SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
4 ta’ Settembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Drittijiet tas-suġġett tad-data – Artikolu 17 – Dritt għat-tħassir tad-data – Artikolu 18 – Dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar – Artikolu 79 – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Ipproċessar illegali ta’ data personali – Rikors intiż sabiex il-kontrollur jiġi ordnat jastjeni ruħu milli jwettaq, fil-ġejjieni, kull ipproċessar illegali ġdid – Bażi – Kundizzjonijiet – Artikolu 82(1) – Dritt għal kumpens – Kunċett ta’ ‘dannu morali’ – Evalwazzjoni tal-kumpens – Teħid inkunsiderazzjoni eventwali tal-gravità tan-nuqqas tal-kontrollur – Eventwali effett tal-benefiċċju ta’ ‘ordni ta’ astensjoni’”
Fil-Kawża C‑655/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Settembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura
IP
vs
Quirin Privatbank AG
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, N. Jääskinen (Relatur), A. Arabadjiev, M. Condinanzi u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal IP, minn M. Rodenhausen, Rechtsanwältin, |
|
– |
għal Quirin Privatbank AG, minn F. Buchmann, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar u M. Heller, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 17, 18, 79, 82 u 84 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn IP, persuna fiżika, u Quirin Privatbank AG, kumpannija, dwar it-talba ta’ din il-persuna intiża, minn naħa, sabiex din il-kumpannija tiġi ordnata tastjeni minn żvelar ġdid mhux awtorizzat lil terz tad-data personali tagħha u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu morali allegatament subit wara l-iżvelar inizjali ta’ din id-data. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 1, 10, 11, 75, 85 u 146 tal-GDPR huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 tal-GDPR, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.” |
|
5 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]
[…]
[…]
[…]”. |
|
6 |
Il-Kapitolu II tal-GDPR, bit-titolu “Prinċipji”, jinkludi fih l-Artikoli 5 sa 11 ta’ dan ir-regolament. |
|
7 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi: “1. Id-data personali għandha:
[…]
2. Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).”. |
|
8 |
L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:
[…]”. |
|
9 |
Il-Kapitolu III tar-GDPR, bit-titolu “Drittijiet tas-suġġett tad-data”, jinkludi l-Artikoli 12 sa 23 ta’ dan ir-regolament. |
|
10 |
Fit-Taqsima 3, bit-titolu “Rettifika u tħassir”, ta’ dan il-Kapitolu III, l-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’)”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin: […]
[…]”. |
|
11 |
L-Artikolu 18 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar”, li jinsab ukoll f’din it-Taqsima 3, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur ir-restrizzjoni tal-ipproċessar fejn tkun tapplika waħda minn dawn: […]
[…]”. |
|
12 |
Il-Kapitolu VIII tal-GDPR, intitolat “Rimedji, responsabbiltà u pieni”, jinkludi l-Artikoli 77 sa 84 ta’ dan ir-regolament. |
|
13 |
L-Artikolu 77 tal-GDPR huwa intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja” u l-Artikolu 78 ta’ dan ir-regolament huwa intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja”. |
|
14 |
L-Artikolu 79 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidra li nkisru d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.”. |
|
15 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 82 tal-GDPR, intitolat “Dritt għal kumpens u responsabbiltà”: “1. Kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali [morali] b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab. […] 3. Kontrollur jew proċessur għandu jkun eżentat mir-responsabbiltà taħt il-paragrafu 2 jekk jagħti prova li bl-ebda mod m’huwa responsabbli għall-avveniment li wassal għad-dannu. […]”. |
|
16 |
L-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li: “ […] Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f’kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:
[…]
|
|
17 |
L-Artikolu 84 tal-imsemmi regolament, intitolat “Pieni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-pieni oħrajn applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament b’mod partikolari għal ksur li ma jkunx soġġett għal multi amministrattivi skont l-Artikolu 83, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.” |
Id‑dritt Ġermaniż
|
18 |
L-Artikolu 2(1) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) tat‑23 ta’ Mejju 1949 (BGBI. 1949 I, p. 1), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej: “Kulħadd għandu dritt għall-iżvilupp liberu tal-personalità tiegħu, sakemm ma jiksirx id-drittijiet ta’ ħaddieħor, l-ordni kostituzzjonali jew il-liġi morali.” |
|
19 |
L-Artikolu 253 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili. il-Ġermanja), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BGB”), bit-titolu “Dannu immaterjali”, jipprevedi: “(1) Huwa possibbli li jintalab kumpens fi flus għal dannu mhux patrimonjali biss fil-każijiet speċifikati mil-liġi. (2) Meta d-danni għandhom jitħallsu fir-rigward ta’ leżjoni fiżika, ta’ dannu għas-saħħa, għal-libertà jew għall-awtodeterminazzjoni sesswali, jista’ jintalab ukoll kumpens ekwu fi flus għad-dannu mhux patrimonjali.” |
|
20 |
L-Artikolu 823 tal-BGB, bit-titolu “Obbligu ta’ kumpens għal dannu”, jipprovdi: “(1) Kull min, meta jaġixxi intenzjonalment jew b’negliġenza, jagħmel ħsara b’mod illegali lill-ħajja, lill-ġisem, lis-saħħa, lil-libertà, lill-proprjetà jew kull dritt ieħor ta’ ħaddieħor, huwa obbligat jikkumpensah għad-dannu li jirriżulta minn dan. (2) L-istess obbligu japplika għal kull min jikser liġi maħsuba biex tipproteġi persuna oħra. Jekk, skont il-kontenut tal-liġi, ksur tal-liġi huwa possibbli anki mingħajr ħtija, l-obbligu li jitħallas kumpens iseħħ biss fil-każ ta’ ħtija.” |
|
21 |
L-Artikolu 1004 tal-BGB, intitolat “Mandati ta’ inibizzjoni u astensjoni” jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu: “Jekk id-dannu lill-proprjetà jirriżulta minħabba raġuni li ma hijiex il-privazzjoni jew iż-żamma tal-pussess, il-propjetarju jista’ jitlob lil min ikun ikkawża d-dannu li jwaqqaf tali aġir. Jekk il-proprjetarju jibża’ li jista’ jsir iktar dannu lill-proprjetà, huwa jista’ jirrikorri għall-proċedura ta’ inġunzjoni.” |
|
22 |
Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 1004 tal-BGB huwa applikabbli b’analoġija, fil-kawża prinċipali, għall-ksur ta’ drittijiet assoluti jew għall-ksur ta’ liġi intiża li tipproteġi lil persuna oħra fis-sens, rispettivament, tal-paragrafu (1) u tal-paragrafu (2) tal-Artikolu 823 ta’ dan il-kodiċi. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
23 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali applika, permezz ta’ netwerk soċjali professjonali online, għal impjieg ma’ Quirin Privatbank, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż. Sussegwentement, impjegata ta’ din il-kumpannija użat is-servizz ta’ posta elettronika ta’ dan in-netwerk sabiex tibgħat lil terz, li ma kienx involut f’dan il-proċess ta’ reklutaġġ, messaġġ li kien intiż biss għar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li fih hija kienet qiegħda tinforma lil dan tal-aħħar biċ-ċaħda tal-aspettattivi salarjali tiegħu u offrietlu remunerazzjoni oħra (iktar ’il quddiem il-“messaġġ inkwistjoni”). Dan it-terz, li kien jaf lir-rikorrent fil-kawża prinċipali minħabba li kien ħadem miegħu preċedentement, bagħatlu dan il-messaġġ u staqsieh jekk kienx qiegħed ifittex xogħol. |
|
24 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta, quddiem il-Landgericht Darmstadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Darmstadt, il-Ġermanja), azzjoni intiża sabiex Quirin Privatbank tiġi kkundannata, minn naħa, tastjeni ruħha minn kull ipproċessar tad-data personali li tirrigwardah b’rabta mal-kandidatura tiegħu li jirrepeti l-iżvelar mhux awtorizzat ta’ din id-data sussegwentement għat-trażmissjoni tal-messaġġ inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tħallsu danni bħala kumpens għad-dannu morali li rriżulta minn dan l-avveniment. Huwa sostna, essenzjalment, li dan id-dannu kien ir-riżultat tat-tħassib tiegħu ġġenerat mill-fatt li minn tal-inqas terz wieħed, li kien jafu u li kien jaħdem fl-istess settur professjonali bħalu, kien tqiegħed f’pożizzjoni li jittrasmetti din id-data kunfidenzjali lil persuni li jimpjegaw preċedenti jew potenzjali, li jibbenefika minn vantaġġ fil-konfront tiegħu f’eventwali sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni għal reklutaġġ u li jipperċepixxi l-umiljazzjoni li huwa ħass fil-kuntest tal-falliment tan-negozjati tiegħu dwar is-salarju. |
|
25 |
Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2020, il-qorti tal-ewwel istanza kkundannat lil Quirin Privatbank sabiex tastjeni mill-aġir imsemmi fit-talba u sabiex tħallas lir-rikorrent fil-kawża prinċipali danni fl-ammont ta’ EUR 1000, flimkien mal-interessi. Quirin Privatbank appellat minn din is-sentenza. |
|
26 |
Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2022, l-Oberlandesgericht Frankfurt (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt, il-Ġermanja) bidlet parzjalment l-imsemmija sentenza. Hija qieset li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu d-dritt, abbażi l-Artikolu 17(1) tal-GDPR, li jeżiġi li Quirin Privatbank tastjeni ruħha, fil-ġejjieni, milli tipproċessa d-data personali tagħha f’forma analoga għal dik tal-messaġġ inkwistjoni u li kien hemm riskju ta’ reċidiva f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet it-talba għad-danni abbażi tal-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, għar-raġuni li għalkemm ċertament kien hemm ksur tar-regoli ta’ protezzjoni tad-data personali, minħabba t-trażmissjoni ta’ tali data lil terz mhux involut, madankollu r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx ipproduċa l-prova ta’ dannu konkret u minħabba li, anki jekk jitqies li huwa kien ġie suġġett għal umiljazzjoni, din ma tistax tiġi kklassifikata bħala dannu morali. |
|
27 |
Kemm ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kif ukoll Quirin Privatbank ippreżentaw appelli għal reviżjoni minn din is-sentenza quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li hija l-qorti tar-rinviju. Quddiem dik il-qorti, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni t-talbiet inizjali tiegħu, filwaqt li Quirin Privatbank titlob li dawn jiġu miċħuda fl-intier tagħhom. |
|
28 |
Il-Qorti tar-rinviju tqis li l-operazzjonijiet ikkontestati mill-imsemmi rikorrent jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR. Hija tindika li dawn l-operazzjonijiet jikkostitwixxu “ipproċessar” ta’ “data personali” tas-“suġġett tad-data” u li Quirin Privatbank għandha l-kwalità ta’ “kontrollur”, fis-sens tal-punti 1, 2 u 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Fil-fehma tagħha, huwa paċifiku li l-imsemmija operazzjonijiet, li kellhom il-forma ta’ trażmissjoni mhux awtorizzata ta’ tali data lil “terz”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, kisru dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u huma ta’ natura illegali skont l-Artikolu 6(1) tal-istess regolament, b’mod partikolari għaliex ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx ta l-kunsens tiegħu għalihom. |
|
29 |
Dik il-qorti għandha dubji, l-ewwel nett, jekk il-GDPR jagħtix, lil persuna li d-data personali tagħha kienet is-suġġett ta’ pproċessar illegali, id-dritt li teżiġi li l-kontrollur jastjeni milli jirrepeti dan l-ipproċessar, inkluż meta dan is-suġġett tad-data ma jitlobx it-tħassir tad-data tiegħu. Fid-dawl tal-ġurisprudenza nazzjonali u tad-dibattiti dottrinali dwar dan is-suġġett, l-imsemmija qorti tixtieq tkun taf jekk dan id-dritt, li fir-rigward tiegħu hija tippreċiża li huwa eżerċitat b’mod purament preventiv, jistax jirriżulta mill-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, dwar id-dritt għal tali tħassir, mill-Artikolu 18 tiegħu, dwar id-dritt għal-limitazzjoni tal-ipproċessar, mill-Artikolu 79 tal-imsemmi regolament, dwar id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-kontrollur jew il-proċessur, jew minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-istess regolament. |
|
30 |
It-tieni nett, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha stess ibbażata fuq l-Artikolu 2 tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u fuq applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 823 u 1004 tal-BGB, minn naħa, jekk tali dritt li l-kontrollur jintalab jastjeni minn ksur ġdid tal-GDPR huwiex suġġett għall-eżistenza ta’ riskju ta’ reċidiva u, min-naħa l-oħra, jekk dan l-istess dritt għandux, jekk ikun il-każ, jiġi preżunt fid-dawl tal-ksur inizjali. |
|
31 |
It-tielet nett, fil-każ kuntrarju, fejn tingħata risposta fin-negattiv għaż-żewġ partijiet tal-ewwel domanda tagħha, dik il-qorti tistaqsi jekk minn qari flimkien tal-Artikoli 79 u 84 tal-GDPR, li jirrigwardaw, rispettivament, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-kontrollur u s-sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur ta’ dan ir-regolament, jirriżultax li qorti ta’ Stat Membru hija awtorizzata timponi tali astensjoni fuq il-kontrollur abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, filwaqt li tagħti lis-suġġett tad-data l-benefiċċju tad-drittijiet previsti fl-Artikoli 17, 18 u 82 tal-imsemmi regolament. |
|
32 |
Ir-raba’ nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett id-dritt għal kumpens għal dannu abbażi tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessi 75 u 85 tiegħu. Hija tistaqsi, b’mod iktar partikolari, liema huma l-elementi li jippermettu li jiġi kkonstatat li hemm “dannu morali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 82(1), fil-każ fejn is-suġġett tad-data jinvoka biss emozzjonijiet negattivi, li, skont dik il-qorti, jaqgħu taħt ir-riskji ġenerali tal-ħajja ta’ kuljum. |
|
33 |
Il-ħames nett, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk il-gravità tan-nuqqas imwettaq mill-kontrollur għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kumpens għal dannu morali dovut abbażi tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR. Hija tippreċiża li, fid-dritt Ġermaniż, il-kumpens pekunjarju ta’ dannu mhux materjali jeħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-gravità tan-nuqqas tal-awtur tad-dannu, peress li dan il-kumpens jissodisfa kemm funzjoni ta’ kumpens għad-dannu mġarrab mill-persuna leża kif ukoll funzjoni ta’ sodisfazzjon dovuta lil din il-persuna minn dan l-awtur, konformement ma’ ġurisprudenza dwar l-Artikolu 253 tal-BGB. |
|
34 |
Is-sitt nett, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal waħda miż-żewġ partijiet tal-ewwel domanda tagħha jew għat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt li suġġett tad-data jeżiġi li l-kontrollur jastjeni minn ksur ġdid tal-GDPR jikkostitwixxix kriterju rilevanti sabiex il-kumpens għal dannu morali abbażi tal-Artikolu 82(1) ta’ dan ir-regolament jitnaqqas, jew saħansitra jiġi eskluż, hekk kif huwa possibbli abbażi tad-dritt Ġermaniż. |
|
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel sat-tielet domanda
|
36 |
Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprevedu, favur is-suġġett tad-data kkonċernat mill-ipproċessar illegali ta’ data personali, fil-każ fejn dan is-suġġett tad-data ma jitlobx li d-data tiegħu titħassar, rimedju ġudizzjarju li jippermettilu jikseb, b’mod preventiv, ordni kontra l-kontrollur sabiex dan tal-aħħar jastjeni milli jwettaq, fil-ġejjieni, ipproċessar illegali ġdid, u jekk, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux lill-Istati Membri milli jipprevedu tali rimedju ġudizzjarju fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom. |
|
37 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke,C‑21/23, EU:C:2024:846, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-GDPR huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ dritt li kull persuna fiżika għandha li tibbenefika minn protezzjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernaha. Din il-protezzjoni tikkostitwixxi dritt fundamentali, sanċit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta, li għalih tagħmel riferiment il-premessa 1 ta’ dan ir-regolament. L-għan li l-effettività ta’ dan id-dritt fundamentali tiġi ggarantita, billi tiġi żgurata protezzjoni ta’ livell għoli u ekwivalenti fl-Istati Membri kollha, jipprevali fuq l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament, hekk kif dan jirriżulta mill-Artikolu 1 mill-premessa 10 tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2023, Ministerstvo zdravotnictví (Applikazzjoni mobbli Covid-19),C‑659/22, EU:C:2023:745, punt 28; tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Patērētāju tiesību aizsardzības centrs,C‑507/23, EU:C:2024:854, punt 28, kif ukoll tat‑3 ta’ April 2025, Ministerstvo zdravotnictví (Data dwar ir-rappreżentant ta’ persuna ġuridika),C‑710/23, EU:C:2025:231, punt 29). |
|
39 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull ipproċessar ta’ data personali għandu josserva kemm il-prinċipji li jirregolaw l-ipproċessar ta’ tali data kif ukoll id-drittijiet tas-“suġġett tad-data”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, li huma stabbiliti, rispettivament, fil-Kapitoli II u III ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, dan għandu jkun konformi mal-prinċipji dwar l-ipproċessar ta’ din id-data previsti fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament u għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar elenkati fl-Artikolu 6 tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2024, K GmbH (Ipproċessar ta’ data personali tal-impjegati),C‑65/23, EU:C:2024:1051, punt 46, u tat-3 ta’ April 2025, Ministerstvo zdravotnictví (Data dwar ir-rappreżentant ta’ persuna ġuridika),C‑710/23, EU:C:2025:231, punt 33). |
|
40 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 32, 34 u 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 8 tal-Karta jiddikjara, fil-paragrafu (1) tiegħu, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iżda jimponi wkoll, fil-paragrafu (2) tiegħu, li din id-data tiġi pproċessata fl-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, li minnhom tiddependi l-legalità tal-ipproċessar inkwistjoni. Bl-istess mod, l-obbligi imposti fuq il-kontrollur, stabbiliti fil-Kapitolu II tal-GDPR, għandhom bħala korollarju drittijiet speċifiċi previsti minn dan ir-regolament u mogħtija lis-suġġetti tad-data. Għalhekk, dawn tal-aħħar jibbenefikaw minn dritt għal ipproċessar legali tad-data personali tagħhom, li huwa l-korollarju tal-obbligu ġenerali, impost fuq dan il-kontrollur, li ma jipproċessax tali data b’mod mhux konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmi regolament. |
|
41 |
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-ġustizzja ripetutament iddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-Karta, ma għandux l-effett li jġiegħel lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedji ġudizzjarji differenti minn dawk stabbiliti mid-dritt intern, sakemm, madankollu, mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni ma jsegwix li ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Barało,C‑530/23, EU:C:2025:322, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
F’dan il-każ, għandu qabelxejn jiġi enfasizzat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax il-possibbiltà li l-qorti nazzjonali tadotta miżuri provviżorji, iżda l-eventwali possibbiltà li s-suġġett tad-data jikseb fuq il-mertu, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja ta’ natura preventiva, ordni li tipprojbixxi lill-kontrollur milli jwettaq ksur ġdid ta’ dawn id-drittijiet. |
|
43 |
Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-GDPR ma jinkludix dispożizzjonijiet li jipprevedu, espliċitament jew impliċitament, li s-suġġett tad-data jibbenefika, hekk kif tipprevedi l-qorti tar-rinviju, minn dritt li jikseb b’mod preventiv, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, ordni li timponi fuq il-kontrollur ta’ data personali l-obbligu li jastjeni ruħu, fil-ġejjieni, milli jwettaq ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, b’mod iktar partikolari fil-forma ta’ ripetizzjoni ta’ pproċessar illegali. B’mod partikolari, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 sa 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali dritt la jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament u lanqas mill-Artikolu 18 tiegħu. |
|
44 |
Fir-rigward tal-Kapitolu VIII tal-GDPR, għandu jitfakkar li dan il-kapitolu jirregola, b’mod partikolari, ir-rimedji ġudizzjarji li jippermettu li jiġu protetti d-drittijiet tas-suġġett tad-data meta d-data personali li tikkonċernah kienet is-suġġett ta’ pproċessar allegatament kuntrarju għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Is-suġġett tad-data jista’ jitlob, direttament, il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet, b’mod partikolari, b’applikazzjoni tal-Artikoli 77 sa 79 tal-imsemmi regolament, li jipprevedu diversi rimedji ġudizzjarji li jistgħu jiġu eżerċitati b’mod simultanju u indipendenti minn dan is-suġġett tad-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke,C‑21/23, EU:C:2024:846, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2025, Inspektorat kam Visshia sadeben savet,C‑313/23, C‑316/23 u C‑332/23, EU:C:2025:303, punt 128 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII tal-GDPR jirriżulta li ebda waħda minnhom ma tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu rimedju preventiv bħal dak deskritt fil-punt 42 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, it-test tal-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament sempliċement jipprevedi li, bla ħsara għal kull rimedju amministrattiv jew extraġudizzjarju li jkun disponibbli għas-suġġett tad-data, dan tal-aħħar għandu dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv jekk huwa jqis li d-drittijiet mogħtija lilu mill-imsemmi regolament inkisru minħabba pproċessar tad-data personali tiegħu mwettaq bi ksur tal-istess regolament. Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu rimedju ġudizzjarju speċifiku li jippermetti l-ksib, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja u b’mod preventiv, ordni ta’ astensjoni bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju. |
|
46 |
Madankollu, fid-dawl tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII tal-GDPR u, b’mod partikolari, tar-rikonoxximent, mill-Artikolu 79(1) tiegħu, tad-dritt li kull suġġett tad-data jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv jekk huwa jqis li d-drittijiet mogħtija lilu minn dan ir-regolament inkisru minħabba pproċessar tad-data personali tiegħu mwettaq bi ksur tal-imsemmi regolament, “mingħajr preġudizzju” għal kull rimedju amministrattiv jew extraġudizzjarju ieħor, għandu jitqies li l-Istati Membri ma humiex preklużi milli jipprevedu tali rimedju preventiv sabiex il-kontrollur jiġi ordnat jastjeni minn kull ksur ġdid ta’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke,C‑21/23, EU:C:2024:846, punt 53). |
|
47 |
Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li għalkemm il-GDPR huwa intiż li jiżgura armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali li hija, bħala prinċipju, kompleta, xorta jibqa’ l-fatt li diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jiftħu espressament il-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu regoli nazzjonali supplimentari, iktar stretti jew derogatorji, li jħallu lil dawn tal-aħħar marġni ta’ evalwazzjoni dwar il-mod kif dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu implimentati (“klawżoli ta’ ftuħ”) (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke,C‑21/23, EU:C:2024:846, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Ċertament, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII tal-GDPR ma jinkludux speċifikament tali klawżola ta’ ftuħ li tippermetti, espressament, li l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà li suġġett tad-data, li jixtieq jipprekludi lill-kontrollur milli jikser dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dan ir-regolament, jippreżenta rikors sabiex jikseb, fil-konfront tal-kontrollur, ordni ta’ astensjoni milli jaġixxi f’dan is-sens. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jwettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u, b’mod partikolari, ma eskludiex tali possibbiltà ta’ rimedji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke,C‑21/23, EU:C:2024:846, punti 59 u 60). |
|
49 |
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għanijiet imfittxija mill-GDPR. Fil-fatt, hekk kif indikat fil-premessa 10 tiegħu, dan ir-regolament huwa intiż b’mod partikolari, sabiex jiżgura livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernahom. Barra minn hekk, il-premessa 11 tal-imsemmi regolament tistabbilixxi, b’mod partikolari, li protezzjoni effettiva ta’ din id-data teżiġi t-tisħiħ tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u tal-obbligi ta’ dawk li jwettqu u jiddeterminaw l-ipproċessar tad-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke,C‑21/23, EU:C:2024:846, punt 61). |
|
50 |
Issa, il-possibbiltà li s-suġġett tad-data jippreżenta rikors ġudizzjarju sabiex kontrollur jiġi ordnat jastjeni, fil-ġejjieni, minn ksur tad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-GDPR ma tippreġudikax dawn l-għanijiet iżda hija, għall-kuntrarju, ta’ natura li ssaħħaħ l-effett utli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u għalhekk il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, previst minn dan ir-regolament. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII tal-GDPR ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti tali possibbiltà ta’ rimedju preventiv lis-suġġett tad-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke,C‑21/23, EU:C:2024:846, punti 62 u 73). |
|
51 |
Minn dan isegwi li l-GDPR ma jipprekludix li dritt għal azzjoni legali intiż għall-ksib ta’ ordni li tippermetti l-prevenzjoni ta’ eventwali twettiq ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari permezz ta’ ripetizzjoni potenzjali ta’ pproċessar illegali, ikun disponibbli abbażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt ta’ Stat Membru li jkunu applikabbli quddiem il-qorti nazzjonali adita. |
|
52 |
Fid-dawl tal-motivi kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprevedux, favur is-suġġett tad-data kkonċernat mill-ipproċessar illegali ta’ data personali, fil-każ fejn dan is-suġġett tad-data ma jitlobx li d-data tiegħu titħassar, rimedju ġudizzjarju li jippermettilu jikseb, b’mod preventiv, ordni kontra l-kontrollur sabiex dan tal-aħħar jastjeni milli jwettaq, fil-ġejjieni, ipproċessar illegali ġdid. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lill-Istati Membri milli jipprevedu tali rimedju ġudizzjarju fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom. |
Fuq ir-raba’ domanda
|
53 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “dannu morali” previst f’din id-dispożizzjoni jinkludi emozzjonijiet negattivi mġarrba mis-suġġett tad-data wara trażmissjoni mhux awtorizzata tad-data personali tiegħu lil terz, bħall-biża’ jew il-frustrazzjoni, li huma kkawżati minn telf ta’ kontroll fuq din id-data, minn użu abbużiv potenzjali tagħha jew minn preġudizzju għar-reputazzjoni tiegħu. |
|
54 |
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR jipprevedi li kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali [morali] b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab. |
|
55 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl tal-assenza ta’ kwalunkwe riferiment, fl-Artikolu 82(1) tal-GDPR, għad-dritt intern tal-Istati Membri, il-kunċett ta’ “dannu morali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jingħata definizzjoni awtonoma u uniformi, speċifika għad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2024, MediaMarktSaturn,C‑687/21, EU:C:2024:72, punt 64, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata,C‑200/23, EU:C:2024:827, punt 139 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, b’mod partikolari fid-dawl tal-premessi 75, 85 u 146 tal-GDPR, li s-sempliċi ksur ta’ dan ir-regolament ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti dritt għal kumpens skont l-Artikolu 82(1) tiegħu. L-eżistenza ta’ “dannu”, materjali jew morali, jew ta’ “dannu” li jkun “ġie mġarrab”, ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament kif ukoll ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u dan il-ksur jikkostitwixxu t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi, neċessarji u suffiċjenti, ta’ dan id-dritt għal kumpens. Għalhekk, is-suġġett tad-data li jitlob kumpens għal dannu morali abbażi ta’ dan l-Artikolu 82(1) għandu jistabbilixxi mhux biss il-ksur ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll li dan il-ksur effettivament ikkawżalu tali dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 32, 33, 37 u 42; tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata,C‑200/23, EU:C:2024:827, punti 140 sa 142, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Patērētāju tiesību aizsardzības centrs,C‑507/23, EU:C:2024:854, punti 24 u 25). |
|
57 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tesponi li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jinvoka essenzjalment, bħala dannu morali li huwa jafferma li ġarrab, minħabba l-ksur tal-GDPR inkwistjoni, “il-biża’ tat-trażmissjoni tad-data lil terzi li jaħdmu fl-istess settur, il-fatt li persuna kisbet għarfien ta’ informazzjoni li fir-rigward tagħha għandu bħala prinċipju jkun hemm diskrezzjoni [kif ukoll] l-umiljazzjoni marbuta maċ-ċaħda tal-aspettattivi salarjali tiegħu u mal-fatt li terzi jsiru jafu b’dan”. Dik il-qorti tistaqsi jekk “emozzjonijiet negattivi bħal frustrazzjoni, diżappunt, insodisfaċenza, tħassib u biża’” li hija tikklassifika bħala li jagħmlu “parti mir-riskju ġenerali tal-ħajja”, humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta “dannu morali” fis-sens tal-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, jew inkella jekk huwiex meħtieġ li s-suġġett tad-data jkun ġarrab preġudizzju li jmur lil hinn minn dawn l-emozzjonijiet. |
|
58 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR jipprekludi regola jew prattika nazzjonali li tissuġġetta l-kumpens għal “dannu morali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-kundizzjoni li d-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data jkun laħaq ċertu livell ta’ gravità. L-imsemmija dispożizzjoni ma teżiġix li dannu morali allegat mis-suġġett tad-data għandu jilħaq “livell de minimis” sabiex dan id-dannu jkun jista’ jiġi kkumpensat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 51, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata,C‑200/23, EU:C:2024:827, punti 147 u 149). |
|
59 |
Fit-tieni lok, kif osservat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sitwazzjonijiet, bħal dawk invokati fit-tilwima fil-kawża prinċipali, relatati ma’ “ħsara għar-reputazzjoni” li tirriżulta minn ksur ta’ data personali jew ma’ “telf ta’ kontroll” fuq tali data, jinsabu espliċitament fost l-eżempji ta’ danni possibbli li huma elenkati fil-premessi 75 u 85 tal-GDPR. |
|
60 |
B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li mil-lista illustrattiva tad-“danni” li jistgħu jiġu mġarrba mis-suġġetti tad-data li hija stabbilita fl-ewwel sentenza tal-premessa 85 tal-GDPR jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jinkludi f’dawn iż-żewġ kunċetti, b’mod partikolari, is-sempliċi “telf ta’ kontroll” fuq id-data personali ta’ dawn is-suġġetti tad-data stess, wara ksur ta’ dan ir-regolament, anki jekk ma kienx hemm użu abbużiv konkret tad-data inkwistjoni. Tali telf ta’ kontroll jista’ jkun biżżejjed sabiex jikkawża “dannu morali”, fis-sens tal-Artikolu 82(1) tal-imsemmi regolament, sakemm is-suġġett tad-data juri li huwa effettivament ġarrab tali dannu, anki jekk minimu, mingħajr ma dan il-kunċett ta’ “dannu morali” ma jeħtieġ li tintwera l-eżistenza ta’ konsegwenzi negattivi tanġibbli addizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata,C‑200/23, EU:C:2024:827, punti 145, 150 u 156 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-biża’, li jinħass mis-suġġett tad-data, li d-data personali tiegħu tkun is-suġġett ta’ użu abbużiv fil-ġejjieni, wara ksur tal-GDPR, tista’ tikkostitwixxi, waħedha, “dannu morali”, fis-sens tal-Artikolu 82(1) tiegħu, bil-kundizzjoni li din il-biża’, bil-konsegwenzi negattivi tagħha, tkun debitament ipprovata, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali adita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 2024, PS (Indirizz żbaljat),C‑590/22, EU:C:2024:536, punti 32, 35 u 36, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata,C‑200/23, EU:C:2024:827, punti 143, 144 u 155 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
62 |
Għalhekk, għalkemm l-emozzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari l-biża’ jew il-frustrazzjoni, jistgħu barra minn hekk jagħmlu parti mir-riskju ġenerali tal-ħajja ta’ kuljum, hekk kif tosserva dik l-istess qorti, tali emozzjonijiet negattivi jistgħu jikkostitwixxu “dannu morali”, fis-sens tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR, dejjem sakemm, konformement mar-rekwiżit ta’ rabta kawżali mfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, is-suġġett tad-data juri li huwa qiegħed iġarrab tali emozzjonijiet, bil-konsegwenzi negattivi tagħhom, preċiżament minħabba l-ksur inkwistjoni ta’ dan ir-regolament, bħal trażmissjoni mhux awtorizzata tad-data personali tiegħu lil terz li toħloq ir-riskju ta’ użu abbużiv tagħha, punt li għandu jiġi evalwat mill-qrati nazzjonali aditi. |
|
63 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-formulazzjoni tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessi 85 u 146 ta’ dan ir-regolament, li jsejħu għal interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “dannu morali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 82(1). Barra minn hekk, din hija sostnuta mill-għan tal-imsemmi regolament, li jirriżulta mill-Artikolu 1 u mill-premessi 1 u 10 tiegħu, li huwa dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Gemeinde Ummendorf,C‑456/22, EU:C:2023:988, punti 19 u 20, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata,C‑200/23, EU:C:2024:827, punti 144 u 146). |
|
64 |
Fid-dawl tal-motivi esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “dannu morali” previst f’din id-dispożizzjoni jinkludi emozzjonijiet negattivi mġarrba mis-suġġett tad-data wara trażmissjoni mhux awtorizzata tad-data personali tiegħu lil terz, bħall-biża’ jew il-frustrazzjoni, li huma kkawżati minn telf ta’ kontroll fuq din id-data, minn użu abbużiv potenzjali tagħha jew minn preġudizzju għar-reputazzjoni tiegħu, dejjem sakemm is-suġġett tad-data juri li huwa qiegħed iġarrab tali emozzjonijiet, bil-konsegwenzi negattivi tagħhom, minħabba l-ksur inkwistjoni ta’ dan ir-regolament. |
Fuq il-ħames domanda
|
65 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza li l-grad ta’ gravità tan-nuqqas imwettaq mill-kontrollur jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kumpens għal dannu morali dovut abbażi ta’ dan l-Artikolu 82(1). |
|
66 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, peress li l-GDPR ma jinkludix dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jiddefinixxu r-regoli dwar l-evalwazzjoni tad-danni dovuti abbażi tad-dritt għal kumpens sanċit fl-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, il-qrati nazzjonali għandhom, għal dan l-għan, japplikaw ir-regoli interni ta’ kull Stat Membru dwar il-portata tal-kumpens pekunjarju, dejjem sakemm jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 54 u 59, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Patērētāju tiesību aizsardzības centrs,C‑507/23, EU:C:2024:854, punt 32). |
|
67 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-grad ta’ gravità tan-nuqqas tal-awtur tad-dannu, li huwa kriterju previst fid-dritt Ġermaniż għall-evalwazzjoni tal-kumpens pekunjarju għad-danni mhux materjali, jistax japplika wkoll fir-rigward tal-kumpens għal dannu morali bbażat fuq l-Artikolu 82 tal-GDPR. |
|
68 |
Mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li wħud minnhom ingħataw wara t-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta li din il-ħames domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv. |
|
69 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-funzjoni kumpensatorja tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82 tal-GDPR, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw kumpens “sħiħ u effettiv” għad-dannu mġarrab, kif indikat fil-premessa 146 ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma jkun neċessarju, għall-finijiet ta’ tali kumpens sħiħ, li jiġi impost il-ħlas ta’ danni punittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 57 u 58, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Patērētāju tiesību aizsardzības centrs,C‑507/23, EU:C:2024:854, punt 34). |
|
70 |
B’differenza minn dak li l-Artikolu 83 tal-GDPR jipprevedi għall-multi amministrattivi, li l-kriterji tagħhom ma humiex applikabbli mutatis mutandis fil-kuntest tal-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, id-dritt għal kumpens previst f’dan l-Artikolu 82, b’mod partikolari fil-każ ta’ dannu morali, jaqdi funzjoni esklużivament kumpensatorja, sa fejn kumpens pekunjarju bbażat fuq l-imsemmi Artikolu 82 għandu jippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu konkretament imġarrab minħabba l-ksur tal-imsemmi regolament, u mhux funzjoni dissważiva jew punittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata,C‑200/23, EU:C:2024:827, punt 153, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Patērētāju tiesību aizsardzības centrs,C‑507/23, EU:C:2024:854, punti 39 sa 41). |
|
71 |
Għalhekk, minn naħa, l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-kontrollur abbażi tal-Artikolu 82 tal-GDPR huwa suġġett għall-eżistenza ta’ nuqqas imwettaq minnu, li huwa preżunt, sakemm dan tal-aħħar ma jipprovax li l-fatt li kkawża d-dannu bl-ebda mod ma huwa imputabbli lilu, u, min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 82 ma jeħtieġx li l-grad ta’ gravità ta’ dan in-nuqqas jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tad-danni mogħtija bħala kumpens għal dannu morali abbażi tal-imsemmi artikolu (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata,C‑200/23, EU:C:2024:827, punt 154). |
|
72 |
B’mod iktar preċiż, il-funzjoni esklużivament kumpensatorja tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82(1) tal-GDPR tipprekludi li l-grad ta’ gravità u l-eventwali natura intenzjonali tal-ksur ta’ dan ir-regolament imwettaq mill-kontrollur jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kumpens għal dannu fuq din il-bażi. Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, l-attitudni u l-motivazzjoni tal-kontrollur ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex, jekk ikun il-każ, is-suġġett tad-data jingħata kumpens iżgħar mid-dannu konkret li huwa jkun ġarrab, kemm jekk fir-rigward tal-ammont kif ukoll jekk fir-rigward tal-forma ta’ dan il-kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Patērētāju tiesību aizsardzības centrs,C‑507/23, EU:C:2024:854, punti 42 sa 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
Fid-dawl tal-motivi esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-grad ta’ gravità tan-nuqqas imwettaq mill-kontrollur jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kumpens għal dannu morali dovut abbażi ta’ dan l-artikolu. |
Fuq is-sitt domanda
|
74 |
Is-sitt domanda saret fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv jew għal waħda mill-partijiet tal-ewwel domanda, jew għat-tielet domanda, jiġifieri fil-każ li jitqies, essenzjalment, li d-dritt tas-suġġett tad-data li jeżiġi li l-kontrollur jastjeni, fil-ġejjieni, minn ksur ġdid ta’ data personali huwa rrikonoxxut mill-GDPR, direttament bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tiegħu jew permezz ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali awtorizzata minn dan ir-regolament. Fid-dawl tar-risposta unika mogħtija għall-ewwel sat-tielet domanda, esposta fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, hemm lok li tingħata risposta għal din is-sitt domanda. |
|
75 |
Sabiex tippreċiża s-suġġett ta’ din l-aħħar domanda, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont id-dritt Ġermaniż u l-ġurisprudenza tagħha stess, il-fatt li persuna li tkun ġarrbet dannu morali talbet, jew saħansitra kisbet, li l-awtur ta’ dan id-dannu jiġi mġiegħel jastjeni minn atti dannużi ġodda jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex il-kumpens pekunjarju għal dan id-dannu jitnaqqas, jew saħansitra jiġi eskluż. Hija tistaqsi jekk dan il-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-kumpens għad-dannu jistax jiġi applikat ukoll fil-kuntest tal-GDPR, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, u, jekk dan huwa l-każ, sa liema punt. |
|
76 |
Għalhekk, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li s-suġġett tad-data jkun kiseb, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, ordni ta’ astensjoni minn ripetizzjoni ta’ ksur ta’ dan ir-regolament, invokabbli fil-konfront tal-kontrollur, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex titnaqqas il-portata tal-kumpens pekunjarju għal dannu morali dovut abbażi tal-Artikolu 82(1) jew saħansitra li din l-ordni sservi ta’ sostitut għal dan il-kumpens. |
|
77 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, kif indikat fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, il-GDPR ma jinkludix dispożizzjonijiet li jiddefinixxu r-regoli ta’ evalwazzjoni tad-danni dovuti abbażi tal-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li l-qrati nazzjonali għandhom, għal dan l-għan, japplikaw ir-regoli interni ta’ kull Stat Membru dwar il-portata tal-kumpens pekunjarju, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni. |
|
78 |
B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-kumpens dovut fil-kuntest tal-azzjonijiet intiżi li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mill-Artikolu 82 tal-GDPR, kriterji li huma stabbiliti fi ħdan l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru, għandhom jippermettu li jiġi żgurat kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data wara ksur ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata,C‑200/23, EU:C:2024:827, punt 152, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Patērētāju tiesību aizsardzības centrs,C‑507/23, EU:C:2024:854, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
79 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li, fil-limiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ effettività, ċerti ċirkustanzi jistgħu jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-kumpens dovut abbażi tal-Artikolu 82 tal-GDPR, speċjalment sabiex dan il-kumpens jiġi limitat. Ġie deċiż li, fl-assenza ta’ gravità tad-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data, qorti nazzjonali tista’ tagħtih kumpens minimu, dejjem sakemm l-ammont baxx tad-danni hekk mogħti jkun ta’ natura li jikkumpensa b’mod sħiħ dan id-dannu, punt li għandu jiġi vverifikat minn dik il-qorti. Bl-istess mod, il-fatt li s-suġġett tad-data jirċievi apoloġija jista’ jikkostitwixxi kumpens adegwat għal dannu morali abbażi ta’ dan l-Artikolu 82, b’mod partikolari meta ma jkunx possibbli li terġa tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel ma seħħ dan id-dannu, dejjem sakemm din il-forma ta’ kumpens, sa fejn tkun prevista mid-dritt nazzjonali, tippermetti tali kumpens sħiħ tal-imsemmi dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Patērētāju tiesību aizsardzības centrs,C‑507/23, EU:C:2024:854, punti 35 sa 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
F’dan il-każ, id-domanda magħmula hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 tal-GDPR, qorti nazzjonali tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li s-suġġett tad-data ibbenefika minn ordni ta’ astensjoni sabiex tnaqqas il-kumpens li dan is-suġġett jista jingħata abbażi ta’ danni morali, b’tali mod li dik il-qorti, fil-prattika, tordna l-kumpens għal tali dannu parzjalment f’forma pekunjarja u parzjalment fil-forma ta’ din l-ordni, jew saħansitra biss taħt din l-aħħar forma. |
|
81 |
Issa, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 78 u 79 ta’ din is-sentenza jirriżulta li forma ta’ kumpens prevista mid-dritt nazzjonali applikabbli tista’ titqies li hija konformi mal-GDPR biss sakemm din il-forma tosserva l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, li jippreżupponi, b’mod partikolari, li din tkun ta’ natura li tiżgura kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data. |
|
82 |
B’mod partikolari, kumpens dovut abbażi tal-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament ma jistax jingħata fil-forma, parzjalment jew kompletament, ta’ ordni ta’ astensjoni, peress li d-dritt ta’ kumpens għal dannu previst f’dan l-Artikolu 82 jaqdi funzjoni esklużivament kumpensatorja, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, filwaqt li ordni ta’ astensjoni fil-konfront tal-awtur tad-dannu għandha għan purament preventiv. Fil-fatt, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, ordni ta’ din in-natura hija intiża li tipprekludi r-ripetizzjoni ta’ aġiri li kkawżaw danni, sabiex jiġi evitat li jseħħu danni ġodda, iżda din ma tirrimedjax għad-danni diġà mġarrba mis-suġġett tad-data. |
|
83 |
Fid-dawl tal-motivi esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-fatt li s-suġġett tad-data jkun kiseb, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, ordni ta’ astensjoni minn ripetizzjoni ta’ ksur ta’ dan ir-regolament, invokabbli fil-konfront tal-kontrollur, jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex titnaqqas il-portata tal-kumpens pekunjarju għal dannu morali dovut abbażi ta’ dan l-artikolu jew, a fortiori, li din l-ordni sservi ta’ sostitut għal dan il-kumpens. |
Fuq l-ispejjeż
|
84 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.