta jingħataw derogi skont l-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva). |
10–50 % |
|
2.3 |
Ma ġewx implimentati l-projbizzjoni tal-qbid, iż-żamma abbord, it-trasbord jew ħatt l-art ta’ mammiferi tal-baħar jew rettili tal-baħar imsemmija fl-Annessi II u IV għad-Direttiva 92/43/KEE u ta’ speċijiet ta’ għasafar tal-baħar koperti bid-Direttiva 2009/147/KE. |
10–50 % |
|
2.4 |
Ma nġabritx data xjentifika dwar il-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet sensittivi u ta’ ċerti speċijiet ta’ għasafar tal-baħar. |
10–50 % |
|
2.5 |
Meta, f’konformità mal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, kellha tiġi mmonitorjata u evalwata l-effettività tal-miżuri ta’ mitigazzjoni implimentati, dan ma sarx. |
10–50 % |
|
2.6 |
Ma ġiex ipprojbit l-użu ta’ rkapti tas-sajd speċifikati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1241 dwar il-Miżuri Tekniċi sabiex jiġu protetti l-ħabitats sensittivi. |
10–50 % |
|
2.7 |
Ma ġewx rispettati r-regoli dwar ir-riċerka xjentifika. |
10–50 % |
|
2.8 |
Ma ġewx stabbiliti u implimentati l-pjanijiet ta’ ġestjoni tas-sallura. |
2–25 % |
|
2.9 |
Ma ġewx irrispettati l-miżuri ta’ konservazzjoni dwar is-sallura (it-tnaqqis tal-isforz tas-sajd fejn applikabbli u l-ksib tal-miri). |
2–25 % |
|
2.10 |
Ma wasal ebda rapport lill-Kummissjoni rigward il-monitoraġġ, l-effikaċja u l-eżitu tal-miżuri ta’ konservazzjoni rigward is-sallura. |
2–25 % |
|
2.11 |
Ma ġiex sottomess lill-Kummissjoni rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tar-regoli fir-rigward tat-tneħħija tal-pinen tal-kelb il-baħar. |
2–25 % |
|
Kategorija 3: Ma tmexxewx relazzjonijiet esterni dwar is-sajd f’konformità mal-obbligi internazzjonali kif ukoll mal-objettivi u l-prinċipji politiċi kif stabbiliti fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 |
||
|
3.1 |
Ma ġiex żgurat li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri u joperaw barra mill-ilmijiet tal-Unjoni ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu dokumentazzjoni dettaljata u preċiża tal-attivitajiet kollha tas-sajd u tal-ipproċessar. |
10–50 % |
|
3.2 |
Ma ġiex żgurat li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni huma awtorizzati f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2017/2403 dwar il-Ġestjoni Sostenibbli ta’ Flotot tas-Sajd Esterni. |
10–50 % |
|
Kategorija 4: Ma ġiex żgurat li l-kapaċità tas-sajd tal-flotot hija f’bilanċ mar-riżorsi naturali kif meħtieġ mill-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 |
||
|
4.1 |
Ma ġewx stabbiliti miżuri biex tiġi aġġustata l-kapaċità tas-sajd tal-flotot għall-opportunitajiet tas-sajd huma u jitqiesu x-xejriet u l-aħjar parir xjentifiku, bl-objettiv li jinkiseb bilanċ stabbli u dejjiem bejniethom. |
10–50 % |
|
4.2 |
Ma tfasslux valutazzjonijiet separati għal flotot fir-reġjuni ultraperiferiċi u għall-bastimenti li joperaw esklużivament barra mill-ilmijiet tal-Unjoni. |
10–50 % |
|
4.3 |
Ma ġiex żgurat li kwalunkwe ħruġ mill-flotta sostnut minn għajnuna pubblika jkun preċedut mill-irtirar tal-liċenzja tas-sajd u tal-awtorizzazzjonijiet rispettivi u li l-kapaċità tas-sajd ma tiġix sostitwita. |
10–50 % |
|
4.4 |
Ma ġiex żgurat ir-rispett tal-limiti massimi ta’ kapaċità tas-sajd stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament tal-PKS (UE) Nru 1380/2013. |
10–50 % |
|
4.5 |
Ma ġietx implimentata l-iskema ta’ dħul/ħruġ b’tali mod li d-dħul fil-flotta ta’ kapaċità ġdida mingħajr għajnuna pubblika jiġi kkumpensat bl-irtirar preċedenti ta’ kapaċità mingħajr għajnuna pubblika b'tal-inqas l-istess ammont. |
10–50 % |
|
4.6 |
Ma ġietx sottomessa lill-Kummissjoni l-informazzjoni li trid tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-bastimenti tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament PKS (UE) Nru 1380/2013 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni. |
10–50 % |
|
4.7 |
Ma ġewx ikkontrollati u mmonitorjati l-kapaċità tas-sajd u l-qawwa tal-magna tal-bastimenti tas-sajd. |
10–50 % |
|
Kategorija 5: Ma kienx hemm kontribut għall-objettiv tal-PKS biex tinġabar data xjentifika kif stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 |
||
|
5.1 |
Ma nġabritx u lanqas ġiet ġestita data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjoekonomika. |
10–50 % |
|
5.2 |
Ma ġewx ikkoordinati l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ data ma’ Stati Membri oħra fl-istess reġjuni. |
2–25 % |
|
5.3 |
Ma ġietx żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-kompiti tal-korrispondenti nazzjonali. |
2–5 % |
|
5.4 |
Ma ġiex sottomess rapport fuq bażi annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali għall-ġbir ta’ data fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura. |
2–10 % |
|
5.5 |
Ma kienx hemm konformità mar-regoli dwar l-użu tad-data. |
2–25 % |
|
Kategorija 6: Ma ġietx operata sistema effettiva ta’ kontroll sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-PKS kif jitlob l-Artikolu 36(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 |
||
|
6.1 |
Ma sarx kontroll tal-attivitajiet li jitwettqu minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd fit-territorju tagħhom u fl-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tagħhom. |
10–50 % |
|
6.2 |
Ma sarx kontroll tal-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u l-attivitajiet ’il barra mill-ilmijiet tal-Unjoni li jsiru minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li qed itajru l-bandiera tagħhom. |
10–50 % |
|
6.3 |
Ma ġewx adottati miżuri adatti u jiġu allokati riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adatti għall-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar. |
10–50 % |
|
6.4 |
Ma ġiex żgurat li l-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar jitwettqu fuq bażi mhux diskriminatorja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ setturi, bastimenti jew persuni, u abbażi tal-ġestjoni tar-riskju. |
10–50 % |
|
6.5 |
Ma ġietx żgurata l-konformità mar-regoli fir-rigward tal-Programmi ta’ Azzjoni Nazzjonali, u l-programmi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni. |
10–50 % |
|
6.6 |
Ma ġietx żgurata l-konformità mar-regoli għall-kummerċjalizzazzjoni, it-traċċabbiltà, l-ewwel bejgħ u l-użin ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. |
10–50 % |
|
6.7 |
Ma ġewx implimentati l-miżuri deċiżi mill-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-konformità mill-Istati Membri mal-objettivi tal-PKS, fir-rigward tal-pjanijiet ta’ azzjoni stabbiliti wara l-verifiki jew spezzjonijiet awtonomi, inklużi l-għeluq tas-sajd, il-verifikazzjoni, l-ispezzjoni awtonoma u r-rapporti tal-awditjar, it-tnaqqis u t-trasferimenti tal-kwoti u tal-isforz tas-sajd u l-miżuri ta’ emerġenza. |
10–50 % |
|
6.8 |
Ma ġewx issodisfati r-rekwiżiti fir-rigward tal-analiżi, il-validazzjoni, l-aċċess, l-iskambju tad-data u tal-informazzjoni. |
2–25 % |
|
Kategorija 7: Ma ġietx operata sistema effettiva ta’ spezzjoni u ta’ infurzar kif jitlob l-Artikolu 36(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 |
||
|
7.1 |
Ma twettqux sorveljanza u spezzjonijiet effettivi. |
10–50 % |
|
7.2 |
Ma kienx hemm kooperazzjoni mal-Kummissjoni sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kompiti tal-uffiċjali tal-Kummissjoni waqt il-missjonijiet tagħhom ta’ verifikazzjoni, spezzjonijiet awtonomi u awditjar. |
2–50 % |
|
7.3 |
Ma ġewx stabbiliti l-kriterji biex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur tar-regoli tal-PKS. |
10–50 % |
|
7.4 |
Ma ġietx żgurata l-adozzjoni sistematika ta’ miżuri xierqa u ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi u sanzjonijiet komplementari għall-ksur tar-regoli tal-PKS. |
10–50 % |
|
7.5 |
Ma ġietx applikata s-sistema ta’ punti għal infrazzjonijiet serji għad-detenturi ta’ liċenzji tas-sajd kif ukoll għall-kaptani. |
10–50 % |
|
7.6 |
Ma ġiex ġestit ir-reġistru nazzjonali tal-infrazzjonijiet. |
10–50 % |
|
Kategorija 8: Ma ttieħdet ebda azzjoni kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) kif previst fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 |
||
|
8.1 |
Ma ttiħdux miżuri biex jiġi żgurat li s-sajd IUU jiġi prevenut, skoraġġut u eliminat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 |
5–50 % |
|
8.2 |
Ma twettqux verifiki relatati mal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda |
10–50 % |
|
8.3 |
Ma ġewx rispettati r-regoli relatati mal-Operaturi Ekonomiċi Approvati (AEOPs) |
10–50 % |
|
Kategorija 9: Ma ġewx rispettati r-regoli dwar organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura stabbiliti sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-PKS kif stabbilit fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 |
||
|
9.1 |
Ma kienx hemm konformità mal-kriterji għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali |
10–50 % |
|
9.2 |
Ma twettqux il-kontrolli meħtieġa rigward l-organizzazzjonijiet kollettivi rikonoxxuti. |
10–50 % |
(1) Il-lista tal-każijiet elenkati hawn taħt hija l-istess lista tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jimplimenta r-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura dwar każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u każijiet serji ta’ nuqqas ta’ konformità mal-politika komuni tas-sajd li jistgħu jwasslu għal interruzzjoni ta’ skadenza tal-pagamenti jew ta’ sospensjoni tal-pagamenti fil-qafas ta’ dak il-fond, fejn tkun disponibbli referenza għall-bażi ġuridika rilevanti.