European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1428

2.7.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1428

tal-1 ta’ Lulju 2026

li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994/KE dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali impurtati miċ-Ċina

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/994/KE (2) tapplika għall-prodotti kollha li joriġinaw mill-annimali miċ-Ċina u li huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali.

(2)

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu d-dħul ta’ dawk il-prodotti, u l-Artikolu 2(2) tagħha jipprevedi żewġ derogi minn dik il-projbizzjoni ġenerali.

(3)

Skont l-ewwel deroga, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fil-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994/KE f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika applikabbli għall-prodotti kkonċernati.

(4)

Skont it-tieni deroga, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fil-Parti II tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994/KE li jkollhom magħhom dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti Ċiniża msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni, li tiddikjara li kull konsenja sarilha test kimiku biex ikun żgurat li l-prodotti kkonċernati ma jippreżentawx periklu għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem.

(5)

Il-kitosan, b’mod simili għall-glukożammina, jinkiseb prinċipalment bl-idroliżi tal-kitina mill-qxur tal-insetti u tal-krustaċji. Il-kitosan huwa polisakkarid magħmul minn unitajiet tal-glukożammina. Iż-żewġ prodotti huma maħsuba għall-użu fl-għalf tal-annimali kif muri mill-entrata 13.2.8 fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 (3). Barra minn hekk, iż-żewġ prodotti huma elenkati bħala prodotti raffinati ħafna fil-punti 1(d) u (e) tat-Taqsima XVI tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u għalhekk soġġetti għall-istess rekwiżit li t-trattament tal-materja prima li toriġina mill-annimali użata fil-manifattura ta’ dawk il-prodotti jelimina kwalunkwe riskju għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa pubblika. Madankollu, filwaqt li l-glukożammina hija elenkata fil-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994/KE, u għalhekk hija awtorizzata għad-dħul fl-Unjoni miċ-Ċina mingħajr id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni, il-kitosan bħalissa mhuwiex elenkat bl-istess mod.

(6)

Għalhekk jixraq li l-ewwel deroga mill-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti fl-Unjoni miċ-Ċina, prevista fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2002/994/KE, tiġi applikata wkoll għall-kitosan billi jiġi inkluż fil-lista ta’ prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew għall-użu bħala għalf tal-annimali miċ-Ċina li huma awtorizzati għad-dħul mingħajr id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994/KE tiġi emendata kif xieraq.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994/KE huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/994/KE tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar xi miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali impurtati miċ-Ċinaa (ĠU L 348, 21.12.2002, p. 154, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/994/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 tas-16 ta’ Jannar 2013 dwar il-Katalgu tal-materjali tal-għalf (ĠU L 29, 30.1.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/68/oj).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/853/oj).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994/KE, il-Parti I hija sostitwita b’dan li ġej:

“PARTI I

Lista ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali li huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew biex jintużaw bħala għalf għall-bhejjem u li huma awtorizzati biex ikunu importati fl-Unjoni mingħajr id-dikjarazzjoni li hemm fl-Artikolu 3:

—

prodotti tas-sajd, ħlief:

—

dawk miksuba mill-akkwakultura,

—

gambli mqaxxrin u/jew ipproċessati,

—

ċkaltal-ispeċi Procambarus clarkii maqbuda f’ilma ħelu naturali permezz ta’ operazzjonijiet tas-sajd;

—

ġelatina;

—

addittivi tal-ikel kif irregolati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

—

sustanzi maħsuba biex jintużaw bħala supplimenti tal-ikel jew fis-supplimenti tal-ikel kif irregolati skont id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

—

il-vitamina D3 maħsuba għall-konsum mill-bniedem, u l-prekursuri użati għall-produzzjoni tagħha, meta jikkonformaw mat-trattamenti speċifiċi għal dawn il-prodotti raffinati ħafna (derivattivi tax-xaħam) stabbiliti fit-Taqsima XVI tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 (*3);

—

ikel tal-annimali domestiċi kif irregolat skont ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4);

—

is-sulfat tal-kondrojtin u l-glukożammina u l-kitosan meqjusa bħala materjali tal-għalf, kif irregolati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 (*5);

—

il-vitamina D3 li għandha tintuża bħala addittiv tal-għalf f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6) u l-prekursuri użati għall-produzzjoni tagħha, maħsuba għall-użu fl-għalf għall-annimali mrobbija fl-irziezet u għall-ikel tal-annimali domestiċi kif irregolat skont ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

—

L-ċisteina u L-ċistina li għandhom jintużaw bħala addittivi tal-għalf f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.


(*1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1333/oj).

(*2)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/46/oj).

(*3)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/853/oj).

(*4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1069/oj).

(*5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 tas-16 ta’ Jannar 2013 dwar il-Katalgu tal-materjali tal-għalf (ĠU L 29, 30.1.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/68/oj).

(*6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj).”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1428/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)