SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

13 ta’ Marzu 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Kuntratti ta’ self ipotekarju – Klawżola li tipprevedi l-ħlas tal-ispejjeż marbuta mal-kuntratt li għandhom jitħallsu mill-konsumatur – Azzjoni għal nullità – Terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni intiża għall-ħlas lura tas-somom imħallsa indebitament – Azzjonijiet intiżi rispettivament sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola kuntrattwali u sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi ta’ tali konstatazzjoni suġġetti għal termini ta’ preskrizzjoni differenti”

Fil-Kawża C‑230/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 8 de La Coruña (il-Qorti tal-Ewwel Istanza no 8 ta’ La Coruña, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Marzu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Marzu 2024, fil-proċedura

MF

vs

Banco Santander SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Condinanzi u R. Frendo (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Banco Santander SA, minn G. Fernández-Bravo, C. García Vega u J. Rodríguez Cárcamo, abogados,

–

għall-Gvern Spanjol, minn A. Pérez-Zurita Gutiérrez, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u P. Kienapfel, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MF, konsumatur, u Banco Santander SA dwar it-talba intiża sabiex tiġi ddikjarata n-nullità ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self minħabba n-natura inġusta tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi li:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur, […]”

4

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id-dritt Spanjol

Il-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti

5

Ir-Real Decreto Legislativo 1/2007 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007 li jadotta r-riformulazzjoni tal-liġi ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u liġijiet supplimentari oħra) tas‑16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287 tat‑30 ta’ Novembru 2007, p. 49181), ippromulga r-riformulazzjoni ta’ din il-liġi, li ġiet emendata bil-Liġi 5/2019 (iktar ’il quddiem il-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti”).

6

L-Artikolu 82, intitolat “Kunċett ta’ klawżoli inġusti” jipprovdi:

“1.   Għandhom jitqiesu bħala inġusti l-klawżoli kollha li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali kif ukoll il-prattiki kollha li ma jirriżultawx minn ftehim espress u li, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, joħolqu, għad-detriment tal-konsumatur u tal-utent, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.

[…]

3.   In-natura inġusta ta’ kawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u billi jsir riferiment għaċ-ċirkustanzi kollha li fih ikun ġie konkluż, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li dan jiddependi minnu.

[…]”

7

Skont l-Artikolu 83 tal-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti, intitolat “Nullità tal-klawżoli inġusti u sussistenza tal-kuntratt”:

“Il-klawżoli inġusti huma nulli ipso iure u jitqiesu li ma nkitbux. Għal dawn il-finijiet, wara li tkun semgħet lill-partijiet, il-qorti għandha tikkonstata n-nullità tal-klawżoli inġusti li jinsabu fil-kuntratt, iżda dan jibqa’ madankollu vinkolanti għall-partijiet skont l-istess termini jekk ikun jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.

[…]”

Il-Kodiċi Ċivili

8

L-Artikolu 6(3) tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) huwa fformulat kif ġej:

“Kull azzjoni li tmur kontra regola imperattiva jew projbizzjoni legali hija nulla ipso jure, sakemm dawn ma jissanzjonawx b’mod differenti l-ksur tagħhom”.

9

L-Artikolu 1303 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“Meta obbligu jiġi ddikjarat null, il-partijiet għandhom jirrestitwixxu reċiprokament l-oġġetti li kienu s-suġġett tal-kuntratt u l-profitti prodotti minn dawn l-oġġetti, jew il-prezz flimkien mal-interessi […]”.

10

Fid-data tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ self ipotekarju li huwa s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 1964 ta’ dan il-kodiċi kien jipprovdi:

“It-terminu ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet ipotekarji huwa ta’ għoxrin sena, l-azzjonijiet personali li ma għandhomx terminu ta’ preskrizzjoni speċjali jiġu preskritti wara ħmistax-il sena”.

11

Matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, dan l-Artikolu 1964 ġie emendat mil-Ley Nru 42/2015 de reforma de la Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 42/2015 li temenda l-liġi tal-proċedura Ċivili 1/2000), tal‑5 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 239, tas‑6 ta’ Ottubru 2015, p. 90240). Wara din l-emenda, din id-dispożizzjoni taqra kif ġej:

“1.   L-azzjoni ipotekarja tiġi preskritta wara għoxrin sena.

2.   L-azzjonijiet personali li ma jkunux suġġetti għal terminu partikolari għandhom jiġu preskritti wara ħames snin mill-jum li fih l-obbligu jitqies li huwa applikabbli. Fir-rigward tal-obbligi kontinwi li ssir jew li ma ssirx xi ħaġa, it-terminu jibda jiddekorri għal kull nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Fid‑19 ta’ Jannar 2009, MF ikkonkluda kuntratt ta’ self ipotekarju ma’ Banco Santander. Klawżola ta’ dan il-kuntratt kienet timponi fuq MF, bħala persuna li tissellef, l-ispejjeż kollha relatati mal-konklużjoni tiegħu, bħalma huma l-ispejjeż preparatorji tat-tranżazzjoni kif ukoll l-ispejjeż u t-taxxi li jirriżultaw mill-kostituzzjoni ta’ ipoteka, ir-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru tal-artijiet, l-ispejjeż ta’ ġestjoni kif ukoll l-ispejjeż marbuta mal-emenda jew mal-annullament tal-imsemmi kuntratt (iktar ’il quddiem il-“klawżola dwar l-ispejjeż”).

13

Fis‑27 ta’ Frar 2023, MF ressaq azzjoni quddiem il-Juzgado de Primera Instancia no 8 de La Coruña (il-Qorti tal-Ewwel Istanza no 8 ta’ La Coruña, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-klawżola dwar l-ispejjeż, minħabba n-natura inġusta tagħha. Permezz ta’ din l-azzjoni, MF jitlob ukoll il-ħlas lura ta’ somma li tikkorrispondi għal nofs l-onorarji notarili u għat-totalità tal-ispejjeż marbuta mar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet, flimkien mal-interessi legali.

14

Banco Santander isostni li l-azzjoni intiża għall-ħlas lura ta’ din is-somma hija preskritta. Fil-fatt, għalkemm, fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ self ipotekarju, l-Artikolu 1964 tal-Kodiċi Ċivili kien jipprevedi li tali azzjoni kienet preskritta wara ħmistax-il sena, dan it-terminu ġie emendat bil-Liġi Nru 42/2015 u mnaqqas għal ħames snin.

15

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-possibbiltà, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li tittratta b’mod differenti, minn naħa, talba intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola allegatament inġusta u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-effetti restituttivi ta’ tali konstatazzjoni, bħal dik li tressqet quddiemha.

16

Fil-fatt, fl-ordinament ġuridiku Spanjol, ma teżisti ebda dispożizzjoni legali u lanqas ġurisprudenza li tippermetti li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola kuntrattwali jkun differenti minn dak li japplika għall-azzjoni bbażata fuq l-effetti ta’ tali konstatazzjoni.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia no 8 de La Coruña (il-Qorti tal-Ewwel Istanza no 8 ta’ La Coruña) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur u l-prinċipju ta’ ekwivalenza, jipprekludu l-possibbiltà li n-nullità minħabba natura inġusta tiġi ddissoċjata mill-effetti restitutorji, billi jiġi previst b’mod simultanju li l-azzjoni għal nullità ma tistax tiġi preskritta u li l-azzjoni għal restituzzjoni tista’ tiġi preskritta, meta fl-ordinament ġuridiku Spanjol ma hemm ebda regola jew ġurisprudenza li tapplika tali dissoċjazzjoni għal relazzjonijiet tad-dritt oħrajn?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

18

Banco Santander jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għar-raġuni li hija ma tidentifikax preċiżament l-allegata regola nazzjonali li tapplika b’mod iktar favorevoli għall-azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-dritt intern milli għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi tad-dritt Spanjol neċessarji sabiex tivverifika jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex osservat.

19

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għal din id-domanda (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Kutxabank, C‑300/23, EU:C:2024:1026, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Għandu jitfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jimplika l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Issa, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-eżistenza, fid-dritt Spanjol, ta’ ċertu numru ta’ azzjonijiet ibbażati fuq l-effetti ta’ konstatazzjoni ta’ nullità li s-sistema ta’ preskrizzjoni tagħha ma hijiex differenti minn dik tal-azzjoni li wasslet għal din il-konstatazzjoni.

22

Minn dan jirriżulta, skont il-qorti tar-rinviju, li, fl-ordinament ġuridiku Spanjol, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-azzjonijiet ibbażati fuq l-effetti restituttivi tal-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta huma inqas favorevoli minn dawk li għalihom huma suġġetti azzjonijiet paragunabbli oħra, ibbażati fuq l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità.

23

Barra minn hekk, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, hija irrilevanti fir-rigward tad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tagħti jew li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domanda magħmula ma għandhiex rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

24

Il-Gvern Spanjol iqajjem ukoll dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari sa fejn jikkontesta l-premessa li hija bbażata fuqha din it-talba, jiġifieri l-eżistenza, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, ta’ leġiżlazzjoni jew ta’ ġurisprudenza li jipprevedu, b’mod ġenerali, li l-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità hija suġġetta għall-istess terminu ta’ preskrizzjoni bħall-azzjoni li permezz tagħha ġiet ikkonstatata din in-nullità. Il-Kummissjoni Ewropea tesprimi l-istess dubji dwar l-eżistenza, fid-dritt Spanjol, tar-regola nazzjonali invokata mill-qorti tar-rinviju.

25

Madankollu, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha tivverifika jew li tqiegħed inkwistjoni l-eżattezza tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti nazzjonali, peress li din l-interpretazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, meta tkun adita b’talba għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali, iżżomm mal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali kif tkun ġiet esposta mill-imsemmija qorti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Volvo Group Belgium, C‑436/23, EU:C:2024:1023, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

27

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi n-natura impreskrittibbli tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni l-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi ta’ din il-konstatazzjoni, filwaqt li, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, azzjonijiet oħra bbażati fuq l-effetti ta’ konstatazzjoni ta’ nullità ma humiex suġġetti għal sistema ta’ preskrizzjoni differenti minn dik tal-azzjoni li wasslet għal din il-konstatazzjoni.

28

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dritt Spanjol, bħala prinċipju, ma teżisti ebda ipoteżi li fiha n-nullità u l-effetti tagħha huma suġġetti għal żewġ sistemi ta’ preskrizzjoni differenti.

29

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jistax ikollha effetti fil-konfront tal-konsumatur. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha l-effett li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt tal-konsumatur li kien isib ruħu fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola. Minn dan jirriżulta li l-obbligu għall-qorti nazzjonali li ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ somom li jirriżultaw li ma humiex dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju korrispondenti fir-rigward ta’ dawn l-istess somom (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Madankollu, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex ta’ natura assoluta u li l-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi taħt piena ta’ dekadenza, fl-interess taċ-ċertezza legali, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 57).

31

Minn naħa l-oħra, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi n-natura impreskribibbli tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni l-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi ta’ din il-konstatazzjoni, sakemm dan it-terminu ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jirrigwarda azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 93/13 (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 58, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2022, D.B.P. et (Kreditu ipotekarju f’muniti barranin), C‑80/21 sa C‑82/21, EU:C:2022:646, punt 90].

32

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li d-domanda preliminari hija bbażata fuqu, għandu jitfakkar li l-osservanza ta’ dan il-prinċipju teħtieġ li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali li jkollhom suġġett u kawża simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 76, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għalhekk, id-Direttiva 93/13 u l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jipprekludux li l-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi tal-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta tkun suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni, billi tinżamm in-natura impreskrittibbli tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ tali klawżola, sakemm dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ma jkunx inqas favorevoli minn dak li huwa applikabbli għall-azzjonijiet ibbażati fuq ksur tad-dritt intern u li għandhom suġġett u kawża simili.

34

F’dan il-każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ xebh, mill-perspettiva tal-għan, tal-kawża u tal-elementi essenzjali tagħhom, bejn l-azzjonijiet fil-kawża prinċipali u t-tipi l-oħra ta’ azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt intern li hija tiċċita fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 77).

35

Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, din il-qorti għandha, għalhekk, tivverifika jekk l-ordinament ġuridiku Spanjol jipprevedix, f’oqsma differenti minn dawk koperti mid-Direttiva 93/13, azzjonijiet ibbażati fuq l-effetti ta’ konstatazzjoni ta’ nullità li jixxiebhu, mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom, għal dik li tressqet quddiemha minn MF, iżda li, konformement mad-dritt jew mal-ġurisprudenza nazzjonali, madankollu ma humiex suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni paragunabbli ma’ dak li japplika għal din l-aħħar azzjoni. Fl-affermattiv, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ dan it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-azzjoni fil-kawża prinċipali tikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija fil-punti 32 sa 35 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell), C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi n-natura impreskrittibbli tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni l-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi ta’ din il-konstatazzjoni, sa fejn l-ordinament ġuridiku nazzjonali jipprevedi, f’oqsma li ma humiex dawk koperti mid-Direttiva 93/13, azzjonijiet ibbażati fuq l-effetti ta’ konstatazzjoni ta’ nullità li huma simili, mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom, għal dik intiża sabiex jiġu invokati tali effetti restituttivi u li huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni paragunabbli għal dak li japplika għal din l-aħħar azzjoni.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, kif ukoll il-prinċipju ta’ ekwivalenza

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

ma jipprekludux leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi n-natura impreskrittibbli tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni l-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi ta’ din il-konstatazzjoni, sa fejn l-ordinament ġuridiku nazzjonali jipprevedi, f’oqsma li ma humiex dawk koperti mid-Direttiva 93/13, azzjonijiet ibbażati fuq l-effetti ta’ konstatazzjoni ta’ nullità li huma simili, mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom, għal dik intiża sabiex jiġu invokati tali effetti restituttivi u li huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni paragunabbli għal dak li japplika għal din l-aħħar azzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.