19.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/20


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1021

tat-18 ta' Lulju 2018

dwar l-adozzjoni ta' standards u formati tekniċi meħtieġa għall-operazzjoni tat-tlaqqigħ awtomatizzat permezz tal-pjattaforma komuni tal-IT bl-użu tal-klassifikazzjoni Ewropea u l-interoperabbiltà bejn is-sistemi nazzjonali u l-klassifikazzjoni Ewropea

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/589 jistabbilixxi pjattaforma komuni tal-IT li tiġbor flimkien il-postijiet tax-xogħol battala, u l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs (profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg) fl-Unjoni Ewropea;

(2)

Sabiex ikun jista' jsir it-tlaqqigħ tal-postijiet tax-xogħol battala mal-applikazzjonijiet għax-xogħol u l-profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg, irid isir skambju tal-informazzjoni skont sistema uniformi, skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/589, abbażi ta' standards u formati tekniċi komuni;

(3)

Għall-finijiet ta' tlaqqigħ multilingwi ta' kwalità għolja fil-pjattaforma komuni tal-IT, l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/589 jipprevedi l-użu ta' klassifikazzjoni Ewropea ta' ħiliet, kompetenzi u okkupazzjonijiet.

(4)

L-Istati Membri li jagħżlu li ma jużawx il-klassifikazzjoni Ewropea fis-sistemi nazzjonali tagħhom għall-postijiet tax-xogħol battala u l-profili tal-persuni li qed ifittxu xogħol, konnessi b'mezz koordinat uniku, skont it-tifsira tal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/589, iridu jagħmlu mmappjar bejn il-klassifikazzjonijiet użati minn dawk is-sistemi u l-klassifikazzjoni Ewropea biex tiġi permessa l-interoperabbiltà.

(5)

L-immappjar bejn il-klassifikazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew settorjali u l-klassifikazzjoni Ewropea jeħtieġu l-istabbiliment u l-aġġornament fuq bażi regolari tal-inventarji u tat-tabelli għall-immappjar.

(6)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-istabbiliment u l-aġġornament ta' dawn l-inventarji u t-tabelli tal-immappjar u l-iskambju sussegwenti ta' informazzjoni abbażi tal-immappjar, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi l-istandards u l-formati tekniċi meħtieġa, kif ukoll l-applikazzjonijiet tekniċi xierqa biex jappoġġawhom;

(7)

L-Istati Membri se jikkontribwixxu għall-iżvilupp u t-titjib tal-klassifikazzjoni Ewropea u s-servizzi u l-għodod ipprovduti mill-EURES, bħall-algoritmi għall-magni ta' tiftix u ta' tlaqqigħ, billi jippubblikaw u jaqsmu t-tabelli nazzjonali tal-immappjar ma' Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni;

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-EURES,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-istandards u l-formati tekniċi meħtieġa għall-operazzjoni tat-tlaqqigħ awtomatizzat permezz tal-pjattaforma komuni tal-IT bl-użu tal-klassifikazzjoni Ewropea u l-interoperabbiltà bejn is-sistemi nazzjonali u l-klassifikazzjoni Ewropea.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“tabelli tal-immappjar” tfisser tabelli ta' korrispondenza li jinqraw mill-magni, li jesprimu kif kunċetti fi klassifikazzjoni waħda jkunu marbuta ma' kunċett wieħed jew aktar fi klassifikazzjoni oħra. It-tabelli tal-immappjar jintużaw għal transkowdjar awtomatiku ta' informazzjoni għall-fini tat-tlaqqigħ awtomatizzat permezz ta' pjattaforma komuni tal-IT;

(b)

“li tinqara mill-magni” tfisser li l-informazzjoni tiġi ppreżentata f'format li jkun jista' jiġi proċessat faċilment minn kompjuter;

(c)

“transkowdjar” tfisser il-proċess tal-konverżjoni tal-informazzjoni minn forma waħda ta' rappreżentanza kodifikata għal oħra;

(d)

“sintassi” tfisser ir-regoli u l-arranġamenti għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni b'mod strutturat;

(e)

“pjattaforma ta' servizz tal-ESCO” tfisser is-sit web fejn il-Kummissjoni tagħmel il-klassifikazzjoni ta' Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Okkupazzjonijiet Ewropej disponibbli u li huwa aċċessibbli mill-pubbliku (2).

Artikolu 3

Ħolqien tat-tabelli tal-immappjar

1.   L-Istati Membri li jużaw il-klassifikazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew settorjali meta jirreġistraw informazzjoni marbuta mal-okkupazzjonijiet, il-ħiliet jew il-kompetenzi fis-sistemi nazzjonali għall-postijiet tax-xogħol battala jew għal-profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg, konnessi mal-mezz koordinat uniku, skont it-tifsira tal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/589, sabiex jagħmluhom disponibbli għall-portal tal-EURES skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2016/589, għandhom joħolqu u jużaw tabelli tal-immappjar li jinqraw mill-magni bejn kull waħda minn dawn il-klassifikazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u settorjali u l-klassifikazzjoni Ewropea adottata f'konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2016/589.

2.   L-Istati Membri għandhom joħolqu dawn it-tabelli skont l-istandards u l-formati tekniċi komuni sabiex tiġi permessa operazzjoni effikaċi tat-tlaqqigħ awtomatizzat permezz tal-pjattaforma komuni tal-IT kif imsemmi fl-Artikolu 19(6) tar-Regolament (UE) 2016/589.

3.   L-istandards u l-formati tekniċi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jikkonsistu minn dan li ġej:

(a)

Is-sett ta' informazzjoni li jeħtieġ tiġi inkluża fit-tabelli tal-immappjar.

(b)

Sintassi biex jiġi espress dan is-sett ta' informazzjoni.

4.   L-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-EURES għandu jikkomunika l-istandards u l-formati tekniċi msemmija fil-paragrafu 2 u jagħmilhom disponibbli fl-Extranet tal-portal tal-EURES (3).

5.   Kif previst fl-Artikolu 19(5) tar-Regolament (UE) 2016/589, il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-EURES għandhom jagħtu appoġġ lill-Istati Membri għall-immappjar tagħhom. B'mod partikolari, iridu jagħmlu disponibbli applikazzjoni biex jiġu megħjuna l-istabbiliment u l-aġġornament tal-inventarji u tat-tabelli tal-immappjar.

6.   L-Istati Membri li jużaw il-klassifikazzjoni Ewropea fil-livell nazzjonali skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2016/589, ma għandhomx għalfejn joħolqu t-tabelli tal-immappjar kif imsemmi f'din id-Deċiżjoni.

7.   Wara l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 6, l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-EURES jista' jaġġorna l-istandards u l-formati tekniċi.

Artikolu 4

Żgurar tal-interoperabbiltà mal-pjattaforma komuni tal-IT permezz tat-tabelli tal-immappjar

It-tabelli tal-immappjar imsemmija fl-Artikolu 3 għandhom jintużaw għat-transkowdjar awtomatiku tal-informazzjoni dwar il-postijiet tax-xogħol battala jew il-profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg, għall-fini tat-tlaqqigħ awtomatizzat permezz ta' pjattaforma komuni tal-IT. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe kodiċijiet tal-klassifikazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u settorjali tagħhom fil-postijiet tax-xogħol battala u fil-profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2016/589, jeħtieġ jiġu sostitwiti jew ikkumplimentati mill-kodiċijiet korrispondenti tal-klassifikazzjoni Ewropea, billi jintużaw it-tabelli tal-immappjar għat-transkowdjar qabel ma jsiru disponibbli għall-portal tal-EURES.

Artikolu 5

Pubblikazzjoni tat-tabelli tal-immappjar

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli t-tabelli tal-immappjar tagħhom billi jippubblikawhom fil-pjattaforma ta' servizz tal-ESCO bl-użu tal-istandards u l-formati definiti fl-Artikolu 3(2).

Artikolu 6

Governanza u aġġornament tal-istandards u l-formati tekniċi

1.   L-Istati Membri kollha għandhom jaħtru punt uniku ta' kuntatt fejn jistgħu jiġu indirizzati t-talbiet, il-mistoqsijiet u l-komunikazzjonijiet kollha fir-rigward tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u għandhom jinnotifikaw lill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-EURES dwar id-dettalji tiegħu permezz tal-Uffiċċji Nazzjonali għall-Koordinazzjoni tagħhom.

2.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni tal-EURES li ssir referenza għalih fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/589, darba fis-sena għandu jwettaq rieżami tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

3.   L-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-EURES jista' jaġġorna l-istandards u l-formati tekniċi msemmija fl-Artikolu 3(2), jekk dan ikun meħtieġ għat-tlaqqigħ awtomatizzat effiċjenti permezz tal-pjattaforma komuni tal-IT.

4.   Qabel ma jadotta kwalunkwe verżjoni ġdida tal-istandards u l-formati tekniċi u jagħmilha disponibbli fl-Extranet tal-portal tal-EURES, l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-EURES għandu jikkonsulta formalment lill-Grupp ta' Koordinazzjoni tal-EURES.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1.

(2)  http://ec.europa.eu/esco

(3)  http://eures.europa.eu