KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
HOGAN
ippreżentati fis‑26 ta’ Novembru 2020 ( 1 )
Kawża C‑851/19 P
DK
vs
Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)
“Appell — Servizz pubbliku — Korruzzjoni — Kundanna kriminali fil-qrati nazzjonali — Rekwiżit li jitħallas kumpens fi proċeduri ċivili fil-qrati nazzjonali għal dannu morali kkawżat lill-immaġni tal-Unjoni — Proċeduri dixxiplinari — Piena li jinżamm ammont mill-pensjoni — Artikolu 9(1)(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea — Severità tal-piena dixxiplinari — Artikolu 10(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal — Possibbiltà li jitqies sa fejn l-imġiba ħażina taffettwa ħażin l-integrità, ir-reputazzjoni jew l-interessi tal-istituzzjonijiet”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Dan l-appell ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fid‑19 ta’ Novembru 2019 minn DK (iktar ’il quddiem l-“appellant”) mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ Settembru 2019, DK vs SEAE (T‑217/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:571) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”). |
|
2. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-azzjoni tal-appellant taħt l-Artikolu 270 TFUE sabiex, inter alia, tiġi annullata d-deċiżjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (iktar ’il quddiem is-“SEAE”) tat‑23 ta’ Mejju 2017 li imponiet piena dixxiplinari fuq l-appellant skont l-Artikolu 9(1)(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), u b’hekk jitnaqqsu d-drittijiet tal-pensjoni tiegħu. |
|
3. |
F’dawn il-proċeduri tal-appell, l-appellant ma jikkontestax dak it-tnaqqis tad-drittijiet tiegħu tal-pensjoni per se, iżda pjuttost il-kriterji li fuqhom kien ibbażat dak it-tnaqqis. Għaldaqstant, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 10(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
4. |
L-appellant isostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li kellha quddiemha, meta kkunsidrat li jistgħu jitqiesu fi proċeduri dixxiplinari taħt ir-Regolamenti tal-Persunal relatati mal-imġiba ħażina tiegħu l-effetti ħżiena ta’ tali mġiba ħażina fuq l-integrità, ir-reputazzjoni jew l-interessi tal-istituzzjonijiet meta tiġi kkunsidrata l-piena dixxiplinari li għandha tiġi imposta. B’mod partikolari, l-appellant iqis li d-dannu għall-integrità, ir-reputazzjoni jew l-interessi tal-istituzzjonijiet ma jistax jitqies fi proċeduri dixxiplinari fejn dak id-dannu jkun diġà ġie kkumpensat permezz ta’ digriet speċifiku għal dan il-għan fi proċeduri ċivili fil-qrati nazzjonali. |
|
5. |
Huwa dan il-punt legali li sejjer nindirizza f’dawn il-konklużjonijiet. Qabel ma neżamina dan l-appell, l-ewwel huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti t-testi leġiżlattivi rilevanti. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
|
6. |
It-Titolu II tar-Regolamenti tal-Persunal intitolat “Drittijiet u obbligi ta’ l-uffiċjali”. L-Artikolu 22 tiegħu jipprovdi: “Uffiċjal jista’ jkun mitlub li jagħmel tajjeb, kompletament jew parzjalment, għal kull ħsara soffruta mill-Unjoni minħabba riżultat ta’ mġieba ħażina serja min naħa tiegħu fil-kors jew f’konnessjoni mal-qadi tad-dmirijietu. […]” ( 2 ) |
|
7. |
L-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinsab fit-Titolu VI ta’ dawn ir-regolamenti intitolat “Miżuri dixxiplinari”, jipprovdi: “1. Kull nuqqas minn uffiċjal jew minn dak li qabel kien uffiċjal biex iħares l-obbligi tiegħu taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kemm jekk intenzjonalment jew b’negliġenza min-naħa tiegħu, tista’ tittieħed azzjoni kontrih. 2. Fejn l-Awtorità tal-Ħatra jew OLAF [l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi] isiru jafu b’evidenza ta’ nuqqas fis-sens tal-paragrafu 1, jistgħu jibdew invetigazzjonijiet amministrattivi biex jivverifikaw jekk it-tali nuqqas sarx. 3. Regoli, proċeduri u miżuri dixxiplinarji, u r-regoli u l-proċeduri li jkopru l-investigazzjonijiet amministrattivi mniżżla fl-Anness IX.” |
|
8. |
L-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal kif indikat fit-titolu tiegħu jirrigwarda l-proċeduri dixxiplinari. It-Taqsima 3 ta’ dak l-anness hija intitolata “Miżuri dixxiplinarji” u l-Artikolu 9 tiegħu jipprovdi: “1. L-Awtorità tal-Ħatra tista’ timponi wieħed mill-pieni li ġejjin:
2. Fejn l-uffiċjal jirċievi pensjoni ta’ l-irtirar jew benefiċċju ta’ l-invalidità, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiddeċiedi li żżomm ammont mill-pensjoni jew mill-benefiċċju ta’ l-invalidità għal tali perjodu; l-effett ta’ din il-miżura m’għandux jestendi għad-dipendenti ta’ l-uffiċjal. Iżda, id-dħul ta’ l-uffiċjal ma jistax ikun anqas mis-somma minima ta’ l-għajxien, imniżżla fl-Artikolu 6 ta’ l-Anness VIII, bl-addizzjoni ta’ xi benefiċċji pagabbli tal-familja. 3. Każ wieħed ta’ kondotta ħażina ma twassalx għal aktar minn piena dixxiplinarja waħda.” |
|
9. |
L-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi: “Kemm ikunu ħorox il-pieni dixxiplinarji imposti jiddependu kemm hija serja l-kondotta ħażina. Biex tkun stabbilita l-serjetà tal-kondotta ħażina u biex tkun deċiża l-piena dixxiplinarja li għandha tkun imposta, għandu jkun ikkunsidrat partikolarment:
|
|
10. |
It-Taqsima 7 tal-Anness IX tar-Regolament tal-Persunal hija intitolata “Prosekuzzjoni kriminali paralella”. L-Artikolu 25 tiegħu jipprovdi: “Meta uffiċjal jitħarrek għal dawk l-istess atti, deċiżjoni finali tittieħed biss wara li sentenza finali tingħata mill-qorti li qed jisma’ l-kawża.” |
III. Il-kuntest tat-tilwima
|
11. |
L-appellant daħal fis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea bħala uffiċjal fl‑1994. Fl‑1999, waqt li kien jaħdem fid-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Esterni, ġie fdat bil-ġestjoni tal-bini tal-Kummissjoni f’pajjiżi terzi. Mill‑1 ta’ Jannar 2011, l-appellant ġie assenjat lis-SEAE. Fl‑1 ta’ Jannar 2016 l-appellant irtira kmieni. |
A. Proċeduri kriminali fil-qrati Belġjani
|
12. |
Minn Lulju 2004 sa Frar 2016, l-appellant kien suġġett għal proċeduri kriminali fil-qrati Belġjani u ġie akkużat b’atti ta’ korruzzjoni mill‑1999 sal‑2005 fir-rigward tal-ġestjoni tal-kuntratti pubbliċi. Dawn l-akkużi kienu relatati ma’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni waqt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu fi kwistjonijiet ta’ kuntratti pubbliċi li jinvolvu l-Unjoni. L-Unjoni Ewropea, li kienet irrappreżentata mill-Kummissjoni, kienet parti ċivili f’dawk il-proċeduri. |
|
13. |
Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2014, it-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) imponiet is-sentenzi li ġejjin fuq l-appellant fir-rigward ta’ diversi reati mwettqa fil-qadi ta’ dmirijietu:
|
|
14. |
It-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża), fil-proċeduri ċivili, ordnat ukoll lill-appellant iħallas lill-Unjoni EUR 25000 bħala kumpens għad-dannu morali lir-reputazzjoni tagħha ( 3 ). |
|
15. |
Wara appell ippreżentat mill-appellant, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), b’sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2015, ikkonfermat is-sentenza tat-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża). Hija żiedet ukoll it-terminu tal-priġunerija għal tliet snin, li ġie sospiż għal ħames snin, u stabbilixxiet l-ammont, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab mill-Unjoni, għal EUR 38814. |
|
16. |
Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Frar 2016, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) ċaħdet l-appell tal-appellant. |
B. Proċeduri dixxiplinari skont ir-Regolamenti tal-Persunal
|
17. |
L-appellant kien suġġett għal tliet investigazzjonijiet interni mill-OLAF, li nfetħu fit‑12 ta’ Lulju 2004, fid‑19 ta’ Mejju 2005 u fit‑18 ta’ Ottubru 2005 rispettivament. |
|
18. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Mejju 2007, l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni bdiet proċeduri dixxiplinari kontra l-appellant skont l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn il-proċeduri ġew, madankollu, sospiżi skont l-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal sakemm joħroġ ir-riżultat finali tal-proċeduri kriminali nazzjonali li saru kontra l-appellant fir-rigward tal-istess atti. |
|
19. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Lulju 2016, is-SEAE kompla l-proċeduri dixxiplinari kontra l-appellant u, sussegwentement, il-Bord tad-Dixxiplina sema’ lill-appellant skont l-Artikolu 16 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
20. |
Fl-opinjoni motivata tiegħu tat‑12 ta’ Diċembru 2016, adottata skont l-Artikolu 18 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Bord tad-Dixxiplina osserva, inter alia, li “l-fatti huma stabbiliti mill-qrati kriminali nazzjonali”, “l-imġiba tal-uffiċjal tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 11, 11a, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal” u “l-unika sanzjoni possibbli [tikkonsisti] fiż-żamma ta’ ammont mill-pensjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
21. |
Il-Bord tad-Dixxiplina kkunsidra li n-natura serja tal-fatti u n-nuqqas ta’ rimors tal-appellant kienu ċirkustanzi aggravanti. Il-Bord iddeċieda wkoll, madankollu, li l-evalwazzjonijiet pożittivi tal-appellant u n-nuqqas ta’ qafas metodoloġiku li jirregola l-kompiti tiegħu kienu jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti. Qieset ukoll is-“sitwazzjoni finanzjarja, familjari u tas-saħħa tal-appellant (b’mod partikolari l-aspettattiva tal-ħajja tiegħu)” u “l-fatt li l-qrati nazzjonali diġà ordnaw lill-[appellant] iħallas kumpens finanzjarju u morali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
22. |
Fuq dik il-bażi, il-Bord tad-Dixxiplina rrakkomanda li l-Awtorità tal-Ħatra tadotta miżura dixxiplinari li tikkonsisti fi tnaqqis ta’ EUR 400 kull xahar mill-ammont tal-pensjoni netta tal-appellant għal perijodu ta’ tliet snin. |
|
23. |
Wara li semgħet lill-appellant, l-Awtorità tal-Ħatra, permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Mejju 2017 imponietlu piena dixxiplinari skont l-Artikolu 9(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). L-effett ta’ din id-deċiżjoni kien li l-ammont nett tal-pensjoni tax-xjuħija tiegħu tnaqqas b’20 % għal perijodu ta’ ftit iktar minn tmien snin. B’riżultat ta’ dan, il-pensjoni tal-appellant tnaqqset b’madwar EUR 1015 kull xahar sat‑30 ta’ Settembru 2025 ( 4 ). |
|
24. |
Fit‑23 ta’ Awwissu 2017, l-appellant ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. B’deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2017, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet dak l-ilment. |
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
25. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Marzu 2018, l-appellant ippreżenta rikors skont l-Artikolu 270 TFUE fejn talab l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra timponi fuqu piena dixxiplinari u, sussidjarjament, kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mill-appellant bħala riżultat tal-ksur mis-SEAE tad-drittijiet tad-difiża tiegħu fil-proċeduri kriminali miġjubin kontrih fil-qrati Belġjani. |
|
26. |
L-appellant qagħad fuq żewġ motivi insostenn tal-azzjoni tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, relatati, rispettivament, mad-determinazzjoni tal-piena u l-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi mitiganti. |
|
27. |
Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-azzjoni tal-appellant u kkundannatu għall-ispejjeż. |
V. It-talbiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
28. |
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
VI. L-appell
|
29. |
L-appellant jinvoka aggravju uniku li huwa dirett lejn il-punti 28 sa 53 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali, fil-punti inkwistjoni, eżaminat l-ewwel parti tal-ewwel motiv tal-appellant li fih sostna li l-Awtorità tal-Ħatra kienet wettqet żball billi kkunsidrat, meta ddeterminat il-piena dixxiplinari li kellha tiġi imposta fuqu, id-dannu morali kkawżat lill-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-appellant sostna, essenzjalment, li l-kumpens kien diġà tħallas għad-dannu inkwistjoni fil-kuntest ta’ miżuri ċivili ordnati mill-qrati nazzjonali. |
|
30. |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv tal-appellant. |
|
31. |
F’dan l-appell, l-appellant isostni fl-aggravju uniku tiegħu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 10(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal billi ppermettiet dannu morali, li fir-rigward tiegħu l-kumpens kien diġà tħallas, jiġi kkunsidrat sabiex jiġġustifika l-impożizzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra ta’ piena dixxiplinari iktar severa fuq uffiċjal meta mqabbla mal-piena rrakkomandata mill-Bord tad-Dixxiplina ( 5 ). |
|
32. |
L-aggravju uniku tal-appellant huwa maqsum fi tliet partijiet. |
|
33. |
L-ewwel, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 52 tas-sentenza appellata meta ddeċidiet li l-Awtorità tal-Ħatra ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni, meta applikat l-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, meta ddeċidiet li ma kienx meħtieġ li jitqies il-kumpens mogħti minn qorti nazzjonali għad-dannu kkawżat lill-Unjoni. L-appellant jikkunsidra li skont l-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra kienet marbuta bil-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-qrati kriminali nazzjonali u l-prinċipju li d-dannu li fir-rigward tiegħu tħallas kumpens jitqies li qatt ma eżista. |
|
34. |
It-tieni, l-appellant isostni, essenzjalment, li fil-punt 34 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżit tal-proporzjonalità tal-pieni dixxiplinari u l-prinċipju ġenerali tad-dritt, komuni fis-sistemi legali tal-Istati Membri, li dannu li ġie kkumpensat kompletament jitqies li qatt ma eżista, billi ddeċidiet li l-Awtorità tal-Ħatra setgħet tistrieħ, skont l-Artikolu 10(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq dan id-dannu. |
|
35. |
It-tielet, l-appellant isostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 39 sa 41 tas-sentenza appellata, kisret il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza billi ddeċidiet li, meta jiġu ddeterminati l-pieni li għandhom jiġu imposti fi proċeduri dixxiplinari skont l-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, il-fatt li d-dannu kkawżat lill-Unjoni ġie kkumpensat, kompletament jew parzjalment, huwa essenzjalment irrilevanti. F’dan ir-rigward, l-appellant iqis li l-imġiba ħażina ta’ uffiċjal għandha tiġi ttrattata b’mod differenti skont kemm ġie kkawżat dannu lill-istituzzjoni. Skont l-appellant, huwa ma jinsabx fl-istess pożizzjoni bħal uffiċjal li ma kienx ikkumpensa preċedentement lill-Unjoni għad-dannu kkawżat. |
|
36. |
Kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet sejrin jiffokaw fuq it-tieni u t-tielet parti tal-aggravju uniku invokat mill-appellant f’dan l-appell. Inqis li huwa opportun li jiġu eżaminati flimkien iż-żewġ partijiet tal-aggravju uniku inkwistjoni. L-allegat ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza huma t-tnejn ibbażati fuq il-premessa li d-dannu għar-reputazzjoni lill-immaġni tal-Unjoni li fir-rigward tiegħu tħallas kumpens quddiem il-qrati nazzjonali ma jistax jitqies fi proċeduri dixxiplinari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(b) tal-Anness IX għar-Regolamenti tal-Persunal. Kif sejjer nindika f’dawn il-konklużjonijiet, nemmen li din il-premessa hija difettuża peress li tonqos milli tikkunsidra n-natura distinta u l-għanijiet ta’ azzjonijiet ċivili għal kumpens u proċeduri dixxiplinari taħt ir-Regolamenti tal-Persunal. Minħabba li t-tieni u t-tielet parti tal-aggravju uniku huma, nissuġġerixxi, ibbażati fuq premessa falza, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
VII. Analiżi
A. Talba ta’ inammissibbiltà
|
37. |
Filwaqt li s-SEAE ma qajjimx formalment eċċezzjoni f’dan is-sens, huwa jargumenta fit-talbiet tiegħu li l-appell preżenti huwa parzjalment inammissibbli. |
|
38. |
F’dak ir-rigward, is-SEAE jikkunsidra li l-argument tal-appellant li l-Awtorità tal-Ħatra żiedet il-piena billi qieset id-dannu li fir-rigward tiegħu kien diġà tħallas kumpens ma huwiex maħsub sabiex juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żball, iżda pjuttost sabiex iqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra u l-ġustifikazzjoni tagħha sabiex tiddevja mill-opinjoni motivata tal-Bord tad-Dixxiplina. Skont is-SEAE, l-appellant jipprova jiċċara jew jifformula mill-ġdid l-ewwel motiv tiegħu invokat fl-ewwel istanza dwar l-eżistenza ta’ allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra. Tali riformulazzjoni ta’ motiv invokat fl-ewwel istanza hija inammissibbli fl-appell. |
|
39. |
Fil-fehma tiegħi, din l-inammissibbiltà li qiegħda titqajjem mis-SEAE għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
|
40. |
L-appell huwa dirett b’mod ċar lejn allegat żball ta’ liġi fis-sentenza appellata u l-appellant ma qajjem l-ebda eċċezzjonijiet jew raġunijiet ġodda li qabel ma tqajmux quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
41. |
Filwaqt li huwa veru li l-appellant għamel bosta referenzi fl-appell tiegħu għad-deċiżjoni kkontestata u qabbel l-approċċ tal-Bord tad-Dixxiplina u dak tal-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-kriterji użati sabiex tiġi imposta piena dixxiplinari fuq l-appellant, huwa ċar li l-uniku aggravju tal-appellant huwa dirett lejn il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 52 tas-sentenza appellata ( 6 ) u l-evalwazzjoni legali tal-Qorti Ġenerali fil-punti 28 sa 51 tas-sentenza appellata li wasslet għal din il-konklużjoni, iktar milli lejn id-deċiżjoni kkontestata. |
|
42. |
Ir-riferimenti fl-appell għad-deċiżjoni kkontestata, fil-fehma tiegħi, sempliċement iżidu kuntest u dettall għat-talbiet tal-appellant fl-appell. Fil-fatt, ninnota li s-SEAE nnifsu għamel bosta riferimenti għal punti speċifiċi fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jirribatti l-argumenti tal-appellant. |
|
43. |
Fir-rigward tat-talba tas-SEAE li l-appellant ifformula mill-ġdid il-motivi mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa ċar mill-punti 43 sa 52 tar-rikors tal-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali li huwa sostna li waqt li l-Bord tad-Dixxiplina kien qies il-fatt li l-qrati nazzjonali kienu diġà ordnawh iħallas kumpens, l-Awtorità tal-Ħatra żiedet is-sanzjoni dixxiplinari imposta billi ddeċidiet li l-imġiba tiegħu affettwat l-immaġni tal-istituzzjoni u tefgħet dubju fuq l-indipendenza tal-persunal tagħha. L-appellant issottometta wkoll quddiem il-Qorti Ġenerali li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jibqgħu jsostnu li sofrew danni fejn l-Unjoni diġà kisbet kumpens sħiħ fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li fihom kienet parti ċivili. Għalhekk skont l-appellant, l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha meta qieset id-dannu inkwistjoni. |
|
44. |
Għaldaqstant ma nikkunsidrax li l-appellant, fil-proċeduri tal-appell preżenti, ifformula mill-ġdid motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali ( 7 ) u li riformulazzjoni bħal din tista’ titqies bħala motiv ġdid inammissibbli fl-appell. |
B. Fuq il-mertu
1. Osservazzjonijiet preliminari – Portata tal-appell
|
45. |
Is-SEAE jikkontesta l-korrettezza tat-talbiet tal-appellant fil-punti 12 u 19 tal-appell tiegħu. F’dawk il-punti, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 10(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal meta ġie permess li dannu li fir-rigward tiegħu tħallas kumpens jitqies mill-Awtorità tal-Ħatra sabiex jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ piena dixxiplinari iktar severa minn dik irrakkomandata mill-Bord tad-Dixxiplina fl-opinjoni motivata tiegħu. |
|
46. |
Is-SEAE jikkunsidra li l-Awtorità tal-Ħatra ma kkunsidratx id-dannu inkwistjoni bħala ċirkustanza aggravanti ( 8 ). |
|
47. |
L-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jeħtieġ li kull piena dixxiplinari imposta fuq uffiċjal tkun proporzjonata mas-serjetà jew il-gravità tal-imġiba ħażina tal-uffiċjal u, f’dak ir-rigward, jistabbilixxi numru ta’ kriterji mhux eżawrjenti li għandhom jiġu kkunsidrati meta tiġi deċiża l-piena ( 9 ). |
|
48. |
Il-lista inkwistjoni fiha numru ta’ kriterji indikattivi li jistgħu, skont il-fatti partikolari, jitqiesu bħala ċirkustanzi aggravanti, mitiganti jew, tabilħaqq, newtrali u ma jingħata l-ebda piż jew importanza partikolari lil xi kriterji speċifiċi. Barra minn hekk, minħabba n-natura wiesgħa tal-kriterji elenkati, huwa ċar li ma humiex neċessarjament rilevanti f’kull każ. Dawn il-kriterji huma intiżi wkoll bħala indikattivi u ma humiex ta’ natura eżawrjenti. |
|
49. |
F’dak ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li skont l-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, il-piena li għandha tiġi imposta għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni ġenerali mill-Awtorità tal-Ħatra tal-fatti konkreti kollha u kwistjonijiet li jappartjenu għal kull każ individwali. F’dan ir-rigward jista’ jiġi osservat li r-Regolamenti tal-Persunal ma jispeċifikaw l-ebda relazzjoni fissa bejn il-miżuri dixxiplinari elenkati fihom u d-diversi tipi ta’ mġiba ħażina min-naħa ta’ uffiċjali u, barra minn hekk, ma jiddikjarawx sa liema punt għandhom jitqiesu ċirkustanzi aggravanti jew mitiganti fl-għażla tal-piena ( 10 ). |
|
50. |
Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li ladarba l-verità tal-allegazzjonijiet kontra uffiċjal tkun ġiet stabbilita, hija l-Awtorità tal-Ħatra li tagħżel il-piena dixxiplinari xierqa. Il-Qorti Ġenerali, u l-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell, ma jistgħux jissostitwixxu b’sentenza tagħhom dik tal-Awtorità tal-Ħatra ħlief fil-każ ta’ żball manifest jew abbuż ta’ poter ( 11 ). |
|
51. |
Huwa ċar mill-punti 28 sa 52 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx speċifikament jekk l-Awtorità tal-Ħatra kkunsidratx li l-ħlas ta’ kumpens għal dannu morali fi proċeduri ċivili kienx jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti ( 12 ). Il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat fil-punt 52 tas-sentenza appellata li l-Awtorità tal-Ħatra ma wettqitx żball meta kkunsidrat li ma kienx meħtieġ li jitqies tali kumpens meta jiġu applikati l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ( 13 ). |
|
52. |
L-appellant ma allegax li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi naqset milli tevalwa l-piż attwali mogħti mill-Awtorità tal-Ħatra għall-fatt li d-dannu inkwistjoni kien is-suġġett ta’ digriet għal kumpens. Inqis li l-portata ta’ dan l-appell għandha tkun limitata għal jekk, f’dawk iċ-ċirkustanzi, il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 10(b) tal-Anness IX tar-Regolament tal-Persunal – u b’hekk id-dannu għall-integrità, ir-reputazzjoni jew l-interess tal-Unjoni – jistax jiġi kkunsidrat fi kwalunkwe evalwazzjoni ġenerali tal-każ sabiex tiġi ddeterminata s-serjetà tal-imġiba ħażina u, sussegwentement, sabiex tiġi deċiża l-piena dixxiplinari li għandha tiġi imposta meta d-dannu morali inkwistjoni jkun diġà ġie kkumpensat fi proċeduri fil-qrati nazzjonali. |
|
53. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-appellant ma jpoġġix f’dubju f’dawn il-proċeduri ta’ appell il-fatt li huwa jista’ jkun suġġett għal miżuri dixxiplinari skont l-Artikolu 9 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, minkejja l-fatt li kien ukoll suġġett għal miżuri kemm kriminali kif ukoll ċivili. L-appellant lanqas ma jqajjem dubji dwar il-piena dixxiplinari speċifika magħżula, li kienet ta’ natura monetarja u li rriżultat fi tnaqqis tad-drittijiet tal-pensjoni tiegħu skont l-Artikolu 9(1)(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ( 14 ). Barra minn hekk, din ma hijiex kwistjoni dwar l-ammont attwali tat-tnaqqis tal-pensjoni tal-appellant, imma pjuttost il-kriterji li jistgħu jiġu kkunsidrati meta jiġi impost tnaqqis bħal dan. |
2. Evalwazzjoni
|
54. |
Jidher ċar mis-sentenza appellata li l-appellant kien suġġett għal miżuri jew pieni kriminali, ċivili u dixxiplinari fir-rigward tal-azzjonijiet tiegħu. L-appellant ma jqajjem l-ebda eċċezzjoni ta’ ne bis in idem ( 15 ) fir-rigward tal-miżuri kriminali, ċivili ( 16 ) u dixxiplinari jew pieni imposti. |
|
55. |
Il-kwistjoni mqajma f’dan l-appell hija pjuttost jekk id-dannu għall-integrità, ir-reputazzjoni jew l-interess tal-Unjoni (u li fir-rigward tagħha l-Unjoni irċeviet kumpens fi proċeduri ċivili fil-qrati nazzjonali) jistax jitqies ukoll sabiex tiġi determinata s-serjetà tal-imġiba ħażina ta’ uffiċjal u sabiex tiġi ddeterminata l-piena dixxiplinari li għandha tiġi imposta skont l-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
56. |
Fil-fehma tiegħi, il-proċeduri ċivili u dixxiplinari inkwistjoni u r-rimedji jew il-pieni korrispondenti tagħhom huma distinti b’mod ċar ( 17 ) minn xulxin u, iktar importanti minn hekk, isegwu għanijiet differenti ħafna ( 18 ). |
|
57. |
L-iskop tal-proċeduri ċivili li saru mill-Unjoni fil-qrati nazzjonali jidher li huwa sabiex jikkumpensa lill-Unjoni għad-dannu morali kkawżat lir-reputazzjoni pubblika jew esterna tagħha mill-azzjonijiet tal-appellant. F’dan ir-rigward, il-kumpens ċivili huwa intiż li jikkumpensa lill-parti aggravata u b’hekk iġibhom lura għall-pożizzjoni tagħhom qabel l-imġiba tal-ksur. Għoti ta’ kumpens jew danni huwa għalhekk imfassal sabiex jikkumpensa lill-vittma fir-rigward ta’ din ir-responsabbiltà delittwali jew forma oħra ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali. Meqjusa b’dan il-mod, din il-forma ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali ġeneralment ma hijiex ta’ natura punittiva. Ma hijiex intiża li tissanzjona, tippenalizza jew twiddeb ( 19 ) imġiba li hija kkunsidrata oġġezzjonabbli ( 20 ). |
|
58. |
B’kuntrast, il-proċeduri dixxiplinari taħt ir-Regolamenti tal-Persunal jippruvaw jiżguraw konformità mill-uffiċjali mar-regoli u l-obbligi maħsuba sabiex jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb ta’ istituzzjoni ( 21 ). Tali konformità hija fl-aħħar mill-aħħar ( 22 ) żgurata bl-impożizzjoni ta’ pieni dixxiplinari ( 23 ) jew sanzjonijiet skont il-lista eżawrjenti li tinsab fl-Artikolu 9 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
59. |
Minħabba n-natura u l-għanijiet inerentement differenti tal-azzjoni ċivili inkwistjoni u l-proċeduri dixxiplinari skont ir-Regolamenti tal-Persunal u r-rimedji u l-pieni korrispondenti, is-sempliċi fatt li ngħataw danni kontra l-appellant fir-rigward tad-dannu morali għar-reputazzjoni tal-Unjoni ma jipprekludix l-impożizzjoni ta’ pieni dixxiplinari fuq l-appellant. Tabilħaqq, kif indikat fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-appellant ma jikkontestax din il-kwistjoni. |
|
60. |
Barra minn hekk, il-fatt li l-appellant ħallas kumpens għad-dannu morali lill-Unjoni bħala riżultat ta’ proċeduri mibdija fuq l-inizjattiva ta’ din tal-aħħar ma jaffettwax – u, b’estensjoni, huwa għalhekk irrilevanti għad-determinazzjoni – skont l-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, tas-serjetà tal-imġiba ħażina tiegħu skont ir-Regolamenti tal-Persunal li ġrat qabel dawk il-proċeduri. |
|
61. |
Jiena nikkunsidra, b’mod partikolari, li meta tiġi ddeterminata l-gravità ta’ imġiba ħażina ta’ uffiċjal, il-fatt li affettwat ħażin ir-reputazzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 10(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jiġi kkunsidrat fi kwalunkwe evalwazzjoni ġenerali ta’ dik l-imġiba, irrispettivament minn kwalunkwe kumpens imħallas sussegwentement f’dak ir-rigward wara proċeduri legali mressqa mill-Unjoni. |
|
62. |
Il-klassifikazzjoni tas-serjetà ta’ dik l-imġiba ħażina tista’ għalhekk, fil-fehma tiegħi, tiġi evalwata indipendentement minn tali kumpens ( 24 ). Dannu istituzzjonali ta’ din in-natura ma jistax sempliċement jintesa bil-ħlas ta’ somma monetarja bħala kumpens, anki jekk dan huwa r-riżultat ta’ digriet tal-qorti. |
|
63. |
Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-piena dixxiplinari li għandha tiġi imposta, hemm rabta fattwali fil-kuntest tal-proċeduri preżenti bejn id-dannu għar-reputazzjoni (pubblika jew esterna) tal-Unjoni (li, ċertament, kienet is-suġġett tal-għoti ta’ kumpens fi proċeduri legali fil-qrati nazzjonali) u l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 10(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal li jirrigwarda wkoll id-dannu lill-immaġni (pubblika jew esterna) tal-Unjoni. Dan it-tip ta’ dannu istituzzjonali kien fost il-kriterji li tqiesu meta ġew evalwati t-tip u l-livell tal-piena dixxiplinari li għandha tiġi imposta fuq l-appellant ( 25 ). |
|
64. |
Apparti l-fatt li l-Artikolu 10(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi wieħed biss fost ħafna kriterji li jistgħu jiġu kkunsidrati fi kwalunkwe evalwazzjoni ġenerali tal-piena dixxiplinari li għandha tiġi imposta, għandu jiġi osservat li proċeduri ċivili u dixxiplinari u r-rimedji jew il-pieni li jirriżultaw imposti huma separati u jvarjaw fl-għanijiet tagħhom minn xulxin u ma jwasslux għal pieni jew kumpens li jikkoinċidu ( 26 ). |
|
65. |
Għaldaqstant jiena nikkunsidra li l-appellant naqas milli jistabbilixxi kif allegat fit-tieni u t-tielet parti tal-aggravju uniku tiegħu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ ugwaljanza. |
VIII. Konklużjoni
|
66. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Ara wkoll ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.
( 3 ) Mill-proċess li kellha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li r-responsabbiltà inkwistjoni kienet in solidum ma’ persuni oħra.
( 4 ) Wieħed għandu jinnota li fil-punti 17, 78, 119 u 142 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għal ammont ta’ EUR 1105.
( 5 ) Ara l-punt 2 tal-appell.
( 6 ) Ara l-punt 25 tal-appell. Fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Awtorità tal-Ħatra ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, ma huwiex meħtieġ li jitqies il-kumpens għad-dannu kkawżat lill-Unjoni li kien ingħata diġà mill-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinari, kien irrilevanti li kumpens kien diġà tħallas għad-dannu kompletament jew parzjalment, billi l-iskop tal-Artikolu 10(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex li jingħata kumpens iżda pjuttost li tiġi imposta piena.
( 7 ) Għajr għall-fatt li l-appell huwa dirett b’mod ċar lejn is-sentenza appellata pjuttost milli d-deċiżjoni kkontestata.
( 8 ) Skont is-SEAE, il-punti 35 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata juru li, kuntrarjament għat-talbiet tal-appellant, l-Awtorità tal-Ħatra ma bbażatx id-deċiżjoni tagħha li twarrab l-opinjoni motivata tal-Bord tad-Dixxiplina fuq l-Artikolu 10(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal “b’mod partikolari”. Is-SEAE jsostni li l-Awtorità tal-Ħatra ddikjarat fid-deċiżjoni kkontestata li r-rekwiżit taħt il-liġijiet nazzjonali sabiex l-Unjoni tiġi kkumpensata ma kellha l-ebda rilevanza għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-imġiba ħażina. L-Awtorità tal-Ħatra imponiet piena ogħla, meta mqabbla ma’ dik proposta mill-Bord tad-Dixxiplina, wara li qieset il-kriterji kollha (evalwazzjoni ġenerali). Skont is-SEAE, l-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma jispeċifikax il-piż li għandu jingħata lill-kriterji differenti.
( 9 ) Fil-punt 115 tas-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2012, BG vs L‑Ombudsman (F‑54/11, EU:F:2012:114), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddikjara li skont l-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, il-piena dixxiplinari imposta għandha tkun proporzjonata mas-serjetà tal-imġiba ħażina. Dan l-artikolu jistabbilixxi wkoll uħud mill-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Awtorità tal-Ħatra meta tiddeċiedi dwar piena.
( 10 ) Ara, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 1987, F. vs Il‑Kummissjoni (403/85, EU:C:1987:70, punt 26). Ara wkoll is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas‑17 ta’ Lulju 2012, BG vs L‑Ombudsman (F‑54/11, EU:F:2012:114, punt 116).
( 11 ) Ara, is-sentenzi tal‑5 ta’ Frar 1987, F. vs Il‑Kummissjoni (403/85, EU:C:1987:70, punt 18), u tad‑19 ta’ Novembru 2014, EH vs Il‑Kummissjoni (F‑42/14, EU:F:2014:250, punt 92).
( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-argumenti invokati mill-partijiet fil-punti 31 u 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 13 ) Ninnota li fil-punt 136 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Awtorità tal-Ħatra fid-deċiżjoni kkontestata kienet qieset li l-azzjonijiet tal-appellant kienu partikolarment serji meta kkunsidrat, inter alia, id-dannu lill-integrità, lir-reputazzjoni jew lill-interessi tal-istituzzjonijiet. Fil-punti 140 u 141 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Awtorità tal-Ħatra qieset li r-rimedju diġà pprovdut fil-livell nazzjonali “ma għandux iżommha milli timponi piena dixxiplinari proporzjonata mal-imġiba ħażina mwettqa” (punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata) u li, “anki jekk ir-rikorrent għamel tajjeb għad-dannu marbut mad-dannu lill-immaġni tal-istituzzjoni wara l-kundanna [tiegħu] mill-qrati Belġjani, jibqa’ l-fatt li [hu] espona l-immaġni tal-istituzzjoni u tefa’ dubji fuq l-integrità tal-membri tal-persunal tagħha”. Dawn il-konstatazzjonijiet mill-Qorti Ġenerali jikkonċernaw it-tieni motiv tal-appellant fl-ewwel istanza u ma ġewx ikkontestati f’dawn il-proċeduri ta’ appell.
( 14 ) Fil-fatt, billi l-appellant kien irtira, kienet l-unika piena dixxiplinari disponibbli għall-Awtorità tal-Ħatra.
( 15 ) Ara, l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jipprojbixxi l-prosekuzzjoni jew l-impożizzjoni ta’ pieni kriminali fuq l-istess persuna iktar minn darba għall-istess reat. Ara wkoll, l-Artikolu 9(3) tal-Anness IX għar-Regolamenti tal-Persunal li jipprovdi li “[k]aż wieħed ta’ kondotta ħażina ma twassalx għal aktar minn piena dixxiplinarja waħda”. Għal ħarsa ġenerali tar-relazzjoni bejn il-proċeduri kriminali/il-pieni u l-proċeduri dixxiplinari/penali fil-kuntest tar-Regolamenti tal-Persunal, ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257, punti 341 sa 343).
( 16 ) Fil-punt 33 tas-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li miżura li sempliċement issewwi d-dannu kkawżat mir-reat inkwistjoni ma hijiex ta’ natura kriminali. Fil-fatt, miżura reparatorja jew kumpensatorja bħal din ma hijiex ta’ natura punittiva.
( 17 ) Li jirrigwarda, pereżempju, ir-regoli applikabbli, il-gradi ta’ prova, il-proċeduri u l-fora.
( 18 ) Il-possibbiltà li uffiċjal jista’ jkun meħtieġ, skont l-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jagħmel tajjeb, kompletament jew parzjalment, għal kull dannu mġarrab mill-Unjoni b’riżultat ta’ mġiba ħażina serja min naħa tiegħu fil-kors jew f’konnessjoni mal-qadi tad-dmirijietu hija distinta mir-reġim dixxiplinari stabbilit minn dawk ir-regolamenti fl-Artikolu 86 u l-Anness IX. Barra minn hekk, ir-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, l-Artikolu 10 tal-Anness IX tagħhom ma jeħtiġux speċifikament li l-kumpens mogħti kontra uffiċjal għal imġiba ħażina fil-kors tad-dmirijiet statutorji tiegħu jitqies fi proċeduri dixxiplinari.
( 19 ) Huwa veru li f’ħafna sistemi legali l-qorti tista’, f’każijiet speċjali u eċċezzjonali, tagħti danni punittivi, aggravati jew eżemplari. F’każijiet bħal dawn l-għoti tad-danni huwa mfassal jew sabiex jikkastiga lil min għamel il-ħażin u sabiex juri l-iskuntentizza tal-qrati fir-rigward ta’ mġiba arroganti jew oppressiva min-naħa tal-konvenut. Madankollu, ma hemm l-ebda suġġeriment hawnhekk li d-danni mogħtija mill-qrati Belġjani jaqgħu f’xi waħda minn dawn il-kategoriji.
( 20 ) Ara b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Lazar (C‑350/14, EU:C:2015:586, punt 30).
( 21 ) Sentenza tal‑1 ta’ April 2004, N vs Il‑Kummissjoni (T‑198/02, EU:T:2004:101, punt 98).
( 22 ) Anki l-pieni iktar ħfief jew inqas severi bħal twissija bil-miktub jew twiddiba huma mmirati b’mod ċar sabiex jiżguraw li uffiċjal ma jiksirx ir-Regolamenti tal-Persunal.
( 23 ) Fil-fatt il-kelma nnifisha “penalties” (bl-Ingliż), “sanciones” (bl-Ispanjol), “Strafen” (bil-Ġermaniż), “sanctions” (bil-Franċiż), “sanzioni” (bit-Taljan), “sanções” (bil-Portuguiż), fl-Artikolu 9 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal juru b’mod ċar in-natura repressiva jew punittiva tagħhom.
( 24 ) Ara b’analoġija, il-punt 115 tas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2014, EH vs Il‑Kummissjoni (F‑42/14, EU:F:2014:250).
( 25 ) Barra minn hekk, l-Unjoni kienet il-benefiċjarja tal-kumpens ċivili mogħti mill-qrati nazzjonali għad-dannu morali lill-immaġni tagħha fl-ammont ta’ EUR 38814 u l-pieni dixxiplinari, li kienu ta’ natura monetarja, żguraw li l-Unjoni ma kellhiex tħallas ċerti fondi fir-rigward tal-pensjoni tal-appellant.
( 26 ) F’dan ir-rigward, fil-punt 195 tas-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P RENV‑RX EU:T:2017:874), il-Qorti Ġenerali ddikjarat li prinċipju komuni jista’ jiġi identifikat fil-liġijiet tal-Istati Membri li taħthom ma jistax ikun hemm kumpens doppju għal dannu morali mġarrab. Jidher ċar mis-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni (C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punti 19 u 20), li dan il-prinċipju japplika wkoll fil-kuntest tar-relazzjoni bejn uffiċjal u istituzzjoni tal-Unjoni. Għalhekk filwaqt li l-aħħar każ jiżgura li uffiċjal ma jistax jikseb kumpens doppju, inqis li dan il-prinċipju ġenerali jestendi wkoll għall-Unjoni nnifisha u jiżgura li l-Unjoni ma tistax tikseb kumpens doppju kontra uffiċjal. Nixtieq nenfasizza madankollu li fil-kawża inkwistjoni nikkunsidra li ma hemm l-ebda kwistjoni ta’ kumpens doppju minħabba n-natura distinta tal-proċeduri ċivili u dixxiplinari inkwistjoni u r-rimedji jew il-pieni korrispondenti tagħhom. Il-pieni imposti skont l-Artikolu 9 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma humiex sabiex jikkumpensaw lill-Unjoni għal kwalunkwe dannu kkawżat lil din tal-aħħar.