KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fid‑9 ta’ Jannar 2025 ( 1 )
Kawża C‑665/23
IL
vs
Veracash SAS
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern — Direttiva 2007/64/KE — Tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati — Notifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati — Terminu ta’ notifikazzjoni — Dewmien fin-notifikazzjoni mhux intenzjonat jew li jirriżulta minn negliġenza serja — Obbligu tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li joħroġ rimbors — Responsabbiltà ta’ min iħallas għat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din il-kawża tirrigwarda ċerti aspetti tar-responsabbiltà minħabba tranżazzjonijiet mhux awtorizzati stabbilita fid-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE ( 2 ). Tqajjem il-kwistjoni dwar l-interrelazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jirregolaw, b’mod iktar partikolari, l-obbligu ta’ min iħallas li jinnotifika mingħajr dewmien bla bżonn kull tranżazzjoni mhux awtorizzata u l-konsegwenzi talli jonqos milli jagħmel dan, meta t-tranżazzjoni mhux awtorizzata tirriżulta mill-użu mhux awtorizzat ta’ strument ta’ ħlas. Wara s-sentenza tagħha CRCAM ( 3 ), din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità oħra sabiex tesplora l-bilanċ li għandu jintlaħaq bejn l-interessi ta’ min iħallas u dawk tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
|
2. |
L‑Artikolu 56 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Obbligi ta’ l-utent ta’ sevizzi tal-ħlas fir-rigward ta’ strumenti tal-ħlas”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-utent ta’ sevizzi tal-ħlas intitolat li juża strument tal-ħlas għandu jirrispetta l-obbligi li ġejjin:
|
|
3. |
Skont l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Notifika ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas eżegwita mingħajr awtorizzazzjoni jew imwettqa skorrettament”: “L-utent ta’ sevizzi tal-ħlas għandu jikseb rettifika mingħand il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas biss jekk jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mingħajr dewmien bla bżonn malli jsir konxju ta’ kwalunkwe transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jew eżegwita skorrettament li tirriżulta fi pretensjoni, inkluża dik taħt l-Artikolu 75, u mhux aktar tard minn 13‑il xahar wara d-data tad-debitu, sakemm, fejn applikabbli, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun naqas milli jipprovdi jew jagħamel disponibbli l-informazzjoni dwar dik it-transazzjoni ta’ ħlas skond it-Titolu III”. |
|
4. |
L-Artikolu 60 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas f’każ ta’ telf għal transazzjonjiet ta’ ħlas mhux awtorizzati”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58, fil-każ ta’ transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas jagħti lura immedjatament lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata u, fejn applikabbli, jerġa’ jġib il-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku ma seħħitx it-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata”. |
|
5. |
L-Artikolu 61 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Responsabbiltà ta’ min iħallas għal transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata”, jipprovdi: “1. B’deroga mill-Artikolu 60, min iħallas għandu jġorr it-telf relatat ma’ kwalunkwe transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, sa massimu ta’ EUR 150, li jirriżulta mill-użu ta’ strument tal-ħlas mitluf jew misruq jew, jekk min iħallas naqas milli jħares il-karatteristiċi personalizzati tas-sigurtà, mill-misapprorjazzjoni ta’ strument tal-ħlas. 2. Min iħallas għandu jġorr it-telf kollu li jirrigwardaw transazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jekk hu jkun ġarrabhom b’aġir frodulenti jew billi jkun naqas milli jissodisfa obbligu jew obbligi taħt l-Artikolu 56 b’intenzjoni jew bi traskuraġni serja. F’tali każijiet, l-ammont massimu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika. 3. F’każijiet fejn min iħallas ma jkun la aġixxa b’mod frodulenti u lanqas bi ħsieb u naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu r-responsabbiltà msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, b’kont meħud, b’mod partikolari tan-natura tal-karatteristiċi personalizzati ta’ sigurtà ta’ l-istrument tal-ħlas u ċ-ċirkostanzi li fihom intilef, insteraq jew ġie misapproprjat. 4. Min iħallas m’għandux iġorr konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill-użu ta’ strument tal-ħlas mitluf, misruq jew miżapproprjat wara n-notifika skond l-Artikolu 56(1)(b), ħlief fejn ikun aġixxa b’mod frodulenti. […]” |
B. Id‑dritt nazzjonali
|
6. |
Id-Direttiva 2007/64 ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali permezz tal-ordonnance n 2009-866 du 15 juillet 2009 relative aux conditions régissant la fourniture de services de paiement et portant création des établissements de paiement (Digriet Nru 2009‑866 tal‑15 ta’ Lulju 2009 dwar il-Kundizzjonijiet li Jirregolaw il-Provvista ta’ Servizzi ta’ Ħlas u li Jirrigwardaw il-Ħolqien ta’ Istituzzjonijiet ta’ Ħlas), li introduċa, b’mod partikolari, l-Artikoli L. 133‑17, L. 133‑18, L. 133-19 u L. 133‑24 tal-code monétaire et financier (il-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju), applikabbli fil-kawża prinċipali. |
|
7. |
Skont l-Artikolu L. 133‑17(I) tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, “malli jsir jaf bit-telf, is-serq, il-miżapproprjazzjoni jew l-użu mhux awtorizzat tal-istrument ta’ ħlas jew bid-data assoċjata ma’ waħda minn dawn l-azzjonijiet, l-utent ta’ servizz ta’ ħlas għandu jinnotifika, mingħajr dewmien bla bżonn u għall-finijiet tal-ibblokkar tal-istrument, lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu jew tagħha, jew lill-entità speċifikata mill-fornitur tiegħu jew tagħha.” |
|
8. |
Skont l-Artikolu L. 133‑18 ta’ dan il-kodiċi: “Fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata indikata mill-utent taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 133–24, il-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas għandu jirrimborsa minnufih lill-utent tas-servizzi ta’ ħlas l-ammont tat-tranżazzjoni mhux awtorizzata u, jekk ikun il-każ, jerġa’ jġib il-kont addebitat b’dak l-ammont fl-istat li kien ikun jeżisti kieku t-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata ma kinitx seħħet. Min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu jew tagħha jistgħu jiddeċiedu dwar kumpens addizzjonali fuq bażi kuntrattwali.” |
|
9. |
Skont l-Artikolu L. 133‑19 ta’ dan il-kodiċi: “I. Fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata wara t-telf jew is-serq ta’ strument ta’ ħlas, min iħallas għandu jġarrab, qabel in-notifikazzjoni prevista fl-Artikolu L. 133‑17, it-telf marbut mal-użu tal-istrument mitluf jew misruq sa limitu massimu ta’ EUR 150. Madankollu, min iħallas ma għandux jinżamm responsabbli, fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata mwettqa mingħajr l-użu tal-karatteristiċi ppersonalizzati ta’ sigurtà. II. Min iħallas ma għandux jinżamm responsabbli jekk it-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata tkun saret b’miżappropriazzjoni, mingħajr l-għarfien ta’ min iħallas, tal-istrument ta’ ħlas jew tad-data assoċjata miegħu. Bl-istess mod, ir-responsabbiltà tiegħu jew tagħha ma tapplikax fil-każ ta’ użu ħażin tal-istrument ta’ ħlas jekk huwa kellu jew hija kellha fil-pussess tiegħu jew tagħha l-istrument fil-mument meta seħħet it-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata. III. Ħlief jekk ikun aġixxa jew tkun aġixxiet b’mod frawdolenti, min iħallas ma jbati ebda konsegwenza finanzjarja jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ma jipprovdix il-mezzi ta’ notifikazzjoni xierqa sabiex ikun jista’ jiġi bblokkat l-istrument ta’ ħlas, kif previst fl-Artikolu L. 133‑17. IV. Min iħallas għandu jbati t-telf kollu relatat ma’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jekk huwa jkun sofra jew tkun sofriet dan it-telf billi aġixxa jew aġixxiet b’mod frawdolenti jew billi ma osservax jew ma osservatx, b’intenzjoni jew b’negliġenza serja, wieħed jew iktar mill-obbligi imposti mill-Artikoli L. 133‑16 u L. 133‑17.” |
|
10. |
Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu L. 133‑24 ta’ dan il-kodiċi: “L-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mingħajr dewmien bla bżonn bi kwalunkwe tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jew eżegwita b’mod skorrett, u mhux iktar tard minn 13-il xahar wara d-data tad-debitu, taħt piena ta’ dekadenza, sakemm il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ma jkunx ipprovda jew qiegħed għad-dispożizzjoni l-informazzjoni dwar din it-tranżazzjoni ta’ ħlas skont il-Ktieb III, Titolu I, Kapitolu IV. Ħlief fil-każijiet fejn l-utent ikun persuna fiżika li taġixxi għal skopijiet mhux ta’ negozju jew professjonali, il-partijiet jistgħu jiddeċiedu li jidderogaw minn dan l-artikolu.” |
III. It-tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
11. |
IL fetaħ kont ta’ depożitu tad-deheb ma’ Veracash SAS. Fl‑24 ta’ Marzu 2017, Veracash bagħtet fl-indirizz ta’ IL kard ġdida ta’ ġbid u ta’ ħlas fi flus kontanti. Huwa sostna li la kien talab u lanqas irċieva din il-kard u li kien sar ġbid ta’ kuljum mill-kont tiegħu mit‑30 ta’ Marzu sas‑17 ta’ Mejju 2017 li huwa ma kienx awtorizza. IL ħarrek lil Veracash quddiem it-tribunal de grande instance d’Évry ( 4 ) (il-Qorti Reġjonali ta’ Évry, Franza) għar-rimbors u l-ħlas ta’ danni. |
|
12. |
Peress li l-azzjoni tiegħu ġiet parzjalment miċħuda fl-ewwel istanza, IL appella quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza). L-appell tiegħu ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Jannar 2022 minħabba, b’mod partikolari, li huwa ma setax jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 133‑18 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju peress li ma kienx iddikjara “immedjatament” it-tranżazzjonijiet inkwistjoni ( 5 ) u “mingħajr dewmien bla bżonn” lil Veracash. Din il-konstatazzjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li IL kien bagħat formola ta’ tranżazzjoni kontenzjuża lil Veracash fit‑23 ta’ Mejju 2017, jiġifieri kważi xahrejn wara l-ewwel ġbid kontenzjuż. |
|
13. |
IL ppreżenta appell fuq kwistjoni ta’ liġi quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju. Huwa jinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tiegħu. Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju ( 6 ), IL jilmenta li, bil-mod kif tat id-deċiżjoni tagħha, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell, Pariġi) naqset milli tikkunsidra l-fatt li min iħallas għandu 13‑il xahar wara d-data tad-debitu sabiex jinnotifika t-tranżazzjoni u li b’hekk kisret l-Artikolu L. 133‑24 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, kif applikabbli fil-kawża prinċipali. |
|
14. |
Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-eżitu tat-tilwima jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jistax jirrifjuta li jirrimborsa l-ammont ta’ tranżazzjoni mhux awtorizzata meta min iħallas, minkejja li jkun innotifika din it-tranżazzjoni f’terminu ta’ 13-il xahar mid-data tad-debitu, ikun dam biex jagħmel dan, mingħajr ma dan id-dewmien kien intenzjonali jew kien dovut għal negliġenza serja min-naħa tiegħu jew tagħha. |
|
15. |
Il-pożizzjoni tal-partijiet fil-kawża prinċipali hija differenti fuq dan il-punt. IL, l-appellant fil-kawża prinċipali jsostni, primarjament, li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu 13‑il xahar mid-data ta’ debitu sabiex jinnotifika t-tranżazzjoni mhux awtorizzata. Veracash, konvenuta fil-kawża prinċipali, issostni li billi ppreveda, fl-Artikolu L. 133‑24 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, l-obbligu għall-utent li jinnotifika mingħajr dewmien bla bżonn tranżazzjoni mhux awtorizzata f’terminu ta’ 13-il xahar, il-leġiżlatur ried jistabbilixxi terminu doppju u li t-terminu ta’ 13-il xahar huwa terminu definittiv. Hija żżid tgħid li l-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni teżiġi li, hekk kif l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas isir jaf b’irregolarità, huwa għandu jirreaġixxi jew hija għandha tirreaġixxi immedjatament billi tinnotifika b’dan lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas. |
|
16. |
Skont il-qorti tar-rinviju, qari letterali tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 jista’, kif iddeċidiet il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell, Pariġi), iwassal għall-konklużjoni li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu dritt jirrifjuta li jirrimborsa l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata abbażi tal-unika raġuni tan-notifikazzjoni tardiva tal-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, minkejja li n-notifikazzjoni tkun saret fit-terminu ta’ 13-il xahar. |
|
17. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li tali interpretazzjoni tidher diffiċli sabiex tkun ikkonċiljata mal-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li min iħallas huwa mċaħħad mid-dritt tiegħu jew tagħha għar-rimbors biss jekk, inter alia, naqas jew naqset milli jwettaq jew twettaq wieħed jew iktar mill-obbligi tiegħu jew tagħha taħt l-Artikolu 56 ta’ din id-direttiva b’intenzjoni jew b’negliġenza serja, inkluż l-obbligu li jinforma mingħajr dewmien bla bżonn lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas bit-telf, bis-serq jew bil-miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ ħlas jew tal-użu mhux awtorizzat tiegħu. |
|
18. |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tinterpreta l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 fis-sentenza tagħha CRCAM hija ma kellhiex tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza minn min iħallas tal-obbligu li jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas dwar tranżazzjoni mhux awtorizzata mingħajr dewmien bla bżonn. |
|
19. |
Anki għalkemm il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi l-interess li min iħallas ikun inkuraġġit li jkun diliġenti sabiex jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, hija tqis li, fid-dawl tal-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jippenalizza kull dewmien, irrispettivament miċ-ċirkustanzi, billi jċaħħad totalment lil min iħallas mid-dritt għar-rimbors. |
|
20. |
Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, min iħallas għandu jiġi mċaħħad mid-dritt għar-rimbors tat-telf ikkawżat minn tranżazzjoni mhux awtorizzata li n-notifikazzjoni setgħet tipprekludi mingħajr dewmien bla bżonn biss jekk it-tardività ta’ dik in-notifikazzjoni tkun intenzjonali jew tirriżulta minn negliġenza serja min-naħa tiegħu jew tagħha. |
|
21. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Cour de Cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
22. |
Veracash, il-Gvern Ċek u dak Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
IV. Evalwazzjoni
A. L-ewwel domanda
|
23. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64, moqri fid-dawl tal-Artikoli 56, 60 u 61 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li min iħallas huwa mċaħħad mid-dritt għar-rimbors tal-ammont ta’ tranżazzjoni mhux awtorizzata jekk huwa jkun innotifika din it-tranżazzjoni tard lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, minkejja li jkun għamel dan f’terminu ta’ 13‑il xahar mid-data tad-debitu. |
|
24. |
Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser nagħti qabelxejn ħarsa ġenerali lejn id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet fil-qasam ta’ strumenti ta’ ħlas u ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati u r-regoli dwar ir-responsabbiltà għat-telf li jirriżulta minn tranżazzjonijiet mhux awtorizzati ( 7 ). Imbagħad ser nipprovdi xi kjarifika dwar l-interrelazzjoni bejn l-obbligi ta’ notifikazzjoni ta’ min iħallas. |
1. L‑obbligi kuntrattwali tal‑partijiet u r‑responsabbiltà għat-telf li jirriżulta minn tranżazzjonijiet mhux awtorizzati
|
25. |
B’mod ġenerali, huwa possibbli li jiġu identifikati żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet rilevanti għall-kawża prinċipali. L-Artikoli 56 u 57 tad-Direttiva 2007/64 jistabbilixxu l-obbligi kuntrattwali tal-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ( 8 ) u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ( 9 ) fir-rigward ta’ strumenti ta’ ħlas. L-Artikoli 58 sa 61 ta’ din id-direttiva jikkonċernaw it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, li jkopru l-obbligu ta’ notifikazzjoni lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, l-oneru tal-prova u r-responsabbiltà ta’ kull waħda mill-partijiet. |
|
26. |
L-Artikolu 56 jirregola l-obbligi kuntrattwali tal-utent ta’ servizzi ta’ ħlas fir-rigward tal-istrumenti ta’ ħlas. Għalhekk, l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas huwa obbligat juża l-istrument ta’ ħlas skont il-kundizzjonijiet stipulati, iżomm b’mod sigur il-karatteristiċi ppersonalizzati ta’ sigurtà tal-istrument ta’ ħlas u jinnotifika mingħajr dewmien bla bżonn lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas meta jsir jaf bit-telf, is-serq jew il-miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ ħlas jew l-użu mhux awtorizzat tiegħu. |
|
27. |
Min-naħa tiegħu, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas skont l-Artikolu 57(1)(a) u (b) għandu, inter alia, jiżgura li l-karatteristiċi ppersonalizzati ta’ sigurtà tal-istrument ta’ ħlas ikunu aċċessibbli biss għall-utent ta’ servizzi ta’ ħlas u li joqgħod lura milli jibgħat strument ta’ ħlas mhux mitlub, sakemm ma jkunx meħtieġ li jiġi ssostitwit strument ta’ ħlas preċedenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 57(1)(ċ), il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jiżgura li l-mezzi xierqa jkunu disponibbli f’kull ħin sabiex l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ikun jista’ jagħmel notifikazzjoni skont l-Artikolu 56(1)(b) f’każ ta’ telf, serq, jew miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ ħlas jew l-użu mhux awtorizzat tiegħu. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 57(1)(d), il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jipprevjeni kwalunkwe użu tal-istrument ta’ ħlas wara li tkun saret in-notifikazzjoni. |
|
28. |
L-Artikolu 58 jikkonċerna, inter alia ( 10 ), tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati ( 11 ). Dan jimponi obbligu ġenerali ta’ notifikazzjoni fuq l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas bħala prerekwiżit sabiex tinkiseb rettifika minn għand il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ( 12 ). L-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas “mingħajr dewmien bla bżonn malli jsir konxju ta’ kwalunkwe transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata […] li tirriżulta fi pretensjoni […] u mhux aktar tard minn 13-il xahar wara d-data tad-debitu”. L-unika eċċezzjoni għal dak l-obbligu tinsab fil-każ fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ma pprovdiex jew ma għamilx disponibbli l-informazzjoni dwar din it-tranżazzjoni ta’ ħlas konformement mat-Titolu III tad-Direttiva 2007/64. |
|
29. |
L-Artikolu 59 ta’ dik id-direttiva jinkludi, bħala parti mir-regoli dwar ir-responsabbiltà fil-każ ta’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati, dispożizzjonijiet dwar l-oneru tal-prova li huma favorevoli għall-utent ta’ servizzi ta’ ħlas. Sostanzjalment, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, li għandu jipprova li t-tranżazzjoni tkun ġiet awtentikata, irreġistrata b’mod preċiż u rreġistrata fil-kontabbiltà ( 13 ). |
|
30. |
Fil-prattika, ir-riżultat tas-sistema ta’ prova stabbilita mill-Artikolu 59 tad-Direttiva 2007/64 huwa li, ladarba n-notifikazzjoni prevista fl-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva tkun saret fil-perijodu previst minnu, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas isir suġġett għal obbligu ta’ rimbors immedjat, konformement mal-Artikolu 60(1) tal-imsemmija direttiva ( 14 ). |
|
31. |
L-Artikolu 61 jirregola r-responsabbiltà ta’ min iħallas fil-każ partikolari fejn it-telf ikkawżat minn tranżazzjoni mhux awtorizzata jirriżulta mill-użu ta’ strument ta’ ħlas mitluf, misruq jew miżapproprjat. Mill-paragrafu 1 ta’ dak l-artikolu jirriżulta li r-responsabbiltà ta’ min iħallas għat-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati hija limitata, sa massimu ta’ EUR 150 ( 15 ). Madankollu, ir-responsabbiltà ta’ min iħallas hija illimitata meta min iħallas ikun aġixxa jew tkun aġixxiet b’mod frawdolenti jew ikun naqas jew tkun naqset milli jwettaq jew twettaq wieħed jew iktar mill-obbligi tiegħu jew tagħha taħt l-Artikolu 56 (inkluż l-obbligu tan-notifikazzjoni tat-telf, tas-serq jew tal-miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ ħlas jew tal-użu mhux awtorizzat tiegħu) b’intenzjoni jew b’negliġenza serja. Minn dan l-Artikolu 61(4) jirriżulta li, wara n-notifikazzjoni tat-telf, tas-serq jew tal-miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ ħlas, min iħallas ma jibqax ibati konsegwenzi finanzjarji, ħlief jekk ikun aġixxa jew tkun aġixxiet b’mod frawdolenti. |
2. L-interrelazzjoni bejn l-obbligi ta’ notifikazzjoni ta’ min iħallas
|
32. |
Mill-preżentazzjoni tal-kuntest ġuridiku msemmi iktar ’il fuq jirriżulta li l-utent għandu obbligu ġenerali ta’ diliġenza fir-rigward tal-istrument ta’ ħlas. Manifestazzjoni speċifika tad-dmir ta’ diliġenza hija l-obbligu ta’ notifikazzjoni ( 16 ). Dak l-obbligu jokkupa post ċentrali fil-kuntest tar-regoli dwar ir-responsabbiltà għat-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati, li jservu bħala “kejl” għall-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet bejn min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi għal kwalunkwe tranżazzjoni mhux awtorizzata ( 17 ). |
|
33. |
Jistgħu jiġu identifikati mill-inqas tliet sitwazzjonijiet li jattivaw l-obbligu tal-utent li jagħmel notifikazzjoni. |
|
34. |
L-ewwel sitwazzjoni hija fejn l-utent isir jaf bit-telf, is-serq jew il-miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ ħlas jew tal-użu mhux awtorizzat tiegħu. F’din is-sitwazzjoni, l-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2007/64 jobbliga lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas li jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mingħajr dewmien bla bżonn. L-għan ta’ din in-notifikazzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 57(1)(d) ta’ dik id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 32 tal-istess direttiva, huwa li jippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jimblokka l-istrument ta’ ħlas u jipprevjeni kwalunkwe użu ulterjuri mhux awtorizzat. |
|
35. |
It-tieni sitwazzjoni hija dik fejn l-utent isir jaf bi tranżazzjoni mhux awtorizzata. F’każ bħal dan, skont l-Artikolu 58 ta’ dik id-direttiva, l-utent għandu jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mingħajr dewmien bla bżonn sabiex jikseb ir-rettifika tat-tranżazzjoni mhux awtorizzata. L-għan tal-obbligu ta’ notifikazzjoni previst f’dan l-artikolu huwa li jippermetti lil min iħallas jikkontesta u jikseb rimbors ta’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati. |
|
36. |
Filwaqt li l-Artikolu 56(1)(b) għandu funzjoni preventiva billi jippermetti li jiġi bblokkat l-istrument ta’ ħlas u li jiġi mħares kontra r-riskju ta’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati, l-Artikolu 58 jipprovdi prinċipalment funzjoni kumpensatorja, billi jippermetti rimbors tat-tranżazzjoni mhux awtorizzata ( 18 ). |
|
37. |
It-tielet sitwazzjoni hija dik fejn iseħħu ż-żewġ sitwazzjonijiet preċedenti (kważi) fl-istess ħin. Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, u kif jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, tranżazzjoni mhux awtorizzata tista’ tkun sussegwenti għat-telf, għas-serq, għall-miżapproprjazzjoni jew għall-użu mhux awtorizzat tal-istrument ta’ ħlas. F’tali sitwazzjoni, l-obbligi ta’ notifikazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 56(1)(b) u mill-Artikolu 58 għandhom jiġu applikati b’mod koerenti. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza, in-notifikazzjoni (u l-kontestazzjoni) ta’ tranżazzjoni mhux awtorizzata skont l-Artikolu 58 għandha titqies bħala li tinkludi notifikazzjoni skont l-Artikolu 56(1)(b). F’dan it-tip ta’ sitwazzjoni, in-notifikazzjoni tat-tranżazzjoni mhux awtorizzata tissodisfa kemm funzjoni preventiva kif ukoll funzjoni kumpensatorja u tieħu post in-notifikazzjoni skont l-Artikolu 56 ( 19 ). |
3. Fuq il-perijodu ta’ żmien għan-notifikazzjoni skont l‑Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64
|
38. |
L-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 jirrikjedi lil min iħallas li jwettaq l-obbligu tiegħu jew tagħha li jinnotifika jew tinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas f’perijodu speċifiku ta’ żmien. Sabiex tinkiseb rettifika tal-fornitur, in-notifikazzjoni għandha ssir “mingħajr dewmien bla bżonn malli jsir konxju ta’ kwalunkwe transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata […] u mhux aktar tard minn 13-il xahar wara d-data tad-debitu”. |
|
39. |
Il-kwistjoni mqajma mill-ewwel domanda hija jekk notifikazzjoni tardiva ċċaħħadx lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas mid-dritt li jikseb ir-rettifika anki meta n-notifikazzjoni ssir f’terminu ta’ 13‑il xahar wara d-data tad-debitu. Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq jekk l-obbligu ta’ notifikazzjoni “mingħajr dewmien bla bżonn” mal-għarfien tat-tranżazzjoni mhux awtorizzata huwiex kundizzjoni distinta u separata li tapplika kumulattivament flimkien mal-obbligu ta’ notifikazzjoni f’terminu ta’ 13‑il xahar mid-data tad-debitu. |
|
40. |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha tkun parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tipprovdi wkoll elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha ( 20 ). |
|
41. |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kliem tal-Artikolu 58, għandu jiġi osservat preliminarjament li l-kundizzjonijiet ratione temporis tan-notifikazzjoni huma marbuta mal-espressjoni “u mhux aktar tard minn”. Din l-espressjoni donnha tindika li l-Artikolu 58 jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet distinti, li t-tnejn li huma għandhom jiġu osservati sabiex jingħata lok għad-dritt ta’ rettifika. |
|
42. |
Barra minn hekk, iż-żewġ kundizzjonijiet ratione temporis huma ta’ natura u portata differenti. |
|
43. |
Fir-rigward tan-notifikazzjoni “mingħajr dewmien bla bżonn”, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2007/64 ma tiddefinixxix dik l-espressjoni ( 21 ). Kif sostna, essenzjalment, il-Gvern Franċiż, skont il-verżjoni lingwistika, din l-espressjoni tista’ tiġi interpretata bħala li tenfasizza n-natura immedjata tan-notifikazzjoni ( 22 ) jew in-natura eċċessivament twila tad-dewmien ( 23 ). |
|
44. |
Minkejja l-isfumaturi differenti skont il-verżjoni lingwistika, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 58 ma jirreferix għal azzjoni immedjata. Dan jindika ċertu marġni ta’ manuvra fl-evalwazzjoni tal-ħeffa tar-reazzjoni ta’ min iħallas fuq bażi ta’ każ b’każ. Għalhekk, min iħallas għandu jaġixxi malajr kemm jista’ jkun, fid-dawl taċ-ċirkustanzi. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jitqies li min iħallas ikun tardiv jekk huwa effettivament ma kienx jaf bil-fatt li ta lok għat-tranżazzjoni mhux awtorizzata ( 24 ). |
|
45. |
Il-premessa 31 tad-Direttiva 2007/64 tikkonferma din l-interpretazzjoni billi tgħid li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas “kemm jista’ jkun malajr” dwar kull kontestazzjoni li tikkonċerna tranżazzjonijiet allegatament mhux awtorizzati. |
|
46. |
Fid-dawl tal-premessa 31, l-espressjoni “mingħajr dewmien bla bżonn” għandha tinftiehem bħala li tobbliga lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas jaġixxi malajr, li għandu jiġi evalwat, kif irrilevat essenzjalment il-Kummissjoni, wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi. |
|
47. |
Il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ tindika, kif sostna essenzjalment il-Gvern Ċek, li l-obbligu ta’ notifikazzjoni “mingħajr dewmien bla bżonn” huwa wieħed suġġettiv. In-natura suġġettiva tiegħu tirriżulta wkoll mill-punt tat-tluq tiegħu, li huwa l-għarfien tat-tranżazzjoni mhux awtorizzata. |
|
48. |
Għall-kuntrarju ta’ din il-kundizzjoni ratione temporis suġġettiva, il-kundizzjoni li n-notifikazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn 13‑il xahar wara d-data tad-debitu hija kundizzjoni oġġettiva. Fil-fatt, l-iskadenza ta’ terminu ta’ 13‑il xahar tista’ tiġi ddeterminata oġġettivament u ma tiddependix miċ-ċirkustanzi tal-każ. Barra minn hekk, id-data li fiha jibda jiddekorri t-terminu ta’ 13‑il xahar ma tiddependix fuq il-fatt li min iħallas ikun jaf bit-tranżazzjoni mhux awtorizzata (li, barra minn hekk, jista’ jkun diffiċli li jiġi ddeterminat), ( 25 ) iżda fuq id-data tad-debitu. |
|
49. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara fis-sentenza tagħha CRCAM li l-perijodu ta’ 13‑il xahar huwa “terminu massimu” li fih għandha ssir in-notifikazzjoni ( 26 ). Utent li ma jkunx irrapporta lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu jew tagħha tranżazzjoni mhux awtorizzata f’dan it-terminu ma jistax jew ma tistax jattiva jew tattiva r-responsabbiltà ta’ dan il-fornitur ta’ servizzi, inkluż abbażi tad-dritt ordinarju, u, għaldaqstant, jikseb jew tikseb rimbors ta’ din it-tranżazzjoni mhux awtorizzata ( 27 ). Kif sostniet Veracash, il-perijodu ta’ 13‑il xahar huwa “terminu definittiv” (“délai butoir”) li matulu għandha ssir in-notifikazzjoni. |
|
50. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-obbligu ta’ notifikazzjoni “mingħajr dewmien bla bżonn” huwa distint mill-obbligu ta’ notifikazzjoni fit-terminu ta’ 13‑il xahar. In-nuqqas ta’ notifikazzjoni mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas “mingħajr dewmien bla bżonn” fil-mument meta jsir jaf bit-tranżazzjoni mhux awtorizzata ma jistax jiġi sempliċement “ikkumpensat” permezz ta’ notifikazzjoni magħmula fi żmien 13‑il xahar wara d-data tad-debitu. |
|
51. |
Fit-tieni lok, interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 tikkonferma l-interpretazzjoni letterali ta’ dik id-dispożizzjoni. |
|
52. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha CRCAM li l-Artikolu 58, li għalih jirreferi l-Artikolu 60(1) ta’ dik id-direttiva, jimponi fuq l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas obbligu ġenerali ta’ notifikazzjoni ( 28 ). Kif indikajt iktar ’il fuq ( 29 ), in-notifikazzjoni għandha rwol ċentrali fil-kuntest tar-regoli dwar ir-responsabbiltà li jirregolaw tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati. Jekk jiġi aċċettat li min iħallas jista’ jistenna 13‑il xahar qabel ma jikkontesta tranżazzjoni li jkun sar jaf biha, idgħajjef l-effettività tal-obbligu ta’ notifikazzjoni “mingħajr dewmien bla bżonn”. Fil-każ speċifiku fejn it-tranżazzjoni mhux awtorizzata tkun ir-riżultat tat-telf, is-serq jew il-miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ ħlas, in-notifikazzjoni tardiva ta’ dik it-tranżazzjoni ddewwem l-adozzjoni ta’ miżuri mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas skont l-Artikolu 57(1)(d) tad-Direttiva 2007/64. Barra minn hekk, in-notifikazzjoni tardiva ta’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati li min iħallas sar jaf bihom idewwem l-attivazzjoni tar-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas skont l-Artikolu 60 ta’ dik id-direttiva. Għalhekk, kif sostniet essenzjalment il-Kummissjoni, in-notifikazzjoni tardiva ta’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati li saru magħrufa minn min iħallas tippreġudika wkoll l-għanijiet tal-Artikolu 57(1)(d) u tal-Artikolu 60 tal-istess direttiva. |
|
53. |
Fit-tielet lok, interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 issaħħaħ l-interpretazzjoni letterali u kuntestwali ta’ dik id-dispożizzjoni. Fil-każ speċifiku fejn it-telf minn dik it-tranżazzjoni mhux awtorizzata jirriżulta minn telf, serq jew miżapproprjazzjoni ta’ strument ta’ ħlas, in-notifikazzjoni tardiva tipprevjeni lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas milli jadotta miżuri immedjatament u taggrava r-riskju ta’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati. Għalhekk, dewmien bla bżonn fin-notifikazzjoni lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jippreġudika l-għan preventiv tan-notifikazzjoni ( 30 ). |
|
54. |
Barra minn hekk, kif irrilevat essenzjalment, il-Kummissjoni, interpretazzjoni li tgħid li min iħallas għandu d-dritt li jikseb rettifika anki jekk ma jkunx għamel notifika mingħajr dewmien bla bżonn tippreġudika ċ-ċertezza legali u l-ibbilanċjar tal-interessi bejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u l-utent tas-servizz ta’ ħlas. |
|
55. |
Fir-raba’ lok, l-isfond tad-Direttiva 2007/64 jikkorrobora l-interpretazzjoni li tirriżulta minn interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 58 ta’ dik id-direttiva. |
|
56. |
Mix-xogħlijiet preparatorji jirriżulta li l-proposta inizjali għal direttiva ( 31 ) tal-Kummissjoni ma kienet timponi ebda terminu paragunabbli ma’ dak previst fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64, introdott matul il-proċess leġiżlattiv ( 32 ). Madankollu, l-introduzzjoni tal-perijodu uniformi ta’ 13‑il xahar ma kellhiex l-għan li tissostitwixxi l-obbligu ta’ notifikazzjoni mingħajr dewmien bla bżonn. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha CRCAM, malajr irriżulta li l-introduzzjoni ta’ dak it-terminu kienet indispensabbli sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali tal-utent ta’ dawn is-servizzi u tal-fornitur tagħhom ( 33 ). L-iffissar ta’ perijodu massimu ta’ 13‑il xahar jiggarantixxi li t-tranżazzjoni ta’ ħlas issir definittiva mal-iskadenza ta’ dak il-perijodu ( 34 ). Madankollu, l-għan li jiġi żgurat li tranżazzjoni ssir finali ma jaffettwax l-obbligu separat tal-utent li jinnotifika mingħajr dewmien bla bżonn. |
|
57. |
Minn dan isegwi li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu josserva ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 61(2) ta’ dik id-direttiva, li jirregola r-responsabbiltà ta’ min iħallas meta t-telf marbut ma’ tranżazzjoni mhux awtorizzata jirriżulta, inter alia, min-nuqqas ta’ notifikazzjoni tat-telf, is-serq jew il-miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ ħlas b’intenzjoni jew b’negliġenza serja, li huwa s-suġġett tat-tieni domanda preliminari. |
|
58. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64, moqri fid-dawl tal-Artikoli 56, 60 u 61 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li min iħallas huwa, bħala prinċipju, imċaħħad mid-dritt għar-rimbors tal-ammont ta’ tranżazzjoni mhux awtorizzata jekk huwa jkun innotifika jew hija tkun innotifikat din it-tranżazzjoni tard lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, għalkemm ikun għamel jew tkun għamlet dan fi żmien 13‑il xahar mid-data tad-debitu. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 61(2) ta’ dik id-direttiva. |
B. It-tieni domanda
|
59. |
Għalkemm, fit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ma ssemmix dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 2007/64, madankollu mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li hija qiegħda titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 61(2) ta’ dik id-direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 56(1)(b) tagħha. Barra minn hekk, it-tieni domanda hija magħmula fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda. |
|
60. |
Għalhekk, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64, moqri fid-dawl tal-Artikolu 56(1)(b) ta’ dik id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ telf marbut ma’ tranżazzjoni mhux awtorizzata li jirriżulta mit-telf, mis-serq jew mill-miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ ħlas jew mill-użu mhux awtorizzat tiegħu, min iħallas jiġi mċaħħad mid-dritt għar-rimbors biss jekk ma jkunx innotifika jew ma tkunx innotifikat b’dan lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas b’intenzjoni jew b’negliġenza serja. |
|
61. |
L-Artikolu 61 tad-Direttiva 2007/64 jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għar-regoli dwar ir-responsabbiltà għat-telf marbut ma’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati li jirriżulta mill-użu ta’ strumenti ta’ ħlas mitlufa, misruqa jew miżapproprjati ( 35 ). B’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 61(2) ta’ dik id-direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 56(1)(b) tagħha, jirriżulta li min iħallas huwa responsabbli għat-telf kollu marbut ma’ tranżazzjoni mhux awtorizzata jekk huwa jkun sofra jew hija tkun sofriet dan it-telf, inter alia, billi ma jkunx innotifika jew ma tkunx innotifikat lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas bit-telf, bis-serq jew bil-miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ ħlas jew dwar l-użu mhux awtorizzat tiegħu, b’intenzjoni jew b’negliġenza serja. |
|
62. |
L-Artikolu 61(2) ma jagħmilx riferiment espliċitu għall-obbligu ta’ notifikazzjoni previst fl-Artikolu 58. Madankollu, kif imsemmi iktar ’il fuq ( 36 ), skont is-sitwazzjoni u l-andament tal-ġrajjiet, meta t-tranżazzjoni mhux awtorizzata tkun ir-riżultat tat-telf, serq jew miżapproprjazzjoni ta’ strument ta’ ħlas, in-notifikazzjoni ta’ tranżazzjoni mhux awtorizzata skont l-Artikolu 58 għandha tinkludi n-notifika skont l-Artikolu 56(1)(b). F’sitwazzjonijiet bħal dawn, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni koerenti tal-Artikolu 61(2), tal-Artikolu 56(1)(b) u tal-Artikolu 58, in-notifikazzjoni skont l-Artikolu 58 għandha tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 61(2). |
|
63. |
Għalhekk, min iħallas huwa mċaħħad mid-dritt għar-rimbors jekk ma jkunx innotifika jew ma tkunx innotifikat it-tranżazzjoni mhux awtorizzata wara t-telf, is-serq jew il-miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ ħlas “b’intenzjoni jew bi traskuraġni serja”. |
|
64. |
Mill-premessa 33 tad-Direttiva 2007/64 jirriżulta li, sabiex tiġi evalwata negliġenza possibbli, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha. Skont dik il-premessa, il-provi u l-grad ta’ negliġenza allegata għandhom jiġu evalwati skont id-dritt nazzjonali. |
|
65. |
Filwaqt li l-kunċett ta’ negliġenza jimplika att jew ommissjoni involontarja li permezz tagħha l-persuna responsabbli tonqos mid-dmir ta’ diliġenza tagħha, il-kunċett ta’ “negliġenza serja” jista’ jirreferi biss għal ksur manifest ta’ tali dmir ta’ diliġenza ( 37 ). Id-Direttiva 2015/2366, għalkemm ma hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali, tikkonferma din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “negliġenza serja”. Il-premessa 72 tagħha tiddikjara li “negliġenza serja għandha tfisser aktar minn sempliċi negliġenza, li tkun tinvolvi mġiba li turi grad sinifikanti ta’ traskuraġni”. |
|
66. |
Fi kwalunkwe każ, mill-Artikolu 59(2) tad-Direttiva 2007/64 jirriżulta li s-sempliċi użu tal-istrument ta’ ħlas ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi ppruvat, mill-istess użu, li min iħallas aġixxa b’mod frawdolenti jew naqas, b’intenzjoni jew b’negliġenza serja, milli jwettaq wieħed jew iktar mill-obbligi tiegħu jew tagħha taħt l-Artikolu 56 tal-istess direttiva. |
|
67. |
Għaldaqstant, għall-finijiet tal-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64, sempliċi ksur tad-dmir ta’ diliġenza, jew “sempliċi negliġenza” skont il-kliem tal-Kummissjoni, ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi r-rimbors ta’ min iħallas ( 38 ). Għalhekk, kif irrilevat ġustament il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 61(2) ma “jippenalizzax” id-dewmien kollu ta’ notifikazzjoni irrispettivament miċ-ċirkustanzi u mill-aġir ta’ min iħallas. Huwa biss dewmien fin-notifikazzjoni, attribwibbli lil min iħallas li jaġixxi b’intenzjoni jew b’negliġenza serja, li jwassal għat-telf tad-dritt għar-rimbors. |
|
68. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64, moqri fid-dawl tal-Artikolu 56(1)(b) ta’ dik id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ telf marbut ma’ tranżazzjoni mhux awtorizzata li jirriżulta mit-telf, serq jew miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ ħlas jew mill-użu mhux awtorizzat tiegħu, min iħallas jiġi mċaħħad mid-dritt għar-rimbors biss jekk ma jkunx innotifika jew ma tkunx innotifikat b’intenzjoni jew b’negliġenza serja lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas. |
C. It-tielet domanda
|
69. |
Għalkemm, fit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ma ssemmix dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 2007/64, madankollu mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hija titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 61(2) ta’ dik id-direttiva u b’mod iktar partikolari tal-portata tat-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati li fir-rigward tagħhom min iħallas iġorr ir-riskju. Barra minn hekk, it-tielet domanda hija magħmula fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda. |
|
70. |
Għalhekk, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ telf relatat ma’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati li min iħallas ikun innotifika tardivament b’intenzjoni jew b’negliġenza serja, min iħallas jiġix imċaħħad mid-dritt għar-rimbors tat-tranżazzjonijiet kollha mhux awtorizzati jew inkella biss ta’ dawk it-tranżazzjonijiet li setgħu jiġu evitati li kieku n-notifikazzjoni ma kinitx tardiva. |
|
71. |
F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza stabbilita ċċitata iktar ’il fuq ( 39 ),sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha tkun parti. |
|
72. |
L-ewwel, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64, dik id-dispożizzjoni tipprovdi li min iħallas għandu jġorr “it-telf kollu li jirrigwardaw transazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati” jekk huwa jkun sofra jew hija tkun sofriet dan it-telf, inter alia billi ma jissodisfax jew ma tissodisfax l-obbligu ta’ notifikazzjoni tiegħu jew tagħha, b’intenzjoni jew b’negliġenza serja. Minn naħa, l-espressjonijiet “it-telf kollu” u “transazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati” jidhru li jindikaw li l-portata tat-tranżazzjonijiet li għalihom min iħallas jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’. Ma hemm l-ebda distinzjoni bejn tranżazzjonijiet li setgħu jiġu evitati u tranżazzjonijiet li ma setgħux jiġu evitati f’każ ta’ notifikazzjoni fi żmien xieraq. |
|
73. |
Min-naħa l-oħra, l-espressjoni “telf […] [imġarrab]” tistabbilixxi rabta kawżali bejn it-telf u l-aġir tal-persuna li tħallas li “ġarrbithom” billi naqset, inter alia, milli tinnotifika. Ir-rekwiżit ta’ dik ir-rabta kawżali jista’ jiġi interpretat, kif sostniet essenzjalment il-Kummissjoni, bħala li jindika li huwa biss it-telf li jirriżulta minn tranżazzjonijiet li setgħu jiġu evitati permezz ta’ notifikazzjoni f’waqtha li huwa kopert. |
|
74. |
Madankollu, inqis li l-kuntest u l-għan tal-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64 jindikaw pjuttost li min iħallas iġarrab it-telf kollu tat-tranżazzjonijiet kollha mhux awtorizzati jekk ma jkunx innotifikahom b’intenzjoni jew b’negliġenza serja. |
|
75. |
It-tieni, fir-rigward tal-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar, qabelxejn, li r-responsabbiltà illimitata ta’ min iħallas tiddependi minn azzjoni frawdolenti jew minn intenzjoni jew minn negliġenza serja fin-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu wieħed jew iktar li huwa għandu jew hija għandha skont l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2007/64. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li tali aġir għandu jkollu konsegwenzi għal min iħallas, jiġifieri t-telf tad-dritt għar-rimbors. |
|
76. |
Imbagħad, kif diġà indikajt ( 40 ), in-notifikazzjoni għandha post ċentrali fis-sistema ta’ responsabbiltà għal tranżazzjonijiet mhux awtorizzati. B’mod partikolari meta t-tranżazzjoni kkontestata tkun ir-riżultat tal-użu mhux awtorizzat ta’ strument ta’ ħlas, in-notifikazzjoni għandu jkollha funzjoni preventiva, li tippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jimblokka l-istrument ta’ ħlas u jnaqqas ir-riskju ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati. Ir-regoli dwar ir- responsabbiltà għal tali tranżazzjonijiet mhux awtorizzati hija bbażata fuq il-preżunzjoni li dawn setgħu jiġu evitati b’notifikazzjoni f’waqtha. Ikun kuntrarju għal-loġika tas-sistema ta’ responsabbiltà li ssir distinzjoni, għall-finijiet tad-dritt għar-rimbors, bejn żewġ kategoriji ta’ tranżazzjonijiet, jiġifieri, bejn dawk li setgħu jiġu evitati u dawk li ma setgħux jiġu evitati. |
|
77. |
It-tielet, l-għan tal-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64 u d-dispożizzjonijiet li jagħmel parti minnhom jikkorrobora din il-konklużjoni. Ir-regoli dwar ir-responsabbiltà għal tranżazzjonijiet mhux awtorizzati li jirriżultaw mit-telf, serq jew miżapproprjazzjoni tal-istrument ta’ ħlas għandhom l-għan li jibbilanċjaw l-interessi ta’ min iħallas u tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas. Ikun kuntrarju għall-ibbilanċjar tal-interessi tal-partijiet kontraenti li l-portata tar-responsabbiltà titnaqqas b’tali mod li tkopri biss parti mit-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati. Dan idgħajjef ukoll l-għan li min iħallas jitħeġġeġ jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mingħajr dewmien bla bżonn. |
|
78. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ telf relatat ma’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati li min iħallas ikun innotifika tardivament b’intenzjoni jew b’negliġenza serja, min iħallas huwa mċaħħad mid-dritt għar-rimbors tat-tranżazzjonijiet kollha mhux awtorizzati, u mhux biss tat-tranżazzjonijiet li setgħu jiġu evitati li kieku n-notifikazzjoni ma kinitx tardiva. |
V Konklużjoni
|
79. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5). Din tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35, u r-rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97). Fid-dawl tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u kif tindika wkoll il-qorti tar-rinviju, din il-kawża hija rregolata mid-Direttiva 2007/64.
( 3 ) Sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021 (C‑337/20, EU:C:2021:671; iktar ’il quddiem is-“sentenza CRCAM”).
( 4 ) Mogħtija isem ġdid “tribunal judiciaire d’Évry” (il-Qorti ta’ Évry, Franza) fl‑1 ta’ Jannar 2020.
( 5 ) Ir-riferiment, f’dik is-sentenza, għall-obbligu li t-tranżazzjoni tiġi nnotifikata “immedjatament” huwa probabbilment dovut għall-inklużjoni ta’ din il-kelma fit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-użu tal-kard “Veracard”, riprodotti fl-imsemmija sentenza.
( 6 ) It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda biss l-ewwel parti tat-tieni aggravju.
( 7 ) Ara Μavromati, D., The Law of Payment Services in the EU: The EC Directive on Payment Services in the Internal Market, Kluwer Law International, Alphen aan den Rijn, 2008, p. 220 et seq.
( 8 ) Skont l-Artikolu 4(10) tad-Direttiva 2007/64, “utent ta’ servizzi ta’ ħlas” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn servizzi ta’ ħlas fil-kapaċità ta’ min iħallas jew ta’ min jitħallas, jew tat-tnejn. Il-kunċetti ta’ “min iħallas” u “min jitħallas” huma ddefiniti fil-punti 7 u 8 ta’ dak l-artikolu.
( 9 ) Kif iddefinit fl-Artikolu 4(9) tad-Direttiva 2007/64.
( 10 ) Dik id-dispożizzjoni tkopri wkoll “transazzjoni ta’ ħlas […] eżegwita skorrettament”. Peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna tranżazzjonijiet li ma kinux awtorizzati minn min iħallas, għall-kuntrarju ta’ tranżazzjonijiet li ma humiex konformi mal-istruzzjonijiet ta’ min iħallas, jien ser niffoka fuq is-sitwazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati.
( 11 ) Iċ-ċirkustanzi li fihom tranżazzjoni ta’ ħlas għandha titqies bħala mhux awtorizzata huma stabbiliti fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2007/64.
( 12 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza CRCAM (punt 33).
( 13 ) Is-sentenza CRCAM (punt 40).
( 14 ) Ibid.
( 15 ) Ara Geva, B., “The EU payment services directive: An outsider’s view”Yearbook of European Law, Vol. 28, Nru 1, 2009, p. 177 sa 215, f’p. 200, li jindika li din ir-responsabbiltà limitata teżisti anki fil-każ ta’ assenza ta’ ħtija ta’ min iħallas u ta’ nuqqas ta’ għarfien taċ-ċirkustanzi li jirrikjedu li tingħata notifikazzjoni skont l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2007/64.
( 16 ) Ara Bourguignon, C., “L’utilisateur dans la nouvelle loi sur les services de paiement: entre protection et responsabilisation”, f’Jacquemin, H., Michaux, B. u Bourguignon, C., Actualités en droit du numérique, Anthemis, Limal, 2019, p. 153 sa 215, f’p. 206.
( 17 ) Ibid., f’p. 207, fejn huwa deskritt l-obbligu ta’ notifikazzjoni bħala “curseur de la répartition des responsabilités”. Bl-istess mod, ara Guimarães, M. R. u Steennot, R., “Allocation of liability in case of payment fraud: who bears the risk of innovation? A comparison of Belgian and Portuguese law in the context of PSD2”, European Review of Private Law, Kluwer Law International, 2022, Vol. 30, Nru. 1, p. 29 sa 72, f’p. 46, li jgħidu li r-“rabta kawżali eventwali bejn l-aġir [tal-utent] u t-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati tispiċċa bin-notifikazzjoni”. [traduzzjoni libera]
( 18 ) Torck, S., “Délai de contestation des opérations de paiement non autorisées: renvoi préjudiciel de la Cour de Cassation”, Revue de droit bancaire et financie, Nru 2, 2024, commentaire 28.
( 19 ) Ibid.; Torck, S. li josserva li l-kontestazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 58 tieħu post in-notifikazzjoni skont l-Artikolu 56, li saret ineffettiva bħala riżultat taċ-ċirkustanzi (“la contestation fondée sur l’article 58 prend le relais du signalement fondé sur l’article 56, rendu inefficace par les circonstances”).
( 20 ) Is-sentenza CRCAM (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Franċiż ipprovda analiżi tal-espressjoni “mingħajr dewmien bla bżonn”, billi ħa inkunsiderazzjoni l-obbligi imposti fuq il-Kummissjoni jew fuq l-Istati Membri f’atti oħra tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, inqis li d-differenzi bejn istituzzjoni tal-UE jew awtorità ta’ Stat Membru u persuna privata, jiġifieri min iħallas, jipprekludu kull analoġija.
( 22 ) Dan jidher li huwa l-każ fil-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża (“sans tarder”), Olandiża (“onverwijld”), Ġermaniża (“unverzüglich”), Griega (“αμελλητί”) u Taljana (“senza indugio”).
( 23 ) Dan jidher li huwa l-każ fil-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża (“without undue delay”), Spanjola (“sin tardanza injustificada”) u Latvjana (“bez liekas kavēšanās”).
( 24 ) Ara Storck,,M. et al., Code Monétaire et Financier. Annoté et commenté, l-14-il Edizzjoni, Dalloz, Pariġi, 2024, p. 170, u Hennard, G., “Loi sur les services de paiement: l’exécution des opérations de paiement – Responsabilités en cas d’inexécution ou d’exécution incorrecte des opérations de paiement”, f’Betalingsdiensten/Services de paiement, l-Ewwel Edizzjoni, Intersentia, Brussell, 2011, p. 137 sa 194, f’p. 172.
( 25 ) Ara, Guimarães, M. R. u Steennot, R., op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 17, f’p. 48.
( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza CRCAM (punti 38 u 50).
( 27 ) Is-sentenza CRCAM (punt 36).
( 28 ) Ibid., punt 33.
( 29 ) Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 30 ) Ara l-punti 34 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 31 ) L-implimentazzjoni tal-programm ta’ Liżbona tal-Komunità:Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi ta’ pagament fis-suq intern u li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2000/12/KE u 2002/65/KE (KUMM(2005) 603 finali).
( 32 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fis-sentenza CRCAM (C‑337/20, EU:C:2021:564, punti 44 sa 46).
( 33 ) Is-sentenza CRCAM (punt 48).
( 34 ) Ibid., punt 49.
( 35 ) Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 36 ) Punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 75 u 76).
( 38 ) Ara, Guimarães, M. R. u Steennot, R., op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 17, f’p. 50, b’eżempji meħuda mill-ġurisprudenza nazzjonali.
( 39 ) Punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 40 ) Punti 32 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.