European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2170

30.10.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2170

tad-29 ta’ Ottubru 2025

li tistabbilixxi l-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea għall-Beni Komuni Diġitali (DC-EDIC)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(3), il-punt (a) tagħha,

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Lulju 2025, Franza, l-Italja, il-Ġermanja u n-Netherlands ippreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi stabbilit il-Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali għall-Beni Komuni Diġitali (“DC-EDIC”, European Digital Infrastructure Consortium for Digital Commons). Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2025 li ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni, is-Slovenja kienet esprimiet l-intenzjoni tagħha li tingħaqad mad-DC-EDIC bħala osservatur.

(2)

Bħala l-Istat Membru ospitanti, Franza pprovdiet dikjarazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punt (d) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 li fiha ddikjarat li rrikonoxxiet lil DC-EDIC bħala korp internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 143(1), il-punt (g) u l-Artikolu 151(1), il-punt (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2) u bħala organizzazzjoni internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 11(1), il-punt (b) tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (3).

(3)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni fiha l-elementi kollha meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 14(1) ta’ dik id-Deċiżjoni. Filwaqt li tqis l-objettivi ġenerali tal-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali, b’mod partikolari l-kontribut tal-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea (“EDIC”, European Digital Infrastructure Consortium) propost għall-iżvilupp ta’ ekosistema komprensiva u sostenibbli ta’ infrastrutturi diġitali interoperabbli, u l-kunsiderazzjonijiet prattiċi relatati mal-implimentazzjoni tal-proġett multinazzjonali, b’mod partikolari l-kapaċità teknika, finanzjarja u amministrattiva, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-EDIC propost jissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi kollha stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 21 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481.

(4)

Il-kompitu tad-DC-EDIC huwa li jimplimenta Proġett Multinazzjonali dwar il-Beni Komuni Diġitali fl-oqsma tal-infrastruttura u s-servizzi komuni Ewropej tad-data u l-amministrazzjoni pubblika konnessa. Skont dan il-kompitu prinċipali, id-DC-EDIC jenħtieġ li jgħaqqad l-isforzi tal-Istati Membri billi jiġbor flimkien ir-riżorsi u jikkoordina l-attivitajiet tagħhom kif ukoll l-isforzi tal-komunità biex jappoġġa l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-iskalar tal-beni komuni diġitali u jiffaċilita l-użu u l-applikazzjoni tagħhom.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481, il-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 23(1) ta’ dik id-Deċiżjoni ġie kkonsultat biex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-istabbiliment tad-DC-EDIC u ta opinjoni favorevoli fid-9 ta’ Ottubru 2025.

(6)

Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-bidu tal-operat tad-DC-EDIC, li huwa meħtieġ b’mod urġenti għall-implimentazzjoni ordnata tiegħu, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea għall-Beni Komuni Diġitali (“DC-EDIC”, European Digital Infrastructure Consortium for Digital Commons) huwa b’dan stabbilit.

2.   Id-DC-EDIC għandu jkollu personalità ġuridika u għandu jgawdi, f’kull wieħed mill-Istati Membri, mill-aktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lill-entitajiet ġuridiċi skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Huwa jista’, b’mod partikolari, jakkwista, jippossedi jew jiddisponi minn proprjetà mobbli, immobbli u intellettwali, jikkonkludi kuntratti u jkun parti fi proċeduri legali.

3.   L-elementi essenzjali tal-istatuti tad-DC-EDIC, kif miftiehma bejn il-membri tiegħu, kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2481/oj.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/262/oj).


ANNESS

ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAD-DC-EDIC

1.   

F’konformità mal-Artikolu 17(1), il-punt (c), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:

Artikolu 2

L-isem, is-sede, il-post u l-lingwa operattiva

(…)

2.   L-isem tal-EDIC imsemmi fil-paragrafu (1) huwa “EDIC tal-Beni Komuni Diġitali”, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ DC-EDIC.

3.   Id-DC-EDIC għandu jkollu s-sede statutorja tiegħu f’Pariġi fi Franza.

2.   

F’konformità mal-Artikolu 17(1), il-punt (d), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:

Artikolu 31

Durata

Id-DC-EDIC għandu jeżisti għal perjodu ta’ żmien indefinit sakemm jiġi stralċjat f’konformità mal-Artikolu 32

Artikolu 32

Stralċ

1.   L-istralċ tad-DC-EDIC għandu jiġi deċiż mill-Assemblea tal-Membri f’konformità mal-Artikolu 13.

2.   Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-istralċ tad-DC-EDIC, id-DC-EDIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni. Id-DC-EDIC ma għandux jibqa’ jeżisti mill-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-avviż xieraq f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   L-assi li jibqgħu wara l-ħlas tad-djun tad-DC-EDIC għandhom jitqassmu fost il-membri b’mod proporzjonat mal-kontribut annwali akkumulat tagħhom għad-DC-EDIC, kif speċifikat fl-Artikolu 12, jew jiġu trasferiti lil entità ġuridika oħra, sakemm din l-entità tkompli l-attivitajiet tal-EDIC.

4.   Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem minn meta tingħalaq il-proċedura tal-istralċ, id-DC-EDIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan.

3.   

F’konformità mal-Artikolu 17(1), il-punt (e), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:

Artikolu 23

Responsabbiltà u assigurazzjoni

1.   Id-DC-EDIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

2.   L-obbligazzjoni finanzjarja tal-membri għad-djun tad-DC-EDIC hija limitata għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji rispettivi pprovduti lid-DC-EDIC, kif speċifikat fl-Anness III.

3.   L-Unjoni Ewropea mhijiex responsabbli għad-djun tad-DC-EDIC.

4.   Id-DC-EDIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji relatati mal-attivitajiet tiegħu.

4.   

F’konformità mal-Artikolu 17(1), il-punt (i), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:

Artikolu 22

Eżenzjonijiet mit-taxxa u mid-dazju tas-sisa

1.   L-eżenzjonijiet mill-VAT ibbażati fuq l-Artikoli 143(1)(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva 2006/112/KE, għandhom ikunu limitati għal xiri mid-DC-EDIC u mill-membri tad-DC-EDIC li huma għall-użu uffiċjali u esklussiv mid-DC-EDIC dment li tali xiri jsir biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tad-DC-EDIC f’konformità mal-attivitajiet tiegħu.

2.   L-eżenzjonijiet mill-VAT għandhom ikunu limitati għal xiri li jaqbeż il-valur ta’ EUR 300.

3.   L-eżenzjonijiet mid-Dazju tas-Sisa abbażi tal-Artikolu 11(1), il-punt (b), tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262, għandhom ikunu limitati għax-xiri mill-DC-EDIC għall-użu uffiċjali u esklussiv mill-DC-EDIC, dment li tali xiri jsir biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-DC-EDIC f’konformità mal-attivitajiet tiegħu u li x-xiri jaqbeż il-valur ta’ EUR 300.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2170/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)