3.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/957

tas-26 ta’ Ġunju 2020

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Philip KERMODE

Aġent Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett mikwi fil-forġa (l-hekk imsejjaħ dissipatur tas-sħana) magħmul mill-aluminju (mhux prodott bl-ikkastjar), li għandu l-forma ta’ pjanċa ċirkolari b’dijametru ta’ madwar 50 mm, u li magħha jitwaħħlu pinnijiet tat-tkessiħ għolja madwar 30, 40 jew 50 mm.

Huwa ppreżentat biex jintuża f’diversi prodotti biex iferrex is-sħana prodotta mill-moduli LED.

Ara l-istampa (*1).

7616 99 90

Il-klassifikazzjoni hija determinata bir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 7616, 7616 99 u 7616 99 90 .

Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 9405 99 00 bħala parti minn lampi jew fittings tad-dawl hija eskluża peress li, meta jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet doganali, l-oġġett mhuwiex identifikabbli mill-forma tiegħu jew minn xi karatteristiċi speċifiċi bħala parti ddisinjata biss jew prinċipalment għall-oġġett taħt l-intestatura 9405 (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-Kapitolu 94, Partijiet, l-ewwel paragrafu).

L-oġġett mhuwiex adattat biex jintuża bħala parti minn prodott speċifiku. Għalhekk, meta jiġi ppreżentat, ma jistax jiġi identifikat bħala parti minn oġġett ta’ kwalunkwe intestatura speċifika (pereżempju, taħt l-intestatura 8539, 8541 jew 8543). Konsegwentement, il-klassifikazzjoni bħala parti minn oġġett hija eskluża.

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 7616 99 90 bħala oġġetti oħrajn tal-aluminju mhux prodotti bl-ikkastjar.

Image 1


(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.