Brussell, 23.6.2021

COM(2021) 349 final

2021/0169(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju

{SWD(2021) 172 final}


2021/0169 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 , u b’mod partikulari l-Artikolu 20 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)It-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt ta’ tfixkil fuq l-ekonomija tal-Belġju. Fl-2019, il-prodott domestiku gross per capita (PDG per capita) tal-Belġju kien ta’ 133 % tal-medja tal-Unjoni. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, il-PDG reali tal-Belġju naqas b’6,3 % fl-2020 u huwa mistenni li jonqos bi 2,0 % b’mod kumulattiv fl-2020 u l-2021. Aspetti fit-tul b’impatt fuq il-prestazzjoni ekonomika fuq terminu medju jinkludu b’mod partikolari l-proporzjon għoli tad-dejn pubbliku, il-piż tat-taxxa relattivament għoli fuq ix-xogħol, il-qgħad strutturali u r-rati ta’ inattività komparattivament għoli, u ambjent tan-negozju li mhux dejjem iwassal għall-intraprenditorija.

(2)Fid-9 ta’ Lulju 2019 u fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill indirizza r-rakkomandazzjonijiet lill-Belġju fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. B’mod partikolari, il-Kunsill irrakkomanda li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi indirizzata b’mod effettiv il-pandemija, tiġi sostnuta l-ekonomija u jiġi appoġġat l-irkupru sussegwenti, u meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, jiġu segwiti politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u l-iżgurar tas-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jissaħħaħ l-investiment. Ukoll, fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kunsill irrakkomanda li jitkomplew ir-riformi biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali tas-sistemi tal-kura fit-tul u tal-pensjonijiet, inkluż billi jiġu limitati l-possibbiltajiet ta’ ħruġ bikri mis-suq tax-xogħol, jitjiebu l-kompożizzjoni u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku, b’mod partikolari permezz ta’ reviżjoni tal-infiq, u l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali mil-livelli kollha tal-gvern biex jinħoloq spazju għall-investiment pubbliku. Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda lill-Belġju biex isaħħaħ ir-reżiljenza ġenerali tas-sistema tas-saħħa u jiżgura l-provvista ta’ prodotti mediċi kritiċi, u biex itaffi l-impatt soċjali u fuq l-impjiegi tal-kriżi, b’mod partikolari billi jippromwovi miżuri attivi effettivi tas-suq tax-xogħol u jrawwem l-iżvilupp tal-ħiliet. Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda lill-Belġju biex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri biex tiġi pprovduta likwidità bħala assistenza lill-SMEs u dawk li jaħdmu għal rashom, kif ukoll biex jitjieb l-ambjent tan-negozju, inkluż billi jitnaqqas il-piż regolatorju u amministrattiv biex tiġi inċentivata l-intraprenditorija u jitneħħew l-ostakli għall-kompetizzjoni fis-servizzi, b’mod partikolari t-telekomunikazzjoni, il-bejgħ bl-imnut u s-servizzi professjonali. Fir-rigward tal-investiment, il-Kunsill irrakkomanda li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu ffinanzjati b’mod aktar qawwi fil-bidu u jiġi promoss l-investiment privat biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku u biex l-investiment jiġi ffukat fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq l-infrastruttura għal trasport sostenibbli, inkluż it-titjib tal-infrastruttura ferrovjarja, il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija b’mod nadif u effiċjenti, l-ekonomija ċirkolari, id-diġitalizzazzjoni u l-infrastruttura diġitali, bħan-Networks 5G u Gigabit, u r-riċerka u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, fil-qasam tat-trasport, il-Kunsill irrakkomanda wkoll lill-Belġju biex jindirizza l-isfidi tal-mobilità li qed jikbru, billi jsaħħaħ l-inċentivi u jneħħi l-ostakli biex jiżdiedu l-provvista u d-domanda tat-trasport kollettiv u b’emissjonijiet baxxi. Fl-aħħar nett, fil-qasam tal-impjiegi u l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Kunsill irrakkomanda lill-Belġju biex ineħħi d-diżinċentivi għax-xogħol u jsaħħaħ l-effettività tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari għall-ħaddiema b’ħiliet baxxi, il-ħaddiema akbar fl-età u l-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, biex itejjeb il-prestazzjoni u l-inklużività tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u jindirizza l-ispariġġ tal-ħiliet. Il-Kummissjoni, wara li vvalutat il-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fi żmien il-preżentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Kummissjoni sabet li kien hemm progress sostanzjali fir-rigward tar-rakkomandazzjoni speċifika dwar it-teħid tal-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, biex tiġi indirizzata b’mod effettiv il-pandemija, tiġi sostnuta l-ekonomija u jiġi appoġġat l-irkupru sussegwenti.

(3)[Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro rrakkomandat lill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro biex jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex, fost l-oħrajn, jiżguraw pożizzjoni ta’ politika li tappoġġa l-irkupru u biex ikomplu jtejbu l-konverġenza, ir-reżiljenza u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ssuġġeriet ukoll li jissaħħu l-oqfsa istituzzjonali nazzjonali, li tiġi żgurata l-istabbiltà makrofinanzjarja u li titlesta l-UEM, u li jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro.] [Jekk ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ma tiġix adottata sa meta tkun ġiet adottata s-CID, neħħi l-premessa]

(4)Fit-30 ta’April 2021, il-Belġju ppreżenta l-pjan tiegħu nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Din il-preżentazzjoni segwiet proċess ta’ konsultazzjoni, imwettaq f’konformità mal-qafas legali nazzjonali, ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali, sħab soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Is-sjieda nazzjonali tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza hija l-bażi tal-implimentazzjoni b’suċċess tagħhom u tal-impatt dejjiemi fil-livell nazzjonali, u tal-kredibbiltà fil-livell Ewropew. Skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida għall-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament.

(5)Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jenħtieġ li jsegwu l-objettivi ġenerali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbiliti bir-Regolament (UE) 2021/241 u tal-Istrument għall-Irkupru tal-UE stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094, sabiex jiġi appoġġat l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19. Huma jenħtieġ li jippromwovu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jikkontribwixxu għas-sitt pilastri msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)L-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri se tikkostitwixxi sforz ikkoordinat ta’ investiment u ta’ riformi fl-Unjoni. Permezz tal-implimentazzjoni kkoordinata u simultanja ta’ dawn ir-riformi u l-investimenti u l-implimentazzjoni ta’ proġetti transfruntiera, dawn ir-riformi u l-investimenti se jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u jiġġeneraw effetti konsegwenzjali pożittivi fl-Unjoni kollha. Għalhekk, madwar terz tal-impatt tal-Faċilità fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tal-Istati Membri se jiġi minn effetti konsegwenzjali minn Stati Membri oħra.

Rispons ibbilanċjat li jikkontribwixxi għas-sitt pilastri

(7)F’konformità mal-Artikolu 19(3) il-punt (a) u t-Taqsima 2.1 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jirrappreżenta fil-biċċa l-kbira (il-Klassifikazzjoni A) rispons komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, u b’hekk jikkontribwixxi b’mod xieraq għas-sitt pilastri kollha msemmijin fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241, filwaqt li jqis l-isfidi speċifiċi u l-allokazzjoni finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat.

(8)Il-pjan jinkludi miżuri li jikkontribwixxu għas-sitt pilastri kollha, b’għadd sinifikanti ta’ komponenti tal-pjan li jindirizzaw diversi pilastri. Approċċ bħal dan jikkontribwixxi biex jiżgura li kull pilastru jiġi indirizzat b’mod komprensiv u b’mod koerenti. Barra minn hekk, minħabba l-isfidi speċifiċi tal-Belġju, l-enfasi partikolari fuq it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, flimkien mal-ponderazzjoni globali bejn il-pilastri, huma meqjusa bħala bbilanċjati b’mod adegwat.

(9)Il-pjan jipprevedi li jieħu firxa wiesgħa ta’ miżuri relatati mal-klima, b’aktar minn nofs il-komponenti jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika. Miżuri bħal dawn jinkludu żieda fl-effiċjenza enerġetika tal-bini, teknoloġiji emerġenti ġodda, l-adattament għat-tibdil fil-klima u infrastruttura tat-trasport sostenibbli, li jirrappreżentaw opportunitajiet kbar li jgħinu biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima għall-2030. Il-pjan jindirizza l-isfidi diġitali f’diversi oqsma, bi kważi żewġ terzi tal-komponenti li jikkontribwixxu għall-indirizzar ta’ dawn l-isfidi. Ir-riformi, kemm fil-livell federali kif ukoll f’dak reġjonali, għandhom l-għan li jneħħu l-ostakli regolatorji għat-tnedija tal-5G u tal-infrastruttura ta’ konnettività ultraveloċi, bħall-fibra ottika. L-investimenti li jinsabu fil-pjan Belġjan għall-irkupru u r-reżiljenza jiffukaw fuq id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll tas-sistema ġudizzjarja, u fuq it-titjib tal-ħiliet diġitali. Huma mistennija kisbiet sostanzjali fl-effiċjenza u titjib fil-kwalità tal-proċessi kkonċernati minn dawn l-investimenti.

(10)Il-pjan ikopri b’mod estensiv it-tielet pilastru ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, bi kważi l-komponenti kollha jikkontribwixxu direttament. Il-pjan għandu jkollu impatt pożittiv fuq l-investiment pubbliku u privat, b’mod partikolari b’investiment fit-trasport u l-infrastruttura diġitali, l-akkomodazzjoni soċjali, ir-rinnovazzjoni ta’ binjiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u r-riċerka u l-innovazzjoni. Billi jikkontribwixxi għal ekonomija aktar ekoloġika u diġitali, il-pjan jappoġġa t-tkabbir sostenibbli u r-reżiljenza ekonomika. L-investiment imdaqqas fid-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u tas-sistema ġudizzjarja jenħtieġ li jikkontribwixxi għal ambjent favorevoli għan-negozju biex b’hekk jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku. Barra minn hekk, il-pjan jgħin biex jiġi indirizzat l-ispariġġ fil-ħiliet billi jsaħħaħ is-sistema edukattiva u tat-taħriġ. L-enfasi fuq it-titjib tal-ħiliet diġitali u t-trawwim tal-aċċess għas-suq tax-xogħol għal gruppi vulnerabbli għandu jkollhom impatt pożittiv fuq l-impjiegi u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

L-indirizzar tal-isfidi kollha jew ta’ ġabra sinifikanti ta’ sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż

(11)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u t-Taqsima 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jikkontribwixxi biex jindirizza b’mod effettiv (il-Klassifikazzjoni A) l-isfidi kollha jew ġabra sinifikanti ta’ sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti, inklużi l-aspetti fiskali tagħhom indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat jew l-isfidi identifikati f’dokumenti rilevanti oħra adottati uffiċjalment mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(12)Ir-rakkomandazzjonijiet relatati mar-rispons immedjat tal-politika fiskali għall-pandemija jistgħu jitqiesu li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan tal-Belġju, minkejja li l-Istat Membru ġeneralment wieġeb b’mod adegwat u suffiċjenti għall-ħtieġa immedjata li l-ekonomija tiġi appoġġata permezz ta’ mezzi fiskali fl-2020 u fl-2021, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Klawżola Liberatorja Ġenerali. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni biex fl-2020 isir progress suffiċjenti lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju ma għadhiex rilevanti, kemm minħabba l-iskadenza tal-perjodu baġitarju korrispondenti kif ukoll minħabba l-attivazzjoni f’Marzu 2020 tal-Klawżola Liberatorja Ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fil-kuntest tal-kriżi pandemika.

(13)Il-pjan jinkludi ġabra estensiva ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha ekonomiċi u soċjali jew ġabra sinifikanti minnhom li ġew identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Belġju fl-2019 u fl-2020 fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kwalità u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, il-pensjonijiet, is-suq tax-xogħol kif ukoll il-politiki tal-edukazzjoni u l-ħiliet, ir-RuŻ u l-innovazzjoni, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u l-ambjent tan-negozju.

(14)Il-pjan jinkludi r-riformi fiskali strutturali rilevanti li huma mistennija jtejbu l-kwalità u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Riformi bħal dawn jinkludu l-integrazzjoni sistematika ta’ reviżjoni tal-infiq fiċ-ċikli tal-ippjanar baġitarju fil-livelli kollha tal-gvern biex jittejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku. Barra minn hekk, ir-riforma tal-pensjonijiet għandha l-għan li ttejjeb is-sostenibbiltà finanzjarja u soċjali tas-sistema tal-pensjonijiet, fil-kuntest ta’ żieda fin-nefqa pubblika fuq il-pensjonijiet.

(15)Il-pjan jinkludi wkoll riformi u investimenti li jindirizzaw l-isfidi fit-tul tas-suq tax-xogħol. Dawn jinkludu miżuri għall-promozzjoni ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol aktar effettivi, biex titjieb il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol u biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol. Il-pjan jinkludi wkoll l-investimenti biex jissaħħu l-integrazzjoni soċjali u tas-suq tax-xogħol tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, inklużi l-persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni, nisa, persuni b’diżabbiltà, ħabsin u l-persuni f’riskju ta’ esklużjoni diġitali. Barra minn hekk, l-investimenti u r-riformi inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jtejbu l-prestazzjoni tas-sistemi edukattivi u li jnaqqsu l-iskarsezza ta’ ħiliet permezz tat-taħriġ u l-attivazzjoni bil-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol, b’enfasi partikolari fuq il-ħiliet diġitali.

(16)Il-pjan jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tranżizzjoni ekoloġika. Dan jinkludi investiment pubbliku fuq skala kbira għar-rinnovazzjoni tal-bini biex ikun effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inkluża l-akkomodazzjoni soċjali kif ukoll appoġġ lill-investiment privat għall-effiċjenza enerġetika permezz ta’ sussidji. L-investimenti jiffukaw ukoll fuq il-produzzjoni u l-użu b’mod nadif u effiċjenti tal-enerġija, prinċipalment mis-setturi industrijali, li jkopru l-elettrifikazzjoni tal-proċess, l-idroġenu ekoloġiku u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju bħala materja prima u bħala vettur tal-enerġija, il-qbid u l-ħżin tas-CO2 b’investiment fit-trasport tas-CO2 u tal-idroġenu (H2) u r-riċerka preindustrijali għall-applikazzjonijiet industrijali li jużaw l-H2 u s-CO2, in-networks tas-sħana rinnovabbli, kif ukoll l-infrastruttura li għandha l-għan li tiffaċilita l-konnessjoni tal-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ offshore mal-grilja. Il-pjan jikkontribwixxi għall-aċċellerazzjoni tal-ekoloġizzazzjoni tat-trasport permezz ta’ investiment fl-infrastruttura taċ-ċikliżmu u l-mixi, kif ukoll f’servizzi tat-trasport pubbliku, bħal xarabanks ekoloġiċi, infrastruttura għal tramm u għal metrò ħafif, u trasport ferrovjarju aktar effiċjenti u aċċessibbli, inklużi xogħlijiet ta’ infrastruttura li jappoġġaw il-bidla modali mit-triq għall-passaġġi fuq l-ilma interni u l-ferroviji. Il-pjan jinkludi wkoll riforma tal-iskema tat-taxxa fuq il-karozzi tal-kumpaniji, immirata lejn l-elettrifikazzjoni tat-trasport bit-triq, ikkumplimentata minn miżuri biex titħaffef l-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi fil-Belġju u biex jiġi appoġġat l-użu ta’ flotot tal-karozzi tal-linja aktar nodfa, prinċipalment elettriċi, kif ukoll titjib fil-budget għall-mobilità biex tiġi appoġġata l-bidla modali.

(17)Il-pjan jikkontribwixxi wkoll b’mod sinifikanti biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tranżizzjoni diġitali. Dan jinkludi miżuri biex tittejjeb il-konnettività diġitali fil-Belġju kollu billi jsir aktar investiment fl-iżvilupp ta’ networks tal-fibra ottika b’veloċità għolja ħafna, kif wkoll miżuri li jippermettu t-tnedija u l-konnettività tal-5G. Il-pjan jinkludi investimenti u riformi sinifikanti li għandhom l-għan li jiddiġitalizzaw l-amministrazzjoni pubblika, inkluża s-sistema ġudizzjarja, biex titjieb l-effiċjenza tal-proċessi interni tagħha u tal-interazzjoni tagħha maċ-ċittadini u n-negozji, b’mod partikolari permezz tal-Gateway Diġitali Unika u l-investiment fid-diġitalizzazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali. Il-miżuri fil-pjan li huma relatati mas-settur diġitali għandhom ukoll l-għan li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tnaqqis tal-piż regolatorju u amministrattiv, it-tneħħija tal-ostakli għall-kompetizzjoni u t-titjib tal-ambjent tan-negozju.

(18)Qed jiġu introdotti investimenti sinifikanti biex tingħata spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta’ proċessi ta’ produzzjoni aktar effiċjenti bbażati fuq teknoloġiji tal-enerġija emerġenti, l-iżvilupp ta’ proċessi ta’ produzzjoni alternattivi fil-mediċina nukleari għat-trattament tal-kanċer, u miżuri biex jissaħħu l-kapaċitajiet ċibernetiċi tal-intrapriżi żgħar u medji u biex tiġi miġġielda l-kriminalità ċibernetika. Il-pjan jinkludi wkoll miżuri li għandhom l-għan li jippromwovu ekonomija ċirkolari u ġestjoni aħjar tar-riżorsi billi tiġi stabbilita infrastruttura ġdida għar-riċiklaġġ biex jimtlew il-fażijiet neqsin fi ktajjen tal-valur differenti, u billi jiġu żviluppati alternattivi għall-użu ta’ sustanzi kimiċi dannużi, u jiġu żviluppati sħubijiet għall-innovazzjoni.

Kontribut għall-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali

(19)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (c) u t-Taqsima 2.3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jkollu impatt qawwi (il-Klassifikazzjoni A) fuq it-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali tal-Istat Membru, filwaqt li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ politiki għat-tfal u ż-żgħażagħ, u fuq it-taffija tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19, u b’hekk isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-konverġenza fl-Unjoni.

(20)Simulazzjonijiet mis-servizzi tal-Kummissjoni juru li l-pjan għandu l-potenzjal li jżid il-PDG tal-Belġju b’bejn 0,5 % u 0,9 % sal-2026 2 . Il-pjan Belġjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi pakkett kbir ta’ investimenti u riformi, li huma mistennija jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet tal-pajjiż għall-iskossi u jsaħħu r-reżiljenza ekonomika, istituzzjonali u soċjali tiegħu. Ir-riformi, li għandhom l-għan li jżidu l-kwalità tal-infiq pubbliku u li jneħħu l-ostakli għal parteċipazzjoni akbar fis-suq tax-xogħol flimkien ma’ investimenti kbar fir-rinnovazzjoni tal-bini, il-mobilità sostenibbli, id-diġitalizzazzjoni, it-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, jindirizzaw l-isfidi identifikati f’dawn l-oqsma u huma mistennija li jagħtu spinta lill-kompetittività u l-produttività tal-pajjiż filwaqt li jwittu t-triq għat-tranżizzjoni ekoloġika u għat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija.

(21)Ir-riformi u l-investimenti fir-rinnovazzjoni ta’ binjiet biex ikun effiċjenti fl-użu tal-enerġija, fit-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet, fil-mobilità sostenibbli, fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi inkluża s-sistema ġudizzjarja huma mistennija li jipprovdu l-kontribut ewlieni kemm għat-tkabbir kif ukoll għall-impjiegi. Oqsma ewlenin oħra ta’ intervent jinkludu ċ-ċibersigurtà u l-5G, l-ekonomija ċirkolari, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija flimkien ma’ enfasi fuq it-teknoloġiji emerġenti tal-enerġija bħall-produzzjoni ekoloġika tal-idroġenu kif ukoll l-użu tiegħu, is-setturi ekonomiċi validi għall-futur bħall-mediċina nukleari, il-kura tas-saħħa, il-kultura, u l-ġestjoni tal-ilma.

(22)Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri li għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi soċjali u tal-impjiegi rilevanti, identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u mmonitorjati permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali. Dawn il-miżuri għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Huma previsti azzjonijiet speċifiċi li jgħinu biex l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tiġi appoġġata, b’mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli. Dan għandu jinkiseb permezz ta’ bidliet fir-responsabbiltajiet u l-funzjonament tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi reġjonali, tal-modernizzazzjoni tagħhom u l-għoti ta’ appoġġ aktar personalizzat lil persuni vulnerabbli li qed ifittxu impjieg. Il-pjan jinkludi riformi biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, li hija partikolarment rilevanti biex tiġi ttrattata r-rata baxxa tal-impjiegi ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Ir-riformi tal-iskemi ta’ sussidju għall-enerġija huma mistennija li jgħinu biex jittaffa l-faqar enerġetiku, anke jekk fil-pjan ma tiġix ippreżentata strateġija globali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni. Il-pjan jinkludi wkoll investimenti fl-infrastruttura soċjali, inkluż fir-rinnovazzjoni u l-bini ta’ akkomodazzjonijiet soċjali u faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal. Dawn l-investimenti jikkontribwixxu wkoll għall-koeżjoni soċjali.

(23)Il-pjan, biex jitrawwem l-aċċess għas-suq tax-xogħol u biex jiġi indirizzat l-ispariġġ tal-ħiliet, għandu l-għan li jimmodernizza s-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, prinċipalment permezz ta’ investimenti fit-tagħmir u fl-infrastruttura. Ir-riformi u l-investimenti jiffukaw fuq l-estensjoni u li l-offerta ta’ taħriġ u l-inċentivi jsiru aktar trasparenti, inkluż billi jiġu stabbiliti kontijiet ta’ apprendiment individwali, u billi jsir investiment fl-infrastruttura tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Barra minn hekk, uħud mill-miżuri huma maħsuba biex isaħħu l-inklużjoni diġitali għall-gruppi vulnerabbli billi jikkombinaw il-provvista ta’ tagħmir diġitali ma’ taħriġ fil-ħiliet diġitali.

La tagħmilx ħsara sinifikanti

(24)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (d) u t-Taqsima 2.4 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni jiżgura li l-ebda miżura għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-proġetti ta’ investiment inkluża fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ma tagħmel ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali (il-Klassifikazzjoni A) fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 (il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”).

(25)Il-miżuri fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju ġew ivvalutati skont il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. Il-Belġju pprovda ġustifikazzjonijiet skont il-gwida teknika “la tagħmilx ħsara sinifikanti” tal-Kummissjoni Ewropea (2021/C 58/01). Fejn l-analiżi identifikat riskju potenzjali, twettqet valutazzjoni aktar iddettaljata li fiha ġie vverifikat in-nuqqas ta’ ħsara sinifikanti mistennija jew inkella ġew stabbiliti stadji importanti xierqa biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji. B’mod partikolari, għal xi miżuri fejn se jitnedew sejħiet għal proġetti fil-futur, bħal miżuri fil-qasam tat-teknoloġiji emerġenti tal-enerġija, ġew stabbiliti stadji importanti xierqa assoċjati ma’ dawn il-miżuri biex jiġi żgurat li l-kriterji ta’ eliġibbiltà tas-sejħiet għall-proġetti jeskludu l-eliġibbiltà ta’ attivitajiet li jistgħu jagħmlu ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali.

Il-kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità

(26)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (e) u t-Taqsima 2.5 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri li fil-parti l-kbira jikkontribwixxu (il-Klasssifikazzjoni A) għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jikkostitwixxu ammont li jirrappreżenta 49,6 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan ikkalkulata skont il-metodoloġija tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima għall-2030.

(27)It-total ta’ 10 komponenti (minn 17) fihom miżuri li jikkontribwixxu għall-objettiv tal-klima. Ir-rinnovazzjonijiet ta’ binijiet pubbliċi, akkomodazzjonijiet privati u soċjali biex ikunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija jirrappreżentaw parti importanti minn dan il-kontribut. Il-pjan jinkludi investimenti f’mezzi tat-trasport kollettivi u b’emissjonijiet baxxi u riforma biex l-iskema tat-taxxa fuq il-karozzi tal-kumpaniji ssir ekoloġika. L-investimenti fir-RuŻ u l-innovazzjoni, b’mod partikolari fit-teknoloġiji tal-enerġija alternattiva, inkluż l-idroġenu, u l-infrastrutturi huma mistennija li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Ir-riformi u l-investimenti fil-qasam tar-rinnovazzjoni tal-bini biex ikun effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u fil-mobilità l-vetturi ekoloġiċi, huma mistennija jikkontribwixxu biex l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni u tat-tranżizzjoni tal-enerġija tal-Belġju jimxu ’l quddiem kif stabbiliti fil-Pjan Nazzjonali tiegħu għall-Enerġija u l-Klima għall-2030.

(28)Fid-dawl tad-dimensjoni ambjentali tiegħu, il-pjan huwa mistenni li jikkontribwixxi direttament għall-preservazzjoni tal-bijodiversità permezz ta’ investimenti f’żoni protetti, operazzjonijiet ta’ restawr ekoloġiku, infrastruttura ekoloġika, il-ġestjoni ta’ foresti aktar reżiljenti u l-ħolqien ta’ artijiet mistagħdra. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri hija mistennija li jkollha effett dejjiemi fuq il-ħżin tas-CO2, u flimkien mal-miżuri ta’ ġestjoni tal-ilma jsaħħu l-adattament għat-tibdil fil-klima. Investimenti oħra f’infrastrutturi ta’ riċiklaġġ, l-appoġġ għal proġetti ta’ ekodisinn u għall-użu ottimizzat ta’ materjali għandhom l-għan li jtejbu l-ekonomija ċirkolari fil-Belġju.

Kontribut għat-tranżizzjoni diġitali

(29)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (f) u t-Taqsima 2.6 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fih miżuri li fil-parti l-kbira (il-Klassifikazzjoni A) jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jikkostitwixxu ammont li jirrappreżenta 26,6 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan ikkalkulata skont il-metodoloġija tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2021/241.

(30)B’kollox, 11-il komponent (minn 17) fihom miżuri li huma mistennija li jikkontribwixxu għall-objettiv ta’ tranżizzjoni diġitali b’approċċ wiesa’ u trażversali. Il-pjan fih riformi importanti fil-livell federali kif ukoll f’dak reġjonali li għandhom l-għan li jneħħu l-ostakli regolatorji għat-tnedija tal-5G u ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna, bħall-fibra ottika. Il-pjan jinkludi wkoll il-konnettività b’investimenti pubbliċi, bħall-użu ta’ fibra ottika f’ċerti żoni bojod u l-iżgurar ta’ konnettività ogħla tal-iskejjel fir-Reġjun ta’ Walloon. L-implimentazzjoni tas-Sett ta’ Għodod ta’ Konnettività hija mmonitorjata fil-pjan. Investimenti u riformi importanti fil-pjan huma speċifikati għall-e-Gvern għall-entitajiet kollha, inkluża l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura diġitali antikwata, is-sistema ta’ ġestjoni tal-fajls ġudizzjarji u s-sigurtà tan-network tal-ġudikatura. Il-pjan huwa mistenni li jrawwem l-użu tad-data miftuħa tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Investimenti oħra huma mmirati lejn id-diġitalizzazzjoni ta’ setturi speċifiċi bħas-sistema tas-saħħa, it-turiżmu, it-trasport, l-enerġija, il-media u l-kultura. Il-pjan għandu fil-mira skejjel mgħammra b’mod diġitali u konnessi b’mod aħjar fit-territorju Belġjan kollu. L-investimenti fil-pjan huma mistennija wkoll li jikkontribwixxu għal reżiljenza ċibernetika ġenerali aħjar u għas-sigurtà taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Barra minn hekk, il-pjan jippromwovi t-tnedija tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq l-input tal-bniedem.

(31)Il-miżuri jindirizzaw ukoll l-isfidi relatati mal-livelli tal-ħiliet diġitali tal-popolazzjoni, b’mod partikolari għandhom fil-mira inklużjoni diġitali akbar, kif ukoll it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet diġitali tal-forza tax-xogħol biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u jrawmu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, il-pjan huwa mistenni wkoll li jgħin fit-titjib tal-prestazzjoni diġitali taż-żgħażagħ fis-sistemi tal-edukazzjoni primarja, sekondarja u dawk għoljin. Hemm riformi u investimenti li għandhom l-għan li jgħinu lill-kumpaniji jibbenefikaw mit-transizzjon diġitali permezz tal-iżvilupp ta’ ċentru ta’ innovazzjoni diġitali u teknoloġiku u investiment fir-RuŻ relatat mas-settur diġitali. Il-pjan jinkludi wkoll xi miżuri li għandhom l-għan li jekoloġizzaw is-settur diġitali.

Impatt dejjiemi

(32)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (g) u t-Taqsima 2.7 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jkollu fil-biċċa l-kbira impatt dejjiemi fuq il-Belġju (il-Klassifikazzjoni A).

(33)Il-pjan fih investimenti li mistennija jkollhom impatt dejjiemi, li jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomija. Il-miżuri relatati mas-settur diġitali fil-pjan huma mfassla b’arkitettura tal-informazzjoni biex jiżdied l-livell ta’ diġitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet rilevanti, li huwa mistenni li jkollu impatt dejjiemi fuq il-kwalità tas-servizzi, l-ambjent tan-negozju u l-użu ottimali tad-data tal-gvern. Dan jikkonċerna oqsma essenzjali bħas-sistema ġudizzjarja, is-sigurtà soċjali, is-sistema tas-saħħa, ir-reżiljenza ċibernetika tal-pajjiż jew pjattaformi biex jittejbu l-interazzjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u ċ-ċittadini jew in-negozji. Il-pjan ikompli jikkontribwixxi biex jiżdied il-livell tal-investimenti fir-RuŻ sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ 3 % tal-PDG u biex tiżdied il-produttività. L-investimenti u l-politiki rilevanti bħal dawk għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija flimkien ma’ titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-pajjiż, u t-tnedija ta’ infrastruttura diġitali tal-ogħla livell huma mistennija li jikkontribwixxu għat-titjib tal-kompetittività u għall-potenzjal tat-tkabbir tiegħu.

(34)B’mod ġenerali, ir-riformi proposti fil-pjan mistennija li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tal-Belġju u mistennija jkollhom impatt fit-tul, għalkemm għal xi wħud minnhom, bħar-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet, il-firxa tal-impatt se tiddependi fuq l-implimentazzjoni tagħhom. Ir-riformi relatati mal-kwalità tal-infiq pubbliku, mal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u mat-tneħħija tal-ostakli regolatorji għat-tnedija tal-5G huma mistennija jipproduċu effetti dejjiema. Fil-qasam tat-tassazzjoni, ir-riforma tal-iskema tal-karozzi tal-kumpaniji hija mistennija tikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport. Filwaqt li l-pjan jirreferi għal proposta għal riforma wiesgħa tat-taxxa, b’impatt potenzjalment importanti fuq id-diżinċentivi għax-xogħol u t-tranżizzjoni ekoloġika, hemm nuqqas ta’ impenn sod għall-adozzjoni tiegħu. L-impatt dejjiemi tal-pjan jista’ jissaħħaħ ukoll permezz ta’ sinerġiji bejn il-pjan u programmi oħra ffinanzjati mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari billi jiġu indirizzati b’mod sostantiv l-isfidi territorjali b’għeruq fondi, u billi jiġi promoss żvilupp ibbilanċjat.

Il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni

(35)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (h) u t-Taqsima 2.8 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huma adegwati (il-Klassifikazzjoni A) biex jiġi żgurat monitoraġġ u implimentazzjoni effettivi tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż l-iskeda ta’ żmien prevista, l-istadji importanti u l-miri, u l-indikaturi relatati.

(36)L-istruttura ta’ governanza u l-arranġamenti organizzattivi proposti mill-awtoritajiet Belġjani għall-implimentazzjoni tal-pjan Belġjan jiżguraw l-involviment tal-atturi inkarigati mill-monitoraġġ, ir-rappurtar u s-segwitu amministrattiv tar-riformi u l-investimenti taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Il-koordinazzjoni interfederali bejn l-entitajiet involuti hija żgurata kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak amministrattiv. Il-monitoraġġ tal-indikaturi deskritti mill-awtoritajiet Belġjani, huwa ċar u komprensiv biżżejjed biex jiżgura li t-tlestija tagħhom tkun tista’ tiġi ttraċċata u vverifikata. L-istadji importanti u l-miri jenħtieġ li jirrappreżentaw l-aktar l-elementi tal-miżuri ewlenin, u bħala tali jistgħu jitqiesu rilevanti għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-mekkaniżmi ta’ verifika, il-ġbir tad-data u r-responsabbiltajiet deskritti fil-pjan jidhru robusti biżżejjed biex jiġġustifikaw b’mod adegwat it-talbiet għal żborż meta jitlestew l-istadji importanti u l-miri. L-istadji importanti u l-miri huma rilevanti wkoll għall-miżuri li diġà tlestew u li huma eliġibbli skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament. It-twettiq sodisfaċenti ta’ dawn l-istadji importanti u l-miri maż-żmien huwa meħtieġ biex tiġi ġġustifikata t-talba ta’ żborż.

(37)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju permezz tal-Faċilità jiġi kkomunikat u rikonoxxut f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/241. L-appoġġ tekniku jista’ jintalab permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku biex l-Istati Membri jkunu assistiti fl-implimentazzjoni tal-pjan tagħhom.

Estimi tal-prezzijiet

(38)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (i) u t-Taqsima 2.9 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-ġustifikazzjoni mogħtija fil-pjan dwar l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija sa ċertu punt (il-Klassifikazzjoni B) raġonevoli u plawżibbli, hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u tikkorrispondi għall-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.

(39)L-informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-evidenza ppreżentata fil-pjan huma, fil-biċċa l-kbira, dettaljati u ċari għall-biċċa l-kbira tal-miżuri. Għall-biċċa l-kbira tal-miżuri, hemm informazzjoni ddettaljata biżżejjed u evidenza ta’ sostenn komprensiva li l-ispiża totali stmata tal-pjan hija raġonevoli u plawżibbli. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-Belġju pprovda informazzjoni dwar proġetti ta’ investiment reali jew simili fil-passat, jew inkella dwar data tal-ispejjeż komparattivi għall-fatturi ewlenin tal-ispejjeż li jippermettu li jiġu ssostanzjati l-biċċa l-kbira tal-istimi tal-ispejjeż. Għal ħafna mill-proġetti, l-informazzjoni dwar l-ispejjeż tinkludi evidenza ta’ sostenn ċara jew referenzi rilevanti li jiġġustifikaw l-ispejjeż għal kull unità ta’ referenza. Madankollu, l-ispeċifiċità u r-rilevanza tal-ġustifikazzjonijiet tal-ispejjeż mogħtija mhumiex uniformi fil-pjan kollu. Għal ċerti miżuri, aktar informazzjoni li tippreżenta stimi u ġustifikazzjonijiet aktar iddettaljati setgħet iżżid il-livell ta’ ġustifikazzjoni li l-ispejjeż huma raġonevoli u plawżibbli. Fl-aħħar nett, l-ispiża totali stmata tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u tikkorrispondi għall-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.

Ħarsien tal-interessi finanzjarji

(40)Skont l-Artikolu 19(3), il-punt (j) u t-Taqsima 2.10 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-miżuri addizzjonali li jinsabu f’din id-Deċiżjoni huma adegwati (il-Klassifikazzjoni A) biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess meta jintużaw il-fondi pprovduti skont dak ir-Regolament, u l-arranġamenti huma mistennija li b’mod effettiv jevitaw li jseħħ finanzjament doppju skont ir-Regolament u programmi oħra tal-Unjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ strumenti u għodod oħra li jippromwovu u jinfurzaw il-konformità mad-dritt tal-UE, inkluż għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess, u għall-protezzjoni tal-finanzi tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(41)Il-pjan jiddeskrivi b’mod xieraq is-sistema stabbilita għall-implimentazzjoni tiegħu. Il-qafas ġenerali jirrappreżenta sistema robusta ta’ kontroll intern fejn jitqassmu rwoli u responsabbiltajiet ċari lill-entitajiet kompetenti involuti. Fil-livell federali, is-Segretarju tal-Istat għall-Irkupru u l-Investimenti Strateġiċi jikkoordina l-implimentazzjoni tal-pjan, filwaqt li l-monitoraġġ jitwettaq fil-livell politiku permezz tal-Konferenza Interministerjali u fil-livell amministrattiv mill-Kumitat ta’ Monitoraġġ Interfederali. Il-pjan Belġjan jidentifika l-korpi differenti inkarigati mill-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-proġetti f’kull waħda mis-sitt entitajiet (l-Istat Federali, ir-Reġjun Fjamming, ir-Reġjun ta’ Walloon, ir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, il-Komunità Franċiża u l-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż).

(42)Kull entità hija responsabbli għall-ġbir tad-data tal-proġetti fir-responsabbiltà tagħha, u tiżgura l-aġġornament regolari tal-progress tagħhom fl-għodda ta’ monitoraġġ tagħhom. Fir-rigward tal-awditjar, l-entitajiet maħtura huma inkarigati wkoll mill-awditjar tal-fondi tal-UE taħt ġestjoni kondiviża u huma indipendenti mill-entitajiet li jimplimentaw il-pjan. Il-pjan jistabbilixxi l-proċeduri ta’ kontroll differenti ta’ kull entità għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitt ta’ interess, meta jintużaw il-fondi previsti skont ir-Regolament (UE) 2021/241.

(43)B’mod ġenerali, l-arranġamenti proposti mill-Belġju fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni tal-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess meta jintużaw il-fondi pprovduti permezz tal-Faċilità, inklużi l-arranġamenti mmirati biex jiġi evitat finanzjament doppju mill-Faċilità u minn programmi oħra tal-Unjoni, huma vvalutati bħala adegwati, dment li l-istadji importanti li jappartjenu għal sistema repożitorja għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Faċilità u l-arranġamenti ta’ koordinazzjoni adegwati biex jiġi evitat finanzjament doppju jiġu ssodisfati qabel l-ewwel talba għall-pagament.

Il-koerenza tal-pjan

(44)Skont l-Artikolu 19(3), il-punt (k) u t-Taqsima 2.11 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan sa ċertu punt jinkludi (il-Klassifikazzjoni B) miżuri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment pubbliku li jirrappreżentaw azzjonijiet koerenti.

(45)Il-pjan fih ġabra ta’ riformi u investimenti li jappoġġaw l-objettivi li jistimulaw l-irkupru tal-ekonomija Belġjana, li jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tagħha u li jżidu r-reżiljenza tagħha fit-triq lejn tkabbir aktar sostenibbli u inklużiv. Il-miżuri individwali inklużi fil-pjan huma koerenti mal-objettivi ġenerali mħabbra. Il-pjan ma jippreżentax inkonsistenzi jew kontradizzjonijiet bejn il-kontenut tal-komponenti differenti. Xi miżuri jsaħħu lil xulxin u jikkomplementaw lil xulxin, anki fil-livelli tal-gvern. Madankollu, f’xi każijiet, il-potenzjal ta’ xi wħud mill-investimenti seta’ jissaħħaħ aktar permezz ta’ riformi komplementari aktar estensivi. Pereżempju, filwaqt li l-pjan fih għadd ta’ investimenti u riformi mmirati lejn ir-rinnovazzjoni tal-bini biex ikun effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ma hemm l-ebda impenn sod biex tiġi riformata s-sistema tat-tassazzjoni fuq l-enerġija biex jiġu inċentivati aktar l-investimenti għall-effiċjenza enerġetika fir-rinnovazzjoni tal-binjiet. Filwaqt li l-pjan jappoġġa t-tnedija tal-produzzjoni ekoloġika tal-idroġenu, hemm biss appoġġ limitat għal żieda fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Il-miżuri biex jiżdiedu l-impjiegi u titjieb il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol mhumiex akkumpanjati minn miżuri konkreti biex jitnaqqsu d-diżinċentivi għax-xogħol mis-sistema tat-taxxa.

Ugwaljanza

(46)Il-pjan fih sensiela ta’ miżuri li mistennija jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-opportunitajiet indaqs għal kulħadd. L-Istitut Belġjan għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel iqis li 52 % tal-miżuri ta’ investiment fil-pjan se jkollhom impatt potenzjalment pożittiv għall-ugwaljanza bejn l-ġeneri. Dawn jinkludu miżuri ddedikati biex jiġbdu aktar nisa lejn l-istudji tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika u jżidu r-rata ta’ impjieg tan-nisa. Għalkemm il-pjan jonqos milli jiddefinixxi approċċ komprensiv u ħolistiku lejn il-gruppi vulnerabbli, l-objettivi għal opportunitajiet indaqs għal kulħadd huma riflessi f’miżuri f’diversi oqsma ta’ politika fil-pjan, bħall-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni soċjali, l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol, il-mobilità u l-inklużjoni diġitali. Dawn jinkludu riformi fil-qafas regolatorju għat-testijiet kontra d-diskriminazzjoni u l-għodod u l-għarfien disponibbli fl-amministrazzjoni li jistgħu jikkontribwixxu għal rata ogħla ta’ impjieg ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Miżuri rilevanti oħra jinkludu investimenti li mistennija jżidu l-aċċessibbiltà fl-istazzjonijiet ferrovjarji għal persuni b’mobilità mnaqqsa u investimenti f’akkomodazzjonijiet soċjali mgħammra b’teknoloġiji ta’ assistenza sabiex ikun appoġġat l-għajxien indipendenti tal-persuni b’diżabilità u l-anzjani.

Awtovalutazzjoni tas-sigurtà

(47)Ma ġietx ipprovduta l-awtovalutazzjoni tas-sigurtà billi ma tqisitx xierqa mill-Belġju, f’konformità mal-Artikolu 18(4), il-punt (g) tar-Regolament (UE) 2021/241.

Proġetti transfruntiera u li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed

(48)Il-pjan fih għadd ta’ miżuri ta’ investiment b’dimensjoni transfruntiera sinifikanti, u f’konformità mal-objettivi tal-istrateġija industrijali Ewropea aġġornata. Sehem prominenti ta’ investimenti (fil-livell federali, Fjamming u dak ta’ Walloon), li b’mod konġunt jiffukaw fuq l-appoġġ ta’ katina tal-valur industrijali fil-qasam tal-idroġenu, għandhom jiffurmaw parti minn proġett importanti transfruntier ppjanat aktar wiesa’ dwar l-idroġenu li jkun ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI). Bl-istess mod, il-proġett ta’ investiment “Network għall-H2 u s-CO2” f’livell federali għandu jirriżulta f’interkonnessjonijiet ma’ pajjiżi ġirien għal networks tat-trasport inizjali tal-H2 u s-CO2 li għandhom jinbnew fil-qafas tal-pjan. Barra minn hekk, il-miżura ta’ investiment “Gżira tal-enerġija off-shore” fil-livell federali għandha l-għan li tiżviluppa ċentru tal-enerġija offshore multifunzjonali (“gżira tal-enerġija”) fil-Baħar tat-Tramuntana, li għandu l-għan, fost affarijiet oħra, li jiffaċilita l-integrazzjoni u l-importazzjoni ta’ aktar enerġija rinnovabbli fil-Baħar tat-Tramuntana u madwaru permezz ta’ konnessjoni ma’ pajjiżi jew reġjuni oħra. Fl-aħħar nett, miżura għat-tisħiħ tar-RuŻ għandha l-għan li tiffinanzja l-parteċipazzjoni tan-negozji fir-reġjun Fjamming fl-IPCEI ppjanat dwar il-mikroelettronika.

Proċess ta’ Konsultazzjoni

(49)Il-pjan jiddeskrivi li l-Belġju kkonsulta firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati fil-proċess ta’ adozzjoni tal-pjan biex tiżdied is-sjieda nazzjonali tal-pjan. Fil-livell federali, għadd kbir ta’ partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati inklużi s-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u l-Istitut għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel. Il-Gvern federali waqqaf kumitat konsultattiv, li jikkonsisti mill-Kunsill Ekonomiku Ċentrali u mill-Kunsill Federali għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jlaqqgħu flimkien is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili (l-organizzazzjonijiet ambjentali, l-organizzazzjoni għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-organizzazzjoni tal-konsumatur, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u d-dinja akkademika) li pprovdew pariri fi stadji differenti tal-proċess ta’ tħejjija tal-pjan. Barra minn hekk, l-Istitut għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel ġie kkonsultat biex jiġi vvalutat l-impatt tal-pjan fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jifformula rakkomandazzjonijiet. Il-gvernijiet reġjonali u komunitarji kkonsultaw is-sħab soċjali dwar il-proġetti rispettivi tagħhom ta’ riforma u ta’ investiment, li ġew skambjati wkoll mal-parlamenti reġjonali.

(50)Il-Belġju huwa impenjat li jkompli jaħdem mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili matul l-implimentazzjoni tal-pjan. Sabiex tiġi żgurata s-sjieda mill-atturi rilevanti, huwa importanti li jiġu involuti l-awtoritajiet reġjonali u lokali kollha u l-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, matul l-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi inklużi fil-pjan.

Valutazzjoni pożittiva

(51)Wara l-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni dwar il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju u l-konklużjoni li l-pjan jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) u l-Anness V ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan, l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-pjan fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju u mhux ripagabbli.

Kontribuzzjoni finanzjarja

(52)L-ispiża totali stmata tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju hija ta’ EUR 5 924 952 328. Billi l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE)2021/241 u, barra minn hekk, billi l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa (kemxejn) ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima disponibbli għall-Belġju, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni finanzjarja allokata għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju tkun ugwali għall-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għall-Belġju/l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(53)F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-Belġju jrid jiġi aġġornat sat-30 ta’ Ġunju 2022. Bħala tali, f’konformità mal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li issa jkun hemm ammont disponibbli għall-Belġju bħala impenn legali sal-31 ta’ Diċembru 2022. Jekk meħtieġ wara l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata, jenħtieġ li l-Kunsill, bi proposta mill-Kummissjoni, jemenda din id-Deċiżjoni biex jinkludi l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata mingħajr dewmien żejjed.

(54)L-appoġġ li għandu jingħata jrid jiġi ffinanzjat mis-self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053. L-appoġġ jenħtieġ li jitħallas fi ħlasijiet parzjali ġaladarba l-Belġju jkun issodisfa sew l-istadji importanti u l-miri identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(55)Il-Belġju talab prefinanzjament ta’ 13 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Dan l-ammont jenħtieġ li jkun disponibbli għall-Belġju soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(56)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura marbuta mal-għoti ta’ fondi tal-Unjoni skont kull programm ieħor tal-Unjoni ħlief ir-Regolament (UE) 2021/241 jew għal proċeduri marbuta ma’ distorsjonijiet fl-operat tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1
Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza

Il-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż l-istadji importanti u l-miri rilevanti, l-indikaturi rilevanti marbuta mal-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri previsti, u l-arranġamenti biex il-Kummissjoni tagħti aċċess sħiħ għad-data rilevanti sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2
Kontribuzzjoni finanzjarja

1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Belġju l-kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ appoġġ li ma jitħallasx lura li jammonta għal EUR 5 923 953 327 4 . L-ammont ta’ EUR 3 645 626 483 għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment sal-31 ta’ Diċembru 2022. Soġġett għall-aġġornament previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 li jikkalkula ammont għall-Belġju li jkun ugwali għal dan l-ammont jew ogħla minnu, ammont ieħor ta’ EUR 2 278 326 843 għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

2.Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni disponibbli għall-Belġju fi ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Anness. L-ammont ta’ EUR 770 113 932 għandu jkun disponibbli bħala pagament ta’ prefinanzjament, ugwali għal 13 fil-mija tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni tista’ tiżborża l-prefinanzjament u l-ħlasijiet parzjali f’parti waħda jew aktar. Id-daqs tal-parti għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.

3.Il-prefinanzjament għandu jkun rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Il-prefinanzjament għandu jitħallas billi jitnaqqas proporzjonalment mill-pagament tal-ħlasijiet parzjali.

4.Ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament għandu jkun kondizzjonali għall-finanzjament disponibbli u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Belġju jkun laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-impenji legali msemmija fil-paragrafu 1, sabiex ikun eliġibbli għal pagament, l-istadji importanti u l-miri għandhom jitlestew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026.

Artikolu 3
Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17-75.
(2)    Simulazzjonijiet bħal dawn jirriflettu l-impatt ġenerali tal-NGEU, li jinkludi wkoll il-finanzjament għal ReactEU, u żieda fil-finanzjament għal Orizzont, InvestEU, JTF, l-Iżvilupp Rurali u r-RescEU. Simulazzjoni bħal din ma tinkludix l-impatt pożittiv possibbli tar-riformi strutturali, li jista’ jkun sostanzjali
(3)    Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).
(4)    Dan l-ammont jikkorrispondi għall-allokazzjoni finanzjarja wara t-tnaqqis tas-sehem proporzjonali tal-Belġju tal-ispejjeż tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, ikkalkulata skont il-metodoloġija tal-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament.