|
3.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 196/1 |
LINJA GWIDA (UE) 2021/889 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-6 ta’ Mejju 2021
li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2021/23)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikoli 9.2, 12.1, 14.3, 18.2 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-kisba ta’ politika monetarja waħdanija tinvolvi d-definizzjoni tal-għodda, l-istrumenti u l-proċeduri li għandhom jintużaw mill-Eurosistema, sabiex dik il-politika tiġi implimentata b’mod uniformi fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. |
|
(2) |
Il-konformità mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja biex tiġi stabbilita s-solidità finanzjarja tal-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 55(c) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (1). |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ fondi proprji li ġejjin: Proporzjon ta’ kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, proporzjon ta’ kapital tal-Grad 1, proporzjon ta’ kapital totali. Mit-28 ta’ Ġunju 2021, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ser ikunu soġġetti għal rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali: il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, introdott skont il-punt 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(4) |
Għaldaqstant, il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) għandha tiġi emendata kif xieraq, |
ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:
Artikolu 1
Emendi
Il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 158 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:
“2. Il-kontropartijiet li huma soġġetti għal superviżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 55(b)(i) iżda li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, fuq bażi individwali u/jew ikkonsolidata, skont ir-rekwiżiti superviżorji, u l-kontropartijiet li huma soġġetti għal superviżjoni ta’ standard komparabbli kif imsemmi fl-Artikolu 55(b)(iii) iżda li ma jissodisfawx rekwiżiti komparabbli għar-rekwiżiti ta’ fondi proprji stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, fuq bażi individwali u/jew ikkonsolidata, għandhom jiġu awtomatikament limitati milli jaċċessaw operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema għal raġunijiet ta’ prudenza. Il-limitazzjoni għandha tikkorrispondi għal-livell ta’ aċċess għal operazzjonijiet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema prevalenti fiż-żmien li tali nonkonformità hija nnotifikata lill-Eurosistema. Din il-limitazzjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura diskrezzjonali oħra li tista’ tieħu l-Eurosistema. Jekk il-konformità mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji ma tkunx ġiet irrestawrata permezz ta’ miżuri adegwati u f’waqthom mhux aktar tard minn 20 ġimgħa mid-data ta’ referenza tal-eżerċizzju ta’ ġbir ta’ data li fih ġiet identifikata n-nonkonformità, il-kontropartijiet għandhom awtomatikament jiġu sospiżi milli jaċċessaw operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema għal raġunijiet ta’ prudenza.
3. Fil-kuntest tal-valutazzjoni tagħha tas-solidità finanzjarja ta’ kontroparti skont l-Artikolu 55(c) u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura diskrezzjonali oħra, l-Eurosistema tista’ tillimita, għal raġunijiet ta’ prudenza, l-aċċess għal operazzjonijiiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema minn dawn il-kontropartijiet:
|
(a) |
kontropartijiet li għalihom l-informazzjoni dwar proporzjonijiet kapitali u/jew tal-lieva finanzjarja taħt ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma tkunx kompluta jew disponibbli għall-BĊN rilevanti u għall-BĊE fil-ħin u sa mhux aktar tard minn 14-il ġimgħa mit-tmiem tat-trimestru rilevanti; |
|
(b) |
kontropartijiet li ma jkunux meħtieġa jirrapportaw proporzjonijiet kapitali u tal-lieva finanzjarja taħt ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 iżda li għalihom informazzjoni ta’ standard komparabbli kif imsemmi fl-Artikolu 55(b)(iii) ma tkunx kompluta jew disponibbli għall-BĊN rilevanti u għall-BĊE fil-ħin u sa mhux aktar tard minn 14-il ġimgħa mit-tmiem tat-trimestru rilevanti. |
L-aċċess għandu jiġi rrestawrat ladarba l-informazzjoni rilevanti tkun ġiet magħmula disponibbli għall-BĊN rilevanti u jkun ġie stabbilit li l-kontroparti tissodisfa l-kriterju ta’ solidità finanzjarja skont l-Artikolu 55(c). Jekk l-informazzjoni rilevanti ma tkunx ġiet magħmula disponibbli sa mhux aktar tard minn 20 ġimgħa mit-tmiem tat-trimestru rilevanti, l-aċċess tal-kontroparti għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema għandu jiġi sospiż awtomatikament għal raġunijiet ta’ prudenza.”.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni
1. Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
2. Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida u japplikawhom mit-28 ta’ Ġunju 2021. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Bank Ċentrali Ewropew bit-testi u l-mezzi relatati ma’ dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2021.
Artikolu 3
Destinatarji
Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.
Magħmul fi Frankfurt am Main, is-6 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali) (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).
(2) Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019,p. 1).