Rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tħassar id-Deċiżjoni 2005/186/KE dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv f’Malta /* SEK/2007/0621 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 16.5.2007 SEG(2007) 621 finali Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tħassar id-Deċiżjoni 2005/186/KE dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv f’Malta (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Sfond L-Artikolu 104 tat-Trattat jistabilixxi li l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi u jistipula proċedura biex ikunu identifikati u korretti. Din il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) hija speċifikata aktar fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar “li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv”[1], li hija parti mill-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir. Skond l-Artikolu 104(2) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-konformità mad-dixxiplina finanzjarja abbażi ta' żewġ kriterji, jiġifieri: (a) jekk l-iżbilanċ ippjanat jew attwali tal-gvern jaqbiżx il-valur ta' referenza ta' 3% tal-PGD (ħlief jekk il-proporzjon ta' l-iżbilanċ ikun naqas sostanzjalment u b'mod kontinwu u laħaq livell li joqrob lejn il-valur ta' referenza; jew inkella, l-eċċess fuq il-valur ta' referenza jkun biss eċċezzjonali u temporanju u l-proporzjon jibqa' qrib il-valur ta' referenza); u (b) jekk id-dejn tal-gvern jaqbiżx il-valur ta' referenza ta' 60% tal-PGD (sakemm il-proporzjon tad-dejn ma jkunx qed jonqos biżżejjed u qed joqrob b'pass sodisfaċenti lejn il-valur ta' referenza). Skond il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat, il-Kummissjoni tipprovdi t-tagħrif għall-implimentazzjoni tal-PŻE. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri darbtejn fis-sena għandhom jinnotifikaw dwar l-iżbilanċi ppjanati u d-dejn tal-gvern u varjabbli oħra relatati, u dan qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 Ottubru, skond Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93[2],[3]. Fit-12 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni tat bidu għall-PŻE għal Malta, permezz ta' l-adozzjoni ta' rapport skond l-Artikolu 104(3), abbażi ta' żbilanċ ġenerali tal-gvern ta' 9.7% tal-PGD u dejn tal-gvern ta' 72% tal-PGD fl-2003[4]. Fil-5 ta' Lulju 2005, il-Kunsill, fuq rakkomadazzjoni tal-Kummissjoni, iddeċieda li Malta kellha żbilanċ eċċessiv skond l-Artikolu 104(6)[5]. Fl-istess waqt, u wkoll abbażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill inidirizza lil Malta rakkomandazzjonijiet skond l-Artikolu 104(7), bil-għan li tinġieb fi tmiemha l-qagħda ta' żbilanċ eċċessiv tal-gvern, sa mhux aktar tard mill-2006[6]. Fir-rakkomandazzjoni tiegħu skond l-Artikolu 104(7), lill-awtoritajiet Maltin il-Kunsill irrakkomandalhom li: - "mill-aktar fis possibbli jwasslu fi tmiemha l-qagħda preżenti ta' żbilanċ eċċessiv; - jieħdu azzjoni fiż-żmien mezzan sabiex jilħqu l-għan tagħhom li jniżżlu l-iżbilanċ taħt it-3% tal-PGD fl-2006 b’mod kredibbli u sostenibbli, skond ir-rotta għat-tnaqqis ta' l-iżbilanċ kif speċifikata fl-Opinjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2004 dwar il-programm ta’ konverġenza ppreżentat f'Mejju 2004; - jimplimentaw bil-qawwa l-miżuri previsti fil-programm ta' konverġenza ta' Mejju 2004, partikolarment dawk ta' natura strutturali mmirati lejn ir-razzjonalizzazzjoni u t-tnaqqis ta' l-infiq; - sal-5 ta' Novembru 2004 jieħdu azzjoni effikaċi rigward il-miżuri previsti biex tintlaħaq il-mira ta' l-2005 għall-iżbilanċ; - jiżguraw li ż-żieda fil-proporzjon tad-dejn tintemm fl-2005, u teqleb id-direzzjoni minn hemm 'il quddiem, kif speċifikat fl-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ konverġenza ppreżentat f'Mejju 2004". Barra minn hekk, il-Kunsill stieden lill-awtoritajiet Maltin biex "biex jiżguraw li l-konsolidazzjoni tal-baġit lejn il-pożizzjoni ta l-għeluq tal-baġit f'terminu medju fbilanċ jew f'bilanċ favorevoli jiġi sostenut wara li jitranġa l-iżbilanċ eċċessiv.” Tabella 1: Aġġustament approvat mill-Kunsill fil-5 ta' Lulju 2004 % tal-PGD, sakemm ma jiġix indikat mod ieħor | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | Il-bilanċ ġenerali tal-gvern Id-dejn gross tal-gvern p.m.: Tkabbir reali tal-PGD (%) | -9.7 72.0 -1.7 | -5.2 72.1 1.1 | -3.7 72.4 1.7 | -2.3 70.5 2.1 | -1.4 70.4 2.1 | Sors : Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill lil Malta skond l-Artikolu 104(7) u l-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza ta' Malta Mejju 2004, it-tnejn adottati fil-5 ta' Lulju 2004. Fit-22 ta’ Diċembru 2004 il-Kummissjoni f'Komunikazzjoni[7], li l-Kunsill ħa nota tagħha fit-18 ta' Jannar 2005, ikkonkludiet li l-gvern Malti, b'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, kien ħa azzjoni effikaċi dwar il-miżuri previsti li għall-ilħiq tal-mira ta' l-2005 għall-iżbilanċ sa l-iskadenza tal-5 ta' Novembru 2004. Skond l-Artikolu 104(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha titħassar, fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, meta d-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru partikolari jkun, fl-opinjoni tal-Kunsill, issewwa. 2. Żviluppi riċenti fl-iżbilanċ Skond l-aħħar informazzjoni, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern laħaq quċċata ta' 10% tal-PGD fl-2003, inkluża tranżazzjoni ta' darba li żiedet l-infiq u ammontat għal 2.9% tal-PGD fir-rigward tar-ristrutturar ta' żewġ kumpaniji Statali tat-tarznari. Minn hemm 'il quddiem, il-proporzjon ta' l-iżbilanċ mal-PGD qabad it-triq tan-niżla, bl-ilħiq ta' 4.9% tal-PGD fl-2004 u 3.1% tal-PGD fl-2005. Abbażi tad- data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat)[8] skond l-Artikolu 8g(1) tar-Regolament (KE) Nru 3605/93 wara n-notifika min-naħa ta' Malta qabel l-1 ta' April 2007, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern fl-2006 kien ta' 2.6% tal-PGD[9]. Minkejja li r-riżultat għall-iżbilanċ (2004-2005) ġenerali tal-gvern kien kemmxejn aħjar mir-rotta għat-tnaqqis ta' l-iżbilanċ li rrakkomanda l-Kunsill skond l-Artikolu 104(7), dak ta' l-206 kien daqsxejn ogħla. Madankollu, il-proporzjon ta' l-iżbilanċ mal-PGD għall-2006 kien daqsxejn aħjar mill-mira uffiċjali kif imfissra fl-aġġornament ta' Jannar 2006 għall-programm ta' konverġenza (2.7%). It-tnaqqis fl-iżbilanċ ġenerali tal-gvern beda f'kundizzjonijiet ta' tkabbir ekonomiku xejn favorevoli, u ssokta fit-titjib ekonomiku riċenti. L-aġġustament totali matul il-perjodu 2003-2006 ammonta għal 7.4 punti perċentwali tal-PGD. Madwar erba' punti perċentwali fit-tnaqqis fil-proporzjon ta' l-iżbilanċ matul il-perjodu 2003-2006 kienu kkaġunati minn dħul ogħla, li rrifletta tibdiliet fit-taxxi indiretti kif ukoll fl-isforz ta' gvern biex, f'dawn is-snin, jilħaq ġbir aktar effiċjenti tat-taxxi. It-3½ punti perċentwali l-oħra huma r-riżultat ta' proporzjon iżgħar ta' l-infiq mal-PGD[10], mirfud minn tnaqqqis fin-nefqa kapitali totali minħabba aktar użu ta' operazzjonijiet ta' darba (b'mod partikolari l-bejgħ ta' artijiet, li konvenzjonalment jiġi rreġistrat bħala nefqa negattiva). Tabilħaqq, bejn l-2004 u l-2006 operazzjonijiet ta' darba li naqqsu l-iżbilanċ kellhom medja ta' madwar 1% tal-PGD fis-sena. Mingħar l-operazzjonijiet ta' darba, l-iżbilanċ ta' l-2006 kien jibqa' 'l fuq mill-valura ta' referenza, fil-livell ta' 3.3% tal-PGD. F'termini strutturali, jiġifieri aġġustati għaċ-ċiklu kif ukoll għal-operazzjonijiet ta' darba u miiżuri oħra temporanji, l-iżbilanċ huwa stmat li tjieb minn quċċata ta' madwar 6.5% tal-PGD fl-2003 għal madwar 3.75% fl-2005. Għall-2006, l-iżbilanċ strutturali kompla jonqos sa 2.75% tal-PGD[11]. Fir-rakkomandazzjoni tagħha skond l-Artikolu 104(7), il-Kunsill lil Malta stedinha tieħu miżuri strutturali maħsuba biex jirazzjonalizzaw u jnaqqsu l-infiq tal-gvern. Matul il-perjodu 2004-2006, ġew implimentati għadd ta' miżuri ta' dan it-tip. Speċifikament, il-miżuri kellhom il-mira li jnaqqsu l-impjiegi fis-settur pubbliku, itejbu l-prattiki tax-xogħol u jkabbru l-effiċjenza globali f'impriżi pubbliċi ewlenin bil-għan li jnaqqsu t-trasferimenti tal-gvern. Ġew ristrutturati entitatjiet pubbliċi meqjusa li għandhom rwol strateġiku tal-qofol, filwaqt li oħrajn meqjusa aktar periferiċi ġew privatizzati. Barra minn hekk, l-impjiegi ġodda fis-servizz pubbliku saru strettament abbażi tal-ħtieġa. Iż-żidiet limitati fil-pagi u s-salarji skond il-ftehim kollettiv multijannwali l-ġdid għall-impjegati tas-servizzi pubbliku, li jkopri l-perjodu 2005-2010, kien fattur ieħor li għen biex jonqos l-infiq tal-gvern bħala sehem mill-PGD. Il-kontroll ta' l-infiq intlaħaq ukoll permezz ta' ssikkar ta' l-eliġibbiltà għall-benefiċċji soċjali, u t-twaqqif ta' l-infrastruttura meħtieġa biex jitnaqqas il-frodi tal-benefiċċji. 3. Prospetti għall-iżbilanċ għall-2007 u lil hinn minnha Skond it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa 2007, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern mistenni li jkompli jinżel, bl-ilħiq ta' 2.1% tal-PGD fl-2007 u, f'xenarju ta' l-ebda bidla fil-politika, 1.6% tal-PGD fl-2008. Dan mistenni li jintlaħaq fil-kuntest ta' ssuktar tat-tkabbir ekonomiku fil-perjodu tat-tbassir. L-iżbilanċ anqas tal-gvern għall-2007 huwa dovut għal tnaqqis fil-proporzjon ta' l-infiq ta' ftit anqas minn punt perċentwali wieħed tal-PGD. It-tnaqqis fil-proporzjon ta' l-infiq kurrenti, mirfud minn tnaqqis fl-infiq tal-gvern għall-konsum u l-imgħaxijiet, mistenni li aktar milli jpatti għaż-żieda fil-formazzjoni tal-kapital fiss gross tal-gvern. Għall-2008, it-tnaqqis ta' l-iżbilanċ mal-PGD huwa dovut għal tnaqqis previst tal-proporzjon ta' l-infiq totali mal-PGD, megħjun l-aktar minn tnaqqis qawwi fl-investiment pubbliku marbut mat-temm ta' faċilità kbira tal-kura tas-saħħa. Espress bħala proporzjon tal-PGD, id-dħul totali mistenni li jonqos fl-2007 u fl-2008, prinċipalment minħabba anqas introjtu minn taxxi diretti u kontribuzzjonijiet soċjali. L-użu ta' tranżazzjonijiet ta' darba fl-2007 u l-2008 mistenni li jkun anqas mill-medja għas-snin mgħoddija[12]. Mingħajr operazzjonijiet ta' darba, skond it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa, l-iżbilanċ ikun taħt il-valur ta' referenza ta' 3% tal-PGD fl-2007 (2.7% tal-PGD) u jkompli nieżel fl-2008 (1.6%)[13]. Meta mqabbel man-notifika fiskali ta' April 2007, it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa jippreżenta rotta 'l isfel kemmxejn aktar kawta fl-iżbilanċ ġenerali tal-gvern. Għall-2007, id-differenza tammonta għal 0.2% tal-PGD u hija prinċipalment dovuta għal kontribuzzjonijiet soċjali aktar baxxi li jimxu skond l-iżviluppi mistennija fil-ħlas ta' l-impjegati. Fl-2008, id-diverġenza fil-proporzjon ta' l-iżbilanċ mal-PGD tammonta għal 0.7% tal-PGD. Dan l-aktar minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali jantiċipaw anqas infiq, sew f'dak li jirrigwarda l-ħlas ta' l-impjegati tal-gvern kif ukoll ix-xiri ta' oġġetti u servizzi. Skond it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa 2007 , l-iżbilanċ strutturali (jiġifieri l-iżbilanċ aġġustat għaċ-ċiklu u tranżazzjonijiet ta' darba netti flimkien ma' miżuri temporanji oħra) mistenni li jitjieb fl-2007 u l-2008. Minn ftit anqas minn 2¾% tal-PGD fl-2006, l-iżbilanċ strutturali previst li jinżel marġinalment fl-2007, biex jilħaq fit aktar minn 2½% tal-PGD fl-2007 u, f'xenarju ta' l-ebda tibdil fil-politika, b'mod aktar sinifikanti fl-2008, għal madwar 1½%. L-isforz miġmugħ matul il-perjodu 2006-2008, ta' ftit aktar minn punt perċentwali wieħed tal-PGD, jidher li huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7), li ħeġġet li jkun hemm "konsolidazzjoni finanzjarja sostnuta" lejn il-mira taż-żmien mezzan (MTO) għall-pożizzjoni finanzjarja (għal Malta, pożizzjoni finanzjarja bbilanċjata f'termini strutturali) wara l-korrezzjoni ta' l-iżbilanċ eċċessiv. Minkejja li l-isforz fl-2007 huwa limitat, l-aġġustament medju fl-2007-2008 jidher li huwa ġeneralment konformi mat-titjib stutturali annwali ta' 0.5% tal-PGD speċifikat fil-Patta ta' Stabbiltà u Tkabbir għaż-żona ta' l-euro u l-Istati Membri ta' l-ERM II. Fl-opinjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-aġġornament ta' Diċembru 2006 tal-programm ta' konverġenza[14], il-Kunsill osserva li l-programm ma kienx jimmira li jilħaq l-MTO matul il-perjodu tal-programm (li jintemm fl-2009). Barra minn hekk, filwaqt li l-pass ta' l-aġġustament lejn l-MTO implikat mill-programm fis-snin wara l-korrezzoni ta' l-iżbilanċ eċċessiv tqies li kien ġeneralment konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-Kunsil stqarr ukoll li kien hemm xi riskji għall-prospettivi finanzjarji tal-programm, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-preżunzjonijiet makroekonomiċi favorevoli fl-2008 u l-2009. 4. Żviluppi u prospettivi tad-dejn Id-dejn ġenerali tal-gvern ilu mill-2001 li qabeż il-valur ta' referenza ta' 60% tal-PGD. Laħaq quċċata ta' kważi 74% tal-PGD fl-2004. F'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7), iż-żieda fid-dejn ġenerali tal-gvern trażżnet għal kollox u tqabbdet rotta 'l isfel fl-2005, meta laħqet 72.4% tal-PGD, minħabba bilanċ pożittiv primarju u d-dħul mill-privatizzazzjoni. Tnaqqis ulterjuri kien irreġistrat fl-2006, meta l-proporzjon tad-dejn kien 66.5% tal-PGD, l-aktar bħala riżultat ta' dħul sostanzjali mill-privatizzazzjoni, li laħaq madwar 3.5% tal-PGD. Skond it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa 2007 , il-proporzjon tad-dejn mal-PGD mistenni li jkompli fuq rotta 'l isfel fl-2007 u l-2008. Għall-2007, id-dejn ġenerali tal-gvern mistenni jitnaqqas taħt is-66% tal-PGD, u li jkompli jonqos aktar għal 64¼% fl-2008, f'xenarju ta' l-ebda tibdil fil-politika. 5. KONKLUżJONIJIET L-iżbilanċ ġenerali tal-gvern naqas minn 10% tal-GDP fl-2003 għal 2.6% fl-2006, taħt it-3% tal-valur ta’ referenza tal-GDP. Minkejja għadd ta' tranżazzonijiet ta' darba (li mingħajrhom l-iżbilanċ ta' l-2006 jkun għadu jaqbeż il-valur ta' referenza), il-miżuri li jirfdu t-tnaqqis fl-iżbilanċ fil-parti l-kbira tagħhom huma ta' natura permanenti. Fl-2006, il-bilanċ strutturali, jiġifieri, il-bilanċ nett aġġustat ċiklikament ta’ miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji, tjieb bi ftit aktar minn 1% tal-GDP. Skond it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa 2007, l-iżbilanċ tal-gvern mistenni li jonqos għal 2.1% tal-GDP fl-2007 u, f'xenarju ta' l-ebda tibdil fil-politika, sa 1.6% fl-2008, bil-prospettiva li tranżazzjonijiet ta' darba li jnaqqsu l-iżbilanċ imajnaw fix-xejn. Dan jindika li l-iżbilanċ tniżżel għal taħt il-livell ta' referenza ta' 3% tal-PGD b'mod kredibbli u sostenibbli. Id-dejn gross ġenerali tal-gvern naqas mill-quċċata tiegħu ta' 73.9% tal-PGD fl-2004 għal 66.5% fl-2006. Skond it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa 2007, il-proporzjon tad-dejn mistenni li jissokta jonqos sa kważi 64% tal-PGD sa l-2008, f'xenarju ta' l-ebda tibdil fil-politika. Minn valutazzjoni ġenerali, jirriżulta li l-qagħda ta' żbilanċ eċċessiv f'Malta ġiet ikkoreġuta. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill biex iħassar id-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv f'Malta. Tabella 2: Żviluppi tal-Baġit, 2003-2008 Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tħassar id-Deċiżjoni 2005/186/KE dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv f’Malta IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 104(12) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkommandazzjoni mill-Kummissjoni, Billi: (1) Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/186/KE[15], li ssegwi rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, ġie deċiż li f'Malta kien hemm żbilanċ eċċessiv. Il-Kunsill innota li l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern kien 9.7% tal-PGD fl-2003 (li minnu 2.9% tal-PGD kienu dovuti għal operazzjoni ta' darba), ogħla mill-valur ta' referenza tat-Trattat ta' 3% tal-PGD, filwaqt li d-dejn ġenerali tal-gvern kien 72% tal-PGD u kien mistenni li fl-2004 x'aktarx ikompli jiddevja mill-valur ta' referenza tat-Trattat ta' 60%. (2) Fil-5 ta' Lulju 2004, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv[16], il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, indirizza lil Malta rakkomandazzjoni bil-għan li l-qagħda ta' żbilanċ eċċessiv tintemm sa mhux aktar tard mill-2006. Ir-rakkomandazzjoni ġiet ippublikata. (3) Skond l-Artikolu 104(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv għandha titħassar meta l-iżbilanċ eċċessiv fl-Istat Membru partikolari jkun, fl-opinjoni tal-Kunsill, issewwa. (4) Skond il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat, il-Kummissjoni tipprovdi t-tagħrif għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri darbtejn fis-sena għandhom jirrappurtaw data dwar l-iżbilanċi u d-dejn tal-gvern tagħhom u dwar varjabbli assoċjati, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta' Ottubru, skond Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' l-iżbilanċ eċċessiv mehmuża mat-Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea[17]. (5) Abbażi tad- data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skond Artikolu 8g(1) tar-Regolament (KE) Nru 3605/93 wara n-notifika minn Malta qabel l-1 ta’ April 2007, u fuq it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa 2007, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġustifikati: - L-iżbilanċ ġenerali tal-gvern naqas minn 10% tal-GDP fl-2003 għal 2.6% fl-2006, li huwa taħt il-valur ta’ referenza ta' 3% tal-GDP. Dan huwa xi ftit aħjar mill-mira stabbilita għall-2006 fl-aġġornament ta' Jannar 2006 tal-programm ta' konverġenza, minkejja li daqsxejn ogħla mill-miri approvati mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni tiegħu skond l-Artikolu 104(7), - Aktar minn nofs (madwar erba' punti perċentwali) mis-7.4 punti perċentwali tal-PGD tat-tnaqqis fil-proporzjon ta’ l-iżbilanċ bejn l-2003 u l-2006 kien dovut għal aktar dħul, li rrifletta tibdiliet fit-taxxi indiretti kif ukoll ġbir aktar effiċjenti tat-taxxi. Il-bqija ta' 3.5 punti perċentwali hija dovuta għal proporzjon aktar baxx ta' nfiq mal-PGD[18], parzjalment b'rifless ta' aktar użu ta' operazzjonijiet ta' darba (partikolarment il-bejgħ ta' artijiet, li konvenzjonalment jiġi rreġistrat bħala nefqa negattiva). Barra minn hekk, it-trażżin ta' l-infiq intlaħaq permezz tat-tiċkin u r-ristrutturar ta' l-entitajiet pubbliċi, restrizzjonijiet fuq l-impjiegi ġodda mas-servizzi pubbliċi u l-kontroll tal-benefiċċji soċjali. Bejn l-2004 u l-2006 operazzjonijiet ta' darba li naqqsu l-iżbilanċ kellhom medja ta' madwar 1% tal-PGD. Mingħajr l-operazzjonijiet ta' darba (0.7% tal-PGD), l-iżbilanċ ta' l-2006 kien jibqa' 'l fuq mill-valur ta' referenza, fil-livell ta' 3.3% tal-PGD. It-titjib tal-blanċ strutturali (jiġifieri l-bilanċ aġġustat għaċ-ċiklu nett minn miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji) fl-2006 stmat li huwa ftit aktar minn 1% tal-GDP, - Għall-2007, it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa 2007, jipproġettaw li d-defiċit se jkompli jonqos aktar, għal 2.1% tal-GDP, taħt l-impuls ta' l-iffrankar addizzjonali fl-infiq. Operazzjonijiet ta' darba mistennija jammontaw għal 0.6% tal-PGD, ftit jew wisq ta' l-istess volum daqs fis-sena preċedenti, b'tali mod li anki mingħajr operazzjonijiet ta' darba l-iżbilanċ ikun taħt il-valur ta' referenza. Dan huwa ġeneralment konformi ma' l-istima uffiċjali ta' l-iżbilanċ għal 1.9% tal-PGD stabbilita fin-notifika ta' April 2007. Għall-2008, it-tbassir tar-Rebbiegħa jipproġetta, bi preżunzjoni ta’ l-ebda tibdil fil-politika, aktar tnaqqis fid-defiċit għal 1.6% tal-GDP (mingħajr l-użu ta' operazzjonijiet ta' darba). Dan jindika li l-iżbilanċ tniżżel għal taħt il-livell massimu ta' 3% tal-PGD b'mod kredibbli u sostenibbli. Huwa previst li l-bilanċ strutturali fl-2007 jitjieb marġinalment, u li jitjieb b'punt perċentwali wieħed addizzjonali fl-2008, f'xenarju ta' l-ebda tibdil fil-politika. Dan jeħtieġ li jiġu kkunsidrat fuq l-isfond tal-ħtieġa li jsir aktar progress lejn l-ilħiq tal-mira taż-żmien mezzan (MTO) għall-pożizzjoni finanzjarja, li għal Malta hija pożizzjoni finanzjarja bbilanċjata f'termini strutturali. - Id-dejn gross ġenerali tal-gvern naqas mill-quċċata tiegħu ta' 73.9% tal-PGD fl-2004 għal 66.5% fl-2006. Skond it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa 2007, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jkompli nieżel għal madwar 64.3% sa tmiem l-2008, biex b'hekk ikompli joqrob lejn il-valur ta' referenza ta' 60% tal-PGD. (6) Fil-fehma tal-Kunsill, l-iżilanċ eċċessiv f'Malta ssewwa u d-Deċiżjoni 2005/186/KE għaldaqstant għandha titħassar. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Minn valutazzjoni ġenerali, jirriżulta li l-qagħda ta' żbilanċ eċċessiv f'Malta ġiet ikkoreġuta. Artikolu 2 Id-Deċiżjoni 2005/186/KE hija b'dan imħassra. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' Malta. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5). [2] ĠU L 332, 31.12.1993, p.7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1). [3] L-aktar notifika riċenti ta' Malta tiinsab fis-sit: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page?_pageid=2373,58110711&_dad=portal&_schema=portal. [4] SEG(2004) 580. [5] ĠU L 62, 9.3.2005, p. 21. [6] Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE jinsabu fis-sit li ġej:http://ec.europa.eu/economy_finance/about/activities/sgp/edp_list_en.htm. [7] SEG(2004) 1630. [8] Stqarrija għall-Istampa ta' l-Eurostat Nru 55 tat-23 ta' April 2007. [9] Il-proporzjonijiet ta' l-iżbilanċ ġeneralment jiġu riveduti - 'il fuq jew 'l isfel - wara l-pubblikazzjoni ta' l-ewwel riżultat fin-notifika tar-Rebbiegħa. Għall-parti l-kbira ta' l-Istati Membri ta' l-UE, ir-reviżjonijiet soltu jkunu relattivament żgħar, u fil-medja tagħhom ma jkunux sinifikantement differenti minn zero. Għal Malta, fid-dawl tal-qabża bejn l-iżbilanċ attwalment irrappurat għall-2006 u l-valur ta' referenza ta' l-izbilanċ, hija żgħira l-probabbiltà li kwalunkwe reviżjoni fututra potenzjali fil-kontijiet tal-gvern itella' l-proporzjon ta' l-iżbilanċ ta' l-2006 għal livell li jaqbeż it-3% tal-PGD. [10] Valur nett għall-operazzjoni sostanzjali ta' darba li żiedet l-infiq fl-2003 ta' madwar 2.9% tal-PGD marbuta mar-ristrutturar tad-dejn tat-tarznari jkun ifisser tnaqqis aktar baxx fil-proporzjon ta' l-infiq, ta' 0.4 punti perċentwali matul il-perjodu 2003-2006. [11] Għandu jiġi enfasizzat li hemm diffikultajiet sostanzjali fil-kalkolu tad-diskrepanza fil-produzzjoni ( output gap ) u l-bilanċ strutturali f'bosta mill-Istati Membri, speċjalment f'dawk żgħar bħalma hija Malta, dovuti prinċipalment għan-nuqqas tad- data kollha meħtieġa. [12] Tranżazzjonijiet ta' darba għall-2006 u l-2007 ġew riveduti mill-aġġornament ta' l-2006 għall-programm ta' konverġenza biex titqies operazzjoni (bejgħ ta' artijiet) li ntemmet fl-2007 u għal dik is-sena rreġistrata, kif suppost, bħala li tnaqqas l-iżbilanċ. [13] Tittieħed nota li, għall-2008, l-awtoritajiet Maltin qed jippjanaw aktar operazzjonijiet ta' darba li jnaqqsu l-iżbilanċ (il-bejgħ ta' artijiet) li jammontaw għal 0.2% tal-PGD. [14] ĠU C72, 29.3.2007, p. 9. [15] ĠU L 62, 9.3.2005, p. 21. [16] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5). [17] ĠU L 332, 31.12.1993, p.7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1). [18] Il-proporzjon ta' l-infiq kien jitnaqqas b'anqas minn hekk li kieku kellha tiġi eskluża l-operazzjoni - li żżid l-infiq – marbuta mar-ristrutturar tat-tarznari, ta' madwar 3% tal-PGD fl-2003.