Brussell, 5.12.2025

COM(2025) 746 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kontabbiltà pubblika mill-gvern estiż fl-Unjoni, filwaqt li tqis il-progress li sar mill-valutazzjoni tagħha tal-2013 tal-adegwatezza tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku għall-Istati Membri

{SWD(2025) 396 final}


1.Introduzzjoni

Dan ir-rapport iwieġeb għar-rekwiżit, stabbilit fl-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE 1 (id-Direttiva dwar l-Oqfsa Baġitarji), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 2 , li l-Kummissjoni tirrapporta sal-31 ta’ Diċembru 2025 u kull 5 snin wara dan dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kontabbiltà pubblika mill-gvern estiż 3 fl-Unjoni, filwaqt li tqis il-progress li sar mill-valutazzjoni tagħha tal-2013 tal-adegwatezza tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS, International Public Sector Accounting Standards) għall-Istati Membri.

Fl-2013, bi tweġiba għar-rekwiżit fid-Direttiva dwar l-Oqfsa Baġitarji inizjali, il-Kummissjoni ppubblikat valutazzjoni tal-adegwatezza tal-IPSAS għall-Istati Membri 4 (ir-rapport tal-IPSAS tal-2013), li kkonkludiet li kien hemm ħtieġa qawwija ta’ sistemi tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti, armonizzati, tas-settur pubbliku, fl-Istati Membri u li l-IPSAS ikunu jagħmlu qafas ta’ referenza xieraq għall-iżvilupp ta’ Standards Ewropej tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (EPSAS, European Public Sector Accounting Standards). Ir-rapport ikkonkluda wkoll li t-tħassib fir-rigward tal-governanza u l-kwistjonijiet kunċettwali u tekniċi tal-IPSAS jeħtieġ li jiġi indirizzat u ppropona li l-inizjattiva EPSAS tiġi implimentata. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni (Eurostat) ilha mill-2013 taħdem fuq dik l-inizjattiva.

L-inizjattiva EPSAS għandha l-għan li tipprovdi kontabbiltà tas-settur pubbliku, armonizzata u bbażata fuq id-dovuti, adatta għall-ħtiġijiet tal-UE. Il-benefiċċju ewlieni jkun il-forniment ta’ bażi aktar soda biex wieħed jifhem il-pożizzjoni finanzjarja u l-prestazzjoni tal-entitajiet tas-settur pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern. Dan għandu l-potenzjal li jtejjeb it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-akkontabilità bbażati fuq l-evidenza fil-livelli tal-UE, nazzjonali u subnazzjonali. Barra minn hekk, dan itejjeb ulterjorment l-integrazzjoni u l-effiċjenza tas-swieq kapitali u l-analiżi tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Dan jipprovdi wkoll modi aktar effiċjenti ta’ produzzjoni tal-istatistika u ta’ kontroll tar-reviżjonijiet u tar-riskji.

L-inizjattiva EPSAS tibni fuq il-premessa tal-benefiċċji sinifikanti tal-kontabbiltà armonizzata bbażata fuq id-dovuti filwaqt li tirrikonoxxi li l-kostijiet tal-implimentazzjoni ta’ tali kontabbiltà x’aktarx ikunu sinifikanti wkoll. Is-sistemi tal-kontabbiltà finanzjarja fuq il-bażi tad-dovuti huma rikonoxxuti bħala “standard tad-deheb” tas-sistemi ta’ kontabbiltà kemm għas-settur privat kif ukoll għal dak pubbliku. Il-benefiċċji ġejjin mill-fatt li s-sistemi tal-kontabbiltà abbażi tal-ħlasijiet u mħallta ma jipprovdux informazzjoni finanzjarja sħiħa. Minħabba li s-sistemi tal-kontabbiltà abbażi tal-ħlasijiet u mħallta jiffokaw fuq il-ġbir u r-rapportar tal-movimenti tal-flus, dawn jitilfu diversi elementi importanti li jirfdu l-iżviluppi u d-deċiżjonijiet ekonomiċi, b’mod partikolari informazzjoni komprensiva dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet, l-ispejjeż dovuti, id-dħul u r-rikonoxximent tal-assi matul il-ħajja utli sħiħa tagħhom. Barra minn hekk, jistgħu jkunu mistennija benefiċċji addizzjonali sinifikanti jekk il-gvernijiet imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jikkonformaw mar-regoli tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti. L-ixprunatur ewlieni għall-Istati Membri li implimentaw ir-riformi tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti kien il-ħtieġa li jinbnew sistemi ta’ informazzjoni maniġerjali li jippermettu teħid ta’ deċiżjonijiet sod u informat tajjeb.

Filwaqt li tqis kif xieraq il-benefiċċji tal-EPSAS, li huma rilevanti wkoll għall-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja, u t-tħassib f’xi Stati Membri, fl-2015 il-Kummissjoni (Eurostat) inizjalment ħadet approċċ progressiv u volontarju sabiex l-ewwel tikseb aktar trasparenza fiskali fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju u mbagħad tiżgura l-komparabbiltà fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil:

·Fażi 1: Tiżdied it-trasparenza fiskali fl-Istati Membri fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju billi tiġi promossa l-kontabbiltà tad-dovuti u, b’mod parallel, jiġi żviluppat il-qafas tal-EPSAS (li jkopri l-governanza, il-prinċipji tal-kontabbiltà u l-istandards);

·Fażi 2: Tiġi indirizzata l-komparabbiltà fi ħdan u bejn l-Istati Membri billi jiġu implimenti l-EPSAS.

Fl-2019 u fl-2024, il-Kummissjoni (Eurostat) ħarġet rapporti tal-EPSAS (dokumenti ta’ ħidma tal-persunal, jew SWDs (SWD, Staff Working Document)) li jispjegaw il-progress li sar 5 . Ir-rapport kurrenti huwa akkumpanjat minn SWD li jipprovdi aktar dettalji.

2.Il-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-immodernizzar tal-kontabbiltà pubblika fl-UE

Matul dawn l-aħħar 10 snin, il-Kummissjoni (Eurostat) mexxiet ’il quddiem il-ħidma fuq l-EPSAS f’kooperazzjoni mal-esperti pubbliċi tal-kontabbiltà tal-Istati Membri li jirrappreżentaw il-livelli kollha tal-gvern, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħra tal-UE u globali. Fil-Fażi 1, il-ħidma tal-Kummissjoni fuq l-EPSAS tinkludi kooperazzjoni sistematika mal-partijiet ikkonċernati, ħidma teknika li tgħin fit-tħejjija ta’ standards futuri potenzjali tal-EPSAS, ħidma fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-kostijiet-benefiċċji tal-implimentazzjoni tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti, pubblika, fl-Istati Membri u l-għoti ta’ appoġġ tekniku u finanzjarju għal tali kontabbiltà fl-Istati Membri.

F’Settembru 2015, il-Kummissjoni (Eurostat) stabbiliet il-Grupp ta’ Ħidma, li aktar tard ingħata l-isem ġdid ta’ Grupp ta’ Esperti, dwar l-Istandards Ewropej tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku 6 . Il-missjoni ġenerali tiegħu hija li jipprovdi lill-Kummissjoni (Eurostat) b’pariri dwar it-tħejjija ta’ standards armonizzati Ewropej tal-kontabbiltà tas-settur pubbliku u tar-rapportar finanzjarju għal skopijiet ġenerali fuq il-bażi tad-dovuti u għarfien espert dwarhom, għal-livelli kollha tal-gvern.

Il-komunikazzjoni sistematika dwar l-EPSAS saret ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin bħal dawk li jfasslu l-politika, il-gvernijiet, l-awdituri, l-esperti tal-kontabbiltà u l-akkademiċi. Lil hinn mill-Grupp ta’ Esperti dwar l-EPSAS, il-Kummissjoni (Eurostat) ikkontribwiet għal proġetti ta’ kontabbiltà pubblika u laqgħat tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Co-operation and Development), il-Bord tal-IPSAS, il-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Ingħatat attenzjoni partikolari għall-komunikazzjoni mal-livelli kollha tal-gvern fl-Istati Membri, inklużi r-rappreżentanti tal-gvern statali u lokali.

F’termini tal-ħidma teknika li tikkontribwixxi għall-EPSAS, il-kwistjoni tal-governanza għall-EPSAS futuri ġiet identifikata bħala prijorità għas-segwitu wara l-konferenza li saret biex jiġi diskuss l-iżvilupp tal-EPSAS fi Brussell f’Mejju 2013. Il-Kummissjoni (Eurostat) ġabret il-fehmiet ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati f’konsultazzjoni pubblika 7 u aktar tard f’subgrupp iddedikat tal-grupp ta’ esperti. Filwaqt li tqieset l-informazzjoni miġbura, ġew stabbiliti l-prinċipji ewlenin tal-governanza tal-EPSAS, l-objettivi u l-utenti tar-Rapporti Finanzjarji għal Skop Ġenerali skont l-EPSAS 8 .

Sabiex ittejjeb it-trasparenza fiskali, bħala l-ewwel pass, billi tħeġġeġ ir-riformi tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti pubblika fl-Istati Membri, il-Kummissjoni (Eurostat) fasslet gwida dwar l-implimentazzjoni tal-ewwel darba (FTI, First-Time Implementation) tar-rapporti finanzjarji bbażati fuq id-dovuti 9 . Il-gwida tal-FTI ma hijiex maħsuba biex timplimenta l-EPSAS bħala tali, iżda pjuttost biex tappoġġa titjib fit-trasparenza fiskali fuq terminu qasir sa medju filwaqt li tħejji l-bażi biex l-EPSAS jiġu implimentati aktar tard.

Il-Kummissjoni (Eurostat), flimkien mar-rappreżentanti tal-Istati Membri, ħejjiet abbozz ta’ qafas kunċettwali (CF, Conceptual Framework) għall-kontabbiltà u r-rapportar finanzjarji skont l-EPSAS futuri 10 . L-abbozz tas-CF tal-EPSAS jipprovdi sett ta’ kunċetti u definizzjonijiet għall-iżvilupp, għall-adozzjoni u għall-pubblikazzjoni tal-EPSAS u joffri gwida dwar it-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-kontabbiltà finanzjarja minn entitajiet tas-settur skont il-bażi tal-kontabbiltà tal-EPSAS. Il-qafas kunċettwali jista’ jgħin ukoll lill-utenti jinterpretaw l-informazzjoni finanzjarja ppreżentata mill-entitajiet tas-settur pubbliku. Sett potenzjali ta’ standards futuri tal-kontabbiltà u tar-rapportar finanzjarji tal-UE, flimkien mal-qafas kunċettwali, ikun jipprovdi l-kunċetti u l-miżuri operazzjonali meħtieġa derivati minn dawk il-kunċetti għar-rapporti finanzjarji biex jipprovdu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja, tal-prestazzjoni finanzjarja u tal-flussi tal-flus tal-entitajiet li jirrapportaw tas-settur pubbliku skont il-bażi tad-dovuti tal-kontabbiltà.

Ġiet żviluppata struttura potenzjali ta’ standards futuri tal-EPSAS. Din tkopri l-istruttura tas-sett ta’ standards u l-istruttura fi ħdan standards individwali futuri. Is-sett ikopri tmien oqsma tal-kontabbiltà li jistgħu jinqasmu b’mod proviżorju fi 13-il standard potenzjali tal-EPSAS. Barra minn hekk, l-istruttura proposta fi ħdan l-istandards individwali futuri tal-EPSAS ġiet issimplifikata, filwaqt li tqiesu t-tradizzjonijiet tal-kontabbiltà fi Stati Membri individwali.

Mill-2019 sal-2021, twettaq skrinjar tal-istandards tal-IPSAS 11 . L-għan tar-rapporti ta’ skrinjar kien li jivvalutaw il-konsistenza tal-istandards individwali tal-IPSAS mal-abbozz tas-CF tal-EPSAS u mal-prinċipju tal-ben pubbliku Ewropew, sabiex tiġi pprovduta informazzjoni għall-istabbiliment ta’ standards futuri tal-EPSAS. L-analiżi tqis it-test awtorevoli tal-IPSAS, flimkien ma’ gwida mhux awtorevoli fejn xieraq, biex jiġi ddeterminat jekk il-kriterji tal-abbozz ta’ qafas tal-EPSAS humiex issodisfati.

Sors ieħor ta’ informazzjoni għall-istabbiliment ta’ standards futuri potenzjali tal-EPSAS huwa dokumenti ta’ analiżi tal-EPSAS li jkun fihom analiżi tekniċi ta’ suġġetti ta’ kontabbiltà pubblika. Id-dokumenti ta’ analiżi 12 jipprovdu ċarezza dwar kwistjonijiet ta’ kontabbiltà kumplessi, b’enfasi fuq sfidi ta’ implimentazzjoni tekniċi u prattiċi. Din il-ħidma poġġiet ukoll enfasi speċjali fuq il-“flessibbiltà tal-EPSAS”, jiġifieri l-possibbiltà li jitnaqqas il-piż tar-rapportar u li titnaqqas il-kumplessità tal-istandards għal entitajiet pubbliċi iżgħar u anqas riskjużi. Id-dokumenti ta’ analiżi tal-EPSAS jappoġġaw ukoll lill-Istati Membri fir-riformi tal-kontabbiltà tagħhom billi jikkunsidraw l-aħjar prattiki tal-kontabbiltà pubblika minn Stati Membri magħżula u billi jgħinu biex dawn jiġu kondiviżi fl-UE kollha.

Is-sistemi ta’ kontabbiltà proprji tal-Kummissjoni Ewropea, bħal dawk ta’ diversi organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, huma bbażati fuq id-dovuti u huma ispirati mill-IPSAS. Filwaqt li ssegwi x-xejra globali u bħala riżultat tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri ffaċilitata mill-Kummissjoni (Eurostat) taħt il-Fażi 1 tal-proġett EPSAS, fl-aħħar deċennju saret modernizzazzjoni volontarja estensiva tas-sistemi tal-kontabbiltà pubblika f’ħafna Stati Membri.

Il-Kummissjoni (Eurostat) ikkummissjonat tliet studji ta’ kunsiderazzjonijiet tal-kostijiet-benefiċċji għar-riforma tal-kontabbiltà tad-dovuti pubbliċi. Żewġ studji aġġornaw b’mod regolari l-istimi tal-punteġġi tal-maturità tal-kontabbiltà tal-gvernijiet u l-kostijiet assoċjati tal-implimentazzjoni tal-EPSAS, li inizjalment kienu ġew ippubblikati fl-2014 (ara t-Taqsima 3 hawn taħt). Fir-rigward tal-benefiċċji tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti, pubblika, f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, bħal matul il-COVID-19, il-Kummissjoni (Eurostat) ikkummissjonat dokument li eżamina r-rabta bejn il-kontabbiltà pubblika u l-firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ rispons importanti stabbiliti minn ħafna Stati Membri tal-UE 13 .

Riformi intelliġenti, sostenibbli u soċjalment responsabbli jgħinu biex tiżdied ir-reżiljenza tal-ekonomiji u tas-soċjetajiet tal-UE. Il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ tekniku u finanzjarju sinifikanti għar-riformi tal-kontabbiltà tal-gvern tal-Istati Membri. Bħala parti mill-appoġġ tekniku tagħha, il-Kummissjoni (Eurostat) iffaċilitat il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u tat bidu għal diskussjonijiet dwar approċċi innovattivi għall-kontabbiltà pubblika. Hija ddiskutiet il-benefiċċji u l-isfidi tar-riformi tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti mal-esperti tal-kontabbiltà tal-gvern u ħeġġet il-kondiviżjoni tal-esperjenza u tal-għarfien espert bejn l-Istati Membri. L-Istati Membri esprimew interess partikolari fl-innovazzjoni relatata mas-sistemi tal-kontabbiltà u fl-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali. Għadd ta’ proġetti ta’ riforma tal-kontabbiltà pubblika tal-Istati Membri rċevew appoġġ finanzjarju tal-UE taħt l-għotjiet tal-Eurostat, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI, Technical Support Instrument) u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility).

Il-ħidma li saret taħt il-Fażi 1 tal-proġett EPSAS tappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi fl-Istati Membri għal impatt akbar. Minkejja firxa wiesgħa ta’ strutturi istituzzjonali u tradizzjonijiet legali, l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri jikkondividu sett ta’ valuri u kompiti u fehim komuni ta’ amministrazzjoni tajba, li jifformaw Spazju Amministrattiv Ewropew. Permezz tal-ComPAct 14 , il-Kummissjoni għandha l-għan li ssaħħaħ l-Ispazju Amministrattiv Ewropew billi tippromwovi dawn il-prinċipji u żżid l-appoġġ tagħha għall-modernizzazzjoni amministrattiva tal-Istati Membri. Ġie stabbilit sett komuni ta’ prinċipji ġenerali għall-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika li jinkludi “finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, imsejsa fuq sistemi ta’ kontabilità pubblika integrati u komprensivi bbażati fuq id-dovuti”.

3.Il-kisbiet u l-pjanijiet tal-Istati Membri fl-iżvilupp tal-kontabbiltà pubblika tagħhom

Fl-2025, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà implimentaw il-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti f’konformità mal-istandards nazzjonali fis-settur tal-gvern estiż jew jinsabu fil-proċess li jagħmlu dan. Fin-nuqqas tal-EPSAS, il-pajjiżi kollha li qed jirriformaw użaw jew qegħdin jippjanaw li jużaw l-IPSAS bħala bażi għall-iżvilupp tal-istandards tagħhom stess. It-Tabella 1 tippreżenta lill-Istati Membri fi tliet gruppi skont il-maturità tal-kontabbiltà. Il-pajjiżi b’maturità tal-kontabbiltà (punteġġ tal-progress tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti fir-rigward tal-IPSAS) ta’ 70 % jew aktar jitqiesu li japplikaw il-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti 15 .



Tabella 1. Maturità tal-kontabbiltà (AM, Accounting Maturity) għas-settur tal-gvern estiż fl-2025

Għolja: AM ≥ 70 %

Medja: 70 % > AM ≥ 40 %

Baxxa: AM < 40 %

Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, l-Irlanda, Spanja, Franza, il-Latvja, il-Litwanja, l-Awstrija, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja

Il-Kroazja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja

Il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, Ċipru u Malta

Sors: Studju ta’ PwC tal-2025 16

Madankollu, il-maturità tal-kontabbiltà kienet differenti b’mod sinifikanti bejn is-subsetturi tal-gvern ġenerali f’ħafna pajjiżi. B’mod partikolari, il-gvernijiet lokali wettqu l-kontabbiltà aktar ta’ spiss fuq il-bażi tad-dovuti, filwaqt li l-fondi tas-sigurtà soċjali bbażaw aktar fuq il-kontabbiltà abbażi tal-ħlasijiet. Fl-2025, il-punteġġi medji tal-maturità tal-UE għas-subsetturi huma kif ġej:

·gvern ċentrali: 66 %

·gvern statali: 68 %

·gvern lokali: 73 %

·fondi ta’ sigurtà soċjali: 59 %.

L-IPSAS jidhru li huma sors komuni ta’ ispirazzjoni fl-istandards tal-kontabbiltà domestika għal aktar minn tliet kwarti (21 minn 27) tal-Istati Membri fil-livell tal-gvern ċentrali. Aktar minn nofs (14) l-Istati Membri jużaw l-IPSAS bħala bażi primarja għall-iżvilupp tal-istandards tal-kontabbiltà tal-gvern tagħhom stess. Dwar l-armonizzazzjoni tal-politiki tal-kontabbiltà fl-Istati Membri, aktar minn nofs (14) l-Istati Membri japplikaw prinċipji tal-kontabbiltà b’mod ġenerali simili għas-subsetturi kollha tal-gvern estiż.

Minħabba l-benefiċċji mistennija tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti pubblika u d-direzzjoni u l-appoġġ ipprovduti taħt l-inizjattiva EPSAS, l-użu ta’ tali kontabbiltà żdied b’mod sinifikanti mir-rapport tal-IPSAS tal-2013. Il-medji tal-maturità tal-kontabbiltà tal-UE għas-subsettur tal-gvern ċentrali żdiedu minn 57 % għal 66 % minn dak ir-rapport. Ġiet osservata xejra simili f’subsetturi oħra tal-gvern estiż. Fil-livell tas-subsettur, l-akbar titjib (b’aktar minn 20 punt perċentwali) ġie osservat fil-Greċja (livell lokali), fi Spanja (livell tal-Istat), fil-Kroazja (livell ċentrali u lokali), f’Ċipru (livell ċentrali), fil-Latvja (livell lokali u tas-sigurtà soċjali), fil-Lussemburgu (sigurtà soċjali) u fl-Awstrija (livell tal-Istat u lokali).

L-Istati Membri li jwettqu riformi jirrikonoxxu l-benefiċċji tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti pubblika. Bejn l-2014 u l-2018, il-Eurostat ikkofinanzja 13-il proġett li jwittu t-triq għall-isforzi ta’ modernizzazzjoni tad-dovuti fis-settur pubbliku jew li jikkontribwixxu direttament għalihom fi tmien Stati Membri 17 . B’appoġġ għal aktar minn 18-il riforma f’disa’ Stati Membri, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) 18 appoġġa, u jkompli jappoġġa, lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri fiż-żieda tal-kapaċitajiet, fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi u fl-istabbiliment ta’ standards nazzjonali tal-kontabbiltà konformi mal-IPSAS sabiex jintroduċu u jespandu l-użu tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti. L-appoġġ mit-TSI ffaċilita wkoll aktar minn 10 żjarat ta’ studju fi Stati Membri oħra. Ġie pprovdut appoġġ lill-Irlanda, lill-Greċja, lill-Kroazja, lill-Italja, lil Ċipru, lil-Lussemburgu, lil Malta, lill-Polonja u lill-Portugall. Fil-Greċja, fl-Italja u fil-Portugall, ir-riformi huma allinjati mal-impenji li saru fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza skont l-RRF. Billi tibbenefika wkoll mit-TSI, l-Irlanda bdiet riforma tal-kontabbiltà pubblika li tiffoka fuq il-gvern ċentrali, filwaqt li l-Awstrija lestiet ir-riforma tagħha billi implimentat kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti fil-livelli tal-Istat u tal-gvern lokali. Xi pajjiżi b’maturità tal-kontabbiltà diġà għolja, bħal-Litwanja, komplew jirfinaw l-allinjament tal-kontabbiltà pubblika tagħhom mal-IPSAS.

Il-Ġermanja u n-Netherlands bħalissa ma għandhom l-ebda pjan biex jimxu lejn dovuti fis-subsetturi tal-gvern estiż tagħhom. Fil-Ġermanja, għalkemm ma hemm l-ebda impenn nazzjonali għar-riforma pubblika wiesgħa fuq il-bażi tad-dovuti, qiegħed isir titjib individwali tas-sistema tal-kontabbiltà fil-livell federali (eż. id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi tal-kontabbilta u t-tlestija ta’ reġistru tal-assi). Żewġ Stati federali Ġermaniżi, Hessen u Hamburg, għandhom fis-seħħ sistemi ta’ kontabbiltà pubblika avvanzati fuq il-bażi tad-dovuti. Barra minn hekk, fl-2025, il-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti hija obbligatorja għall-gvernijiet lokali fi 11 mit-13-il Stat taż-żona tal-Ġermanja (minbarra Berlin, Bremen u Hamburg peress li dawn l-Istati ma għandhomx livell muniċipali). L-implimentazzjoni tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti tvarja wkoll fin-Netherlands, li tkompli bil-kontabbiltà abbażi tal-ħlasijiet għall-biċċa l-kbira tal-entitajiet tal-gvern ċentrali tagħha, filwaqt li l-fondi tas-sigurtà soċjali tagħha u l-biċċa l-kbira tal-gvernijiet lokali jużaw il-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti.

L-introduzzjoni tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti hija proċess twil, li jirrikjedi approċċ komprensiv, bini estensiv tal-kapaċitajiet u żvilupp tal-għarfien fl-amministrazzjoni pubblika. Fl-Irlanda, fil-Greċja, fl-Italja u fil-Lussemburgu, l-appoġġ pluriennali suċċessiv tat-TSI wassal b’suċċess għal riżultati tanġibbli li kkontribwew għar-riformi tal-kontabbiltà f’dawn l-Istati Membri. L-esperjenza wriet li l-progress jiddependi ħafna wkoll fuq l-impenn u d-disponibbiltà tal-entitajiet pubbliċi parteċipanti. L-aħjar prattiki mill-Istati Membri tal-UE juru li l-implimentazzjoni sħiħa tieħu diversi snin, li jfisser li l-benefiċċji ma humiex viżibbli immedjatament.

Billi jipproduċu rapporti finanzjarji trasparenti u komparabbli fuq il-bażi tad-dovuti, il-gvernijiet se jirriflettu l-impatt fuq terminu twil tad-deċiżjonijiet tagħhom u jistgħu jinżammu responsabbli għall-użu tajjeb tal-fondi pubbliċi għaċ-ċittadini li jeleġġuhom b’mod demokratiku u għal partijiet ikkonċernati oħra, bħall-fornituri tal-fondi. Il-benefiċċji miksuba mir-riformi tal-kontabbiltà fl-Istati Membri huma diffiċli li jiġu kkwantifikati peress li jaffettwaw bosta oqsma, iżda jistgħu jkunu mistennija benefiċċji addizzjonali sinifikanti jekk il-gvernijiet imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jikkonformaw mar-regoli tal-kontabbiltà. L-Istati Membri li implimentaw riformi tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti rrapportaw li l-ixprunatur ewlieni għar-riforma kien il-ħtieġa li jinbnew sistemi ta’ informazzjoni tal-ġestjoni li jippermettu teħid ta’ deċiżjonijiet sod u informat tajjeb. L-implimentazzjoni ta’ prattiki ta’ kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti, komprensivi u ta’ kwalità għolja, hija prekundizzjoni meħtieġa għal dan. Tista’ tintuża data robusta dwar il-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti biex jiġu żviluppati prattiki ta’ ġestjoni bbażati fuq ir-riżultati, il-kontabbiltà tal-kostijiet, il-programmi ta’ ġestjoni tal-assi u indikaturi ewlenin oħra tal-prestazzjoni li jippermettu li jiġu vvalutati l-kostijiet tal-politiki u tal-programmi u li jiġu evalwati l-eżiti skont l-objettivi tal-politika.

Il-feedback li wasal mingħand il-gvernijiet dwar il-benefiċċji li jirriżultaw minn dawn ir-riformi finanzjarji usa’ huwa pożittiv ħafna. Il-gvernijiet li wettqu proġett ta’ modernizzazzjoni tal-kontabbiltà, f’għadd ta’ każijiet, ħadu wkoll l-opportunità li jinvestu f’sistemi moderni tal-IT/ERP 19 u li jissimplifikaw il-proċessi interni tagħhom, u dan irriżulta f’impatt pożittiv fuq l-effiċjenza – u għalhekk fuq il-kost kontinwu – tal-operazzjonijiet tagħhom.

Hemm rikonoxximent dejjem akbar (iżda għadu ma huwiex universali) tal-ħtieġa għall-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti għall-gvern fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, għalkemm bħalissa ma hemm l-ebda approċċ armonizzat. Ir-riformi tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti (spiss implimentati bħala parti minn riforma finanzjarja usa’) għadhom għaddejjin fl-Irlanda, fil-Greċja, fil-Kroazja, fl-Italja, f’Ċipru, fil-Lussemburgu, fil-Polonja, fil-Portugall kif ukoll f’żewġ Stati federali fil-Ġermanja, filwaqt li l-proċess ta’ rapportar finanzjarju fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qiegħed jittejjeb kontinwament. Il-pajjiżi jkomplu jfittxu effiċjenza u awtomatizzazzjoni akbar tal-proċess ta’ rapportar finanzjarju u informazzjoni aħjar bħala kontribut għal teħid ta’ deċiżjonijiet u allinjament aħjar mal-iżvilupp tal-IPSAS. Skont il-pjanijiet tal-Istati Membri, il-maturità medja tal-kontabbiltà tal-UE għas-subsettur tal-gvern ċentrali hija mistennija li tkompli titjieb minn 66 % fl-2025 għal 78 % fl-2030. L-aktar bidla sinifikanti hija mistennija fil-Greċja (+ 67 punti perċentwali – p.p.), f’Malta (+ 60 p.p.), fl-Italja (+ 50 p.p.), f’Ċipru (+ 48 p.p.) u fil-Lussemburgu (+ 45 p.p.), li tirrifletti r-riformi tal-kontabbiltà li għaddejjin bħalissa.

Tabella 2. Maturità tal-kontabbiltà ppjanata għas-settur tal-gvern ġenerali fl-2030

Għolja: AM ≥ 70 %

Medja: 70 % > AM ≥ 40 %

Baxxa: AM < 40 %

Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja

Il-Kroazja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja

il-Ġermanja

Sors: Studju ta’ PwC tal-2025

L-iżviluppi tal-UE f’dawn l-aħħar snin kienu konformi max-xejra globali. Aktar minn nofs (95 minn 169) tal-ġuriżdizzjonijiet inklużi f’Indiċi Internazzjonali tar-Responsabbiltà Finanzjarja tas-Settur Pubbliku tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC, International Federation of Accountants), tal-Istitut Chartered tal-Finanzi Pubbliċi u l-Kontabilità (CIPFA, British Chartered Institute of Public Finance and Accountancy), tal-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSASB, International Public Sector Accounting Standards Board): Rapport dwar l-Istatus tal-2025 20 iddikjara li l-kontabbiltà pubblika tagħhom se tkun fuq il-bażi tad-dovuti sal-2030. Is-sehem ekwivalenti fl-Indiċi tal-2024 kien madwar terz (53 minn 169).

4.L-adegwatezza tal-IPSAS għall-Istati Membri u l-użu potenzjali tagħhom għall-EPSAS

Dan il-kapitolu jivvaluta l-adegwatezza tal-IPSAS bħala qafas komuni ta’ kontabbiltà pubblika fl-UE 21 u l-użu potenzjali tagħhom għall-iżvilupp tal-EPSAS.

Ir-rapport tal-IPSAS tal-2013 kien ibbażat fuq konsultazzjoni pubblika wiesgħa. 38,2 % tar-rispondenti qablu li l-IPSAS ikunu xierqa bħala standard tal-kontabbiltà għall-Unjoni Ewropea, 30,9 % qablu parzjalment, filwaqt li 27,9 % ma qablux 22 . Ir-rapport tal-IPSAS tal-2013 ikkonkluda li, filwaqt li l-IPSAS ikunu jagħmlu qafas ta’ referenza xieraq għall-iżvilupp tal-EPSAS, kien hemm tħassib dwar il-governanza tagħhom u l-aspetti kunċettwali u tekniċi tagħhom. It-tħassib inkluda limiti prattiċi għall-armonizzazzjoni, il-kompletezza tal-istandards, l-istabbiltà tal-qafas tal-kontabbiltà u l-insuffiċjenza tar-riżorsi għall-qafas ta’ governanza.

Matul il-perjodu ta’ 12-il sena mir-rapport tal-IPSAS tal-2013, ġiet stabbilita struttura ġdida ta’ governanza tal-IPSAS, inkluża sorveljanza indipendenti msaħħa. Fl-2015, il-Kumitat għall-Interessi Pubbliċi (PIC, Public Interest Committee) ġie stabbilit biex jipprovdi assigurazzjoni li l-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-istandards tal-Bord tal-IPSAS ikunu bbażati fuq l-interess pubbliku. Barra minn hekk, il-Grupp Konsultattiv tal-Pariri (CAG, Consultative Advisory Group), stabbilit fl-2016, jipprovdi forum għall-Bord tal-IPSAS biex jikkonsulta u jirċievi pariri mingħand rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku, jew minn individwi, li huma interessati fil-ħidma tiegħu jew affettwati minnha. Minn meta ġew stabbiliti, il-PIC u s-CAG kienu integrali għall-proċessi ta’ governanza u ta’ sorveljanza tal-Bord tal-IPSAS u għall-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-istandards. Tnejn mit-18-il membru tal-Bord tal-IPSAS bħalissa huma mill-Istati Membri tal-UE, filwaqt li l-Eurostat u d-DĠ BUDG jipparteċipaw bħala osservaturi. L-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni huwa membru tas-CAG.

Matul dak il-perjodu ta’ 12-il sena, l-istandards tal-IPSAS għaddew minn bidliet sinifikanti. L-istandards issa huma aktar komprensivi, u żdiedu minn 31 standard effettiv fl-2013 għal 40 standard fl-2025, bil-proporzjon ta’ standards speċifiċi għas-settur pubbliku jiżdied minn 19 % fl-2013 għal 30 % fl-2025. Standards li jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi tas-settur pubbliku jinkludu IPSAS 42, Il-Benefiċċji Soċjali; IPSAS 47, Id-Dħul; u IPSAS 48, Spejjeż ta’ Trasferiment; iżda anke IPSAS 19, Provvedimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti. L-IPSAS issa jkopru l-kwistjonijiet ewlenin kollha li għandhom jiġu riflessi fir-rapporti finanzjarji tal-entitajiet pubbliċi u huma kkunsidrati mill-partijiet ikkonċernati bħala “stabbli u sħaħ”.

L-iskrinjar tal-istandards tal-IPSAS (ara l-Kapitolu 2) huwa eżerċizzju ieħor li jirrifletti l-adegwatezza tal-IPSAS għall-UE. B’mod ġenerali, l-istandards kollha tal-IPSAS skrinjati, instabu li huma konformi mal-abbozz tas-CF tal-EPSAS u mal-prinċipju tal-ben pubbliku Ewropew. Il-ħtieġa ta’ gwida addizzjonali ġiet enfasizzata f’diversi oqsma ta’ kontabbiltà. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-IPSAS fost l-Istati Membri ġiet mistħarrġa fl-2024. L-istudju jenfasizza li filwaqt li l-istandards huma pjuttost komprensivi f’għadd ta’ oqsma tal-kontabbiltà, għad hemm lakuni.

Fl-2024, il-Eurostat wettaq stħarriġ dwar l-adegwatezza tal-IPSAS għall-Istati Membri u l-użu potenzjali tagħhom għall-iżvilupp tal-EPSAS fost il-membri tal-Grupp ta’ Esperti tal-EPSAS. It-tliet mistoqsijiet indirizzaw l-adegwatezza tal-IPSAS bħala qafas ta’ rapportar, il-governanza ta’ dak il-qafas għall-Istati Membri u l-adegwatezza tal-IPSAS bħala qafas ta’ referenza għall-iżvilupp tal-EPSAS. Filwaqt li għad fadal xi tħassib elenkat fir-rapport tal-IPSAS tal-2013, dan naqas maż-żmien, u l-fehmiet tar-rispondenti jindikaw li l-adegwatezza tal-IPSAS bħala qafas ta’ rapportar għall-Istati Membri u l-governanza ta’ dak il-qafas sadanittant tjiebu b’mod sinifikanti. Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri enfasizzaw l-adegwatezza tal-istandards tal-IPSAS u l-mudell ta’ governanza tagħhom. Ġiet enfasizzata l-ħtieġa li jitfassal mudell ta’ ġestjoni fiskali li se jintegra r-rapportar u l-metodoloġija tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA, European System of Accounts) u l-istrumenti fiskali relatati mar-rapportar tal-IPSAS/EPSAS. Tħassib ewlieni ieħor li tqajjem inkluda l-kost u l-kumplessità tal-implimentazzjoni u l-ħtieġa ta’ gwida dettaljata u rapportar differenzjali.

Tabella 3. L-adegwatezza tal-IPSAS għall-Istati Membri u l-użu potenzjali tagħhom għall-iżvilupp tal-EPSAS

Iva

Parzjalment

Nru

L-IPSAS huma qafas ta’ rapportar xieraq għall-Istati Membri

46 %

42 %

12 %

Il-governanza tal-IPSAS tagħmilha xierqa għall-Istati Membri

27 %

58 %

15 %

L-IPSAS huma qafas ta’ referenza xieraq għall-iżvilupp tal-EPSAS

66 %

19 %

15 %

Sors: Stħarriġ tal-2024 dwar l-adegwatezza tal-IPSAS

L-Istati Membri kienu tal-fehma li l-IPSAS, bħala qafas ta’ referenza, se jtejbu l-istandardizzazzjoni u l-komparabbiltà tar-rapportar finanzjarju pubbliku fl-UE. Madankollu, kien hemm tħassib dwar l-adegwatezza tal-għażla li, f’xi ċirkostanzi, jintuża l-valur ġust bħala bażi għall-kejl fis-settur pubbliku.

L-Istati Membri rrikonoxxew li filwaqt li hemm għarfien espert qawwi tas-settur pubbliku integrat fis-sistema ta’ governanza tal-IPSAS u hemm fis-seħħ proċess xieraq dettaljat, indipendenti u trasparenti, kien hemm xewqa għal involviment Ewropew akbar fis-sistema ta’ governanza tal-IPSAS. Kien hemm ukoll tħassib dwar jekk, mill-perspettiva tal-leġittimità demokratika, bord appoġġat minn korp privat jistax ikun dak li jistabbilixxi l-istandards għall-UE.

L-Istati Membri ħasbu li l-użu tal-IPSAS bħala qafas ta’ referenza għall-iżvilupp tal-EPSAS ikun jippermetti li l-EPSAS jiġu implimentati b’mod kosteffettiv.

L-Istati Membri kellhom żewġ perspettivi differenti dwar l-adegwatezza tal-IPSAS għall-finijiet tal-EPSAS. Perspettiva waħda kienet li l-IPSAS ikunu xierqa u li mekkaniżmu ta’ approvazzjoni – bħal dak fis-seħħ għall-istandards tal-kontabbiltà tas-settur privat fl-UE – ikun biżżejjed. Il-perspettiva l-oħra ffokat fuq proċess separat tal-istabbiliment tal-istandards tal-EPSAS, għalkemm ibbażat fuq l-IPSAS, li jenfasizza l-ħtieġa għal kapaċità teknika robusta. L-Istati Membri enfasizzaw ukoll il-ħtieġa ta’ appoġġ politiku u nnotaw li bidliet leġiżlattivi jkunu meħtieġa fil-livell tal-Istati Membri.

5.It-triq ’il quddiem għall-kontabbiltà pubblika fl-UE

Minħabba l-importanza ta’ sistemi ta’ kontabbiltà pubblika robusti u trasparenti u l-interess kontinwu tal-Istati Membri fil-kontribut għal diskussjonijiet fil-livell tal-UE dwar il-kontabbiltà pubblika, hemm domanda għolja biex jiġu kkoordinati l-isforzi għall-immodernizzar tas-sistemi nazzjonali tal-kontabbiltà pubblika bbażati fuq standards nazzjonali fuq il-bażi tad-dovuti.

Iż-żieda fl-użu tal-kontabbiltà pubblika fuq il-bażi tad-dovuti fl-UE matul il-Fażi 1 tal-proġett EPSAS iġġenerat momentum sinifikanti għar-riforma u wriet il-valur tad-diskussjoni dwar l-iżviluppi tal-kontabbiltà pubblika u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki. Dan huwa ta’ benefiċċju kemm għall-Istati Membri li diġà jużaw approċċi fuq il-bażi tad-dovuti kif ukoll għal dawk li jaħdmu fuq ir-riformi tal-kontabbiltà, peress li jibbenefikaw minn esperjenza tal-passat. Fl-istess ħin, dan jinkoraġġixxi l-konverġenza volontarja tal-approċċi fl-UE kollha.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (14) diġà implimentaw kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti f’konformità mal-istandards nazzjonali fis-settur tal-gvern ġenerali. Ħamsa huma mistennija li jagħmlu dan sal-2030. Tmien Stati Membri ma għandhomx il-pjan li jimplimentaw il-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti fis-settur tal-gvern ġenerali tagħhom sal-2030, u tnejn minnhom ma jirrikonoxxux il-benefiċċji li jagħmlu dan. Il-ħidma mwettqa taħt il-Grupp ta’ Esperti dwar l-EPSAS u r-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE żvelaw nuqqas ta’ kunsens fost l-Istati Membri dwar il-fatt li l-kontabbiltà pubblika fuq il-bażi tad-dovuti ssir obbligatorja fl-UE.

Għalkemm għad fadal xi tħassib stabbilit fir-rapport tal-IPSAS tal-2013, dan naqas maż-żmien. L-adegwatezza tal-IPSAS bħala qafas ta’ rapportar għall-Istati Membri u l-governanza ta’ dak il-qafas tjiebu b’mod sinifikanti mir-rapport. It-tħassib ewlieni l-ieħor dwar l-IPSAS li tqajjem minn xi Stati Membri huwa l-kost u l-kumplessità tal-implimentazzjoni u l-ħtieġa ta’ gwida dettaljata.

Fid-dawl tal-progress li sar, l-inizjattiva EPSAS se tkompli fil-Fażi 1, filwaqt li se tiffoka fuq l-inkoraġġiment u l-appoġġ tal-isforzi nazzjonali ta’ modernizzazzjoni biex tiżdied it-trasparenza fis-settur tal-gvern ġenerali. Dawn l-attivitajiet se jinvolvu, fost l-oħrajn:

1)Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ tekniku għall-isforzi ta’ modernizzazzjoni tal-Istati Membri, billi tidentifika l-isfidi ta’ implimentazzjoni u tiżviluppa soluzzjonijiet komuni, tippromwovi l-aħjar prattiki u tikkondividi l-esperjenzi tal-kontabbiltà pubblika bejn l-Istati Membri.

2)Ir-riformi pubbliċi tal-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti se jibqgħu eliġibbli għall-appoġġ skont l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku sal-2027. L-appoġġ finanzjarju u tekniku futur tal-UE se jiġi deċiż taħt il-baġit li jmiss tal-UE 23 .

3)Se jkun hemm komunikazzjoni sistematika mal-partijiet ikkonċernati ewlenin bħal dawk li jfasslu l-politika, il-gvernijiet, l-awdituri, l-esperti tal-kontabbiltà u l-akkademja. Se tinżamm kooperazzjoni mal-Bord tal-IPSAS u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħall-OECD, il-Bank Dinji u l-FMI.

4)Il-konverġenza tal-approċċi fl-Istati Membri tal-UE se tiġi mħeġġa billi jiġi segwit l-abbozz ta’ qafas kunċettwali tal-EPSAS fuq bażi volontarja.

5)Ir-rapport li jmiss dwar il-kontabbiltà pubblika fl-UE se jitfassal fl-2029-2030, kif meħtieġ mid-Direttiva dwar l-Oqfsa Baġitarji emendata.

Dawn l-objettivi huma kompatibbli mal-politiki tal-Kummissjoni, b’mod partikolari dwar it-tisħiħ tal-Ispazju Amministrattiv Ewropew (ComPAct) u l-objettivi tad-Direttiva dwar l-Oqfsa Baġitarji.

(1)

 Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj ).

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj ).

(3)

“Kontabbiltà pubblika” f’dan ir-rapport tirreferi għall-kontabbiltà pubblika mis-settur tal-gvern estiż.

(4)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, Lejn l-implimentazzjoni ta’ standards tal-kontabilità għas-settur pubbliku armonizzati fl-Istati Membri. L-adegwatezza tal-IPSAS għall-Istati Membri ( COM/2013/0114 final ).

(5)

  Rapport tal-EPSAS tal-2019 u Rapport tal-EPSAS tal-2024 .

(6)

  Grupp ta’ Esperti dwar l-Istandards Ewropej tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (E02989), minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Grupp ta’ Esperti dwar l-EPSAS”. Sar-rebbiegħa tal-2021, dan kien jissejjaħ il-“Grupp ta’ Ħidma dwar l-EPSAS”.

(7)

  Public consultation – Assessment of the suitability of the International Public Sector Accounting Standards

for the Member States .

(8)

  Cell on principles underlying EPSAS governance – Rapport finali lill-grupp ta’ ħidma tas-7 ta’ April 2017 .

(9)

  Guidance for the first time implementation of accrual accounting .

(10)

  Abbozz tal-qafas kunċettwali tal-EPSAS (rivedut fi Frar 2024) .

(11)

  EPSAS screening reports on IPSAS .

(12)

  Dokumenti ta’ analiżi tal-EPSAS li jkopru suġġetti rilevanti għall-kontabbiltà pubblika .

(13)

  Government accounting, EPSAS and supporting the COVID-19 response .

(14)

  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, It-tisħiħ tal-Ispazju Amministrattiv Ewropew (ComPAct), (COM(2023) 667 final tal-25.10.2023 .

(15)

B’mod aktar speċifiku, il-pajjiżi b’maturità tal-kontabbiltà ta’ 70 % jew aktar huma meqjusa li għandhom fis-seħħ sistemi ta’ kontabbiltà finanzjarja fuq il-bażi tad-dovuti integrati, komprensivi u armonizzati fil-livell nazzjonali.

(16)

  Updated accounting maturities of EU governments and EPSAS implementation cost , ara t-tabella 3 fil-paġna 12. Iċ-ċifri għas-settur tal-gvern estiż huma kkalkolati bħala medji ponderati taċ-ċifri tas-subsetturi.

(17)

Il-Ġermanja (Hesse), Spanja (Cantabria), l-Italja, Ċipru, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija (Burgenland, Salzburg u l-Awstrija ta’ Fuq) u l-Portugall.

(18)

Inizjalment, il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP, Structural Reform Support Programme), segwit mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) mill-2021.

(19)

Ippjanar tar-riżorsi għall-intrapriżi.

(20)

  International Public Sector Financial Accountability Index: 2025 Rapport dwar l-istatus, IFAC (il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti), CIPFA (l-Istitut Chartered tal-Finanzi Pubbliċi u l-Kontabilità) u IPSASB (il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku), Settembru 2025 .

(21)

Dan l-aspett qiegħed jiġi enfasizzat minħabba li jista’ jkun hemm koinċidenza bejn il-perċezzjonijiet tal-Istati Membri individwali dwar l-adegwatezza tal-IPSAS għalihom fil-livell nazzjonali u l-adegwatezza tal-IPSAS jekk dawn ikunu jifformaw il-bażi għal approċċ armonizzat tal-EPSAS.

(22)

  Public consultation – Assessment of the suitability of the International Public Sector Accounting Standards for the Member States .

(23)

  https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/eu-budget/long-term-eu-budget/eu-budget-2028-2034_mt .