9.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 266/62


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Ottubru 2010

li temenda d-Deċiżjoni 2006/241/KE fir-rigward tal-importazzjoni tal-gwano mill-Madagaskar

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 6798)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/611/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/241/KE tal-24 ta’ Marzu 2006 li tikkonċerna ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali, bl-esklużjoni tal-prodotti tas-sajd, li joriġinaw fil-Madagaskar (2) tipprojbixxi l-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali, bl-esklużjoni tal-prodotti tas-sajd u l-bebbux, li joriġinaw mill-Madagaskar.

(2)

Il-Madagaskar indika l-interess tiegħu li jesporta l-gwano lejn l-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (3) jistipula l-projbizzjoni tal-importazzjoni u t-tranżitu ta’ prodotti proċessati u prodotti sekondarji mill-annimali, ħlief meta dan isir skont dak ir-Regolament.

(4)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002, id-demel huma materjal tal-Kategorija 2. Id-definizzjoni ta’ demel, kif stipulata fl-Anness I għar-Regolament, tkopri l-gwano, li jista’ jkun sew proċessat inkella le skont il-Kapitolu III tal-Anness VIII ta’ dak ir-Regolament. Il-Parti III ta’ dak il-Kapitolu tistipula li t-tqegħid fis-suq tal-gwano mhux suġġett għal kwalunkwe kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali.

(5)

Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jistipula li d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-importazzjoni minn pajjiżi terzi tal-prodotti msemmija fl-Annessi VII u VIII tiegħu ma għandhomx ikunu iktar jew inqas favorevoli minn dawk applikabbli għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-prodotti fl-Unjoni.

(6)

L-importazzjoni tal-Gwano mill-Madagaskar, għaldaqstatn, ma għandhiex tkompli tiġi projbita.

(7)

Id-Deċiżjoni 2006/241/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata skont dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/241/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-prodotti li ġejjin mill-annimali, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd, bebbux u gwano li joriġinaw fil-Madagaskar.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(2)   ĠU L 88, 25.3.2006, p. 63.

(3)   ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.