SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
8 ta’ Mejju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Projbizzjoni – Akkordji vertikali – Artikolu 101(3) TFEU – Regolament (UE) Nru 330/2010 – Eżenzjoni ta’ kategorija – Artikolu 4(b)(i) – Restrizzjoni fundamentali li tneħħi l-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni – Eċċezzjoni – Konċessjonijiet esklużivi – Projbizzjoni ta’ bejgħ attiv fit-territorju esklużivament allokat – Kunċett ta’ ‘ftehim’ – Prova ta’ rieda komuni bejn il-fornitur u x-xerrejja tiegħu – Prova – Territorju esklużivament allokat lil xerrej – Assenza ta’ bejgħ attiv minn xerrejja oħra f’dan it-territorju”
Fil-Kawża C‑581/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Settembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Settembru 2023, fil-proċedura
Beevers Kaas BV
vs
Albert Heijn België NV,
Koninklijke Ahold Delhaize NV,
Albert Heijn BV,
Ahold België BV,
fil-preżenza ta’:
B. A. Coöperatieve Zuivelonderneming Cono,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, M. Gavalec, Z. Csehi u F. Schalin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Ottubru 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Beevers Kaas BV, minn J. Janssen u F. Petillion, avukati, |
|
– |
għal Albert Heijn België NV, Koninklijke Ahold Delhaize NV, Albert Heijn BV u Ahold België BV, minn H. Burez u M. Varga, avukati, |
|
– |
għal B.A. Coöperatieve Zuivelonderneming Cono, minn L. Bersou, J.‑P. Fierens u P. Goffinet, avukati, u L. Goddeau, avukat, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn A. De Brouwer, C. Jacob, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Berghe, N. Cambien u D. Viros, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Jannar 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal‑20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) [TFUE] għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU 2010, L 102, p. 1). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Beevers Kaas BV u Albert Heijn België NV, Koninklijke Ahold Delhaize NV, Albert Heijn BV u Ahold België BV (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji Albert Heijn”) dwar il-ksur, minn dawn tal-aħħar, tal-ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva li jorbot lil Beevers Kaas ma’ B.A. Coöperatieve Zuivelonderneming Cono (iktar ’il quddiem “Cono”) għad-distribuzzjoni tal-ġobon Beemster fil-Belġju u fil-Lussemburgu (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). |
Il-kuntest legali
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Ir-Regolament Nru 330/2010, li l-qorti tar-rinviju tqis li huwa applikabbli għall-kawża prinċipali, issostitwixxa, b’effett mill‑1 ta’ Ġunju 2010, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat‑22 ta’ Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) [KE] għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364). Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 330/2010, dan ir-regolament skada fil‑31 ta’ Mejju 2022. |
|
4 |
Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/720 tal‑10 ta’ Mejju 2022 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) [TFUE] għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU 2022, L 134, p. 4), dan ir-regolament daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2022 u jiskadi fil‑31 ta’ Mejju 2034. |
Ir-Regolament Nru 330/2010
|
5 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 330/2010, intitolat “Eżenzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Skont l-Artikolu 101(3) [TFUE] u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, qed jiġi ddikjarat li l-Artikolu 101(1) [TFUE] ma għandux japplika għal akkordji vertikali. Din l-eżenzjoni għandha tapplika sa fejn tali akkordji jkunu jinkludu restrizzjonijiet vertikali.” |
|
6 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Restrizzjonijiet li jneħħu l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija - restrizzjonijiet fundamentali”, kien jipprovdi: “L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandhiex tapplika għal akkordji vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala għan: [...]
[...]” |
Il-Linji Gwida tal‑2010
|
7 |
Il-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali (ĠU 2010, C 130, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑2010”) ġew ippubblikati mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-adozzjoni tar-Regolament Nru 330/2010. |
|
8 |
Skont il-paragrafu (25) tal-Linji Gwida tal-2010: “Id-definizzjoni ta’ ‘akkordju vertikali’ imsemmija fil-paragrafu (24) għandha erba’ elementi ewlenin:
[...]” |
|
9 |
Il-paragrafu (51) tal-Linji Gwida tal‑2010 jistabbilixxi: “Hemm erba’ eċċezzjonijiet għar-restrizzjoni fundamentali fl-Artikolu 4(b) tar-Regolament [Nru 330/2010]. L-ewwel eċċezzjoni fl-Artikolu 4(b)(i) tippermetti fornitur li jirrestrinġi bejgħ attiv minn parti xerrejja fl-akkordju għal territorju jew grupp ta’ klijenti li kienu allokati esklużivament lil xerrej ieħor jew li l-fornitur irriżerva għalih innifsu. Territorju jew grupp ta’ klijenti huma esklużivament allokati meta l-fornitur jaqbel li jbigħ il-prodott tiegħu lil distributur wieħed biss għad-distribuzzjoni f’territorju partikolari jew lil grupp ta’ klijenti partikolari u d-distributur esklużiv ikun protett kontra bejgħ attiv fit-territorju tiegħu jew lill-grupp ta’ klijenti tiegħu mix-xerrejja l-oħra kollha tal-fornitur fi ħdan l-Unjoni [Ewropea], irrispettivament mill-bejgħ tal-fornitur. Il-fornitur jitħalla jgħaqqad l-allokazzjoni ta’ territorju esklużiv u grupp ta’ klijenti esklużiv billi pereżempju jaħtar distributur esklużiv għal grupp ta’ klijenti partikolari f’ċertu territorju. Tali protezzjoni ta’ territorji jew gruppi ta’ klijenti esklużivament allokati għandha, madankollu, tippermetti bejgħ passiv lil tali territorji jew gruppi ta’ klijenti. Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(b) tar-Regolament [Nru 330/2010], il-Kummissjoni tinterpreta bejgħ ‘attiv’ u ‘passiv’ kif ġej:
[...]” |
Id-dritt Belġjan
|
10 |
L-Artikolu VI.104 tal-Wetboek van economisch recht (il-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku) jipprevedi: “Kull att kuntrarju għall-prattika onesta tas-suq li permezz tiegħu impriża taffettwa jew tista’ taffettwa ħażin l-interessi professjonali ta’ impriża waħda jew iktar għandu jkun ipprojbit.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
11 |
Beevers Kaas hija d-distributur esklużiv tal-ġobon Beemster fil-Belġju, li din il-kumpannija tixtri mingħand il-produttur Cono, li huwa stess huwa stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
12 |
Fl‑1 ta’ Jannar 1993, Cono u Beevers Kaas ikkonkludew il-ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
13 |
Il-kumpanniji Albert Heijn huma attivi fis-settur tas-supermarkets fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huma xerrejja tal-ġobon Beemster prodott minn Cono għal swieq barra mill-Belġju u l-Lussemburgu. |
|
14 |
Beevers Kaas takkuża lill-kumpanniji Albert Heijn li kienu kompliċi, bħala terzi, bi ksur tal-ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-fehma tagħha, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu VI.104 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku. Dan il-ksur jirriżulta mill-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut li dawn il-kumpanniji wettqu fit-territorju Belġjan, minkejja li kienu jafu li Cono u Beevers Kaas kienu marbuta b’kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiva. |
|
15 |
Għall-kumpanniji Albert Heijn, Beevers Kaas u Cono jfittxu li jimponu fuqhom projbizzjoni ta’ bejgħ bl-imnut. Il-kumpanniji Albert Heijn jikkunsidraw għalhekk li l-ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn ma jimponix fuq Cono l-obbligu li tipproteġi lil Beevers Kaas kontra l-bejgħ attiv ta’ distributuri oħra, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stretti tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex jiġġustifika projbizzjoni ta’ bejgħ bl-imnut. |
|
16 |
Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2021, il-President tal-ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen, il-Belġju) ċaħad ir-rikors ta’ Beevers Kaas bħala infondat minħabba li “minn ebda dispożizzjoni kuntrattwali jew leġiżlattiva ma jirriżulta li l-impriżi huma pprojbiti milli jiksbu provvisti direttament, fil-Pajjiżi l-Baxxi, mingħand Cono u milli jiddistribwixxu [...] fil-Belġju”. B’mod partikolari, f’din is-sentenza ġie kkonstatat li l-ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jipprevedi biss li Cono ma setgħetx tbigħ hija stess lil distributuri Belġjani. L-interpretazzjoni sostnuta minn Beevers Kaas twassal għalhekk sabiex l-impriżi kollha, irrispettivament minn fejn ikunu stabbiliti, għandhom jirrispettaw dan il-ftehim u jastjenu milli jbigħu l-ġobon Beemster prodott minn Cono fil-Belġju. Bl-istess mod, Beevers Kaas ma tibbenefika minn ebda protezzjoni kuntrattwali fit-territorju tagħha ta’ distribuzzjoni esklużiva fil-Belġju kontra l-bejgħ attiv minn xerrejja oħra li jixtru mingħand Cono. |
|
17 |
Beevers Kaas appellat mill-imsemmija sentenza quddiem l-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju) li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
18 |
Quddiem din il-qorti, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk il-ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex konformi mad-dritt tal-kompetizzjoni u, b’mod iktar speċifiku, mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010. Id-dibattitu jirrigwarda l-kundizzjoni msejħa tal-“impożizzjoni parallela”, li tgħid li l-fornitur jipproteġi lid-distributur esklużiv kontra l-bejgħ attiv imwettaq mix-xerrejja l-oħra kollha ta’ dan il-fornitur fit-territorju esklużiv allokat lil dan id-distributur. |
|
19 |
Fil-fehma tal-imsemmija qorti, hija Beevers Kaas li għandha turi li l-allegata protezzjoni li hija offruta lilha minn Cono kontra l-bejgħ attiv taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista f’dan l-Artikolu 4(b)(i). |
|
20 |
Permezz ta’ sentenza interlokutorja tas‑27 ta’ April 2022, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li Beevers Kaas kienet uriet li l-kumpanniji Albert Heijn kienu, tal-inqas taċitament, qablu ma’ projbizzjoni tal-bejgħ attiv. Madankollu, skont din il-qorti, Beevers Kaas għandha turi wkoll li l-bejjiegħa bl-imnut l-oħra kollha li Cono fornixxiet aċċettaw din il-projbizzjoni. |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju taqbel mal-osservazzjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana, li quddiemha din il-qorti, permezz ta’ din is-sentenza interlokutorja, fetħet proċedura ta’ amicus curiae, u li tqis li l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kunċett ta’ “akkordju”, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tirrileva li r-Regolament Nru 330/2010 u l-Linji Gwida tal‑2010 ma jippreċiżawx kif fornitur għandu jipproteġi lid-distributuri esklużivi tiegħu kontra l-bejgħ attiv imwettaq mix-xerrejja l-oħra ta’ dan il-fornitur fit-territorju esklużiv allokat lil dawn id-distributuri. B’mod partikolari, dan ir-regolament u dawn il-linji gwida ma jipprevedux il-mod kif l-imsemmi fornitur għandu jikkomunika tali projbizzjoni ta’ bejgħ attiv lil dawn ix-xerrejja l-oħra u lanqas il-mod kif dawn tal-aħħar għandhom jaċċettaw din il-projbizzjoni. |
|
23 |
F’dan il-każ, ma teżisti ebda prova tal-aċċettazzjoni espliċita ta’ projbizzjoni ta’ bejgħ attiv mill-bejjiegħa bl-imnut l-oħra kollha ta’ Cono. L-Awtorità Belġjana tal-Kompetizzjoni tqis li l-qorti tar-rinviju tista’ tiddeduċi l-aċċettazzjoni impliċita għal din il-projbizzjoni minn dawn il-bejjiegħa bl-imnut mis-sempliċi fatt li, attwalment, ebda wieħed minnhom ma kien ibigħ fil-Belġju prodotti mixtrija mingħand Cono. Beevers Kaas taqbel ma’ din il-perspettiva u tqis li, konsegwentement, uriet b’mod suffiċjenti li l-imsemmija bejjiegħa bl-imnut aċċettaw l-imsemmija projbizzjoni. |
|
24 |
Għall-kuntrarju, il-kumpanniji Albert Heijn iqisu li tali interpretazzjoni tmur kontra l-oneru tal-prova li taqa’ fuq Beevers Kaas. Huma jqisu li, sabiex ikun hemm aċċettazzjoni taċita, jeħtieġ li Beevers Kaas turi li l-istrateġija ta’ Cono, li tgħid li l-ġobon Beemster mixtri fil-Pajjiżi l-Baxxi ma jistax jinbiegħ b’mod attiv fil-Belġju, kienet, fid-data li fiha ngħatat l-esklużività, ikkomunikata lill-bejjiegħa bl-imnut kollha awtorizzati f’din id-data u sussegwentement lil kull bejjiegħ bl-imnut maħtur ġdid, u li kull wieħed minnhom kien obbligat jikkonforma ruħu magħha. |
|
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura
|
26 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fil‑11 u fit‑28 ta’ Frar 2025, Beevers Kaas u Cono talbu li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
27 |
Insostenn tat-talbiet tagħhom, huma jsostnu li, fil-konklużjonijiet tagħha, l-Avukata Ġenerali, fl-ewwel lok, wieġbet għal domanda differenti minn dik imqajma mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari u, fit-tieni lok, ibbażat ruħha fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi żbaljati sabiex tirrispondi għal din it-tieni domanda, kif ifformulata mill-ġdid. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa neċessarju li l-partijiet fil-kawża prinċipali jew il-partijiet ikkonċernati l-oħra msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar dawn il-punti sabiex jippreżervaw id-drittijiet proċedurali tagħhom u sabiex jevitaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal domanda li ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
28 |
Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew il-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-kontenut tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistax jikkostitwixxi bħala tali fatt ġdid, li mingħajru jkun possibbli għall-partijiet, permezz tal-invokazzjoni ta’ tali fatt, li jirrispondu għall-imsemmija konklużjonijiet. Issa, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistgħux jiġu diskussi mill-partijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk kellha l-okkażjoni tenfasizza li, konformement mal-Artikolu 252 TFUE, ir-rwol tal-Avukat Ġenerali huwa li jippreżenta pubblikament, b’kull imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu, sabiex jassistiha fit-twettiq tal-missjoni tagħha li hija li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati. Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20 ta’ dan l-Istatut u l-Artikolu 82(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali għandhom itemmu l-fażi orali tal-proċedura. Barra mid-dibattitu bejn il-partijiet, il-konklużjonijiet jiftħu l-fażi tad-deliberazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, din ma hijiex opinjoni indirizzata lill-imħallfin jew lill-partijiet minn awtorità esterna għall-Qorti tal-Ġustizzja, iżda fehma individwali, motivata u espressa pubblikament, ta’ membru ta’ dik l-istituzzjoni stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal,C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li l-fatt li l-Avukat Ġenerali pproċeda bl-eżami ta’ domanda preliminari abbażi ta’ formulazzjoni mill-ġdid ma huwiex, fih innifsu, raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2003, Makedoniko Metro u Michaniki, C‑57/01, EU:C:2003:47, punti 33 sa 36). |
|
31 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-provi prodotti minn Beevers Kaas ma jiżvelaw ebda fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li hija mitluba tagħti f’din il-kawża u li din tal-aħħar ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew il-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fi tmiem il-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura, l-elementi kollha neċessarji u għalhekk għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi. |
|
32 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
33 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta fornitur ikun alloka territorju esklużiv lil wieħed mix-xerrejja tiegħu, is-sempliċi konstatazzjoni li x-xerrejja l-oħra ta’ dan il-fornitur ma jwettqux bejgħ attiv f’dan it-territorju hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim bejn l-imsemmi fornitur u dawn ix-xerrejja l-oħra dwar il-projbizzjoni ta’ bejgħ attiv fl-imsemmi territorju, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
34 |
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 330/2010 jipprevedi eżenzjoni ta’ kategorija għall-projbizzjoni ta’ ftehimiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) TFUE għall-akkordji vertikali. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li, konformement mal-Artikolu 101(3) TFUE, l-Artikolu 101(1) TFUE huwa ddikjarat inapplikabbli għall-akkordji vertikali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament. |
|
35 |
Madankollu, din l-eżenzjoni ma tapplikax għall-akkordji vertikali li fihom ir-restrizzjonijiet fundamentali elenkati fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. |
|
36 |
B’hekk, skont l-Artikolu 4(b) tar-Regolament Nru 330/2010, l-imsemmija eżenzjoni “ma għandhiex tapplika għal akkordji vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala għan [...] ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom, xerrej li jkun parti fl-akkordju jkun jista’ jbiegħ l-oġġetti jew servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, ħlief [...]”. |
|
37 |
Skont l-Artikolu 4(b)(i) ta’ dan ir-regolament, akkordju vertikali li għandu l-għan li jirrestrinġi t-territorju jew il-klijentela ta’ xerrej jista’ madankollu jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija prevista fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament meta dan jirrigwarda r-restrizzjoni tal-bejgħ attiv ta’ dan ix-xerrej f’territorju jew lil klijentela li l-fornitur irriżerva esklużivament għalih jew li huwa alloka lil xerrej ieħor u meta din ir-restrizzjoni ma tillimitax il-bejgħ imwettaq mill-klijenti tal-ewwel xerrej. |
|
38 |
Ir-restrizzjonijiet ta’ bejgħ attiv fit-territorju esklużiv li fornitur ikun alloka lil wieħed mix-xerrejja tiegħu jistgħu għalhekk jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, sakemm il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 330/2010 jiġu ssodisfatti. |
|
39 |
Issa, kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 39 sa 43 tal-konklużjonijiet tagħha, u kif jirriżulta b’mod partikolari mill-paragrafu 51 tal-Linji Gwida tal-2010, l-għoti, minn fornitur, ta’ esklużività territorjali lil wieħed mix-xerrejja tiegħu huwa neċessarjament akkumpanjat mill-impożizzjoni parallela, għal dan il-fornitur, li jipproteġi lil dan ix-xerrej kontra l-bejgħ attiv tax-xerrejja l-oħra tal-imsemmi fornitur. Minn dan isegwi li l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 huwa intiż li jkopri r-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv li fornitur għandu, għal dan l-għan, jimponi fuq ix-xerrejja tiegħu sabiex jiggarantixxi l-effettività ta’ tali esklużività fit-territorju li huwa alloka lil wieħed mix-xerrejja tiegħu. |
|
40 |
Sabiex jiġi evalwat jekk ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn fornitur u xerrej jistax jiġi kklassifikat bħala akkordju vertikali li jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 4(b)(i) ta’ dan ir-regolament, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “akkordju”, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
41 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun hemm “akkordj[u]”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari. Għalhekk ftehim ma jistax ikun ibbażat fuq l-espressjoni ta’ politika purament unilaterali ta’ parti f’kuntratt ta’ distribuzzjoni (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas,C‑211/22, EU:C:2023:529, punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Madankollu, att jew aġir apparentement unilaterali jikkostitwixxi “akkordj[u]”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, peress li huwa l-espressjoni tal-volontajiet konkordanti ta’ mill-inqas żewġ partijiet, peress li l-forma li fiha timmanifesta ruħha din il-konkordanza ma hijiex determinanti minnha nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas,C‑211/22, EU:C:2023:529, punt 49). |
|
43 |
B’hekk, fir-rigward ta’ restrizzjoni tal-bejgħ attiv fit-territorju esklużiv allokat lil xerrej, l-imsemmija konkordanza tal-volontajiet tal-partijiet tista’ tirriżulta kemm mill-klawżoli tal-kuntratti ta’ distribuzzjoni li jorbtu lill-fornitur max-xerrejja li ma jibbenefikawx mill-esklużività territorjali, meta dawn il-kuntratti jinkludu projbizzjoni espliċita li ma jsirx tali bejgħ, kif ukoll mill-aġir espliċitu jew taċitu tal-partijiet li jippermetti li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ aċċettazzjoni min-naħa ta’ dawn ix-xerrejja tal-aħħar għal stedina ta’ dan il-fornitur sabiex ma jwettqux l-imsemmi bejgħ (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas,C‑211/22, EU:C:2023:529, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Fir-rigward tal-prova tal-eżistenza ta’ “akkordj[u]”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni dwar il-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-provi u l-livell ta’ prova meħtieġ fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxihom, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, madankollu, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas,C‑211/22, EU:C:2023:529, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Il-prinċipju ta’ effettività jeħtieġ li l-prova ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tinġieb mhux biss permezz ta’ provi diretti, iżda wkoll permezz ta’ indizji, dejjem sakemm dawn ikunu oġġettivi u konkordanti. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ ftehim għandha, fil-parti l-kbira tal-każijiet, tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u minn elementi fattwali oħra li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas,C‑211/22, EU:C:2023:529, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ “akkordj[u]”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, li għandu l-għan li jirrestrinġi l-bejgħ attiv fit-territorju esklużiv tista’ tiġi stabbilita mhux biss permezz ta’ provi diretti, iżda wkoll abbażi ta’ indizji oġġettivi u konkordanti, peress li minn dan jista’ jiġi dedott b’ċertezza suffiċjenti li fornitur stieden lix-xerrejja tiegħu sabiex ma jwettqux tali bejgħ f’dan it-territorju u li dawn tal-aħħar, fil-prattika, aċċettaw din l-istedina (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas,C‑211/22, EU:C:2023:529, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-ftehim ta’ distribuzzjoni konklużi bejn Cono u x-xerrejja tagħha ma jinkludu ebda klawżola intiża li timponi fuqhom projbizzjoni ta’ bejgħ attiv fit-territorju esklużiv allokat lil Beevers Kaas. Min-naħa l-oħra, bl-eċċezzjoni tal-kumpanniji Albert Heijn, ebda xerrej ta’ Cono wettaq tali bejgħ f’dan it-territorju. |
|
48 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 42 sa 46 ta’ din is-sentenza. |
|
49 |
Għalhekk, fl-ewwel lok, hija għandha tiddetermina, fid-dawl tal-provi kollha li hija għandha, jekk jistax jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, Cono stiednet, taħt kwalunkwe forma, lix-xerrejja tagħha sabiex ma jwettqux bejgħ attiv fit-territorju esklużiv allokat lil Beevers Kaas. |
|
50 |
Kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tagħha, tali stedina tista’ tieħu diversi forom, bħal, pereżempju, dik ta’ komunikazzjoni speċifika indirizzata mill-fornitur lix-xerrejja tiegħu li jordnalhom josservaw territorju esklużiv jew dik ta’ klawżola jew ta’ indikazzjoni partikolari f’dan ir-rigward fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-fornitur. |
|
51 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk ix-xerrejja ta’ Cono tawx l-aċċettazzjoni espliċita jew taċita tagħhom għal stedina eventwali ta’ dan il-fornitur. |
|
52 |
Fid-dawl taż-żewġ rekwiżiti li ġew imfakkra fil-punti 49 u 51 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li, bl-eċċezzjoni tal-kumpanniji Albert Heijn, ebda wieħed mix-xerrejja ta’ Cono ma wettaq bejgħ attiv fit-territorju esklużiv ta’ Beevers Kaas ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “akkordj[u]”, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
53 |
Minn naħa, tali ċirkustanza ma tippermettix li jiġi dedott li Cono stiednet lix-xerrejja tagħha sabiex ma jwettqux bejgħ attiv fit-territorju esklużiv allokat lil Beevers Kaas. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li s-sempliċi konstatazzjoni li Cono allokat territorju esklużiv lil Beevers Kaas u li x-xerrejja l-oħra ta’ Cono kienu eventwalment jafu bl-eżistenza ta’ tali territorju ma tippermettix, fl-assenza b’mod partikolari ta’ komunikazzjoni speċifika indirizzata lil dawn ix-xerrejja l-oħra li tordnalhom josservaw dan it-territorju esklużiv, li tikkonkludi li Cono stednithom ma jwettqux bejgħ attiv fl-imsemmi territorju. |
|
54 |
Min-naħa l-oħra, l-imsemmija ċirkustanza tista’, ċertament, tikkostitwixxi element rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jintwera l-eventwali aċċettazzjoni taċita tax-xerrejja l-oħra ta’ Cono għal stedina ta’ din tal-aħħar sabiex ma jwettqux bejgħ attiv fit-territorju esklużiv ta’ Beevers Kaas. Madankollu, dan ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali aċċettazzjoni. |
|
55 |
Fil-fatt, meħuda waħedha, din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li jintwera b’ċertezza suffiċjenti li l-assenza ta’ bejgħ attiv fit-territorju esklużiv ta’ Beevers Kaas tirriżulta mir-rieda ta’ dawn ix-xerrejja l-oħra li jikkonformaw ruħhom ma’ stedina eventwali ta’ Cono sabiex ma jwettqux tali bejgħ jew ta’ deċiżjoni kummerċjali awtonoma tal-imsemmija xerrejja oħra li ma jbigħux f’dan it-territorju. |
|
56 |
L-imsemmija ċirkustanza tista’ madankollu tikkostitwixxi l-prova ta’ aċċettazzjoni impliċita tax-xerrejja kkonċernati, meta, kif jirriżulta mill-paragrafu (25) tal-Linji Gwida tal‑2010, teżisti, b’mod parallel, b’mod partikolari, stedina espliċita tal-fornitur sabiex josservaw l-projbizzjoni ta’ bejgħ attiv fit-territorju esklużiv u mezzi li jippermettu lil dan il-fornitur jimplimenta din il-projbizzjoni fil-prattika, bħal sistema ta’ monitoraġġ u ta’ penali stabbilita mill-imsemmi fornitur sabiex jiġu ssanzjonati x-xerrejja li ma josservawx l-imsemmija projbizzjoni. |
|
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta fornitur ikun alloka territorju esklużiv lil wieħed mix-xerrejja tiegħu, is-sempliċi konstatazzjoni li x-xerrejja l-oħra ta’ dan il-fornitur ma jwettqux bejgħ attiv f’dan it-territorju ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim bejn l-imsemmi fornitur u dawn ix-xerrejja l-oħra dwar il-projbizzjoni ta’ bejgħ attiv fl-imsemmi territorju, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq it-tieni domanda
|
58 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċju tal-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni jingħata għall-perijodu li għalih jintwera li teżisti aċċettazzjoni tax-xerrejja ta’ fornitur fuq stedina ta’ dan tal-aħħar li ma jwettqux bejgħ attiv fit-territorju esklużiv allokat lil xerrej ieħor. |
|
59 |
Mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li projbizzjoni ta’ bejgħ attiv taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4(b)(i), meta, minn naħa, fornitur ikun stieden lix-xerrejja tiegħu li ma jwettqux tali bejgħ fit-territorju esklużiv allokat lil xerrej ieħor u, min-naħa l-oħra, meta x-xerrejja kkonċernati jkunu aċċettaw din l-istedina. |
|
60 |
Għalhekk, il-parti li tinvoka l-eċċezzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 4(b)(i) għandha tipproduċi, jekk ikun il-każ abbażi ta’ indizji oġġettivi u konkordanti, il-prova li ż-żewġ elementi mfakkra fil-punt preċedenti ġew issodisfatti. Il-benefiċċju ta’ din l-eċċezzjoni jingħata għalhekk għall-perijodu li għalih din il-prova setgħet tiġi prodotta. |
|
61 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċju tal-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni jingħata għall-perijodu li għalih jintwera li teżisti aċċettazzjoni tax-xerrejja ta’ fornitur fuq stedina ta’ dan tal-aħħar li ma jwettqux bejgħ attiv fit-territorju esklużiv allokat lil xerrej ieħor. |
Fuq l-ispejjeż
|
62 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.