European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1541

25.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1541

tat-18 ta’ Lulju 2025

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Ekwador, min-naħa l-oħra, dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet tal-Ekwador kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 88, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jipprevedi li huwa possibbli li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (l-Europol) tittrasferixxi data personali lil awtorità ta’ pajjiż terz abbażi ta’, fost l-oħrajn, ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprovdi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi.

(2)

Fil-15 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Ekwador għal ftehim dwar l-iskambju ta’ data personali bejn il-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ekwador fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu.

(3)

In-negozjati għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Ekwador, min-naħa l-oħra, dwar il-kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet tal-Ekwador kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (“il-Ftehim”) ġew konklużi b’suċċess u t-test tal-Ftehim ġie inizjalat fit-3 ta’ Marzu 2025.

(4)

Il-Ftehim jistabbilixxi relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ekwador, u jippermetti t-trasferiment ta’ data personali u mhux personali bejniethom, bl-għan li jiġu miġġielda l-kriminalità serja u t-terroriżmu u li tiġi protetta s-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha.

(5)

Il-Ftehim jiżgura r-rispett sħiħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), inkluż id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta, u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust, rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Ftehim jinkludi salvagwardji adegwati għall-protezzjoni ta’ data personali trasferita mill-Europol skont il-Ftehim.

(6)

Il-Ftehim ma jaffettwax, u huwa mingħajr preġudizzju għat-trasferiment ta’ data personali jew forom oħra ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.

(7)

L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 2016/794 u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(8)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(9)

Il-kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u ta opinjoni fis-17 ta’ Lulju 2025.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Ekwador, min-naħa l-oħra, dwar il-kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet tal-Ekwador kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (3).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/794/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(3)  It-test tal-Ftehim se jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1541/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)