European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/318

14.2.2025

DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/318

tas-27 ta’ Novembru 2024

dwar l-inklużjoni unilaterali ta’ setturi min-naħa tal-Iżvezja, fis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fl-Unjoni għall-bini, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali skont l-Artikolu 30j tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30j tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 30j(1) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li, mill-2027, jestendu b’mod unilaterali l-applikazzjoni tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fl-Unjoni (“EU ETS”) għall-bini, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali, għal setturi li mhumiex elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE.

(2)

Meta jagħmlu użu minn din il-possibbiltà, l-Istati Membri jridu jqisu b’mod partikolari l-effetti fuq is-suq intern, id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, l-integrità ambjentali tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u l-affidabbiltà tas-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar ippjanata.

(3)

Fid-19 ta’ Lulju 2024, l-Iżvezja nnotifikat talba biex tespandi l-applikazzjoni tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-bini, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali għal lista ta’ setturi li għadhom mhumiex koperti mill-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE jew mill-Kapitoli II u III tagħha.

(4)

L-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li l-inklużjoni ta’ setturi addizzjonali twassal għal ipprezzar aktar uniformi tad-diossidu tal-karbonju, u għal tranżizzjoni klimatika aktar kosteffettiva, u b’hekk titkompla tissaħħaħ l-integrità ambjentali tal-ETS 2. Barra minn hekk, din l-estensjoni unilaterali tnaqqas il-piż amministrattiv u tiffaċilita l-proċessi ta’ rapportar u ta’ monitoraġġ għall-entitajiet regolati u għall-awtorità nazzjonali kompetenti.

(5)

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS lil hinn mil-lista ta’ attivitajiet elenkati skont l-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE, kif talbet l-Iżvezja, tabilħaqq ikollha benefiċċji ambjentali, u twassal għal simplifikazzjoni amministrattiva għall-fornituri tal-fjuwil li jaġixxu bħala entitajiet regolati fl-Iżvezja.

(6)

Abbażi tad-data rieżaminata dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għas-snin 2016, 2017 u 2018 imwettqa fl-2020, f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-ammont totali medju ta’ emissjonijiet li jikkorrispondi għas-setturi nnotifikati mill-Iżvezja fil-kuntest ta’ din it-talba għal estensjoni unilaterali jammonta għal 1 680 358 tCO2. Dan l-ammont se jintuża bħala bażi għall-kalkolu tal-ammont futur ta’ kwoti addizzjonali li jridu jinħarġu mill-2027.

(7)

Il-Kummissjoni vvalutat il-metodoloġiji ta’ rapportar u ta’ monitoraġġ ippjanati mill-Iżvezja u kkonkludiet li dawn huma affidabbli u konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30j tad-Direttiva 2003/87/KE.

(8)

Is-sistema tad-dazju tas-sisa fis-seħħ fl-Iżvezja, b’mod partikolari l-infrastrutturi tad-distribuzzjoni, ma tippermettix b’mod effettiv lill-entitajiet regolati jiddifferenzjaw l-użu finali tal-fjuwils bejn is-setturi diġà koperti mill-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE fuq naħa waħda, u s-setturi kkonċernati minn din l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni fuq in-naħa l-oħra. Biex jiġu ffaċilitati l-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika kosteffettivi tal-emissjonijiet u jitnaqqas il-piż amministrattiv marbut mar-rapportar assoċjat mal-fattur tal-kamp ta’ applikazzjoni fir-rapporti annwali dwar l-emissjonijiet u l-pjanijiet ta’ monitoraġġ, jenħtieġ li l-entitajiet regolati ma jkunux meħtieġa jiddistingwu r-rapportar tal-emissjonijiet fis-setturi kkonċernati mill-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni mill-emissjonijiet fis-setturi diġà koperti mill-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE.

(9)

Sabiex jikkonformaw maċ-ċiklu annwali regolari għall-monitoraġġ, għar-rapportar u għall-verifika tal-emissjonijiet fis-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali, jixraq li l-entitajiet regolati jirrapportaw l-emissjonijiet ivverifikati għall-kamp ta’ applikazzjoni estiż li jibda fl-1 ta’ Jannar 2025, f’konformità mal-Artikolu 30f(2) tad-Direttiva 2003/87/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni tal-approvazzjoni tal-estensjoni unilaterali

Fl-Iżvezja, l-estensjoni tal-attività msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE għas-setturi elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni hija approvata soġġetta għall-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 3.

Artikolu 2

Awtorizzazzjoni tal-ħruġ ta’ kwoti addizzjonali

Fl-2027, għandhom jinħarġu kwoti addizzjonali abbażi tal-ammont medju tal-emissjonijiet totali ta’ 1 680 358 tCO2 irrapportat mill-Iżvezja għas-setturi elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għas-snin 2016, 2017 u 2018 f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 30c(1) tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 3

Obbligi ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar

L-Iżvezja għandha tiżgura li kull entità regolata timmonitorja u tirrapporta, f’konformità mal-Artikolu 30f(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-kwantitajiet ta’ fjuwils rilaxxati għall-konsum fis-setturi elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni li jkunu seħħew mill-1 ta’ Jannar 2025 lill-awtorità kompetenti, għal kull sena kalendarja.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 275, 25/10/2003, p. 32 , ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/2024-03-01.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19/06/2018, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/842/2023-05-16).


ANNESS

Lista ta’ setturi addizzjonali soġġetti għall-EU ETS fl-Iżvezja skont l-Artikolu 30j tad-Direttiva 2003/87/KE

Kodiċi tal-IPCC

Settur

Kontenut

1 A 3 c

Ferroviji

Emissjonijiet mit-trasport bil-ferrovija kemm għar-rotot tat-traffiku tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri

1 A 3 d (subsett)

Navigazzjoni fuq l-Ilma

Emissjonijiet mill-fjuwils li jintużaw fid-dgħajjes tad-divertiment, minbarra n-navigazzjoni kummerċjali fuq l-ilma

1 A 3 e ii

Trasportazzjoni off-road

Emissjonijiet mill-kombustjoni minn makkinarju off-road fl-ajruporti u fil-portijiet, u attivitajiet off-road mhux irrapportati mod ieħor

1 A 4 c

Agrikoltura/Forestrija/Sajd

Emissjonijiet mill-kombustjoni tal-fjuwil fl-agrikoltura, fil-forestrija, jew fis-sajd domestiku fl-ilmijiet interni, kostali u fil-baħar fond. Dan jinkludi l-vetturi tat-trazzjoni, l-użu ta’ pompa tal-fjuwil, it-tnixxif tal-ħbub, is-serer ortikulturali u l-użu ta’ fjuwil ieħor relatat mal-agrikoltura, mal-forestrija jew mas-sajd. (Attivitajiet inklużi fil-kategoriji ISIC 05, 11, 12, 1302), minbarra t-trasport agrikolu fl-awtostradi


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2025/318/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)