16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1729

tal-15 ta' Novembru 2018

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 206/2009 fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tidher fuq il-posters għal min jivvjaġġa u għall-pubbliku ġenerali dwar ċerti kunsinni personali ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari t-tielet inċiż tal-Artikolu 8(5) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2009 (2) jistipula regoli dwar l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni personali tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali ta' natura mhux kummerċjali li jagħmlu parti mill-bagalji tal-vjaġġaturi, jew li jintbagħtu f'kunsinni żgħar lill-persuni privati jew li jiġu ordnati mill-bogħod u mwassla lill-konsumatur.

(2)

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 206/2009 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li fil-punti kollha ta' dħul fl-Unjoni, vjaġġaturi li jaslu mill-pajjiżi terzi jiġu ppreżentati bil-kundizzjonijiet veterinarji applikabbli għall-kunsinni personali introdotti fl-Unjoni. L-informazzjoni li għandha tingħata lill-vjaġġaturi għandha tinkludi tal-anqas l-informazzjoni li tinsab f'wieħed mill-posters stabbiliti fl-Anness III ta' dak ir-Regolament.

(3)

Huwa xieraq li l-informazzjoni fuq il-posters tiġi ppreżentata b'mod ieħor sabiex tkun aktar viżibbli għall-vjaġġaturi u għall-pubbliku ġenerali.

(4)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 206/2009 jkun emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Iż-żewġ posters fl-Anness ta' dan ir-Regolament jiżdiedu mal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 206/2009.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2009 tal-5 ta' Marzu 2009 dwar l-introduzzjoni fil-Komunità ta' kunsinni personali ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 136/2004 (ĠU L 77, 24.3.2009, p. 1).


ANNESS

Image 1

Image 2