SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)
15 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Listi ta’ persuni, korpi u organi li għalihom japplikaw miżuri restrittivi – Inklużjoni u żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi – Dritt għal smigħ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Libertà ta’ intrapriża – Rikors għal annullament”
Fil-Kawża T‑193/23,
MegaFon OAO, stabbilita f’Moska (ir-Russja), irrappreżentata minn V. Villante, D. Rovetta, M. Campa, M. Moretto, M. Pirovano u B. Bonafini, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Nadbath u V. Piessevaux, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Carpus Carcea, C. Georgieva u L. Puccio, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),
komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn R. Mastroianni, li qiegħed jaġixxi bħala President, M. Brkan, I. Gâlea (Relatur), T. Tóth u S. L. Kalėda, Imħallfin,
Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tat‑3 ta’ Lulju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, MegaFon OAO, titlob l-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/434 tal‑25 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2023, L 59 I, p. 593), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/427 tal‑25 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2023, L 591 I, p. 6, rettifika fil-ĠU 2023, L 68, p. 181) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti inizjali”), it-tieni nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1517 tal‑20 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2023, L 184, p. 40, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Lulju 2023”), u, it-tielet nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/422 tad‑29 ta’ Jannar 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L, 2024/422, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Jannar 2024”), sa fejn dawn l-atti kollha (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”) jinkludu u jżommu isimha fil-listi annessi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35), u mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 246, p. 59 u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214) (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”). |
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita f’Moska (ir-Russja), li topera fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet bħala operatur ta’ telekomunikazzjonijiet u ta’ telefonija mobbli. |
|
3 |
Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati fid-dawl tal-azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa kontriha fl‑24 ta’ Frar 2022. |
|
4 |
Fil‑31 ta’ Lulju 2014, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina minkejja l-adozzjoni, f’Marzu 2014, ta’ restrizzjonijiet fil-qasam tal-ivvjaġġar kif ukoll iffriżar tal-assi fir-rigward ta’ ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/512, sabiex jintroduċi miżuri restrittivi mmirati fl-oqsma tal-aċċess għas-swieq tal-kapital, tad-difiża, tal-oġġetti b’użu doppju u ta’ teknoloġija sensittiva. |
|
5 |
Il-Kunsill adotta fl-istess data, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament Nru 833/2014, li jinkludi dispożizzjonijiet iktar iddettaljati sabiex jagħti effett, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fl-Istati Membri, lill-preskrizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512. |
|
6 |
L-għan iddikjarat ta’ dawn il-miżuri restrittivi kien li jkabbar l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi. |
|
7 |
Fl‑24 ta’ Frar 2022, il-Federazzjoni Russa bdiet operazzjoni militari kontra l-Ukraina. |
|
8 |
F’dan il-kuntest u abbażi tal-Artikolu 29 TUE, il-Kunsill adotta, fil‑25 ta’ Frar 2022, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/327 (ĠU 2022, L 48, p. 1), fit‑8 ta’ April 2022, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/578 (ĠU 2022, L 111, p. 70), u, fil‑21 ta’ Lulju 2022, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/1271 (ĠU 2022, L 193, p. 196), fejn dawn it-tliet deċiżjonijiet jemendaw id-Deċiżjoni 2014/512 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2014/512 emendata”). Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, huwa adotta, fil‑25 ta’ Frar 2022, ir-Regolament (UE) 2022/328 (ĠU 2022, L 49, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 114, p. 212), fit‑8 ta’ April 2022, ir-Regolament (UE) 2022/576 (ĠU 2022, L 111, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 190, p. 191 u fil-ĠU 2022, L 202, p. 58), u, fil‑21 ta’ Lulju 2022, ir-Regolament (UE) 2022/1269 (ĠU 2022, L 193, p. 1), fejn dawn it-tliet regolamenti jemendaw ir-Regolament Nru 833/2014 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 833/2014 emendat”). |
|
9 |
L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata jipprevedi dan li ġej: “1. Il-bejgħ dirett jew indirett, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ prodotti u t-teknoloġija kollha b’użu doppju elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja minn nazznali tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew li jużaw bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom, għandu jkun projbit irrispettivament minn jekk joriġinawx fit-territorji tagħhom jew le. 2. Għandu jiġi pprojbit:
|
|
10 |
Il-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-artikolu jipprevedu s-sistema ta’ awtorizzazzjoni segwenti, li hija wkoll riprodotta b’mod identiku għall-Artikolu 3a(4) u (5) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata: “4. Permezz tad-deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni b’konformità mar-Regolament (UE) 2021/821, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju jew il-forniment ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jkunu ddeterminaw li tali prodotti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma: (a) maħsuba għall-kooperazzjoni bejn l-UE, il-gvernijiet tal-Istati Membri u l-gvern tar-Russja fi kwistjonijiet purament ċivili; (b) maħsuba għall-kooperazzjoni intergovernattiva fi programmi spazjali; (c) maħsuba għat-tħaddim, il-manutenzjoni, it-trattament mill-ġdid tal-fjuwil u s- sikurezza tal-kapaċitajiet nukleari ċivili, kif ukoll il-kooperazzjoni nukleari ċivili, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp; (d) maħsuba għas-sigurtà marittima; (e) maħsuba għal networks elettroniċi tal-komunikazzjonijiet ċivili mhux disponibbli għall-pubbliku, li mhumiex il-proprjetà ta’ entità fejn l-Istat għandu l-kontroll totali jew is-sjieda ta’ aktar minn 50 % tagħha; (f) maħsuba għall-użu esklużiv ta’ entitajiet proprjetà, kontroll esklużiv jew konġunt ta’ persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż sieħeb; (g) maħsuba għar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi sħab, inklużi delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet; (h) maħsuba għall-iżgurar taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni għal persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fir-Russja għajr għall-gvern u għall-impriżi tagħha li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn dak il-gvern. […] 5. Permezz tad-deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni b’konformità mar-Regolament (UE) 2021/821, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ prodotti u teknoloġija b’użu doppju jew il-forniment ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jkunu ddeterminaw li tali prodotti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata jkunu dovuti b’konformità ma’ kuntratti konklużi qabel is‑26 ta’ Frar 2022, jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt, dment li l-awtorizzazzjoni tintalab qabel l‑1 ta’ Mejju 2022.” |
|
11 |
L-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata jipprevedi dan li ġej: “Meta jkunu qed jiddeċiedu dwar talbiet għall-awtorizzazzjonijiet f’konformità mal-paragrafi 4 u 5, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni jekk kemm-il darba jkollhom raġunijiet validi biex jaħsbu li:
|
|
12 |
L-Artikolu 3a(1) ta’ dik id-deċiżjoni jipprovdi kif ġej: “1. Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, tal-prodotti u t-teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tar-Russja, jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u s-sigurtà, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja.” |
|
13 |
Il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 3a jirriproduċi l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata. |
|
14 |
Il-paragrafu 7 ta’ dan l-istess Artikolu 3a jirriproduċi l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata. |
|
15 |
L-Artikolu 3b(1) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata jipprovdi kif ġej: “Fir-rigward tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness IV, permezz ta’ deroga mill-Artikoli 3 u 3a ta’ din id-Deċiżjoni, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni b’konformità mar-Regolament (UE) 2021/821, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw biss il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ prodotti u teknoloġija b’użu doppju u l-prodotti u t-teknoloġija imsemmijin fl-Artikolu 3a ta’ din id-Deċiżjoni, jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata wara li jkunu ddeterminaw:
|
|
16 |
L-Artikolu 2(1), (2), (4) u (5) u l-Artikolu 2a(1), (2), (4) u (5) tar-Regolament Nru 833/2014 emendat jirriproduċu, essenzjalment, il-formulazzjoni, rispettivament, tal-Artikolu 3(1), (2), (4) u (5) u tal-Artikolu 3a(1), (2), (4) u (5) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata. Bl-istess mod, l-Artikolu 2(7), l-Artikolu 2a(7) u l-Artikolu 2b tar-Regolament Nru 833/2014 emendat jirriproduċu, essenzjalment, il-kontenut, rispettivament, tal-Artikolu 3(7), tal-Artikolu 3a(7) u tal-Artikolu 3b tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata. |
|
17 |
Fil‑25 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta l-atti inizjali u isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-punt 499 tal-listi kontenzjużi ta’ kull wieħed minn dawn l-atti. |
|
18 |
Skont il-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2023/434, riprodotta mill-premessa 4 tar-Regolament 2023/427, “jinżdiedu 96 entrata fil-[listi kontenzjużi], jiġifieri l-list[i] ta’ entitajiet li jappoġġaw direttament il-kumpless militari u industrijali tar-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tiegħu kontra l-Ukrajna, li fuqhom huma imposti restrizzjonijiet aktar stretti fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju kif ukoll oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ teknoloġiku tar-Russja fis-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha”. |
|
19 |
Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Marzu 2023, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill jipprovdilha l-informazzjoni u l-provi li servew bħala bażi għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti indikat li hija kienet qiegħda tirriżerva d-dritt li tippreżenta osservazzjonijiet u li titlob lill-Kunsill l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tiegħu li jinkludi isimha fil-listi kontenzjużi. |
|
20 |
Peress li l-Kunsill ma weġibx, permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Marzu 2023, ir-rikorrenti tenniet it-talba tagħha. |
|
21 |
Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill indika li ma kienx obbligat jikkomunika lill-persuni u lill-entitajiet li jinsabu fil-listi kontenzjużi r-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom f’dawn il-listi u li l-informazzjoni kollha li tiġġustifika l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fihom kienet tinsab fl-Artikoli 3 u 3b tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, fl-Artikoli 2, 2a u 2b tar-Regolament Nru 833/2014 emendat kif ukoll fil-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2023/434 u fil-premessa 4 tar-Regolament 2023/427. |
II. Fatti li seħħew wara l-preżentata tar-rikors
|
22 |
Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1217 tat‑23 ta’ Ġunju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2023, L 159 I, p. 451), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1214 tat‑23 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2023, L 159 I, p. 1), il-listi kontenzjużi ġew emendati, b’mod partikolari biż-żieda tat-test introduttiv li ġej: “Dan l-Anness jelenka persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma utenti finali militari, jiffurmaw parti mill-kumpless militari-industrijali tar-Russja jew li għandhom rabtiet kummerċjali jew rabtiet oħra mas-settur tad-difiża u s-sigurtà tar-Russja jew li b’xi mod ieħor jappoġġawh. Dawn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi jikkontribwixxu għat-tisħiħ militari u teknoloġiku tar-Russja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u tas-sigurtà tar-Russja. Dawn jinkludu persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi f’pajjiżi terzi għajr ir-Russja. L-inklużjoni tagħhom f’dan l-Anness ma tinvolvi l-ebda attribuzzjoni ta’ responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħhom lill-ġuriżdizzjoni li jkunu qed joperaw fiha.” |
|
23 |
Fl‑20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill adotta l-Att ta’ Lulju 2023. |
|
24 |
Fl‑24 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill bagħat ittra lir-rikorrenti fejn informaha dwar l-estensjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward tagħha. |
|
25 |
Fit‑30 ta’ Novembru 2023, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kunsill, fejn talbitu jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu li jestendi l-imsemmija miżuri kif ukoll l-aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha. |
|
26 |
Fid‑29 ta’ Jannar 2024, il-Kunsill adotta l-Att ta’ Jannar 2024, li permezz tiegħu isem ir-rikorrenti kompla jidher fil-listi kontenzjużi. |
|
27 |
Fit‑30 ta’ Jannar 2024, il-Kunsill wieġeb l-ittra tar-rikorrenti tat‑30 ta’ Novembru 2023. |
III. It-talbiet tal-partijiet
|
28 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
29 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
IV. Id-dritt
A. Fuq l-ammissibbiltà tal-provi addizzjonali prodotti mir-rikorrenti
|
30 |
Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Ġunju 2024, ir-rikorrenti pproduċiet, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, provi addizzjonali. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ dawn il-provi. |
|
31 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, eċċezzjonalment, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard. |
|
32 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċix provi li jistgħu jiġġustifikaw il-produzzjoni tardiva tal-provi addizzjonali inkwistjoni, li jieħdu l-forma ta’ dokumenti. |
|
33 |
Issa, kif jirrileva l-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, dawn id-dokumenti kollha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jinsabu fl-Annessi AE.9 u AE.11, ġew ippubblikati jew maħruġa saħansitra qabel il-preżentata tar-rikors. Fir-rigward tad-dokument li jinsab fl-Anness AE.9, dan huwa liċenzja maħruġa fid‑9 ta’ Novembru 2023 lir-rikorrenti. Bl-istess mod, id-dokument li jinsab fl-Anness AE.11 huwa ittra tas‑27 ta’ Ottubru 2023 indirizzata lir-rikorrenti fuq talba tagħha. Għalhekk, ir-rikorrenti kellu jkollha għarfien ta’ dawn id-dokumenti sa mill-ħruġ tagħhom u hija setgħet tipproduċihom, l-iktar tard, bħala anness mat-tieni nota ta’ adattament tagħha. |
|
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-rikorrenti ma ġġustifikatx, fis-sens tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni tardiva tal-provi addizzjonali prodotti fid‑19 ta’ Ġunju 2024. Għaldaqstant, dawn huma inammissibbli u ma humiex ser jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fl-eżami ta’ dan ir-rikors. |
B. Fuq il-mertu
|
35 |
Ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed, fuq żball ta’ evalwazzjoni u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
36 |
Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li qabel kollox jiġi eżaminat it-tieni motiv, imbagħad l-ewwel, it-tielet u r-raba’ motiv. |
1. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
|
37 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma ppreżenta l-ebda motiv individwali sabiex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi u lanqas ma kkomunikalha r-raġunijiet speċifiċi li wassluh jikkonkludi li hija kienet entità li tappoġġa direttament il-kumpless militari u industrijali Russu, b’tali mod li kien impossibbli għaliha li tkun taf ir-raġunijiet li għalihom isimha kien ġie inkluż fihom. |
|
38 |
Skont ir-rikorrenti, il-qari flimkien tal-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2023/434, tal-Artikolu 3(7), tal-Artikolu 3a(7) u tal-Artikolu 3b tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, li l-Kunsill irrefera għalihom fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ma jippermettilhiex tifhem ir-raġunijiet li għalihom isimha ġie inkluż fil-listi kontenzjużi. Ma hemm l-ebda indikazzjoni dwar jekk isimha ġiex irreġistrat bħala li jipprovdi oġġetti u teknoloġija b’użu doppju jew oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ militari u teknoloġiku tar-Russja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u tas-sigurtà. |
|
39 |
Ir-rikorrenti tippreċiża wkoll li din il-kawża hija differenti mill-kawżi li taw lok għall-ġurisprudenza ċċitata mill-Kunsill. |
|
40 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
41 |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, “[l]-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati”. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, “l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”. |
|
42 |
Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet ta’ difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta għandha tiġi adatta għan-natura tal-att ikkontestat u għall-kuntest li fih huwa ġie adottat. Hija għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, DenizBank vs Il‑Kunsill, T‑798/14, EU:T:2018:546, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Għalhekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha. Min-naħa l-oħra, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonali għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ żmien li fih hija għandha tintervjeni (ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punti 103 u 104 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Settembru 2023, Mordashov vs Il‑Kunsill, T‑248/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:573, punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati jikkostitwixxu, fir-rigward tar-rikorrenti, miżuri restrittivi ta’ portata individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz-Antey vs Il‑Kunsill, T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545, punt 86). |
|
46 |
Issa, il-ġurisprudenza ppreċiżat li l-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma kellhiex biss tidentifika l-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu ta’ evalwazzjoni, il-Kunsill kien qies li l-persuna kkonċernata kellha tkun suġġetta għal tali miżura (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, National Iranian Tanker Company vs Il‑Kunsill, T‑565/12, EU:T:2014:608, punt 38; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Almaz-Antey Air and Space Defence vs Il‑Kunsill, T‑255/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:25, punt 55). |
|
47 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-miżuri restrittivi kollha inkwistjoni jidħlu fil-kuntest, magħruf mir-rikorrenti, ta’ tensjoni internazzjonali li ppreċediet l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni 2014/512, imfakkra fil-punti 9 sa 16 iktar ’il fuq. Mill-premessi 1 sa 8 tad-Deċiżjoni 2014/512 jirriżulta li l-għan iddikjarat ta’ dawn il-miżuri huwa li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2014/512 tindika is-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tagħha u l-għanijiet ġenerali li hija tixtieq tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 123). |
|
48 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1) u (2) u l-Artikolu 3a(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata jipprevedu, fil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, il-projbizzjoni tal-bejgħ, tal-provvista, tat-trasferiment jew tal-esportazzjoni ta’ oġġetti u ta’ teknoloġija b’użu doppju u l-projbizzjoni tal-provvista ta’ assistenza teknika, ta’ servizzi ta’ senserija jew ta’ servizzi oħra kif ukoll il-projbizzjoni tal-provvista ta’ finanzjament jew ta’ għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u mat-teknoloġija msemmija lil kull persuna, korp jew organu fir-Russja. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(7) u l-Artikolu 3a(7) tal-imsemmija deċiżjoni, l-ebda awtorizzazzjoni li tidderoga mill-projbizzjonijiet imsemmija ma għandha tingħata, essenzjalment, meta l-utent finali jista’ jkun membru tal-militar jew persuna fiżika jew ġuridika, korp jew organu elenkati fl-Anness IV jew meta l-oġġetti inkwistjoni jistgħu jkunu intiżi għal użu finali militari. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, mill-premessa 12 tad-Deċiżjoni 2022/327, li permezz tagħha l-Artikolu 3 u l-Artikolu 3a tad-Deċiżjoni 2014/512 ġew emendati, jirriżulta li, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-Kunsill qies xieraq li jieħu miżuri restrittivi ġodda b’reazzjoni għall-azzjonijiet destabbilizzanti tal-Federazzjoni Russa. F’dan il-kuntest, il-Kunsill qies li huwa xieraq li jiġu previsti restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-esportazzjoni, il-forniment jew it-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju u ta’ ċerti oġġetti u ta’ teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ teknoloġiku tas-settur tad-difiża u tas-sigurtà tar-Russja. |
|
50 |
Barra minn hekk, mill-premessa 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/430 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022, L 87 I, p. 56) jirriżulta li, fid-dawl tas-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fl-Ukraina, il-Kunsill qies neċessarju li jissaħħu r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta’ oġġetti b’użu doppju kif ukoll l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 3a tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata. |
|
51 |
Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 18 iktar ’il fuq, mill-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2023/434 kif ukoll mill-premessa 4 tar-Regolament 2023/427 jirriżulta li 96 indikazzjoni, fosthom dik tar-rikorrenti, ġew miżjuda fil-listi kontenzjużi bħala entitajiet li jappoġġaw direttament il-kumpless militari u industrijali tal-Federazzjoni Russa fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina. |
|
52 |
Fir-rigward tal-Atti ta’ Lulju 2023 u ta’ Jannar 2024 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ żamma”), din l-affermazzjoni hija msaħħa mill-formulazzjoni tat-test introduttiv tal-Anness IV tad-Deċiżjoni 2014/512 u tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendati rispettivament bid-Deċiżjoni 2023/1217 u bir-Regolament 2023/1214, test li huwa ċċitat fil-punt 22 iktar ’il fuq. |
|
53 |
Issa, għandu jiġi kkunsidrat li r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill ikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li r-rikorrenti kellha tkun is-suġġett tal-miżuri inkwistjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 46 iktar ’il fuq, tikkorrispondi, f’dan il-każ, għall-kriterji stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti u fil-premessi tal-atti kkontestati. |
|
54 |
Konsegwentement, isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-listi kontenzjużi minħabba li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi u konkreti previsti fid-dispożizzjonijiet rilevanti u fil-premessi tal-atti kkontestati, jiġifieri l-fatt li titqies bħala entità li tapoġġa direttament il-kumpless militari u industrijali Russu. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-fatt li jintużaw l-istess kunsiderazzjonijiet sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi fil-konfront ta’ diversi persuni ma jeskludix li dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu għal motivazzjoni suffiċjentement speċifika għal kull waħda mill-persuni kkonċernati (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Vnesheconombank vs Il‑Kunsill, T‑737/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:543, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 18 u 51 iktar ’il fuq, mill-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2023/434 u mill-premessa 4 tar-Regolament 2023/427 jirriżulta li żdiedu 96 indikazzjoni fil-listi kontenzjużi. Fl-imsemmija premessa 10 huwa speċifikat li hemm inklużi fihom “entitajiet li jappoġġaw direttament il-kumpless militari u industrijali tar-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tiegħu kontra l-Ukrajna, li fuqhom huma imposti restrizzjonijiet aktar stretti fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju kif ukoll oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ teknoloġiku tar-Russja fis-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha”. Dawn ir-restrizzjonijiet huma previsti fl-Artikolu 3(7) u fl-Artikolu 3a(7) tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
57 |
Issa, fid-dawl tal-kuntest politiku eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u tal-importanza li l-entitajiet li jappoġġaw direttament il-kumpless militari u industrijali tal-Federazzjoni Russa fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina jiġu preklużi milli jixtru oġġetti b’użu doppju jew oġġetti msemmija fl-Artikolu 3a tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, fir-rigward tal-għan ta’ dawn il-miżuri li huwa li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li tiġi promossa soluzzjoni paċifika għall-kriżi, l-għażla tal-Kunsill li jadotta tali miżuri kontra entitajiet li jappartjenu għas-settur tat-telekomunikazzjonijiet tista’ tinftiehem faċilment fid-dawl tal-għan iddikjarat tal-imsemmija miżuri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz-Antey vs Il‑Kunsill, T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-istabbiliment tar-restrizzjonijiet addizzjonali, previsti fl-Artikolu 3(7) u fl-Artikolu 3a(7) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tifhem li hija kienet ġiet inkluża fil-listi kontenzjużi minħabba l-fatt li hija kienet ikkunsidrata bħala entità li kienet tappoġġa direttament il-kumpless militari u industrijali tar-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina, fid-dawl tal-fatt li hija kienet waħda mill-operaturi prinċipali tat-telefonija mobbli u tat-telekomunikazzjonijiet fir-Russja kif ukoll tal-kuntest politiku waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, kif isostni l-Kunsill fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ġew imposti restrizzjonijiet fuq ir-rikorrenti li jikkonċernaw l-oġġetti b’użu doppju u ċerti oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ teknoloġiku tas-settur Russu tad-difiża u tas-sigurtà, sabiex jiġi evitat li hija tkun tista’ takkwista dawn l-oġġetti u, billi tużahom, tgħin l-aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina, jew billi tipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjoni lill-armata Russa, jew billi toffri servizzi ta’ telekomunikazzjoni lill-klijenti ċivili fiż-żoni tal-Ukraina okkupati mill-Federazzjoni Russa. |
|
60 |
Bl-istess mod, ir-raġuni li tiġġustifika l-estensjoni ta’ dawn il-miżuri, mill-atti ta’ żamma, setgħet faċilment tinftiehem fid-dawl tal-premessi 2 u 3 ta’ dawn l-atti kif ukoll tat-test introduttiv tal-Anness IV, li jtenni l-kundanna tal-gwerra ta’ aggressjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. Minħabba l-kontinwazzjoni tal-azzjonijiet illegali, kien xieraq li jinżammu l-miżuri imposti u li jittieħdu miżuri addizzjonali. |
|
61 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma kisirx l-obbligu ta’ motivazzjoni u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
2. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva
a) Fuq l-ammissibbiltà
|
62 |
Mingħajr ma jqajjem espliċitament eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kunsill isostni li l-ewwel motiv ma tantx huwa strutturat u jista’ jitqies li ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
63 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi u li din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha, fejn possibbli, mingħajr informazzjoni oħra ta’ sostenn (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni, T‑194/13, EU:T:2017:144, punt 191). |
|
64 |
Għandu jitfakkar ukoll li, sabiex rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jkun ammissibbli, huwa partikolarment neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ikunu jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor, b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni, T‑194/13, EU:T:2017:144, punt 192). |
|
65 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikorrenti tibbaża l-argumenti tagħha jinftiehmu mill-qari tar-rikors. Fil-fatt, ir-rikors jesponi l-punti ta’ liġi li r-rikorrenti tinvoka kif ukoll, b’mod ċertament konċiż, iżda suffiċjenti, il-punti ta’ fatt li fuqhom hija tibbaża ruħha, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq il-fatt li hija qatt ma ġiet informata jew mismugħa fir-rigward tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi. Bl-istess mod, il-Kunsill kien f’pożizzjoni, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, li jagħti tweġiba għal dawn l-argumenti. Il-Qorti Ġenerali kienet ukoll f’pożizzjoni li tidentifika l-argumenti tar-rikorrenti. Minn dan isegwi li l-ewwel motiv huwa ammissibbli. |
b) Fuq il-mertu
|
66 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-obbligu ta’ komunikazzjoni u d-dritt għal smigħ tagħha. Hija tindika li ma ġietx informata bl-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi u li la kien hemm pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u lanqas komunikazzjoni individwali tal-atti kkontestati min-naħa tal-Kunsill. |
|
67 |
B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma tahiex il-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet u li l-komunikazzjoni tal-provi insostenn tal-inklużjoni tagħha fil-listi kontenzjużi, li seħħet biss permezz tar-risposta, hija illegali. |
|
68 |
Fin-noti ta’ adattament, ir-rikorrenti żżid li, anki waqt l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma, il-Kunsill ma offrilhiex il-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tiġdid tal-miżuri restrittivi fir-rigward tagħha u li l-provi għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli sabiex tiġi ddeterminata l-fondatezza tal-atti kkontestati. Sussidjarjament, ir-rikorrenti tindika, fl-ewwel nota ta’ adattament, li, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tqis li l-Kunsill ma kienx obbligat li jikkomunikalha, qabel l-adozzjoni tal-Att ta’ Lulju 2023, l-intenzjoni tiegħu li jżomm isimha fil-listi kontenzjużi u li jibagħtilha l-elementi li fuqhom huwa bbażat dan l-att, hija tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni 2014/512 u tar-Regolament Nru 833/2014, skont l-Artikolu 277 TFUE. |
|
69 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
70 |
Għandu jitfakkar li d-dritt għal smigħ fi kwalunkwe proċedura, previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li jifforma parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tgħarraf, b’mod utli u b’mod effettiv, il-fehma tagħha waqt proċedura amministrattiva u qabel ma tittieħed deċiżjoni fir-rigward tagħha li tista’ taffettwa l-interessi tagħha b’mod sfavorevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
71 |
Fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-adozzjoni tad-deċiżjoni li jiġi inkluż l-isem ta’ persuna f’lista li tidher fl-anness ta’ att li jimponi miżuri restrittivi, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata r-raġunijiet u l-provi kontriha li fuqhom din l-awtorità biħsiebha tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Waqt din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tippermetti lil din il-persuna turi effettivament il-perspettiva tagħha fir-rigward tal-motivi allegati fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 111 u 112). |
|
72 |
L-Artikolu 52(1) tal-Karta madankollu jipprovdi limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti minnha, sa fejn il-limitazzjoni kkonċernata tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija tkun neċessarja u tissodisfa effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi okkażjonijiet, iddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża setgħu jkunu suġġetti għal limitazzjonijiet jew għal derogi, u dan partikolarment fil-qasam tal-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ partikolari, b’mod partikolari tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
74 |
Minbarra dan, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-inklużjoni inizjali ta’ isem persuna fil-listi inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ isem din il-persuna fl-imsemmija listi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2015, Al-Chihabi vs Il‑Kunsill, T‑593/11, EU:T:2015:249, punt 40). |
|
75 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali li għandu jiġi evalwat dan il-motiv. |
1) Fuq l‑atti inizjali
|
76 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill kellu jikkomunikalha individwalment l-atti kkontestati, sa fejn dawn jipprevedu miżuri restrittivi fir-rigward tagħha, għandu jiġi rrilevat li l-assenza ta’ komunikazzjoni individwali tagħhom, għalkemm jista’ jkollha impatt fuq il-mument li fih beda jiddekorri t-terminu ta’ rikors, ma tiġġustifikax fiha nnifisha l-annullament tal-atti kkontestati. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument li jista’ juri li, f’dan il-każ, l-assenza ta’ komunikazzjoni individwali ta’ dawn l-atti rriżultat fi ksur tad-drittijiet tagħha li jiġġustifika l-annullament tagħhom sa fejn jikkonċernawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
77 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, fir-rigward tar-rispett tad-dritt għal smigħ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fir-rigward tad-deċiżjoni inizjali li jiddaħħal l-isem ta’ persuna jew ta’ entità f’lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li l-fondi tagħhom huma ffriżati, il-Kunsill ma huwiex meħtieġ li jikkomunika bil-quddiem lill-persuna jew lill-entità kkonċernata r-raġunijiet li fuqhom ikun biħsiebu jibbaża din l-inklużjoni. Fil-fatt, tali miżura, sabiex ma tikkompromettix l-effettività tagħha, għandha, min-natura tagħha stess, tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża u tiġi applikata b’mod immedjat. Fuq talba mressqa lill-Kunsill, il-persuna jew l-entità kkonċernata għandha wkoll id-dritt li ssemma’ l-fehma tagħha dwar dawn l-elementi ladarba l-att ikun ġie adottat (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
78 |
Deroga bħal din mid-dritt fundamentali għal smigħ matul proċedura li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi hija ġġustifikata min-neċessità li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u, fl-aħħar mill-aħħar, minn kunsiderazzjonijiet imperattivi li jaffettwaw is-sigurtà jew l-aġir tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
79 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li la d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti li jistabbilixxu miżuri restrittivi u lanqas il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jagħtu lill-persuni kkonċernati d-dritt għal seduta formali, peress li l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub hija suffiċjenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
F’dan il-każ, kif sostna l-Kunsill fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, għandu jiġi rrilevat li l-atti inizjali kellhom jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża sabiex tiġi ggarantita l-effettività tagħhom u sabiex jiġi evitat li r-rikorrenti ma tkunx tista’, b’mod partikolari, tikseb awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni tal-oġġetti u tat-teknoloġija msemmija fl-Artikoli 3 u 3a tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata jew tikkonkludi kuntratti li jagħtu lok għall-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 3b(1) tal-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, il-Kunsill ma kienx obbligat jisma’ lir-rikorrenti qabel l-inklużjoni inizjali tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, b’tali mod li ma kienx hemm ksur tad-dritt għal smigħ tagħha f’dan ir-rigward. |
|
81 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-assenza ta’ komunikazzjoni, mill-Kunsill, tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrenti qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 iktar ’il fuq jirriżulta li, fuq talba tar-rikorrenti, sa fejn ir-restrizzjonijiet imposti fuqha skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti inizjali jikkostitwixxu fir-rigward tagħha miżuri restrittivi ta’ portata individwali, il-Kunsill kien obbligat jikkomunika r-raġunijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tar-rikorrenti immedjatament wara l-adozzjoni tal-imsemmija atti. |
|
82 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta, jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha jew mill-qari tad-deċiżjoni nnifisha, jew inkella permezz ta’ komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teħtieġ li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex hija tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi, b’konoxxenza sħiħa tal-fatti inkwistjoni, jekk huwiex utli li tressaq kawża quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, kif ukoll sabiex tippermetti lil din tal-aħħar tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
83 |
F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, wara l-ittri tar-rikorrenti tal‑1 u tas‑17 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill wieġeb, permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Marzu 2023, li l-informazzjoni kollha li tiġġustifika l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi kienet tinsab fil-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2023/434 u fl-Artikoli 3 u 3b tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata kif ukoll fil-premessa 4 u fl-Artikoli 2, 2a u 2b tar-Regolament Nru 833/2014 emendat. |
|
84 |
Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li r-raġuni adottata mill-Kunsill sabiex jimponi l-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti, li tinsab fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti inizjali stess, tikkonsisti, essenzjalment, fil-fatt li din tal-aħħar hija entità li tappoġġa direttament il-kumpless militari u industrijali Russu. |
|
85 |
Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punt 58 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet li għalihom isimha kien ġie inkluż fil-listi kontenzjużi, li ppermettielha tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk kienx utli li tadixxi lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 iktar ’il fuq. |
2) Fuq l‑atti ta’ żamma
|
86 |
Fir-rigward ta’ deċiżjoni li tikkonsisti fiż-żamma ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna diġà koperta minnhom, il-Kunsill huwa obbligat jikkomunika lil din il-persuna l-elementi li huwa għandu sabiex jibbaża d-deċiżjoni tiegħu u għandu jippermettilha tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-motivi allegati fil-konfront tagħha qabel l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni. L-osservanza ta’ dan l-obbligu proċedurali doppju għandha tippreċedi l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 111 sa 113 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
87 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ atti li jżommu fis-seħħ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni diġà suġġetti għal dawn il-miżuri jirriżulta meta l-Kunsill jikkunsidra provi ġodda kontra dawn il-persuni u mhux meta tali żamma fil-lista hija bbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk li ġġustifikaw l-adozzjoni tal-att inizjali li jimponi l-miżuri restrittivi inkwistjoni (sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑330/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:601, punt 67, u tas‑7 ta’ Ġunju 2023, Shakutin vs Il‑Kunsill, T‑141/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:303, punt 74). |
|
88 |
Għalhekk, minkejja li ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi, deċiża fl-atti ta’ żamma, hija bbażata, kif inhu l-każ hawnhekk, fuq l-istess raġunijiet bħal dawk li ġġustifikaw l-adozzjoni tal-atti inizjali li jimponu l-miżuri restrittivi inkwistjoni, il-Kunsill huwa obbligat, waqt l-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi imposti fuq ir-rikorrent, li jikkomunikalu, jekk ikun il-każ, l-elementi ġodda li permezz tagħhom huwa aġġorna l-informazzjoni li tikkonċerna mhux biss is-sitwazzjoni personali tiegħu, iżda wkoll is-sitwazzjoni fil-pajjiż terz inkwistjoni, u li jiġbor l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dawn l-elementi qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ żamma (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2023, Shakutin vs Il‑Kunsill, T‑141/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:303, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
89 |
Issa, f’dan il-każ, il-motivi tal-atti ta’ żamma ma humiex differenti minn dawk tal-atti inizjali, b’tali mod li l-Kunsill ma kellux l-obbligu li jisma’ lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tagħhom skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq. |
|
90 |
Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li l-Kunsill, b’mod żbaljat, ma kkomunikalhiex il-motivi tal-atti taż-żamma. Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 86 u 87 iktar ’il fuq, f’dan il-każ il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jinforma lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jżomm isimha fil-listi kontenzjużi. |
|
91 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill wieġeb għat-talba tar-rikorrenti tat‑13 ta’ Ġunju 2023 intiża għat-tneħħija ta’ isimha mil-listi kontenzjużi. F’din l-ittra, il-Kunsill indika li r-raġuni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fl-imsemmija listi, jiġifieri l-fatt li hija kienet qiegħda tappoġġa direttament il-kumpless militari-industrijali Russu fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina, kienet ġiet indikata b’mod ċar fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti ta’ żamma u fil-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2023/434. Peress li l-argumenti mqajma mir-rikorrenti kienu, essenzjalment, sunt tal-argumenti esposti fir-rikors f’din il-kawża, il-Kunsill irrefera lir-rikorrenti għar-risposta. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill informa lir-rikorrenti li huwa kien iddeċieda li jżomm isimha fil-listi kontenzjużi u li hija setgħet tippreżenta osservazzjonijiet ġodda sal‑1 ta’ Diċembru 2023. |
|
92 |
Fir-rigward tal-Att ta’ Jannar 2024, permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Jannar 2024, il-Kunsill wieġeb għall-ittra tar-rikorrenti tas‑6 ta’ Diċembru 2023, billi enfasizza li, għar-raġunijiet esposti fl-osservazzjonijiet tiegħu li jinsabu fl-ewwel nota ta’ adattament, l-argumenti esposti fl-imsemmija ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2023 ma kinux fondati. |
|
93 |
Il-Kunsill fakkar b’mod partikolari, minn naħa, li, anki jekk ma kellux fajl ta’ provi distint li jikkonċerna lir-rikorrenti, dan ma kienx ifisser li, fil-mument tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi, huwa ma kienx jaf l-informazzjoni ġeneralment disponibbli fid-dominju pubbliku dwar l-attivitajiet tagħha u l-kuntratti preċedenti tagħha mal-armata Russa u, min-naħa l-oħra, li d-dokumenti mitluba kienu diġà ġew ikkomunikati lilha fl-anness tar-risposta f’din il-kawża. |
|
94 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, li jikkritika lill-Kunsill talli kkomunikalha d-dokumentazzjoni insostenn taż-żamma tal-inklużjoni tagħha fil-listi kontenzjużi biss fir-risposta, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, din id-dokumentazzjoni, ikkomunikata fl‑10 ta’ Lulju 2024, ma tikkostitwixxix “provi ġodda” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 87 iktar ’il fuq, peress li ż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti hija bbażata fuq l-istess motivi bħal dawk li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni inizjali. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-atti ta’ żamma, il-komunikazzjoni ta’ din id-dokumentazzjoni seħħet f’terminu raġonevoli, li kien suffiċjenti sabiex jippermetti lir-rikorrenti, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, tinvoka d-drittijiet tad-difiża tagħha. |
|
95 |
Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
|
96 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma sussidjarjament mir-rikorrenti u li tirrigwarda d-Deċiżjoni 2014/512 u r-Regolament Nru 833/2014, din tal-aħħar issostni l-illegalità ta’ dawn l-atti jekk jiġu interpretati fis-sens li l-Kunsill seta’ jiddeċiedi li jkompli jinkludi l-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-listi kontenzjużi, mingħajr ma jkun ikkomunika minn qabel la l-motivi għal tali deċiżjoni, u lanqas l-intenzjoni tiegħu li jagħmel dan. F’dan ir-rigward, kif jammetti l-Kunsill, mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jirriżulta li d-dritt għal smigħ għandu jiġi rrispettat f’kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament tali formalità (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Boshab vs Il‑Kunsill, C‑242/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:375, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 87 u 90 iktar ’il fuq, id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ atti li jżommu fis-seħħ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni diġà suġġetti għal dawn il-miżuri ma japplikax meta l-imsemmija żamma tkun ibbażata fuq l-istess motivi bħal dawk li ġġustifikaw l-adozzjoni tal-att inizjali li jimponi l-miżuri restrittivi inkwistjoni. |
|
97 |
Minn dan isegwi li d-dritt għal smigħ tar-rikorrenti kellu jiġi rrispettat anki jekk l-atti kkontestati ma jagħtux espressament tali dritt, b’tali mod li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda. |
3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni
|
98 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma stabbilixxiex li l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi kienet ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjenti. |
|
99 |
Fl-ewwel lok, mill-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2023/434 jirriżulta li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq il-preżunzjoni li r-rikorrenti kienet qiegħda tappoġġa direttament il-kumpless militari u industrijali tal-Federazzjoni Russa fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina. Issa, ir-rikorrenti tirrileva li huwa l-Kunsill li għandu jipproduċi l-prova tal-appoġġ tagħha tal-imsemmi kumpless militari u industrijali. Barra minn hekk, il-Kunsill, meta jirċievi talba f’dan is-sens, huwa obbligat li jikkomunika l-elementi kollha li fuqhom l-atti adottati huma bbażati. Issa, il-Kunsill ma kkonformax mal-imsemmija obbligi. |
|
100 |
Fil-fatt, ir-rikorrenti tikkontesta li hija entità li tipprovdi appoġġ dirett lill-kumpless militari u industrijali tal-Federazzjoni Russa fil-gwerra tagħha kontra l-Ukraina u ssostni li, minkejja t-talbiet ripetuti tagħha, il-Kunsill ma bagħat l-ebda prova insostenn ta’ din l-affermazzjoni. |
|
101 |
Fit-tieni lok, fir-replika, bi tweġiba għall-provi prodotti mill-Kunsill bħala anness mar-risposta, ir-rikorrenti tippreċiża li, peress li ċerti artikli tal-istampa kienu jippreċedu l-atti kkontestati, li kieku l-Kunsill kellu dawn tal-aħħar fil-pussess tiegħu, huwa kien jonqos mill-obbligu tiegħu li jipproduċi l-provi għad-dispożizzjoni tiegħu. Fil-każ kuntrarju, il-provi ma jistgħux jikkonsistu f’ġustifikazzjoni a posteriori. |
|
102 |
Fit-tielet lok, il-provi annessi mar-risposta ma jiċċarawx il-kriterji ta’ inklużjoni fil-listi kontenzjużi fir-rigward tar-rikorrenti u ma humiex ammissibbli minħabba l-preżentazzjoni tardiva tagħhom fl-istadju tar-risposta u minħabba n-nuqqas ta’ affidabbiltà tagħhom. |
|
103 |
Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tikkontesta li l-provi prodotti mill-Kunsill huma suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li hija tagħti appoġġ dirett lill-kumpless militari u industrijali tal-Federazzjoni Russa. |
|
104 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta li l-provvista ta’ servizzi ta’ roaming fir-reġjuni ta’ Kherson, ta’ Zaporijia, ta’ Donetsk, ta’ Luhansk u tal-Krimea tiffaċilita l-integrazzjoni tagħhom fil-Federazzjoni Russa. L-artikli tal-istampa li l-Kunsill bagħat ma jipprovawx il-kuntrarju. |
|
105 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni fil-Krimea u l-bejgħ ta’ SIM cards. Hija tikkontesta wkoll l-affidabbiltà tar-ritratti tal-iskrin tal-artikli tal-istampa u tal-paġni tal-internet li l-Kunsill ippreżenta sabiex isostni din l-allegazzjoni. |
|
106 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkontesta li hija stabbilixxiet infrastrutturi fir-reġjun ta’ Kharkiv. F’dan ir-rigward, l-estratti tal-artikli li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill ma jikkostitwixxux provi affidabbli. |
|
107 |
Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kunsill li hija kkonkludiet kuntratti mal-awtoritajiet militari Russi, li jipprova rabta mill-qrib magħhom. F’dan ir-rigward, hija ssostni, minn naħa, li s-sit imsemmi mill-Kunsill ma huwiex sit internet uffiċjali li jelenka l-kuntratti konklużi mill-Istat Russu u, min-naħa l-oħra, li l-kuntratti elenkati fid-dokumenti trażmessi mill-Kunsill jippreċedu l-invażjoni tal-Ukraina u li l-għan tagħhom ma huwiex relatat ma’ operazzjonijiet militari. |
|
108 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tippreżenta, bħala anness għall-ewwel nota ta’ adattament, rapport ta’ awditu billi ssostni li dan l-awditu jiċħad l-allegazzjoni tal-Kunsill li hija għandha infrastrutturi fir-reġjun ta’ Kharkiv. Minbarra dan, fil-fehma tagħha, minn naħa, il-fatt li dan ir-rapport ġie ppreparat għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma jaffettwax l-affidabbiltà tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-qari li jagħmel il-Kunsill tiegħu huwa spekulattiv. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-allegazzjonijiet tal-Kunsill dwar dawn l-infrastrutturi huma bbażati biss fuq provi mill-istess sors u ma tantx huma kredibbli. |
|
109 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
110 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm huwa minnu li l-Kunsill għandu ċerta setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex jiddetermina każ b’każ jekk il-kriterji legali li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi inkwistjoni humiex issodisfatti, xorta jibqa’ l-fatt li l-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2014, National Iranian Tanker Company vs Il‑Kunsill, T‑565/12, EU:T:2014:608, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il‑Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
111 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li permezz tagħha ġew adottati jew miżmuma miżuri restrittivi, li għandha portata individwali għall-persuna jew għall-entità kkonċernata, tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement soda. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-kredibbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jkun jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew, minn tal-inqas, wieħed minnhom li jitqies li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119). |
|
112 |
L-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dawn il-motivi għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi u l-informazzjoni mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu. Fil-fatt, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova meħtieġa min-naħa tiegħu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura restrittiva u r-reġim jew, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet miġġielda (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 124). |
|
113 |
Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
114 |
Barra minn hekk, l-istħarriġ tal-legalità fil-mertu li għandha twettaq il-Qorti Ġenerali għandu jsir, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-kontenzjuż tal-miżuri restrittivi, fid-dawl mhux biss tal-elementi li jinsabu fil-motivi tal-atti kontenzjużi, iżda wkoll ta’ dawk li l-Kunsill jipprovdi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, lill-Qorti Ġenerali sabiex tistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il‑Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 64). |
|
115 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti. |
a) Fuq l-atti inizjali
|
116 |
Fir-rigward tal-atti inizjali, għandu jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk il-provi prodotti mill-Kunsill bħala anness għas-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu setgħux jintużaw insostenn tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi u, fit-tieni lok, jekk il-Kunsill wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li r-rikorrenti kienet qiegħda tappoġġa direttament il-kumpless militari u industrijali Russu. |
|
117 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat qabel kollox li l-Kunsill jibbaża ruħu fuq erba’ allegazzjonijiet, jiġifieri dawk li, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tipprovdi servizzi ta’ roaming fir-reġjuni ta’ Donetsk, ta’ Louhansk, ta’ Zaporijia, ta’ Kherson u tal-Krimea, it-tieni nett, hija tipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjoni fil-Krimea, it-tielet nett, hija tipprovdi infrastruttura fir-reġjun ta’ Kharkiv u, ir-raba’ nett, hija kkonkludiet kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni mal-armata Russa. |
1) Fuq il-possibbiltà għall-Kunsill li jirreferi għal provi prodotti fl-istadju tar-risposta
|
118 |
Qabelxejn, fir-rigward tal-motiv adottat mill-Kunsill insostenn tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi, li din tal-aħħar tappoġġa direttament il-kumpless industrijali u militari tal-Federazzjoni Russa, għandu jiġi kkonstatat li, wara t-talba tar-rikorrenti, il-Kunsill weġibha li l-informazzjoni kollha li tiġġustifika l-imsemmija inklużjoni kienet tinsab fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti inizjali. Fil-fatt, il-Kunsill irrefera għal dawn il-provi biss fl-istadju tar-risposta. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill setax jirreferi għalihom. |
|
119 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-assenza ta’ komunikazzjoni mill-Kunsill tal-provi li abbażi tagħhom huwa inkluda persuna f’lista ta’ miżuri restrittivi ma tistax tippreġudika d-drittijiet tad-difiża ta’ din il-persuna, meta dawn il-provi jikkostitwixxu kuntest magħruf, fi kliem ieħor jekk ikunu pubblikament aċċessibbli u, għaldaqstant, jistgħu jiġu preżunti li huma magħrufa minn kulħadd (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ April 2016, Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill, C‑266/15 P, EU:C:2016:208, punt 37, u tal‑25 ta’ Marzu 2015, Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill, T‑563/12, EU:T:2015:187, punti 85 u 97). |
|
120 |
Issa, f’dan il-każ, jista’ jiġi preżunt li huwa magħruf minn kulħadd il-fatt li wieħed mill-operaturi ewlenin tat-telekomunikazzjonijiet tal-Federazzjoni Russa, bħar-rikorrenti, fatt li din tal-aħħar ma tikkontestax, jipparteċipa fi żminijiet ta’ gwerra fl-appoġġ dirett lill-kumpless militari u industrijali tal-imsemmi pajjiż. |
|
121 |
Madankollu, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-Kunsill ipproduċa, sabiex isostni l-allegazzjoni li hija ssostni direttament il-kumpless industrijali u militari Russu, diversi provi annessi mar-risposta. |
|
122 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ma kienx obbligat jikkomunika lir-rikorrenti provi dokumentarji li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni inizjali li isimha jiġi inkluż fil-listi kontenzjużi, sa fejn il-fatti allegati setgħu jiġu preżunti li huma magħrufa minn kulħadd, kif ġie espost fil-punt 120 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-Kunsill ma kienx obbligat li jipprovdi dokumenti jew provi f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ April 2016, Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill, C‑266/15 P, EU:C:2016:208, punt 38, u tal‑25 ta’ Marzu 2015, Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill, T‑563/12, EU:T:2015:187, punt 97). |
|
123 |
Għalhekk, għalkemm, bħala prinċipju, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi, fid-deċiżjonijiet tiegħu, l-eżattezza tal-fatti insostenn tal-inklużjoni ta’ persuna fil-listi ta’ miżuri restrittivi, dan ma huwiex il-każ meta huwa jallega fatti magħrufa minn kulħadd, li persuna suġġetta għal miżuri restrittivi hija f’pożizzjoni li tikkontesta l-eżattezza tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. F’tali sitwazzjoni, mill-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet jirriżulta li l-Kunsill għandu d-dritt jippreżenta lill-Qorti Ġenerali dokumenti, ġeneralment disponibbli fid-dominju pubbliku, sabiex isostni l-eżattezza ta’ tali fatt magħruf minn kulħadd, li ma ġiex stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali, u b’hekk jippermetti lil din tal-aħħar teżamina dan il-fatt u l-eżattezza tiegħu abbażi ta’ elementi konkreti u tiddeċiedi dwar il-kontestazzjoni tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2011, LG Electronics vs UASI, C‑88/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:727, punti 27 sa 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
124 |
Fil-fatt, kif irrileva l-Kunsill waqt is-seduta u fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, huwa ma injorax il-kuntest ġenerali jew l-informazzjoni ġeneralment disponibbli fid-dominju pubbliku li kienet tikkonċerna l-entitajiet li huwa ddeċieda li jinkludi fil-listi kontenzjużi, u b’mod partikolari r-rikorrenti. Għalhekk, f’dan il-każ, minkejja li l-Kunsill ma kkostitwixxiex fajl ta’ provi fil-mument tal-adozzjoni tal-atti inizjali, huwa seta’ jirreferi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, għal elementi ġeneralment disponibbli fid-dominju pubbliku sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu dwar fatt li seta’ jiġi preżunt bħala magħruf minn kulħadd. |
2) Fuq l-evalwazzjoni tal-fatti
|
125 |
Għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jikkontestaw l-affidabbiltà ta’ ċerti provi u, fit-tieni lok, jekk il-Kunsill wettaqx evalwazzjoni żbaljata tal-fatti. |
i) Fuq l-affidabbiltà tal-provi
|
126 |
Fir-rigward tal-kredibbiltà tal-provi, li hija parzjalment ikkontestata mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ setgħat ta’ investigazzjoni f’pajjiżi terzi, l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet tal-Unjoni għandha, fil-fatt, tkun ibbażata fuq sorsi ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, rapporti, artikli tal-istampa, rapporti tas-servizzi sigrieti jew sorsi oħra ta’ informazzjoni simili (sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2018, Kim et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑533/15 u T‑264/16, EU:T:2018:138, punt 107, u tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Haswani vs Il‑Kunsill, T‑521/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:608, punt 142). |
|
127 |
F’dan ir-rigward, ikun eċċessiv u sproporzjonat li l-Kunsill jintalab iwettaq huwa stess investigazzjonijiet fuq il-post dwar il-veraċità tal-fatti li huma trażmessi minn diversi mezzi ta’ komunikazzjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2017, Almaz-Antey Air and Space Defence vs Il‑Kunsill, T‑255/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:25, punt 148, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Prigozhin vs Il‑Kunsill, T‑723/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:317, punt 59). |
|
128 |
Barra minn hekk, l-attività tal-qorti tal-Unjoni hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi u l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-plawżibbiltà tal-informazzjoni li tinsab fiha billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi ta’ kif ġie redatt kif ukoll id-destinatarju tiegħu, u jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx li jagħmel sens u huwa affidabbli (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
129 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkontesta l-affidabbiltà ta’ ċerti provi li fuqhom jibbaża ruħu l-Kunsill. |
|
130 |
B’mod partikolari, l-ewwel nett, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, b’mod partikolari ta’ roaming, fil-Krimea, ir-rikorrenti ssostni li s-sit internet “Fans de MegaFon” u l-paġna tal-internet “Help-Desk MegaFon”, li jindikaw li hija tipprovdi servizzi tal-internet fil-Krimea, ma humiex affidabbli fid-dawl tas-sors mhux uffiċjali tagħhom; it-tieni nett, fir-rigward tal-preżenza tal-infrastrutturi tagħha fir-reġjun ta’ Kharkiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-valur probatorju tal-artiklu, tal‑25 ta’ April 2022, tat-think tank (grupp ta’ riflessjoni) speċjalizzat fuq l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, is-Centre for Eastern Studies, kif ukoll dak tal-artiklu tal-ġurnal online Ukrainska Pravda, tal‑24 ta’ April 2022, sa fejn dawn il-pubblikazzjonijiet ma jsemmux is-sorsi tagħhom u l-indipendenza tagħhom hija diskutibbli; it-tielet nett, fir-rigward tar-rabta bejnha u l-armata Russa, ir-rikorrenti ssostni li l-estratti minn paġna tal-internet li fiha listi ta’ kuntratti għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni konklużi bejnha u l-armata Russa bejn l‑2013 u l‑2021 ma joriġinawx minn paġna tal-internet uffiċjali. |
|
131 |
Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 126 sa 128 iktar ’il fuq, il-provi użati mill-Kunsill joriġinaw minn sorsi varji u huma kkostitwiti b’mod partikolari minn artikli tal-istampa, peress li dawn il-provi huma kollha aċċessibbli għall-pubbliku. |
|
132 |
B’hekk, fir-rigward tal-artikli li joriġinaw mill-paġni tal-internet “Fans de MegaFon” u “Help-Desk MegaFon” kif ukoll tal-estratt tal-paġna tal-internet li tinkludi l-lista tal-kuntratti konklużi bejn ir-rikorrenti u l-armata Russa, l-allegazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti, li dawn is-sorsi ma humiex kredibbli peress li dawn ma humiex paġni li jirriżultaw mis-siti internet uffiċjali tagħha, għandhom jiġu miċħuda fl-assenza ta’ elementi li jikkontestaw l-affidabbiltà ta’ tali sorsi. |
|
133 |
Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-artikli tas-Centre for Eastern Studies u tal-ġurnal Ukrainska Pravda, l-argument tar-rikorrenti li dawn iż-żewġ artikli, li wieħed minnhom huwa r-riproduzzjoni tal-ieħor, ma jsemmux is-sorsi tagħhom u li l-indipendenza tagħhom hija diskutibbli ma huwiex sostnut minn elementi konkreti, minbarra r-rapport ta’ verifika mwettaq fuq talba tar-rikorrenti li madankollu ġie redatt abbażi tad-data pprovduta minn din tal-aħħar stess. B’mod iktar preċiż, fir-rigward tas-Centre for Eastern Studies, dan huwa istitut ta’ riċerka indipendenti stabbilit fi Stat Membru, f’Varsavja (il-Polonja), u xejn ma jippermetti li titqiegħed f’dubju l-kredibbiltà tal-artikli li huwa jippubblika. Għaldaqstant, l-affermazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi kkontestata l-affidabbiltà ta’ dawn l-elementi. |
|
134 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax li tipprovdi servizzi ta’ roaming sabiex isservi lill-klijenti tagħha fir-reġjuni ta’ Donetsk, ta’ Louhansk, ta’ Zaporijia, ta’ Kherson u tal-Krimea. |
|
135 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fl-assenza ta’ elementi tal-proċess li jistgħu jikkontestaw l-affidabbiltà tas-sorsi użati mill-Kunsill, għandu jiġi rrikonoxxut lilhom natura affidabbli u għalhekk ċertu valur probatorju, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 128 iktar ’il fuq. |
ii) Fuq ir-rilevanza u n-natura suffiċjenti tal-provi prodotti mill-Kunsill
|
136 |
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-provi prodotti mill-Kunsill ma jippermettux li jiġu kkonfermati l-allegazzjonijiet tiegħu mfakkra fil-punti 103 sa 107 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-provi jippermettux li jiġi stabbilit li r-rikorrenti tappoġġa direttament il-kumpless militari u industrijali Russu. |
|
137 |
L-ewwel nett, fir-rigward tas-servizzi ta’ roaming offruti fir-reġjuni ta’ Donetsk, ta’ Louhansk, ta’ Zaporijia u ta’ Kherson kif ukoll fil-Krimea, ir-rikorrenti tikkontesta li l-provvista ta’ dawn is-servizzi tikkostitwixxi prova tal-appoġġ allegat tagħha lill-kumpless militari u industrijali Russu. Madankollu, hija ma tikkontestax li tipprovdi l-imsemmija servizzi f’dawn ir-reġjuni. |
|
138 |
Kif jenfasizza l-Kunsill, fil-kuntest li fih dawn il-provi għandhom jiġu evalwati, jiġifieri dak ta’ gwerra ta’ aggressjoni li għaddejja tar-Russja kontra l-Ukraina, il-provvista ta’ servizzi ta’ roaming tista’ tiffaċilita u tikkonsolida l-“integrazzjoni” tal-imsemmija reġjuni fi ħdan il-Federazzjoni Russa. Fil-fatt, huwa minnu li l-provvista ta’ servizzi ta’ roaming ma toħloqx problemi fiha nnifisha f’kuntest differenti. Madankollu, il-provvista ta’ dawn is-servizzi lill-klijenti tagħha, abbażi ta’ kollaborazzjoni ma’ “operatur lokali”, tiffaċilita l-attivitajiet tagħhom fl-imsemmija reġjuni tal-Ukraina taħt il-kontroll Russu, peress li huma jistgħu jkomplu jużaw is-SIM card Russa tagħhom fir-reġjuni okkupati u jċemplu, jibagħtu SMS u jaqbdu mal-internet matul is-soġġorn tagħhom f’dawn ir-reġjuni mingħajr ma jkollhom jabbonaw ma’ operatur tat-telefonija mobbli lokali. B’hekk, hija tiffaċilita l-komunikazzjoni tal-utenti Russi bejn ir-Russja u t-territorji okkupati tal-Ukraina. Dawn il-konklużjonijiet huma kkorroborati mill-fatt li r-rikorrenti bdiet tipprovdi l-imsemmija servizzi biss wara l-bidu tal-aggressjoni militari fl-Ukraina. |
|
139 |
Minn dan isegwi li l-Kunsill seta’, ġustament, jikkunsidra li, fid-dawl tal-iżvilupp politiku u militari fir-reġjuni inkwistjoni u fil-kuntest tal-gwerra li għaddejja, il-provvista ta’ servizzi ta’ roaming setgħet tikkomprometti iktar l-integrità territorjali tal-Ukraina u, għaldaqstant, kienet tikkostitwixxi indizju li jikkonferma l-appoġġ tar-rikorrenti lill-kumpless militari u industrijali Russu. |
|
140 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni fil-Krimea, ikkontestata mir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ipproduċa artiklu tal-paġna tal-internet tal-“Fans de MegaFon” u tal-paġna tal-internet “Help-Desk MegaFon”. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 138 u 139 iktar ’il fuq, il-provvista ta’ dawn is-servizzi tikkontribwixxi iktar u iktar insostenn tal-kumpless militari u industrijali Russu. Fi kwalunkwe każ, anki jekk kellu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma kinitx tipprovdi tali servizzi fil-Krimea, ma huwiex ikkontestat li hija kienet tipprovdi servizzi ta’ roaming hemmhekk. |
|
141 |
It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-artikli ppubblikati mis-Centre for Eastern Studies u mill-ġurnal Ukrainska Pravda, prodotti mill-Kunsill, jirreferu għall-preżenza ta’ infrastrutturi tar-rikorrenti fir-reġjun ta’ Kharkiv. |
|
142 |
Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-kuntratti konklużi bejn l-armata Russa u r-rikorrenti bejn l‑2013 u l‑2021, din tal-aħħar issostni, minn naħa, li dawn il-kuntratti jippreċedu l-invażjoni tal-Ukraina u, min-naħa l-oħra, li s-servizzi inkwistjoni ma jistgħux jintużaw waqt operazzjonijiet militari. |
|
143 |
F’dan ir-rigward, il-Kunsill jipprovdi estratti mill-paġna tal-internet “ClearSpending” li fuqhom jidhru l-imsemmija kuntratti mat-tul ta’ kull wieħed minnhom. Issa, minn naħa, minkejja li l-provi prodotti mill-Kunsill juru li r-rikorrenti u l-armata Russa kkonkludew kuntratti bejn l‑2013 u l‑2021, dawn il-kuntratti juru l-eżistenza ta’ rabta fit-tul bejn ir-rikorrenti u l-imsemmija armata. Min-naħa l-oħra, minkejja l-assenza ta’ provi ta’ kontinwazzjoni possibbli tal-imsemmija kuntratti, għandu jiġi kkonstatat li r-relazzjoni kuntrattwali ta’ kważi għaxar snin bejn ir-rikorrenti u l-armata Russa tikkorrobora l-argument li, wara l-aggressjoni tar-Russja fl-Ukraina, ir-rikorrenti hija entità li tappoġġa direttament il-kumpless militari u industrijali tal-Federazzjoni Russa. |
|
144 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi rrilevat li l-provi prodotti mill-Kunsill jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jikkonfermaw il-fatt li r-rikorrenti tappoġġa direttament il-kumpless militari u industrijali Russu. Għaldaqstant, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni. |
b) Fuq l-atti ta’ żamma
|
145 |
F’dak li jirrigwarda l-atti ta’ żamma, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie rrilevat fil-punt 124 iktar ’il fuq, il-Kunsill jista’ jinvoka l-provi li huwa bagħat fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali annessi mar-risposta, bi tweġiba għall-kontestazzjonijiet tar-rikorrenti, sabiex isostni l-eżattezza ta’ fatt li jista’ jiġi preżunt bħala magħruf minn kulħadd. |
|
146 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-atti ta’ żamma, il-Kunsill b’mod partikolari bagħat lir-rikorrenti, fl‑24 ta’ Lulju 2023, ittra li tinformaha bil-proroga tal-atti kkontestati fir-rigward tagħha, b’riferiment espliċitu għall-elementi trażmessi fl-anness tar-risposta ppreżentata fit‑28 ta’ Ġunju 2023. Għaldaqstant, huwa jista’ jibbaża ruħu fuqhom sabiex jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati fir-rigward tar-rikorrenti. |
|
147 |
Fit-tieni lok, għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fil-punti 129 sa 144 iktar ’il fuq, l-allegazzjonijiet tal-Kunsill huma bbażati fuq provi affidabbli u rilevanti. |
|
148 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li juru li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-kriterju ta’ inklużjoni inkwistjoni. |
|
149 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kuntest ġenerali marbut mas-sitwazzjoni tal-Ukraina, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma, il-gravità tas-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż baqgħet u li l-għan imfittex mill-atti inizjali, jiġifieri li ssir pressjoni fuq il-Gvern Russu sabiex dan itemm l-azzjonijiet u l-politiki tiegħu li jiddestabbilizzaw l-Ukraina, kien għadu attwali. |
|
150 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tar-rapport ta’ awditu ppreżentat mir-rikorrenti bħala anness għall-ewwel nota ta’ adattament sabiex jiġi stabbilit li hija ma għandhiex infrastrutturi fir-reġjun ta’ Kharkiv, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 128 iktar ’il fuq, il-valur probatorju ta’ dan id-dokument huwa dgħajjef. Fil-fatt, minn naħa, dan ir-rapport ġie stabbilit fuq talba tar-rikorrenti għall-finijiet ta’ din il-kawża u, min-naħa l-oħra, fih hemm indikat li l-awditur ma setax jidentifika reġistrazzjonijiet ta’ assi tar-rikorrenti imputabbli, fost oħrajn, fir-reġjun ta’ Kharkiv, iżda dan ma kienx jimplika neċessarjament li r-rikorrenti ma kellhiex infrastrutturi f’dan ir-reġjun. Barra minn hekk, f’dan ir-rapport huwa indikat li dan twettaq abbażi tal-proċeduri miftiehma mar-rikorrenti u li ma setax jiġi ggarantit li, kieku kienu twettqu proċeduri addizzjonali, ir-riżultati setgħu kienu differenti. |
|
151 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li r-rikorrenti kienet entità li kienet tappoġġa direttament il-kumpless militari u industrijali Russu u, għaldaqstant, billi żamm isimha fil-listi kontenzjużi. |
|
152 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq ħsara għal-libertà ta’ intrapriża u għar-reputazzjoni tar-rikorrenti
|
153 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-atti kkontestati jippreġudikaw il-libertà ta’ intrapriża tagħha, stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta, u r-reputazzjoni tagħha. Fil-fatt, hija ma tista’ tibbenefika minn ebda deroga u l-parti essenzjali tal-attività tagħha hija prekluża. Ir-rikorrenti tindika wkoll li l-inklużjoni tagħha fil-listi kontenzjużi ma tistax titqies bħala miżura neċessarja u xierqa għall-finijiet tal-għan tal-ġlieda kontra l-azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni tal-Federazzjoni Russa fl-Ukraina. |
|
154 |
Barra minn hekk, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti żżid li l-operaturi l-kbar l-oħra ta’ telekomunikazzjonijiet Russi ma kienu s-suġġett ta’ ebda miżura restrittiva. Fit-tieni lok, hija tindika li l-aċċess għall-internet huwa kkunsidrat bħala dritt tal-bniedem u li r-restrizzjonijiet fuq dan l-aċċess jistgħu jaffettwaw id-drittijiet tal-utenti tagħha għal-libertà tal-espressjoni, għall-ħajja privata u għall-edukazzjoni. |
|
155 |
Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti. |
|
156 |
Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa riprodott fl-Artikolu 5(4) TUE, jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu ta’ natura li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 190 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
157 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti hija ristretta u li l-ħarsien tar-reputazzjoni tagħha huwa affettwat sa ċertu punt minħabba l-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tagħha. |
|
158 |
Issa, għalkemm ir-rispett tad-drittijiet fundamentali jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrenti, jiġifieri d-dritt għal-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-ħarsien tar-reputazzjoni, ma jgawdux, fid-dritt tal-Unjoni, minn protezzjoni assoluta. Konsegwentement, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu ta’ dawn id-drittijiet, sakemm dawn effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni u ma jammontawx, fir-rigward tal-għan imfittex, għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 193 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
159 |
Sabiex ikun hemm konformità mad-dritt tal-Unjoni, ksur tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni għandu jkun previst mil-liġi, jirrispetta l-kontenut essenzjali tal-imsemmija libertà, isegwi għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni, u ma jkunx sproporzjonat (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 194 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
160 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-erba’ kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’dan il-każ. |
|
161 |
Fl-ewwel lok, il-miżuri restrittivi inkwistjoni huma “previsti mil-liġi”, peress li huma stabbiliti f’atti li għandhom, b’mod partikolari, portata ġenerali u li għandhom bażi legali ċara fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll prevedibbiltà suffiċjenti. |
|
162 |
Fit-tieni lok, l-atti kkontestati japplikaw għal sitt xhur u huma suġġetti għal sorveljanza kostanti. Peress li l-imsemmija miżuri huma temporanji u riversibbli, għandu jiġi kkunsidrat li dawn ma jippreġudikawx il-kontenut essenzjali tal-libertajiet invokati. |
|
163 |
Fit-tielet lok, dawn jissodisfaw għan ta’ interess ġenerali li huwa fundamentali għall-komunità internazzjonali daqs l-għan li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 147, u tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 198). |
|
164 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-natura xierqa tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li huma wkoll fundamentali għall-komunità internazzjonali bħal dawk imsemmija fil-punt 163 iktar ’il fuq, dawn ma jistgħux, bħala tali, jitqiesu bħala inadegwati. Barra minn hekk, fir-rigward tan-natura neċessarja ta’ dawn il-miżuri, għandu jiġi rrilevat li l-atti kkontestati jinkludu projbizzjoni fir-rigward ta’ ċerti prodotti, jiġifieri l-oġġetti u t-teknoloġija b’użu doppju kif ukoll dawk imsemmija fl-Artikolu 3a(7) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, u li din il-projbizzjoni tapplika biss għall-operaturi Ewropej. Miżuri oħra inqas restrittivi, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ma jippermettux b’mod daqstant effettiv li jintlaħaq l-għan imfittex. |
|
165 |
Fil-fatt, l-atti kkontestati ma jikkonċernawx l-oġġetti kollha, iżda biss l-oġġetti u t-teknoloġija b’użu doppju kif ukoll dawk imsemmija fl-Artikolu 3a(7) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, u jipprevedu l-possibbiltà li jingħataw derogi mill-miżuri restrittivi applikati. B’mod partikolari, l-Artikolu 3b(1) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata jipprevedi derogi mill-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward tal-entitajiet li isimhom huwa inkluż fil-listi kontenzjużi, bħar-rikorrenti. B’mod iktar speċifiku, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu, f’żewġ każijiet, jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju, anke jekk ikollhom raġunijiet raġonevoli sabiex jemmnu li l-utent finali jista’ jkun entità elenkata fl-Anness IV, meta dawn l-oġġetti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew l-għajnuna finanzjarja relatata jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew għall-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinjifikattiv fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem jew fuq l-ambjent, u meta dawn il-prodotti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew l-għajnuna finanzjarja relatata jkunu meħtieġa b’applikazzjoni ta’ kuntratt konkluż qabel is‑26 ta’ Frar 2022, jew ta’ kuntratt anċillari meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt, sakemm tintalab l-awtorizzazzjoni qabel l‑1 ta’ Mejju 2022. |
|
166 |
Fil-ħames lok, l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni juri li l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mir-restrizzjonijiet għall-esportazzjonijiet ta’ oġġetti u ta’ teknoloġija b’użu doppju ma humiex sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija. F’dan ir-rigward, l-importanza tal-għanijiet imfittxija mill-atti kkontestati, li jaqgħu taħt l-għan iktar wiesa’ taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE, tista’ tipprevali fuq konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-atti kkontestati kienu ppreġudikaw b’mod sproporzjonat il-libertà ta’ intrapriża tagħha u l-ħarsien tar-reputazzjoni tagħha. |
|
167 |
Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssemmi, fir-replika, minn naħa, li l-operaturi l-kbar l-oħra ta’ telekomunikazzjonijiet Russi ma kienu s-suġġett ta’ ebda miżura restrittiva u, min-naħa l-oħra, li r-restrizzjonijiet fir-rigward tagħha jistgħu jaffettwaw id-drittijiet tal-utenti tagħha għal-libertà ta’ espressjoni, għall-ħajja privata u għall-edukazzjoni, għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti ma humiex sostnuti. |
|
168 |
Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-operaturi l-kbar l-oħra ta’ telekomunikazzjonijiet Russi ma kienu s-suġġett ta’ ebda miżura restrittiva, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li l-Kunsill naqas milli jadotta miżuri restrittivi fir-rigward ta’ ċerti persuni jew entitajiet li jaqgħu taħt is-settur tat-telekomunikazzjonijiet fil-Federazzjoni Russa u li dawn jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tar-rikorrenti, tali argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll dak ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikonċiljati mal-prinċipju ta’ legalità (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2016, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill, T‑68/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:263, punt 135). |
|
169 |
Fir-rigward tal-argument li r-restrizzjonijiet fir-rigward tagħha jistgħu jaffettwaw id-drittijiet tal-utenti tagħha għal-libertà ta’ espressjoni, għall-ħajja privata u għall-edukazzjoni, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma sostnietx dan b’argument speċifiku u, b’mod partikolari, ma spjegatx kif l-applikazzjoni tas-sistema stretta tal-esportazzjoni ta’ oġġetti u ta’ teknoloġija b’użu doppju hija ta’ natura li taffettwa l-imsemmija drittijiet. |
|
170 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud ir-raba’ motiv u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu. |
V. Fuq l-ispejjeż
|
171 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
172 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
173 |
F’din il-kawża, peress li r-rikorrenti tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Barra minn hekk, bħala istituzzjoni intervenjenti, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Mastroianni Brkan Gâlea Tóth Kalėda Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Jannar 2025. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.