IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.7.2017
COM(2017) 390 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
ANNESS
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
L-UNJONI EWROPEA,
min-naħa l-waħda, u
IR-REPUBBLIKA TAS-SEYCHELLES, minn hawn ‘il quddiem imsejħa "is-Seychelles"
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħin il-“Partijiet Kontraenti”,
WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010,
FILWAQT LI JAFFERMAW l-importanza tal-iffaċilitar ta’ kuntatti bejn il-persuni,
FILWAQT LI JIEĦDU NOTA li l-Ftehim jaħdem għas-sodisfazzjon taċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti,
FILWAQT LI JQISU li d-definizzjoni ta’ soġġorn qasir fornuta mill-Ftehim (tliet xhur tul perjodu ta’ sitt xhur mid-data tal-ewwel dħul) mhix preċiża biżżejjed u b’mod partikolari, il-kunċett ta’ “id-data tal-ewwel dħul” jista’ jagħti lok għal inċertezzi u mistoqsijiet,
FILWAQT LI JITQIES li r-Regolament (UE) Nru 610/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013 introduċa bidliet orizzontali fl-acquistal-UE dwar il-viża “interna” u l-fruntieri u ddefinixxa soġġorn qasir bħala “90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum”,
FILWAQT LI TITQIES li s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ li għandha tiġi stabbilita mill-Unjoni Ewropea tirrikjedi l-użu ta’ definizzjoni uniformi u ċara ta’ soġġorn qasir li hija applikabbli għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi terzi,
FILWAQT LI JIXTIEQU jiżguraw il-fluss bla xkiel ta’ vjaġġaturi fil-punti ta' qsim tal-fruntiera tal-Partijiet Kontraenti,
FILWAQT LI JIRRIAFFIRMAW li l-Ftehim ikopri ċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni ta’ dawk tar-Renju Unit u tal-Irlanda,
FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Ftehim għandu jiġi emendat f’konformità skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu:
(1)Fit-titolu u fl-Artikli 3(5), 6(1) u 8(7), il-kelma “Komunità” se tiġi sostituta bil-kelma “Unjoni”.
(2)Fl-Artikolu 1, il-kliem "tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur" huma sostitwiti fil-frażi "90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum";
(3)L-Artikolu 4(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:
“Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistgħu jibqgħu fit-territorju tas-Seychelles għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.”
(4)L-Artikolu 4(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:
“Iċ-ċittadini tas-Seychelles jistgħu joqogħdu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen, għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Dak il-perjodu jiġi kkalkulat indipendentement minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.
Iċ-ċittadini tas-Seychelles jistgħu jibqgħu għal perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum fit-territorju ta' kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu, irrispettivament mill-perijodu tas-soġġorn kkalkulat għat-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.”
(5)Fl-Artikolu 4(3), il-kelmiet “tliet xhur” jinbidlu mill-kelmiet “90 jum” u l-kelma “Komunità” tinbidel mill-kelma “Unjoni”.
(6)L-aħħar sentenza tal-Artikolu 8(4) tinbidel b’dan li ġej:
"Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u għandha tneħħi dik is-sospensjoni."
Artikolu 2
Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sitt (6) xahar wara d-data li fiha l-aħħar Parti tinnotifika lill-oħra li l-proċeduri msemmija hawn fuq ikunu tlestew.
Magħmul fi […]fil-[…] jum ta’ […] fis-sena elfejn u sbatax b'duplikat bl-ilsien Bulgaru, Kroat, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Svediż, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.
Għall-Unjoni Ewropea
Għar-Repubblika tas-Seychelles
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA L-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN
Huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, min-naħa, u s-Seychelles, min-naħa l-oħra, jimmodifikaw, mingħajr dewmien, il-ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir f'konformità mat-termini ta' dan il-Ftehim.
Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-interpretazzjoni tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum
Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li l-perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum kif ipprovdut mill-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim ifisser jew soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi, li t-tul ta’ żmien tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum b’kollox.
Il-kunċett ta' “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta' perjodu ta' referenza mobbli ta' 180 jum, billi titqies b'lura kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perijodu ta' 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk l-obbligu tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum ikunx baqa' jiġi ssodisfat. Fost oħrajn, dan ifisser li assenza għal perjodu mhux interrott ta’ 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.
________