European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/500

22.2.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 274/2021

tal-24 ta’ Settembru 2021

li temenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE [2024/500]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (1) irid jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Biex il-Ftehim ŻEE jiffunzjona sew, il-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jrid jiġi estiż biex jinkludi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 2018/1971.

(3)

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati tal-EFTA se jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi tal-BEREC, tal-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC u tal-Bord Maniġerjali tal-Uffiċċju tal-BEREC, ħlief għad-dritt tal-vot. Il-pożizzjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati tal-EFTA se jiġu rreġistrati separatament meta l-BEREC joħroġ opinjoni. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA se tqis bis-sħiħ l-opinjonijiet adottati mill-BEREC.

(4)

Għalhekk, l-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness XI tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 5czq (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1538):

‘5czr.

32018 R 1971: ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 1).

Il-modalitajiet għall-assoċjazzjoni tal-Istati tal-EFTA f’konformità mal-Artikolu 101 ta’ dan il-Ftehim:

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati tal-EFTA bir-responsabbiltà primarja li jissorveljaw l-operat ta’ kuljum tas-swieq tan-networks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jieħdu sehem sħiħ fil-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi tal-BEREC, il-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC u l-Bord Maniġerjali tal-Uffiċċju tal-BEREC.

Dawn għandhom ikunu rrappreżentati f’livell xieraq skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament BEREC.

Għal dak il-għan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati tal-EFTA għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE, mingħajr id-dritt li jivvotaw. Membri mill-Istati tal-EFTA ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-Presidenza tal-Bord tar-Regolaturi u tal-Bord Maniġerjali.

Il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC għandhom, kif u meta jkun xieraq, jassistu lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati tal-EFTA, skont il-każ, fit-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom.

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw skont l-adattamenti li ġejjin:

(a)

Fl-Artikolu 4:

(i)

fil-paragrafu 1, il-punt (a), il-kliem “, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal qabel il-kliem “u lill-Kummissjoni” u l-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal qabel il-kliem “u l-Kummissjoni”;

(ii)

fil-paragrafu 1, il-punt (e), il-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal qabel il-kliem “jew il-Kummissjoni”;

(iii)

għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.

Il-pożizzjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati tal-EFTA għandhom jiġu rreġistrati separatament mill-BEREC meta joħorġu opinjonijiet f’konformità mal-paragrafu 1, il-punt (c)(i) u (ii).”;

(iv)

fil-paragrafu 4, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “mal-liġi rilevanti tal-Unjoni” għandu jinqara “mal-Ftehim ŻEE”;

(v)

fil-paragrafu 4, il-kliem “jew, skont il-każ, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kliem “u l-Kummissjoni”.

(b)

Fl-Artikolu 7(4), il-kliem “u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kliem “Il-Kummissjoni”.

(c)

Fl-Artikolu 13(3),

(i)

il-kliem “, tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “tal-BEREC”;

(ii)

il-kliem “u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kliem “l-Kummissjoni”.

(d)

Fl-Artikolu 15:

(i)

fil-paragrafu 1, is-sentenza li ġejja għandha tiżdied fl-aħħar tal-ewwel subparagrafu: “Rappreżentant tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandu jipparteċipa fil-Bord Maniġerjali mingħajr id-dritt tal-vot.”;

(ii)

fil-paragrafu 2, il-kliem “u tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kliem “tal-Kummissjoni”.

(e)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 25:

“5.   L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw fil-kontribuzzjoni mill-Unjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (a). Għal dan il-għan, il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

(f)

Fl-Artikolu 30, għandhom jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“B’deroga mill-Artikoli 12(2)(a) u 82(3)(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiġu impjegati b’kuntratt mill-awtorità ta’ reklutaġġ tal-Aġenzija.

B’deroga mill-Artikoli 12(2)(e), 82(3)(e) u 85(3) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-lingwi msemmija fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim ŻEE għandhom jitqiesu mill-Uffiċċju, fir-rigward tal-persunal tiegħu, bħala lingwi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”.

(g)

Dan li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 34:

“L-Istati tal-EFTA għandhom jikkonċedu lill-Uffiċċju tal-BEREC privileġġi u immunitajiet ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.”

(h)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 36:

“4.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għall-applikazzjoni tar-Regolament, japplika għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati tal-EFTA rigward id-dokumenti mħejjija mill-BEREC jew l-Uffiċċju tal-BEREC.”

(i)

Fl-Artikolu 40(2),

(i)

il-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kliem “mill-Kummissjoni” jew “il-Kummissjoni”;

(ii)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali” għandu jinqara “mal-Ftehim ŻEE u mal-liġi nazzjonali”.

(j)

Fl-Artikolu 41(1)(a), il-kliem “, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “lill-Kummissjoni”; fl-Artikolu 41(1)(b) l-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “il-Kummissjoni”.’

2.

Dan li ġej jiżdied mal-punt 5ob (ir-Regolament (UE) Nru 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“, kif emendat bi:

—

32018 R 1971: ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 1).”

Artikolu 2

Il-punt li ġej jiżdied fil-Protokoll 37 tal-Ftehim taż-ŻEE:

“43.

Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) (ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).”

Artikolu 3

It-testi tar-Regolament (UE) 2018/1971 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-25 ta’ Settembru 2021, dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Rolf Einar FIFE


(1)   ĠU L 321, 17.12.2018, p. 1.

(*1)  Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/500/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)