|
4.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 389/21 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1919
tad-29 ta’ Ottubru 2021
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni, permezz ta’ proċedura bil-miktub, mill-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati għar-reviżjoni tal-Ftehim tas-Settur tal-Ġenerazzjoni tal-Elettriku bil-Faħam li jinsab fl-Anness VI ta’ dak l-Arranġament
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), inkluż il-Ftehim tas-Settur tal-Ġenerazzjoni tal-Elettriku bil-Faħam (“CFSU”) li jinsabu fl-Anness VI tal-Arranġament, ġew trasposti u għalhekk saru legalment vinkolanti fl-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). |
|
(2) |
Skont is- CFSU, il-parteċipanti fl-Arranġament (il-“Parteċipanti”) għandhom jadottaw deċiżjoni, permezz ta’ proċedura bil-miktub, biex jirrevedu s-CFSU bil-għan li jkomplu jsaħħu t-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu sabiex jikkontribwixxu għall-għan komuni li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u li jitkompla t-tnaqqis gradwali tal-appoġġ uffiċjali għall-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam. |
|
(3) |
Id-deċiżjoni għar-reviżjoni tas-CFSU jenħtieġ li tkun konformi mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni Ewropea skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-politika tal-Unjoni dwar il-klima. |
|
(4) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar id-Diplomazija dwar il-Klima u l-Enerġija - It-twettiq tad-dimensjoni esterna tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-25 ta’ Jannar 2021, il-Kunsill appella għal eliminazzjoni gradwali globali tas-sussidji tal-fjuwils fossili li jagħmlu ħsara lill-ambjent tul skeda ta’ żmien ċara u għal trasformazzjoni determinata u ġusta madwar id-dinja lejn in-newtralità klimatika, inkluż it-tneħħija gradwali tal-faħam mhux imnaqqas fil-produzzjoni tal-enerġija u,bħala l-ewwel pass,it-tmiem immedjat tal-finanzjament kollu ta’ infrastruttura ġdida tal-faħam f’pajjiżi terzi. |
|
(5) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni, permezz ta’ proċedura bil-miktub, mill-Parteċipanti għar-reviżjoni tas-CFSU, peress li d-deċiżjoni tal-Parteċipanti ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni u kapaċi tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-parteċipanti permezz ta’ proċedura bil-miktub għar-reviżjoni tal-Ftehim tas-Settur tal-Ġenerazzjoni tal-Elettriku bil-Faħam li jinsab fl-Anness VI tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi għandha tkun ibbażata fuq il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea (2).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
G. DOVŽAN
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45).
(2) Ara id-dokument ST 12623/21 fuq http://register.consilium.europa.eu.