|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1995 |
22.7.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1995
tad-19 ta’ Lulju 2024
dwar miżura eċċezzjonali temporanja ta’ distillazzjoni ta’ kriżi biex jiġi indirizzat id-disturb fis-suq fis-settur tal-inbid fil-Portugall fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2024/2025
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Sabiex jiġu evitati d-disturbi fis-suq tal-inbid tal-Unjoni għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2023/2024, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2023/1225 (2) inkluż id-distillazzjoni ta’ kriżi eċċezzjonali f’ċerti Stati Membri. L-għan tal-miżura kien li jitnaqqsu l-livelli ta’ stokkijiet żejda rreġistrati f’ċerti reġjuni ewlenin tal-Unjoni li jipproduċu l-inbid, u dan jaffettwa b’mod partikolari l-inbejjed ħomor u rożè, bħala konsegwenza tal-impatt akkumulat ta’ kriżijiet differenti matul is-snin ta’ qabel kif ukoll ix-xejra ġenerali tat-tnaqqis fil-konsum tal-inbid fl-Unjoni u tal-volumi esportati f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja għall-konsumaturi u ta’ kostijiet għoljin għall-produtturi tal-inbid. |
|
(2) |
B’riżultat ta’ dan, aktar minn 3,5 miljun ettolitru ta’ nbejjed ħomor u rożè tneħħew mis-suq f’sitt Stati Membri produtturi (il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Ungerija u l-Portugall). It-tneħħija ta’ dawn il-volumi, flimkien mat-tnaqqis tal-produzzjoni fl-Unjoni fl-2023 (–10,5 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel) u fi Stati Membri produtturi importanti (– 24 % fl-Italja u – 21 % fi Spanja) sarrfet f’suq aktar ibbilanċjat għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni attwali b’mod ġenerali, anki jekk is-sitwazzjoni tas-suq għadha fraġli fl-Unjoni kollha. |
|
(3) |
B’kuntrast ma’ dan, fl-2023 il-Portugall esperjenza l-ogħla żieda fil-ħsad fost l-Istati Membri li jipproduċu l-inbid (+ 10 % aktar mis-sena ta’ qabel, u + 15 % għas-segment tal-inbejjed ħomor b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew b’indikazzjoni ġeografika protetta), u laħaq produzzjoni totali ta’ madwar 7,5 miljun ettolitru. Sadanittant, il-bejgħ domestiku tal-inbejjed ħomor Portugiżi b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew b’indikazzjoni ġeografika protetta fis-suq nazzjonali rkupra biss marġinalment bi + 2,3 % sa Marzu 2024, meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2023, filwaqt li l-esportazzjonijiet sa April 2024 naqsu b’–1,5 %. Din is-sitwazzjoni hija ta’ piż b’mod partikolari fuq is-segment tas-suq tal-inbejjed ħomor Portugiżi b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew b’indikazzjoni ġeografika protetta, li l-livell ta’ stokkijiet tagħhom huwa stmat li se jkompli jiżdied b’29 % sa Lulju 2024 meta mqabbel mal-2023 u b’46 % meta mqabbel mal-medja mirquma tal-5 snin ta’ qabel. |
|
(4) |
Il-kumulazzjoni tal-istokkijiet teżerċita pressjoni konsiderevoli fuq il-prezzijiet fis-suq tal-inbid Portugiż. Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni malajr, is-sitwazzjoni thedded li tkompli tiddisturba s-suq nazzjonali bil-wasla tal-ħsad tal-2024, peress li l-produtturi tal-inbid mhux se jifdlilhom kapaċità ta’ ħżin għall-produzzjoni l-ġdida u se jkunu mġiegħla jbigħu bi prezzijiet saħansitra aktar baxxi. Il-pressjoni attwali fis-suq tal-inbid Portugiż u l-urġenza tal-produtturi Portugiżi li jagħmlu disponibbli biżżejjed kapaċità ta’ ħżin għall-ħsad il-ġdid jirriskjaw, sa ċertu punt, li jaffettwaw ukoll is-swieq tal-inbid ta’ Stati Membri oħra li jistgħu jirċievu parti mill-provvista żejda fil-Portugall u jbigħuha bi prezz baxx, kemm bid-denominazzjoni ta’ oriġini jew bl-indikazzjoni ġeografika oriġinali tagħhom kif ukoll mingħajrhom. |
|
(5) |
It-tneħħija mis-suq tal-inbid Portugiż ta’ parti mill-volum tal-istokk għall-aktar segment tas-suq affettwat ta’ nbejjed ħomor protetti b’denominazzjoni ta’ oriġini jew b’indikazzjoni ġeografika, jenħtieġ li tgħin lill-Portugall jindirizza l-iżbilanċ fis-suq u jipprevjeni d-disturbi attwali milli jinbidlu fi kriżi aktar severa jew itwal fil-Portugall, u milli jinfirex lejn swieq tal-inbid ta’ Stati Membri oħra. Minkejja l-miżura adottata fl-2023, l-istokk tal-inbejjed ħomor b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew b’indikazzjoni ġeografika protetta fil-Portugall huwa mistenni li sal-aħħar ta’ Lulju 2024 jaqbeż b’2,25 miljun ettolitru l-livell rekord ta’ sena qabel, li jirrappreżenta 63 % ta’ ħsad medju. L-istokkijiet akkumulati għal dawn il-kategoriji se jilħqu, sa tmiem is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni attwali, darbtejn u nofs il-volum prodott fl-2023, filwaqt li bħala medja l-istokkijiet finali ikunu inqas mid-doppju ta’ ħsad medju. |
|
(6) |
Sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq is-suq ikun meħtieġ li titneħħa mill-inqas 15 % taż-żieda fl-istokkijiet, li tammonta għal madwar 340 000 ettolitru. F’livell ta’ kumpens ta’ 20 % inqas mill-prezzijiet riċenti tas-suq, il-miżura tkun teħtieġ madwar EUR 15-il miljun. Il-Portugall iddikjara li mhuwiex kapaċi jneħħi mis-suq il-volum ta’ nbid żejjed bil-pagamenti nazzjonali skont l-Artikolu 216 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Kwalunkwe miżura disponibbli oħra skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tidher li mhijiex suffiċjenti jew xierqa. Għalhekk, huwa pertinenti li jsir użu mir-riżerva għall-agrikoltura biex fil-Portugall tiġi implimentata distillazzjoni ta’ kriżi mmirata. |
|
(7) |
Sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-użu tal-alkoħol miksub jenħtieġ li ma jkunx permess għall-industrija tal-ikel u tax-xorb u li jkun limitat għal finijiet industrijali, inkluż id-diżinfezzjoni u l-farmaċewtika, u għal finijiet tal-enerġija. Sabiex jiġi evitat kull abbuż kull jew kumpens żejjed wara l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura eċċezzjonali, huwa pertinenti li l-Istat Membru kkonċernat jintalab jimmira l-miżura esklużivament lejn il-kategoriji tal-inbid bi żbilanċ kbir fis-suq, u li jillimita l-kumpens li għandu jingħata għal prezz inqas mill-prezzijiet riċenti tas-suq li huma rilevanti. |
|
(8) |
Sabiex tiżdied l-effettività tar-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni li jistgħu jiġu allokati għal din id-distillazzjoni ta’ kriżi, jenħtieġ li l-Portugall jitħalla jikkomplementa l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni permezz ta’ pagamenti nazzjonali li jkopru sa 200 % tal-appoġġ tal-Unjoni previst f’dan ir-Regolament. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-Portugall jikkomunika lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, biex l-Unjoni tkun tista’ timmonitorja l-effiċjenza tal-miżura introdotta bih. |
|
(10) |
Għal raġunijiet baġitarji, jenħtieġ li l-Unjoni tiffinanzja n-nefqa mġarrba mill-Portugall biex tiġi implimentata l-miżura prevista f’dan ir-Regolament biss meta din in-nefqa ssir sa ċerta data ta’ eliġibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li l-appoġġ għal din il-miżura eċċezzjonali jitħallas sat-30 ta’ April 2025. |
|
(11) |
Peress li ma għandhomx isiru pagamenti wara t-30 ta’ April 2025, ma għandux japplika l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 (3), li jipprevedi tnaqqis proporzjonali tal-pagamenti ta’ kull xahar li jsiru wara l-iskadenza. |
|
(12) |
Biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li japplika l-miżura eċċezzjonali ta’ distillazzjoni ta’ kriżi għandhom iwettqu kontrolli biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
|
(13) |
Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, meta jitqies id-disturb kontinwu fis-suq kif ukoll iż-żmien qasir disponibbli biex il-Portugall jibda jimplimenta l-miżura inkluża f’dan ir-Regolament qabel il-ħsad li jmiss f’Settembru 2024, jeħtieġ tittieħed azzjoni immedjata u titneħħa l-provvista żejda mis-suq mill-aktar fis possibbli. Inkella, is-sitwazzjoni tas-suq tkompli tiddeterjora u l-iżbilanċ attwali jkollu jiġi riportat għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni l-ġdida, u dan jhedded li jikkawża kriżi fit-tul fil-Portugall li tista’ taffettwa wkoll is-swieq tal-inbid ta’ Stati Membri oħra. Għalhekk, id-dewmien fit-teħid ta’ azzjoni jirriskja li jnaqqas l-effikaċja tagħha fl-istabbilizzazzjoni tas-suq tal-inbid Portugiż. |
|
(14) |
Fid-dawl tar-raġunijiet imperattivi ta’ urġenza msemmija hawn fuq, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza stabbilita fl-Artikolu 228 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. |
|
(15) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Finanzjament tal-Unjoni u pagamenti nazzjonali
1. L-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni li jammonta għal EUR 15 000 000 għandu jkun disponibbli għall-Portugall biex jappoġġa l-miżura eċċezzjonali temporanja ta’ distillazzjoni ta’ kriżi prevista fl-Artikolu 2 skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.
2. L-appoġġ finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi allokat abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji u jiżgura li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżaw l-ebda distorsjoni tas-suq jew tal-kompetizzjoni.
3. In-nefqa mġarrba mill-Portugall imsemmija fil-paragrafu 1 u marbuta mal-pagamenti għall-miżura msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni biss jekk dawk il-pagamenti jkunu saru sat-30 ta’ April 2025.
4. Il-Portugall jista’ jkompli jiffinanzja l-miżura prevista fl-Artikolu 2 permezz ta’ pagamenti nazzjonali sa 200 % tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 2
Distillazzjoni ta’ kriżi tal-inbid temporanja
1. Jista’ jingħata appoġġ għad-distillazzjoni tal-inbejjed ħomor prodotti fit-territorju kontinentali tal-Portugall u b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew b’indikazzjoni ġeografika protetta f’konformità mat-Taqsima 2, il-Kapitolu I, it-Titolu II, il-Parti II, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
2. L-alkoħol li jirriżulta mid-distillazzjoni appoġġata msemmija fil-paragrafu 1 għandu jintuża esklużivament għal finijiet industrijali, inkluż id-diżinfezzjoni jew il-farmaċewtika, jew għal finijiet tal-enerġija, sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.
3. Il-benefiċjarji tal-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom ikunu intrapriżi tal-inbid li jipproduċu jew li jikkummerċjalizzaw il-prodotti tad-dwieli msemmija fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-inbid, kooperattivi tal-inbid, assoċjazzjonijiet ta’ żewġ produtturi jew aktar, organizzazzjonijiet interprofessjonali jew distillaturi tal-prodotti tad-dwieli.
4. Huma biss il-kostijiet tal-provvista tal-inbid lid-distillaturi u tad-distillazzjoni ta’ dan l-inbid li għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ. It-taxxa fuq il-valur miżjud ma għandhiex tkun eliġibbli għall-appoġġ. L-inbid li għandu jiġi distillat skont din il-miżura għandu jkun konformi mar-rekwiżiti li għandhom jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni u mal-Ispeċifikazzjonijiet rilevanti tal-Prodott tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew tal-indikazzjoni ġeografika protetta tagħhom.
5. Il-Portugall jista’ jistabbilixxi kriterji ta’ prijorità għall-benefiċjarji ta’ din il-miżura. Dawn il-kriterji ta’ prijorità għandhom ikunu oġġettivi u mhux diskriminatorji.
6. Il-Portugall jista’ jipprevedi li sa 80 % tal-appoġġ għal operazzjoni partikolari ta’ distillazzjoni ta’ kriżi, koperta minn applikazzjoni għall-appoġġ aċċettata skont dan l-Artikolu, għandu jingħata bil-quddiem lill-benefiċjarji, dment li l-benefiċjarju jkun ppreżenta garanzija bankarja jew garanzija ekwivalenti, li tal-inqas ikunu daqs l-ammont ta’ dak il-pagament bil-quddiem, favur l-Istat Membru. Biex din l-operazzjoni tkun eliġibbli, il-pagament finali ta’ appoġġ għandu jsir qabel id-data msemmija fl-Artikolu 1(3).
7. Il-Portugall għandu jistabbilixxi regoli dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni għall-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 u dwar il-kontroll tal-miżura, inkluż regoli dwar:
|
(a) |
il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet; |
|
(b) |
il-preżentazzjoni u l-għażla tal-applikazzjonijiet, li għandhom jinkludu mill-inqas l-iskadenzi għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, għall-eżami tal-adegwatezza ta’ kull azzjoni proposta u għan-notifika tar-riżultati tal-proċedura tal-għażla lill-operaturi; |
|
(c) |
il-verifika tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-prodotti eliġibbli u l-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 4 u l-kriterji ta’ prijorità, meta jiġu applikati dawn il-kriterji; |
|
(d) |
l-għażla tal-applikazzjonijiet, li għandha tal-anqas tkun tinkludi l-ponderazzjoni attribwita għal kull kriterju ta’ prijorità, meta jiġu applikati l-kriterji ta’ prijorità; |
|
(e) |
arranġamenti għall-ħlas tal-pagamenti bil-quddiem u l-għoti ta’ garanziji; |
|
(f) |
il-monitoraġġ u l-kontroll tal-operazzjonijiet ta’ distillazzjoni, l-eliġibbiltà tal-inbejjed distillati u l-użu tal-alkoħol prodott. |
8. Il-Portugall għandu jistabbilixxu l-ammont ta’ appoġġ lill-benefiċjarji abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, fil-livell reġjonali jew nazzjonali. L-ammont ta’ appoġġ ma jistax jaqbeż it-80 % tal-prezz medju l-aktar baxx fix-xahar irreġistrat fil-livell tal-produzzjoni matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2023/2024 għall-kategoriji tal-inbid eliġibbli, f’reġjun partikolari jew fit-territorju kontinentali tal-Portugall, kif xieraq. Meta l-prezzijiet tas-suq irreġistrati ma jkunux disponibbli, dawn jistgħu jiġu stmati minn awtorità kompetenti tal-Portugall abbażi tal-aħjar data disponibbli.
Artikolu 3
Notifiki u kontrolli
1. Sal-31 ta’ Awwissu 2024, il-Portugall għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan li ġej:
|
(a) |
ir-reġjuni li fihom trid tapplika l-miżura msemmija fl-Artikolu 2; |
|
(b) |
l-ammonti ta’ kumpens li għandhom jiġu applikati f’konformità mal-Artikolu 2(4) u (8), għal kull reġjun u għal kull tip ta’ nbid eliġibbli, meta jkun xieraq, u l-ġustifikazzjoni tagħhom; |
|
(c) |
il-volumi rispettivi mistennija li jiġu distillati; |
|
(d) |
l-ammont ta’ pagamenti nazzjonali li għandhom jintefqu f’konformità mal-Artikolu 1(4). |
2. Sat-30 ta’ Ġunju 2025, il-Portugall għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan li ġej:
|
(a) |
il-kwantitajiet ta’ nbid irtirati mis-suq għal kull reġjun u t-tip ta’ nbid eliġibbli; |
|
(b) |
il-volumi ta’ alkoħol prodotti mill-inbid ikkonsenjat u distillat f’konformità ma’ dan ir-Regolament; |
|
(c) |
l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1(1); |
|
(d) |
il-pagamenti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(4), li jikkorrispondu għall-pagamenti tal-inbid irtirat mis-suq. |
3. In-notifiki lill-Kummissjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandhom isiru f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 (4).
4. B’rabta mad-distillazzjoni eċċezzjonali ta’ kriżi prevista f’dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iwettqu l-kontrolli kollha meħtieġa biex jivverifikaw l-eliġibbiltà tal-inbejjed u li qed jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti applikabbli kollha.
5. Il-kontrolli għal għarrieda wara l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ distillazzjoni ta’ kriżi appoġġati skont dan ir-Regolament għandhom ikunu sistematiċi.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/ojb.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1225 tat-22 ta’ Ġunju 2023 dwar miżuri temporanji eċċezzjonali li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jindirizzaw id-disturb tas-suq fis-settur tal-inbid f’ċerti Stati Membri u li jidderogaw mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 (ĠU L 160, 26.6.2023, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1225/oj).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 95, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/127/oj).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1183/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1995/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)