30.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 441/1


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2234

tat-23 ta’ Ottubru 2020

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll għall-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fid-29 ta’ Ġunju 2012 u l-Parti IV (Kummerċ) tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 271 fiha, ġiet applikata skont l-Artikolu 353(4) tal-Ftehim bejn l-Unjoni u l-Honduras, in-Nikaragwa u l-Panama mill-1 ta’ Awwissu 2013; bejn l-Unjoni u l-Costa Rica u El Salvador mill-1 ta’ Ottubru 2013; bejn l-Unjoni u l-Gwatemala mill-1 ta’ Diċembru 2013.

(2)

Fl-24 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Amerika Ċentrali sabiex jiġi konkluż protokoll għall-Ftehim sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni (“il-Protokoll”).

(3)

In-negozjati ġew konklużi b’suċċess fis-27 ta’ Ġunju 2019.

(4)

Il-Protokoll jenħtieġ li jiġi ffirmat u applikat fuq bażi provviżorja sa meta jitlestew il-proċeduri għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll għall-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu japplika fuq bażi provviżorja f’konformità mal-Artikolu 12(3) tiegħu (3), sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussembrugu, it-23 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

S. SCHULZE


(1)   ĠU L 346, 15.12.2012, p. 3.

(2)  Ara paġna ... ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  Id-data li minnha l-Protokoll ikun applikat b’mod provviżorju tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.