SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
13 ta’ Mejju 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Dritt għal azzjoni legali – Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 – Deċiżjoni marbuta ma’ informazzjoni tariffarja vinkolanti – Rimedju ġudizzjarju – Rettifika – Effett retroattiv”
Fil-Kawża T‑150/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Jannar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Frar 2025, fil-proċedura
Zollamt Österreich
fil-preżenza ta’:
G GmbH
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),
komposta minn M. Sampol Pucurull (Relatur), President, T. Pynnä, J. Laitenberger, M. Stancu u W. Valasidis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Martín y Pérez de Nanclares,
Reġistratur: P. Cullen, amministratur,
wara li rat it-trażmissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Marzu 2025, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ domanda indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi statut,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑10 ta’ Diċembru 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal G, minn W. Gappmayer, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn F. Meloncelli, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Demeneix u B. Eggers, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Jannar 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 33, 34, 44 u 45 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn G GmbH u z-Zollamt Österreich (l-Uffiċċju Doganali Awstrijak, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Doganali”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tat-turniketti li jintużaw darba biss permezz ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar ’il quddiem il-“BTI”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 26 u 27 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jipprovdu:
|
|
4 |
It-Taqsima 3, intitolata “ Deċiżjonijiet marbutin mal-applikazzjoni tal-leġislazzjoni doganali”, tal-Kapitolu 2 tat-Titolu I tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, tinkludi l-Artikoli 22 sa 37. |
|
5 |
L-Artikolu 33 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “ Deċiżjonijiet marbutin ma’ [BTI]”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “1. L-awtoritajiet doganali għandhom, wara applikazzjoni, jieħdu deċiżjonijiet marbutin mal-[BTI] […]. […]” |
|
6 |
L-Artikolu 34 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “ Ġestjoni ta deċiżjonijiet marbuta ma’ [BTI]”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 sa 6 tiegħu: “1. Deċiżjoni BTI għandha titlef il-validità tagħha qabel tmiem il-perijodu msemmi fl-Artikolu 33(3) fejn hija ma tibqax konformi mal-liġi, bħala riżultat ta’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
b’effett mid-data ta’ applikazzjoni ta’ tali emenda jew miżuri. […] 3. Id-deċiżjonijiet BTI […] m’għandhomx jitilfu l-validità tagħhom b’effett retroattiv. 4. B’deroga mill-Artikolu 23(3) u l-Artikolu 27, deċiżjonijiet BTI […] għandhom ikunu annullati fejn ikunu bbażati fuq informazzjoni mill-applikanti li mhix preċiża jew li mhix sħiħa. 5. Deċiżjonijiet BTI […] għandhom ikunu rrevokati skont l-Artikolu 23(3) u l-Artikolu 28. Madankollu, dawn id-deċiżjonijiet m’għandhomx jkunu revokati wara applikazzjoni tad-detentur tad-deċiżjoni. 6. Id-deċiżjonijiet BTI […] ma jistgħux jkunu emendati.” |
|
7 |
It-Taqsima 6 intitolata “Appelli”, tal-Kapitolu 2 tat-Titolu I tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, tinkludi l-Artikoli 43 sa 45. |
|
8 |
L-Artikolu 44 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Id-dritt ta’ appell”, jipprevedi: “1. Kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali marbuta mal-applikazzjoni ta’ legislazzjoni doganali li tikkonċernaha direttament u individwalment. […] 2. Id-dritt tal-appell jista’ jkun eżerċitat mill-anqas f’żewġ stadji:
[…] 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura tal-appelli tippermetti l-konferma jew il-korrezzjoni minnufih ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali.” |
|
9 |
L-Artikolu 45 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Is-sospensjoni tal-implimentazzjoni”, jipprevedi: “1. Il-preżentazzjoni ta’ appell m’għandhiex tikkawża s-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni fil-vertenza. 2. Madankollu, l-awtoritajiet doganali għandhom jissospendu l-implimentazzjoni ta’ tali deċiżjoni kollha kemm hi jew parti minnha fejn għandhom raġuni tajba biex jemmnu li d-deċiżjoni fil-vertenza hija inkonsistenti mal-leġislazzjoni doganali jew li hemm biża’ li ssir ħsara irreparabbli lill-persuna kkonċernata. […]” |
Id-dritt Awstrijak
|
10 |
L-Artikolu 279 tal-Bundesabgabenordnung (il-Kodiċi Federali tat-Taxxi) jipprevedi: “(1) Ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 278, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) għandha dejjem tiddeċiedi hija stess fuq il-mertu tal-kawża. Hija tista’, kemm fid-dispożittiv kif ukoll fil-motivi, tissostitwixxi l-perspettiva tal-awtorità tat-taxxa b’dik tagħha u, konsegwentement, temenda d-deċiżjoni kkontestata, tannullaha jew tiċħad l-ilment bħala infondat. (2) L-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandu l-effett li jqiegħed il-proċedura fl-istat li kienet tinsab fih qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. […].” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
11 |
Fis‑27 ta’ Ottubru 2022, l-Uffiċċju Doganali, fuq talba ta’ G, ħareġ deċiżjoni BTI għal prodott imsejjaħ “turnikett li jintuża darba biss” li huwa kklassifika taħt il-kodiċi tal-merkanzija 4008 219000, b’perijodu ta’ validità ddikjarat mis‑27 ta’ Ottubru 2022 sas‑26 ta’ Ottubru 2025. |
|
12 |
Fit‑22 ta’ Novembru 2022, G ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Doganali fejn sostniet li l-klassifikazzjoni tariffarja kienet materjalment inkorretta. L-Uffiċċju Doganali ċaħad dan l-ilment. |
|
13 |
Fil‑5 ta’ Mejju 2023, G ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju Doganali quddiem il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija). Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2024, il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) laqgħet ir-rikors u emendat din id-deċiżjoni billi kklassifikat il-prodott inkwistjoni taħt il-kodiċi tal-merkanzija 4014 900000, b’effett mid-data li fiha l-imsemmija deċiżjoni kienet inħarġet mill-Uffiċċju Doganali. |
|
14 |
L-Uffiċċju Doganali ppreżenta appell għal reviżjoni mid-deċiżjoni tal-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, minħabba li, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 279 tal-Kodiċi Federali tat-Taxxi, il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) kellha l-intenzjoni li temenda retroattivament id-deċiżjoni BTI, li ma huwiex permess mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, b’mod partikolari skont l-Artikolu 34(3) u (6) tiegħu. |
|
15 |
Skont il-qorti tar-rinviju, konformement mal-Artikolu 279(1) tal-Kodiċi Federali tat-Taxxi, il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) kellha s-setgħa li tissostitwixxi l-opinjoni tagħha għal dik tal-Uffiċċju Doganali u għalhekk li temenda d-deċiżjoni inkwistjoni b’effett retroattiv mid-data li fiha din kienet inħarġet mill-Uffiċċju Doganali. |
|
16 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jipprevedi espressament li annullamenti retroattivi ta’ deċiżjonijiet BTI iseħħu biss meta dawn ikunu bbażati fuq informazzjoni ineżatta jew inkompleta pprovduta mill-applikant, konformement mal-Artikolu 34(4) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, skont l-Artikolu 34(3) ta’ dan il-kodiċi, it-terminazzjoni tal-validità tad-deċiżjonijiet BTI ma għandhiex effett retroattiv. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 34(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jipprovdi li d-deċiżjonijiet BTI ma jistgħux jiġu emendati. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tesprimi madankollu dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 34 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandux impatt fuq appelli ppreżentati skont l-Artikolu 44 ta’ dan l-istess kodiċi. |
|
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
19 |
Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 44(4) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja adita b’appell ippreżentat konformement mal-Artikolu 44(2) ta’ dan il-kodiċi kontra deċiżjoni BTI għandha effett retroattiv mid-data tal-ħruġ ta’ din id-deċiżjoni BTI mill-awtoritajiet doganali. |
|
20 |
Skont l-Artikolu 44(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, id-detentur ta’ deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali għandu jkollu d-dritt li jippreżenta appell kontra l-imsemmija deċiżjoni. |
|
21 |
Barra minn hekk, skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura tal-appelli tippermetti l-konferma jew ir-rettifika malajr ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali. |
|
22 |
Minn dan jirriżulta li d-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom bħala konsegwenza jew il-konferma, fil-każ ta’ ċaħda tar-rikors, jew ir-rettifika, fil-każ li jintlaqa’ r-rikors, tad-deċiżjonijiet BTI ikkontestati quddiemhom. |
|
23 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 44(4) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jippreċiżax b’liema mod għandha ssir ir-rettifika tad-deċiżjonijiet BTI, peress li la jipprovdi definizzjoni tal-kelma “korrezzjoni” u lanqas ma jagħmel riferiment għad-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward. |
|
24 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni u ma jagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, fid-dawl tal-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2025, Servoprax (Turniketti mediċi) (C‑631/23, EU:C:2025:906, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, skont is-sens normali fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kelma “korrezzjoni [rettifika]” hija ddefinita bħala l-azzjoni ta’ korrezzjoni jew emenda ta’ xi ħaġa sabiex issir preċiża jew adegwata. |
|
26 |
Għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 44(4) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma tippermettix li jiġi ddeterminat b’mod inekwivoku jekk ir-rettifika li huwa jipprevedi tipproduċix effetti retroattivi, għandu madankollu jiġi rrilevat li rettifika malajr ta’ deċiżjoni illegali BTI tista’ twassal għall-emenda retroattiva ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, b’dan il-mod, id-detentur tad-deċiżjoni BTI inkorretta jibbenefika minn rettifika sħiħa intiża b’mod partikolari sabiex tiġi introdotta l-klassifikazzjoni xierqa, peress li l-BTI inkorretta hija meqjusa li qatt ma kienet valida. |
|
27 |
Għaldaqstant, fl-assenza ta’ riferiment kuntrarju fil-formulazzjoni tal-Artikolu 44(4) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, il-kunċett ta’ rettifika jista’ jinftiehem bħala li ma jeskludix rettifika retroattiva intiża sabiex tagħti lid-deċiżjoni BTI l-kontenut li hija kellu jkollha sa mill-adozzjoni tagħha. |
|
28 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-analiżi kuntestwali, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 33 u lanqas l-Artikolu 34 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jistgħu jkunu rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja adita b’appell ippreżentat konformement mal-Artikolu 44(2) ta’ dan il-kodiċi kontra deċiżjoni BTI għandha effett retroattiv mid-data tal-ħruġ ta’ din id-deċiżjoni mill-awtoritajiet doganali. |
|
29 |
Fil-fatt, l-Artikoli 33 u 34 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, minn naħa, u l-Artikolu 44 ta’ dan il-kodiċi, min-naħa l-oħra, jinsabu f’taqsimiet differenti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, peress li tal-ewwel jinsabu fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu I ta’ dan il-kodiċi, intitolata “Deċiżjonijiet marbutin mal-applikazzjoni tal-leġislazzjoni doganali”, u t-tieni jinsab fit-Taqsima 6, intitolata “Appelli”, tal-istess kapitolu. |
|
30 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 33 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jagħti l-kompetenza għall-ħruġ ta’ BTI lill-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali. Barra minn hekk, l-Artikolu 34 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jirregola l-ġestjoni tal-BTI u, b’mod iktar preċiż, it-tmiem tal-validità, ir-revoka, l-emenda jew l-annullament tad-deċiżjonijiet BTI mill-awtoritajiet doganali. Issa, l-awtoritajiet ġudizzjarji inkarigati li jiddeċiedu, konformement mal-Artikolu 44 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar l-appelli mid-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali għandhom jiġu distinti minn dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, OGL-Food Trade Lebensmittelvertrieb, C‑770/21, EU:C:2023:690, punt 69). |
|
31 |
Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali ma jistgħu la jikkundizzjonaw lil dawk tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji u lanqas ma jistgħu jinfluwenzaw dawn tal-aħħar, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma allinjax it-trattament tal-awtoritajiet ġudizzjarji ma’ dak tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali. |
|
32 |
Konsegwentement, il-kwistjoni tan-natura retroattiva jew le tad-deċiżjonijiet meħuda wara appell ippreżentat konformement mal-Artikolu 44(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma hijiex irregolata mill-Artikoli 33 u 34 ta’ dan l-istess kodiċi. |
|
33 |
It-tieni nett, mill-Artikolu 45 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li jinsab fl-istess taqsima bħall-Artikolu 44 ta’ dan il-kodiċi, jirriżulta li l-awtoritajiet doganali għandhom jissospendu, kompletament jew parzjalment, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni BTI li tkun is-suġġett ta’ appell meta jkollhom raġunijiet fondati sabiex jiddubitaw il-konformità tal-imsemmija deċiżjoni mal-leġiżlazzjoni doganali jew sabiex jaħsbu li hemm biża’ ta’ dannu irreparabbli għall-persuna kkonċernata. |
|
34 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti nazzjonali adita b’kawża rregolata mid-dritt tal-Unjoni trid tkun f’pożizzjoni li tagħti rimedju provviżorju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sentenza li għandha tingħata fuq l-eżistenza tad-drittijiet invokati skont id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-Artikolu 45 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jillimitax is-setgħa li għandhom l-awtoritajiet ġudizzjarji, aditi b’appell ippreżentat konformement mal-Artikolu 44(2) ta’ dan l-istess kodiċi, li jissospendu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligu tagħhom li jiżguraw l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2001, Kofisa Italia, C‑1/99, EU:C:2001:10, punti 48 u 49). |
|
35 |
Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għoti ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni neċessarjament imur id f’id mal-possibbiltà li tinbidel b’mod retroattiv is-sitwazzjoni legali tal-operaturi ekonomiċi sabiex jiġu evitati lilhom danni finanzjarji indebiti meta deċiżjoni inizjali tirriżulta żbaljata. |
|
36 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 45 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jistax jillimita l-possibbiltà li għandhom l-awtoritajiet ġudizzjarji aditi b’appell ippreżentat konformement mal-Artikolu 44(2) ta’ dan il-kodiċi kontra deċiżjoni BTI, li jagħtu effett retroattiv għad-deċiżjoni meħuda fuq dan l-appell sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligu tagħhom li jiżguraw l-effettività sħiħa tal-imsemmi appell. |
|
37 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li tali interpretazzjoni hija sostnuta wkoll mill-għan tal-Artikolu 44 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li huwa intiż li jiggarantixxi d-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jippreżentaw appell kontra deċiżjoni ta’ awtorità doganali. |
|
38 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 26 u 27 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji ġudizzjarji u proċedura li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
|
39 |
Issa, appell ma jistax jitqies li huwa effettiv jekk ma jeliminax is-sitwazzjoni li tirriżulta minn BTI illegali u ma jpoġġix lill-operatur ekonomiku detentur tad-deċiżjoni dwar din il-BTI fis-sitwazzjoni li kien ikun fiha li kieku l-illegalità inkwistjoni ma seħħitx. |
|
40 |
Bl-istess mod, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li jitħallew fis-seħħ l-effetti ta’ deċiżjoni BTI meqjusa illegali jista’ jmur kontra d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li tali effetti jinżammu fir-rigward ta’ operatur ekonomiku li jkun madankollu ppreżenta, fit-termini previsti, appell kontra d-deċiżjoni BTI. |
|
41 |
Kif jirriżulta mill-punti 26 u 27 iktar ’il fuq, l-Artikolu 44(4) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jistax, barra minn hekk, jipprekludi li l-awtoritajiet ġudizzjarji, aditi b’appell skont l-Artikolu 44(2) tal-imsemmi kodiċi, jordnaw li d-deċiżjoni mogħtija fuq appell ippreżentat kontra deċiżjoni BTI għandha effett retroattiv mid-data tal-ħruġ ta’ din il-BTT mill-awtorità doganali, sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligu tagħhom li jiżguraw l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni. |
|
42 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li ċ-ċertezza legali hija fost in-numru ta’ prinċipji ġenerali rrikonoxxuti fid-dritt tal-Unjoni. In-natura definittiva ta’ deċiżjoni amministrattiva, miksuba mal-iskadenza ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors jew permezz tal-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji, tikkontribwixxi għall-imsemmija ċertezza legali u minn dan jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li korp amministrattiv ikun, bħala prinċipju, obbligat li jmur lura fuq deċiżjoni amministrattiva li tkun kisbet tali natura definittiva (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz, C‑453/00, EU:C:2004:17, punt 24). |
|
43 |
Madankollu, kif tfakkar mill-Avukat Ġenerali fil-punti 60 u 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi biss li l-effetti ta’ deċiżjoni BTI li tkun is-suġġett ta’ appell isiru definittivi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, biss mill-mument li fih dan tal-aħħar ikun ġie definittivament miċħud jew, fin-nuqqas ta’ appell, b’effett mill-iskadenza tat-termini previsti għal dan l-għan. Għalhekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-effetti ta’ deċiżjoni BTI fil-perijodu bejn id-dħul fis-seħħ tagħha u l-mument li tintlaqa’ l-azzjoni ġudizzjarja mressqa kontra tagħha. |
|
44 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għall-argument tal-Gvern Taljan li jgħid li huwa diffiċli li jiġi żgurat l-għarfien effettiv, mill-Istati Membri l-oħra kollha, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali ta’ annullament jew ta’ rettifika li għandha effett retroattiv, għandu jiġi kkonstatat li, konformement mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet […] [tal]-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35 u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195), sistema informatika implimentata skont l-Artikolu 16(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni tintuża għall-finijiet tal-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet BTI jew dwar kull avveniment sussegwenti li jista’ jkollu effett fuq l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni inizjali. Konsegwentement, u kif ikkonfermat il-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta, meta deċiżjoni BTI tiġi annullata jew emendata wara deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja, l-informazzjoni għandha tiġi introdotta mill-awtorità doganali kkonċernata f’din is-sistema informatika permezz ta’ kodiċi ta’ invalidità marbuta mad-deċiżjoni BTI, flimkien mad-data korrispendenti, u għandha għalhekk tkun viżibbli għall-awtoritajiet doganali l-oħra kollha. |
|
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 44(4) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja adita b’appell ippreżentat konformement mal-Artikolu 44(2) ta’ dan il-kodiċi kontra deċiżjoni BTI għandha effett retroattiv mid-data tal-ħruġ ta’ din id-deċiżjoni BTI mill-awtoritajiet doganali. |
Fuq l-ispejjeż
|
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti Ġenerali, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja adita b’appell ippreżentat konformement mal-Artikolu 44(2) tal-imsemmi regolament kontra deċiżjoni fil-qasam ta’ informazzjoni tariffarja vinkolanti għandha effett retroattiv mid-data tal-ħruġ ta’ din id-deċiżjoni fil-qasam ta’ informazzjoni tariffarja vinkolanti mill-awtoritajiet doganali. |
|
Sampol Pucurull Pynnä Laitenberger Stancu Valasidis Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Mejju 2026. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.