European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/739

31.3.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/739

tas-27 ta’ Marzu 2026

li tirrevoka l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87419, li jkunu jikkonsistu, jew li jkunu magħmulin minnu, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2134

(notifikata bid-dokument C(2026) 1997)

(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 21(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2134 (2) awtorizzat l-introduzzjoni fis-suq ta’ ikel u għalf li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87419, li jkunu jikkonsistu minnu, jew li jkunu magħmulin minnu. L-awtorizzazzjoni tkopri wkoll l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87419 jew li jikkonsistu minnu għal użi oħrajn għajr l-ikel u l-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni.

(2)

Permezz ta’ ittra datata t-18 ta’ Ġunju 2025, Bayer Agriculture BV ibbażata fil-Belġju, li tirrappreżenta lil Bayer CropScience LP, ibbażata fl-Istati Uniti, talbet ir-revoka tal-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87419. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni indika li l-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87419 qatt ma ġie kkultivat f’xi pajjiż fejn il-kultivazzjoni kienet tkun possibbli u, għalhekk, ma għandux l-intenzjoni li jikkummerċjalizza jew jintroduċi prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87419, li jikkonsistu minnu jew li jiġu prodotti minnu fil-futur.

(3)

Permezz tal-ittra tad-19 ta’ Jannar 2026, Bayer Agriculture B.V., ibbażata fil-Belġju, infurmat lill-Kummissjoni li Bayer CropScience LP biddlet il-forma ġuridika tagħha u biddlet isimha għal Bayer CropScience LLC mill-1 ta’ Jannar 2026.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2134 titħassar u jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87419 tiġi revokata.

(5)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Revoka tal-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni ta’ prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87419, li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu hija revokata.

Artikolu 2

Tħassir tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2134

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2134 titħassar.

Artikolu 3

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Bayer CropScience LLC, 800 N. Lindbergh Boulevard, St. Louis, Missouri 63167, l-Istati Uniti, rappreżentat fl-Unjoni minn Bayer Agriculture BV, Scheldelaan 460, 2040 Antwerp, il-Belġju.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1829/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2134 tat-13 ta’ Ottubru 2023 li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom il-qamħirrum immodifikat ġenetikament MON 87419, li jkunu jikkonsistu minnu jew li jkunu prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2023/2134, 17.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2134/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/739/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)