26.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/43


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet, il-korpi u l-gruppi miżjuda mal-lista msemmija fl-Artikoli 2, 3, u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, permezz tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 70/2010

2010/C 19/11

1.

Il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK (1) ssejjaħ lill-Komunità/Unjoni sabiex tiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta' Usama bin Laden, membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u t-Taliban u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħra assoċjati magħhom, imsemmija fil-lista magħmula skont UNSCR 1267(1999) u 1333(2000) li għandha tiġi aġġornata b'mod regolari mill-Kumitat tan-NU stabbilit skont UNSCR 1267(1999).

Il-lista mfassla minn dan il-Kumitat tan-NU tinkludi:

—

Al Qaida, it-Taliban u s-Sur Usama bin Laden;

—

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet, korpi u gruppi assoċjati ma' Al Qaida, it-Taliban u s-Sur Usama bin Laden; kif ukoll

—

persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi li huma propjetà ta' jew li huma kkontrollati minn, jew li b'xi mod ieħor jappoġġjaw lil, xi wieħed jew waħda minn dawn il-persuni, entitajiet, korpi u gruppi.

Atti jew attivitajiet li jindikaw li individwu, grupp, impriża, jew entità hija “assoċjata ma'” Al Qaida, Usama bin Laden jew it-Taliban jinkludu:

(a)

parteċipazzjoni fil-finanzjament, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija, jew it-twettiq ta' atti jew attivitajiet minn, flimkien ma', fl-isem ta', jew f'appoġġ għal, Al Qaida, it-Taliban jew is-Sur Usama bin Laden, jew xi ċellola, affiljata jew grupp li joħroġ minnhom jew li jidderiva minnhom;

(b)

forniment, bejgħ jew trasferiment ta' armi u materjal relatat lil xi wieħed minnhom;

(c)

reklutaġġ għal xi wieħed minnhom; jew

(d)

xi forma oħra ta' appoġġ għall-atti jew l-attivitajiet ta' xi wieħed minnhom.

2.

Fid-19 ta' Jannar 2010, il-Kumitat tan-NU ddeċieda li jżid lil Said Ali Al-Shihri, Nasir “Abd-Al-Karim” Abdullah Al-Wahishi u Al-Qaida fil-Peniżola Għarbija mal-lista rilevanti. Kull wieħed minnhom kkonċernat jista' jissottometti fi kwalunkwe żmien talba lill-Kumitat tan-NU, flimkien ma' kull dokumentazzjoni ta' appoġġ, sabiex terġa' tiġi kkunsidrata mill-ġdid id-deċiżjoni li tinkludihom fil-lista tan-NU msemmija aktar 'il fuq. Din it-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

United Nations — Focal point for delisting

Security Council Subsidiary Organs Branch

Room S-3055 E

New York, NY 10017

UNITED STATES OF AMERICA

Għal aktar informazzjoni kkonsulta: http://www.un.org/sc/committees/1267/delisting.shtml

3.

Fuq il-bażi tad-deċiżjoni tan-NU msemmija f'numru 2, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 70/2010 (2), li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban (3), skont l-Artikolu 7(1)(a) u 7a(1) tar-Regolament (KE) Nru 881/2002.

Għalhekk, il-miżuri li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 japplikaw għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet, il-korpi u l-gruppi kkonċernati:

(1)

L-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha tagħhom, jew li huma proprjetà tagħhom jew miżmuma minnhom, u l-projbizzjoni (fuq kulħadd) li jitpoġġew fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tagħhom, jew għall-benefiċċju tagħhom, kemm direttament u kif ukoll indirettament (Artikoli 2 u 2a (4));

kif ukoll

(2)

Il-projbizzjoni tal-għoti, il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment ta' pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma' attivitajiet militari lil kwalunkwe persuna kkonċernata, kemm direttament u kif ukoll indirettament (Artikolu 3).

4.

L-Artikolu 7a tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 (5) jipprevedi proċedura ta' reviżjoni fejn osservazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-inklużjoni huma ppreżentati minn dawk li huma inklużi. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet, il-korpi u l-gruppi kkonċernati mil-lista tar-Regolament (UE) Nru 70/2010 jistgħu jagħmlu talba lill-Kummissjoni għar-raġunijiet tal-inklużjoni tagħhom. Din it-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

‘Restrictive measures’

Rue de la Loi/Wetstraat 200

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

5.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet, il-korpi u l-gruppi kkonċernati għall-possibbiltà ta' kontestazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 70/2010 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 4 u 6 tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

6.

Id-dejta personali tal-persuni fiżiċi kkonċernati mil-lista tar-Regolament (UE) Nru 70/2010 se tiġi pproċessata skont ir-regoli tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (6). Kull talba, pereżempju għal aktar informazzjoni jew sabiex jiġu eżerċitati d-drittijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (pereżempju l-aċċess jew ir-rettifika ta' dejta personali), għandha tintbagħat lill-Kummissjoni, fl-indirizz imsemmi fil-punt 4 aktar 'il fuq.

7.

Għall-kompletezza, qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi inklużi fl-Anness I dwar il-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i rilevanti, inklużi fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati għal ħtiġijiet essenzjali jew ħlasijiet speċifiċi skont l-Artikolu 2a ta' dak ir-Regolament.


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 4.

(2)  ĠU L 20, 26.1.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.

(4)  L-Artikolu 2a iddaħħal mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 561/2003 (ĠU L 82, 29.3.2003, p. 1).

(5)  L-Artikolu 7a iddaħħal mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1286/2009 (ĠU L 346, 23.12.2009, p. 42).

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.