|
3.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 196/35 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-1 ta' Lulju 2014
li tawtorizza lir-Renju Unit li tidderoga minn ċerti regoli komuni ta' sikurezza tal-avjazzjoni skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2014) 4355)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2014/426/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(7) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Renju Unit innotifika l-intenzjoni tiegħu li jagħti approvazzjoni li tidderoga mir-regoli komuni ta' sikurezza tal-avjazzjoni li jinsabu fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011. (2) Skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, il-Kummissjoni vvalutat il-ħtieġa għad-deroga proposta u l-livell ta' protezzjoni li jirriżulta minnha, abbażi tar-rakkomandazzjoni mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”). |
|
(2) |
Id-deroga proposta, notifikata mir-Renju Unit fit-2 ta' Awwissu 2013, tikkonċerna l-konverżjoni tal-liċenzji nazzjonali eżistenti għal piloti ta' gliders, stabbilita fl- Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011. Ir-Renju Unit argumenta li d-deroga hija meħtieġa sabiex id-detentur ta' kwalunkwe dokument ta' kwalifika mhux statutorja maħruġ mill-British Gliding Association (BGA) jista' jiġi ikkreditat b'konformità mal-partijiet rilevanti tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, skont ir-rapport tal-konverżjoni li ġie żviluppat b'konsultazzjoni mal-Aġenzija skont l- Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011. Id-deroga tgħin lir-Renju Unit biex joħroġ liċenzji Parti FCL LAPL(S) jew SPL u ċertifikati ta' ħarrieġ u ta' eżaminatur lid-detenturi ta' dokumenti ta' kwalifika bħal dawn. |
|
(3) |
Barra minn hekk, ir-Renju Unit ta raġunijiet li juru li, kieku kellha tingħata d-deroga proposta, jista' jinkiseb livell ekwivalenti ta' protezzjoni. Abbażi tar-rakkomandazzjoni mill-Aġenzija, maħruġa fit-8 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deroga proposta tipprovdi livell ta' protezzjoni ekwivalenti għal dak miksub bl-applikazzjoni tar-regoli tas-sikurezza tal-avjazzjoni komuni, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-Istati Membri kollha jridu jiġu nnotifikati b'deċiżjoni tal-Kummissjoni li Stat Membru jista' jagħti deroga proposta, u jkunu intitolati wkoll li japplikaw il-miżura kkonċernata. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lill-Istati Membri kollha. Id-deskrizzjoni tad-deroga, kif ukoll il-kundizzjonijiet marbuta magħha, għandhom ikunu tali li jippermettu lil Stati Membri oħra li japplikaw ukoll dik il-miżura meta jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni, mingħajr il-ħtieġa ta' deċżjoni ulterjuri mill-Kummissjoni. Għal dawn il-finijiet, meta jitqies li r-rapport tal-konverżjoni msemmi qabel mhuwiex disponibbli għall-pubbliku, ir-Renju Unit għandu jagħmlu disponibbli għall-Istati Membri l-oħra fuq talba tagħhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jaqsmu bejniethom l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' din il-miżura fejn japplikawha, b'konformità mal-Artikolu 15(1) tar- Regolament (KE) Nru 216/2008, billi din l-applikazzjoni jista' jkollu effetti barra mill-Istati Membri li jagħtu d-deroga. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Renju Unit jista' jagħti approvazzjonijiet li jidderogaw mill-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 u minflok japplika r-regoli stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni, sakemm ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet speċifikati fit-Taqsima 2 ta' dak l-Anness.
Artikolu 2
L-Istati Membri kollha għandhom ikunu intitolati li japplikaw il-miżura msemmija fl- Artikolu 1. Ir-Renju Unit għandu jagħmel ir-rapport tal-konverżjoni, imsemmi fl- Artikolu 4(4) u (5) tar- Regolament (UE) Nru 1178/2011, disponibbli għall-Istati Membri l-oħra li jixtiequ japplikaw din il-miżura, fuq talba tagħhom. L-Istati Membri li japplikaw din il-miżura għandhom jinnotifikaw b'dan lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Lulju 2014.
Għall-Kummissjoni
Siim KALLAS
Viċi President
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tal-3 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).
ANNESS
Deroga tar-Renju Unit mir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tal-konverżjoni tal-kwalifiki nazzjonali ta' gliders
DESKRIZZJONI TAD-DEROGA
Ir-Renju Unit jista', b'deroga mill-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, japprova l-konverżjoni ta' kwalifiki nazzjonali ta' gliders u tal-kwalifiki ta' ħarrieġa u ta' eżaminaturi maħruġa minn assoċjazzjoni jew organizzazzjoni nazzjonali f'liċenzja Parti FCL LAPL(S) jew SPL u klassifikazzjonijiet u ċertifikati assoċjati, soġġetti għall-kundizzjonijiet speċifikati fir-rapport tal-konverżjoni stabbiliti għal dawn il-finijiet skont l- Artikolu 4(4) u (5) ta' dak ir-Regolament.
KUNDIZZJONIJIET MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI TAD-DEROGA
Din id-deroga tapplika għad-detenturi ta' kwalifiki ta' glider li jkunu nħarġu mill-British Gliding Association (BGA) qabel it-8 ta' April 2015 skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalkemm dawn il-kwalifiki ma jitqisux bħala liċenzji skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, għandhom jiġu ttrattati bħala tali u għandhom jiġu kkonvertiti f'ċertifikati u liċenzji Parti FCL skont ir-rapport tal-konverżjoni msemmi fit-Taqsima 1.