Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

1 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Dazji tas-sisa – Artikolu 27(1) u (2)tad-Direttiva 92/83/KEE – Artikolu 7(1) u (2)(a), Artikolu 20(2) u Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/118/KE – Irregolarità li seħħet matul moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Moviment ta’ prodotti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju – Ġbir tad-dazju tas-sisa minħabba l-assenza ta’ dokument akkumpanjanti speċifiku għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa”

Fil-Kawża T‑361/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Mejju 2025, fil-proċedura

Brenntag GmbH

vs

Hauptzollamt Duisburg,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),

komposta minn N. Półtorak, Presidenta, G. Hesse (Relatur), G. Steinfatt, D. Petrlík u I. Dimitrakopoulos, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: M. Brkan,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat it-trasferiment mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Ġunju 2025 skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ domanda indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi Statut,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Brenntag, minn S. Benz u H. Richter, Rechtsanwälte,

–        għal Hauptzollamt Duisburg, minn B. Berger, L. Gorschütz, M. Schwenn u H. Tulowitzki, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland u C. Vollrath, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (2)(a) tal-Artikolu 20(2) u tal-Artikolu 30 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12), kif ukoll tal-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Brenntag GmbH u l-Hauptzollamt Duisburg (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Duisburg, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“uffiċċju doganali”), dwar l-iffissar tad-dazji tas-sisa li jikkonċernaw l-alkoħol li din l-impriża kkunsinnat lill-klijenti tagħha matul is-sena 2016.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Direttiva 92/83

3        L-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 92/83 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mis-sisa armonizzata taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż:

(a)      Meta mqassam fil-forma ta’ alkoħol denaturalizzat skont il-ħtiġijiet ta’ kwalunkwe Stat Membru, u dawn il-ħtiġijiet kienu notifikati u aċċettati kif xieraq skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu. Din l-eżenzjoni għandha tkun kondizzjonali għal meta jkunu applikati d-disposizzjonijiet tad-Direttiva 92/12/EEC liċ-ċaqliq kummerċjali ta’ l-alkoħol denaturalizzat;

(b)      meta jkun denaturalizzat skont il-ħtiġijiet ta’ kwalunkwe Stat Membru kif ukoll użat għall-manifattura ta’ xi prodott mhux għall-konsum tal-bnedmin;

(ċ)      meta użat għall-produzzjoni tal-ħall li jaqa taħt il-kodiċi NM 2209;

(d)      meta użat għall-produzzjoni ta’ mediċini definiti mid-Direttiva 65/65/KEE;

(e)      meta użat għall-produzzjoni ta’ essenzi għall-preparazzjonijiet ta’ l-ikel u tax-xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il-1,2 % vol.;

(f)      meta użat direttament jew bħala kostitwent ta’ prodott ippreparat għall-aħħar stadju ta’ manifattura ta’ l-ikel, mimli jew le, iżda f’kull każ il-kontenut alkoħoliku ma jeċċedix it-8,5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għaċ-ċikkulata, u 5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għal prodotti oħra.

2.      L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mit-taxxa tas-sisa armonizzata taħt kondizzjonijiet li huma għandhom jistipulaw bl-iskop li jassiguraw l-applikazzjoni korretta u faċli ta’ dawn l-eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni ta’ kull evażjoni, ħelsien jew abbuż, meta użati:

(a)      bħala kampjuni għall-analiżi, għal testijiet meħtieġa għall-produzzjoni, jew għal skopijiet xjentifiċi;

(b)      għal riċerka xjentifika;

(ċ)      għal skopijiet mediċi fi sptarijiet u spiżeriji;

(d)      fi proċess ta’ manifattura sakemm il-prodott finali ma jkollux l-alkoħol;

(e)      fil-manifattura ta’ prodott komponent li m’huwiex soġġett għat-taxxa tas-sisa taħt din id-Direttiva.”

 Direttiva 2008/118

4        Id-Direttiva 2008/118 tħassret permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad‑19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020, L 58, p. 4, rettifiki fil-ĠU 2020, L 409, p. 38 u fil-ĠU 2023, L 188, p. 60). Madankollu, hija applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali.

5        Il-premessa 8 tad-Direttiva 2008/118 kienet ifformulata kif ġej:

“Billi jibqa’ meħtieġ għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern li l-kunċett, u l-kondizzjonijiet għall-ħlas, tad-dazju tas-sisa jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li jkun iċċarat fil-livell tal-Komunità meta l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu rilaxxati għall-konsum u liema hija l-persuna li għandha tħallas it-taxxa tas-sisa.”

6        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/118 kien jipprovdi:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva kif ukoll tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tagħha, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘magazzinier awtorizzat’, tfisser persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha, tipproduċi, tipproċessa, iżżomm, tirċievi jew tibgħat prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju f’maħżen tat-taxxa;

[...]

(7)      ‘arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju’ tfisser arranġament tat-taxxa applikat għall-produzzjoni, l-ipproċessar, iż-żamma jew il-moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mhux koperti minn proċedura jew arranġament doganali sospensiv, bid-dazju tas-sisa jkun sospiż;

[...]

(11)      ‘maħżen tat-taxxa’ tfisser post fejn prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa huma prodotti, ipproċessati, miżmuma, riċevuti jew mibgħuta taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju minn magazzinier awtorizzat matul in-negozju tiegħu, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-maħżen tat-taxxa.”

7        L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2008/118 kien jipprovdi:

“1.      Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-‘rilaxx għall-konsum’ għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)      it-tluq ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż it-tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

(b)      iż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa barra minn arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju fejn id-dazju tas-sisa ma jkunx inġabar skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Komunitarju u l-leġislazzjoni nazzjonali;

(ċ)      il-produzzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluża l-produzzjoni irregolari, barra minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

(d)      l-importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż l-importazzjoni irregolari, sakemm il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jitqegħdux, immedjatament mal-importazzjoni, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.”

8        L-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2008/118 kien jipprevedi dan li ġej:

“1.      Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jistgħu jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju fit-territorju tal-Komunità, inkluż fejn il-prodotti jittranżitaw permezz ta’ pajjiż terz jew territorju terz:

(a)      minn maħżen tat-taxxa għal:

(i)      maħżen tat-taxxa ieħor;

(ii)      destinatarju reġistrat;

[...]

2.      B’deroga mill-paragrafu 1(a)(i) u (ii) u (b) ta’ dan l-Artikolu, u għajr fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(3), l-Istat Membru tad-destinazzjoni jista’, taħt il-kondizzjonijiet li jistabbilixxi, jippermetti li l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju jiċċirkolaw għal post ta’ konsenja diretta li jinsab fit-territorju tiegħu, fejn dak il-post ikun ġie indikat mill-magazzinier awtorizzat fl-Istat Membru tad-destinazzjoni jew mid-destinatarju reġistrat.

Dak il-magazzinier awtorizzat jew dak id-destinatarju reġistrat għandhom jibqgħu responsabbli biex jippreżentaw ir-rapport tar-riċeviment imsemmi fl-Artikolu 24(1).”

9        Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/118:

“1.      Il-moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa għandu jibda, fil-każijiet msemmija fl-Artikolu 17(1)(a) ta’ din id-Direttiva, meta l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jitilqu mill-maħżen tat-taxxa minn fejn jintbagħtu u, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(b), meta jitqiegħdu f’ċirkolazzjoni ħielsa skont l-Artikolu 79 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

2.      Moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa jintemm, fil-każijiet msemmija fl-Artikolu 17(1)(a)(i), (ii) u (iv) u l-Artikolu 17(1)(b), meta d-destinatarju jkun irċieva l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a)(iii), meta l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu ħallew it-territorju tal-Komunità.”

10      Konformement mal-Artikolu 21(1) sa (3) tad-Direttiva 2008/118:

“1.      Moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandu jitqies li jkun seħħ taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju biss jekk dan ikun seħħ taħt il-kopertura ta’ dokument amministrattiv elettroniku pproċessat skont il-paragrafi 2 u 3.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-konsenjatur għandu jissottometti abbozz ta’ dokument amministrattiv elettroniku lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-prodotti bl-użu ta’ sistema kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE (minn hawn ’il quddiem ‘is-sistema kompjuterizzata’).

3.      L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur għandhom iwettqu verifika elettronika tad-data fl-abboz tad-dokument amministrattiv elettroniku.

Meta din id-data ma tkunx valida, il-konsenjatur għandu jiġi nfurmat mingħajr dewmien.

Meta din id-data tkun valida, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur għandhom jassenjaw kodiċi uniku ta’ referenza amministrattiva u jikkomunikawh lill-konsenjatur.”

11      L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/118 kien jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proċeduri simplifikati fir-rigward ta’ movimenti ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju li jseħħu kompletament fit-territorju tagħhom, inkluża l-possibbiltà li ssir rinunzja mir-rekwiżit li dawn il-movimenti jkunu s-suġġett ta’ monitoraġġ elettroniku.”

 Id-dritt Ġermaniż

12      L-Artikolu 142 tal-Gesetz über das Branntweinmonopol (Branntweinmonopolgesetz) – BranntwMonG) (il-Liġi dwar il-Monopolju tal-Ispirti), tat‑8 ta’ April 1922 (RGBl. 1922 I, p. 335, 405), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (BGBl., III, Nru 612-7), kif emendata bl-Artikolu 1 tal-liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 1650) (iktar ’il quddiem il-“BranntwMonG”), kien jipprevedi b’mod partikolari:

“(1)      ‘Irregolarità’ tfisser sitwazzjoni li sseħħ waqt il-moviment taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, minbarra l-każijiet imsemmija fl-Artikolu 143(1), li minħabba fiha l-moviment jew parti minnu ma jkunx jista’ jintemm b’mod regolari.

(2)      Jekk iseħħu irregolaritajiet matul moviment ta’ prodotti fis-sens tal-Artikoli 139 sa 141 fit-territorju fiskali, il-prodotti kkonċernati għandhom jinħarġu mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa.

[...]”

13      L-Artikolu 143 tal-BranntwMonG kien jipprovdi, b’mod partikolari:

“(1)      Id-dazji tas-sisa jsiru eżiġibbli fil-mument tar-rilaxx għall-konsum tal-prodotti, ħlief jekk eżenzjoni minn dawn id-dazji ssir applikabbli sussegwentement.

(2)      Il-prodotti jiġu rrilaxxati għall-konsum fil-każ:

“1.      ta’ ħruġ mill-maħżen tat-taxxa, sakemm arranġament ieħor ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa ma japplikax sussegwentement; il-konsum fil-maħżen tat-taxxa huwa ekwivalenti għal ħruġ,

[...]

5.      ta’ irregolarità fis-sens tal-Artikolu 142 matul il-moviment taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa.

[...]”

14      L-Artikolu 152 tal-BranntwMonG kien jipprevedi, b’mod partikolari, li:

“(1)      Il-prodotti huma eżentati mid-dazju tas-sisa meta jintużaw għal finijiet kummerċjali

1.      għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali mill-persuni awtorizzati għal dan l-għan skont il-leġiżlazzjoni fil-qasam farmaċewtiku, bl-eċċezzjoni tat-taħlitiet puri ta’ alkoħol u ta’ ilma,

2.      mingħajr żnaturament għall-manifattura tal-ħall,

3.      wara żnaturament għall-manifattura ta’ prodotti li la huma prodotti mediċinali u lanqas ma huma prodotti tal-ikel,

4.      wara żnaturament għat-tisħin, għat-tindif jew għal finijiet oħra li ma jintużawx għall-manifattura ta’ prodotti;

5.      mingħajr żnaturament, għall-manifattura ta’ essenzi aromatiċi għall-finijiet tal-aromatizzazzjoni ta’

a)      xarbiet li ma jkunx fihom iktar minn 1.2 % fil-volum ta’ alkoħol,

b)      prodotti tal-ikel oħra, bl-eċċezzjoni ta’ spirti u ta’ xorb alkoħoliku ieħor,

[...]”

15      Skont l-Artikolu 26(7) tal-Verordnung zur Durchführung des Branntweinmonopolgesetzes (Branntweinsteuerverordnung) – BrStV) (ir-Regolament dwar id-dazji tas-sisa fuq l-ispirti), tal‑5 ta’ Ottubru 2009 (BGBl. 2009 I, p. 3262, 3280), kif emendat l-aħħar bl-Artikolu 9 tal-liġi tat‑3 ta’ Diċembru 2015 (BGBl. 2015 I, p. 2178) u mħassar b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2018 (iktar ’il quddiem il-“BrStV”):

“(7)      1 Jekk, waqt il-movimenti ta’ prodotti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, id-destinatarju jkun magazzinier fiskali stabbilit fit-territorju fiskali li jipproċedi bil-moviment sussegwenti tal-prodotti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa lejn maħżen tat-taxxa ieħor li jinsab fit-territorju fiskali jew lejn l-utent professjonali (Artikolu 153(1) ta’ dan ir-regolament) stabbilit fit-territorju fiskali, l-uffiċċju doganali prinċipali kompetenti jista’, fuq talba f’dan is-sens u suġġett għall-irtirar, jippermetti li l-prodotti jitqiesu li ġew ikkunsinnati fil-maħżen tat-taxxa tiegħu u, simultanjament, jitqiesu li nħarġu minnu malli d-destinatarju jkun ħa l-pussess tagħhom fit-territorju fiskali. 2 Dan huwa bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar il-movimenti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa.”

16      L-Artikolu 28 tal-BrStV kien jipprovdi, b’mod partikolari:

“(1)      1 Fil-każ ta’ movimenti ta’ prodotti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa lejn l-istabbilimenti tal-utenti (Artikolu 153(1) ta’ dan ir-regolament), il-magazzinier fiskali stabbilit fit-territorju fiskali, bħala konsenjatur, jew il-konsenjatur irreġistrat, għandu juża d-dokument akkumpanjanti sa mill-post ta’ importazzjoni li jinsab fit-territorju fiskali. 2 Minflok id-dokument akkumpanjanti, il-konsenjatur jista’ juża dokument kummerċjali li jinkludi l-indikazzjonijiet kollha inklużi fid-dokument akkumpanjanti. 3 Huwa għandu jindika fuq id-dokument kummerċjali il-frażi ‘dokument akkumpanjanti għall-moviment ta’ prodotti suġġetti għal arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa’.

[...]

(7)      1 Id-dokumenti akkumpanjanti msemmija fil-paragrafu 1 [...] ma humiex meħtieġa fiċ-ċirkustanzi previsti fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 8, sakemm jiġu ttrasportati l-prodotti li ġejjin:

“1.      spirti żnaturati permezz tal-mezzi ta’ żnaturament imsemmija fl-Artikolu 44 u fl-Artikolu 50(4) u (5),

[…]

2      Il-prodotti għandhom jitqiesu li ġew ikkunsinnati fl-istabbiliment tal-konsenjatarju malli dan tal-aħħar ikun ħa l-pussess tagħhom.

(8)      1 Il-konsenjatur għandu jehmeż mal-prodotti msemmija fil-paragrafu 7 dokumenti kummerċjali li jkollhom:

1.      fil-każ imsemmi fil-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 7, l-indikazzjoni:

‘Dan l-ispirtu huwa żnaturat. L-iżnaturament jew l-użu għall-konsum mill-bniedem jew għall-manifattura ta’ xorb alkoħoliku, kif ukoll it-traffikar illegali, iġibu magħhom konsegwenzi kriminali u fiskali.’

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Brenntag hija kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li l-attività tagħha tikkonsisti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti kimiċi, industrijali u speċjali. L-uffiċċju doganali taha, b’effett mill‑21 ta’ Jannar 2011, l-awtorizzazzjoni sabiex taħżen l-alkoħol taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa. Bis-saħħa ta’ din l-awtorizzazzjoni, Brenntag kienet awtorizzata tuża l-mekkaniżmu tal-moviment sussegwenti (weiterbefördern), previst fl-Artikolu 26(7) tal-BrStV. Permezz ta’ dan il-mekkaniżmu, il-prodotti huma ttrasportati direttament mill-fornituri ta’ Brenntag lejn il-klijenti ta’ din tal-aħħar stabbiliti fit-territorju fiskali Ġermaniż, mingħajr ma hija obbligata li fiżikament tirċievi l-kunsinna minn qabel ta’ dawn il-prodotti fil-maħżen tat-taxxa tagħha. F’dan il-kuntest, il-moviment sussegwenti huwa analizzat bħala l-moviment fittizju tal-prodotti mill-maħżen tat-taxxa ta’ Brenntag lejn l-imħażen tat-taxxa tal-klijenti tagħha jew lejn l-istabbilimenti tal-utenti kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 26(7) tal-BrStV.

18      Fl‑2016, Brenntag akkwistat alkoħol mingħand fornituri stabbiliti fil-Belġju, fi Franza, fil-Polonja u fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem il-“fornituri”), li hija stess biegħet mill-ġdid parzjalment lil klijenti stabbiliti fil-Ġermanja. Il-kumpannija BCD Chemie GmbH, li kienet tappartjeni lill-istess grupp ta’ Brenntag, biegħet mill-ġdid parti mill-alkoħol lil klijenti stabbiliti fil-Ġermanja. L-alkoħol ġie ttrasportat, mill-imħażen tat-taxxa tal-fornituri, direttament lill-klijenti ta’ Brenntag jew lil dawk ta’ BCD Chemie. L-ordnijiet għat-trasport għal dawn il-kunsinni saru minn Brenntag, minbarra għal ħamsa minnhom, li saru mill-fornituri, stabbiliti fil-Belġju u fil-Ġermanja.

19      Il-fornituri bagħtu, kull darba, qabel il-bidu tal-moviment tal-alkoħol taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, abbozzi ta’ dokumenti amministrattivi elettroniċi. Dawn id-dokumenti indikaw b’mod ġenerali, fir-rigward tad-destinatarju, l-isem u l-indirizz ta’ Brenntag kif ukoll in-numru tas-sisa li ġie attribwit lilha u, fir-rigward tal-post tal-kunsinna, in-numru tal-maħżen tat-taxxa ta’ Brenntag kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-klijent tagħha jew ta’ dak ta’ BCD Chemie stabbilit fil-Ġermanja. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda 22 kunsinna oħra, id-dokumenti amministrattivi elettronċi indikaw, fir-rigward tad-destinatarju u tal-post tal-kunsinna, l-isem u l-indirizz ta’ Brenntag kif ukoll in-numru tas-sisa u n-numru tal-maħżen tat-taxxa tagħha. L-awtoritajiet kompetenti vvalidaw l-abbozzi ta’ dokumenti amministrattivi elettroniċi sottomessi mill-fornituri permezz tal-għoti ta’ kodiċi ta’ riferiment. Wara l-kunsinna tal-alkoħol lill-klijenti tagħha jew lil dawk ta’ BCD Chemie, Brenntag bagħtet konfermi tal-kunsinna lill-uffiċċju doganali.

20      Wara verifika, l-uffiċċju doganali talab lil Brenntag il-ħlas ta’ EUR 62 633 047.55 bħala dazji tas-sisa għal dawn it-tranżazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq imwettqa fl‑2016. Brenntag ikkontestat din id-deċiżjoni permezz ta’ lment.

21      L-uffiċċju doganali ċaħad l-ilment ta’ Brenntag. B’mod partikolari, l-uffiċċju doganali indika li t-teħid tal-pussess, mid-destinatarju, f’dan il-każ Brenntag, ta’ alkoħol ittrasportat taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa kien ikkunsidrat, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(7) tal-BrStV, bħala riċezzjoni fittizja fil-maħżen tat-taxxa tagħha, li kien jirriżulta simultanjament għal ħruġ fittizju minn dan il-maħżen mingħajr eżiġibbiltà ta’ dazji tas-sisa jekk moviment ieħor taħt dan l-arranġament iseħħ sussegwentement. Wara li ħa l-pussess tal-alkoħol, id-destinatarju, jiġifieri Brenntag, bħala konsenjatur ġdid, kellu jibgħat abbozz ta’ dokument amministrattiv elettroniku għall-moviment sussegwenti tal-alkoħol, li mingħajru dan il-moviment ma setax iseħħ fit-territorju fiskali Ġermaniż taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa. L-uffiċċju doganali kkonstata li, f’ċerti każijiet, Brenntag ma kinitx għamlet l-ordnijiet għat-trasport. Għaldaqstant, hija ma kinitx ħadet pussess indirett tal-prodott, li kien iwassal għal irregolarità matul il-moviment taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 143(2) tal-BranntwMonG u, konsegwentement, għal ħruġ mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji. L-uffiċċju doganali qies ukoll li, f’każijiet oħra, l-assenza ta’ trażmissjoni fi żmien xieraq tal-abbozz ta’ dokumenti amministrattivi u t-tħejjija tardiva ta’ fatturi kienu wasslu għal ħruġ tal-alkoħol mill-maħżen tat-taxxa tiegħu mingħajr applikazzjoni ta’ arranġament ieħor ta’ sospensjoni tad-dazji. L-alkoħol ġie għalhekk ikkunsidrat bħala li ġie rrilaxxat għall-konsum skont il-punt 1 tal-Artikolu 143(2) tal-BranntwMonG. Skont l-uffiċċju doganali, l-iffissar ta’ dazji tas-sisa f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li r-rekwiżiti dwar it-trażmissjoni tad-dokumentazzjoni neċessarja għall-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jikkostitwixxu kundizzjoni sostantiva għal moviment taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa.

22      Brenntag ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-uffiċċju doganali li tiċħad l-ilment tagħha quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

23      Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-każijiet fejn Brenntag ma għamlitx l-ordnijiet għat-trasport għall-moviment tal-alkoħol mill-fornituri tagħha sal-klijenti tagħha, id-dazji tas-sisa jistgħu jitqiesu li saru eżiġibbli, konformement mal-punt 5 tal-Artikolu 143(2) tal-BranntwMonG, minħabba irregolarità li seħħet matul dan il-moviment. Fil-fatt, għalkemm il-moviment tal-alkoħol mill-imħażen tat-taxxa tal-fornituri għal dawk tal-klijenti ta’ din tal-aħħar u ta’ BCD Chemie seħħ akkumpanjat minn dokument amministrattiv elettroniku – peress li l-fornituri ta’ Brenntag għamlu użu minnu tali dokument– il-mekkaniżmu previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(7) tal-BrStV kien jeżiġi li Brenntag tieħu l-pussess tal-alkoħol fit-territorju fiskali Ġermaniż. Madankollu, fid-dritt Ġermaniż, hija l-persuna li tagħmel l-ordni għat-trasport li tieħu indirettament il-pussess tal-prodotti. Peress li ma għamlitx l-ordnijiet għat-trasport, Brenntag għalhekk ma ħaditx il-pussess indirett tal-alkoħol ikkunsinnat direttament lill-klijenti tagħha, b’tali mod li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(7) tal-BrStV, ma kien hemm ebda riċezzjoni fittizja fil-maħżen tat-taxxa tagħha u ma kien hemm ebda ħruġ fittizju tal-alkoħol minn dan il-maħżen.

24      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-każijiet l-oħra, jiġifieri dawk li fihom Brenntag ma bagħtitx, fi żmien xieraq, id-dokumentazzjoni meħtieġa għall-moviment sussegwenti fittizju tal-alkoħol taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, li jestendi mill-qsim tal-fruntiera Ġermaniża mit-trakkijiet sal-kunsinna tal-alkoħol lill-klijenti tagħha jew lil dawk ta’ BCD Chemie, id-dazji tas-sisa jistgħu jitqiesu li saru eżiġibbli minħabba li seħħet irregolarità matul dan il-moviment fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 143(2) tal-BranntwMonG. Skont il-qorti tar-rinviju, tali irregolarità madankollu ma kinitx isseħħ matul il-moviment taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa li kieku Brenntag ma kinitx obbligata, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(7) tal-BrStV, tirċievi, b’mod fittizju, fil-maħżen tat-taxxa tagħha, il-kunsinna tal-alkoħol ittrasportat taħt dan l-arranġament, imbagħad tipproċedi bil-ħruġ tiegħu qabel il-moviment sussegwenti fittizju tiegħu lejn il-klijenti tagħha u dawk ta’ BCD Chemie.

25      Minn dan il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li s-soluzzjoni tat-tilwima tiddependi mill-punt dwar jekk l-Artikolu 7(1) u (2)(a), l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/118 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(7) tal-BrStV.

26      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji wkoll li awtorità nazzjonali tista’ tirrifjuta l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għas-sempliċi raġuni ta’ trażmissjoni irregolari tad-dokumentazzjoni meħtieġa għall-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, mingħajr ma tivverifika jekk il-kundizzjonijiet sostantivi dwar l-użu ta’ prodott li jibbenefika mill-eżenzjoni minn dawn id-dazji kinux issodisfatti.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 7(1) u (2)(a), l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva [2008/118] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ ċirkulazzjoni ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt sistema ta’ sospensjoni tad-dazju lejn maħżen fiskali fi Stat Membru, liema prodotti jiġu ttrasferiti mill-magazzinier fiskali taħt sistema ta’ sospensjoni tad-dazju lejn maħżen fiskali ieħor stabbilit fl-Istat Membru kkonċernat jew lejn stabbiliment ta’ utent professjonali fl-Istat Membru kkonċernat, dawn il-prodotti jitqiesu li jkunu daħlu fil-maħżen fiskali tal-magazzinier fiskali u, simultanjament, li jkunu ħarġu minn dan il-maħżen fil-mument li l-magazzinier fiskali jkollu l-pussess tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat, b’mod li l-magazzinier fiskali jkollu għalhekk jistabbilixxi sistema ta’ sospensjoni tad-dazju ġdida?

2)      L-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva [92/83] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ proporzjonalità taħt id-dritt tal-Unjoni jipprekludi r-rifjut ta’ eżenzjoni mid-dazji tas-sisa, prevista f’din id-dispożizzjoni, minħabba li, skont id-dispożizzjoni nazzjonali msemmija fl-ewwel domanda, fil-każ ta’ ċirkulazzjoni sussegwenti fittizja ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt sistema ta’ sospensjoni tad-dazju, ebda abbozz addizzjonali ta’ dokument amministrattiv elettroniku ma jkun ġie trażmess jew, fil-każ ta’ ċirkulazzjoni fi Stat Membru lejn stabbiliment ta’ utenti kummerċjali, ebda dokument akkumpanjanti jew kummerċjali ma jkun intuża li jattesta li l-alkoħol ġie żnaturat, u li l-eliminazzjoni tal-iżnaturament jew l-użu għall-finijiet tal-konsum jew tal-produzzjoni ta’ xorb alkoħoliku, kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni illegali, jimplikaw konsegwenzi taħt id-dritt kriminali u fiskali, minkejja l-fatt li l-alkoħol ikun intuża għall-finijiet kummerċjali b’eżenzjoni mid-dazju tas-sisa jew ikun ġie kkunsinnat fil-maħżen fiskali ta’ magazzinier awtorizzat?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) u (2)(a), l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/118 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ movimenti ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji lejn magazzinier awtorizzat stabbilit fi Stat Membru, meta dawn il-prodotti ma jiġux ittrasportati fil-maħżen tat-taxxa tiegħu, iżda jiġu ttrasportati direttament mill-fornituri tiegħu sal-imħażen tat-taxxa tal-klijenti tiegħu li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi finzjoni legali fis-sens li, fil-mument meta l-magazzinier awtorizzat jikseb il-pussess tal-prodotti, mingħajr ma jkollu pussess fiżiku tagħhom (teħid tal-pussess imsejjaħ “indirett”), fit-territorju fiskali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit, dawn il-prodotti jitqiesu li ġew ikkunsinnati lilu u, simultanjament, jitqiesu li nħarġu mill-maħżen tat-taxxa tiegħu, b’tali mod li jagħtu lok għall-ftuħ ta’ arranġament ġdid ta’ sospensjoni tad-dazji.

29      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/118, huma suġġetti għad-dazju tas-sisa l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, fosthom l-alkoħol li jaqa’ taħt id-Direttiva 92/83, waqt il-produzzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jew waqt l-importazzjoni tagħhom f’dan it-territorju. Filwaqt li l-fatt li jagħti lok għad-dazju tas-sisa huwa għalhekk il-produzzjoni jew l-importazzjoni tal-prodotti kkonċernati fl-imsemmi territorju, din it-taxxa ssir eżiġibbli, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118, biss mar-rilaxx għall-konsum ta’ dawn il-prodotti (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa, C‑64/15, EU:C:2016:62, punt 21). Meta dawn il-prodotti jkunu koperti minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji, il-ħruġ, anki irregolari, minn dan l-arranġament jitqies bħala rilaxx għall-konsum, skont l-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 2008/118.

30      Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 17(1)(a)(i) tad-Direttiva 2008/118, il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jistgħu jiċċirkulaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji fit-territorju tal-Unjoni, b’mod partikolari, minn maħżen tat-taxxa li jinsab fi Stat Membru lejn maħżen tat-taxxa li jinsab fi Stat Membru ieħor. Tali arranġament ta’ sospensjoni huwa kkaratterizzat mill-fatt li d-dazji tas-sisa relatati mal-prodotti li jaqgħu taħtu għadhom ma humiex eżiġibbli, minkejja li l-fatt taxxabbli jkun diġà seħħ. Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, dan l-arranġament jipposponi l-eżiġibbiltà tiegħu sakemm tiġi ssodisfatta kundizzjoni ta’ eżiġibbiltà (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa, C‑64/15, EU:C:2016:62, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fit-tielet lok, b’deroga mill-Artikolu 17(1)(a)(i) u (ii) tad-Direttiva 2008/118, l-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva jagħti lill-Istati Membri, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-fakultà li jawtorizzaw il-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji lejn post ta’ kunsinna diretta li jinsab fit-territorju tagħhom. Dan il-post, distint mill-maħżen tat-taxxa tad-destinatarju, għandu jkun indikat minn qabel mill-magazzinier awtorizzat fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

32      F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għamlitx użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2008/118.

33      Fir-raba’ lok, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/118 jiddetermina l-mument li fih jibda l-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji u dak li fih jintemm. Għalhekk, skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2008/118, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a)(i) ta’ din id-direttiva, tali moviment jibda meta dawn il-prodotti jitilqu mill-maħżen tat-taxxa ta’ spedizzjoni.

34      Skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/118, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji fit-territorju tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 17(1)(a)(i) ta’ din id-direttiva, il-moviment ta’ dawn il-prodotti jintemm “meta d-destinatarju jkun irċieva l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa”. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2008/118 ma tatx definizzjoni ta’ dak li għandu jinftiehem bl-espressjoni “[d]-destinatarju jkun irċieva l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li kienet ir-riċezzjoni effettiva tal-prodotti, bħala tali, mid-destinatarju tagħhom, li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-mument tal-kunsinna tagħhom (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa, C‑64/15, EU:C:2016:62, punt 29).

35      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, billi jiddefinixxi l-mument li fih jintemm il-moviment tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji, l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/118 kien intiż li jiddefinixxi l-mument meta tali prodotti jitqiesu li ġew irrilaxxati għall-konsum u jiddetermina, konsegwentement, il-mument meta t-taxxa fuq dawn il-prodotti tkun saret dovuta (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa, C‑64/15, EU:C:2016:62, punt 31).

36      Fir-rigward tar-rilaxx għall-konsum u tal-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa, l-espressjoni “it-tluq ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa [...] minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju”, li tinsab fl-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 2008/118 tindika, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-ħruġ fiżiku ta’ dawn il-prodotti u mhux is-sempliċi bejgħ tagħhom, peress li l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa, bħala taxxa fuq il-konsum, għandha tiġi imposta l-iktar viċin tal-konsumatur finali u ma tistax, għaldaqstant, tinġabar sakemm il-prodotti kkonċernati jibqgħu fil-maħżen tat-taxxa ta’ magazzinier awtorizzat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Polihim-SS, C‑355/14, EU:C:2016:403, punti 48 sa 52).

37      Għalhekk, mill-ġurisprudenza, li tissuġġetta l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa għall-ħruġ fiżiku tal-prodotti mill-maħżen tat-taxxa, jirriżulta li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/118, il-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji jista’ jintemm biss fil-mument tar-riċezzjoni fiżika u effettiva ta’ dawn il-prodotti mid-destinatarju rilevanti tal-moviment ikkonċernat. Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi finzjoni legali fis-sens li, fil-mument tat-teħid tal-pussess indirett tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa mill-magazzinier awtorizzat, dawn il-prodotti jitqiesu li ġew ikkunsinnati lilu u, simultanjament, li nħarġu mill-maħżen tat-taxxa tiegħu, bħal dik stabbilita mill-Artikolu 26(7) tal-BrStV, ma jistax ikollha l-effett li tagħmel id-dazji tas-sisa eżiġibbli fil-mument ta’ dan il-ħruġ fittizju, bla ħsara għall-applikazzjoni sussegwenti ta’ arranġament ġdid ta’ sospensjoni tad-dazji.

38      Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata min-neċessità li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-premessa 8 tad-Direttiva 2008/118 jirriżulta li huwa neċessarju, għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li l-kunċett ta’ eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa u l-kundizzjonijiet relatati miegħu jkunu identiċi fl-Istati Membri kollha u li din id-direttiva tiddetermina, għalhekk, fil-livell tal-Unjoni, f’liema mument il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa huma rrilaxxati għall-konsum (sentenza tat‑8 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑590/16, EU:C:2018:77, punt 44). Jekk jiġi aċċettat li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi finzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-għan ta’ interpretazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha tal-kunċetti ta’ “ħruġ” u ta’ “rilaxx għall-konsum”, li jiddeterminaw il-mument tal-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa, ma jistax iktar jintlaħaq.

39      Fil-ħames lok, skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/118, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proċeduri ssemplifikati fir-rigward ta’ movimenti ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji li jseħħu kompletament fit-territorju tagħhom, inkluż billi jipprevedu l-possibbiltà li ssir rinunzja mir-rekwiżit li dawn il-movimenti jkunu s-suġġett ta’ monitoraġġ elettroniku.

40      Qabelxejn, mill-Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/118 jirriżulta li l-possibbiltà msemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq, prevista minn din id-direttiva għall-Istati Membri hija limitata għall-movimenti ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji li jseħħu kompletament fit-territorju tagħhom, li jeskludi l-movimenti transkonfinali taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji għal prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, minn imħażen tat-taxxa li jinsabu fi Stati Membri oħra, lejn klijenti stabbiliti fit-territorju nazzjonali, bħal ċerti movimenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/118 jirrigwarda biss l-aspetti proċedurali applikabbli għal tali movimenti, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma tistax tirregola l-kundizzjonijiet sostantivi relatati mal-arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazji u t-tmiem tal-movimenti mwettqa taħt dan l-arranġament, li huma rregolati mill-Artikolu 17(1) u (2) u mill-Artikolu 20(2) tal-imsemmija direttiva. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet huma, barra minn hekk, inseparabbli mill-kunċetti ta’ “rilaxx għall-konsum” u ta’ “eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa” msemmija fl-Artikolu 7 tal-istess direttiva.

42      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/118, li jirregola l-kundizzjonijiet ta’ tmiem tal-movimenti ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji, huwa ta’ natura obbligatorja għall-Istati Membri, b’tali mod li ma jistgħux jidderogaw minnu fid-dritt nazzjonali tagħhom.

43      Minn dan isegwi li l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/118 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu li s-sempliċi teħid ta’ pussess indirett ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa mill-magazzinier awtorizzat destinatarju jtemm, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-moviment lejn il-maħżen tat-taxxa tiegħu tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji u jagħti lok għall-bidu ta’ moviment ġdid taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji. Tali konklużjoni hija bla ħsara għall-evalwazzjoni, li fil-kompetenza esklużiva tal-qorti tar-rinviju, tal-effetti li d-dritt nazzjonali jorbot mal-mekkaniżmu previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(7) tal-BrStV, sakemm dawn l-effetti la jbiddlu l-bidu u lanqas it-tmiem tal-moviment taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji fis-sens tad-Direttiva 2008/118.

44      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) u (2)(a), l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/118 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ movimenti ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji lejn magazzinier awtorizzat stabbilit fi Stat Membru, meta dawn il-prodotti ma jiġux ittrasportati fil-maħżen tat-taxxa tiegħu, iżda jiġu ttrasportati direttament mill-fornituri tiegħu sal-imħażen tat-taxxa tal-klijenti tiegħu li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi finzjoni legali fis-sens li, fil-mument meta l-magazzinier awtorizzat jikseb il-pussess tal-prodotti, mingħajr ma jkollu pussess fiżiku tagħhom, fit-territorju fiskali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit, dawn il-prodotti jitqiesu li ġew ikkunsinnati lilu fil-maħżen tat-taxxa tiegħu u, simultanjament, jitqiesu li nħarġu mill-maħżen tat-taxxa tiegħu, b’tali mod li jagħtu lok għall-ftuħ ta’ arranġament ġdid ta’ sospensjoni tad-dazji.

 Fuq it-tieni domanda

45      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 92/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi r-rifjut ta’ eżenzjoni mid-dazji tas-sisa, prevista minn din id-dispożizzjoni, għar-raġuni li d-dokumentazzjoni meħtieġa, skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, tkun nieqsa waqt moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, kemm jekk ikun moviment fittizju previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda preliminari u kemm jekk ikun moviment fit-territorju nazzjonali lejn stabbilimenti ta’ utenti kummerċjali, minkejja li dawn il-prodotti ntużaw għal finijiet kummerċjali b’eżenzjoni mid-dazji tas-sisa jew ġew ikkunsinnati fil-maħżen tat-taxxa ta’ magazzinier awtorizzat.

46      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, irregolat mid-Direttiva 2008/118, u l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa, prevista fl-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 92/83, huma suġġetti għal kundizzjonijiet differenti.

47      Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2008/118 jirriżerva l-benefiċċju tal-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji biss għall-movimenti ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa mwettqa akkumpanjati minn dokument amministrattiv elettroniku, stabbilit konformement mal-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi artikolu, l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa hija suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni distinti marbuta mal-karatteristiċi u mal-użu ta’ dawn il-prodotti, konformement mal-Artikolu 27 tad-Direttiva 92/83. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “kunsinna fil-maħżen tat-taxxa ta’ magazzinier awtorizzat”, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, ma huwiex relatat mal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 92/83.

48      Mit-tieni domanda, interpretata fid-dawl tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt imwettaq fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-eżenzjoni tal-alkoħol għat-trażmissjoni regolari tad-dokumentazzjoni meħtieġa għall-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, u b’mod partikolari tad-dokument amministrattiv elettroniku msemmi fl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2008/118, kif ukoll ta’ kull dokument previst mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, bħal dokument akkumpanjanti jew dokument kummerċjali li jinkludi indikazzjoni dwar l-iżnaturament tal-alkoħol.

49      Indipendentement mill-fatt li, skont ir-risposta għall-ewwel domanda, tali dokument ma jistax ikun meħtieġ għal movimenti fittizji msemmija f’din id-domanda, għandu jitfakkar li, fl-eżerċizzju tas-setgħa li huma għandhom li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għalihom huma suġġetti l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 92/83, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Turbogás, C‑90/17, EU:C:2018:498, punt 43).

50      Fil-każ ta’ assenza jew ta’ trażmissjoni irregolari tad-dokumentazzjoni meħtieġa għall-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa waqt il-moviment tagħhom, Stat Membru ma jistax jirrifjuta l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 92/83 jekk, fid-dawl tal-elementi li għandhom l-awtoritajiet kompetenti, il-kundizzjonijiet sostantivi relatati mal-applikazzjoni tagħha jkunu ssodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Turbogás, C‑90/17, EU:C:2018:498, punt 44).

51      Is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk l-operatur ikkonċernat kien intenzjonalment ipparteċipa fi frodi, evażjoni jew abbuż, jew jekk l-assenza jew, jekk ikun il-każ, it-tardività jew l-ineżattezza tad-dokumentazzjoni li għandha takkumpanja l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa waqt il-moviment tagħhom kienet ipprekludiet il-produzzjoni tal-prova ċerta li l-alkoħol kien intuża għal finijiet eżentati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, Alsen, C‑137/23, EU:C:2025:179, punt 68), ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

52      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, minn naħa, ma tindika ebda element konkret ta’ natura li jqajjem suspetti dwar l-eżistenza ta’ frodi, ta’ abbuż jew ta’ evażjoni fiskali u, min-naħa l-oħra, tidher li tqis li l-prodotti inkwistjoni effettivament intużaw għal finijiet eżentati.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa jiġi rrifjutat għas-sempliċi raġuni li d-dokumentazzjoni meħtieġa għall-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa tkun nieqsa jew tkun ġiet stabbilita jew trażmessa tardivament, jekk, minn naħa, jiġi stabbilit li dawn il-prodotti ntużaw għal finijiet eżentati u, min-naħa l-oħra, ma jkun hemm ebda indizju ta’ natura li jqajjem suspetti dwar l-eżistenza ta’ frodi, ta’ abbuż jew ta’ evażjoni fiskali.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti Ġenerali, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7(1) u (2)(a), l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

fil-kuntest ta’ movimenti ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji lejn magazzinier awtorizzat stabbilit fi Stat Membru, meta dawn il-prodotti ma jiġux ittrasportati fil-maħżen tat-taxxa tiegħu, iżda jiġu ttrasportati direttament mill-fornituri tiegħu sal-imħażen tat-taxxa tal-klijenti tiegħu li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi finzjoni legali fis-sens li, fil-mument meta l-magazzinier awtorizzat jikseb il-pussess tal-prodotti, mingħajr ma jkollu pussess fiżiku tagħhom, fit-territorju fiskali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit, dawn il-prodotti jitqiesu li ġew ikkunsinnati lilu fil-maħżen tat-taxxa tiegħu u, simultanjament, jitqiesu li nħarġu mill-maħżen tat-taxxa tiegħu, b’tali mod li jagħtu lok għall-ftuħ ta’ arranġament ġdid ta’ sospensjoni tad-dazji.

2)      L-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa jiġi rrifjutat għas-sempliċi raġuni li d-dokumentazzjoni meħtieġa għall-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa tkun nieqsa jew tkun ġiet stabbilita jew trażmessa tardivament, jekk, minn naħa, jiġi stabbilit li dawn il-prodotti ntużaw għal finijiet eżentati u, min-naħa l-oħra, ma jkun hemm ebda indizju ta’ natura li jqajjem suspetti dwar l-eżistenza ta’ frodi, ta’ abbuż jew ta’ evażjoni fiskali.

Półtorak

Hesse

Steinfatt

Petrlík

 

      Dimitrakopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Lulju 2026.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.