SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

16 ta’ Jannar 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 3(3) – Vjaġġ mingħajr ħlas jew b’tariffa mnaqqsa mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku – Passiġġier li ħallas biss imposti u taxxi fuq it-trasport bl-ajru – Prenotazzjoni fil-kuntest ta’ kampanja promozzjonali – Artikolu 8(1)(ċ) – Dritt għal titjira b’rotta differenti f’data sussegwenti – Nuqqas ta’ rekwiżit ta’ rabta ratione temporis bejn it-titjira kkanċellata u t-titjira b’rotta differenti mixtieqa mill-passiġġier”

Fil-Kawża C‑516/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Awwissu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura

NW,

YS

vs

Qatar Airways

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tad-Disa’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, M. Gavalec (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal YS u NW, minn M. Böse, Rechtsanwalt,

–

għal Qatar Airways, minn B. Liebert u U. Steppler, Rechtsanwälte,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) u tal-Artikolu 8(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, NW u YS, passiġġieri tal-ajru u, min-naħa l-oħra, Qatar Airways, dwar talba għal kumpens minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, minn dan it-trasportatur tal-ajru, tal-obbligu tiegħu li jiżgura titjira b’rotta differenti ta’ dawn il-passiġġieri lejn id-destinazzjoni finali tagħhom.

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament Nru 261/2004

3

Il-premessi 1, 2, 4, 12 u 13 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

“(1)

Azzjoni mil-Komunitá [Ewropea] fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)

Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

[…]

(4)

Il-Komunitá għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti mi[r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 295/91 tal‑4 ta’ Frar 1991 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal imbark miċħud fit-trasport bl-ajru skedat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 306)] kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.

[…]

(12)

Il-problemi u l-inkonvenjenza għal passiġġieri kkawżati minn kanċellazzjoni ta’ titjiriet għandhom ukoll jiġu mnaqqsin. Dan għandu jiġi miksub permezz tat-tħeġġiġ tal-trasportaturi biex jinfurmaw lill-passiġġieri b’kanċellazzjonijiet qabel il-ħin skedat tat-tluq u minn barra dan biex joffrulhom arranġament għall-vjaġġ ragonevoli, sabiex il-passġiġġieri jistgħu jagħmlu arranġamenti oħrajn. Trasportaturi ta’ l-ajru għandhom jikkompensaw passiġġieri jekk jonqsu milli jagħmlu dan, ħlief għal meta l-kanċellazzjoni sseħħ f’ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu.

(13)

Passiġġieri li t-titjiriet tagħhom huma kkanċellati għandhom jitħallew jew jiksbu rimbors tal-biljetti tagħhom jew jiksbu arranġament ieħor taħt kondizzjonijiet sodisfaċjenti, u ħsieb xieraq tagħhom għandu jiġi meħud waqt li qed jistennew titjira ta’ aktar tard.”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Skop”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-passiġġieri li jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas li mhux qiegħed għad-dispożizzjoni direttament jew indirettment għall-pubbliku. Madankollu, għandu japplika għall-passiġġieri li għandhom biljetti maħruġa taħt programm ta’ min itir ta’ spiss jew programm kummerċjali ieħor minn trasportatur ta’ l-ajru jew operator tat-tour.”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) u fil-paragrafu 3 tiegħu:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

a)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

[…]

3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

6

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi kumpens standardizzat tal-passiġġieri li l-ammont tiegħu jvarja, b’mod partikolari, skont id-distanza tat-titjira.

7

L-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jipprovdi:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

a)

–

rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

–

titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

b)

rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

ċ)

rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.

[…]”

Ir‑Regolament (KE) Nru 1008/2008

8

L-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3), intitolat “Informazzjoni u non-diskriminazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“In-nollijiet ta’ l-ajru u r-rati ta’ l-ajru disponibbli għall-pubbliku in ġenerali għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet applikabbli meta offruti jew pubblikati taħt kull forma, anke fuq l-Internet, għal servizzi bl-ajru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għaliħ japplika t-Trattat. Il-prezz finali li għandu jitħallas għandu jkun indikat dejjem u għandu jinkludi n-noll jew ir-rata ta’ l-ajru applikabbli kif ukoll it-taxxi kollha applikabbli, u l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u l-drittijiet li ma jistgħux jiġu evitati u li jkunu prevedibbli fil-ħin tal-pubblikazzjoni. Minbarra l-indikazzjoni tal-prezz finali, għandu jkun speċifikat għall-inqas dan li ġej:

a)

in-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru;

b)

it-taxxi;

ċ)

il-ħlasijiet ta’ l-ajruport; u

d)

ħlasijiet, ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet oħrajn, bħal dawk marbutin mas-sigurtà jew il-karburant;

fejn il-punti elenkati taħt (b), (c) u (d) jkunu żdiedu man-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru. Is-supplimenti tal-prezz fakultattivi għandhom jiġu komunikati b’mod ċar, trasparenti u mingħajr ambigwità fil-bidu ta’ kull proċess ta’ prenotazzjoni u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-klijent għandha tkun fuq bażi ‘opt-in’.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

9

Fil‑5 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għamlu prenotazzjoni, ma’ Qatar Airways, ta’ titjiriet bir-ritorn bi tluq minn Frankfurt am Main (il-Ġermanja) b’destinazzjoni lejn Denpasar (l-Indoneżja), b’waqfa f’Doha (il-Qatar).

10

Din il-prenotazzjoni saret fil-kuntest ta’ kampanja promozzjonali ta’ dan it-trasportatur tal-ajru li jopera. Din il-kampanja, ta’ żmien limitat, kienet irriżervata esklużivament għall-professjonisti tas-saħħa u kienet tippermetti lil dawn tal-aħħar jagħmlu prenotazzjonijiet ta’ titjiriet mal-imsemmi trasportatur, billi jħallsu biss it-taxxi u l-imposti relatati ma’ dawn il-prenotazzjonijiet.

11

Fit‑13 ta’ Settembru 2020, Qatar Airways ikkanċellat it-titjiriet li kienu s-suġġett tal-prenotazzjoni.

12

Barra minn hekk, dan it-trasportatur ma operax iktar titjiriet lejn Denpasar sar-rebbiegħa tal‑2022.

13

Permezz ta’ ittra elettronika tat‑8 ta’ Awwissu 2022, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali intimaw lill-imsemmi trasportatur sabiex joffrilhom titjira b’rotta differenti lejn Denpasar fl‑20 ta’ Ottubru 2022 u sabiex jiżgura t-titjira ta’ ritorn tagħhom lejn Frankfurt am Main fis‑7 ta’ Novembru 2022, u intimawh jieħu l-miżuri neċessarji għal dan l-għan qabel it‑18 ta’ Awwissu 2022. Peress li din l-ittra ta’ intimazzjoni baqgħet mingħajr effett, dawn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali pproċedew bil-prenotazzjoni tat-titjiriet inkwistjoni, permezz ta’ vantaġġi miksuba taħt skema ta’ lealtà tal-konsumaturi u bil-ħlas tal-prezz totali ta’ EUR 394.62. Il-prezz ta’ dawn it-titjiriet fis-suq kien jammonta għal EUR 4 276.36 għal kull passiġġier fil-ġurnata tal-prenotazzjoni.

14

L-imsemmija rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lil-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors kontra Qatar Airways sabiex jiksbu kumpens minħabba n-nuqqas ta’ osservenza minn dan it-trasportatur tal-ajru li jopera, tal-obbligu tiegħu ta’ assistenza li jirriżulta mill-Artikolu 8(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004.

15

Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar l-applikabbiltà, f’dan il-każ, tar-Regolament Nru 261/2004.

16

F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi, minn naħa, jekk passiġġier għandux jitqies li qiegħed jivvjaġġa mingħajr ħlas, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004, meta jkollu jħallas biss it-taxxi fuq it-trasport bl-ajru u l-imposti tal-ajruporti.

17

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti tirrileva li mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) jirriżulta li tariffa mnaqqsa, mogħtija mit-trasportatur tal-ajru lill-persunal ta’ impriża li kkonkludiet ftehim qafas ma’ dan it-trasportatur, għandha titqies li hija “għad-dispożizzjoni […] għall-pubbliku”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(3). Issa, il-qorti tar-rinviju tqis li din il-ġurisprudenza tista’ tapplika għall-kampanja promozzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din il-kampanja la tikkostitwixxi skema ta’ lealtà tal-konsumatur u lanqas skema kummerċjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

18

Fil-każ li r-Regolament Nru 261/2004 ikun applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, dwar jekk id-dritt għal titjira b’rotta differenti, previst fl-Artikolu 8(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament, kienx jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ratione temporis bejn it-titjira kkanċellata u t-titjira b’rotta differenti, minkejja li din il-kundizzjoni ma kinitx tirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

19

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-ġurisprudenza tal-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja), fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 8(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, li huwa intiż li jipproteġi lill-passiġġieri matul il-vjaġġ ikkonċernat, din id-dispożizzjoni ma tagħtix lill-passiġġier dritt għal titjira b’rotta differenti mingħajr ħlas, skont il-konvenjenza tiegħu, li ma jkollha l-ebda rabta ratione temporis mal-pjan ta’ vjaġġ inizjali. Skont din it-tieni qorti, għandu jkun hemm rabta ratione temporis bejn it-titjira kkanċellata u t-titjira b’rotta differenti. Jidher, madankollu, li din il-ġurisprudenza ġiet invalidata mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja). F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżit ta’ tali rabta ratione temporis kienx jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, peress li l-formulazzjoni tagħha ma tinkludi ebda indikazzjoni f’dan is-sens.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

“Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier jivvjaġġa mingħajr ħlas fis-sens tal-ewwel alternattiva tal-[ewwel sentenza tal-]Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament meta huwa jkollu jħallas biss, bħala biljett tal-ajru, imposti u taxxi fuq it-trasport bl-ajru?

2)

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

Ir-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkunx każ ta’ prezz (indirettament) aċċessibbli għall-pubbliku fis-sens tat-tieni alternattiva tal-[ewwel sentenza tal-]Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament meta t-titjira tkun ġiet irriżervata fil-kuntest ta’ offerta promozzjonali ta’ trasportatur tal-ajru, limitata ratione temporis u f’termini ta’ kwantità, li kienet disponibbli biss għal grupp professjonali partikolari?

3)

Fil-każ li għat-tieni domanda tingħata wkoll risposta fin-negattiv u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 jitqies li huwa applikabbli:

a)

L-Artikolu 8(1)(c) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jkun hemm rabta ratione temporis bejn it-titjira inizjalment irriżervata u kkanċellata u r-rotta alternattiva mixtieqa f’data sussegwenti?

b)

Jekk dan ikun il-każ, kif għandha tiġi ddefinita din ir-rabta ratione temporis?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li passiġġier jivvjaġġa mingħajr ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, sabiex iwettaq il-prenotazzjoni tiegħu, huwa jkun ħallas esklużivament taxxi fuq it-trasport bl-ajru u imposti.

22

Konformement mal-ewwel alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004, dan tal-aħħar ma japplikax għall-passiġġieri li jivvjaġġaw mingħajr ħlas.

23

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-kliem “jivvjaġġaw mingħajr ħlas” la huma ddefiniti mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004 u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ dan il-kliem għandha għalhekk tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita, konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tat‑30 ta’ April 2024, Trade Express-L u DEVNIA TSIMENT, C‑395/22 u C‑428/22, EU:C:2024:374, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 261/2004, imsemmi fil-premessa 1 tiegħu u li jikkonsisti fil-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, LATAM Airlines Group, C‑238/22, EU:C:2023:815, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għal dak li jirrigwarda, qabelxejn, is-sens normali tal-kliem “jivvjaġġa mingħajr ħlas”, għandu jiġi kkunsidrat li dawn jirreferu, b’mod ġenerali, għal sitwazzjoni li fiha l-passiġġier jivvjaġġa mingħajr ħlas, mingħajr ma jkollu jħallas l-iċken korrispettiv għall-biljett tal-ajru tiegħu.

25

F’dan ir-rigward, interpretazzjoni ta’ dan il-kliem fis-sens li passiġġier jivvjaġġa mingħajr ħlas, minkejja li huwa jkollu, sabiex jiffinalizza l-prenotazzjoni tiegħu, iħallas somma, mhux bħala tariffa tal-passiġġieri, iżda bħala taxxi fuq it-trasport bl-ajru jew bħala imposti, tmur kontra s-sens normali ta’ dan il-kliem fil-lingwaġġ ta’ kuljum.

26

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004, għalkemm, ċertament, din id-dispożizzjoni tirreferi, b’mod ġenerali, għall-vjaġġ mingħajr ħlas, mingħajr ma tippreċiża d-diversi elementi li jikkostitwixxu l-prezz tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1008/2008 jipprevedi li l-prezz finali li għandu jitħallas jinkludi t-tariffa tal-passiġġieri applikabbli kif ukoll it-taxxi kollha, il-ħlasijiet tal-ajruport u imposti oħra, ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet, bħal dawk marbuta mas-sigurtà jew mal-karburant. Minn dan jirriżulta li t-taxxi u l-imposti ma humiex esklużi mill-prezz tal-biljett tal-ajru, iżda jagħmlu parti integrali minnu.

27

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-passiġġieri li jivvjaġġaw permezz ta’ biljetti li tagħhom huma ħallsu biss parti mill-prezz jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 261/2004 jekk jew it-tariffa mnaqqsa mħallsa kienet direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku, jew dawn il-biljetti nħarġu fil-kuntest ta’ skema ta’ lealtà tal-konsumatur jew ta’ programmi kummerċjali oħra (digriet tas‑26 ta’ Novembru 2020, SATA International.– Azores Airlines, C‑316/20, EU:C:2020:966, punt 16).

28

Fil-fatt, minn naħa, l-għan tar-Regolament Nru 261/2004 huwa, kif jirriżulta mill-premessi 1, 2 u 4 tiegħu, li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u tal-konsumaturi, billi jissaħħu d-drittijiet tagħhom f’ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet li jinvolvu diffikultajiet u inkonvenjenzi serji, kif ukoll billi dawn tal-aħħar jiġu kkumpensati b’mod standardizzat u immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Austrian Airlines, C‑826/19, EU:C:2021:318, punt 26).

29

Issa, l-interpretazzjoni fis-sens li l-passiġġier jivvjaġġa mingħajr ħlas, u għalhekk ma jibbenefikax mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004, minkejja li huwa jkun ħallas ċerti ammonti, bħala taxxi fuq it-trasport bl-ajru u bħala imposti, tikkomprometti l-għan imfittex minn dan ir-regolament, imfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru.

30

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandha tiġi interpretata fis-sens li passiġġier ma jivvjaġġax mingħajr ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, sabiex jipprenota, huwa kellu jħallas esklużivament taxxi fuq it-trasport bl-ajru u imposti.

Fuq it‑tieni domanda

31

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li passiġġier jivvjaġġa b’tariffa mnaqqsa mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta huwa jkun ipprenota l-biljett tiegħu fil-kuntest ta’ kampanja promozzjonali, limitata ratione temporis kif ukoll f’termini ta’ kwantità ta’ biljetti offruti, u indirizzata lil kategorija professjonali partikolari.

32

Konformement mat-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004, dan ir-regolament ma japplikax għall-passiġġieri li jivvjaġġaw b’tariffa mnaqqsa mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku.

33

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li f’dan il-każ, fil-kuntest tal-kampanja promozzjonali ta’ Qatar Airways, dan it-trasportatur tal-ajru kien jippermetti biss lill-professjonisti tas-saħħa jagħmlu prenotazzjonijiet ta’ titjiriet mingħandu, bil-ħlas biss tat-taxxi u tal-imposti relatati ma’ dawn il-prenotazzjonijiet. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt ta’ jekk tali tariffa mnaqqsa rriżervata għal grupp ta’ professjonisti tas-saħħa għandhiex titqies bħala tariffa aċċessibbli għall-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

34

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-portata tal-kliem “għad-dispożizzjoni […] għall-pubbliku”, għandu jiġi rrilevat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni Ewropea, li tariffa tkun għall-pubbliku minkejja li mhux kull klijent potenzjali jkun f’pożizzjoni li jibbenefika minnha.

35

Fil-fatt il-kunċett ta’ “pubbliku” jirreferi għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru ta’ persuni pjuttost sinjifikattiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, GEMA (C‑135/23, EU:C:2024:526, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex jiġi ddeterminat jekk grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn tariffa mnaqqsa jkunx jista’ jiġi distint mill-“pubbliku”, għandu jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk dan il-grupp ikunx iddefinit bi preċiżjoni suffiċjenti, jekk il-persuni kkonċernati jkunux jissodisfaw il-karatteristiċi partikolari preskritti mit-trasportatur tal-ajru sabiex jibbenefikaw minn din it-tariffa u jekk dan it-trasportatur ikunx jipprevedi awtorizzazzjoni individwali qabel il-ħruġ tal-biljett tat-trasport.

36

F’dan ir-rigward, il-grupp tal-professjonisti tas-saħħa, deskritti b’mod astratt, mingħajr preċiżjoni dwar il-karatteristiċi partikolari li jorbtuhom, u li fir-rigward tagħhom il-ħruġ ta’ biljetti tat-trasport ma huwiex suġġett għal awtorizzazzjoni individwali minn qabel, jista’ jikkostitwixxi pubbliku, fis-sens tat-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Minn dan isegwi li tariffa mnaqqsa rriżervata għal tali grupp għandha titqies li hija “għad-dispożizzjoni […] għall-pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

37

Tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004, li tipprovdi li biljett b’tariffa preferenzjali li huwa aċċessibbli biss għal ċerti persuni speċifiċi fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ sponsorizzazzjoni ta’ avveniment u li jista’ jinħareġ biss wara awtorizzazzjoni minn qabel u individwalizzata tat-trasportatur tal-ajru ma jistax jitqies li huwa aċċessibbli għall-pubbliku u lanqas li nħareġ fil-kuntest ta’ skema ta’ lealtà tal-konsumatur jew ta’ programmi kummerċjali oħra (digriet tas‑26 ta’ Novembru 2020, SATA International– Azores Airlines, C‑316/20, EU:C:2020:966, punt 17).

38

F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għamlu prenotazzjoni ta’ titjiriet ma’ trasportatur tal-ajru fil-kuntest ta’ kampanja promozzjonali, li t-tul tagħha kien strettament limitat u li kien irriżervat biss għall-professjonisti tas-saħħa. Ċertament, it-tariffi proposti fil-kuntest ta’ din il-kampanja promozzjonali ma kinux aċċessibbli għall-popolazzjoni kollha. Madankollu, tali tariffi ma kinux irriżervati għal persuni partikolari ddeterminati individwalment, iżda għal grupp professjonali partikolari, jiġifieri l-professjonisti tas-saħħa, fejn dan il-grupp kien ikkostitwit minn numru indeterminat ta’ persuni li ma għandhomx, ma’ dan it-trasportatur, rabta partikolari li tmur lil hinn minn relazzjoni ta’ klijentela.

39

Barra minn hekk, fir-rigward tal-limitazzjoni kwantitattiva tan-numru ta’ biljetti disponibbli fil-kuntest tal-kampanja promozzjonali, mill-atti tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-limitazzjoni ma tidhirx li tirriżulta mill-karatteristiċi stess tal-grupp professjonali kkonċernat, iżda tidher iġġustifikata minn limitazzjonijiet prattiċi imposti mit-trasportatur tal-ajru li ma kienx f’pożizzjoni li joffri tali tariffi lill-grupp ikkonċernat kollu minħabba d-daqs tiegħu.

40

Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li interpretazzjoni fis-sens li grupp ta’ persuni ddeterminat b’mod wiesa’ bħall-professjonisti tas-saħħa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux jitqies bħala “pubbliku”, fis-sens tat-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004, tista’ tmur kontra l-għan, stabbilit fil-premessa 1 ta’ dan ir-regolament, tal-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandha tiġi interpretata fis-sens li passiġġier ma jivvjaġġax b’tariffa mnaqqsa mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta huwa jkun ipprenota l-biljett tiegħu fil-kuntest ta’ kampanja promozzjonali, limitata ratione temporis kif ukoll f’termini ta’ kwantità ta’ biljetti offruti, u indirizzata lil kategorija professjonali partikolari.

Fuq it‑tielet domanda

42

Permezz tat-tielet domanda tagħha, magħmula fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ, għall-applikazzjoni tiegħu, l-eżistenza ta’ rabta ratione temporis bejn it-titjira kkanċellata u t-titjira b’rotta differenti mixtieqa minn passiġġier u, fl-affermattiv, il-mod kif din ir-rabta ratione temporis għandha tiġi ddefinita.

43

Skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, joffri assistenza lill-passiġġieri kkonċernati konformement mal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament.

44

Skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament, il-passiġġieri kkonċernati għandhom għażla bejn tliet alternattivi, jiġifieri, l-ewwel, ir-rimbors tal-biljett taħt ċerti kundizzjonijiet, kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-organizzazzjoni ta’ titjira lura lejn il-punt ta’ tluq inizjali fl-iqsar żmien possibbli, it-tieni, titjira b’rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tagħhom, f’kundizzjonijiet ta’ trasport simili u fl-iqsar żmien possibbli, jew, it-tielet, titjira b’rotta differenti lejn din id-destinazzjoni finali tagħhom, f’kundizzjonijiet ta’ trasport simili f’data sussegwenti, skont il-konvenjenza tagħhom, bla ħsara għad-disponibbiltà ta’ postijiet.

45

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-artikolu jipprevedi espressament l-obbligu għat-trasportatur tal-ajru li jopera li joffri lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom tkun ġiet ikkanċellata l-alternattivi differenti msemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, li jippreżupponi li dan jipprovdi lil dawn il-passiġġieri l-informazzjoni kollha dwar id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom fil-każ ta’ kanċellazzjoni. Bl-istess mod, huwa dan tal-aħħar li għandu jinforma b’mod utli lill-passiġġieri tal-ajru meta titjira b’rotta differenti ma tkunx possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Austrian Airlines (Titjira ta’ ripatrijazzjoni), C‑49/22, EU:C:2023:454, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Minn dan isegwi li huwa t-trasportatur tal-ajru, fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira, li għandu jipprovdi lill-passiġġieri kkonċernati l-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażla effikaċi, jiġifieri, jew jitolbu rimbors tal-biljett tagħhom, jew ikomplu bit-trasport lejn id-destinazzjoni finali tagħhom, f’kundizzjonijiet ta’ trasport simili, fl-iqsar żmien possibbli jew f’data sussegwenti. Għalhekk, il-benefiċċju ta’ dritt għal informazzjoni ma jista’ jimplika l-ebda obbligu min-naħa tal-passiġġier tal-ajru li jikkontribwixxi b’mod attiv għat-tfittxija tal-informazzjoni li għandha tinkludi l-proposta tat-trasportatur tal-ajru li jopera (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu, C‑354/18, EU:C:2019:637, punti 54 sa 56).

47

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-titjiriet inizjalment ipprenotati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew ikkanċellati minn Qatar Airways fix-xahar ta’ Settembru 2020. Dan it-trasportatur tal-ajru sempliċement, f’dan ir-rigward, informa lil dawn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bl-impossibbiltà li jwettaq titjiriet lejn Denpasar, li kienet id-destinazzjoni finali tagħhom, minħabba ċirkustanzi marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 filwaqt li ddeċieda li jestendi b’sentejn il-validità tal-biljetti inkwistjoni, jiġifieri sal‑4 ta’ Awwissu 2022. Fit‑8 ta’ Awwissu 2022, l-imsemmija rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-imsemmi trasportatur, skont l-Artikolu 8(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, titjira b’rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tagħhom f’data sussegwenti, skont il-konvenjenza tagħhom.

48

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu ta’ assistenza skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa impost fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera jkun xi jkun l-avveniment li ta lok għall-kanċellazzjoni tat-titjira. Fil-fatt, anki meta jseħħu ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament jeżenta lit-trasportatur tal-ajru li jopera biss mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Austrian Airlines (Titjira ta’ ripatrijazzjoni), C‑49/22, EU:C:2023:454, punt 45).

49

Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 261/2004 ma fih ebda indikazzjoni li tippermetti l-konklużjoni li dan jirrikonoxxi, lil hinn miċ-“ċirkustanzi straordinarji” msemmija fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, kategorija distinta ta’ avvenimenti “partikolarment straordinarji” bħall-pandemija tal-COVID-19, li jkollhom il-konsegwenza li jeżentaw lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligi kollha tiegħu, inklużi dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Austrian Airlines (Titjira ta’ ripatrijazzjoni), C‑49/22, EU:C:2023:454, punt 46).

50

Passiġġier li t-titjira tiegħu tkun ġiet ikkanċellata huwa għalhekk iġġustifikat li jikseb kumpens ekwivalenti, mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, minn dan tal-aħħar, tal-obbligu ta’ assistenza tiegħu li jirriżulta mill-Artikolu 8(1) tal-istess regolament, inkluż tad-dmir tiegħu ta’ informazzjoni kif iddefinit fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Austrian Airlines (Titjira ta’ ripatrijazzjoni), C‑49/22, EU:C:2023:454, punt 48).

51

Madankollu, dan il-kumpens ikun limitat għal dak li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, jirriżulta li huwa neċessarju, xieraq u raġonevoli sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas tal-imsemmi trasportatur tal-ajru li jopera (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Austrian Airlines (Titjira ta’ ripatrijazzjoni), C‑49/22, EU:C:2023:454, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-punt dwar jekk l-Artikolu 8(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 ikunx jirrikjedi, għall-applikazzjoni tiegħu, l-eżistenza ta’ rabta ratione temporis bejn it-titjira kkanċellata u t-titjira b’rotta differenti mixtieqa, dan għandu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, jiġi ddeterminat b’teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha.

53

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kliem tal-Artikolu 8(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jinkludux rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ rabta ratione temporis bejn it-titjira kkanċellata u t-titjira b’rotta differenti. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta biss li l-passiġġieri tal-ajru jistgħu jitolbu titjira b’rotta differenti “f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni”. Issa, mill-kliem “f’data aktar tard” ma jirriżultax li dawn jillimitaw ratione temporis id-dritt għal titjira b’rotta differenti.

54

Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li huma determinanti l-konvenjenza u x-xewqa tal-passiġġier tal-ajru għal titjira b’rotta differenti f’data sussegwenti speċifika, filwaqt li l-uniku limitu f’dan ir-rigward huwa d-disponibbiltà ta’ siġġijiet. Minn dan isegwi li trasportatur tal-ajru li jopera jista’ jirrifjuta titjira b’rotta differenti, aċċettabbli għall-passiġġier tal-ajru kkonċernat, biss fil-każ li ma jkunx hemm postijiet disponibbli.

55

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 8(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espressament element ratione temporis fl-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament, li jikkonsisti fil-fatt li l-passiġġier tal-ajru jista’ jitlob titjira b’rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tiegħu, f’kundizzjonijiet ta’ trasport simili u fl-iqsar żmien possibbli. Issa, li kieku dan il-leġiżlatur xtaq jillimita ratione temporis id-dritt għal titjira b’rotta differenti previst fl-Artikolu 8(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, huwa kien jippreċiżah, kif għamel fl-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament. F’dan il-kuntest, jista’ jiġi enfasizzat ukoll li l-premessi 12 u 13 tar-Regolament Nru 261/2004 bl-ebda mod ma jsemmu, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, rabta ratione temporis bejn it-titjira kkanċellata u t-titjira b’rotta differenti.

56

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-passiġġier tal-ajru, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, jista’ jagħżel bejn rimbors jew titjira b’rotta differenti sussegwenti. Fid-dawl ta’ dawn l-alternattivi, li l-għażla tagħhom hija rriżervata għall-passiġġier tal-ajru, interpretazzjoni fis-sens li l-element ratione temporis previst fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 huwa determinanti għall-finijiet tad-dritt għal titjira b’rotta differenti sussegwenti previst fl-Artikolu 8(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament iċċaħħad lil din l-aħħar dispożizzjoni mill-effett utli tagħha.

57

Fit-tielet lok, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 hija sostnuta mill-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, kif stabbiliti fil-premessi 1 u 4 tiegħu, li jikkonsistu b’mod partikolari fil-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u fit-tisħiħ tad-drittijiet ta’ dawn tal-aħħar, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi b’mod ġenerali.

58

Fil-fatt, interpretazzjoni li tillimita eċċessivament l-alternattivi proposti lill-passiġġier tal-ajru skont l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament tmur kontra l-għan prinċipali mfittex mill-imsemmi regolament li jikkonsisti fil-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri.

59

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni ma hijiex invalidata mill-fatt, invokat minn Qatar Airways, li din l-interpretazzjoni tkun tinvolvi spejjeż mhux raġonevoli għat-trasportaturi tal-ajru li joperaw ikkonċernati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-importanza li għandu l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex mir-Regolament Nru 261/2004, inklużi, il-passiġġieri tal-ajru, tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Madankollu, u fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, Qatar Airways illimitat il-validità tal-biljetti maħruġa għal perijodu ta’ sentejn wara l-prenotazzjoni inizjali, minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom biljetti validi sal‑4 ta’ Awwissu 2022 u għamlu t-talba tagħhom għal titjira b’rotta differenti wara din id-data, jiġifieri fit‑8 ta’ Awwissu 2022.

61

Għal dan l-għan, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 261/2004 ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet imressqa quddiem il-qrati nazzjonali u li għandhom l-għan li jiksbu titjira b’rotta differenti previst fl-Artikolu 8(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Cuadrench Moré, C‑139/11, EU:C:2012:741, punt 24).

62

Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-metodi proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji intiżi sabiex jiġu protetti d-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, sa fejn dawn il-metodi josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Cuadrench Moré, C‑139/11, EU:C:2012:741, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-passiġġieri tal-ajru jitolbu titjira b’rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali wara d-data tat-tmiem tal-validità tal-biljetti tal-ajru tagħhom, jiġifieri iktar minn sentejn wara l-prenotazzjoni inizjali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet intiżi sabiex jiġi invokat id-dritt tagħhom għat-titjira b’rotta differenti previst fl-Artikolu 8(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, b’osservanza ta’ dawn il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hijiex meħtieġa, għall-applikazzjoni tiegħu, l-eżistenza ta’ rabta ratione temporis bejn it-titjira kkanċellata u t-titjira b’rotta differenti mixtieqa minn passiġġier, peress li tali titjira b’rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tista’ tintalab taħt kundizzjonijiet ta’ trasport simili f’data sussegwenti, bla ħsara għad-disponibbiltà ta’ postijiet.

Fuq l‑ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

passiġġier ma jivvjaġġax mingħajr ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, sabiex jipprenota, huwa kellu jħallas esklużivament taxxi fuq it-trasport bl-ajru u imposti.

 

2)

It-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

passiġġier ma jivvjaġġax b’tariffa mnaqqsa mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta huwa jkun ipprenota l-biljett tiegħu fil-kuntest ta’ kampanja promozzjonali, limitata ratione temporis kif ukoll f’termini ta’ kwantità ta’ biljetti offruti, u indirizzata lil kategorija professjonali partikolari.

 

3)

L-Artikolu 8(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma hijiex meħtieġa, għall-applikazzjoni tiegħu, l-eżistenza ta’ rabta ratione temporis bejn it-titjira kkanċellata u t-titjira b’rotta differenti mixtieqa minn passiġġier, peress li tali titjira b’rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tista’ tintalab taħt kundizzjonijiet tal-ajru simili f’data sussegwenti, bla ħsara għad-disponibbiltà ta’ postijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.