European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/431

23.2.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/431

tat-23 ta’ Frar 2026

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2024/1485 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1485 tas-27 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2024/1485.

(2)

Fit-30 ta’ Settembru 2025, il-kelliema tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dikjarazzjoni li tikkundanna d-deċiżjoni tar-Russja li toħroġ mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattamenti jew Pieni Inumani jew Degradanti. Skont id-dikjarazzjoni, dik id-deċiżjoni turi b’mod ċar in-nuqqas ta’ rispett tar-Russja għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

(3)

L-Unjoni tibqa’ soda fil-kundanna tagħha tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tar-repressjoni fir-Russja.

(4)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li tmien persuni fiżiċi jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/1485.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/1485 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/1485 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L, 2024/1485, 27.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1485/oj


ANNESS

Fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/1485, l-entrati li ġejjin huma miżjuda taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

Data tal-elenkar

“65

Aleksei Vasilyevich VALIZER

(bir-Russu: Алексей Васильевич ВАЛИЗЕР)

Pożizzjoni: kap tal-Kolonja Penali 10 UFSIN f’Altai Krai

Data tat-twelid: 7.9.1982

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Aleksei Valizer huwa l-kap tal-Kolonja Penali 10 UFSIN f’Altai Krai. Aleksei Gorinov huwa priġunier li qed jinżamm f’dikil-faċilità mis-17 ta’ Lulju 2025. Aleksei Gorinov ġie kkundannat għal sitt snin u 11-il xahar priġunerija għat-tixrid pubbliku ta’ ‘informazzjoni konxjament falza’ dwar il-forzi armati Russi, u wara għal tliet snin priġunerija għal ‘ġustifikazzjoni pubblika tat-terroriżmu’. Il-programm ta’ Memorial Appoġġ għall-Priġunieri Politiċi” rrikonoxxieh bħala priġunier politiku. Waqt li kien qed jiskonta sentenza fil-kolonja penali, Gorinov tqiegħed minnufih f’ċellola ta’ iżolament, fejn kien imċaħħad minn trattament mediku minkejja li qabel kien dijanjostikat b’sintomi tat-tuberkulożi. Dik il-piena ġiet estiża awtomatikament diversi drabi għal raġunijiet xejn konvinċenti, bħal: ‘ma jżommx idejh wara dahru’, u ‘iqiegħed in-nuċċali u l-ittri fuq il-komodina’. Valizer, bħala l-kap tal-kolonja penali, huwa responsabbli għat-trattament li ngħata Gorinov fil-faċilità.

Għalhekk Aleksei Valizer huwa responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

23.2.2026

66

Anton Vladimirovich RYCHAR

(bir-Russu: Антон Владимирович РЫЧАР)

Pożizzjoni: kap taċ-Ċentru ta’ Arrest Preventiv 1 UFSIN fl-Oblast Awtonomu Lhudi

Data tat-twelid: 9.1.1985

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Anton Rychar huwa l-kap taċ-Ċentru ta’ Arrest Preventiv 1 UFSIN fl-Oblast Awtonomu Lhudi. Pavel Kushnir, mużiċist b’pożizzjoni kontra l-gwerra, inżamm f’dik il-faċilità minn Mejju 2024 sa mewtu fit-28 ta’ Lulju 2025. Huwa ġie akkużat b’ sejħiet pubbliċi għat-terroriżmu” għad-dikjarazzjonijiet tiegħu kontra l-awtoritajiet Russi. Matul il-priġunerija tiegħu, huwa għamel strajk tal-ġuħ u tal-għatx għal xahrejn. Skont ix-xhieda, huwa tilef madwar 10 kilogrammi u deher qisu ‘skeletru’. Sorsi oħra ddikjaraw li Kushnir ġie msawwat f’kustodja minn ħabsin sħabu. Xhud ra wkoll tbenġila fuq wiċċ Kushnir. Anton Rychar huwa responsabbli għall-kundizzjonijiet tal-priġunerija ta’ Kushnir, li wasslu għall-mewt tiegħu minħabba trattament mediku insuffiċjenti.

Għalhekk, Anton Rychar huwa responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

23.2.2026

67.

Maksim Aleksandrovich PRILEPSKY

(bir-Russu: Максим Александрович ПРИЛЕПСКИЙ)

Pożizzjoni: kap tal-Kolonja Penali 5 UFSIN fl-Oblast ta’ Oryol

Data tat-twelid: 30.10.1976

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Maksim Prilepsky huwa l-kap tal-Kolonja Penali 5 UFSIN fl-Oblast ta’ Oryol. Mikhail Kriger huwa priġunier miżmum f’dinil-faċilità. Fis-17 ta’ Mejju 2023, ġie kkundannat għal 7 snin priġunerija fuq akkużi politikament motivati li ‘ġġustifika t-terroriżmu’ u ‘l-inċitament pubbliku għall-mibegħda u l-ostilità kontra grupp soċjali bit-theddid ta’ vjolenza’. Il-programm ta’ Memorial ‘Appoġġ għall-Priġunieri Politiċi’ irrikonoxxieh bħala priġunier politiku. Waqt li kien qed jiskonta s-sentenza tiegħu fil-kolonja penali, Kriger tqiegħed ripetutament f’iżolament f’kundizzjonijiet ħorox talli allegatament kien qed jiġi mhedded minn ħabsin oħra. Madankollu, skont id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u Kriger, din kienet raġuni xejn konvinċenti u l-iżolament kien motivat min-natura politika tal-każ tiegħu. Kriger tqiegħed f’iżolament għal perjodu ta’ 90 jum u ma tħalliex jirċievi żjarat minn qrabatu jew ittri minn barra l-kolonja penali. B’konsegwenza ta’ dan, Kriger għamel strajk tal-ġuħ għal 51 jum. Prilepsky, bħala l-kap tal-kolonja penali, huwa responsabbli għat-trattament li ngħata Kriger f’ dik il-faċilità.

Għalhekk, Maksim Prilepsky huwa responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

23.2.2026

68.

Vyacheslav Nikolaevich PISKLOV

(bir-Russu: Вячеслав Николаевич ПИСКЛОВ)

Pożizzjoni: kap tal-Kolonja Penali 9 UFSIN f’Altai Krai

Data tat-twelid: 15.8.1985

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Vyacheslav Pisklov huwa l-kap tal-Kolonja Penali 9 UFSIN f’Altai Krai. Maria Ponomarenko hija priġuniera li qed tinżamm f’din il-faċilità. Fil-15 ta’ Frar 2023, hija ġiet ikkundannata għal sitt snin priġunerija fuq akkuża li xerrdet ‘informazzjoni falza’ dwar l-armata Russa. F’Marzu 2025, waqt li kienet il-ħabs, hija ġiet ikkundannata għal 22 xahar addizzjonali l-ħabs għall-allegat użu ta’ vjolenza kontra l-persunal tal-ħabs. Il-programm ta’ Memorial ‘Appoġġ għall-Priġunieri Politiċi’ rrikonoxxiha bħala priġunier politiku. Waqt li kienet qed tiskonta piena fil-kolonja penali, Ponomarenko ġiet trattata ħażin, inkluż billi tqiegħdet ripetutament f’iżolament f’kundizzjonijiet ħorox għal raġunijiet xejn konvinċenti u billi ġiet mċaħħda minn trattament mediku. Dan kollu wassalha għal kriżi u sussegwentement tliet tentattivi ta’ suwiċidju, li tnejn minnhom seħħew fil-kolonja penali. Pisklov bħala kap tal-kolonja penali huwa responsabbli għat-trattament li ngħatat Ponomarenko f’dik il-faċilità.

Għalhekk, Vyacheslav Pisklov huwa responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

23.2.2026

69.

Sergei Vladimirovich FILICHEV

(bir-Russu: Сергей Bладимирович ФИЛИЧЕВ)

Pożizzjoni: prosekutur tal-Lomonosovsky District Court ta’ Saint Petersburg

Data tat-twelid: 1984

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Bħala prosekutur tal-Lomonosovsky District Court ta’ Saint-Petersburg, Sergei Filichev talab sentenza ta’ sentejn u nofs priġunerija għal Dmitry Nikolaevich Skurikhin, imprenditur u politiku lokali, fuq l-akkuża politikament motivata ta’ ‘skreditar’ tal-forzi armati Russi. Skurikhin esprima ripetutament is-sentimenti tiegħu fil-pubbliku kontra l-gwerra u kontra l-mobilizzazzjoni.

Għalhekk, Sergei Filichev huwa responsabbli għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari d-dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, u għar-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika fir-Russja.

23.2.2026

70.

Eva Alexandrovna GIUNTER

(bir-Russu: Ева Александровна ГЮНТЕР)

Pożizzjoni: imħallef tal-Moskovsky District Court ta’ Saint Petersburg

Data tat-twelid: 17.12.1974

Nazzjonalità: Russa

Sess: mara

Numru tal-passaport intern: 3299205055

Data tal-ħruġ: 24.2.2000

Bħala l-imħallef tal-Moskovsky District Court ta’ Saint-Petersburg, Eva Giunter ikkundannat lil Oleg Vasilievich Belousov, armel b’iben adult dipendenti b’diżabilità mentali, għal ħames snin u nofs priġunerija fuq akkużi politikament motivati għat-tixrid ta’ ‘informazzjoni falza’ dwar il-forzi armati Russi u għal ‘sejħiet pubbliċi għall-estremiżmu’. Giunter ipprojbiet wkoll lil Belousov milli jqiegħed materjal fuq networks tat-telekomunikazzjoni, inkluż l-Internet, għal erba’ snin. Oleg Belousov ġie arrestat fit-28 ta’ Ġunju 2022 għall-pubblikazzjoni ta’ materjal kontra l-gwerra fuq il-pjattaforma tal-media soċjali VK.

Għalhekk, Eva Giunter hija responsabbli għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari d-dritt għal--libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili fir-Russja.

23.2.2026

71.

Ilya Alekseevich PLESHKOV

(bir-Russu: Илья Алексеевич ПЛЕШККOВ)

Pożizzjoni: investigatur għoli tal-Moskovsky District Court ta’ Saint Petersburg

Data tat-twelid: 1993

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Bħala investigatur għoli tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni għall-Moskovsky District ta’ Saint-Petersburg, Ilya Pleshkov mexxa l-investigazzjoni dwar Oleg Belousov, armel b’iben adult dipendenti b’diżabilità mentali, fuq akkuża politikament motivata għat-tixrid ta’ ‘informazzjoni falza’ dwar il-forzi armati Russi. Oleg Belousov ġie arrestat fit-28 ta’ Ġunju 2022 għall-pubblikazzjoni ta’ materjal kontra l-gwerra fuq il-pjattaforma tal-media soċjali VK. Belousov ġie kkundannat għal ħames snin u nofs ħabs u ngħata projbizzjoni ta’ erba’ snin milli qiegħed materjal fuq kanali tat-telekomunikazzjoni.

Għalhekk, Ilya Pleshkov hija responsabbli għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-ksur tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili fir-Russja.

23.2.2026

72.

Andrey Pavlovich SHIBAKOV

(bir-Russu: Андрей Павлович ШИбАКОВ)

Pożizzjoni: imħallef tal-Lomonosovsky District Court tar-reġjun ta’ Leningrad, Saint Petersburg

Data tat-twelid: 30.12.1969

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Numru tal-passaport intern: 4001793958

Bħala l-imħallef tal-Lomonosovsky District Court ta’ Saint-Petersburg, Andrey Shibakov ikkundanna lil Dmitry Nikolaevich Skurikhin, imprenditur u politiku lokali, għal sena u nofs ħabs fuq l-akkuża politikament motivata ta’ ‘skreditar’ tal-forzi armati Russi. Skurikhin esprima ripetutament is-sentimenti tiegħu fil-pubbliku kontra l-gwerra u kontra l-mobilizzazzjoni.

Għalhekk, Andrey Shibakov huwa responsabbli għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari d-dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fir-Russja.

23.2.2026.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/431/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)