IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.6.2023
COM(2023) 304 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
li jidentifika l-Istati Membri li jinsabu f’riskju li ma jilħqux il-miri tal-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali tal-2025, il-mira tar-riċiklaġġ tal-2025 għall-iskart mill-imballaġġ u l-mira tat-tnaqqis tar-rimi tal-iskart muniċipali f’landfills tal-2035
{SWD(2023) 175 final} - {SWD(2023) 176 final} - {SWD(2023) 180 final} - {SWD(2023) 181 final} - {SWD(2023) 182 final} - {SWD(2023) 183 final} - {SWD(2023) 184 final} - {SWD(2023) 185 final} - {SWD(2023) 186 final} - {SWD(2023) 187 final} - {SWD(2023) 188 final} - {SWD(2023) 189 final} - {SWD(2023) 195 final} - {SWD(2023) 196 final} - {SWD(2023) 197 final} - {SWD(2023) 198 final} - {SWD(2023) 199 final} - {SWD(2023) 200 final}
1.Introduzzjoni
It-trasformazzjoni tal-iskart f’riżorsi hija element importanti tal-ekonomija ċirkolari. L-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart tinvolvi l-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart, li tagħti prijorità lill-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ u tpoġġi r-rimi f’landfills bħala l-inqas għażla ppreferuta ta’ trattament tal-iskart. Il-miri tal-UE għat-trattament tal-iskart muniċipali u tal-iskart mill-imballaġġ ġew stabbiliti sabiex jiġu żgurati sforzi konġunti fl-Istati Membri kollha biex tingħata spinta lill-ġerarkija tal-iskart.
It-titjib tal-prestazzjoni fil-ġestjoni tal-iskart se jħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u se jikkontribwixxi għall-objettivi tal-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari għal Ewropa iktar nadifa u iktar kompetittiva biex tirdoppja r-rata tal-użu tal-materjal ċirkolari tal-UE, tnaqqas b’mod sinifikanti l-ġenerazzjoni totali tal-iskart u tnaqqas bin-nofs l-ammont ta’ skart muniċipali residwu sal-2030. Barra minn hekk, l-immaniġġjar tajjeb tal-iskart huwa essenzjali biex jiġi pprevenut l-impatt negattiv tal-ġenerazzjoni tal-iskart fuq l-ambjent u s-saħħa, u biex jintlaħqu l-miri tal-pjan ta’ azzjoni għal tniġġis żero fuq l-iskart u l-iskart fil-baħar.
Iż-żieda fil-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ u t-tnaqqis tar-rimi f’landfills huma kruċjali biex tintlaħaq in-newtralità klimatika, tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-materja prima, tiġi ffrankata l-enerġija, u jitnaqqsu d-dipendenzi tal-UE mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, filwaqt li jinħolqu impjiegi lokali u tingħata spinta lill-innovazzjoni f’teknoloġiji ġodda għall-immaniġġjar sostenibbli tal-prodotti u tal-materjali.
Sabiex tiġi riflessa aħjar l-ambizzjoni tal-UE li timxi lejn ekonomija ċirkolari, fl-2018 ġew adottati diversi emendi għad-Direttivi tal-UE dwar l-iskart, li jinkludu miri ambizzjużi għall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għar-rimi f’landfills tal-iskart muniċipali u għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ. L-iskart muniċipali jirrappreżenta madwar 10 % tal-iskart totali ġġenerat fl-UE, iżda huwa wieħed mill-aktar flussi kumplessi biex jiġi mmaniġġjat minħabba l-kompożizzjoni varjata tiegħu, l-għadd kbir ta’ produtturi tal-iskart u l-frammentazzjoni tar-responsabbiltajiet għall-ġestjoni tiegħu. Sehem kbir ta’ skart muniċipali huwa magħmul minn skart mill-imballaġġ, li għandu potenzjal sinifikanti ta’ ċirkolarità.
Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar, aktar puntwali u uniformi ta’ dawn il-miri ambizzjużi u sabiex tiġi antiċipata kwalunkwe dgħufija fl-implimentazzjoni, ir-regoli tal-UE adottati fl-2018 stabbilew sistema ta’ rapporti ta’ twissija bikrija biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u jippermettu li tittieħed azzjoni qabel l-iskadenzi biex jintlaħqu l-miri. Skont dawn ir-regoli, il-Kummissjoni għandha l-kompitu, f’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li tfassal rapporti dwar il-progress tal-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-miri.
Dan ir-rapport kumplessiv jivvaluta l-probabbiltà li l-Istati Membri jilħqu l-miri għall-2025 stabbiliti fl-Artikolu 11(2)(c) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart) u fl-Artikolu 6(1)(f) tad-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (id-Direttiva dwar l-Imballaġġ). Il-miri jirrikjedu li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiksbu minimu ta’:
·55 % tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali,
·65 % riċiklaġġ tal-iskart totali mill-imballaġġ, u
·miri għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ speċifiku għall-materjal ta’ 75 % għall-karta u l-kartun, 70 % għall-ħġieġ, 50 % għall-aluminju, 50 % għall-plastik u 25 % għall-injam.
Ir-rapport jipprovdi wkoll valutazzjoni preliminari tal-probabbiltà li l-Istati Membri jilħqu l-mira stabbilita fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (id-Direttiva dwar il-Landfills), li jnaqqsu r-rimi f’landfills tal-iskart muniċipali għal inqas minn 10 % sal-2035. Ir-rapport jiġbor fil-qosor is-sejbiet ewlenin, ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin lill-Istati Membri f’riskju li ma jilħqux ċerti miri tal-iskart, u eżempji tal-aħjar prattiki tal-immaniġġjar tal-iskart maħsuba biex jgħinu fit-titjib tal-prestazzjoni tar-riċiklaġġ tal-iskart. Dan huwa kkomplementat minn dokumenti ta’ ħidma tal-persunal li fihom informazzjoni u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għal dawk l-Istati Membri f’riskju li ma jilħqux il-miri tal-2025 għall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ għall-iskart muniċipali u l-iskart kollu mill-imballaġġ, li jinkludu dan li ġej:
·stima dwar l-ilħuq tal-miri minn kull Stat Membru;
·lista tal-Istati Membri bir-riskju li ma jilħqux il-miri fl-iskadenzi rispettivi, akkumpanjata minn rakkomandazzjonijiet xierqa għall-Istati Membri kkonċernati; u
·eżempji tal-aħjar prattiki li jintużaw fl-UE kollha u li jistgħu jipprovdu gwida biex isir progress fir-rigward tal-miri.
Il-ħidma mwettqa għall-finijiet ta’ dan ir-rapport ta’ twissija bikrija hija msejsa fuq l-appoġġ u l-kooperazzjoni kontinwi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward tat-titjib tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart. Wara eżerċizzji ta’ promozzjoni tal-konformità li bdew fl-2013, fl-2018 il-Kummissjoni Ewropea ħarġet sett ta’ rapporti dwar l-isfidi tal-progress u tal-implimentazzjoni għal diversi flussi ta’ skart li inkludew azzjonijiet possibbli biex jiġu appoġġati l-isforzi tal-Istati Membri biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom tal-immaniġġjar tal-iskart. Barra minn hekk, mill-2017, il-Kummissjoni Ewropea ilha tippubblika regolarment Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR), għodda mfassla biex ittejjeb l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-liġijiet u tal-politiki ambjentali tal-UE. L-aħħar EIR inħareġ fl-2022.
2.Metodoloġija
Dan ir-rapport huwa r-riżultat ta’ konsultazzjoni u ta’ kollaborazzjoni estensivi bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Eurostat u l-Istati Membri. Il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq metodoloġija żviluppata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li bħala punt tat-tluq ħadet id-data dwar l-immaniġġjar tal-iskart ippreżentata mill-Istati Membri lil Eurostat f’konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar skont id-Direttivi dwar l-iskart, u qieset il-politiki eżistenti u ppjanati fil-livell nazzjonali u informazzjoni rilevanti oħra. Qieset ukoll l-adozzjoni tal-programmi nazzjonali riveduti għall-prevenzjoni tal-iskart kif meħtieġ mid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.
Din il-valutazzjoni ppermettiet lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tidentifika l-Istati Membri li x’aktarx ma jilħqux il-miri. Is-sejbiet tagħha ġew diskussi ulterjorment bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istat Membru kkonċernat; dan ippermetta li tinġabar informazzjoni addizzjonali u wassal għall-finalizzazzjoni tar-rapport. Intużat sejħa għall-evidenza biex tinforma dwar l-inizjattiva u tiġbor il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati.
Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-aktar data reċenti ta’ Eurostat disponibbli fl-istadju tal-preparazzjoni tiegħu. Id-data għas-sena ta’ referenza 2020 intużat għall-iskart muniċipali, filwaqt li għall-iskart mill-imballaġġ intużat id-data għall-2019. Fir-rigward tal-imballaġġ, issa hija disponibbli data aktar reċenti għall-2020 u fit-Taqsima 5 hija riflessa valutazzjoni preliminari tar-rilevanza tagħha għall-konklużjonijiet tar-rapport.
3.Sejbiet ġenerali
L-analiżi tal-prestazzjoni tal-Istati Membri identifikat ix-xejriet ġenerali fl-immaniġġjar tal-iskart u wriet il-probabbiltà li jintlaħqu l-miri tal-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ tal-iskart sal-2025.
Il-maġġoranza tal-Istati Membri dan l-aħħar wettqu jew jinsabu fil-proċess li jimplimentaw ir-riformi tal-iskart li se jirriżultaw f’rati ogħla ta’ riċiklaġġ fis-snin sal-2025 u lil hinn. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-iskart tal-2018 u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa fir-Rapport ta’ Twissija Bikrija tal-2018 kellhom rwol rilevanti fil-kisba tal-progress. Madankollu, f’xi każijiet id-dewmien fl-applikazzjoni tagħhom qed jaffettwa l-prestazzjonijiet nazzjonali tar-riċiklaġġ.
Għad hemm differenzi sinifikanti fil-prestazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart fost l-Istati Membri. Għal xi pajjiżi, id-distanza mill-miri hija kbira ħafna u se jkunu meħtieġa sforzi akbar biex jiġu implimentati riformi fil-prattika (eż. fir-rigward tat-trattament tal-bijoskart, il-ġbir separat, il-kwalità tad-data, eċċ.). Hemm ukoll evidenza li fatturi esterni influwenzaw il-prestazzjoni, pereżempju matul il-pandemija tal-COVID, il-ġbir separat f’xi Stati Membri tnaqqas jew twaqqaf. Hemm ukoll indikazzjonijiet li ż-żieda qawwija reċenti fil-prezzijiet tal-enerġija qiegħda taffettwa b’mod avvers l-attivitajiet ta’ riċiklaġġ.
B’mod ġenerali, skont il-valutazzjoni mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jinsabu f’riskju li ma jilħqux il-miri tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali għall-2025.
B’mod aktar speċifiku, fir-rigward tal-mira ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ ta’ 55 % tal-iskart muniċipali u tal-mira ta’ riċiklaġġ ta’ 65 % tal-iskart kollu mill-imballaġġ li għandhom jintlaħqu sal-2025:
¾disa’ Stati Membri jinsabu fit-triq it-tajba biex jilħqu ż-żewġ miri – l-Awstrija, il-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands u s-Slovenja;
¾tmien Stati Membri jinsabu f’riskju li ma jilħqux il-mira tal-iskart muniċipali biss, iżda mhumiex f’riskju għall-mira tal-iskart kollu mill-imballaġġ — l-Estonja, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, il-Latvja, il-Portugall, Spanja u l-Iżvezja;
¾għaxar Stati Membri jinsabu f’riskju li ma jilħqux kemm il-miri għall-iskart muniċipali u għall-iskart kollu mill-imballaġġ għall-2025 — il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja.
Dan ir-rapport ta’ twissija bikrija huwa akkumpanjat minn dokumenti ta’ ħidma tal-persunal għall-Istati Membri meqjusa f’riskju li ma jilħqux mill-inqas waħda minn dawn iż-żewġ miri ewlenin (mira ta’55 % għall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ għall-iskart muniċipali u mira ta’ riċiklaġġ ta’ 65 % għall-iskart kollu mill-imballaġġ li għandha tintlaħaq sal-2025); dan jikkorrispondi għat-tieni u għat-tielet grupp ta’ Stati Membri elenkati hawn fuq. L-Istati Membri kollha f’riskju li ma jilħqux il-mira għall-iskart kollu mill-imballaġġ huma wkoll f’riskju li ma jilħqux il-mira għall-iskart muniċipali.
Ta’ min jinnota li l-kisba ta’ prestazzjoni għolja fl-użu mill-ġdid, fil-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u fir-riċiklaġġ tal-iskart teħtieġ sforzi kontinwi kemm fl-Istati Membri li ġew identifikati f’riskju li ma jilħqux il-miri tal-2025 kif ukoll f’dawk li għalihom il-valutazzjoni wriet il-probabbiltà li dawn jintlaħqu għalkemm għad għandhom xi distanza xi jkopru. Peress li l-iżgurar ta’ mmaniġġjar xieraq tal-iskart f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart spiss jiffaċċja sfidi ġodda, anke dawk il-pajjiżi li laħqu r-rati ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ’il fuq mill-miri tal-2025 fl-2019 u fl-2020 jeħtieġ li jsegwu politiki biex iżommu u jkomplu jtejbu l-livelli ta’ prestazzjoni, inkluż fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda tal-kalkolu għar-riċiklaġġ. Għandhom isiru iktar sforzi biex jintlaħqu l-miri ta’ riċiklaġġ speċifiċi għall-imballaġġ, b’mod partikolari għall-imballaġġ tal-plastik.
Data ta’ referenza: ©ESRI
|
|
L-Istati Membri mhux f’riskju li ma jilħqux iż-żewġ miri
|
|
|
L-Istati Membri f’riskju li ma jilħqux il-mira tal-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali iżda mhux f’riskju li ma jilħqux il-mira tar-riċiklaġġ tal-iskart kollu mill-imballaġġ
|
|
|
L-Istati Membri f’riskju li ma jilħqux iż-żewġ miri
|
|
|
Kopertura esterna
|
Illustrazzjoni 1: Prospetti għall-Istati Membri tal-UE li jilħqu l-miri tal-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ għall-iskart muniċipali u l-iskart mill-imballaġġ (Sors: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent)
4.Skart Muniċipali
Fl-2020, l-Ewropej iġġeneraw medja ta’ 521 kg ta’ skart muniċipali għal kull persuna, li 49 % minnu kien ippreparat għall-użu mill-ġdid jew irriċiklat filwaqt li madwar 23 % intrema f’landfills. L-ammont ta’ skart iġġenerat ilu jiżdied bil-mod f’dawn l-aħħar snin.
L-obbligi legali dwar l-immaniġġjar tal-iskart muniċipali huma stabbiliti fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Qabel ma tintlaħaq il-mira ta’ 55 % għall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali li għandha tintlaħaq sal-2025, l-Istati Membri huma meħtieġa jilħqu l-mira ta’ 50 % sal-2020. Id-Direttiva tinkludi wkoll miri ambizzjużi fit-tul: 60 % sal-2030 u 65 % sal-2035, kif ukoll rekwiżiti oħra bħall-implimentazzjoni tal-ġbir separat tal-iskart u l-adozzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart u programmi nazzjonali għall-prevenzjoni tal-iskart.
Abbażi tal-valutazzjoni mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ta’ rieżami fil-fond tal-prestazzjoni tar-riċiklaġġ u tal-politiki dwar l-iskart tal-Istati Membri, 18-il Stat Membru ġew identifikati bħala li jinsabu f’riskju li ma jilħqux il-mira ta’ 55 % tal-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali sal-2025: il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u l-Iżvezja.
Meta wieħed iqis id-distanza tal-Istati Membri mill-mira tal-2025 u l-isfidi u s-sitwazzjoni speċifiċi tagħhom, ġew identifikati rakkomandazzjonijiet ewlenin speċifiċi għall-pajjiżi biex tittejjeb it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-rati ta’ riċiklaġġ. Dan sar permezz ta’ proċess li involva mill-qrib lill-awtoritajiet nazzjonali. Jekk jiġu implimentati malajr mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali f’kooperazzjoni mal-industrija tal-immaniġġjar tal-iskart, dawn il-miżuri ssuġġeriti jistgħu jaċċelleraw b’mod sinifikanti t-titjib tal-prestazzjoni tar-riċiklaġġ. Id-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaw dan ir-rapport jiddeskrivu dawn l-azzjonijiet possibbli għal kull Stat Membru meqjus f’riskju. Il-prijoritajiet komuni ewlenin u l-isfidi relatati huma pprovduti fil-kaxxa li ġejja.
Jista’ jiġi preżunt b’mod raġonevoli li din il-valutazzjoni tipprovdi wkoll indikazzjoni qawwija tar-riskju tal-Istati Membri li ma jilħqux il-mira tal-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ għall-2030 ta’ 60 % jekk ma jsir l-ebda sforz addizzjonali, inkluża implimentazzjoni aktar rapida tal-politiki u tar-riformi adottati.
|
Kaxxa 1: Skart muniċipali
§Il-maġġoranza tal-Istati Membri wettqu jew jinsabu fil-proċess li jimplimentaw ir-riformi tal-iskart li se jirriżultaw f’approċċ aktar ċirkolari u f’rati ogħla ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u ta’ riċiklaġġ fis-snin li jwasslu għall-2025 u lil hinn. Madankollu, f’xi każijiet, id-dewmien fl-applikazzjoni tagħhom qed jaffettwa b’mod avvers il-prestazzjoni tagħhom. L-isfidi ppreżentati mill-pandemija tal-COVID u mill-kriżi tal-enerġija jistgħu jirrikjedu azzjonijiet speċifiċi biex jiġi evitat id-dewmien fl-implimentazzjoni tar-riformi nazzjonali tal-iskart.
§Il-bijoskart huwa l-aktar fluss ta’ skart importanti li għalih hija meħtieġa azzjoni, peress li jikkostitwixxi bħala medja 34 % tal-iskart muniċipali. Għandha tingħata attenzjoni lill-introduzzjoni jew lill-espansjoni ta’ kapaċità effettiva għall-ġbir separat u t-trattament tal-bijoskart. L-immaniġġjar tajjeb tal-bijoskart jista’ jippermetti l-użu tal-bijoskart bħala fertilizzant u tejjieb tal-ħamrija u għall-produzzjoni tal-bijogass. Dan jista’ jipprovdi kontributi sinifikanti għall-għanijiet klimatiċi u jista’ jgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE għas-sigurtà tal-enerġija u tal-materja prima kritika billi jissostitwixxi l-fertilizzanti minerali estratti filwaqt li jtejjeb is-saħħa tal-ħamrija.
§Ir-rati għolja ta’ qbid u l-kwalità tal-ġbir separat huma prekundizzjonijiet essenzjali għall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ; dan jista’ jinkiseb b’mod aktar effettiv permezz ta’ miri għall-ġbir separat obbligatorju tal-iskart fil-livell muniċipali. L-użu tagħhom għandu jkun ibbażat fuq inċentivi u responsabbiltà (pereżempju, tista’ tiġi introdotta sistema ta’ premjijiet finanzjarji u penali skont il-prestazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-miri).
§Huma meħtieġa miżuri biex l-unitajiet domestiċi jiġu mħeġġa jisseparaw l-iskart, inkluża frekwenza ogħla ta’ ġbir għal flussi separati milli għall-iskart imħallat.
§L-Istati Membri mhumiex qed jużaw il-firxa sħiħa ta’ miżuri ekonomiċi biex inaqqsu r-rimi f’landfills u l-inċinerazzjoni (pereżempju taxxi fuq il-landfills u l-inċinerazzjoni) u biex itejbu t-trattament tal-iskart assoċjat mal-livelli ogħla tal-ġerarkija tal-iskart, bħall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ (pereżempju skemi ta’ “ħallas skont kemm tarmi” u rifużjoni tad-depożitu).
§L-Istati Membri jeħtieġ li jnaqqsu d-diskrepanza fl-investiment inkluż permezz tal-użu effettiv tal-fondi tal-UE għall-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-iskart li tappoġġa t-titjib tal-prestazzjoni tal-prevenzjoni, tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ.
§L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri dwar il-prevenzjoni ta’ skart mhux riċiklabbli. Xi Stati Membri għadhom ma rrevedewx il-programmi nazzjonali tagħhom għall-prevenzjoni tal-iskart. Ir-reviżjoni hija mistennija titlesta sal-2023.
§L-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni huma essenzjali biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-immaniġġjar aħjar tal-iskart. Dawn jistgħu jitfasslu għal gruppi fil-mira differenti (pereżempju unitajiet domestiċi, studenti, jew turisti).
|
5.Skart mill-imballaġġ
Fl-2020, l-iskart totali mill-imballaġġ iġġenerat fl-UE ammonta għal madwar 79,6 miljun tunnellata. Ir-rata medja ġenerali tar-riċiklaġġ tal-imballaġġ fl-UE żdiedet b’mod kostanti mill-2005 sal-2016 (67,6 % fl-2016) filwaqt li ġie osservat tnaqqis żgħir mill-2016 sal-2019 (64 % fl-2020). Barra minn hekk, bejn l-2013 u l-2020, l-ammont ta’ skart iġġenerat mill-imballaġġ kiber bi 15 % fl-UE kollha, u dan jissuġġerixxi li hemm bżonn ta’ aktar ħidma fir-rigward tal-prevenzjoni tal-iskart.
L-obbligi legali dwar l-immaniġġjar tal-iskart mill-imballaġġ huma stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Imballaġġ. Dawn jinkludu mira ta’ riċiklaġġ ta’ 65 % għall-iskart mill-imballaġġ li għandha tintlaħaq sal-2025 u miri speċifiċi għall-materjal għall-karti u l-kartun, il-ħġieġ, l-aluminju, il-plastik u l-injam. L-Istati Membri jistgħu jilħqu sa 5 fil-mija tal-miri billi jnaqqsu s-sehem tal-imballaġġ għall-bejgħ li jista’ jerġa’ jintuża, imqiegħed fis-suq għall-ewwel darba u użat mill-ġdid bħala parti minn sistema għall-użu mill-ġdid tal-imballaġġ, u fir-rigward tal-imballaġġ tal-injam, biex iqisu bis-sħiħ it-tiswija għall-użu mill-ġdid. Id-Direttiva tinkludi wkoll miri ambizzjużi ta’ riċiklaġġ fit-tul: 70 % sal-2030 għall-imballaġġ kollu kif ukoll miri speċifiċi għall-materjal għall-karti u l-kartun, għall-ħġieġ, għall-aluminju, għall-plastik u għall-injam.
B’mod ġenerali, skont il-valutazzjoni mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għaxar Stati Membri ġew identifikati bħala f’riskju li ma jilħqux il-mira ta’ riċiklaġġ ta’ 65 % tal-iskart mill-imballaġġ sal-2025: il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja.
Barra minn hekk, diversi Stati Membri huma meqjusa li huma f’riskju li ma jilħqux mira speċifika waħda jew aktar għall-materjal, bil-plastik bħala l-aktar materjal kritiku:
|
Plastik
|
L-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja
|
|
Ħġieġ
|
Il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall u r-Rumanija
|
|
Aluminju
|
Il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, il-Greċja, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja
|
|
Metall ferruż
|
Il-Kroazja, id-Danimarka, Malta, il-Portugall u r-Rumanija
|
|
Karta u kartun
|
Il-Kroazja, Malta, is-Slovakkja u Spanja
|
|
Injam
|
Il-Kroazja u Malta
|
Il-valutazzjoni identifikat xi inkonsistenzi fid-data dwar l-imballaġġ irrapportata minn xi Stati Membri, u indikat li l-ammonti ta’ imballaġġ imqiegħda fis-suq jistgħu jkunu sottorappurtati. Barra minn hekk, il-kalkolu l-ġdid tal-prestazzjoni tar-riċiklaġġ jirrikjedi li l-Istati Membri japplikaw mill-2020, peress li r-rapportar annwali tal-ġenerazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ huwa mistenni li jirriżulta f’rati ta’ riċiklaġġ irrapportati aktar baxxi bi ftit punti perċentwali. Fl-istess ħin, f’każ li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li s-sistemi tal-użu mill-ġdid jespandu, se jkollhom jilħqu miri ta’ riċiklaġġ aktar baxxi.
Rieżami preliminari tad-data dwar l-iskart mill-imballaġġ għas-sena ta’ referenza 2020 miġbura minn Eurostat indika li l-valutazzjoni tal-Istati Membri f’riskju li ma jilħqux il-miri għadha valida. Jista’ jiġi osservat tnaqqis kumplessiv żgħir fir-rati ta’ riċiklaġġ (madankollu, l-Istati Membri wrew xejriet differenti ħafna, u l-prestazzjoni ta’ xi wħud żdiedet filwaqt li dik ta’ oħrajn naqset). Barra minn hekk, f’dan l-istadju għadu mhuwiex possibbli li l-bidliet jiġu attribwiti b’mod ċar għal raġunijiet speċifiċi minħabba li hemm diversi fatturi involuti, b’mod partikolari l-applikazzjoni tal-metodu l-ġdid ta’ kalkolu għall-prestazzjoni tar-riċiklaġġ u l-effetti tal-pandemija tal-COVID.
Id-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaw dan ir-rapport jiddeskrivu l-azzjonijiet possibbli li jistgħu jitwettqu biex jitnaqqas b’mod sinifikanti r-riskju li l-miri tal-imballaġġ tal-iskart ma jintlaħqux. Uħud mill-prijoritajiet komuni rilevanti identifikati fil-Kaxxa 1 hawn fuq huma rilevanti wkoll għall-imballaġġ. Sfidi u prijoritajiet speċifiċi fir-rigward tal-imballaġġ huma stabbiliti fil-Kaxxa 2 hawn taħt.
|
Kaxxa 2: Skart mill-imballaġġ
§It-titjib kontinwu fil-ġbir separat jibqa’ essenzjali biex tittejjeb il-prestazzjoni tar-riċiklaġġ. It-titjib fil-ġbir separat jista’ jinkiseb l-aħjar billi taħlita ta’ sehem kbir tal-popolazzjoni tkun koperta minn sistemi ta’ ġbir separat b’konvenjenza kbira, l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ rifużjoni tad-depożitu, l-introduzzjoni ta’ kontenituri tal-ġbir separat f’żoni pubbliċi u kummerċjali, u s-sensibilizzazzjoni.
§Il-maġġoranza tal-Istati Membri jsibuha diffiċli biex jilħqu l-mira dwar l-imballaġġ tal-plastik. Dan jista’ jiġi indirizzat billi jittejbu s-sistemi ta’ ġbir separat għall-plastik, u jiżdiedu l-kapaċitajiet ta’ separazzjoni u ta’ trattament tal-plastik.
§Iż-żieda tal-isforzi biex jiġu stabbiliti sistemi ta’ użu mill-ġdid għall-imballaġġ se ġġib benefiċċji ambjentali u se tgħin lill-Istati Membri jikkonformaw mal-miri tal-UE għar-riċiklaġġ tal-imballaġġ.
§L-Istati Membri bi prestazzjoni batuta f’termini ta’ riċiklaġġ spiss ikollhom inkonsistenzi fid-data dwar l-imballaġġ. Dan jindika li l-ammont ta’ imballaġġ imqiegħed fis-suq jista’ jkun sottorappurtat, bir-riżultat li l-istatistika ma tkunx akkurata u li l-produtturi jaf ma jġorrux ir-responsabbiltà estiża sħiħa tagħhom għall-finanzjament tal-ġbir, tas-separazzjoni u tar-riċiklaġġ tal-iskart.
§L-impatt tat-titjib fil-prattiki u fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart jista’ ma jkunx jidher ċar fid-data rrapportata bl-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda tal-kalkolu applikabbli mill-2020. L-impatt tar-regoli l-ġodda dwar il-kalkolu għadu ma jistax jiġi vvalutat bis-sħiħ, iżda d-data rrapportata minn xi Stati Membri għall-2020 tindika effett li qed jonqos bi ftit punti perċentwali.
|
6.Ir-rimi f’landfills
Ir-rimi f’landfills huwa l-inqas għażla ta’ trattament tal-iskart preferibbli. Id-Direttiva dwar il-Landfills tobbliga lill-Istati Membri jnaqqsu r-rimi f’landfills ta’ skart muniċipali għal massimu ta’ 10 % sal-2035, u tintroduċi projbizzjoni fuq ir-rimi f’landfills ta’ skart miġbur b’mod separat, inkluż skart bijodegradabbli.
Filwaqt li l-ammonti ta’ skart muniċipali mormi f’landfills naqsu b’mod kostanti fl-UE kollha sal-2016 (tnaqqis ta’ 18 % matul il-perjodu 2013-2016), ix-xejra mill-2017 sal-2020 ma kinitx lineari, b’madwar 53,5 miljun tunnellata ta’ skart muniċipali mormi f’landfills fl-2020. Barra minn hekk, ir-rata medja tar-rimi f’landfills għall-iskart muniċipali fl-UE xorta kienet ta’ 23 % fl-2020. Madankollu, għad hemm differenzi sinifikanti madwar l-UE: fl-2020, tmien Stati Membri xorta rmew aktar minn 50 % tal-iskart muniċipali f’landfills, bi tlieta minnhom jirrapportaw rati ogħla minn 70 %.
Total ta’ 13-il Stat Membru għadhom ’il bogħod mill-mira ta’ massimu ta’ 10 % tar-rimi f’landfills tal-iskart muniċipali li għandha tintlaħaq sal-2035: il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja.
Id-distanza mill-mira jistħoqqilha aktar attenzjoni u tirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ miżuri korrettivi, anke jekk ikun hemm bżonn ta’ aktar żmien biex jiġi stabbilit b’aktar ċertezza r-riskju li ma jintlaħqux il-miri.
Studju mwettaq għall-Kummissjoni sab ukoll li 15-il Stat Membru ma kinux qed jissodisfaw bis-sħiħ l-obbligu stabbilit fid-Direttiva għat-trattament tal-iskart qabel ir-rimi f’landfills.
Minkejja titjib konsiderevoli mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Landfills u l-għeluq ta’ landfills mhux konformi madwar l-UE, l-għadd ta’ landfills li mhumiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u d-Direttiva dwar il-Landfills għadu kwistjoni ta’ tħassib. Fi tmiem l-2021, kienu għadhom qed joperaw 1 995 landfill illegali jew ta’ standard inferjuri u kellhom jiġu riabilitati jew adattati għall-istandards tal-UE
.
7.L-aħjar prattiki
L-Istati Membri jikkondividu sfidi komuni fl-immaniġġjar tal-iskart u diġà nstabu u ġew applikati ħafna soluzzjonijiet. Il-kondiviżjoni wiesgħa ta’ dawn is-soluzzjonijiet hija meqjusa bħala prijorità. Dan ir-rapport għandu l-għan li jidentifika xi wħud mill-aħjar prattiki fl-immaniġġjar tal-iskart muniċipali u tal-iskart mill-imballaġġ minn kull Stat Membru, filwaqt li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn inizjattivi u miżuri ta’ suċċess li jistgħu jiġu replikati f’pajjiżi oħra u jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jilħqu l-miri.
L-aħjar prattiki miġbura jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ suġġetti fl-immaniġġjar tal-iskart, bħall-governanza, il-ġbir separat, inkluż f’żoni remoti, is-sħubijiet pubbliċi-privati, l-użu mill-ġdid u l-prevenzjoni tal-iskart, it-trattament tal-iskart, il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni, l-implimentazzjoni ta’ strumenti ekonomiċi, u skemi effettivi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi.
8.Konklużjonijiet
Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart wasslet għal titjib konsiderevoli fl-immaniġġjar tal-iskart, u b’hekk kkontribwixxiet għall-għanijiet tal-UE dwar iċ-ċirkolarità u t-tniġġis żero. Madankollu, l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dik il-leġiżlazzjoni hija kruċjali jekk l-UE trid tisfrutta bis-sħiħ il-benefiċċji ambjentali u ekonomiċi ta’ ekonomija iktar nadifa u iktar ċirkolari u tikkompeti f’dinja ta’ riżorsi dejjem aktar skarsi. Sforzi ulterjuri huma essenzjali wkoll fid-dawl taż-żieda sostanzjali fl-iskart mill-imballaġġ, it-tnaqqis limitat fil-ġenerazzjoni totali tal-iskart (b’4 % bejn l-2010 u l-2020), it-tniġġis ikkawżat mill-iskart tal-plastik fil-baħar, u xejra relattivament stabbli għall-iskart muniċipali residwu, li kollha kemm huma jpoġġu f’riskju l-ilħuq tal-miri ta’ tniġġis żero sal-2030.
Ir-rapporti ta’ twissija bikrija tal-Kummissjoni dwar l-iskart u attivitajiet oħra ta’ promozzjoni tal-konformità jindikaw progress kontinwu fl-Istati Membri, għalkemm b’livelli differenti ta’ prestazzjoni. Għall-UE kollha kemm hi, ir-rata medja tal-iskart muniċipali għall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ żdiedet matul l-2010-2020, għalkemm bil-mod (minn 37 % għal madwar 47 %), filwaqt li r-rimi f’landfills naqas b’mod sinifikanti, minn 31 % għal madwar 23 %. Madankollu, ġew identifikati wkoll lakuni, dewmien u sfidi serji u dawn għandhom jiġu indirizzati malajr.
Progress tajjeb huwa possibbli jekk l-Istati Membri kkonċernati jieħdu azzjoni biex jimplimentaw l-miżuri identifikati f’dan ir-rapport u fid-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal speċifiċi għall-pajjiż li jakkumpanjawhom. L-azzjoni trid tinkludi enfasi ċara fuq il-bijoskart u l-iskart mill-imballaġġ. It-titjib tal-prestazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart jinvolvi t-tisħiħ tal-ġbir separat, li huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-kwalità tal-iskart u biex dan ikun jista’ jiġi riċiklat. B’mod parallel, hemm ħtieġa urġenti li tiżdied il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u jiġu żviluppati iktar il-kapaċitajiet għat-trattament tal-iskart għas-separazzjoni u għar-riċiklaġġ sabiex isir avvanz għal-livelli ogħla tal-ġerarkija tal-iskart.
Miżuri importanti oħrajn meħtieġa jikkonċernaw it-titjib tal-kwalità tad-data, l-iżgurar tal-infurzar effettiv tar-regoli, u l-użu ta’ strumenti ekonomiċi mtejba, bħal skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi effiċjenti u taxxi għal rimi f’landfills u għall-inċinerazzjoni adatti għall-użu. Dawn huma kollha essenzjali biex jiġu sfruttati bis-sħiħ il-benefiċċji tal-ekonomija ċirkolari u biex ikun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart.
Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi ta’ implimentazzjoni tagħhom. Dan jinkludi assistenza teknika, inkluż permezz tar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali, ir-rakkomandazzjonijiet tal-pajjiżi tas-Semestru Ewropew, gwida dwar il-ġbir separat, l-iskambju tal-aħjar prattiki, ir-riformi u l-investimenti fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u appoġġ finanzjarju minn fondi oħra tal-UE, bħall-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni). Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet inizjattivi oħra li jikkontribwixxu għal ekonomija aktar ċirkolari u għall-ġenerazzjoni ta’ inqas skart, bħall-proposti għal Regolamenti ġodda dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ u dwar l-ekodisinn għal prodotti sostenibbli, u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali.
Fl-aħħar nett, filwaqt li jirrikonoxxu d-differenzi kbar fis-sitwazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-iskart, ir-regoli tal-UE dwar l-iskart jagħtu lil xi Stati Membri l-possibbiltà biex tiġi posposta l-konformità lil hinn mis-snin fil-mira, f’kundizzjonijiet speċifiċi. Din l-għażla għandha titqies b’attenzjoni, peress li d-dewmien fl-adozzjoni tar-riformi meħtieġa se jdewwem ukoll il-benefiċċji ambjentali u ekonomiċi tal-ekonomija ċirkolari, inklużi l-azzjonijiet biex titnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali u d-dipendenzi fuq l-importazzjonijiet.