IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.7.2017
COM(2017) 390 final
2017/0168(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tas-26 ta' Ġunju 2013 (minn issa 'l quddiem: l-emenda tal-KFS) emendat il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen (CISA), ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen [KFS]) u r-Regolament (KE) Nru 810/2009 (il-Kodiċi dwar il-Viża) u – fost l-oħrajn – iddefinixxa mill-ġdid il-kunċett ta' "soġġorn qasir" għal ċittadini ta' pajjiż terz fiż-żona Schengen. Mit-18 ta' Ottubru 2013, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi – irrispettivament minn jekk għandhomx bżonn viża jew humiex eżenti – li biħsiebhom jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen għal soġġorn qasir, it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat huwa definit bħala "90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum". Kuntrarju għad-definizzjoni li kienet fis-seħħ sat-18 ta' Ottubru 2013 (tliet xhur matul perjodu ta' sitt xhur mid-data tal-ewwel dħul), il-kunċett il-ġdid huwa aktar preċiż billi jistipula t-tul ta' żmien fi ġranet, minflok f'xhur. Barra minn hekk, it-terminu "mid-data tal-ewwel dħul" li wassal għal bosta inċertezzi u mistoqsijiet tneħħa mid-definizzjoni.
L-emenda tal-KFS daħħlet il-bidliet neċessarji kollha fl-acquis tal-UE dwar il-viża u l-fruntieri, jiġifieri CISA, il-KFS, il-Kodiċi dwar il-Viżi u r-Regolament (KE) Nru 539/2001. Madankollu, il-kunċett ta’ soġġorn qasir huwa wkoll stabbilit fi ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni Ewropea. Il-ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża konklużi ma’ Antigua u Barbuda, mal-Bahamas, ma’ Barbados, mal-Brażil, mal-Mauritius, ma’ Saint Kitts u Nevis u mas-Seychelles, għadhom jirreferu għad-definizzjoni l-antika (“tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur mid-data tal-ewwel dħul”) meta jiġi definit il-perjodu tas-soġġorn mingħajr il-ħtieġa ta’ viża.
Fis-16 ta’ Lulju 2014 il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati biex jiġi emendat il-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msemmija aktar ‘l fuq, li l-Kunsill adotta fid-9 ta’ Ottubru 2014. L-iskop kien li fil-konfront ta’ dawn is-seba’ pajjiżi tiġi implimentata d-definizzjoni l-ġdida ta’ soġġorn qasir kif stipulat fl-emenda tal-KFS. Barra minn dan, id-definizzjoni ta’ “soġġorn qasir” fil-ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża f’termini ta’ ġranet pjuttost ta’ xhur hija anqas ikkumplikata u tista’ tiġi vverifikata u kkalkulata b’mezzi elettroniċi u għalhekk tkun aktar tixraq għal sistemi ċentralizzati ta’ ġestjoni tal-fruntieri, bħal ma hija s-sistema proposta ta’ Dħul u Ħruġ (EES).
Wara l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni bdiet negozjati biex jiġu emendati l-ftehimiet dwar eżenzjoni mill-viża mas-seba’ pajjiżi (Antigua u Barbuda, il-Bahamas, Barbados, il-Brażil, il-Mauritius, Saint Kitts u Nevis u s-Seychelles).
In-negozjati mar-Repubblika tas-Seychelles ġew iffinalizzati b’suċċess permezz tal-inizjalar tal-ftehim emendatorju fil-15 ta’ Lulju 2016. Iż-żewġ partijiet qablu li jadottaw id-definizzjoni ġdida ta' "soġġorn qasir" fit-test kollu tal-ftehim ta' eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża bejn l-UE u r-Repubblika tas-Seychelles. Barra minn hekk, il-ftehim jimplika modifika ta’ xi dettalji tekniċi (ara iktar ’l isfel), iżda l-emendi kollha mhumiex sinifikanti mill-aspett ta' vjaġġatur.
Is-sitwazzjoni speċifika tar-Renju Unit u tal-Irlanda hija riflessa fil-preambolu tal-ftehim.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-ftehim jobbliga l-approvazzjoni taż-żewġ partijiet kontraenti f'konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom. Min-naħa tal-Unjoni, dan jobbliga d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim.
Din il-proposta hija ppreżentata lill-Kunsill sabiex tawtorizza l-konklużjoni tal-Ftehim biex jiġi emendat il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir.
Il-ftehim jiżgura koerenza legali, kif ukoll armonizzazzjoni fost l-Istati Membri, billi jaderixxi mad-definizzjoni l-ġdida ta' soġġorn qasir kif previst mill-emenda tal-SBC, li jipprovdi interpretazzjoni ċara ta' "soġġorn qasir".
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu.
L-Unjoni ma għandha ebda setgħa temenda l-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża li jorbtu lill-erba' pajjiżi li huma assoċjati mal-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen, inkluża l-politika komuni dwar il-viżi. Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat u implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tul tas-soġġorn awtorizzat fiż-żona Schengen, dikjarazzjoni konġunta tinsab inkluża fil-ftehim, li tiddikjara x-xewqa li r-Repubblika tas-Seychelles, min-naħa l-waħda, u l-Iżlanda, Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, min-naħa l-oħra, li jimmodifikaw b'dan il-mod il-ftehimiet dwar l-eżenzjoni tal-viża bilaterali attwali.
Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-konklużjoni tal-ftehim. Il-Kunsill se jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata wara l-iffirmar tal-ftehim, f’isem l-Unjoni, minn persuna nominata mill-presidenza tal-Kunsill u wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Jekk waħda mill-partijiet kontraenti għall-ftehim internazzjonali tkun l-Unjoni Ewropea, imbagħad kwalunkwe emenda ta' ftehim bħal dan ma tistax tiġi implimentata legalment mill-Istati Membri infushom. Il-ftehim dwar l-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża mas-Seychelles ġie konkluż mill-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jeħtieġ azzjoni fil-livell tal-Unjoni.
Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża mill-Istati Membri jaffettwa l-acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-viżi (l-Artikolu 3(2) TFUE).
•Proporzjonalità
Il-proposta attwali ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv segwit, jiġifieri l-modifika tal-ftehim attwali dwar l-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża bejn is-Seychelles u l-Unjoni.
3.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Din il-proposta ma tinvolvix spejjeż addizzjonali għall-baġit tal-UE.
4.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Fid-9 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill adotta direttivi ta' negozjati li awtorizzaw lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika tas-Seychelles biex temenda l-ftehim dwar l-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża bejn iż-żewġ partijiet. L-Istati Membri ġew infurmati dwar il-progress tan-negozjati f'laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Viża.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Ir-Riżultat tan-negozjati
Il-Kummissjoni tikkunsidra li ntlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li l-abbozz tal-ftehim hu aċċettabbli għall-Unjoni.
Il-kontenut finali tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:
a. Id-durata tas-soġġorn
Il-ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini tar-Repubblika tas-Seychelles meta jivvjaġġaw lejn il-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum (minflok perjodu massimu ta' tliet xhur matul il-perjodu ta' sitt xhur wara d-data tal-ewwel dħul). Id-definizzjoni l-ġdida hija applikata fil-ftehim kollu bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir.
b. Dispożizzjoni finali – sospensjoni tal-ftehim (l-Artikolu 8(4))
Il-ftehim jimmodifika l-aħħar sentenza tal-Artikolu 8(4) bil-mod li ġej: "Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u għandha tneħħi dik is-sospensjoni." Billi l-kliem "u għandha tneħħi dik is-sospensjoni" jiżdiedu mat-test attwali, il-ftehim emendat jiċċara li sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża għandha fil-fatt titneħħa jekk ir-raġunijiet li wasslu għas-sospensjoni jisparixxu. Dwar dan il-punt, l-emenda tallinja l-kliem tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża mar-Repubblika tas-Seychelles ma' dak tal-ftehimiet l-oħra kollha dwar l-eżenzjoni mill-viża ffirmati mill-Unjoni fl-2015 u l-2016. Fl-14 ta' Ġunju 2016, il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Viża ġie kkonsultat dwar din l-emenda u l-ebda Stat Membru ma qajjem xi oġġezzjoni.
c. “Komunità” tiġi sostituta b’ “Unjoni”
Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea waħedha akkwistat personalità legali kkonsolidata. Madankollu, il-“Komunità Ewropea” għadha minquxa fi ftehimiet internazzjonali li kienu daħlu fis-seħħ qabel it-Trattat ta’ Lisbona, bħalma hu l-każ tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles fejn tidħol l-eżenzjoni għal soġġorn qasir. Il-ftehim ta’ emenda għalhekk jissostitwixxi “Komunità” b’”Unjoni” fil-ftehim kollu dwar l-eżenzjoni mill-viża.
d. Dikjarazzjonijiet Konġunti
Żewġ dikjarazzjonijiet konġunti huma mehmuża mal-ftehim:
- Dwar l-interpretazzjoni tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, kif ukoll;
- Dwar l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Liechtenstein.
e. Dħul fis-seħħ
Il-ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sitt (6) xahar wara d-data ta’ meta l-aħħar Parti Kontraenti tkun innotifikat lill-oħra li tlestew il-proċeduri ta’ ratifika. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-vjaġġaturi jkunu jistgħu jifhmu l-liġi u josservawha, huwa meħtieġ li jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni twil biżżejjed. Hekk kif titlesta r-ratifika tal-ftehim, il-perjodu ta’ sitt xhur jippermetti lill-vjaġġaturi biex jaslu sa tmiem is-soġġorni qosra li għadhom kollha kemm huma kkalkulati taħt id-definizzjoni l-qadima, qabel ma tidħol fis-seħħ id-definizzjoni l-ġdida dwar is-soġġorn qasir u l-perjodu ta’ referenza ta’ 180 jum li jirreferi għall-passat.
Id-dispożizzjoniijiet l-oħra kollha tal-Ftehim eżistenti bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir jibqgħu bla mittiefsa mill-Ftehim ta’ emenda, inkluż l-ambitu territorjali.
6.KONKLUŻJONI
Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill japprova, wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir.
2017/0168 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1)Bid-Deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill ikkonkluda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir. Il-Ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta’ Mauritius meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra “għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur”.
(2)Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill daħħal bidliet orizzontali fl-acquis tal-Unjoni dwar il-viża u l-fruntieri u ddefinixxa soġġorn qasir bħala massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.
(3)Huwa neċessarju li dan il-Ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir jinkorpora din id-definizzjoni l-ġdida sabiex jarmonizza bis-sħiħ ir-reġim ta’ soġġorn qasir tal-Unjoni.
(4)Il-Kummissjoni nnegozjat ftehim f’isem l-Unjoni ftehim mar-Repubblika tas-Seychelles li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (“il-Ftehim”).
(5)B'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/[…], il-Ftehim ġie ffirmat.
(6)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE. Għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.
(7)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE. Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,
(8)Għaldaqstant, il-Ftehim għandu jiġi approvat.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jagħti, f'isem l-Unjoni, in-notifika li jipprovdi għaliha l-Artikolu 2 tal-Ftehim.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President