|
17.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 453/3 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2245
tat-12 ta’ Ottubru 2021
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tal-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 37(c)(i) u (iv) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-diżastri naturali jew l-avvenimenti klimatiċi avversi ilhom għadd ta’ snin jagħmlu dejjem iktar ħsara lill-produzzjoni tal-frott u tal-ħxejjex fl-Unjoni. Fl-2017, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, li ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (2), ġie mobilizzat u ngħatat għajnuna speċifika lil-Latvja bil-għan li tissewwa l-ħsara kkawżata minn għargħar intens fis-sajf u fil-ħarifa tal-2017. Fl-2018, minħabba xita qawwija u għargħar li seħħ f’xi partijiet tal-Unjoni (l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Finlandja), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/108 (3) ta miżura ta’ emerġenza fil-forma ta’ għajnuna lill-bdiewa. Fir-rebbiegħa tal-2021, kien hemm perjodu sever ta’ ġlata f’ċerti reġjuni ta’ diversi Stati Membri (speċjalment fi Spanja, Franza, l-Italja) u għal ċerti prodotti (ħawħ, nuċiprisk, tuffieħ u oħrajn). B’konsegwenza ta’ dan, aktar minn 50 % tal-produzzjoni ntilfet. |
|
(2) |
Fid-dawl taż-żieda fil-frekwenza ta’ diżastri naturali jew avvenimenti klimatiċi avversi tenħtieġ soluzzjoni fit-tul rigward il-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom għall-futur. Jeħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 (4) billi tiġi prevista flessibbiltà fil-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fl-Unjoni f’każ li jħabbtu wiċċhom ma’ diżastri naturali u avvenimenti klimatiċi avversi, tant li l-produzzjoni ma tibqax tajba għall-konsum jew għall-ipproċessar. |
|
(3) |
It-telf kbir fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata, ikkaġunat minn diżastri naturali jew avvenimenti klimatiċi avversi, ikollu impatt kbir ħafna fuq l-ammont ta’ għajnuna tal-Unjoni li jirċievu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-sena ta’ wara, billi l-ammont ta’ għajnuna tal-Unjoni jiġi kkalkulat bħala perċentwal tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi. Fejn tintilef parti kbira mill-ħsad jew fejn jintilef il-ħsad kollu, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jirriskjaw li jitilfu r-rikonoxximent tagħhom, billi wieħed mill-kriterji għar-rikonoxximent huwa li jilħqu ċertu valur minimu tal-produzzjoni kkummerċjalizzata, iffissat fil-livell nazzjonali. Dan iwassal għal telf ekonomiku doppju, li jipperikola l-istabbiltà fit-tul tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi. |
|
(4) |
Fid-dawl taż-żieda fil-frekwenza tad-diżastri naturali jew avvenimenti klimatiċi avversi u, minħabba fihom, it-telf sostanzjalment akbar fil-produzzjoni, is-salvagwardja stabbilita bl-Artikolu 23(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, li skontha l-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 65 % tal-valur tagħha fil-perjodu ta’ referenza ta’ qabel, hija insuffiċjenti. |
|
(5) |
Għaldaqstant, u minħabba l-bżonn li tinkiseb l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi milqutin minn telf kbir fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata minħabba diżastri naturali jew avvenimenti klimatiċi avversi, jenħtieġ li jiżdied il-livell limitu għall-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal perjodu ta’ referenza partikolari. Meta titqies il-ħsara importanti kkawżata mill-avvenimenti klimatiċi avversi reċenti, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata f’każ ta’ diżastri naturali u avvenimenti klimatiċi avversi stabbilit fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 jenħtieġ li jiżdied għal 85 %. |
|
(6) |
Barra minn hekk, jenħtieġ tiġi pprovduta soluzzjoni biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li jinvestu f’miżuri preventivi u minkejja dan iġarrbu ħsara sostanzjali minħabba diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi, mard tal-pjanti jew infestazzjoni ta’ pesti, mhux biss iġarrbu telf tal-valur tagħhom ta’ produzzjoni kkummerċjalizzata iżda jaraw ukoll tnaqqis fl-assistenza finanzjarja tal-Unjoni li tingħatalhom. Għalhekk, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata stabbilit fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 jenħtieġ li jiżdied għal 100 % għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li juru li jkunu ħadu l-miżuri preventivi meħtieġa kontra l-mard tal-pjanti, l-infestazzjonijiet ta’ pesti, id-diżastri naturali u l-avvenimenti klimatiċi avversi bħas-sistemi tat-tisħin jew ix-xbieki installati fl-għelieqi, l-iskemi tal-assigurazzjoni, jew l-istabbiliment ta’ fondi mutwi. |
|
(7) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(8) |
Fid-dawl tal-implimentazzjoni ta’ programmi operattivi skont is-snin kalendarji, u filwaqt li jitqies li l-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata li jiddetermina l-ammont massimu ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni jibbaża fuq is-sena kalendarju ta’ qabel, jeħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun, l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 23 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Fejn ikun sar tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur ta’ prodott minħabba diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi, mard tal-pjanti, jew infestazzjonijiet ta’ pesti, li jaqgħu barra mir-responsabbiltà u l-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 85 % tal-valur tagħha fil-perjodu ta’ referenza ta’ qabel. L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tagħti provi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li dawk ir-raġunijiet kienu jaqgħu barra mir-responsabbiltà u l-kontroll tagħha. F’każ li l-organizzazzjoni tal-produtturi turi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li ħadet il-miżuri preventivi meħtieġa kontra d-diżastru naturali, l-avveniment klimatiku, il-mard tal-pjanti jew l-infestazzjoni ta’ pesti kkonċernati, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 100 % tal-valur tagħha fil-perjodu ta’ referenza preċedenti.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311 14.11.2002, p. 3).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/108 tat-23 ta’ Jannar 2018 dwar miżura ta’ emerġenza fil-forma ta’ għajnuna lill-bdiewa minħabba l-għargħar u x-xita qawwija li kien hemm f’ċerti reġjuni tal-Litwanja, tal-Latvja, tal-Estonja u tal-Finlandja (ĠU L 19, 24.1.2018, p. 6).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 4).