European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/781

15.4.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/781

tal-14 ta’ April 2025

b’appoġġ għall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Siem Reap-Angkor għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 fuq il-projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini Kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016 tidentifika l-isfidi u t-theddid globali, u ssejjaħ għal ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli dwar il-multilateraliżmu effettiv u istituzzjonijiet internazzjonali li jiffunzjonaw tajjeb. L-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini Kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom (“il-Konvenzjoni”) jikkontribwixxi għal sigurtà akbar għall-bnedmin kif previst mill-Istrateġija Globali.

(2)

Il-Konvenzjoni fuq il-projbizzjoni tal-użu, il-kumulazzjoni, il-produzzjoni u t-trasferiment ta’ mini kontra l-persunal u fuq id-distruzzjoni tagħhom (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 1999. Din tikkostitwixxi l-uniku strument internazzjonali li jipprovdi rispons komprensiv biex jintemmu s-sofferenza u l-korrimenti kkawżati minn mini tal-art kontra l-persuna, inkluż permezz tal-projbizzjoni tal-użu, il-kumulazzjoni, il-produzzjoni, il-kummerċ u t-trasferiment tagħhom u tal-iżgurar tad-distruzzjoni tagħhom, kif ukoll l-iżgurar tal-għajnuna għall-vittmi.

(3)

Fis-27 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta Konklużjonijiet dwar pożizzjoni tal-UE dwar it-tisħiħ tal-projbizzjoni kontra l-mini kontra l-persunal bil-ħsieb tal-Ħames Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Mini kontra l-Persunal

(4)

L-Unjoni kkontribwiet għall-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/487/PESK (1); id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/700/PESK (2); id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1428 (3) (emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/905 (4)); u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/257 (5).

(5)

Fil-Ħames Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Konvenzjoni li saret f’Siem Reap (il-Kambodja) fl-2024, l-Istati Parti adottaw il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Siem Reap-Angkor 2025-2029. Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Siem Reap-Angkor jipprovdi pjan direzzjonali għall-Istati Parti fl-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni, li jibni fuq il-kisbiet tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni preċedenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tkompli tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini Kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom (“il-Konvenzjoni”) permezz ta’ azzjoni operazzjonali li tappoġġa l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Siem Reap-Angkor 2025-2029.

2.   L-objettivi tal-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu li tappoġġa:

(a)

implimentazzjoni akbar tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni;

(b)

implimentazzjoni akbar ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-“assistenza għall-vittmi” (l-Artikolu 6.3 tal-Konvenzjoni);

(c)

it-trawwim tal-promozzjoni tal-Konvenzjoni u n-norma tagħha, u tal-adeżjoni magħha;

(d)

konformità mal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni inkluż permezz tat-trawwim ta’ kooperazzjoni u assistenza;

(e)

il-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-Leġislazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni; u

(f)

il-wiri tal-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri għall-Konvenzjoni.

3.   L-objettivi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu segwiti b’tali mod li jsaħħu t-tradizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ sħubija u kollaborazzjoni bejn Stati, organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet oħrajn, inkluż ir-rappreżentanti minn komunitajiet affettwati mill-mini. L-azzjonijiet kollha għandhom jiżguraw approċċ inklużiv fil-livelli kollha.

4.   Deskrizzjoni dettaljata tal-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi fdata lill-Unità ta’ Appoġġ għall-Implimentazzjoni (ISU), irrappreżentata miċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Ġinevra għat-Tneħħija ta’ Mini għal Skopijiet Umanitarji (GICHD).

3.   L-ISU għandha twettaq il-kompiti msemmija fil-paragrafu 2 taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-GICHD.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 2 700 000,00.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stipulat fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-GICHD, li jistipula li l-ISU tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

5.   L-ISU għandha timplimenta l-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1 f’konformità mad-Deċiżjoni dwar it-tisħiħ tal-governanza u t-trasparenza finanzjarja fi ħdan l-ISU, meħuda fl-Erbatax-il Laqgħa tal-Istati Parti fl-2015. L-ISU għandha tipprovdi, fost rapportar ieħor, rapporti deskrittivi u trimestrali, kif ukoll qafas loġiku u matriċi ta’ attivitajiet kif stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-ISU. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 48 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk l-ebda ftehim ta’ finanzjament ma jkun ġie konkluż f’dak il-perjodu.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ April 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/487/PESK tat-23 ta’ Ġunju 2008 b’appoġġ għall-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulu ta’ Ħażna, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini tal-Art Kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni tagħhom, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà (ĠU L 165, 26.6.2008, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/487/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/700/PESK tat-13 ta’ Novembru 2012 fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena 2010-2014, adottat mill-Istati Parti għall-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini Kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni Tagħhom (ĠU L 314, 14.11.2012, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/700/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1428 tal-4 ta’ Awwissu 2017 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Maputo għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom (ĠU L 204, 5.8.2017, p. 101, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1428/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/905 tad-29 ta’ Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1428 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Maputo għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom (ĠU L 207, 30.6.2020, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/905/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/257 tat-18 ta’ Frar 2021 b’appoġġ għall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Oslo għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni tagħhom (ĠU L 58, 19.2.2021, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/257/oj).


ANNESS

DOKUMENT TA' PROĠETT

Azzjoni b'appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Mini Kontra l-Persunal u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha ta' Siem Reap - Angkor 2025-2029

1.   Għan

Li jsir kontribut għal sigurtà akbar tal-bniedem permezz tal-promozzjoni tal-aċċettazzjoni tan-normi, sjieda nazzjonali akbar, u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni Tagħhom (“il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Mini Kontra l-Persunal”, jew “il-Konvenzjoni”).

Il-proġett appoġġat mill-Unjoni Ewropea (UE) ikun jappoġġa l-isforzi tal-Istati Parti biex jimplimentaw it-Test tal-Konvenzjoni u d-diversi aspetti tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Siem Reap - Angkor (SRAAP) 2025-2029.

Il-Proġett propost ikun jibni fuq il-ħidma mwettqa fil-qafas tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/257 - li hi stess tibni fuq is-suċċessi u t-tagħlimiet meħuda permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2017/1428, 2012/700/PESK, u l-Azzjoni Konġunta 2008/487/PESK, il-proġetti kollha implimentati mill-Unità ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni (ISU) tal-Konvenzjoni.

Il-proġett propost ikun jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

2.   Proġett

2.1.    Implimentazzjoni Akbar tal-Artikolu 5

2.1.1.   Objettiv

Il-promozzjoni ta' sjieda nazzjonali u ta' fehim akbar tal-obbligi fil-qafas tal-Artikolu 5 u ta' modi kif dawn jiġu ssodisfati inkluż permezz tat-trawwim tal-kooperazzjoni (internazzjonali, reġjonali, triangolari, Nofsinhar-Nofsinhar) fil-qafas tal-Artikolu 6, u l-ħtieġa għal trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fil-qafas tal-Artikolu 7; inkluż bl-applikazzjoni tal-Aħjar Prattiki u Azzjonijiet rilevanti minquxa fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Siem Reap-Angkor 2025-2029.

2.1.2.   Riżultati

—

Fir-rigward tal-Artikolu 5, l-awtoritajiet rilevanti:

—

jiksbu fehim aħjar biex tiġi indirizzata l-kontaminazzjoni minn mini kontra l-persunal improvviżati fil-qafas tal-Konvenzjoni inkluż rapportar, edukazzjoni dwar ir-riskji tal-mini u tnaqqis tar-riskju, investigazzjoni u tneħħija tal-mini;

—

itejbu l-għarfien dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati kapaċitajiet sostenibbli biex tiġi indirizzata kontaminazzjoni ġdida/residwa ferm qabel it-tlestija;

—

itejbu t-tagħlim dwar l-edukazzjoni għar-riskji skont il-kuntest;

—

jiksbu għarfien akbar dwar l-importanza tal-esplorazzjoni ta' teknoloġija innovattiva sostenibbli u metodoloġiji għall-investigazzjoni u t-tneħħija tal-mini;

—

jitgħallmu/itejbu l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki u ta' azzjonijiet rilevanti oħra tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Siem Reap-Angkor 2025-2029.

—

Fir-rigward tal-Artikolu 6, l-awtoritajiet rilevanti:

—

irawmu sħubijiet għat-tlestija u/jew l-istabbiliment ta' Pjattaformi Nazzjonali ta' Azzjoni Kontra l-Mini;

—

iżidu l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati inkluż mas-soċjetà ċivili;

—

itejbu l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru u tal-ħtiġijiet differenti tal-komunitajiet affettwati mill-mini, kif ukoll ta' kunsiderazzjonijiet ambjentali;

—

iżidu l-kapaċitajiet u l-parteċipazzjoni sinifikanti tal-komunitajiet benefiċjarji.

—

Fir-rigward tal-Artikolu 7, l-awtoritajiet rilevanti:

—

iżidu t-trasparenza permezz tal-preżentazzjoni ta' rapporti f'waqthom u ta' kwalità għolja;

—

itejbu l-iskambju ta' informazzjoni mal-partijiet ikkonċernati permezz ta' diskussjonijiet fi Djalogi nazzjonali u/jew reġjonali.

2.1.3.   Benefiċjarji

—

It-30+ Stat Parti fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-obbligi tal-Artikolu 5 (1) jew dawk li reċentement issodisfaw jew qed joqorbu lejn l-issodisfar ta' tali obbligi jew li jiskopru kontaminazzjoni ġdida jew li qabel ma kinitx magħrufa, inkluż minn mini kontra l-persunal ta' natura improvviżata.

—

Nisa, bniet, subien u rġiel li ħajjithom hija affettwata mill-preżenza jew mill-preżenza suspettata ta' mini kontra l-persunal, inkluż dawk ta' natura improvviżata, fi Stati Parti affettwati mill-mini.

2.1.4.   Attivitajiet

L-Istati Parti Benefiċjarji jistgħu jew jesprimu interess jew jiġu nnominati biex jospitaw attivitajiet nazzjonali jew reġjonali. Fi kwalunkwe każ, il-proċess jibbenefika mill-kontribut tal-Kumitat dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu 5. Id-djalogi jiġu organizzati u ffaċilitati b'mod konġunt mill-ISU u mill-Istat Parti benefiċjarju. Fl-ispirtu ta' kooperazzjoni, element kostanti tal-Konvenzjoni u tal-Proġett, l-Istati rilevanti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi jiġu kkonsultati u/jew involuti fl-attivitajiet. Dan japplika wkoll meta l-Istat benefiċjarju jkun involut f'“koalizzjoni” ta' pajjiżi jew fi sħubija mal-Unjoni Ewropea jew mal-Istati Membri.

Jistgħu jitwettqu azzjonijiet ta' segwitu b'rispons għal rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mid-Djalogi, Osservazzjonijiet tal-Kumitat, u/jew Deċiżjoni rilevanti tal-Istati Parti (eż. dwar talbiet għal estensjoni).

—

Sa erba' (4) Djalogi Reġjonali jew Nazzjonali mal-partijiet ikkonċernati biex jiġu indirizzati kwistjonijiet marbuta mal-Artikolu 5 / is-sigurtà tal-bniedem, inkluż l-użu ta' mini kontra l-persunal improvizzati u l-konsegwenzi umanitarji kkawżati minnhom jew biex l-Istati jiġu appoġġati fir-rigward ta' skadenzi futuri li jirrikjedu appoġġ jew li qed jippruvaw itejbu d-djalogu mal-partijiet ikkonċernati.

—

Sa erba' (4) azzjonijiet/attivitajiet ta' appoġġ ta' segwitu.

Jistgħu jitwettqu azzjonijiet ta' segwitu b'rispons għal rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mid-Djalogi, Osservazzjonijiet tal-Kumitat, u/jew Deċiżjonijiet rilevanti tal-Istati Parti, jew biex ikun hemm allinjament aħjar mal-Istandards ta' Azzjoni Kontra l-Mini jew mal-SRAAP.

2.2.    Implimentazzjoni akbar ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet lejn l-“assistenza għall-vittmi” (l-Artikolu 6.3)

2.2.1.   Objettiv

Il-promozzjoni ta' sjieda nazzjonali, fehim, u implimentazzjoni akbar tal-obbligi fil-qafas tal-Artikolu 6.3 u kooperazzjoni u assistenza mtejba (l-Artikolu 6) b'kunsiderazzjoni tal-aġenda għall-iżvilupp 2030, u trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fil-qafas tal-Artikolu 7, inkluż bl-applikazzjoni tal-Aħjar Prattiki u Azzjonijiet rilevanti tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Siem Reap-Angkor 2025-2029.

2.2.2.   Riżultati

—

Fir-rigward tal-Artikolu 6.3, l-awtoritajiet rilevanti:

—

jiżviluppaw jew itejbu l-pjanijiet ta' assistenza għall-vittmi/għad-diżabbiltà b'objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, realistiċi u li huma marbuta biż-żmien;

—

iżidu s-sinerġiji nazzjonali bi sforzi skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) kif ukoll oqfsa nazzjonali oħra;

—

jippromwovu l-ħtieġa għal riabilitazzjoni, appoġġ psikosoċjali jew bejn il-pari, u bażi ta' data ċentralizzata;

—

itejbu l-pożizzjoni tas-superstiti tal-mini u/jew tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u jiżviluppaw aktar il-kapaċità tagħhom;

—

jitgħallmu/itejbu l-fehim dwar l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki u azzjonijiet rilevanti oħra tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Siem Reap-Angkor 2025-2029.

—

Fir-rigward tal-Artikolu 6, l-awtoritajiet rilevanti:

—

iżidu s-sħubijiet u l-kooperazzjoni (internazzjonali, reġjonali, triangolari, Nofsinhar-Nofsinhar u/jew mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll transsettorjali);

—

iżidu l-kapaċitajiet u l-parteċipazzjoni sinifikanti tal-komunitajiet benefiċjarji.

—

Fir-rigward tal-Artikolu 7, l-awtoritajiet rilevanti:

—

iżidu t-trasparenza permezz tal-preżentazzjoni ta' rapporti ta' kwalità f'waqthom;

—

itejbu l-iskambju ta' informazzjoni mal-partijiet ikkonċernati permezz ta' diskussjonijiet fi Djalogi nazzjonali u/jew reġjonali.

2.2.3.   Benefiċjarji

—

It-30+ Stat Parti (2) li rrapportaw vittmi tal-mini fit-territorju taħt il-ġuriżdizzjoni jew il-kontroll tagħhom u prattikanti tad-drittijiet tad-diżabilità li jaħdmu f'dawn l-Istati Parti.

—

Nisa, bniet, subien, u rġiel li sfaw vittma ta' mini u fdalijiet splussivi oħra tal-gwerra u/jew komunitajiet affettwati.

2.2.4.   Attivitajiet

L-Istati Parti Benefiċjarji jistgħu jew jesprimu interess jew jiġu nnominati biex jospitaw attivitajiet nazzjonali jew reġjonali. Fi kwalunkwe każ, il-proċess ikun jibbenefika minn kontribut mill-Kumitat dwar l-Assistenza għall-Vittmi. Id-Djalogi jiġu organizzati u ffaċilitati b'mod konġunt mill-ISU u l-Istat benefiċjarju. Fl-ispirtu ta' kooperazzjoni, element kostanti tal-Konvenzjoni u tal-Azzjoni, l-Istati rilevanti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi jiġu kkonsultati u/jew involuti fl-attivitajiet. Dan japplika wkoll meta l-Istat benefiċjarju jkun involut f'“koalizzjoni” ta' pajjiżi jew fi sħubija mal-Unjoni Ewropea jew mal-Istati Membri.

—

Konferenza Globali waħda (1) - ir-raba' konferenza ta' dan it-tip, unika fit-tip tagħha, ta' benefiċċju għall-komunità tal-Konvenzjoni u lil hinn minnha

Sa tliet (3) Djalogi nazzjonali jew reġjonali mal-partijiet ikkonċernati

—

Sa żewġ (2) Laqgħat ta' Esperti dwar Assistenza għall-Vittmi

—

Sa tliet (3) azzjonijiet/attivitajiet ta' appoġġ ta' segwitu

Jistgħu jitwettqu azzjonijiet ta' segwitu b'rispons għal rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mid-Djalogi, Osservazzjonijiet tal-Kumitat, u/jew Deċiżjoni rilevanti tal-Istati Parti, jew biex l-isforzi ta' assistenza għall-vittmi jiġu allinjati aħjar ma' dawk imwettqa biex jiġu ssodisfati l-obbligi tas-CRPD.

2.3.    Trawwim tal-promozzjoni tal-Konvenzjoni u n-normi tagħha, u tal-aderenza magħha

2.3.1.   Objettiv

Il-promozzjoni tal-adeżjoni u l-fehim tal-Konvenzjoni u n-normi tagħha f'livell għoli u tekniku fi Stati mhux parti.

2.3.2.   Riżultati

—

Sensibilizzazzjoni akbar dwar il-Konvenzjoni u n-normi tagħha minn diplomatiċi u/jew uffiċjali ta' livell għoli fi Stati mhux parti;

—

Fehim akbar mit-teknokratiċi tal-appoġġ disponibbli għall-adeżjoni;

—

Gwadanji miksuba f'termini ta' moratorji jew ta' voti minn Stati mhux parti fl-AĠNU;

—

Involviment imtejjeb/ġdid mal-Konvenzjoni minn Stati mhux parti;

—

Impenn imġedded mill-partijiet ikkonċernati tal-Konvenzjoni għall-universalizzazzjoni skont l-SRAAP.

2.3.3.   Benefiċjarji u miri

—

30+ Stat li għadhom ma rratifikawx, ma approvawx jew ma aċċettawx il-Konvenzjoni jew ma aderewx magħha.

—

Stati Parti mal-Konvenzjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi involuti fi sforzi biex tiġi promossa l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni.

—

Nisa, bniet, subien u rġiel fi stati fejn tidħol fis-seħħ projbizzjoni fuq il-mini.

2.3.4.   Attivitajiet

Għal dan il-għan, u b'kontribut mill-President tal-Konvenzjoni - u grupp ta' universalizzazzjoni informali skont il-każ - il-Proġett ikun jappoġġa sforzi ta' universalizzazzjoni ta' livell għoli u tekniċi. Fl-ispirtu ta' kooperazzjoni, element kostanti tal-Konvenzjoni u tal-Proġett, l-Istati rilevanti u l-organizzazzjonijiet internazzjonali jiġu kkonsultati u/jew involuti fl-attivitajiet. Dan japplika wkoll meta l-Istat benefiċjarju jkun involut f'“koalizzjoni” ta' pajjiżi jew fi sħubija mal-Unjoni Ewropea jew mal-Istati Membri.

L-attivitajiet ikunu jinkludu:

—

Sa żewġ (2) missjonijiet ta' livell għoli li jinvolvu l-Mibgħuta Speċjali u/jew il-President tal-Konvenzjoni, jew uffiċjal tal-istat ieħor f'pożizzjoni li jkun involut f'livell għoli fi Stati mhux parti, jew f'laqgħat fil-livell ta' ambaxxaturi fil-kwartieri ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) jew fil-kwartieri ġenerali reġjonali, jew fi Stat Parti, skont il-każ; jew,

—

Sa żewġ (2) laqgħat diplomatiċi jew tekniċi nazzjonali jew reġjonali ma' Stati mhux parti; jew,

—

Taħlita ta' laqgħa ta' livell għoli u teknika.

Azzjonijiet ta' segwitu - inkluż l-isponsorizzazzjoni ta' uffiċjali rilevanti minn Stati fil-mira biex jattendu l-laqgħat tal-Konvenzjoni - jistgħu jitwettqu b'rispons għal rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-missjonijiet ta' universalizzazzjoni, Osservazzjonijiet tal-President, strateġiji informali u/jew nazzjonali tal-grupp(i), u/jew Deċiżjoni rilevanti tal-Istati Parti.

2.4.    Konformità mal-Artikolu 3, inkluż permezz tat-trawwim ta' kooperazzjoni u assistenza

2.4.1.   Objettiv

It-trawwim tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 3, l-Artikolu 7, u l-Artikolu 8 (konformità) permezz tal-promozzjoni ta': li l-mini kontra l-persunal miżmuma għandhom jintużaw kif maħsub, il-qerda tagħhom, jew il-kunsiderazzjoni ta' alternattivi għat-tali mini f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni ta' Siem Reap-Angkor 2025-2029.

2.4.2.   Riżultati

Stati Parti:

—

Iżidu l-konformità li tirriżulta minn fehim akbar tal-obbligi tal-Artikolu 3;

—

Aktar trasparenza u rapportar permezz ta' rapporti annwali u dikjarazzjonijiet;

—

Inaqqsu l-għadd ta' mini miżmuma bħala riżultat tal-intervent;

—

Iġeddu l-kooperazzjoni biex jew jesploraw alternattivi għall-mini attivi kontra l-persunal jew jeqirdu l-mini miżmuma.

2.4.3.   Benefiċjarji

—

Is-60+ Stat Parti b'impenji tal-Artikolu 3 u persunal bir-responsabbiltà għall-mini msemmija.

—

L-Istati Parti li jridu jipprovdu kooperazzjoni u assistenza f'dan ir-rigward.

—

Nisa, bniet, subien, u rġiel fl-istati fejn jinqerdu l-mini miżmuma.

2.4.4.   Attivitajiet

L-Istati Parti benefiċjarji jistgħu jew jesprimu interess jew jiġu nnominati biex jospitaw jew jieħdu sehem f'attivitajiet. Fi kwalunkwe każ, il-proċess għandu jibbenefika mill-kontribut tal-President tal-Konvenzjoni u l-Kumitat dwar il-Konformità Kooperattiva.

L-attivitajiet jiġu organizzati u ffaċilitati b'mod konġunt mill-ISU u mill-Istat benefiċjarju jew ospitanti. Fl-ispirtu ta' kooperazzjoni, element kostanti tal-Konvenzjoni u tal-Proġett, l-Istati rilevanti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi jiġu kkonsultati u/jew involuti fl-attivitajiet. Dan japplika wkoll meta l-Istat benefiċjarju jkun involut f'“koalizzjoni” ta' pajjiżi jew fi sħubija mal-Unjoni Ewropea jew mal-Istati Membri.

L-attivitajiet ikunu jinkludu:

—

Sa workshop wieħed (1) tekniku online reġjonali, nazzjonali, jew appoġġ nazzjonali

—

Sa azzjoni ta' segwitu waħda (1) - inkluż sponsorizzazzjoni ta' uffiċjali rilevanti mill-Istati fil-mira biex jattendu l-laqgħat tal-Konvenzjoni jew lil Stati Parti oħra għal esplorazzjoni ulterjuri ta' tekniki jew ta' esperti biex iżuru l-istati msemmija.

Jista' jsir segwitu b'rispons għal rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-konklużjonijiet tal-workshop, Osservazzjonijiet tal-President, u/jew Deċiżjoni rilevanti tal-Istati Parti.

2.5.    Promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-Leġiżlazzjoni Nazzjonali fil-qafas tal-Artikolu 9

2.5.1.   Objettiv

Il-promozzjoni tal-konformità mal-Artikolu 9, billi jitrawmu l-informazzjoni u l-appoġġ għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi kwalunkwe attività pprojbita għal Stat Parti minn kwalunkwe persuna jew fit-territorju taħt il-ġuriżdizzjoni jew il-kontroll tiegħu. L-appoġġ lill-Istati Parti fl-implimentazzjoni tal-impenn tagħhom fil-qafas tal-Artikolu 9 u biex jirrapportaw skont l-Artikolu 7 dwar il-miżuri meħuda f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni ta' Siem Reap-Angkor 2025-2029.

2.5.2.   Riżultati

—

Konformità akbar mal-obbligi tal-Artikolu 9 mill-Istati Parti li ma stabbilixxewx miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali jew li ma rrapportawx jekk iqisux il-leġiżlazzjoni eżistenti bħala suffiċjenti;

—

Trasparenza akbar u aktar rapportar permezz ta' rapporti annwali u dikjarazzjonijiet mill-Istati Parti;

—

Kooperazzjoni mġedda fost l-Istati Parti jew ma' organizzazzjonijiet biex tiġi esplorata l-konformità.

2.5.3.   Benefiċjarji

—

L-40+ Stat Parti b'obbligi pendenti tal-Artikolu 9 (3) l-persunal responsabbli għal dawn il-liġijiet.

—

L-Istati Parti li jridu jipprovdu kooperazzjoni u assistenza f'dan ir-rigward.

—

Nisa, bniet, subien u rġiel fi stati fejn teżisti leġiżlazzjoni suffiċjenti.

2.5.4.   Attivitajiet

L-Istati Parti Benefiċjarji jistgħu jew jesprimu interess jew jiġu nnominati biex jospitaw workshop nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, il-proċess għandu jibbenefika mill-kontribut tal-President tal-Konvenzjoni u tal-Kumitat dwar il-Konformità Kooperattiva. L-attivitajiet jiġu organizzati u ffaċilitati b'mod konġunt mill-ISU u mill-Istat benefiċjarju jew ospitanti. Fl-ispirtu ta' kooperazzjoni, element kostanti tal-Konvenzjoni u tal-Proġett, l-Istati rilevanti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi (eż. il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar) jiġu kkonsultati u/jew involuti fl-attivitajiet.

L-attivitajiet ikunu jinkludu:

—

Sa workshop tekniku wieħed (1) reġjonali, nazzjonali, jew online

—

Sa azzjoni ta' appoġġ ta' segwitu waħda (1)

Azzjonijiet ta' segwitu - inkluż l-isponsorizzazzjoni ta' uffiċjali rilevanti mill-Istati fil-mira biex jattendu l-laqgħat tal-Konvenzjoni, jieħdu sehem f'żjarat ta' skambju ma' Stati Parti oħra biex jesploraw tekniki differenti jew iwettqu żjarat tal-esperti fl-Istati msemmija - jistgħu jitwettqu b'rispons għar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-konklużjonijiet tal-workshop, Osservazzjonijiet tal-President u/jew Deċiżjoni rilevanti tal-Istati Parti.

2.6.    Wiri tal-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri lejn il-Konvenzjoni

2.6.1.   Objettiv

Il-promozzjoni tal-Konvenzjoni u l-enfasi tal-kontribut tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha lejn l-implimentazzjoni tagħha.

2.6.2.   Riżultati

—

Affinità akbar miksuba mill-Konvenzjoni u mill-komunità ta' azzjoni kontra l-mini dwar ir-rwol tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha;

—

Sensibilizzazzjoni akbar dwar il-Konvenzjoni fost il-pubbliku ġenerali.

2.6.3.   Benefiċjarji u mira

—

Il-190+ Stat Membru tan-NU inkluż il-164 Stat Parti għall-Konvenzjoni

—

Delegazzjonijiet u strutturi tal-Unjoni Ewropea, stati u organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi u l-pubbliku ġenerali f'postijiet fejn iseħħu l-attivitajiet

2.6.4.   Attivitajiet

Skont il-proġetti preċedenti tal-UE, l-ISU tintrabat li tenfasizza r-rwol tal-Unjoni u tal-Istati Membri fost il-komunità tal-Konvenzjoni u fl-Istati benefiċjarji u dawk fil-mira. Għal dan il-għan u skont il-Pjan ta' Komunikazzjoni u Viżibbiltà, l-ISU twettaq l-attivitajiet li ġejjin,

—

Sa żewġ (2) attivitajiet ta' viżibbiltà għolja jew promozzjonali; u

—

Sa erba' (4) briefings - bħat-tnedija u/jew l-għeluq tal-proġett flimkien ma' briefings annwali matul il-fażi ta' implimentazzjoni.


(1)  L-Afganistan, l-Angola, l-Arġentina, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Burkina Faso, Ċipru, iċ-Chad, l-Ekwador, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Guinea-Bissau, l-Iraq, l-Istat tal-Palestina, il-Jemen, il-Kambodja, il-Kolombja, il-Kroazja, il-Mali, il-Mauritania, in-Niġer, in-Niġerja, l-Oman, il-Perù, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, is-Senegal, is-Serbja, is-Somalja, is-Sri Lanka, is-Sudan, is-Sudan t'Isfel, it-Taġikistan, it-Tajlandja, it-Turkija, l-Ukrajna u ż-Żimbabwe.

(2)  L-Afganistan, l-Albanija, l-Alġerija, l-Angola, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Burundi, iċ-Chad, iċ-Ċilì, il-Kambodja, il-Kolombja, il-Kroazja, El Salvador, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Ġordan, il-Guinea-Bissau, l-Iraq, l-Istat tal-Palestina, il-Jemen, il-Mauritania, il-Mozambique, in-Nikaragwa, in-Niġer, in-Niġerja, il-Perù, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, is-Senegal, is-Serbja, is-Somalja, is-Sri Lanka, is-Sudan, is-Sudan t'Isfel, s-Sri Lanka, it-Taġikistan, it-Tajlandja, it-Turkija, l-Uganda, l-Ukrajna, u ż-Żimbabwe.

(3)  Antigua u Barbuda, il-Bahamas, il-Bangladesh, Barbados, il-Benin, il-Bolivja, il-Botswana, il-Brunei Darussalam, Cape Verde, Comoros, il-Kamerun, il-Kongo, Dominica, l-Ekwador, l-Eswatini, il-Gabon, il-Gambja, il-Ghana, Grenada, il-Guinea, il-Guinea Ekwatorjali, il-Gżejjer Solomon,il-Haiti, il-Ġamajka, il-Liberja, Madagascar, il-Malawi, il-Maldivi, Nauru, in-Niġerja, Palau, ir-Repubblika Dominicana, ir-Rwanda, Saint Lucia, San Marino, Sao Tome u Principe, Sierra Leone, is-Somalja, is-Sudan t'Isfel, is-Suriname, it-Togo, it-Turkmenistan, Tuvalu, l-Uganda, l-Urugwaj u Vanuatu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/781/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)