Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġlieda kontra t-terroriżmu – Artikolu 83(1) TFUE – Direttiva (UE) 2017/541 – Artikolu 3 – Reati terroristiċi – Artikolu 4 – Reati relatati ma’ grupp terroristiku – Artikolu 15(1) – Obbligu li jiġu previsti sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi – Effett utli – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni – Supremazija tad‑dritt tal‑Unjoni – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Liġi nazzjonali ta’ amnestija li tipprevedi l-estinzjoni tar-responsabbiltà kriminali – Atti li ma jkunux ikkawżaw intenzjonalment ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem”

Fil-Kawża C‑666/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Settembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Settembru 2024, fil-proċeduri kriminali kontra

EGB,

EGC,

GTA,

SPG,

QCR,

ACB,

JRS,

RJDL,

FJG,

XBLL,

DBA,

CBE

fil-preżenza ta’:

Ministerio Fiscal,

Associació Catalana de Víctimes d’Organitzacions Terroristes (ACVOT),

Asociación de Víctimas del Terrorismo (AVT),

Asociación Dignidad y Justicia,

Asociación Española de la Guardia Civil (AEGC),

Asociación Unificada de la Guardia Civil (AUGC),

Partido político VOX,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz (Relatur), Viċi President, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, M. Condinanzi u F. Schalin, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, E. Regan, N. Piçarra, A. Kumin, M. Gavalec, S. Gervasoni, N. Fenger u R. Frendo, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: E. Sartori, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2025,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal EGB, minn E. Pous Calvet, abogada,

–        għal EGC u GTA, minn J. Busquets Plaza, abogado,

–        għal QCR, minn C. Perdiguero Garreta, abogado,

–        għal JRS, minn X. Monge Profitós, abogado,

–        għal FJG, minn A. Morales Hernández-San Juan, procurador, u C. Martínez Mirón, abogado,

–        għal RJDL, minn A. Checa, abogado,

–        għal XBLL, minn M. Vinyets Pages, abogada,

–        għal DBA u CBE, minn D.-C. Herchhoren Alcolea u B. A. Matamoros Alexandrova, abogados,

–        għall-Ministerio Fiscal, minn M. Durántez Gil, fiscal,

–        għall-Associació Catalana de Víctimes d’Organitzacions Terroristes (ACVOT), l-Asociación de Víctimas del Terrorismo (AVT), l-Asociación Dignidad y Justicia, l-Asociación Española de la Guardia Civil (AEGC), l-Asociación Unificada de la Guardia Civil (AUGC) u għall-Partido político VOX, minn J. I. Fuster-Fabra Toapanta u J. M. Fuster-Fabra Torrellas, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Urraca Caviedes u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Novembru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, l-ewwel nett, tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU 2017, L 88, p. 6), it-tieni nett, tal-Artikolu 4(2) u (3) TUE, kif ukoll tal-Artikolu 20(2) u tal-Artikolu 21(1) TFUE, it-tielet nett, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u, ir-raba’ nett, tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra EGB, EGC, SPG, QCR, GTA, ACB, JRS, RJDL, FJG, XBLL, DBA u CBE, tnax-il persuna akkużati għal atti li jikkostitwixxu reati terroristiċi, fil-kuntest tal-moviment favur l-indipendenza tal-Cataluña.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Id‑dritt tal‑Unjoni

 It-Trattat FUE

3        L-Artikolu 83(1) TFUE jipprovdi:

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxu permezz ta’ direttivi skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fl-oqsma tal-kriminalità partikolarment gravi ta’ dimensjoni transkonfinali li jirriżultaw min-natura jew l-impatt ta’ dawn ir-reati jew minn ħtieġa partikolari li jiġu miġġielda fuq bażijiet komuni.

Dawn l-oqsma ta’ kriminalità huma li ġejjin: it-terroriżmu, it-traffikar ta’ bnedmin u l-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfal, it-traffikar illeċitu ta' droga, it-traffiku illeċitu ta’ armi, il-money laundering, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta' ħlas, il-kriminalità fl-informatika u l-kriminalità organizzata.

Abbażi ta’ l-iżviluppi fil-kriminalità, il-Kunsill jista’ jadotta deċiżjoni li tidentifika oqsma oħra ta’ kriminalità li jissodisfaw il-kriterji indikati f’dan il-paragrafu. Huwa għandu jaġixxi b’mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.”

 Id-Direttiva 2017/541

4        Il-premessi 32, 35 u 39 tad-Direttiva 2017/541 jistabbilixxu:

“(32)      Jenħtieġ li l-Istati Membri jippersistu bl-isforzi tagħhom biex jipprevjenu u jiġġieldu r-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu permezz ta’ koordinazzjoni, ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni u esperjenzi dwar politiki nazzjonali ta’ prevenzjoni, u ta’ implimentazzjoni jew, skont il-każ, aġġornament tal-politiki nazzjonali ta’ prevenzjoni filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet, l-objettivi u l-kapaċitajiet tagħhom stess abbażi tal-esperjenzi tagħhom stess. [...]

[...]

(35)      Din id-Direttiva tirrispetta l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 2 tat-TUE, tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta, inklużi dawk stabbiliti fit-Titoli II, III, V u VI tagħha [...]. Din id-Direttiva trid tiġi implimentata f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji filwaqt li jittieħed kont ukoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, [iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)], il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u obbligi oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem skont id-dritt internazzjonali.

[...]

(39)      L-implimentazzjoni tal-miżuri fil-liġi kriminali adottati skont din id-Direttiva jenħtieġ li tkun proporzjonali għan-natura u ċ-ċirkostanzi tar-reat, fir-rigward tal-miri leġittimi segwiti u tal-ħtieġa tagħhom f’soċjetà demokratika, u jenħtieġ li teskludi kwalunkwe forma ta’ arbitrarjetà, razziżmu jew diskriminazzjoni.”

5        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi rigward id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam ta’ reati terroristiċi, reati relatati ma’ grupp terroristiku u reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi, kif ukoll miżuri ta’ protezzjoni, appoġġ u assistenza għall-vittmi tat-terroriżmu.”

6        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Reati terroristiċi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-atti intenzjonati li ġejjin, kif definiti bħala reati skont il-liġi nazzjonali, li, minħabba n-natura jew il-kuntest tagħhom, jistgħu joħolqu dannu serju għal pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali, huma definiti bħala reati terroristiċi meta jitwettqu b’wieħed mill-għanijiet elenkati fil-paragrafu 2:

(a)      attakki fuq il-ħajja ta’ persuna li jistgħu jikkaġunaw il-mewt;

(b)      attakki fuq l-integrità fiżika ta’ persuna;

(c)      il-ħtif ta’ persuna jew teħid ta’ ostaġġi;

(d)      l-ikkawżar ta’ qerda estensiva fuq faċilità tal-gvern jew pubblika, sistema ta’ trasport, faċilità infrastrutturali, li tinkludi sistema ta’ informazzjoni, pjattaforma fissa li tkun tinsab fuq il-blata kontinentali, post pubbliku jew proprjetà privata li x’aktarx li tipperikola l-ħajja tal-bniedem jew tirriżulta f’telf ekonomiku kbir;

(e)      il-ħtif ta’ inġenji tal-ajru, vapuri jew mezzi oħra tat-trasport pubbliku jew tal-merkanzija;

(f)      il-manifattura, il-pussess, l-akkwist, it-trasport, il-provvista jew l-użu ta’ splussivi jew armi, inklużi armi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi jew nukleari, kif ukoll ir-riċerka rigward l-armi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi jew nukleari u l-iżvilupp tagħhom;

[...]

2.      L-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1 huma:

(a)      intimidazzjoni serja tal-popolazzjoni;

(b)      ġegħil mhux xieraq lil gvern jew organizzazzjoni internazzjonali biex iwettqu jew jibqgħu lura milli jwettqu kwalunkwe att;

(c)      destabbilizzazzjoni serja jew qerda tal-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali.”

7        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Reati relatati ma’ grupp terroristiku”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta jitwettqu intenzjonalment, l-atti li ġejjin ikunu punibbli bħala reat kriminali:

(a)      it-tmexxija ta’ grupp terroristiku;

(b)      il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, inkluż bl-għoti ta’ informazzjoni jew riżorsi materjali, jew bil-finanzjament tal-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mod, bl-għarfien li tali parteċipazzjoni ser tikkontribwixxi għall-attivitajiet kriminali tal-grupp terroristiku.”

8        Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2017/541, intitolat “Relazzjonijiet ma’ reati terroristiċi”:

“Sabiex ikun punibbli reat imsemmi fl-Artikolu 4 jew it-Titolu III, ma għandux ikun meħtieġ li fil-fatt jitwettaq reat terroristiku, u lanqas ma għandu jkun meħtieġ, sa fejn huma kkonċernati r-reati msemmija fl-Artikoli 5 sa 10 u 12, li tiġi stabbilita rabta ma’ reat speċifiku ieħor stipulat f’din id-Direttiva.”

9        L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għajnuna u kompliċità, inċitazzjoni u tentattiv”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li tkun punibbli l-għajnuna jew il-kompliċità f’reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 8, 11 u 12.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li tkun punibbli l-inċitazzjoni ta’ reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 12.

3.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkun punibbli t-tentattiv li jitwettaq reat imsemmi fl-Artikoli 3, 6, 7, l-Artikolu 9(1), il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), u l-Artikoli 11 u 12, bl-eċċezzjoni tal-pussess kif previst fil-punt (f) tal-Artikolu 3(1) u r-reat imsemmi fil-punt (j) tal-Artikolu 3(1).”

10      L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Pieni għal persuni fiżiċi”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 12 u 14 ikunu punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jistgħu jinvolvu ċ-ċediment jew l-estradizzjoni.”

 Id-dritt Spanjol

 Il-Kodiċi Kriminali

11      L-Artikolu 346 tal-Ley Orgánica 10/1995 del Código Penal (il-Liġi Organika 10/1995 li Tistabbilixxi l-Kodiċi Kriminali), tat‑23 ta’ Novembru 1995 (BOE Nru 281, tal‑24 ta’ Novembru 1995, p. 33987), kif emendata bil-Ley Orgánica 1/2019 por la que se modifica la ley orgánica 10/1995, de 23 de noviembre, del Código Penal, para trasponer Directivas de la Unión Europea en los ámbitos financiero y de terrorismo, y abordar cuestiones de índole internacional (il-Liġi Organika 1/2019 li Temenda l-Liġi Organika 10/1995, tat‑23 ta’ Novembru 1995, li Tistabbilixxi l-Kodiċi Kriminali, sabiex Jiġu Trasposti d-Direttivi tal-Unjoni Ewropea fl-Oqsma Finanzjarji u tat-Terroriżmu u Sabiex Jiġu Ttrattati Ċerti Kwistjonijiet ta’ Natura Internazzjonali), tal‑20 ta’ Frar 2019 (BOE Nru 45, tal‑21 ta’ Frar 2019, p. 16698) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali”), jipprovdi:

“1.      L-iskattar ta’ splużjonijiet jew l-użu ta’ kwalunkwe mezz ieħor b’qawwa distruttiva simili li jikkawża l-qerda ta’ ajruporti, ta’ portijiet, ta’ stazzjonijiet ta’ bini, tas-sedi ta’ awtoritajiet pubbliċi, ta’ mħażen li fihom materjal li jieħu n-nar jew splussiv, ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni, ta’ mezzi ta’ trasport pubbliku jew il-mili bl-ilma jew l-inkaljar ta’ vapur, l-inondazzjoni, splużjoni ta’ mina jew ta’ installazzjoni industrijali, it-tneħħija ta’ binarji ta’ ferrovija, jew il-bdil, b’intenzjoni malizzjuża, tas-sinjalar użat għall-operat ta’ linja ferrovjarja għas-sigurtà tal-mezzi tat-trasport, l-isplużjoni ta’ pont, il-qerda ta’ triq pubblika, l-ikkawżar ta’ dannu għall-pipelines, il-ħolqien ta’ disturb gravi għal kull tip ta’ mezz ta’ komunikazzjoni, il-ħolqien ta’ disturb jew l-interruzzjoni tal-provvista tal-ilma, tal-elettriku, tal-idrokarburi jew tar-riżorsi naturali essenzjali, hija punibbli b’piena ta’ priġunerija minn għaxar snin sa għoxrin sena, meta din il-qerda neċessarjament tipperikola l-ħajja jew is-sigurtà tal-persuni.

2.      Fl-assenza ta’ tali perikolu, il-piena hija ta’ bejn erba’ sa tmien snin ħabs.

3.      Jekk it-tqegħid fil-perikolu jkun akkumpanjat minn preġudizzju għall-ħajja, għall-integrità fiżika jew għas-saħħa tal-persuni, il-fatti jiġu ssanzjonati separatament bil-piena li tikkorrispondi għar-reat imwettaq.”

12      Skont l-Artikolu 572 tal-Kodiċi Kriminali:

“1.      Il-promozzjoni, il-kostituzzjoni, l-organizzazzjoni jew it-tmexxija ta’ organizzazzjoni jew ta’ grupp terroristiku hija punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn tmienja u ħmistax-il sena u bit-telf definittiv ta’ kull distinzjoni, kariga u funzjoni pubblika, inklużi dawk elettivi, b’inkapaċità temporanja li jiksbu jew jeżerċitaw oħrajn ġodda matul il-perijodu tal-piena.

2.      Il-parteċipazzjoni attiva jew l-appartenenza għall-organizzazzjoni jew għall-grupp hija punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sitt snin u tnax-il sena u bit-telf definittiv ta’ kull distinzjoni, kariga u funzjoni pubblika, inklużi dawk elettivi, b’inkapaċità temporanja li jiksbu jew jeżerċitaw oħrajn ġodda matul il-perijodu tal-piena.”

13      L-Artikolu 573 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“1.      Jikkostitwixxi reat terroristiku, kwalunkwe ksur gravi li jippreġudika l-ħajja jew l-integrità fiżika, il-libertà, l-integrità morali, il-libertà u l-integrità sesswali, l-oġġetti, ir-riżorsi naturali jew l-ambjent, is-saħħa pubblika, kif ukoll kwalunkwe ksur gravi li joħloq riskju ta’ diżastru, ħruq doluż, falsifikazzjoni jew użu ta’ dokumenti foloz, reati kontra l-Kuruna, reati kontra rappreżentant tal-awtorità jew uffiċjal pubbliku fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, il-pussess, it-traffikar u l-pussess ta’ armi, munizzjon jew ta’ splussivi previsti f’dan il-Kodiċi, u l-ħtif ta’ inġenji tal-ajru, vapuri jew mezzi oħra ta’ trasport pubbliku jew ta’ trasport ta’ merkanzija, imwettqa għall-finijiet li ġejjin:

1)      Sabiex tingħeleb l-ordni kostituzzjonali, jew għat-tneħħija jew għad-destabilizzazzjoni serja tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet politiċi jew tal-istrutturi ekonomiċi jew soċjali tal-Istat, jew sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jiġu mġiegħla jwettqu jew jastjenu milli jwettqu att.

2)      Disturb serju għall-paċi pubblika.

3)      Destabilizzazzjoni serja tal-funzjonament ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

4)      Provokazzjoni ta’ stat ta’ terrur fil-popolazzjoni jew f’parti minnha.

[...]

3.      Ir-reati l-oħra inklużi f’dan il-Kapitolu jikkostitwixxu wkoll reati terroristiċi.”

14      L-Artikolu 574 tal-istess kodiċi jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-pussess ta’ armi jew ta’ munizzjon, il-pussess jew iż-żamma ta’ sustanzi jew ta’ apparat splussivi, li jaqbdu, li jieħdu n-nar jew asfissjanti jew tal-komponenti tagħhom, kif ukoll il-manifattura, it-traffikar, it-trasport jew il-provvista tagħhom fi kwalunkwe forma, u s-sempliċi tqegħid jew użu ta’ dawn is-sustanzi jew apparat jew artefatti xierqa, huma punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn tmienja u ħmistax-il sena meta l-atti jitwettqu għal wieħed mill-għanijiet stabbiliti fil-paragrafu (1) tal-Artikolu 573.”

 Il-LOA

15      Il-preambolu tal-Ley Orgánica 1/2024 de amnistía para la normalización institucional, política y social en Cataluña (il-Liġi Organika 1/2024 dwar l-Amnestija għan-Normalizzazzjoni Istituzzjonali, Politika u Soċjali tal-Cataluña), tal‑10 ta’ Ġunju 2024 (BOE no 141, tal‑11 ta’ Ġunju 2024, p. 67764, iktar ’il quddiem il-“LOA”), jipprovdi:

“I

Kull amnestija hija kkonċepita bħala mekkaniżmu legali intiż biex issir deroga mill-applikazzjoni tal-liġijiet validament fis-seħħ meta atti kklassifikati bħala reati jew li jagħtu lok għal forma oħra ta’ responsabbiltà jkunu twettqu f’kuntest speċifiku.

Din il-fakultà leġiżlattiva hija stabbilita fis-sistema legali bħala mezz xieraq sabiex jiġu indirizzati ċirkustanzi politiċi eċċezzjonali li, fi ħdan Stat tad-dritt, isegwu interess ġenerali, bħall-ħtieġa li jingħelbu u li jitnaqqsu kunflitti politiċi u soċjali msejsa sew, bl-għan ta’ koeżistenza aħjar u koeżjoni soċjali, kif ukoll tal-integrazzjoni tad-diversi opinjonijiet politiċi.

Għaldaqstant, din hija istituzzjoni li tittraduċi deċiżjoni politika permezz ta’ liġi vvotata mill-Parlament, espressjoni tar-rwol mogħti mill-Kostituzzjoni lill-Cortes Generales (il-Parlament Spanjol), korp inkarigat li jirrappreżenta s-sovranità popolari fi ħdan is-setgħat ikkostitwiti u li jorjenta liberament ir-rieda ġenerali permezz tal-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva skont il-metodi stabbiliti minn qabel.

[...]

Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjoni tal-amnestija hija rrikonoxxuta sew. [...]

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-[sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem), (C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339)] tagħha, mhux biss tirrikonoxxi l-possibbiltà tal-eżistenza ta’ amnestiji, iżda tipprevedi, barra minn hekk, li dawn għandhom l-għan li jtellfu n-natura kriminali tal-atti li huma jkopru, b’tali mod li r-reat ma jkunx jista’ jagħti lok għal proċeduri kriminali u, jekk tkun diġà ngħatat kundanna, l-eżekuzzjoni tagħha tintemm, li jimplika għalhekk, bħala prinċipju, li s-sanzjoni imposta ma tkunx tista’ iktar tiġi eżegwita. Iktar reċentement, fis-[sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija) (C‑203/20, EU:C:2021:1016)] tagħha, l-istess Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-possibbiltà li tagħlaq il-proċeduri kriminali u li ttemm il-pieni, abbażi ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija bis-saħħa ta’ amnestija li tirriżulta minn proċedura ta’ natura leġiżlattiva.

Bl-istess mod, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet il-validità u l-opportunità politika tal-amnestija, billi stabbilixxiet bħala limitu l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, minħabba li dawn huma atti li ma jistgħux jiġu esklużi mill-obbligu tal-Istati li jipproċedu kontrihom u li jissanzjonawhom (b’mod partikolari, [Qorti EDB, 27 ta’ Mejju 2014, Marguš vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2014:0527JUD000445510]).

Min-naħa tagħhom, kemm il-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (imsejħa l-‘Kummissjoni ta’ Venezia’) iċċaraw ukoll il-validità ta’ miżuri bħall-amnestija u l-kompatibbiltà tagħhom mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kemm fir-Rakkomandazzjoni CM/Rec 7 (2010) 12 kif ukoll fl-Opinjoni Nru 710/2012 [CDL-AD(2013)009], maħruġa fis-sessjoni plenarja tat‑8 u tad‑9 ta’ Marzu 2013.

[...]

V

[...]

Min-naħa l-oħra, in-natura ta’ liġi speċjali li, fl-interess ġenerali, toħloq eżenzjoni mill-applikazzjoni tar-regoli fis-seħħ għal avvenimenti li seħħew f’kuntest speċifiku, għandu jkollha bħala konsegwenza li l-qrati li, fil-mument tal-adozzjoni ta’ din il-liġi, ikunu aditi bi proċedura li taqa’ taħt din il-liġi, ineħħu immedjatament il-miżuri restrittivi li jkunu ġew adottati u li jirrestrinġu d-drittijiet, anki fil-każ li jkun hemm sospensjoni possibbli ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet għandha dejjem tosserva r-rekwiżiti stabbiliti fil-[KEDB], fil-[Karta] u fil-[Constitución española (il-Kostituzzjoni Spanjola)], b’tali mod li jiġi ggarantit li r-restrizzjonijiet tad-drittijiet u tal-libertajiet ikunu bbażati fuq bażi legali soda.

[...]

Bħala konklużjoni, din il-liġi hija intiża sabiex tipprovdi ċ-ċertezza legali, l-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità u qafas ġuridiku għall-protezzjoni imparzjali tad-drittijiet fundamentali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezia li, fl-opinjoni tagħha tal‑2013, enfasizzat l-importanza li tinżamm distinzjoni ċara bejn il-poteri leġiżlattivi u ġudizzjarji fl-implimentazzjoni tal-amnestija, b’tali mod li jiġu ggarantiti r-rispett tal-awtonomija ġudizzjarja u tal-prinċipji demokratiċi.

VI

[...]

It-Titolu I jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-amnestija. Għal dan l-għan, jiddeskrivi qabelxejn l-atti kklassifikati bħala reati jew bħala li jagħtu lok għal responsabbiltà amministrattiva jew responsabbiltà fil-qasam ta’ fondi pubbliċi, imwettqa fil-kuntest tal-proċess ta’ indipendenza tal-Cataluña u marbuta, b’xi mod jew ieħor, mal-konsultazzjoni tad‑9 ta’ Novembru 2014 u mar-referendum tal‑1 ta’ Ottubru 2017, it-tnejn li huma ddikjarati inkostituzzjonali u li ngħataw eżenzjoni permezz ta’ din il-liġi. Jippreċiża wkoll il-perijodu li matulu dawn l-atti kellhom jitwettqu, mill‑1 ta’ Novembru 2011 sat‑13 ta’ Novembru 2023.

Imbagħad jidentifika l-atti kklassifikati bħala reati li għalihom din l-amnestija ma tapplika taħt ebda ċirkustanza, peress li mhux kull att jew reat jista’ jew għandu jibbenefika minn amnestija.

Konformement ma’ dak li indikat il-[Kummissjoni ta’ Venezia] fl-opinjoni tagħha tal‑11 ta’ Marzu 2013, adottata waqt l‑94 sessjoni plenarja tagħha, dan l-approċċ, li barra minn hekk huwa astratt peress li fl-ebda każ ma jimplika evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ atti li jistgħu jaqgħu taħt kull waħda minn dawn l-esklużjonijiet, huwa indispensabbli. Għaldaqstant, huwa l-poter leġiżlattiv li għandu jistabbilixxi l-kriterji sabiex jingħata l-benefiċċju tal-amnestija u huwa l-poter ġudizzjarju li għandu jidentifika l-persuni speċifiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ddefinit mil-leġiżlatur.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-identifikazzjoni astratta ta’ ċerti esklużjonijiet hija kundizzjoni neċessarja għall-konformità sħiħa ta’ din il-liġi mal-istandards internazzjonali dwar l-atti li ma jistgħux jingħataw amnestija, regoli żviluppati mill-ġurisprudenza internazzjonali, b’mod partikolari dik Ewropea, u li jirriflettu l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali u Ewropew tad-drittijiet tal-bniedem.

Din il-liġi ta’ amnestija tfasslet għalhekk skont l-impenji Ewropej u internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, abbażi tal-linji gwida tat-trattati u tal-korpi internazzjonali bħalma huma l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-[KEDB]. L-inklużjoni ta’ esklużjonijiet speċifiċi hija essenzjali biex tiġi żgurata l-osservanza tal-istandards internazzjonali u biex tiġi indirizzata l-ġurisprudenza rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, li tirrifletti l-pożizzjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’kawżi bħal Marguš vs Il‑Kroazja. Għalhekk, l-atti li jikkostitwixxu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi, konformement mal-prinċipji tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-impunità għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità huma segwiti, b’distinzjoni bejn reati serji u atti oħra li, għalkemm ma jissodisfawx ċerti kriterji formali, ma humiex neċessarjament esklużi mill-benefiċċju tal-amnestija.

Dan l-approċċ juri impenn favur il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, li jirrikonċilja l-amnestija mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-impenji internazzjonali tar-Renju ta’ Spanja.

Ir-riferiment għall-atti previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva [2017/541], jew fl-Artikolu 3 tal-[KEDB], li jipprojbixxi t-tortura u l-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, peress li dawn huma limitu li ma jistax jinqabeż, jikkostitwixxu eżempju ta’ dak indikat iktar ’il fuq. Madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li mhux l-atti degradanti kollha jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li teħtieġ li l-att, minbarra li jkun illegali, irid jilħaq livell minimu ta’ gravità. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex l-att jitqies bħala degradanti fis-sens tal-Artikolu 3 tal-[KEDB], ġeneralment ikun meħtieġ li l-feriti kkawżati lill-persuna jew it-tbatija mġarrba mill-vittma jkunu ta’ ċerta intensità jew, fi kwalunkwe każ, kapaċi li jkissru r-reżistenza morali jew fiżika ta’ persuna. Ġiet adottata sistema restrittiva ta’ esklużjonijiet mill-applikazzjoni ta’ din il-liġi, peress li ċertu aġir jista’ jwassal għal konfużjoni ma’ reati oħra, li jista’ jkun il-każ għal ċerti atti li jaqgħu taħt il-Kapitolu VII tat-Titolu XXII tal-Ktieb II tal-Kodiċi Kriminali.

F’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezia, l-atti li fir-rigward tagħhom tista’ tingħata amnestija ġew iddefiniti b’mod preċiż u ddettaljat, sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi. Din il-preċiżazzjoni hija kruċjali, b’mod partikolari, fir-rigward tal-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, u tippermetti li ssir distinzjoni ċara bejn atti li jistgħu jingħataw amnestija u atti ta’ korruzzjoni, li fir-rigward tagħhom tali miżura ma tapplikax.

[...]”

16      L-Artikolu 1 tal-LOA, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae”, jipprovdi:

“1.      Qiegħda tingħata amnestija għall-atti li ġejjin li jagħtu lok għal responsabbiltà kriminali, amministrattiva, jew għal responsabbiltà fil-qasam ta’ fondi pubbliċi, imwettqa fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet li saru fil-Cataluña fid‑9 ta’ Novembru 2014 u fl‑1 ta’ Ottubru 2017, għall-preparazzjoni tagħhom jew għall-konsegwenzi tagħhom, sakemm twettqu bejn l‑1 ta’ Novembru 2011 u t‑13 ta’ Novembru 2023, kif ukoll għall-atti li ġejjin, imwettqa bejn dawn id-dati fil-kuntest ta’ dak li huwa magħruf bħala l-proċess tal-indipendenza ta’ Cataluña, anki jekk ma humiex marbuta mal-konsultazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jew jekk ikunu twettqu sussegwentement għalihom:

a)      L-atti mwettqa bl-intenzjoni li tiġi ddikjarata, promossa jew miksuba s-seċessjoni jew l-indipendenza tal-Cataluña, kif ukoll dawk li kkontribwixxew għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet.

[...]

f)      L-atti mwettqa bl-għan li jiffavorixxu, jiksbu jew jiffaċilitaw wieħed mill-atti li jagħtu lok għal responsabbiltà kriminali, amministrattiva jew għal responsabbiltà fil-qasam ta’ fondi pubbliċi msemmija fil-punti preċedenti ta’ dan l-artikolu, kif ukoll kull att ieħor li huwa materjalment marbut magħhom.

2.      L-atti li jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali, amministrattiva jew għal responsabbiltà fil-qasam ta’ fondi pubbliċi u li ngħatalhom amnestija skont il-paragrafu 1 jibqgħu jibbenefikaw mill-amnestija, irrispettivament mill-istadju ta’ implimentazzjoni tagħhom, inklużi l-atti preparatorji, u irrispettivament mill-kwalità ta’ awtur jew parteċipant tal-persuna kkonċernata.

[...]”

17      L-Artikolu 2 tal-LOA intitolat “Esklużjonijiet”, jipprevedi:

“Fi kwalunkwe każ, huma esklużi mill-applikazzjoni tal-amnestija prevista fl-Artikolu 1:

a)      Atti malizzjużi kontra persuni li wasslu għall-mewt, l-abort jew il-korriment tal-fetu, it-telf ta’ organu jew membru jew l-użu tagħhom, it-telf ta’ sens jew tal-użu tiegħu, l-impotenza, l-isterilità jew sfigurazzjoni serja.

b)      L-atti kklassifikati bħala tortura jew trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 3 tal-[KEDB], bl-eċċezzjoni ta’ trattamenti li ma jaqbżux livell minimu ta’ gravità sa fejn ma humiex ta’ natura li jkunu umiljanti jew degradanti għal persuna, li jippreġudikaw id-dinjità tagħha jew li joħolqu fiha sentimenti ta’ biża’, ta’ ansjetà jew ta’ inferjorità li jistgħu jiksru r-reżistenza morali jew fiżika tagħha.

c)      Atti li, minħabba l-għan tagħhom, jistgħu jiġu kklassifikati bħala terroriżmu skont id-Direttiva [2017/541] u li kkawżaw ukoll intenzjonalment ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari dawk koperti mill-Artikoli 2 u 3 tal-[KEDB] u mid-dritt umanitarju internazzjonali.

[...]”

18      Skont l-Artikolu 9 tal-LOA, intitolat “Ġuriżdizzjoni għall-applikazzjoni tal-amnestija”:

“1.      L-amnestija għall-atti li jikkostitwixxu reat għandha tiġi applikata mill-qrati msemmija fl-Artikolu 11 ta’ din il-liġi, ex officio jew fuq talba ta’ parti jew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u, fi kwalunkwe każ, wara li jkunu nstemgħu l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-partijiet.

2.      L-amnestija għall-atti li jikkostitwixxu nuqqasijiet amministrattivi jew li jagħtu lok għar-responsabbiltà fil-qasam ta’ fondi pubbliċi għandha tiġi applikata mill-korpi kompetenti sabiex jiftħu, jipproċessaw jew jagħlqu l-proċeduri li jikkorrispondu għal dawn l-atti, skont l-istat ta’ progress ta’ dawn tal-aħħar, wara li jkunu semgħu lill-persuna kkonċernata.

3.      Att konkret, li jagħti lok għal responsabbiltà kriminali, amministrattiva jew għal responsabbiltà fil-qasam ta’ fondi pubbliċi, jista’ jitqies li ngħatat amnestija fil-konfront tiegħu biss meta tali amnestija tkun ġiet iddikjarata permezz ta’ deċiżjoni definittiva mogħtija mill-korp kompetenti, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.”

19      L-Artikolu 10 tal-LOA, intitolat “Ipproċessar prijoritarju u urġenti”, jipprevedi:

“L-applikazzjoni tal-amnestija f’kull kawża taqa’ fuq il-korpi ġudizzjarji, amministrattivi jew kontabbli indikati f’din il-liġi, li għandhom jadottaw, bħala kwistjoni ta’ prijorità u urġenza, id-deċiżjonijiet rilevanti konformement ma’ din il-liġi, irrispettivament mill-istadju ta’ progress tal-proċedura amministrattiva jew tal-proċedura ġudizzjarja jew għal responsabbiltà fil-qasam ta’ fondi pubbliċi kkonċernati.

Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fi żmien massimu ta’ xahrejn, mingħajr preġudizzju għal appelli sussegwenti, li ma għandhomx effett sospensiv.”

20      L-Artikolu 11 tal-LOA, intitolat “Proċedura fil-qasam kriminali”, jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Il-korpi ġudizzjarji għandhom japplikaw l-amnestija f’kwalunkwe stadju tal-proċeduri kriminali.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      Fit‑23 ta’ Novembru 2023, il-Ministerio Fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja) ippreżenta, quddiem il-Juzgado Central de Instrucción no 6 de la Audiencia Nacional (il-Qorti Istruttorja Ċentrali Nru 6 tal-Qorti Nazzjonali, Spanja), att ta’ akkuża provviżorju li permezz tiegħu huwa ressaq azzjoni kriminali għal atti li jikkostitwixxu reati minħabba sħubija f’organizzazzjoni terroristika, pussess, żamma u manifattura għal skopijiet terroristiċi ta’ sustanzi jew apparati li jieħdu n-nar jew splussivi jew tal-komponenti tagħhom, kif ukoll għal tentattiv ta’ qerda ta’ natura terroristika, kontra tnax-il persuna, jiġifieri EGB, EGC, SPG, QCR, GTA, ACB, JRS, RJDL, FJG, XBLL, DBA u CBE.

22      L-Associació Catalana de Víctimes d’Organitzacions Terroristes (ACVOT), l-Asociación de Víctimas del Terrorismo (AVT), l-Asociación Dignidad y Justicia, l-Asociación Española de la Guardia Civil (AEGC), l-Asociación Unificada de la Guardia Civil (AUGC), assoċjazzjonijiet Spanjoli u l-partido político VOX (il-partit politiku Spanjol VOX) intervjenew ukoll f’din il-proċedura sabiex jeżerċitaw l-azzjoni popolari (actio popularis) u ppreżentaw att ta’ akkuża.

23      Wara l-finalizzazzjoni tal-fażi istruttorja, il-kawża tressqet quddiem is-Sala de lo Penal, Sección Tercera, de la Audiencia Nacional (it-Tielet Awla tas-Sezzjoni Kriminali tal-Qorti Nazzjonali, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

24      Din il-qorti tesponi li l-att ta’ akkuża tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-att ta’ akkuża tal-prosekuzzjoni popolari jsemmu b’mod partikolari x-xiri ta’ prekursuri tal-isplussivi, il-pussess ta’ manwali għall-manifattura ta’ apparat splussiv u li jaqbad, parteċipazzjoni f’laqgħat konġunti u f’laboratorju klandestin fejn ġie ffabbrikat apparat li jieħu n-nar, kif ukoll skambji bejn l-akkużati permezz ta’ applikazzjoni għal messaġġi elettroniċi. Il-fatti inkwistjoni, li seħħew bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2017 u x-xahar ta’ Novembru 2019, jaqgħu taħt l-Artikoli 346 u 571 sa 574 tal-Kodiċi Kriminali kif ukoll taħt l-Artikoli 3, 4 u 13 sa 15 tad-Direttiva 2017/541.

25      L-imsemmija qorti tenfasizza madankollu li la dan l-att ta’ akkuża tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u lanqas l-att ta’ akkuża tal-prosekuzzjoni popolari ma jsemmu li dawn l-atti kkawżaw intenzjonalment ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tal-LOA.

26      Wara d-dħul fis-seħħ, fil‑11 ta’ Ġunju 2024, tal-LOA, l-akkużati ressqu talba għal amnestija, li issa l-qorti tar-rinviju għandha tieħu deċiżjoni dwarha. Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar jekk l-applikazzjoni tal-amnestija tiksirx id-dritt tal-Unjoni.

27      L-ewwel nett, il-fatti inkwistjoni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku”, fis-sens tad-Direttiva 2017/541, li, skont din id-direttiva, għandha tkun punibbli b’sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi. Issa, l-applikazzjoni tal-LOA twassal għall-impossibbiltà li jitressqu proċeduri kriminali u li tingħata deċiżjoni dwar dawn l-atti u għall-estinzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-akkużati.

28      It-tieni nett, l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva jagħti lok għal responsabbiltà kriminali ta’ kull parteċipant fl-organizzazzjoni, anki jekk ma jkun twettaq ebda reat terroristiku ieħor. Issa, il-LOA, li tidher li teskludi, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni tagħha għar-reati terroristiċi previsti mill-istess direttiva, tissuġġetta n-natura punibbli tal-att għal kundizzjoni addizzjonali li ma hijiex prevista minnha, jiġifieri l-fatt li l-att ikun ikkawża intenzjonalment ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem.

29      It-tielet nett, l-Artikolu 2(c) tal-LOA huwa bbażat fuq il-premessa li ċerti atti terroristiċi jiksru b’mod gravi d-drittijiet tal-bniedem u ma jistgħux jingħataw amnestija, filwaqt li atti terroristiċi oħra ma jagħtux lok għal tali ksur u jistgħu jingħataw amnestija. Issa, tali distinzjoni ma tidhirx fid-Direttiva 2017/541.

30      Ir-raba’ nett, din id-dispożizzjoni, li l-formulazzjoni tagħha hija impreċiża, ma tindikax b’mod ċar u inekwivoku l-limitu ta’ gravità li minnu reat jista’ jitqies li jista’ jew ma jistax jibbenefika minn amnestija, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

31      Il-ħames nett, id-Direttiva 2017/541 teżiġi li r-reati inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu punibbli b’sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi. Issa, l-applikazzjoni tal-LOA għandha l-effett li teżenta minn kull responsabbiltà kriminali l-persuni akkużati li wettqu tali reati.

32      Is-sitt nett, l-Unjoni eżerċitat il-kompetenzi tagħha meta adottat id-Direttiva 2017/541, li d-dispożizzjonijiet tagħha għandhom jiġu osservati mil-leġiżlatur nazzjonali, taħt piena ta’ ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

33      Is-seba’ nett, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-LOA huwa limitat għal ċerti atti mwettqa bejn l‑1 ta’ Novembru 2011 u t‑13 ta’ Novembru 2023 fil-kuntest tal-moviment favur l-indipendenza tal-Cataluña, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan jistax iwassal għal trattament diskriminatorju, kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, għad-detriment ta’ kull min wettaq, matul l-istess perijodu, atti analogi li madankollu seħħew f’kuntest ieħor, mingħajr ma tali trattament diskriminatorju jkun iġġustifikat minn raġunijiet ta’ interess ġenerali.

34      Fl-aħħar u fit-tmien nett, għandu jiġi mistoqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-amnestija, kif prevista mil-LOA, hijiex kompatibbli mad-dritt għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll mal-funzjoni essenzjali tal-Istati Membri li jiżguraw l-integrità territorjali tagħhom.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-Direttiva [2017/541], għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-[LOA] li tipprekludi t-teħid ta’ azzjonijiet legali, u jekk ikun il-każ l-impożizzjoni ta’ piena, kontra persuni li jipparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, billi ttemm ir-responsabbiltà kriminali tagħhom?

2)      Id-Direttiva 2017/541, b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-[LOA], li tipprekludi t-teħid ta’ azzjonijiet legali, u jekk ikun il-każ l-impożizzjoni ta’ piena, kontra persuni li jipparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, billi ttemm ir-responsabbiltà kriminali tagħhom, sa fejn din timponi, sabiex l-att ikun punibbli, minbarra r-rekwiżit li jkun hemm parteċipazzjoni fi grupp terroristiku, rekwiżit addizzjonali li jikkonsisti f’li jkun ġie kkawżat, effettivament u intenzjonalment, ksur serju tad-drittijiet umani?

3)      Id-Direttiva 2017/541 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-[LOA] li tagħmel distinzjoni, bejn ir-reati ta’ terroriżmu u r-reati relatati ma’ grupp terroristiku previsti fl-imsemmija direttiva, skont jekk dawn ikunux ikkawżaw, effettivament u intenzjonalment, ksur serju tad-drittijiet umani, b’tali mod li din id-distinzjoni tippermetti li wħud minn dawn ir-reati ta’ terroriżmu jew relatati ma’ gruppi terroristiċi jkunu eżentati mir-responsabbiltà kriminali?

4)      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali tad-dritt tal-Unjoni, sanċit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-[LOA], li tissuġġetta l-eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali, permezz ta’ amnestija lill-persuni akkużati b’kondotta li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2017/541, għall-kundizzjoni li dawn ma jkunux ikkawżaw, effettivament u intenzjonalment, ksur serju tad-drittijiet umani, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikoli 2 u 3 tal-[KEDB] u tal-Libertajiet Fundamentali, u fid-dritt umanitarju internazzjonali, mingħajr ma tispeċifika la liema huma l-atti li jikkostitwixxu tali ksur u lanqas il-livell ta’ gravità li għandu jinqabeż sabiex l-amnestija ssir ineffettiva? Alternattivament, il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali tad-dritt tal-Unjoni huma kompatibbli ma’ leġiżlazzjoni, bħal dik prevista fl-Artikolu 1 tal-[LOA], li tistabbilixxi parametri, kemm oġġettivi kif ukoll suġġettivi, mhux preċiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-responsabbiltà kriminali hijiex meħtieġa jew le?

5)      Id-Direttiva 2017/541 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-[LOA] li tipprekludi t-teħid ta’ azzjonijiet legali, u jekk ikun il-każ l-impożizzjoni ta’ piena, kontra persuni li jimmanifatturaw, ikunu fil-pussess, jakkwistaw, jittrasportaw, jipprovdu jew jużaw splussivi għal finijiet terroristiċi, billi ttemm ir-responsabbiltà kriminali tagħhom?

6)      Id-Direttiva 2017/541 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-[LOA] li tipprekludi t-teħid ta’ azzjonijiet legali, u jekk ikun il-każ l-impożizzjoni ta’ piena - billi ttemm ir-responsabbiltà kriminali tagħhom - kontra persuni li, għal finijiet terroristiċi, iniedu l-eżekuzzjoni ta’ azzjonijiet vjolenti kemm permezz tal-identifikazzjoni ta’ objettivi li għandhom ikunu suġġetti għal qerda massiva għaliex jirrappreżentaw ideoloġija opposta għal dik tal-grupp terroristiku, kif ukoll permezz tas-sorveljanza u tal-ġbir ta’ dokumentazzjoni fotografika tal-postijiet pubbliċi li għandhom jinqerdu; b’mod partikolari tas-sedi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, tal-forzi u tal-korpi tas-sigurtà tal-Istat, tal-istituzzjonijiet tal-komunitajiet awtonomi, jew tal-vetturi tal-pulizija; dan kollu sabiex jiggarantixxu l-eżekuzzjoni xierqa tal-pjan vjolenti mfassal mill-grupp terroristiku bil-għan li din il-qerda sseħħ b’suċċess?

7)      Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni sanċit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni legali previst fl-Artikolu 4(3) TUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-[LOA], li teżenta mir-responsabbiltà kriminali, permezz ta’ amnestija, lil dawk il-persuni akkużati b’aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2017/541?

8)      L-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-[LOA], li teżenta mir-responsabbiltà kriminali, permezz ta’ amnestija, lil dawk il-persuni akkużati b’kondotta li tikkostitwixxi reat fi Spanja, u li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2017/541, minħabba l-għan ideoloġiku wara dawn l-atti li jikkostitwixxu reat?

9)      L-Artikolu 4(2) TUE u l-Artikoli 20(2) u 21(1) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-[LOA] li, permezz ta’ amnestija, teżenta mir-responsabbiltà kriminali lil dawk il-persuni akkużati b’terroriżmu minħabba li l-għan tal-atti mwettqa kien is-seċessjoni ta’ parti mit-territorju nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru?”

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

36      Wara l-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fit‑13 ta’ Novembru 2025, il-partit politiku u l-assoċjazzjonijiet imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza talbu, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Novembru 2025, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

37      Insostenn tat-talba tagħhom, dawn il-partijiet jesponu li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jeżaminaw aspett, diskuss waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li l-qorti tar-rinviju ma staqsietx lill-Qorti tal-Ġustizzja dwaru u li ma huwiex il-kompitu ta’ din tal-aħħar li tevalwa, jiġifieri l-motivi li wasslu lil-leġiżlatur Spanjol sabiex jadotta l-LOA.

38      Bis-saħħa tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39      Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

40      Fil-fatt, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali f’din il-kawża ma jistgħux jikkostitwixxu fatt ġdid fis-sens ta’ dan l-Artikolu 83 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑26 ta’ Frar 2026, VIRUS et, C‑131/24, EU:C:2026:109, punt 33).

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tad‑26 ta’ Frar 2026, VIRUS et, C‑131/24, EU:C:2026:109, punt 34).

42      Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Għalhekk din ma hijiex opinjoni indirizzata lill-imħallfin jew lill-partijiet minn awtorità esterna għall-Qorti tal-Ġustizzja, iżda fehma individwali, motivata u espressa pubblikament, ta’ membru ta’ dik l-Istituzzjoni stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistgħux jiġu diskussi mill-partijiet. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta mill-konklużjonijiet u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti interessata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tad‑26 ta’ Frar 2026, VIRUS et, C‑131/24, EU:C:2026:109, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Barra minn hekk, fid-dawl tal-elementi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

45      EGC u GTA kif ukoll l-Uffiċċju tal-Prosekutur jeċċepixxu l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari, li huma irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kawża prinċipali. Fil-fehma tagħhom, peress li l-Artikolu 2(c) tal-LOA jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-atti li, minħabba l-għan tagħhom, jistgħu jiġu kklassifikati bħala terroristiċi skont id-Direttiva 2017/541 u li kkawżaw ukoll intenzjonalment ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, dawn id-domandi huma ipotetiċi.

46      Fir-rigward tal-Gvern Spanjol, dan jinvoka n-natura ipotetika tar-raba’ domanda fid-dawl tal-assenza, f’dan il-każ, ta’ twettiq intenzjonali ta’ ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem.

47      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawżi prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, kemm-il darba d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għalhekk, iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jirriżulta b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawżi prinċipali, fejn il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme, C‑36/99, EU:C:2000:405, punt 20, u tat‑2 ta’ Diċembru 2025, Stichting Right to Consumer Justice Stichting u Stichting App Stores Claims, C‑34/24, EU:C:2025:936, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tal-ewwel tmien domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kundizzjonijiet li fihom l-LOA teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha r-reati li jaqgħu taħt id-Direttiva 2017/541 u tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-amnestija humiex konformi ma’ din id-direttiva, kif ukoll ma’ regoli u prinċipji oħra tad-dritt tal-Unjoni. Id-dubji li l-qorti tar-rinviju għandha f’dan ir-rigward jirriżultaw mill-fatt li, filwaqt li r-reati inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibbenefikaw bħala prinċipju mill-amnestija bis-saħħa tal-LOA, dawn jaqgħu, fil-fehma tagħha, taħt il-kunċett ta’ “parteċipazzjoni fi grupp terroristiku”, fis-sens ta’ din id-direttiva. Minn dan isegwi li risposta għal dawn id-domandi hija neċessarja sabiex din il-qorti tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha fil-kawża prinċipali.

49      Min-naħa l-oħra, permezz tad-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) TUE, kif ukoll tal-Artikolu 20(2)(a) u tal-Artikolu 21(1) TFUE.

50      Hija tistaqsi, essenzjalment, jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija l-LOA, sa fejn din teżenta minn kull responsabbiltà kriminali lil persuni akkużati b’atti mwettqa bil-għan li tinkiseb is-seċessjoni ta’ parti mit-territorju nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan ir-rigward, skont il-qorti tar-rinviju, il-LOA toħloq riskju ta’ repetizzjoni jew ta’ ġeneralizzazzjoni ta’ tali atti, li jippreġudika l-integrità territorjali tal-Istati Membri u l-libertajiet ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni.

51      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju “tagħti s-sentenza” tagħha fil-kawża li hija adita biha. Fil-kuntest ta’ tali proċedura, għandu għalhekk ikun hemm, bejn l-imsemmija tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, rabta b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 45 u 48, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Tenergie (Talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni), C‑259/24, EU:C:2025:1013, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan il-każ, jidher b’mod manifest li l-punt dwar jekk, b’mod ġenerali, miżura ta’ amnestija tistax tippreġudika l-integrità territorjali ta’ Stat Membru jew id-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, imsemmija, minn naħa, fl-Artikolu 4(2) TUE u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 20(2)(a) u fl-Artikolu 21(1) TFUE, ma għandux rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

53      Fil-fatt, din il-kawża għandha bħala suġġett proċeduri kriminali kontra persuni akkużati għal atti li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-LOA, b’tali mod li l-interpretazzjoni mitluba ma tissodisfax bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tieħu.

54      Minn dan isegwi li l-ewwel tmien domandi huma ammissibbli, filwaqt li d-disa’ domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

 Fuq il-mertu

55      Permezz tal-ewwel sat-tmien domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2017/541, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ supremazija u ta’ kooperazzjoni leali, ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi liġi nazzjonali ta’ amnestija li tipprevedi l-estinzjoni tar-responsabbiltà kriminali ta’ kull persuna li tkun wettqet, matul perijodu limitat u fil-kuntest tal-għan tal-ksib tal-indipendenza ta’ parti mit-territorju nazzjonali ta’ Stat Membru, atti msemmija f’din id-direttiva li ma kkawżawx intenzjonalment ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, li din il-liġi la tippreċiża n-natura eżatta u lanqas il-limitu ta’ gravità tagħhom.

56      Għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-LOA, li hija s-suġġett tad-domandi magħmula minn din il-qorti, tipprevedi, fl-Artikolu 2(c) tagħha li huma esklużi mill-applikazzjoni tal-amnestija l-atti li, minħabba l-għan tagħhom, jistgħu jiġu kklassifikati bħala terroriżmu skont id-Direttiva 2017/541 u li kkawżaw ukoll intenzjonalment ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari dawk koperti mill-Artikoli 2 u 3 tal-KEDB u mid-dritt umanitarju internazzjonali.

57      L-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-amnestija prevista fl-Artikolu 2(c) tal-LOA hija għalhekk suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Għalhekk, l-atti esklużi mill-amnestija għandhom, minn naħa, fid-dawl tal-għan tagħhom, ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala terroriżmu fis-sens ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, ikunu kkawżaw intenzjonalment ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa, b’mod partikolari, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju.

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li anki jekk l-adozzjoni u r-revoka ta’ amnestija jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija), C‑203/20, EU:C:2021:1016, punt 40), dawn tal-aħħar xorta waħda huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, li josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2024, Procura della Repubblica presso il Tribunale di Bolzano, C‑178/22, EU:C:2024:371, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      F’dan il-każ, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2017/541 jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 83(1) TFUE, din tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati u sanzjonijiet kriminali fil-qasam ta’ reati terroristiċi, reati relatati ma’ grupp terroristiku u reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi, kif ukoll miżuri ta’ protezzjoni, appoġġ u assistenza għall-vittmi tat-terroriżmu.

60      Barra minn hekk, l-Artikoli 3, 4, 13, 14 u 15 ta’ din id-direttiva jobbligaw lill-Istati Membri, l-ewwel nett, li jikkriminalizzaw sensiela ta’ atti mwettqa b’għan terroristiku, it-tieni nett, li jippenalizzaw reati marbuta ma’ grupp terroristiku jew ma’ attivitajiet terroristiċi, kif ukoll atti ta’ kompliċità f’dawn ir-reati, l-inkoraġġiment tat-twettiq ta’ tali reati u t-tentattiv ta’ twettiq tagħhom, kif ukoll, it-tielet nett, li jipprevedu sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom ikunu iktar severi minn dawk previsti mid-dritt nazzjonali fl-assenza ta’ intenzjoni terroristika.

61      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, id-direttiva torbot lill-Istat Membri destinatarji kollha fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-għażla tal-forma u tal-mezzi. Għalkemm din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-libertà tal-għażla tal-metodi u tal-mezzi intiżi li jiżguraw l-implimentazzjoni tad-direttiva, din il-libertà ma taffettwax madankollu l-obbligu, għal kull wieħed mill-Istati destinatarji, li jadottaw, fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali tagħhom, il-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li d-direttiva tkun effettiva b’mod sħiħ, f’konformità mal-objettivi segwiti permezz tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2026, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Direttiva 2016/1164 – Taxxa doppja), C‑524/23, EU:C:2026:111, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata)

62      Huwa paċifiku li, konformement mal-obbligu msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2017/541 ġiet debitament trasposta fid-dritt Spanjol qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, madankollu, li rinunzja għall-applikazzjoni, permezz ta’ amnestija, tas-sanzjonijiet previsti mil-liġi li żgurat din it-traspożizzjoni tista’ tikser id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2017/541 ma tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ estinzjoni tar-responsabbiltà kriminali, bħalma hija l-amnestija, u għalhekk ma tiddeterminax espliċitament il-limiti li jirregolaw tali mekkaniżmi.

64      Issa, l-applikazzjoni ta’ amnestija bħal dik prevista mil-LOA għandha bħala effett li atti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala terroriżmu u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija liġi, f’dan il-każ atti li twettqu bejn l‑1 ta’ Novembru 2011 u t‑13 ta’ Novembru 2023 fil-kuntest speċifiku tal-moviment favur l-indipendenza tal-Cataluña, ma jistgħux iktar ikunu s-suġġett ta’ proċeduri fi Spanja.

65      Sa fejn liġi ta’ amnestija bħalma hija l-LOA twassal għal limitazzjoni, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2017/541, għandu jiġi kkunsidrat li din il-liġi ta’ amnestija taffettwa direttament l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva.

66      Madankollu, kif indika l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-adozzjoni ta’ liġi ta’ amnestija taqa’ bħala prinċipju taħt il-prerogattiva li għandu kull Stat Membru, b’mod partikolari fit-tfittxija ta’ għan ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali jew fit-tfittxija ta’ kompromess politiku, li ma jiħux azzjoni legali kontra ċerti atti speċifiċi, anki jekk jikkostitwixxu reati serji, peress li l-amnestija mogħtija f’dan ir-rigward tista’ titqies bħala strument li jista’ jnaqqas kunflitt politiku jew soċjali maġġuri.

67      Fid-dawl ta’ din l-ispeċifiċità ta’ liġi ta’ amnestija, l-assenza ta’ kull riferiment għal dan il-mekkaniżmu partikolari ta’ estinzjoni tar-responsabbiltà kriminali fid-Direttiva 2017/541 għandha tinftiehem fis-sens li r-regoli minimi li hija tistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, dwar id-definizzjoni tar-reati u tas-sanzjonijiet kriminali fil-qasam tar-reati terroristiċi, tar-reati marbuta ma’ grupp terroristiku u tar-reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi, ma għandhomx l-effett li jipprekludu, bħala prinċipju, l-użu tal-amnestija mill-Istati Membri fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

68      F’dan il-każ, it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja), fis-sentenza tagħha 137/2025 tas‑26 ta’ Ġunju 2025 (BOE Nru 183, tal‑31 ta’ Lulju 2025, p. 103781 (ES:TC:2025:137)), iddeċidiet li l-LOA hija bħala prinċipju kostituzzjonali, wara li kkonstatat, essenzjalment, li l-amnestija adottata abbażi tal-LOA hija intiża sabiex jitnaqqsu t-tensjonijiet istituzzjonali u politiċi maħluqa mill-għan tal-ksib tal-indipendenza tal-Cataluña u sabiex tiffaċilita proċess ta’ rikonċiljazzjoni.

69      Madankollu, sa fejn liġi ta’ amnestija bħal-LOA twassal, kif jirriżulta mill-punt 65 ta’ din is-sentenza, għal limitazzjoni tal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2017/541, għandu, fl-ewwel lok, jiġi vverifikat li din il-liġi ma tkunx tista’ tikkomprometti l-effett utli ta’ din id-direttiva.

70      Dan ikun il-każ fl-ipoteżi fejn din il-liġi ta’ amnestija jkollha l-effett li ġġib fix-xejn l-implimentazzjoni effettiva tal-imsemmija direttiva fl-Istat Membru kkonċernat.

71      Issa, huwa b’koerenza mal-għan speċifiku msemmi fil-punt 68 ta’ din is-sentenza li din il-liġi sempliċement tipprevedi, a posteriori, li ma titteħidx azzjoni legali kontra ċerti reati li jkunu twettqu biss fil-kuntest partikolari tal-moviment favur l-indipendenza tal-Cataluña.

72      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 2(c) tagħha, il-LOA teskludi kull amnestija għall-atti li jkunu kkawżaw intenzjonalment ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari dawk koperti mill-Artikoli 2 u 3 tal-KEDB u mid-dritt umanitarju internazzjonali.

73      Għalhekk, fid-dawl tal-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 2(c) tal-LOA, din il-liġi tippermetti li tittieħed azzjoni legali u li jiġu ssanzjonati l-atti terroristiċi li intenzjonalment ikkawżaw ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, anki jekk l-imsemmija atti twettqu fil-kuntest tal-moviment favur l-indipendenza tal-Cataluña.

74      Barra minn hekk, mill-preambolu u mill-Artikoli 9 sa 11 tal-LOA jirriżulta li, fl-osservanza tal-awtonomija ġudizzjarja, huma l-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni li għandhom jidentifikaw l-atti speċifiċi li, skont l-Artikolu 2(c) ta’ din il-liġi, huma esklużi mill-amnestija.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-estinzjoni tar-responsabbiltà prevista minn liġi ta’ amnestija bħal-LOA, adottata sabiex tnaqqas it-tensjonijiet istituzzjonali u politiċi kif ukoll sabiex tiffaċilita proċess ta’ rikonċiljazzjoni u li l-għan speċifiku tagħha huwa ddefinit fuq il-bażi ta’ tali għanijiet, ma hijiex ta’ natura li tikkomprometti l-effett utli tad-Direttiva 2017/541.

76      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kompatibbiltà ta’ tali liġi ta’ amnestija mal-prinċipji l-oħra invokati mill-qorti tar-rinviju, u, l-ewwel nett, tal-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali tad-definizzjoni, li tinsab fl-Artikolu 1 fl-Artikolu 2(c) tal-LOA, tar-reati terroristiċi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ amnestija, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jaġixxu kif xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2024, Belgian Association of Tax Lawyers et, C‑623/22, EU:C:2024:639, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑22 ta’ Jannar 2026, AK Dlhopolec et, C‑590/24, EU:C:2026:41, punt 73).

77      Skont il-preambolu tagħha, il-LOA “hija intiża sabiex tipprovdi ċ-ċertezza legali, l-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità u qafas ġuridiku għall-protezzjoni imparzjali tad-drittijiet fundamentali”. F’din l-ottika, “l-atti li fir-rigward tagħhom tista’ tingħata amnestija ġew iddefiniti b’mod preċiż u ddettaljat, sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi”.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-LOA hija bbażata, kif jenfasizza l-preambolu tagħha, fuq “distinzjoni ċara bejn il-poteri leġiżlattivi u ġudizzjarji fl-implimentazzjoni tal-amnestija” li ma twassalx għall-inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali jew għall-estinzjoni ex lege tar-responsabbiltà kriminali, iżda għal impediment ta’ teħid ta’ azzjoni legali li għandu jiġi kkonstatat mill-korpi ġudizzjarji f’kull stadju tal-proċeduri kriminali, għal reati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-amnestija kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi.

79      Għalhekk, huwa b’mod oġġettiv u astratt li l-LOA tiddetermina, skont il-kliem stess użat fil-preambolu tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-amnestija. Dan japplika kemm għall-atti li jistgħu jingħataw amnestija fil-preżenza tal-kundizzjonijiet materjali u ratione temporis ddefiniti fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi kif ukoll għall-esklużjonijiet mill-amnestija, inklużi fl-Artikolu 2 tagħha. Huma biss il-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni li għandhom jinterpretaw u japplikaw id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-LOA, stabbiliti fl-Artikolu 1 tagħha, kif ukoll l-esklużjonijiet minnha, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(c) ta’ din il-liġi.

80      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li teknika leġiżlattiva li tikkonsisti fl-użu ta’ formulazzjonijiet astratti jew ta’ kategoriji ġenerali, pjuttost milli listi eżawrjenti, ma hijiex ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-prinċipju ta’ ċertezza legali, sakemm l-interpretazzjoni tagħhom tkun raġonevolment prevedibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 165 u 167, kif ukoll tat‑22 ta’ Jannar 2026, AK Dlhopolec et, C‑590/24, EU:C:2026:41, punti 75 u 76).

81      Fir-rigward tal-Artikolu 1 tal-LOA, dan jiddeskrivi l-atti li jagħtu lok għal responsabbiltà kriminali, amministrattiva jew fil-qasam kontabbli, imwettqa fil-kuntest tal-moviment favur l-indipendenza tal-Cataluña u jippreċiża l-perijodu li matulu, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-amnestija, dawn l-atti għandhom ikunu twettqu, jiġifieri mill‑1 ta’ Novembru 2011 sat‑13 ta’ Novembru 2023. Din id-determinazzjoni oġġettiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-LOA fl-Artikolu 1 tagħha ma tidhirx li tinkludi elementi li jistgħu joħolqu diffikultajiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha għall-qrati li għandhom ġuriżdizzjoni kif ukoll fir-rigward tal-prevedibbiltà tagħha għall-partijiet fil-kawża.

82      Fir-rigward tal-Artikolu 2(c) tal-LOA, kif ġie ppreċiżat fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, huma esklużi mill-amnestija prevista minn din il-liġi, l-atti li, minn naħa, jistgħu, minħabba l-għan tagħhom, jiġu kklassifikati bħala terroristiċi skont id-Direttiva 2017/541 u, min-naħa l-oħra, ikkawżaw intenzjonalment ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari dawk koperti mill-Artikoli 2 u 3 tal-KEDB u mid-dritt umanitarju internazzjonali. Din il-kundizzjoni ta’ esklużjoni tirreferi għal kunċetti legali tad-dritt kriminali, bħall-intenzjoni, il-kawżalità u l-gravità ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li, għall-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni, ma jistgħux iqajmu diffikultajiet ta’ applikazzjoni sabiex, jekk ikun il-każ, jeskludu att mill-benefiċċju tal-amnestija.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li d-definizzjoni astratta tal-atti li jaqgħu taħt l-esklużjoni mill-amnestija prevista fl-Artikolu 2(c) tal-LOA, u b’mod partikolari l-fatt li din il-liġi la tippreċiża fid-dettall in-natura eżatta ta’ dawn l-atti kollha u lanqas ma tistabbilixxi limitu ta’ gravità marbut magħhom, ma tippreġudikax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, meta l-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni jkunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw, fid-dawl tad-Direttiva 2017/541, ir-reati terroristiċi esklużi mill-amnestija.

84      F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, mill-punt 65 ta’ din is-sentenza jirriżulta li limitazzjoni tal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti, konformement mad-Direttiva 2017/541, taffettwa direttament l-implimentazzjoni tagħha. Għaldaqstant teżisti rabta bejn il-LOA u din id-direttiva li tmur lil hinn mill-prossimità tas-suġġetti previsti jew mill-effetti indiretti ta’ wieħed mis-suġġetti fuq l-ieħor, b’tali mod li hija sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus, C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jikkostitwixxi espressjoni partikolari tiegħu, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Ir-rekwiżit dwar in-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom u, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan li għandu jintlaħaq mill-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, prinċipji u għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2026, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Dritt li jiġu pprovduti servizzi tal-media fuq frekwenza tar-radju), C‑92/23, EU:C:2026:108, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Madankollu, fil-kuntest ta’ liġi ta’ amnestija bħalma hija l-LOA, li għandha bħala għan espliċitu li tippromwovi r-rikonċiljazzjoni politika fil-kuntest biss ta’ moviment politiku partikolari, ir-reati mwettqa f’dan il-kuntest u r-reati mwettqa f’kuntesti oħra ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu sitwazzjonijiet paragunabbli.

87      It-tielet nett, fir-rigward tal-prinċipji ta’ supremazija u ta’ kooperazzjoni leali, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-adozzjoni ta’ liġi ta’ amnestija, bħal-LOA, ma tippreġudikax l-effett utli tad-Direttiva 2017/541, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. Minn dan isegwi li tali adozzjoni la tista’ tikser il-prinċipju ta’ supremazija, li jipprovdi li l-istanzi kollha tal-Istati Membri għandhom jagħtu effett sħiħ lid-diversi regoli tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), u lanqas il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jobbliga lill-Istati Membri b’mod partikolari jastjenu minn kull miżura li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni (sentenza tad‑29 ta’ April 2025, Il‑Kummissjoni vs Malta (Ċittadinanza b’investiment), C‑181/23, EU:C:2025:283, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel sat-tmien domanda għandha tkun li d-Direttiva 2017/541, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ supremazija u ta’ kooperazzjoni leali, ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix liġi nazzjonali ta’ amnestija li, sabiex tnaqqas tensjonijiet istituzzjonali u politiċi u tiffaċilita proċess ta’ rikonċiljazzjoni, tipprevedi l-estinzjoni tar-responsabbiltà kriminali ta’ kull persuna li tkun wettqet, matul perijodu limitat u fil-kuntest tal-għan ta’ ksib tal-indipendenza ta’ parti mit-territorju nazzjonali ta’ Stat Membru, atti msemmija minn din id-direttiva li ma kkawżawx intenzjonalment ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, li n-natura eżatta tagħhom u l-limitu ta’ gravità tagħhom ma humiex speċifikati minn din il-liġi, meta l-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni jkunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw ir-reati terroristiċi esklużi mill-amnestija.

 Fuq l-ispejjeż

89      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ supremazija u ta’ kooperazzjoni leali, ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

ma tipprekludix liġi nazzjonali ta’ amnestija li, sabiex tnaqqas tensjonijiet istituzzjonali u politiċi u tiffaċilita proċess ta’ rikonċiljazzjoni, tipprevedi l-estinzjoni tar-responsabbiltà kriminali ta’ kull persuna li tkun wettqet, matul perijodu limitat u fil-kuntest tal-għan ta’ ksib tal-indipendenza ta’ parti mit-territorju nazzjonali ta’ Stat Membru, atti msemmija minn din id-direttiva li ma kkawżawx intenzjonalment ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, li n-natura eżatta tagħhom u l-limitu ta’ gravità tagħhom ma humiex speċifikati minn din il-liġi, meta l-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni jkunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw ir-reati terroristiċi esklużi mill-amnestija.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.