IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,22.11.2017
COM(2017) 803 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabilixxi li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effikaċi mir-Rumanija b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-16 ta' Ġunju 2017
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,22.11.2017
COM(2017) 803 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabilixxi li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effikaċi mir-Rumanija b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-16 ta' Ġunju 2017
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabilixxi li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effikaċi mir-Rumanija b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-16 ta' Ġunju 2017
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2), ir-raba' subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fis-16 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill iddeċieda skont l-Artikolu 121(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ("TFUE") li fir-Rumanija kienet teżisti devjazzjoni sinifikanti osservata mill-pjan ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju tat-terminu medju
(2)Fid-dawl tad-devjazzjoni sinifikanti stabbilita, il-Kunsill, fis-16 ta' Ġunju 2017, ħareġ rakkomandazzjoni għar-Rumanija biex tieħu l-miżuri neċessarji biex ikun żgurat li fl-2017 ir-rata ta' tkabbir nominali ta' nfiq pubbliku primarju nett 2 ma taqbiżx it-3,3%, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,5% tal-PDG. Huwa rrakkomanda li r-Rumanija tuża l-qligħ mhux mistenni għat-tnaqqis tad-defiċit, filwaqt li jenħtieġ li l-miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarja jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir. Il-Kunsill stabbilixxa data ta’ skadenza tal-15 ta' Ottubru 2017 għar-Rumanija biex tirrapporta dwar azzjoni meħuda b'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni.
(3)Fis-26 u s-27 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni wettqet missjoni ta’ sorveljanza msaħħa fir-Rumanija għall-fini ta’ monitoraġġ fuq il-post skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Wara li l-eżiti provviżorji ġew trażmessi lill-awtoritajiet Rumeni għall-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni rrapportat l-eżiti tagħha lill-Kunsill fl-24 ta' Ottubru 2017. Dawn l-eżiti ġew sussegwentement ippubblikati. Ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonstata li l-awtoritajiet Rumeni mhumiex beħsiebhom jaġixxu skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2017. L-awtoritajiet iddikjaraw li l-mira tagħhom għall-2017 tibqa' defiċit nominali ta’ 3% tal-PDG. Fid-dawl tal-marġni pożittiv u dejjem jiżdied tal-potenzjal tal-produzzjoni, dan jammonta għal deterjorament tad-defiċit strutturali fl-2017, kuntrarjament għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Dan jirrifletti politika fiskali kjarament espansjonarja.
(4)Fit-13 ta' Ottubru 2017, l-awtoritajiet Rumeni ppreżentaw rapport dwar azzjoni meħuda b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2017. Fir-rapport, l-awtoritajiet tennew li l-mira tagħhom għall-2017 jibqa' defiċit nominali ta’ 3% tal-PDG. L-unika miżura mniżżla fir-rapport b'impatt sinifikanti fuq il-baġit fl-2017 hija żieda fid-dazji tas-sisa għall-prodotti tal-enerġija biex imorru lura għal-livell tal-2016 (jiġifieri treġġigħ lura ta' tnaqqis fid-dazji tas-sisa li kien ġie adottat preċedentement u li daħal fis-seħħ f’Jannar 2017). Għalhekk, l-impatt fiskali tal-miżuri rrappurtati huma 'l bogħod b'mod sinifikanti mir-rekwiżit iddikjarat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
(5)Abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2017, il-bilanċ strutturali huwa mistenni jiddeterjora b'1,1% tal-PDG, u jilħaq defiċit ta' 3,3% fl-2017. Dan hu l-kontra tat-titjib strutturali rakkomandat ta’ 0,5% tal-PDG meta mqabbel mal-2016. It-tkabbir korrispondenti tal-infiq pubbliku primarju nett jammonta għal 4,9%, 'il fuq sew mill-parametru referenzjarju għall-infiq ta' 3,3%. Dan id-deterjorament meta mqabbel mal-2016 kien xprunat minn tnaqqis fit-taxxi indiretti, b'mod partikolari l-VAT u d-dazji tas-sisa, li daħal fis-seħħ fil-bidu tas-sena u minn żidiet fil-pagi pubbliċi u fil-benefiċċji soċjali introdotti tul is-sena. Mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2017 'il quddiem, iż-żieda tad-dazji tas-sisa għall-prodotti tal-enerġija biex imorru lura għal-livell tal-2016 kif ukoll tnaqqis fl-investiment pubbliku fir-rettifika għall-baġit ta' Settembru ħallew impatt pożittiv fuq id-defiċit pubbliku, għalkemm l-effett tagħhom kien fil-biċċa l-kbira mxejjen minn żidiet fil-pagi pubbliċi li kienu fir-rettifika għall-baġit ukoll.
(6)Dan iwassal għall-konklużjoni li r-reazzjoni tar-Rumanija għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2017 ma kinitx suffiċjenti. L-isforz fiskali ma jilħaqx l-aġġustament strutturali annwali ta’ 0,5% tal-PDG għall-2017, li jikkorrispondi għal rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett li ma jaqbiżx it-3,3% fl-2017,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Rumanija ma ħaditx azzjoni effikaċi b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2017 .
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President