European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1082

3.6.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1082

tat-2 ta’ Ġunju 2025

li jistabbilixxi deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 dwar l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ biċċiet mingħajr għeruq għat-tħawwil tal-Calibrachoa spp., tal-Petunia spp. u tal-ibridi tagħhom mill-Kenja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 30(1) u 42a(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 7 flimkien mal-punt 18 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (2) jipprojbixxi l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil mill-familja Solanaceae minn ċerti pajjiżi terzi.

(2)

Diversi Stati Membri esprimew l-interess tagħhom li jimportaw biċċiet mingħajr għeruq għat-tħawwil tal-Calibrachoa spp. u tal-Petunia spp. u tal-ibridi tagħhom (“il-pjanti speċifikati”) mill-Kenja, minn fejn il-kummerċ bħalissa huwa pprojbit. Dawk l-Istati Membri ppreżentaw dossier tekniku li jinkludi l-proċeduri għall-produzzjoni tal-pjanti speċifikati.

(3)

F’April 2024, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA, European Food Safety Authority) (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti mingħajr għeruq tal-Petunia spp. u tal-Calibrachoa spp. mill-Kenja (3).

(4)

L-Awtorità identifikat l-Aleurodicus dispersus Russell, il-Bemisia tabaci Genn. (popolazzjoni mhux Ewropea), il-virus tat-tbajja’ ħfief tal-fażola tal-għajn (Cowpea mild mottle virus), il-Liriomyza huidobrensis (Blanchard), il-Liriomyza sativae Blanchard, il-Liriomyza trifolii (Burgess), in-Nipaecoccus viridis (Newstead), il-virus tat-tbajja’ tal-vini tal-bżar (Pepper veinal mottle virus), il-Phenacoccus solenopsis Tinsley, il-virus tal-weraq mibruma tal-patata (Potato leafroll virus), il-virojde tad-deformazzjoni fużiformi tat-tuberi tal-patata (Potato spindle tuber viroid), ir-Ralstonia pseudosolanacearum Safni et al., ir-Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. Emend. Safni et al., l-iScirtothrips dorsalis Hood, it-Tetranychus neocaledonicus André, il-virus tat-tbajja’ ħfief tat-tadam (Tomato mild mottle virus), il-virus li jdebbel u jtebba’ t-tadam (Tomato spotted wilt virus), il-virus tal-weraq musfara mibruma tat-tadam (Tomato yellow leaf curl virus), il-virus taċ-ċrieki sofor tat-tadam (Tomato yellow ring virus) u l-Xanthomonas vesicatoria (ex Doidge) Vauterin et al. bħala pesti rilevanti għall-pjanti speċifikati.

(5)

L-Awtorità evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossier għall-pesti identifikati u stmat il-probabbiltà tal-ħelsien tal-pjanti speċifikati minn dawk il-pesti.

(6)

Abbażi ta’ dik l-opinjoni, il-miżuri meħtieġa biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ dawk il-pesti jenħtieġ li jiġu adottati bħala rekwiżiti fitosanitarji tal-importazzjoni, sabiex jiġi żgurat li r-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni jitnaqqas għal livell aċċettabbli.

(7)

Il-Bemisia tabaci Genn. (popolazzjoni mhux Ewropea), il-virus tat-tbajja’ ħfief tal-fażola tal-għajn (Cowpea mild mottle virus), il-Liriomyza sativae Blanchard, il-virus tal-weraq mibruma tal-patata (Potato leafroll virus), ir-Ralstonia pseudosolanacearum Safni et al., ir-Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. Emend. Safni et al., l-iScirtothrips dorsalis Hood u l-virus tat-tbajja’ ħfief tat-tadam (Tomato mild mottle virus) huma elenkati bħala pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. Il-Liriomyza huidobrensis (Blanchard) u l-Liriomyza trifolii (Burgess) huma elenkati bħala pesti ta’ kwarantina fiż-żoni protetti fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. Peress li l-pjanti speċifikati bħalissa huma pprojbiti milli jidħlu fit-territorju tal-Unjoni, dawn mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti speċjali tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

(8)

Il-virojde tad-deformazzjoni fużiformi tat-tuberi tal-patata (Potato spindle tuber viroid), il-virus li jdebbel u jtebba’ t-tadam (Tomato spotted wilt virus), il-virus tal-weraq musfara mibruma tat-tadam (Tomato yellow leaf curl virus), u l-Xanthomonas vesicatoria (ex Doidge) Vauterin et al. huma elenkati fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 bħala pesti rregolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni għal komoditajiet għajr pjanti tal-Petunia spp. u tal-Calibrachoa spp. Billi dawn il-pesti ma ġewx identifikati bħala pesti li jikkawżaw impatt ekonomiku fuq il-produzzjoni tal-Petunia spp. u tal-Calibrachoa spp. fit-territorju tal-Unjoni, jenħtieġ li ma jitqisux bħala pesti speċifikati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(9)

Il-Phenacoccus solenopsis Tinsley mhuwiex elenkat bħala pest ta’ kwarantina tal-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, u ma ġie osservat l-ebda impatt sinifikanti fuq il-pjanti ospitanti infettati minn dak il-pest fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, ma huwa meħtieġ l-ebda rekwiżit tal-importazzjoni fir-rigward ta’ dan il-pest.

(10)

L-Aleurodicus dispersus Russell, in-Nipaecoccus viridis (Newstead), il-virus tat-tbajja’ tal-vini tal-bżar (Pepper veinal mottle virus), it-Tetranychus neocaledonicus André u l-virus taċ-ċrieki sofor tat-tadam (Tomato yellow ring virus) mhumiex elenkati bħala pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni. Wara l-opinjoni tal-Awtorità, dawk il-pesti jitqiesu rilevanti għall-pjanti speċifikati. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li jissodisfaw il-kriterji tat-Taqsima 3, is-Subtaqsima 2, tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/2031 u għalhekk ikunu soġġetti għall-miżuri tal-Artikolu 30, il-paragrafu 1, ta’ dak ir-Regolament.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li l-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati ma tippreżentax riskju ta’ introduzzjoni tal-pesti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pjanti jitkabbru minn pjanti li joriġinaw mit-territorju tal-Unjoni biex tiġi evitata l-preżenza ta’ pesti fil-materjal tal-bidu.

(12)

Jenħtieġ li l-produzzjoni tal-pjanti speċifikati ssir f’siti tal-produzzjoni li huma approvati mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (NPPO, National Plant Protection Organisation) tal-Kenja għall-produzzjoni tal-pjanti speċifikati għall-esportazzjoni fl-Unjoni u li huma identifikati b’kodiċi uniku tat-traċċabbiltà li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw, f’każ ta’ sejba ta’ pest speċifikat fi pjanta speċifikata fit-territorju tal-Unjoni, is-sit tal-produzzjoni li minnu toriġina dik il-pjanta speċifikata.

(13)

Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li l-pjanti speċifikati jkunu ħielsa mill-pesti speċifikati, jenħtieġ li jitkabbru taħt protezzjoni fiżika u jiġu spezzjonati qabel l-esportazzjoni.

(14)

Peress li s-sintomi tal-preżenza tal-pesti speċifikati jistgħu ma jkunux viżibbli fuq il-biċċiet mingħajr għeruq importati fl-Unjoni, jenħtieġ li wara l-importazzjoni fit-territorju tal-Unjoni l-pjanti speċifikati jitħawlu u jiffurmaw l-għeruq fil-bini tal-operaturi professjonisti awtorizzati speċifikament biex joħorġu l-passaporti tal-pjanti għal dawn il-pjanti li joriġinaw mill-Kenja jew tal-operaturi professjonisti li għalihom l-awtoritajiet kompetenti joħorġu l-passaporti tal-pjanti, peress li huma soġġetti għal spezzjonijiet uffiċjali regolari. L-operaturi professjonisti li għandhom ikabbru l-pjanti speċifikati jew jinkoraġġuhom jiffurmaw l-għeruq jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jirċievu l-pjanti speċifikati sabiex dawn tal-aħħar jippjanaw l-ispezzjonijiet uffiċjali fil-ħin.

(15)

Sabiex jiġi evitat li l-pjanti speċifikati jiġu mċaqilqa għall-ewwel darba lejn il-bini ta’ operaturi professjonisti li mhumiex awtorizzati joħorġu l-passaporti tal-pjanti għall-pjanti speċifikati, jenħtieġ li l-importatur jippreżenta dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti li jikkonferma li l-pjanti jridu jiġu mċaqilqa lejn il-bini ta’ operaturi professjonisti li, skont l-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, huma speċifikament awtorizzati li joħorġu l-passaporti tal-pjanti għall-pjanti li jiffurmaw l-għeruq jew jitkabbru mill-pjanti speċifikati, jew lejn il-bini ta’ operaturi professjonisti li għalihom l-awtoritajiet kompetenti joħorġu l-passaporti tal-pjanti għall-pjanti speċifikati.

(16)

Peress li sa issa ma saret l-ebda introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni u għad ma hemm l-ebda esperjenza f’dan il-kummerċ, il-pjanti speċifikati jippreżentaw riskju fitosanitarju li għadu ma ġiex ivvalutat bis-sħiħ. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti pprovduti minn dan ir-Regolament ikunu ta’ natura temporanja skont l-Artikolu 42a(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(17)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“pesti speċifikati” tfisser l-Aleurodicus disperses Russell, il-Bemisia tabaci Genn. (popolazzjoni mhux Ewropea), il-virus tat-tbajja’ ħfief tal-fażola tal-għajn (Cowpea mild mottle virus), il-Liriomyza huidobrensis (Blanchard), il-Liriomyza sativae Blanchard, il-Liriomyza trifolii (Burgess), in-Nipaecoccus viridis (Newstead), il-virus tat-tbajja’ tal-vini tal-bżar (Pepper veinal mottle virus), il-virus tal-weraq mibruma tal-patata (Potato leafroll virus), ir-Ralstonia pseudosolanacearum Safni et al., ir-Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. Emend. Safni et al., l-iScirtothrips dorsalis Hood, it-Tetranychus neocaledonicus André, il-virus tat-tbajja’ ħfief tat-tadam (Tomato mild mottle leaf virus) u l-virus taċ-ċrieki sofor tat-tadam (Tomato yellow ring virus);

(2)

“pjanti speċifikati” tfisser biċċiet mingħajr għeruq maħsuba għat-tħawwil tal-Calibrachoa spp. u tal-Petunia spp. u tal-ibridi tagħhom, imkabbra fil-Kenja u derivati f’linja diretta minn pjanti omm importati mill-Unjoni.

Artikolu 2

Deroga mill-projbizzjoni tal-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni

B’deroga mill-punt 18 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, l-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni għandha tkun permessa soġġetta għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Rekwiżiti għall-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni u għall-moviment tagħhom fih

1.   Il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni biss jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

qabel il-bidu tal-kummerċ, l-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (NPPO, National Plant Protection Organisation) tal-Kenja kkomunikat bil-miktub lill-Kummissjoni l-lista tal-miżuri maħsuba biex jiżguraw l-issodisfar tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness I;

(b)

l-NPPO tal-Kenja tippreżenta lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, il-lista tas-siti tal-produzzjoni, bil-kodiċijiet tat-traċċabbiltà rispettivi tagħhom, li huma approvati biex jesportaw il-pjanti speċifikati lejn l-Unjoni fis-sena kalendarja ta’ wara, u tikkomunika minnufih kwalunkwe emenda ta’ dik il-lista;

(c)

l-NPPO tal-Kenja tippreżenta lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, rapport annwali dwar l-attivitajiet imwettqa matul is-sena kalendarja preċedenti, li jkun fih l-elementi kollha stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness I.

2.   Sabiex il-pjanti speċifikati jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni, l-operatur professjonist importatur għandu jippreżenta dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti li jikkonferma li l-operatur professjonist li jirċievi l-pjanti speċifikati jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3.

3.   Ladarba jiġu introdotti fl-Unjoni, il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu mċaqilqa biss lejn:

(a)

il-bini tal-operaturi professjonisti li, skont l-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, huma speċifikament awtorizzati li joħorġu l-passaporti tal-pjanti għall-pjanti li jiffurmaw l-għeruq jew jitkabbru mill-pjanti speċifikati; jew

(b)

il-bini tal-operaturi professjonisti li għalihom l-awtoritajiet kompetenti joħorġu l-passaporti tal-pjanti għall-pjanti speċifikati.

Qabel ma jirċievu l-pjanti speċifikati, l-operaturi professjonisti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti bid-data prevista tal-wasla ta’ dawk il-pjanti u għandhom iżommu l-kodiċi tat-traċċabbiltà msemmi fil-punt 1(c)(iii) tal-Anness I.

4.   Il-pjanti li jiffurmaw l-għeruq jew jitkabbru direttament mill-pjanti speċifikati għandhom jinżammu separati minn kwalunkwe pjanta oħra suxxettibbli għall-pesti speċifikati. Għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet uffiċjali mill-inqas darba qabel ma jiġu mċaqilqa għall-ewwel darba barra mill-bini tal-operatur professjonist ikkonċernat u qrib kemm jista’ jkun tal-ħin tal-moviment tagħhom. Dawk l-ispezzjonijiet għandhom jinkludu, f’każ ta’ suspett ta’ infezzjoni, kampjunar u ttestjar molekulari għall-virus tat-tbajja’ ħfief tal-fażola tal-għajn (Cowpea mild mottle virus), għall-virus tat-tbajja’ tal-vini tal-bżar (Pepper veinal mottle virus), għall-virus tal-weraq mibruma tal-patata (Potato leafroll virus), għall-virus tat-tbajja’ ħfief tat-tadam (Tomato mild mottle virus) u għall-virus taċ-ċrieki sofor tat-tadam (Tomato yellow ring virus).

F’każ ta’ sejbiet ta’ pesti speċifikati fuq pjanti li jiffurmaw l-għeruq jew jitkabbru mill-pjanti speċifikati, mill-inqas il-pjanti kollha li jiffurmaw l-għeruq jew jitkabbru mill-istess lott ta’ pjanti speċifikati għandhom jinqerdu minnufih u, jekk xieraq, il-bini rispettiv għandu jitnaddaf u jiġi diżinfettat.

5.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bi kwalunkwe sejba tal-preżenza ta’ pest speċifikat fuq il-pjanti speċifikati jew fuq pjanti li jiffurmaw l-għeruq jew jitkabbru mill-pjanti speċifikati. Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-NPPO tal-Kenja b’dan.

Meta l-NPPO tal-Kenja tiġi infurmata bil-preżenza ta’ pest speċifikat fuq pjanti speċifikati jew fuq pjanti li jiffurmaw l-għeruq jew jitkabbru mill-pjanti speċifikati, is-sit tal-produzzjoni minn fejn joriġinaw dawk il-pjanti ma għandux jibqa’ jiġi approvat għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni u l-NPPO tal-Kenja għandha tneħħi minnufih dak is-sit tal-produzzjoni mil-lista ta’ siti tal-produzzjoni approvati msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), sakemm jntwera li l-ħelsien mill-pesti ġie restawrat.

Artikolu 4

Emenda tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072

L-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sat-30 ta’ April 2028.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/2072/oj).

(3)  Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti (EFSA PLH Panel, EFSA Panel on Plant Health), 2024, Commodity risk assessment of Petunia spp. and Calibrachoa spp. unrooted cuttings from Kenya (EFSA Journal 2024;22:e8742, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.8742).


ANNESS I

Rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 3 għall-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni

1.   

Il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni biss jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

ġew prodotti f’siti tal-produzzjoni li:

(i)

huma inklużi mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (NPPO, National Plant Protection Organisation) tal-Kenja f’lista ta’ siti tal-produzzjoni approvati rikonoxxuti bħala ħielsa mill-pesti speċifikati u li għandhom permess jesportaw il-pjanti speċifikati lejn l-Unjoni;

(ii)

huma identifikati b’kodiċi uniku tat-traċċabbiltà li jidher fil-lista msemmija fil-punt (i);

(iii)

huma fiżikament iżolati kontra l-insetti, b’bibien doppji, fejn it-tieni bieb jinfetaħ biss wara li l-ewwel bieb ikun ingħalaq kompletament, u għandhom sistema fis-seħħ biex jiżguraw proċeduri tal-iġjene u tad-diżinfezzjoni għall-persunal, it-tagħmir u l-proċessi kollha tal-produzzjoni;

(iv)

għandhom sistema biex jipprovdu ilma tat-tisqija mingħajr pesti, li huwa soġġett għal mill-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali annwali, inkluż ittestjar molekulari, biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm Ralstonia pseudosolanacearum Safni et al. u Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. Emend. Safni et al.;

(v)

huma kompletament iddedikati għall-produzzjoni tal-pjanti speċifikati jew ta’ pjanti oħra li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-pjanti u huma soġġetti għal tindif u diżinfezzjoni sħiħa qabel l-introduzzjoni ta’ pjanti speċifikati ġodda;

(vi)

għandhom xkafef biex iżommu l-qsari mill-inqas 50 cm ’l fuq mill-art;

(vii)

għandhom sistema fis-seħħ biex iżommu rekord tal-proċessi kollha, inkluż il-lottijiet prodotti u l-proċeduri għall-kontroll tal-pesti speċifikati matul kull ċiklu tal-produzzjoni;

(viii)

f’każ ta’ sejbiet ta’ pest speċifikat, jitneħħew mil-lista ta’ siti tal-produzzjoni msemmija fil-punt (i) sakemm is-sitwazzjoni ħielsa mill-pesti tkun ġiet restawrata, imbagħad jiġu approvati mill-ġdid biss għall-produzzjoni u l-esportazzjoni ta’ dan il-materjal;

(b)

kienu:

(i)

imkabbra fil-Kenja u derivati f’linja diretta minn pjanti omm importati mill-Unjoni;

(ii)

prodotti bl-użu ta’ materjal għat-tkabbir u qsari li huma ġodda jew soġġetti għal trattamenti biex jiġi żgurat il-ħelsien minn organiżmi li jinġarru fil-ħamrija u minn kwalunkwe pest speċifikat qabel ma jintużaw fil-proċess tal-produzzjoni;

(iii)

immonitorjati bin-nases għall-preżenza ta’ insetti minn persunal imħarreġ;

(iv)

soġġetti għal eżamijiet viżwali biex jiġi żgurat in-nuqqas tal-pesti speċifikati jew is-sintomi tagħhom minn persunal imħarreġ kull ġimgħa;

(v)

soġġetti, fejn xieraq, għal trattamenti kontra l-pesti;

(vi)

soġġett għall-ittestjar molekulari għad-detezzjoni tal-virus tat-tbajja’ ħfief tal-fażola tal-għajn(Cowpea mild mottle virus), tal-virus tat-tbajja’ tal-vini tal-bżar (Pepper veinal mottle virus), tal-virus tal-weraq mibruma tal-patata (Potato leafroll virus), tal-virus tat-tbajja’ ħfief tat-tadam (Tomato mild mottle virus) u tal-virus taċ-ċrieki sofor tat-tadam (Tomato yellow ring virus) mill-inqas darba qabel l-ewwel lott ta’ biċċiet mingħajr għeruq jiġi esportat lejn l-Unjoni matul dak iċ-ċiklu tal-produzzjoni jew aktar ta’ spiss meta fis-sit tal-produzzjoni jinstabu l-Bemisia tabaci Genn. jew l-afidi jew it-thrips magħrufa li jittrażmettu l-viruses;

(c)

qabel l-esportazzjoni, kull lott ta’ pjanti speċifikati minn kull sit tal-produzzjoni kien:

(i)

soġġett għal spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-pesti speċifikati, permezz ta’ metodu ta’ kampjunar li jippermetti d-detezzjoni ta’ mill-inqas livell ta’ infestazzjoni ta’ 1 %, b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 % f’konformità mal-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji (ISPM, International Standard for Phytosanitary Measures) Nru 31, inkluż l-ittestjar molekulari għall-virus tat-tbajja’ ħfief tal-fażola tal-għajn (Cowpea mild mottle virus), għall-virus tat-tbajja’ tal-vini tal-bżar (Pepper veinal mottle virus), għall-virus tal-weraq mibruma tal-patata (Potato leafroll virus), għall-virus tat-tbajja’ ħfief tat-tadam (Tomato mild mottle virus) u għall-virus taċ-ċrieki sofor tat-tadam (Tomato yellow ring virus) f’każ ta’ suspett ta’ infezzjoni;

(ii)

ittrasportat mis-sit tal-produzzjoni għall-faċilitajiet tal-ħżin, tat-tkessiħ jew tal-imballaġġ fil-postijiet tal-produzzjoni, b’tali mod li tiġi evitata l-kontaminazzjoni mal-pesti speċifikati;

(iii)

ippakkjat f’kaxxi, fejn kull kaxxa tinkludi tikketta bil-kodiċi tat-traċċabbiltà tas-sit tal-produzzjoni;

(d)

ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju, maħruġ mill-NPPO tal-Kenja, li jiċċertifika l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u jinkludi, skont ir-rubrika “Dikjarazzjoni Addizzjonali”:

(i)

l-isem/ismijiet tas-sit(i) tal-produzzjoni approvat(i) minn fejn joriġinaw il-pjanti;

(ii)

il-kodiċi(jiet) tat-traċċabbiltà tas-sit(i) tal-produzzjoni minn fejn joriġinaw il-pjanti;

(iii)

id-dikjarazzjoni “Din il-kunsinna tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1082”.

2.   

Ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-sena kalendarja preċedenti għandu jinkludi għal kull sit tal-produzzjoni:

(a)

l-għadd ta’ pjanti speċifikati esportati lejn l-Unjoni;

(b)

il-ħarsa ġenerali tal-ispezzjonijiet uffiċjali mwettqa qabel l-esportazzjoni;

(c)

is-sejbiet tal-preżenza tal-pesti speċifikati;

(d)

l-għadd ta’ pjanti meqruda minħabba suspett ta’ infestazzjoni jew infestazzjoni bil-pesti speċifikati; u

(e)

l-azzjonijiet meħuda biex jiġi restawrat il-ħelsien mill-pesti tas-sit tal-produzzjoni u tiġi evitata r-rikorrenza tal-pesti speċifikati.


ANNESS II

Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072

Fil-punt 18 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, it-test tal-kolonna “Deskrizzjoni” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Pjanti għat-tħawwil tas-Solanaceae għajr iż-żrieragħ u l-pjanti koperti mill-entrati 15, 16 jew 17 (*1)


(*1)  ħlief il-pjanti li ġejjin:”

—

biċċiet mingħajr għeruq maħsuba għat-tħawwil tal-Calibrachoa u tal-Petunia u tal-ibridi tagħhom mill-Kenja, li jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1082 tat-2 ta’ Ġunju 2025 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 dwar l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ biċċiet mingħajr għeruq għat-tħawwil tal-Calibrachoa spp., tal-Petunia spp. u tal-ibridi tagħhom mill-Kenja (ĠU L, 2025/1082, 3.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1082/oj);

—

biċċiet mingħajr għeruq maħsuba għat-tħawwil tal-Calibrachoa u tal-Petunia u tal-ibridi tagħhom mill-Gwatemala, li jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1078 tat-2 ta’ Ġunju 2025 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 dwar l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ biċċiet mingħajr għeruq għat-tħawwil tal-Calibrachoa spp., tal-Petunia spp. u tal-ibridi tagħhom mill-Gwatemala (ĠU L, 2025.1078, 3.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1078/oj).”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1082/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)