Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
15 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Għoti ta’ kuntratti – Punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4), kif ukoll paragrafi 6 u 7 – Raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt – Preżentazzjoni minn operatur ekonomiku ta’ informazzjoni falza dwar l-osservanza ta’ kundizzjonijiet ta’ kapaċità – Inklużjoni f’lista ta’ fornituri li ppreżentaw informazzjoni falza waqt proċedura ta’ kuntratt pubbliku – Artikolu 18(1) – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1 – Dritt għal rimedju effettiv”
Fil-Kawża C‑402/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos administracinių ginčų komisija (il-Kummissjoni Litwana għat-Tilwim Amministrattiv, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ġunju 2025, fil-proċedura
Plungės rajono savivaldybės administracija
vs
Viešųjų pirkimų tarnyba,
fil-preżenza ta’:
“VA Statyba” UAB,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn Z. Csehi, President tal-Awla, M. Gavalec (Relatur) u F. Schalin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis, U. Jakaitytė u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan, J. Jokubauskaitė u G. Wils, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) u tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68, fil-ĠU L, 2023/90063 u fil-ĠU L, 2025/90115), kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1952 tal‑10 ta’ Novembru 2021 (ĠU 2021, L 398, p. 23) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”), tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU 1989, L 395, p. 33), kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”). kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Plungės rajono savivaldybės administracija (l-Amministrazzjoni Muniċipali tad-Distrett ta’ Plungė, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”) u l-Viešųjų pirkimų tarnyba (l-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi, il-Litwanja) dwar l-inklużjoni tal-kumpannija “VA Statyba” UAB fil-lista tal-fornituri li ppreżentaw informazzjoni falza, prevista mid-dritt Litwan.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 89/665
3 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, li:
“1. Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva [2014/24], sakemm tali kuntratti ma jkunx esklużi skont l-Artikoli 7, 8, 9, 10, 11, 12, 15, 16, 17 u 37 ta’ dik id-Direttiva.
[…]
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2014/24], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.
[…]
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, tal-inqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”
Id-Direttiva 2014/24
4 Il-premessi 14, 101 u 102 tad-Direttiva 2014/24 jiddikjaraw li:
“(14) Għandu jiġi ċċarat li l-kunċett ta’ ‘operaturi ekonomiċi’ għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’ sabiex jinkludi kwalunkwe persuna u/jew entità li toffri t-twettiq ta’ xogħlijiet u/jew biċċa xogħol, il-provvista ta’ prodotti jew il-forniment ta’ servizzi fis-suq, irrispettivament mill-forma legali li taħtha jkunu għażlu li joperaw. Għalhekk, impriżi, fergħat, sussidjarji, sħubijiet, soċjetajiet kooperattivi, kumpanniji b’responsabbiltà limitata, universitajiet, pubbliċi jew privati, u forom oħra ta’ entitajiet minbarra persuni fiżiċi għandhom kollha jaqgħu taħt il-kunċett ta’ operatur ekonomiku, kemm jekk huma sew jekk mhumiex ‘persuni ġuridiċi’ fi kwalunkwe u f’kull ċirkostanza.
[…]
(101) Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti għandha tingħatalhom il-possibbiltà li jeskludu operaturi ekonomiċi li wrew li mhumiex affidabbli, pereżempju minħabba ksur ta’ obbligi ambjentali jew soċjali, inklużi regoli dwar l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità jew forom oħra ta’ kondotta professjonali serjament skorretta, bħal ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni jew ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Għandu jiġi ċċarat li kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità tista’ twassal għad-dubju fl-integrità ta’ operatur ekonomiku u għalhekk twassal biex l-operatur ekonomiku ma jkunx adattat biex jingħata kuntratt pubbliku irrispettivament minn jekk l-operatur ekonomiku jkollux il-kapaċità ekonomika u teknika biex jitwettaq il-kuntratt.
[…] [L]-awtoritajiet kontraenti għandhom jibqgħu liberi wkoll li jqisu li kien hemm kondotta professjonali serjament skorretta, fejn, qabel issir deċiżjoni finali u vinkolanti dwar il-preżenza ta’ raġunijiet obbligatorji għall-esklużjoni, huma jkunu jistgħu juru bi kwalunkwe mezz xieraq li l-operatur ekonomiku kiser l-obbligi tiegħu, inklużi l-obbligi relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor mil-liġi nazzjonali. Huma għandhom ukoll ikunu jistgħu jeskludu kandidati jew offerenti li t-twettiq tagħhom ta’ kuntratti pubbliċi preċedenti wera nuqqasijiet kbar fir-rigward ta’ rekwiżiti sostantivi, pereżempju n-nuqqas ta’ twettiq jew prestazzjoni ta’ suċċess, nuqqasijiet sinifikanti tal-prodott jew servizz mogħti, li b’hekk ma setax jintuża għall-iskop maħsub, jew imġiba skorretta li tqajjem dubji serji dwar l-affidabbiltà tal-operatur ekonomiku. Il-liġi nazzjonali għandha tipprevedi għal durata massima ta’ esklużjonijiet bħal dawn.
Bl-applikazzjoni ta’ raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Irregolaritajiet minuri għandhom iwasslu għall-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Madankollu każijiet ripetuti ta’ irregolaritajiet minuri jistgħu jwasslu għal dubju dwar l-affidibbiltà ta’ operatur ekonomiku li jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjonijiet tiegħu.
(102) Madankollu, trid tingħata xi ftit konċessjoni għall-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jadottaw miżuri ta’ konformità li għandhom l-għan li jirrimedjaw għall-konsegwenzi ta’ kwalunkwe reat kriminali jew kondotta skorretta u li jimpedixxu b’mod effettiv milli jkun hemm iżjed okkorrenzi tal-imġiba ħażina. Dawk il-miżuri jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari minn miżuri tal-persunal u organizzattivi bħall-qtugħ tar-rabtiet kollha ma’ persuni jew organizzazzjonijiet involuti fl-imġiba ħażina, miżuri xierqa ta’ riorganizzazzjoni tal-persunal, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ rapportar u kontroll, il-ħolqien ta’ struttura ta’ verifika interna għall-monitoraġġ tal-konformità u l-adozzjoni ta’ regoli interni dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens. Fejn tali miżuri joffru garanziji suffiċjenti, l-attur ekonomiku inkwistjoni ma għandux jibqa’ jiġi eskluż minħabba dawk ir-raġunijiet waħedhom. […]”
5 L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
10. ‘operatur ekonomiku’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ persuni u/jew entitajiet bħal dawn, inkluża kwalunkwe assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, li joffru l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xogħol, il-forniment ta’ prodotti jew il-forniment ta’ servizzi fis-suq;
[…]”
6 Skont il-punt (a) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24, din tapplika għall-kuntratti li l-valur stmat tagħhom mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ikun daqs jew ogħla minn EUR 5 382 000 għall-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet.
7 L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji tal-akkwist”, jipprovdi li:
“1. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.
It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw li fit-twettiq tal-kuntratti pubbliċi l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali tal-ambjent, soċjali u tax-xogħol elenkati fl-Anness X.”
8 L-Artikolu 57 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Raġunijiet għall-esklużjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 4 sa 7 tiegħu, li:
“4. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a) fejn l-awtorità kontraenti tista’ turi permezz ta’ kwalunkwe mezz adegwat ksur tal-obbligi applikabbli msemmija fl-Artikolu 18(2);
[…]
(h) fejn l-operatur ekonomiku kien ħati ta’ rappreżentazzjoni qarrieqa serja fl-għoti tal-informazzjoni rikjesta għall-verifika tan-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni jew l-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla, ikun żamm mistura tali informazzjoni jew ma jistax jissottometti id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa skont l-Artikolu 59; jew
[…]
5. Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jeskludu operatur ekonomiku fejn jinsab li l-operatur huwa, fid-dawl ta’ atti li saru jew li ma sarux, qabel jew inkella matul il-proċedura, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.
Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jiġu obbligati mill-Istati Membri li jeskludu, operatur ekonomiku fejn jinsab li l-operatur huwa, fid-dawl ta’ atti li saru jew li ma sarux, qabel jew inkella matul il-proċedura, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4.
6. Kwalunkwe operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 jista’ jipprovdi evidenza, bil għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk tali evidenza titqies bħala suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux ikun eskluż mill-proċedura tal-akkwist.
Għal dan il-għan, l-operatur ekonomiku għandu jagħti prova li hu ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew mill-kondotta ħażina tiegħu, li ċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u li ħa miżuri konkreti tekniċi, organizzattivi u tal-persunal li huma adegwati sabiex jipprevjenu reati jew kondotta ħażina ulterjuri.
Il-miżuri meħuda mill-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati b’kont meħud tal-gravità u ċ-ċirkostanzi partikolari tar-reat jew tal-kondotta ħażina. Fejn il-miżuri jitqiesu bħala mhux suffiċjenti, l-operatur ekonomiku għandu jirċievi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.
Operatur ekonomiku li jkun ġie eskluż b’sentenza finali milli jipparteċipa fi proċeduri tal-għoti ta’ akkwist jew ta’ konċessjoni ma għandux ikun intitolat li jagħmel użu mill-possibbiltà provduta taħt dan il-paragrafu matul il-perijodu ta’ esklużjoni li jirriżulta minn dik is-sentenza fl-Istati Membri fejn is-sentenza tkun daħlet fis-seħħ.
7. Permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet implimentattivi ta’ dan l-Artikolu. B’mod partikolari, huma għandhom jiddeterminaw il-perijodu massimu tal-esklużjoni jekk ma ttieħdet l-ebda miżura, kif speċifikat fil-paragrafu 6, mill-operatur ekonomiku biex juri l-affidabbiltà tiegħu. Fejn il-perijodu ta’ esklużjoni ma jkunx ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali, dak il-perijodu ma għandux ikun itwal minn ħames snin mid-data tal-kundanna bis-sentenza finali fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u tliet snin mid-data tal-avveniment rilevanti fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 4.”
9 Intitolat “Kriterji ta’ għażla”, l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:
“Kriterji ta’ għażla jistgħu jirreferu għal:
(a) l-adattabilità għat-twettiq tal-attività professjonali;
(b) il-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja;
(c) il-kapaċità teknika u professjonali.
Bħala rekwiżiti għall-parteċipazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu biss il-kriterji msemmijin fil-paragrafi 2, 3 u 4 dwar l-operaturi ekonomiċi. Huma għandhom jillimitaw kwalunkwe rekwiżit għal dawk li huma addati biex jiġi żgurat li kandidat jew offerent għandu l-kapaċitajiet legali u finanzjarji u l-kapaċitajiet tekniċi u professjonali li jwettaq il-kuntratt li għandu jingħata. Ir-rekwiżiti kollha għandhom ikunu relatati u proporzjonati mas-suġġett tal-kuntratt.”
Id-dritt Litwan
Il-Liġi dwar l-Amministrazzjoni Pubblika
10 Skont il-punti 4 u 10 tal-Artikolu 3 tal-Lietuvos Respublikos viešojo administravimo įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Amministrazzjoni Pubblika), il-korpi tal-amministrazzjoni pubblika għandhom jeżerċitaw l-attività tagħhom b’osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità.
Il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi
11 Il-Lietuvos Respublikos viešųjų pirkimų įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Kuntratti Pubbliċi), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), tipprovdi, fil-punt 36 tal-Artikolu 2 tagħha, li:
“‘Fornitur’ – operatur ekonomiku – tfisser persuna fiżika jew persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku, organizzazzjoni oħra u l-membri tagħha jew grupp ifformat minn tali persuni, inkluża assoċjazzjoni temporanja ta’ operaturi ekonomiċi, li toffri fis-suq li twettaq xogħlijiet, tipprovdi oġġetti jew tipprovdi servizzi.”
12 L-Artikolu 46 ta’ din il-liġi, intitolat “Raġunijiet għall-esklużjoni ta’ fornitur”, jipprovdi, fil-paragrafi 4 u 10 sa 12 tiegħu, li:
“4. L-awtorità kontraenti għandha teskludi lill-fornitur mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt meta:
[…]
4) dan il-fornitur, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, ikun ħeba informazzjoni jew ippreżenta informazzjoni falza dwar l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-artikolu u fl-Artikolu 47 ta’ din il-liġi u l-awtorità kontraenti tkun tista’ tipprova dan il-fatt permezz ta’ kwalunkwe rimedju legali, jew il-fornitur, minħabba li jkun ippreżenta informazzjoni falza, ma jkunx f’pożizzjoni li jipproduċi d-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa skont l-Artikolu 50 ta’ din il-liġi. Il-fornitur għandu jiġi eskluż ukoll mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt għal din ir-raġuni meta, matul proċedura preċedenti għall-għoti ta’ kuntratt […], ikun ħeba informazzjoni jew ippreżenta informazzjoni falza msemmija f’dan il-punt jew, minħabba li jkun ippreżenta informazzjoni falza, ma kienx f’pożizzjoni li jipproduċi d-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa skont l-Artikolu 50 ta’ din il-liġi u jkun ġie eskluż għal din ir-raġuni, matul is-sena preċedenti, minn proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti […]
[…]
10. Meta fornitur jaqa’ taħt waħda mir-raġunijiet għal esklużjoni stabbiliti fil-paragrafi 1, 4 u 6 ta’ dan l-artikolu, l-awtorità kontraenti ma għandhiex teskludih mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt meta jkunu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
1) il-fornitur ikun ippreżenta lill-awtorità kontraenti informazzjoni li turi li huwa jkun adotta l-miżuri li ġejjin:
a) jekk ikun il-każ, huwa jkun ħallas minn jeddu jew intrabat li jħallas kumpens għad-dannu kollu kkawżat mir-reat jew mill-ksur imsemmi fil-paragrafi 1, 4 jew 6 ta’ dan l-artikolu;
b) jekk ikun il-każ, huwa jkun ikkoopera, ipprovda għajnuna attiva jew ħa miżuri oħra li jikkontribwixxu sabiex jiġi ċċarat jew spjegat ir-reat jew il-ksur imwettaq minnu;
c) huwa jkun ħa miżuri tekniċi, organizzattivi jew ta’ ġestjoni tal-persunal intiżi sabiex jipprevjenu reati jew ksur ieħor;
2) l-awtorità kontraenti tkun evalwat l-informazzjoni ppreżentata mill-fornitur skont il-punt 1 ta’ dan il-paragrafu u tkun adottat deċiżjoni motivata li tikkonstata li l-miżuri adottati mill-fornitur sabiex juri l-affidabbiltà tiegħu huma suffiċjenti. In-natura suffiċjenti ta’ dawn il-miżuri għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u ċ-ċirkustanzi tar-reat jew tal-ksur. L-awtorità kontraenti għandha tinnotifika d-deċiżjoni motivata tagħha lill-fornitur bil-miktub mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara li tkun irċeviet mingħandu l-informazzjoni msemmija fil-punt 1 ta’ dan il-paragrafu.
11. Meta fornitur ikun ġie eskluż, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt u għall-għoti ta’ konċessjoni, huwa ma jistax jibbenefika mill-possibbiltà prevista fil-punt 10 ta’ dan il-paragrafu għat-tul ta’ żmien stabbilit minn din id-deċiżjoni ġudizzjarja.
12. Meta jkun ġie stabbilit perijodu ta’ esklużjoni fir-rigward ta’ fornitur, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, għal waħda mir-raġunijiet għal esklużjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2, 21, 4 u 6 ta’ dan l-artikolu, l-awtorità kontraenti għandha teskludi lill-fornitur mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt għat-tul ta’ żmien stabbilit minn din id-deċiżjoni ġudizzjarja.”
13 L-Artikolu 52 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, intitolat “Ħabi ta’ informazzjoni, preżentazzjoni ta’ informazzjoni falza jew nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu, li:
“1. L-awtorità kontraenti għandha tippubblika fuq il-portal ċentrali tal-kuntratti pubbliċi, skont il-modalitajiet iddefiniti mill-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi, l-informazzjoni li ġejja dwar il-fornitur (jekk ikun grupp ta’ fornituri, dwar kull membru ta’ dan il-grupp) li, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, ikun ħeba informazzjoni jew ippreżenta informazzjoni falza dwar l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 46 u 47 ta’ din il-liġi jew li, minħabba li jkun ippreżenta informazzjoni falza, ma jkunx ipproduċa d-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa skont l-Artikolu 50 ta’ din il-liġi:
1) l-isem tal-fornitur (jekk ikun persuna fiżika, kunjomu u ismu), id-data li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li teskludi lill-fornitur mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt skont il-punt 4 tal-Artikolu 46(4) ta’ din il-liġi u r-raġunijiet li għalihom tkun ittieħdet;
2) id-data li fiha l-fornitur ikun ressaq rikors quddiem qorti sabiex jikkontesta d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li teskludih mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt;
3) id-data li fiha d-deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba tal-fornitur li tikkontesta d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li teskludih mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata u link għal din id-deċiżjoni.
[…]
4. Il-pubblikazzjoni prevista f’dan l-artikolu għandha l-għan li tinforma lill-awtoritajiet kontraenti, lill-entitajiet kontraenti u lill-awtoritajiet konċedenti bir-raġuni li għaliha l-fornitur ikun ġie eskluż mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt jew l-offerent mill-proċedura għall-għoti ta’ konċessjoni. Fil-kuntest tal-funzjoni fdata lilha fil-punt 11 tal-Artikolu 95(1) ta’ din il-liġi, l-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi għandha tiżgura li t-tul tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija f’dan l-artikolu ma jaqbiżx sena mid-data li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li teskludi lill-fornitur mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt skont il-punt 4 tal-Artikolu 46(4) ta’ din il-liġi.”
14 L-Artikolu 95 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprevedi li:
“1. L-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi teżerċita l-funzjonijiet li ġejjin:
[…]
11) hija tiġġestixxi l-informazzjoni ppubblikata mill-awtoritajiet kontraenti, konformement mal-Artikolu 91(1) ta’ din il-liġi, dwar il-fornituri li ma jkunux eżegwixxew jew li jkunu eżegwixxew ħażin kuntratt u, konformement mal-Artikolu 52(1) ta’ din il-liġi, dwar il-fornituri li, fil-kuntest ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt, ikunu ħbew informazzjoni jew ippreżentaw informazzjoni falza dwar l-osservanza tar-rekwiżiti ddikjarati fl-Artikoli 46 u 47 ta’ din il-liġi jew dwar il-fornituri li, minħabba li jkunu ppreżentaw informazzjoni falza, ma jkunux ipproduċew id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa skont l-Artikolu 50 ta’ din il-liġi;
[…]
2. L-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi għandha s-setgħa:
[…]
6) jekk tkun ikkonstatat ksur ta’ din il-liġi jew ta’ att li jimplimentaha, li tordna, b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwità u ta’ raġonevolezza, lill-persuna ġuridika ttemm il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, tmexxi l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt konformement ma’ din il-liġi, temenda jew tannulla deċiżjonijiet jew atti illegali, inkluża d-deċiżjoni li takkwista oġġetti, servizzi jew xogħlijiet mingħajr ma tapplika r-rekwiżiti ta’ din il-liġi u tal-atti li jimplimentawha u, jekk tkun ikkonstatat li l-kuntratt jew il-ftehim qafas ikun ġie konkluż illegalment, li tadixxi lill-qorti sabiex tikseb l-annullament tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas u/jew l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet oħra sabiex tiddefendi l-interess pubbliku;
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
15 Permezz ta’ avviż ta’ sejħa għal kompetizzjoni ppubblikat f’Lulju 2023, l-awtorità kontraenti nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti bil-għan tal-għoti ta’ kuntratt miftuħ internazzjonali li jirrigwarda l-kostruzzjoni ta’ kumpless imħallat tal-isport u tas-saħħa fi Plungė (il-Litwanja).
16 F’dan l-avviż, l-awtorità kontraenti kienet b’mod partikolari ipprevediet, fost il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni meħtieġa mill-operaturi ekonomiċi, żewġ kundizzjonijiet ta’ kapaċità, relatati, essenzjalment, minn naħa, mal-ammont tad-dħul annwali mill-attività ta’ kostruzzjoni matul l-aħħar tliet snin finanzjarji u, min-naħa l-oħra, mat-tlestija b’suċċess ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, kif speċifikati, matul il-ħames snin preċedenti.
17 Mill-elementi fattwali pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-valur stmat tal-kuntratt kien jammonta għal EUR 7 453 375 mingħajr VAT, jiġifieri ammont ogħla mil-limitu previst fil-punt (a) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24, kif imsemmi fil-punt 6 ta’ din is-sentenza.
18 Wara li, fil‑5 ta’ Settembru 2023, informat lill-fornituri bil-klassifikazzjoni finali tal-offerti ppreżentati u bl-għoti tal-kuntratt lil VA Statyba, l-awtorità kontraenti kkonkludiet ma’ din tal-aħħar il-kuntratt għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fl‑10 ta’ Ottubru 2023.
19 L-offerent ikklassifikat fit-tieni post ippreżenta rikors quddiem il-Klaipėdos apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Klaipėda, il-Litwanja), li permezz tiegħu sostna li VA Statyba kienet ipprovdiet informazzjoni falza dwar l-osservanza ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ta’ kapaċità u talab, fost l-oħrajn, l-inklużjoni ta’ din il-kumpannija fil-lista tal-fornituri li ppreżentaw informazzjoni falza, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi.
20 Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Diċembru 2023, din il-qorti kkonstatat li VA Statyba kienet ippreżentat informazzjoni falza lill-awtorità kontraenti dwar l-osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet ta’ kapaċità, u kklassifikat l-aġir hekk ikkonstatat bħala qerq tal-awtorità kontraenti mwettaq b’negliġenza gravi. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti qieset li l-kundizzjonijiet kienu ssodisfatti f’dan il-każ sabiex din il-kumpannija tiġi eskluża mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, skont il-punt 4 tal-Artikolu 46(4) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi.
21 Konsegwentement, din il-qorti ddeċidiet li tannulla d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti tal‑5 ta’ Settembru 2023, filwaqt li żammet fis-seħħ il-kuntratt mogħti illegalment bejn din tal-aħħar u VA Statyba, kif ukoll li tissospendi l-proċedura sa fejn din kienet tirrigwarda l-obbligu tal-awtorità kontraenti li tinkludi l-isem ta’ din il-kumpannija fil-lista tal-fornituri li ppreżentaw informazzjoni falza. Barra minn hekk, hija imponiet fuq l-awtorità kontraenti sanzjoni pekunjarja ta’ ammont li jikkorrispondi għal 1 % tal-valur tal-kuntratt.
22 Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2024, il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) ikkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza.
23 Wara din is-sentenza, l-awtorità kontraenti ma inkludietx l-isem ta’ VA Statyba fil-lista tal-fornituri li ppreżentaw informazzjoni falza, peress li qieset li l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi f’dan ir-rigward ma kinux issodisfatti.
24 Peress li ma qablitx ma’ din il-pożizzjoni tal-awtorità kontraenti, l-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi ordnatilha, permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2025, tinkludi l-isem ta’ VA Statyba fil-lista tal-fornituri li ppreżentaw informazzjoni falza.
25 Fit‑28 ta’ April 2025, l-awtorità kontraenti ppreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Lietuvos administracinių ginčų komisija (il-Kummissjoni Litwana għat-Tilwim Amministrattiv, il-Litwanja), li hija l-qorti tar-rinviju.
26 Insostenn tar-rikors tagħha, l-awtorità kontraenti ssostni li mill-Artikolu 52(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jirriżulta li huma biss il-fornituri li, skont il-punt 4 tal-Artikolu 46(4) ta’ din il-liġi, ikunu ġew esklużi mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li jiġu inklużi fil-lista tal-fornituri li ppreżentaw informazzjoni falza. Skont l-awtorità kontraenti, l-imsemmija liġi għalhekk ma tipprevedix li awtorità kontraenti tista’ tinkludi fornitur f’din il-lista meta ma tkunx hija, iżda qorti, li tkun ikkonstatat li dan il-fornitur kien ippreżenta informazzjoni falza.
27 Għall-kuntrarju, l-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi ssostni li l-Artikolu 52(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi ma jħalli ebda marġni ta’ evalwazzjoni lill-awtorità kontraenti sabiex tiddeċiedi jekk tinkludix fornitur fil-lista tal-fornituri li ppreżentaw informazzjoni falza, ladarba din iċ-ċirkustanza tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.
28 Huwa f’dan il-kuntest li l-Lietuvos administracinių ginčų komisija (il-Kummissjoni Litwana għat-Tilwim Amministrattiv) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-prassi tal-awtorità kontraenti ta’ obbligu li tiżvela l-isem ta’ kwalunkwe fornitur (operatur ekonomiku) li jkun ipprovda informazzjoni falza rigward il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta’ kwalifika, minkejja l-fatt li l-awtorità kontraenti ma ħaditx id-deċiżjoni li teskludi dan il-fornitur (operatur ekonomiku) milli jipparteċipa fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti qabel it-tmiem tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti (konklużjoni ta’ kuntratt) hija kompatibbli mal-għanijiet tad-[Direttiva 2014/24] u l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 57(4)(h) tagħha, kif ukoll l-għanijiet tad-[Direttiva 89/665] u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tagħha (kemm jekk ikkunsidrati flimkien jew separatament, iżda mingħajr limitazzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet), u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità?”
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
29 Il-Gvern Litwan jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
30 F’dan ir-rigward, dan il-gvern isostni li d-Direttivi 89/665 u 2014/24 ma jinkludu ebda dispożizzjoni li timponi fuq l-awtorità kontraenti, jekk ikun il-każ, skont deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi, l-obbligu li tinkludi operatur ekonomiku fil-lista tal-fornituri li ppreżentaw informazzjoni falza, b’tali mod li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi biss mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali.
31 Barra minn hekk, skont l-imsemmi gvern, filwaqt li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttivi 89/665 u 2014/24, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax kif dawn id-dispożizzjonijiet għandhom rabta mal-kawża prinċipali u lanqas għal liema raġuni l-interpretazzjoni mitluba hija neċessarja għaliha sabiex tagħti deċiżjoni.
32 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Tudmur, C‑185/24 u C‑189/24, EU:C:2024:1036, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali, l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrikjedi li t-talba għal domanda preliminari jkun fiha espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.
34 F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija adita b’tilwima bejn l-awtorità kontraenti u l-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi dwar l-inklużjoni ta’ operatur ekonomiku li ppreżenta informazzjoni falza dwar l-osservanza ta’ kundizzjonijiet ta’ kapaċità – li jista’, minħabba f’hekk, ikun suġġett għal deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt – fil-lista tal-fornituri li ppreżentaw informazzjoni falza.
35 Permezz tad-domanda preliminari tagħha, din il-qorti tistaqsi espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, dwar dik li għandha tingħata lir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, kif ukoll lill-Artikolu 18(1) u lill-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24.
36 L-imsemmija qorti tistaqsi jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li tippermetti lil tali awtorità tordna lil awtorità kontraenti tinkludi l-isem ta’ operatur ekonomiku fl-imsemmija lista, minkejja li din l-awtorità kontraenti ma tkunx eskludiet lil dan l-operatur mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt qabel it-tmiem tagħha u li l-ħtija tal-imsemmi operatur għal dikjarazzjoni falza tkun ġiet stabbilita permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret definittiva.
37 Għalhekk ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-Direttivi 89/665 u 2014/24 ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika.
38 Id-domanda preliminari tirrigwarda effettivament l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni u peress li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ser tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni u tal-prassi nazzjonali mad-Direttiva 89/665 u mad-Direttiva 2014/24, din id-domanda hija rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.
39 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-oġġezzjoni bbażata fuq l-inapplikabbiltà ta’ dawn id-direttivi għall-kawża prinċipali ma tirrigwardax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt il-mertu tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2025, Gryczara, C‑746/24, EU:C:2025:925, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.
Fuq il-mertu
41 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1) u l-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li skontha awtorità kompetenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għandha s-setgħa tordna lil awtorità kontraenti tippubblika l-isem ta’ operatur ekonomiku li jkun ippreżenta informazzjoni falza dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ kapaċità, minkejja li din l-awtorità kontraenti ma tkunx eskludiet lil dan l-operatur mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt qabel it-tmiem tagħha u li l-ħtija tal-imsemmi operatur għal dikjarazzjoni falza tkun ġiet stabbilita permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret definittiva.
42 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jittrasponu fid-dritt nazzjonali tagħhom ir-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni elenkati f’din id-dispożizzjoni u li, fil-kuntest ta’ dan l-obbligu ta’ traspożizzjoni, dawn l-Istati għandhom jipprevedu jew il-possibbiltà, jew l-obbligu għall-awtoritajiet kontraenti li japplikaw dawn ir-raġunijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias, C‑66/22, EU:C:2023:1016, punt 58).
43 Fost l-imsemmija raġunijiet hemm, fil-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) ta’ din id-direttiva, il-każ fejn l-operatur ekonomiku jkun instab ħati ta’ dikjarazzjoni falza meta pprovda l-informazzjoni meħtieġa għall-verifika, b’mod partikolari, tal-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla.
44 Kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-premessa 101 tal-imsemmija direttiva, l-għan u l-iskop ta’ din ir-raġuni fakultattiva huma li jiġu esklużi l-operaturi ekonomiċi li l-affidabbiltà tagħhom tkun serjament kompromessa minħabba dikjarazzjonijiet foloz magħmula minn dawn l-operaturi intenzjonalment jew b’negliġenza.
45 Meta jistabbilixxi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni fakultattiva għal esklużjoni, kull Stat Membru għandu josserva l-karatteristiċi essenzjali tagħha, kif iddikjarati fil-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Meca, C‑41/18, EU:C:2019:507, punt 33).
46 Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-imsemmija raġuni fakultattiva għal esklużjoni għandha tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni mfakkar, fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, li l-osservanza tiegħu jistħoqqilha attenzjoni partikolari fl-applikazzjoni tal-istess raġuni fakultattiva għal esklużjoni (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punti 45 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
47 F’dan ir-rigward, din l-esklużjoni għandha, l-ewwel nett, tkun waħda temporanja. Fil-fatt, mill-premessa 101 tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li kull att tad-dritt nazzjonali li jistabbilixxi, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) ta’ din id-direttiva għandu jipprevedi tul massimu ta’ esklużjoni. L-Artikolu 57(7) tal-imsemmija direttiva jippreċiża, fir-rigward ta’ raġuni fakultattiva għal esklużjoni, li, meta ma tkunx ġiet stabbilita permezz ta’ sentenza definittiva, dan it-tul ta’ żmien ma jistax jaqbeż tliet snin (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, HSC Baltic et, C‑682/21, EU:C:2023:48, punt 39).
48 It-tieni nett, matul dan il-perijodu ta’ esklużjoni, l-operatur ekonomiku kkonċernat għandu, sakemm ma jkunx ġie eskluż minn kull parteċipazzjoni fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku permezz ta’ sentenza definittiva, jitħalla jipparteċipa f’tali proċedura jekk jipprovdi, konformement mal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 102 tagħha, provi li jattestaw li l-miżuri li jkun ħa huma suffiċjenti sabiex juru l-affidabbiltà tiegħu. L-operaturi ekonomiċi huma għalhekk imħeġġa jadottaw miżuri korrettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 35, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2023, HSC Baltic et, C‑682/21, EU:C:2023:48, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49 It-tielet nett, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi evalwazzjoni konkreta tal-attitudni u tal-aġir tal-operatur ikkonċernat, abbażi tal-elementi rilevanti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) ta’ din id-direttiva jirriżulta li, fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dikjarazzjoni falza meta tingħata informazzjoni meħtieġa għall-verifika tal-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla, il-ħtija tal-operatur ekonomiku kkonċernat għandha tiġi eżaminata u stabbilita. Barra minn hekk, konformement mal-premessa 101 tal-imsemmija direttiva, irregolarità minuri għandha twassal għall-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali.
50 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hijiex biss l-awtorità kontraenti li għandha tikkonstata, matul il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-raġuni fakultattiva għal esklużjoni prevista fil-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 huma ssodisfatti, jew jekk din il-possibbiltà tappartjenix ukoll lil qorti wara l-għeluq ta’ din il-proċedura. Bl-istess mod, hija tistaqsi jekk awtorità kompetenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tistax tingħata s-setgħa li tordna lil awtorità kontraenti, fid-dawl ta’ tali konstatazzjoni, tippubblika l-isem tal-operatur ekonomiku inkwistjoni fil-lista tal-fornituri li nstabu ħatja ta’ dikjarazzjoni falza.
51 L-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24 ma jipprekludix li l-fatt li operatur ekonomiku jkun ipprovda informazzjoni falza dwar l-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt jiġi kkonstatat minn qorti wara l-għeluq ta’ din il-proċedura.
52 F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk dan l-operatur ekonomiku kienx ġie eskluż jew le mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ikkonċernata.
53 Fil-fatt, minn naħa, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(5) tad-Direttiva 2014/24, huwa fi kwalunkwe mument tal-proċedura li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jkunu obbligati mill-Istati Membri jeskludu operatur ekonomiku meta jirriżulta li dan jinsab, fid-dawl tal-atti li jkun wettaq jew naqas milli jwettaq, kemm qabel kif ukoll matul il-proċedura, fil-każ imsemmi fil-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4). Ir-raġuni għal esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ għalhekk tiġi applikata kemm fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku li fil-kuntest tagħha l-operatur ekonomiku jkun instab ħati ta’ dikjarazzjoni falza meta pprovda l-informazzjoni meħtieġa għall-verifika tal-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla, kif ukoll fi proċeduri sussegwenti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Delta Antrepriză de Construcţii şi Montaj 93, C‑267/18, EU:C:2019:826, punti 34 u 35, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal et Futrifer Indústrias Ferroviárias, C‑66/22, EU:C:2023:1016, punti 67 sa 69).
54 Barra minn hekk, peress li Stat Membru jista’ jimponi fuq l-awtoritajiet kontraenti l-obbligu li jeskludu mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku operatur ekonomiku li jinsab f’tali sitwazzjoni, dan l-Istat Membru għandu jkollu wkoll il-possibbiltà li jafda lil awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam bil-kompitu li tiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li tadotta deċiżjoni li tinkludi tali obbligu għal dawn l-awtoritajiet kontraenti.
55 Min-naħa l-oħra, peress li deċiżjoni li permezz tagħha awtorità kontraenti tirrifjuta li teskludi, anki impliċitament, operatur ekonomiku minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt għal waħda mir-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 għandha tkun tista’ tiġi kkontestata, il-qorti nazzjonali adita tista’ tistħarreġ l-evalwazzjoni magħmula minn din l-awtorità kontraenti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni għal esklużjoni kinux issodisfatti fir-rigward tal-operatur ekonomiku kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punti 143 u 144).
56 F’dan il-każ, il-Klaipėdos apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Klaipėda) ikkonstatat, permezz tas-sentenza tagħha tad‑29 ta’ Diċembru 2023, ikkonfermata fl-appell, li VA Statyba kienet ipprovdiet, b’negliġenza gravi, informazzjoni falza dwar l-osservanza taż-żewġ kundizzjonijiet ta’ kapaċità stabbiliti mill-awtorità kontraenti sabiex operatur ekonomiku jkun jista’ jipparteċipa fil-proċedura ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dik is-sentenza, abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, din il-qorti stabbilixxiet li l-kundizzjonijiet kollha ġew issodisfatti għall-applikazzjoni tar-raġuni fakultattiva għal esklużjoni msemmija fil-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24.
57 Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom jingħataw preċiżazzjonijiet dwar il-kwistjoni jekk, u jekk ikun il-każ taħt liema kundizzjonijiet, id-Direttiva 2014/24 tippermettix li awtorità kompetenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tingħata setgħa li tagħti ordni li permezz tagħha tkun tista’ timponi fuq awtorità kontraenti l-obbligu li tinkludi operatur ekonomiku f’lista li tirrigwarda lill-operaturi ekonomiċi li jkunu nstabu ħatja, permezz ta’ sentenza definittiva, ta’ dikjarazzjoni falza fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku.
58 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija kompatibbli mal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, il-pubblikazzjoni temporanja, f’lista ddedikata sabiex tiffaċilita l-ġestjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tal-ismijiet tal-operaturi ekonomiċi li fir-rigward tagħhom ikun ġie kkonstatat li, b’mod imputabbli lilhom, kienu ppreżentaw, f’tali proċeduri, informazzjoni falza dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ kapaċità. Fil-fatt, minn naħa, din ir-raġuni fakultattiva għal esklużjoni hija intiża li tippermetti li jiġi ristrett l-aċċess ta’ tali operaturi għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku permezz ta’ projbizzjoni bħala prinċipju milli jipparteċipaw f’dawn il-proċeduri u, min-naħa l-oħra, din il-pubblikazzjoni aċċessibbli għall-awtoritajiet kontraenti u għall-entitajiet l-oħra kompetenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għandha l-għan li tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, HSC Baltic et, C‑682/21, EU:C:2023:48, punti 44 u 45).
59 Minn dan isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 ma jipprekludux li awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tingħata s-setgħa li tordna lil awtorità kontraenti tippubblika l-isem ta’ operatur ekonomiku, meta sentenza definittiva tkun stabbilixxiet li dan l-operatur kien ipprovda, b’mod imputabbli lilu, matul proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, informazzjoni falza dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ kapaċità previsti sabiex ikun jista’ jipparteċipa f’din il-proċedura, u dan indipendentement mill-fatt li l-imsemmi operatur ekonomiku ma jkunx ġie eskluż mill-imsemmija proċedura.
60 Madankollu, f’tali ipoteżi, minn naħa, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 47 u 49 ta’ din is-sentenza, it-tul ta’ din il-pubblikazzjoni għandu jkun proporzjonat mal-gravità tal-aġir tal-operatur ekonomiku kkonċernat, peress li dan it-tul ma jistax, fi kwalunkwe każ, jaqbeż, skont l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24, tliet snin mid-data tal-għoti ta’ tali informazzjoni falza minn dan l-operatur ekonomiku.
61 Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, anki matul il-perijodu ta’ tali pubblikazzjoni, l-operatur ekonomiku kkonċernat għandu bħala prinċipju jitħalla jipparteċipa fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jekk jipproduċi, konformement mal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, provi sabiex juri li l-miżuri korrettivi li jkun ħa huma suffiċjenti sabiex tiġi evitata r-repetizzjoni tal-irregolarità li tikkonsisti fl-għoti ta’ informazzjoni falza dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ kapaċità u li, għaldaqstant, dawn il-miżuri huma ta’ natura li juru l-affidabbiltà tiegħu.
62 Fil-fatt, il-preżentazzjoni, minn operatur ekonomiku li jinsab fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) ta’ din id-direttiva – u li ma jkunx ġie eskluż, b’mod ġenerali, mill-parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt permezz ta’ sentenza definittiva –, ta’ tali miżuri korrettivi tippermetti lil dan l-operatur ekonomiku, jekk dawn jitqiesu suffiċjenti mill-awtorità kontraenti, li ma jiġix eskluż mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ikkonċernata. Konsegwentement, din il-possibbiltà għandha tiġi rrikonoxxuta lil operatur ekonomiku li jkun is-suġġett ta’ tali pubblikazzjoni.
63 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti”, fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, lista li tinkludi fornituri li jkunu ppreżentaw informazzjoni falza, li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jkunu jafu l-ismijiet tal-operaturi ekonomiċi li jitqiesu li ma humiex fornituri affidabbli, timplika, bħala prinċipju, l-esklużjoni temporanja tagħhom minn kull proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, sakemm l-operatur ekonomiku kkonċernat ma jurix li adotta miżuri korrettivi adegwati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jeżiġi li tkun tista’ tiġi suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju previst minn din id-direttiva, tal-inqas, jew id-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tordna lil awtorità kontraenti tipproċedi bil-pubblikazzjoni tal-isem ta’ operatur ekonomiku f’tali lista, jew id-deċiżjoni ta’ pubblikazzjoni adottata minn din l-awtorità kontraenti sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-ordni.
64 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 18(1) u l-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li skontha awtorità kompetenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għandha s-setgħa tordna lil awtorità kontraenti tippubblika l-isem ta’ operatur ekonomiku li jkun ippreżenta informazzjoni falza dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ kapaċità, minkejja li din l-awtorità kontraenti ma tkunx eskludiet lil dan l-operatur mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt qabel it-tmiem tagħha u li l-ħtija tal-imsemmi operatur għal dikjarazzjoni falza tkun ġiet stabbilita permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret definittiva, sakemm:
– it-tul ta’ din il-pubblikazzjoni jkun proporzjonat mal-gravità tal-aġir tal-operatur ekonomiku kkonċernat u ma jaqbiżx it-tul massimu previst fl-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24;
– dan l-operatur ekonomiku jkun jista’, matul il-perijodu ta’ din il-pubblikazzjoni, jipproduċi l-prova tal-affidabbiltà tiegħu, konformement mal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, sabiex jiġi ammess jipparteċipa fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku sussegwenti;
– l-imsemmi operatur ekonomiku jkollu rimedju effettiv kontra mill-inqas waħda mid-deċiżjonijiet, dwar tali pubblikazzjoni, adottati rispettivament minn din l-awtorità u mill-awtorità kontraenti kkonċernata.
Fuq l-ispejjeż
65 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 18(1) u l-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1952 tal‑10 ta’ Novembru 2021, kif ukoll l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludux leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li skontha awtorità kompetenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għandha s-setgħa tordna lil awtorità kontraenti tippubblika l-isem ta’ operatur ekonomiku li jkun ippreżenta informazzjoni falza dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ kapaċità, minkejja li din l-awtorità kontraenti ma tkunx eskludiet lil dan l-operatur mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt qabel it-tmiem tagħha u li l-ħtija tal-imsemmi operatur għal dikjarazzjoni falza tkun ġiet stabbilita permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret definittiva, sakemm:
– it-tul ta’ din il-pubblikazzjoni jkun proporzjonat mal-gravità tal-aġir tal-operatur ekonomiku kkonċernat u ma jaqbiżx it-tul massimu previst fl-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24, kif emendata;
– dan l-operatur ekonomiku jkun jista’, matul il-perijodu ta’ din il-pubblikazzjoni, jipproduċi l-prova tal-affidabbiltà tiegħu, konformement mal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, kif emendata, sabiex jiġi ammess jipparteċipa fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku sussegwenti;
– l-imsemmi operatur ekonomiku jkollu rimedju effettiv kontra mill-inqas waħda mid-deċiżjonijiet, dwar tali pubblikazzjoni, adottati rispettivament minn din l-awtorità u mill-awtorità kontraenti kkonċernata.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.