IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.4.2022
COM(2022) 169 final
2022/0113(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar l-emenda tal-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) tal-Ftehim ŻEE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Anness I (Kwistjonijeit veterinarji u fitosanitarji) tal-Ftehim ŻEE
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim ŻEE
Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fis-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Huwa jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fit-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, li kollettivament huma magħrufa bħala politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti fil-Ftehim.
2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbuta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’kunsens u huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet taż-ŻEE fuq in-naħa tal-UE hija tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) tal-Ftehim ŻEE.
L-għan tal-att previst huwa li jinkorpora d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/300 li tistabbilixxi pjan ġenerali għall-ġestjoni tal-kriżijiet fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf fil-Ftehim ŻEE.
L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Ladarba tiġi adottata, jenħtieġ li l-pożizzjoni tiġi ppreżentata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mal-ewwel opportunità.
Id-Deċiżjoni annessa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tintroduċi drittijiet ta’ parteċipazzjoni għall-Istati taż-ŻEE-EFTA fil-ħidma ta’ korp ta' tmexxija tal-Unjoni, li jmur lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti mingħajr effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-UE”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ attwali
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att, li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 f’dak li jirrigwarda l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 tiddependi primarjament fuq il-bażi ġuridika sostantiva tal-att legali tal-UE li jrid jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.
Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ attwali
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma marbuta mas-sigurtà tal-ikel. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 114 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Peress li l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) tal-Ftehim ŻEE, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
2022/0113 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar l-emenda tal-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) tal-Ftehim ŻEE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.
(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness I tal-Ftehim ŻEE, li fih dispożizzjonijiet dwar kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji.
(3)Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/300 tad-19 ta’ Frar 2019 għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.
(4)L-Anness I (Kwistjonijiet veterinarju u fitosanitarji) għall-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq.
(5)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness I (Kwistjonijiet veterinarju u fitosanitarji) tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President